Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document JOL_2009_088_R_0109_01

    2009/201/KE: Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat- 22 ta' April 2008 dwar l-għeluq tal-kontijiet taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali għas-sena finanzjarja 2006
    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 22 ta' April 2008 li tinkludi l-osservazzjonijiet li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali għas-sena finanzjarja 2006

    ĠU L 88, 31.3.2009, p. 109–116 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    31.3.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 88/109


    DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

    tat-22 ta' April 2008

    dwar l-għeluq tal-kontijiet taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali għas-sena finanzjarja 2006

    (2009/201/KE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW,

    wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Professjonali] għas-sena finanzjarja 2006 (1),

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti ta' l-Awdituri dwar il-kontijiet annwali definittivi taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Professjonali għas-sena finanzjarja 2006, flimkien mat-tweġibiet taċ-Ċentru (2),

    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2008 (5843/2008 – C6-0084/2008),

    wara li kkunsidra t-Trattat KE, u b'mod partikolari l-Artikolu 276 tiegħu,

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (3), u b'mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

    wara li kkunsidra r-Regolament (KEE) Nru 337/75 tal-Kunsill ta' l-10 ta' Frar 1975 li jwaqqaf Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Professjonali (4), u b'mod partikolari l-Artikolu 12a tiegħu,

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (5), u b'mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 71 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A6-0110/2008),

    1.

    Jagħti l-kwittanza lid-direttur eżekuttiv tal- taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Professjonali b'rabta mal-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru għas-sena finanzjarja 2006;

    2.

    Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

    3.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deciżjoni lid-direttur taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Professjonali, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti ta' l-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea (serje L).

    Il-President

    Hans-Gert PÖTTERING

    Is-Segretarju Ġenerali

    Harald RØMER


    (1)  ĠU C 261, 31.10.2007, p. 46.

    (2)  ĠU C 309, 19.12.2007, p. 86.

    (3)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

    (4)  ĠU L 39, 13.2.1975, p. 1.

    (5)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.


    RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

    tat-22 ta' April 2008

    li tinkludi l-osservazzjonijiet li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali għas-sena finanzjarja 2006

    IL-PARLAMENT EWROPEW,

    wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Professjonali] għas-sena finanzjarja 2006 (1),

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti ta' l-Awdituri dwar il-kontijiet annwali definittivi taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Professjonali għas-sena finanzjarja 2006, flimkien mat-tweġibiet taċ-Ċentru (2),

    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2008 (5843/2008 – C6-0084/2008),

    wara li kkunsidra t-Trattat KE, u b’mod partikolari l-Artikolu 276 tiegħu,

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

    wara li kkunsidra r-Regolament (KEE) Nru 337/75 tal-Kunsill ta' l-10 ta' Frar 1975 li jwaqqaf Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Professjonali (4), u b’mod partikolari l-Artikolu 12a tiegħu,

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (5), u b’mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 71 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A6-0110/2008),

    A.

    billi l-Qorti ta' l-Awdituri ddikjarat li kisbet assigurazzjoni raġonevoli li l-kontijiet annwali għas-sena finanzjarja 2006 humaaffidabbli, u li t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażatii, ħlief għal riserva li saret fuq punt wieħed, huma legali u regolari,

    B.

    billi fl-24 ta' April 2007, il-Parlament ta l-kwittanza lid-Direttur taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Professjonali għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru għas-sena finanzjarja 2005 (6), u fir-riżoluzzjoni tiegħu li takkumpanja d-deċiżjoni ta' kwittanza, inter alia:

    fakkar li l-approprjazzjonijiet għal attivitajiet operattivi ma kinux qegħdin jintużaw biżżejjed (kanċellazzjoni ta' 15 % ta' l-approprjazzjonijiet ta' impenn, 20 % ta' l-approprjazzjonijiet ta' ħlas u 15 % ta' l-approprjazzjonijiet ġew trasferiti għas-sena ta' wara), u b’mod partikolari wara l-organizzazzjoni mill-ġdid tal-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti,

    talab l-applikazzjoni b’mod sħiħ tal-prinċipju tas-separazzjoni tad-dmirijiet ta' l-uffiċjal li joħroġ l-awtorizzazzjoni u ta' l-uffiċjal tal-kontijiet sabiex ikunu evitati sitwazzjonijiet bħalma ġara fl-2005 meta xi wħud mid-dmirijiet ta' l-uffiċjal tal-kontijiet ġew esegwiti minn dipartimenti li għalihom kien responsabbli l-uffiċjal li joħroġ l-awtorizzazzjoni,

    insista li ċ-Ċentru għandu japplika proċeduri ta' reklutaġġ standard sabiex jevita sitwazzjoni bħal dik ta' l-2005 meta impjieg importanti fil-qasam ta' l-immaniġġjar intela permezz ta' proċedura ta' l-għażla interna meta proċedura esterna kienet tipprovdi firxa usa’ ta' kandidati,

    esprima tħassib dwar ir-rata għolja ħafna ta' irregolaritajiet li nstabu mill-Qorti ta' l-Awdituri fil-kuntratti li ġew eżaminati, fejn minn sitt kuntratti wieħed biss ma kienx fih irregolaritajiet,

    Punti ġenerali li jikkonċernaw il-kwistjonijiet orizzontali li jaffettwaw lill-aġenziji ta' l-UE u li b’hekk huma importanti wkoll għall-proċedura ta' kwittanza għal kull waħda mill-aġenziji individwali

    1.

    Jinnota li l-baġits ta' l-24 aġenzija u ta' korpi satelliti oħrajn li saritilhom il-verifika mill-Qorti ta' l-Awdituri kienu jammontaw għal EUR 1 080,5 miljun fl-2006 (l-akbar baġit kien ta' l-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni li kien jammonta għal EUR 271 miljun u l-iżgħar baġit kien tal-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL) li kien jammonta għal EUR 5 miljun);

    2.

    Jenfasizza l-fatt li l-firxa ta' korpi esterni ta' l-UE li huma suġġetti għal verifika u għal kwittanza issa tinkludi mhux biss aġenziji regolatorji tradizzjonali iżda wkoll aġenziji eżekuttivi li ġew stabbiliti sabiex jimplimentaw programmi speċifiċi, u fil-futur qrib se testendi wkoll għal intrapriżi konġunti li ġew stabbiliti bħala sħubiji pubbliċi-privati (inizjattivi teknoloġiċi konġunti);

    3.

    Josserva fir-rigward tal-Parlament li l-għadd ta' aġenziji suġġetti għall-proċedura ta' kwittanza evolva kif ġej: sena finanzjarja 2000: 8; 2001: 10; 2002: 11; 2003: 14; 2004: 14; 2005: 16; 2006: 20 aġenzija regolatorja u 2 aġenziji eżekuttivi (m’humiex qegħdin jiġu inklużi 2 aġenziji li jiġu vverifikati mill-Qorti ta' l-Awdituri iżda li huma suġġetti għal proċess ta' kwittanza intern);

    4.

    Jikkonkludi, għaldaqstant, li l-proċess ta' verifika/kwittanza sar ineffiċjenti u sproporzjonat meta mqabbel mad-daqs relattiv tal-baġits ta' l-aġenziji/tal-korpi satelliti; jagħti istruzzjonijiet lill-kumitat kompetenti tiegħu sabiex jagħmel reviżjoni fuq firxa wiesgħa tal-proċess ta' kwittanza fir-rigward ta' aġenziji u korpi satelliti bl-għan li jitfassal metodu iktar sempliċi u razzjonali, filwaqt li jżomm f’moħħu l-għadd dejjem jikber ta' korpi li kull wieħed minnhom jesiġi rapport ta' kwittanza separat fis-snin li ġejjin;

    Kunsiderazzjonijiet Fundamentali

    5.

    Jitlob li l-Kummissjoni tipprovdi spjegazzjonijiet ċari fir-rigward ta' l-elementi li ġejjin qabel il-ħolqien ta' aġenzija ġdida jew ir-riforma ta' aġenzija eżistenti: it-tip ta' aġenzija, l-għanijiet ta' l-aġenzija, l-istruttura ta' governanza interna, il-prodotti, is-servizzi, il-proċeduri ewlenin, il-grupp fil-mira, il-klijenti u l-partijiet interessati ta' l-aġenzija, ir-relazzjoni formali ma' l-atturi esterni, ir-responsabiltà tal-baġit, l-ippjanar finanzjarju, u l-istaff u l-politika dwar l-istaff;

    6.

    Jitlob li kull aġenzija tkun irregolata minn ftehim annwali rigward ir-rendiment li tkun ifformulata mill-aġenzija u mid-DĠ responsabbli u li għandha tinkludi l-għanijiet ewlenin għas-sena li tkun ġejja, qafas finanzjarju u indikaturi ċari għall-kejl tar-rendiment;

    7.

    Jitlob li l-eżekuzzjoni ta' l-aġenziji tiġi vverifikata b’mod regolari (u fuq bażi ad hoc) mill-Qorti ta' l-Awdituri jew awditur indipendenti ieħor; jikkunsidra li din il-verifika m’għandhiex tkun limitata għal elementi tradizzjonali ta' ġestjoni finanzjarja u għall-użu kif suppost tal-fondi pubbliċi, iżda għandha tkopri wkoll l-effiċjenza u l-effikaċja amministrattiva u għandha tinkludi klassifika tal-ġestjoni finanzjarja ta' kull aġenzija;

    8.

    Jargumenta li fil-każ ta' aġenziji li qegħdin kontinwament jikkalkulaw il-ħtiġijiet baġitarji rispettivi tagħhom bħala akbar milli dawn fil-fatt huma, għandu jkun hemm tnaqqis tekniku skond il-postijiet ta' impjieg vakanti; huwa ta' l-opinjoni li fuq perjodu ta' żmien twil dan se jwassal għal inqas dħul assenjat għall-aġenziji u għalhekk għal spejjeż amministrattivi iżgħar;

    9.

    Jinnota li hija problema serja li numru ta' aġenziji jiġu kkritikati talli ma jsegwux ir-regoli dwar l-akkwist pubbliku, ir-Regolament Finanzjarju, ir-Regolamenti ta' l-Istaff eċċ.; jikkunsidra li r-raġuni ewlenija għal dan hija li ħafna mir-regolamenti u r-Regolament Finanzjarju huma mfassla għal istituzzjonijiet akbar u li ħafna mill-aġenziji ż-żgħar m’għandhomx il-kapaċità mixtieqa biex jaqdu dawn ir-rekwiżiti regolatorji; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni biex issib soluzzjoni rapida, sabiex titjieb l-effikaċja permezz li jingħaqdu flimkien il-funzjonijiet amministrattivi ta' diversi aġenziji, sabiex tinkiseb din il-kapaċità (billi wieħed jikkunsidra l-bidliet neċessarji fir-regolamenti bażiċi li jirregolaw lill-aġenziji u l-indipendenza baġitarja tagħhom), jew biex, b'mod urġenti, tabbozza regoli speċifiċi għall-aġenziji (b’mod partikolari regoli ta' implimentazzjoni għall-aġenziji) li jippermettulhom li jkunu konformi bis-sħiħ;

    10.

    Jinsisti li l-Kummissjoni, meta tkun qed tfassal l-Abbozz Preliminari tal-Baġit, tikkunsidra ir-riżultati ta' l-implimentazzjoni tal-baġit mill-aġenziji individwali fis-snin ta' qabel, b'mod partikolari għas-sena n-1, u tirrevedi l-baġit rikjest mill-aġenzija partikolari kif meħtieġ; jistieden lill-kumitat kompetenti tiegħu sabiex jirrispetta din ir-reviżjoni u, jekk din ma ssirx mill-Kummissjoni, jirrevedi huwa stess il-baġit rilevanti fuq livell realistiku li jaqbel mal-kapaċità ta' assorbiment u implimentazzjoni ta' l-aġenzija in kwistjoni;

    11.

    Ifakkar fid-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza rigward is-sena finanzjarja 2005, fejn huwa stieden lill-Kummissjoni sabiex kull ħames snin tippreżenta studju dwar il-valur miżjud ta' kull aġenzija li teżisti; jistieden lill-istituzzjonijiet rilevanti kollha sabiex f’każ ta' evalwazzjoni negattiva tal-valur miżjud ta' aġenzija jieħdu l-passi neċessarji billi jifformulaw mill-ġdid il-mandat ta' dik l-aġenzija jew billi jagħlquha; jinnota li ma saret l-ebda evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni fl-2007; jinsisti li l-Kummissjoni għandha tippreżenta ta' l-inqas 5 evalwazzjonijiet bħal dawn qabel id-deċiżjoni dwar il-kwittanza rigward is-sena finanzjarja 2007, u għandha tibda mill-aġenziji l-iktar antiki;

    12.

    Huwa ta' l-opinjoni li r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti ta' l-Awdituri għandhom jiġu implimentati minnufih, u li l-livell tas-sussidji mħallsa lill-aġenziji għandu jkun konformi mal-ħtiġijiet reali tagħhom għall-flus kontanti; barra minn hekk jikkunsidra li l-emendi tar-Regolament Finanzjarju ġenerali għandhom jiġu inkorporati fir-regolament finanzjarju ta' qafas ta' l-aġenziji u fil-varji regolamenti finanzjarji speċifiċi tagħhom;

    Preżentazzjoni tar-rappurtar tad-data

    13.

    Jinnota li m’hemm ebda metodu standard fost l-aġenziji fir-rigward tal-preżentazzjoni ta' l-attivitajiet tagħhom matul is-sena finanzjarja kkonċernata u tal-kontijiet tagħhom u tar-rapporti dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja, u l-anqas rigward jekk għandhiex titfassal dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni mid-direttur ta' l-aġenzija; josserva li mhux l-aġenziji kollha jiddistingwu b’mod ċar bejn (a) il-preżentazzjoni tax-xogħol ta' l-aġenzija lill-pubbliku u (b) ir-rappurtar tekniku dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja;

    14.

    Jinnota li filwaqt li l-istruzzjonijiet fis-seħħ tal-Kummissjoni għall-preparazzjoni tar-rapporti ta' attività ma jesiġux b’mod espliċitu li l-aġenzija tfassal dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni, bosta diretturi, minkejja dan, xorta waħda għamluha għall-2006, filwaqt li f’każ wieħed minnhom kienet inkluża riserva importanti;

    15.

    Ifakkar li l-paragrafu 27 tar-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2005 (7) jistieden lid-diretturi ta' l-aġenziji sabiex minn issa ’l quddiem jibgħatu mar-rapport ta' attività annwali tagħhom, li jiġi ppreżentat flimkien mat-tagħrif finanzjarju u dwar il-ġestjoni, dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni li tikkonċerna l-legalità u r-regolarità ta' l-operazzjonijiet, simili għad-dikjarazzjonijiet li ġew iffirmati mid-Diretturi Ġenerali tal-Kummissjoni;

    16.

    Jitlob lill-Kummissjoni sabiex temenda l-istruzzjonijiet fis-seħħ tagħha lill-aġenziji skond dak li ntqal hawn fuq;

    17.

    Barra minn hekk, jissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha taħdem ma' l-aġenziji biex jinħoloq mudell armonizzat li japplika għall-aġenziji u għall-korpi satelliti kollha li jiddistingwi b’mod ċar bejn

    rapport annwali maħsub għall-qarrejja ġenerali dwar l-operazzjonijiet, ix-xogħol u l-kisbiet tal-korpi,

    rendikontijiet finanzjarji u rapport dwar l-implimentazzjoni tal-baġit,

    rapport ta' attività simili għar-rapporti ta' attività tad-Diretturi Ġenerali tal-Kummissjoni,

    dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni ffirmata mid-direttur tal-korp, flimkien ma' kull riserva jew osservazzjoni li jqis xierqa li jwassal għall-attenzjoni ta' l-awtorità ta' kwittanza;

    Sejbiet ġenerali mill-Qorti ta' l-Awdituri

    18.

    Jinnota dak li sabet il-Qorti (Rapport Annwali, paragrafu 10.29 (8) li l-iżburżar ta' sussidji li jitħallsu mill-Kummissjoni mill-baġit tal-Komunità m’huwiex ibbażat fuq stimi ġġustifikati biżżejjed tar-rekwiżiti ta' flus kontanti ta' l-aġenziji u li dan, flimkien mad-daqs tat-trasferimenti (carry-overs), iwassal sabiex ikollhom bilanċi ta' kreditu kbar mhux ħażin; jinnota wkoll ir-rakkomandazzjoni tal-Qorti li l-livell ta' sussidji li jitħallsu lill-aġenziji għandu jkun konformi mal-bżonnijiet reali ta' flus kontanti tagħhom;

    19.

    Jinnota li fi tmiem l-2006, 14-il aġenzija kienu għad iridu jimplimentaw is-sistema tal-kontijiet ABAC (Rapport Annwali, in-nota f’qiegħ il-paġna għall-paragrafu 10.31);

    20.

    Jinnota l-kumment tal-Qorti (Rapport Annwali, paragrafu 1.25) dwar spejjeż akkumulati minħabba liv li ma tteħidx li huma responsabbli għalihom uħud mill-aġenziji; jirrimarka li l-Qorti ta' l-Awdituri kkwalifikat id-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni tagħha fil-każ ta' tliet aġenziji (iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali (CEDEFOP), CEPOL u l-Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji) għas-sena finanzjarja 2006 (2005: CEDEFOP, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, l-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni);

    Verifika interna

    21.

    Ifakkar li f’konformità ma' l-Artikolu 185(3) tar-Regolament Finanzjarju, l-Awditur Intern tal-Kummissjoni huwa wkoll l-awditur intern ta' l-aġenziji regolatorji li jingħataw għotjiet mill-baġit ta' l-UE; jenfasizza l-fatt li l-Awditur Intern jirrapporta lill-bord ta' tmexxija u lid-direttur ta' kull aġenzija;

    22.

    Jiġbed l-attenzjoni għar-riserva li tniżżlet fir-Rapport ta' l-Attivitajiet Annwali ta' l-Awditur Intern għall-2006 kif ġej:

    “L-Awditur Intern tal-Kummissjoni m’huwiex f’pożizzjoni li jissodisfa kif suppost l-obbligu tiegħu skond l-Artikolu 185 tar-Regolament Finanzjarju bħala awditur intern tal-korpi tal-Komunità minħabba nuqqas ta' riżorsi ta' staff.”;

    23.

    Jinnota, madankollu, il-kumment ta' l-Awditur Intern fir-rapport ta' l-attivitajiet tiegħu għall-2006 li mill-2007, bis-saħħa tar-riżorsi ta' l-istaff addizzjonali mogħtija mill-Kummissjoni lis-Servizz ta' Verifika Interna (IAS), l-aġenziji regolatorji operattivi kollha se jkunu suġġetti għal xogħol ta' verifika interna fuq bażi annwali;

    24.

    Jinnota l-għadd li kulma jmur qiegħed jikber ta' aġenziji regolatorji u eżekuttivi u ta' intrapriżi konġunti li jeħtieġ li ssirilhom verifika mill-IAS skond l-Artikolu 185 tar-Regolament Finanzjarju; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tinforma lill-kumitat kompetenti tagħha dwar jekk ir-riżorsi ta' l-istaff għad-dispożizzjoni ta' l-IAS humiex se jkunu biżżejjed sabiex issir verifika annwali ta' dawn il-korpi kollha fis-snin li ġejjin;

    25.

    Josserva li l-Artikolu 72(5) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002 jesiġi li kull sena kull aġenzija tibgħat rapport lill-Kummissjoni u lill-awtorità tal-kwittanza li jkun imħejji mid-direttur tagħha u li jiġbor fih l-għadd u t-tip ta' verifiki interni li saru mill-awditur intern, ir-rakkomandazzjonijiet li saru u l-azzjoni li ttieħdet dwar dawn ir-rakkomandazzjonijiet; jitlob lill-aġenziji sabiex jindikaw jekk dan huwiex qiegħed isir u, jekk inhu hekk, kif qiegħed isir;

    26.

    Jieħu nota, fir-rigward tal-kapaċità tal-verifika interna, l-iktar b’rabta ma' l-aġenziji iżgħar, ta' proposta li saret mill-Awditur Intern quddiem il-kumitat kompetenti tal-Parlament nhar l-14 ta' Settembru 2006 li aġenziji iżgħar għandhom ikunu awtorizzati jixtru servizzi ta' verifika interna mis-settur privat;

    Evalwazzjoni ta' l-aġenziji

    27.

    Ifakkar l-istqarrija konġunta mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni (9) li ġiet innegozjata fil-konċiljazzjoni quddiem il-Kunsill tal-baġit ECOFIN tat-13 ta' Lulju 2007 li titlob (i) lista ta' aġenziji li l-Kummissjoni bi ħsiebha tevalwa, u (ii) lista ta' aġenziji li diġà ġew evalwati, flimkien ma' sinteżi tar-riżultati prinċipali;

    Proċeduri dixxiplinari

    28.

    Jinnota li, minħabba d-daqs tagħhom, aġenziji individwali jsibu diffikultà biex jistabbilixxu bordijiet ta' dixxiplina ad hoc minn fost staff li huwa ta' grad xieraq fil-karriera u li l-IDOC (l-Uffiċċju ta' l-Investigazzjoni u Dixxiplina) tal-Kummissjoni m’huwiex kompetenti għall-aġenziji; jitlob lill-aġenziji sabiex jikkunsidrau bord ta' dixxiplina komuni;

    Abbozz ta' Ftehim Interistituzzjonali

    29.

    Ifakkar fl-abbozz tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar il-ħolqien ta' qafas operattiv għal aġenziji regolatorji Ewropej ippreżentat mill-Kummissjoni (COM(2005) 59), li kien maħsub li joħloq qafas orizzontali għall-ħolqien, l-istruttura, it-tħaddim, l-evalwazzjoni u l-kontroll ta' l-aġenziji regolatorji Ewropej; jinnota li l-abbozz jirrappreżenta inizjattiva utli bħala sforz sabiex ikunu rrazzjonalizzati l-ħolqien u l-immaniġġjar ta' l-aġenziji; jinnota l-istqarrija fir-rapport ta' sintesi 2006 tal-Kummissjoni (paragrafu 3.1, COM(2007) 274) li għalkemm ma sarx progress fin-negozjati wara l-pubblikazzjonita' l-abbozz, tnedew mill-ġdid diskussjonijiet dwar sustanza fil-Kunsill fi tmiem l-2006; jiddispjaċih li ma kienx possibbli li jsir iktar progress lejn l-adozzjoni;

    30.

    Jilqa’ b’sodisfazzjon għaldaqstant, l-impenn tal-Kummissjoni li tressaq Komunikazzjoni dwar il-ġejjieni ta' l-aġenziji regolatorji matul l-2008;

    Aġenziji ffinanzjati minnhom infushom

    31.

    Ifakkar li għaż-żewġ aġenziji li jiffinanzjaw lilhom infushom, id-direttur jingħata l-kwittanza mill-bord amministrattiv; jinnota li t-tnejn li huma għandhom eċċessi akkumulati sinifikanti minn dħul minn onorarji li jkunu ġew trasferiti minn ċifri tas-snin preċedenti:

    Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni tas-Suq Intern: flus kontanti u l-ekwivalenti fi flus kontanti: EUR 281 miljun (10),

    Uffiċċju tal-Komunità għall-Varjetajiet ta' Pjanti: flus kontanti u l-ekwivalenti fi flus kontanti: EUR 18-il miljun (11);

    Punti speċifiċi

    32.

    Jesprimi s-sodisfazzjoni tiegħu dwar l-implimentazzjoni xierqa tal-baġit għas-sena finanzjarja 2006;

    33.

    Jinnota li ċ-Ċentru ilu jipprova jsaħħaħ u jiżviluppa s-sistema ta' superviżjoni interna tiegħu billi jtejjeb l-effikaċja tal-funzjoni u l-attivitajiet operattivi tiegħu;

    34.

    Jemmen li l-Ċentru għandu rwol importanti fit-tixrid ta' informazzjoni fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Komunitarju, kif ukoll fir-rigward tas-soċjetà ċivili; iħeġġu biex isir anke iktar effettiv fir-realizzazzjoni tal-missjoni tiegħu; ifaħħar mill-ġdid ix-xogħol imwettaq miċ-Ċentru, li qed jagħmel il-ħidma fdata lilu b'ġenerożità u jħalli impatt imprezzabbli;

    35.

    Jinnota li għas-sena finanzjarja 2006, il-Qorti ta' l-Awdituri kkwalifikat id-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni tagħha bl-osservazzjoni li, għalkemm fir-rapport tagħha tas-sena preċedenti kienet enfasizzat in-nuqqas ta' bażi legali għal deċiżjoni tal-Kumitat għall-Appelli taċ-Ċentru sabiex jikkonċedi lil aġent kumpens għal ħsara mhux pekunarja li m’hemmx dispożizzjoni għalih fir-Regolamenti ta' l-Istaff, dak il-kumpens xorta waħda tħallas fl-2006;

    36.

    Jinnota t-tweġiba taċ-Ċentru li l-legalità tad-deċiżjoni kkuntestata minn dakinhar 'l hawn ġiet ikkonfermata mis-Servizz Ġuridiku tal-Kummissjoni u t-tagħrif sussegwenti mill-Qorti ta' l-Awdituri li l-kwistjoni ġiet solvuta bir-riżultat li l-kumment ikkwalifikat tal-Qorti issa għandu jiġi interpretat bħala osservazzjoni dwar ir-riskju ta' l-immaniġġjar;

    37.

    Jiġbed l-attenzjoni lejn osservazzjonijiet oħrajn mill-Qorti ta' l-Awdituri fir-rapport tagħha dwar iċ-Ċentru, li jikkonċernaw:

    proporzjon għoli ta' approprjazzjonijiet li ġew trasferiti jew kanċellati, flimkien ma' għadd għoli ta' trasferimenti fil-baġit,

    in-nuqqas ta' proċedura ta' inventarju xierqa għall-identifikazzjoni, ir-reġistrazzjoni u l-kapitalizzazzjoni ta' l-assi,

    dokumentazzjoni mhux kompleta ta' proċessi ta' kontroll intern,

    in-nuqqas ta' bażi legali għar-rimborż tal-miżati ta' l-iskola tat-tfal ta' xi wħud mill-aġenti taċ-Ċentru,

    in-nuqqas ta' kontroll effettiv rigward jekk dokumenti ppreżentati minn applikanti għal impjiegi biex juru l-esperjenza professjonali tagħhom joffrux prova ġenwina ta' din,

    irregolaritajiet fi proċeduri ta' akkwist;

    38.

    Jilqa’ b’sodisfazzjon il-ħatra min-naħa taċ-Ċentru ta' awditur intern f’Diċembru 2006;

    39.

    Jinnota d-dikjarazzjoni fil-kontijiet taċ-Ċentru li r-rapport tal-verifika ta' l-IAS ta' Diċembru 2006 kkonferma li l-proċeduri issa huma regolari u li r-rakkomandazzjonijiet li saru qabel mill-IAS jew ġew implimentati b’mod sħiħ jew daqt jiġu implimentati b’mod sħiħ;

    40.

    Jinnota t-tagħrif li jinsab fir-rapport annwali li fl-2006 saru sforzi kbar għat-titjib ta' l-ambjent ta' kontroll intern u għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-verifika; jilqa’ b’sodisfazzjon id-dikjarazzjoni fir-rapport annwali li l-pjan ta' l-immaniġġjar annwali għall-2007 jinkludi għall-ewwel darba mekkaniżmu sistematiku ex-ante għall-immaniġġjar tar-riskji;

    41.

    Jinnota li s-sejbiet ta' l-OLAF relatati ma' kuntratti speċifiċi tal-perjodu bejn l-2001-2005 ġew trasmessi lill-awtoritajiet ġudizzjarji Griegi kompetenti;

    42.

    Jinnota l-ħolqien ta' qafas għall-koperazzjoni bejn iċ-Ċentru u l-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjoniji tal-Ħajja u tax-Xogħol, li ġie ffirmat f’Novembru 2006 mid-Diretturi taż-żewġ aġenziji bl-għan li jkun żgurat l-użu tal-finanzjament disponibbli għar-riċerka f’oqsma ta' interess komuni;

    43.

    Jinnota li fil-karta tal-bilanċ taċ-Ċentru, fuq in-naħa ta' l-assi hemm imniżżla ċifra li tikkorrispondi għal artijiet u binjiet (EUR 4,57 miljun), flimkien ma' eċċess akkumulat ta' EUR 5 miljun fuq in-naħa tal-passiv.


    (1)  ĠU C 261, 31.10.2007, p. 46.

    (2)  ĠU C 309, 19.12.2007, p. 86.

    (3)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

    (4)  ĠU L 39, 13.2.1975, p. 1.

    (5)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

    (6)  ĠU L 187, 15.7.2008, p. 78.

    (7)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew li tinkludi l-kummenti li jakkumpanjaw id-deċiżjoni dwar il-kwittanza lid-Direttur taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Professjonali b’rabta ma’ l-implimentazzjoni tal-baġit tiegħu għas-sena finanzjarja 2003 (ĠU L 196, 27.7.2005, p. 69).

    (8)  ĠU C 273, 15.11.2007, p. 1.

    (9)  Dokument tal-Kunsill DS 605/1/07 Rev1.

    (10)  Sors: Rapport dwar il-kontijiet annwali ta' l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni tas-Suq Intern għas-sena finanzjarja 2006 flimkien mat-tweġibiet ta' l-Uffiċċju (ĠU C 309, 19.12.2007, p. 141).

    (11)  Sors: Rapport dwar il-kontijiet annwali ta' l-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti għas-sena finanzjarja 2006 flimkien mat-tweġibiet ta' l-Uffiċċju (ĠU C 309, 19.12.2007, p. 135).


    Top