EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0131

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 131/2009 tat- 13 ta’ Frar 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 105/2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/1999 rigward intervent fis-suq tal-butir

ĠU L 44, 14.2.2009, p. 5–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 01/03/2010

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/131/oj

14.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 44/5


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 131/2009

tat-13 ta’ Frar 2009

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 105/2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/1999 rigward intervent fis-suq tal-butir

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 43 tiegħu, b'rabta mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 10(1)(e) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jipprovdi għall-intervent pubbliku tal-butir.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 105/2008 (2) stabbilixxa r-regoli dettaljati rigward l-intervent pubbliku tal-butir.

(3)

L-Artikolu 13(1)(c) b'rabta mal-Artikolu 18(2)(d) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jillimita l-intervent pubbliku tal-butir bi prezz fiss għal kwantità offruta ta’ 30 000 tunnellata għall-perjodu mill-1 ta’ Marzu sal-31 ta’ Awwissu.

(4)

Sabiex wieħed jikkonforma mal-limitu ta’ 30 000 tunnellata, huwa xieraq li jiġi pprovdut perjodu ta’ riflessjoni li matulu, qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar l-offerti, ikunu jistgħu jittieħdu miżuri speċjali li japplikaw b’mod partikolari għall-offerti pendenti. Dawk il-miżuri jistgħu jikkonsistu fl-għeluq tal-intervent, l-applikazzjoni ta’ perċentwali tal-allokazzjoni u ċ-ċaħda tal-offerti pendenti. Huma jeħtieġu azzjoni minnufih u l-Kummissjoni għandha tkun tista’ tieħu l-miżuri neċessarji kollha mingħajr dewmien.

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 105/2008 għandu jiġi emendat skont dan.

(6)

Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Ġestjoni tal-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 105/2008 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 6 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 6

Ix-xiri tal-butir b’90 % tal-prezz ta’ referenza skont l-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għandu jsir skont id-dispożizzjonijiet ta’ din it-Taqsima.”

(2)

Fl-Artikolu 7(5) għandu jiżdied il-paragrafu li jmiss:

“Offerti sottomessi s-Sibt, il-Ħadd u fil-festi pubbliċi għandhom jitqiesu li l-entità kompetenti tkun irċevithom fl-ewwel ġurnata ta’ xogħol wara l-ġurnata li fiha jkunu ġew sottomessi.”

(3)

L-Artikolu 9 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu 1 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Wara li tiċċekkja l-offerta, u fil-ħames ġurnata ta’ xogħol wara l-ġurnata li fiha tkun waslet l-offerta għall-bejgħ, l-entità kompetenti għandha toħroġ ordni ta’ kunsinna, jekk il-Kummissjoni ma tadottax miżuri speċjali skont l-Artikolu 12(2).

L-ordni ta’ kunsinna għandu jkollha d-data u n-numru u għandha turi:

(a)

il-kwantità li ħa tiġi kkunsinnata;

(b)

id-data finali tal-kunsinna tal-butir;

(ċ)

il-maħżen imkessaħ fejn trid titwassal.

L-ordnijiet ta’ kunsinna ma għandhomx jinħarġu għal kwantitajiet li ma kinux ġew innotifikati skont l-Artikolu 12(1).”

(b)

Il-paragrafu 5 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Għall-iskop ta' dan l-Artikolu, il-butir għandu jitqies li jiġi konsenjat lill-entità kompetenti fil-ġurnata meta l-kwantità kollha ta' butir koperta mil-ordni ta' kunsinna tidħol fil-maħżen imkessaħ maħtur mill-entità kompetenti, iżda mhux iktar kmieni mill-ġurnata ta' wara dik li fiha nħarġet l-ordni ta' kunsinna.”

(4)

L-Artikolu 12 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 12

1.   Mhux iktar tard mis-14.00 (ħin ta' Brussell) ta' kull ġurnata ta’ xogħol, l-entità kompetenti għandha tinforma lill-Kummissjoni bil-kwantitajiet ta' butir liema, matul il-ġurnata ta’ xogħol ta' qabel, kienu s-suġġett ta' offerta għall-bejgħ skont l-Artikolu 7.

2.   Sabiex tikkonforma mal-limiti msemmijin fl-Artikolu 13(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi, mingħajr assistenza tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 195(1) tal-istess Regolament:

(a)

li tagħlaq l-intervent tax-xiri bi prezz fiss;

(b)

li tistabbilixxi perċentwali waħdieni li bih jitnaqqsu l-kwantitajiet fl-offerti li tirċievi f’dik il-ġurnata, meta l-aċċettazzjoni tal-kwantità kollha offruta f’ġurnata partikolari twassal li tinqabeż il-kwantità massima;

(ċ)

fejn huwa xieraq, li tiċħad offerti li ma tkun inħarġet l-ebda ordni ta’ kunsinna għalihom.

B’deroga mill-Artikolu 7(6), bejjiegħ li huwa soġġett għal aċċettazzjoni mnaqqsa tal-offerta tiegħu kif imsemmi fil-punt (b) ta’ dan il-paragrafu, jista’ jiddeċiedi li jirtira l-offerta tiegħu fi żmien ħamest ijiem mill-pubblikazzjoni tar-regolament li jiffissa l-perċentwali ta’ tnaqqis.”

(5)

Fl-Artikolu 13, il-paragrafu 1 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“1.   Meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 195(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, tibda tixtri butir permezz ta’ proċeduri ta' sejħiet għall-offerti skont l-Artikoli 13(3) u 18(2)(d) ta’ dak ir-Regolament, l-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(1)(2)(4)(5) u (6) u l-Artikoli 4, 5, 9, 10 u 11 ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’din it-Taqsima.”

(6)

Fl-Artikolu 16(2), l-ewwel subparagrafu għandu jinbidel b'dan li ġej:

“Fid-dawl tas-sejħiet għall-offerti riċevuti għal kull invit għal sejħa għall-offerti, il-Kummissjoni għandha tiffisa prezz massimu għax-xiri, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 195(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.”

(7)

Fl-Artikolu 18, għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

“2a.   L-ordnijiet ta’ kunsinna ma għandhomx jinħarġu għal kwantitajiet li ma kinux ġew innotifikati skont l-Artikolu 16(1).”

(8)

Fl-Artikolu 20, il-paragrafu 1 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“1.   L-entità kompetenti għandha tagħżel il-maħżen imkessaħ disponibbli l-aktar qrib tal-post fejn jinħażen il-butir.

Madankollu, l-entità kompetenti tista’ tagħżel maħżen ieħor li jinsab f’distanza sa 350 km, sakemm l-għażla ta’ dak il-maħżen imkessaħ ma tirriżultax fi spejjeż addizjonali tal-ħażna.

L-entità kompetenti tista’ tagħżel maħżen imkessaħ li jinsab iktar ’il bogħod minn dik id-distanza jekk in-nefqa li tirriżulta, inkluż l-ispejjeż tal-ħażna u tat-trasport, tkun inqas. F'dak il-każ, l-entità kompetenti għandha tavża minnufih lill-Kummissjoni bl-għażla tagħha.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet ġurnata wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Marzu 2009.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 13 ta’ Frar 2009.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 32, 6.2.2008, p. 3.


Top