Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0886

    2008/886/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 12 ta’ Novembru 2008 dwar deroga temporanja mir-regoli tal-oriġini stipulati fl-Anness II għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1528/2007 biex titqies is-sitwazzjoni speċjali tal-Kenja fir-rigward tal-flettijiet tat-tonn (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 6644)

    ĠU L 317, 27.11.2008, p. 16–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/886/oj

    27.11.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 317/16


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-12 ta’ Novembru 2008

    dwar deroga temporanja mir-regoli tal-oriġini stipulati fl-Anness II għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1528/2007 biex titqies is-sitwazzjoni speċjali tal-Kenja fir-rigward tal-flettijiet tat-tonn

    (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 6644)

    (2008/886/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1528/2007 tal-20 ta’ Diċembru 2007 li japplika l-arranġamenti għall-prodotti li joriġinaw f’ċerti stati li huma parti mill-Grupp ta’ Stati Afrikani, Karibej u Paċifiċi (AKP) previsti fi ftehimiet li jistabbilixxu, jew li jwasslu biex jiġu stabbiliti, Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 36(4) tal-Anness II tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fil-5 ta’ Awwissu 2008, il-Kenja, skond l-Artikolu 36 tal-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1528/2007, talbet deroga mir-regoli tal-oriġini stipulati f’dak l-Anness għal perjodu ta’ sena. Fid-19 ta’ Awwissu 2008, il-Kenja ppreżentat tagħrif addizzjonali relatat mat-talba li għamlet. It-talba tkopri kwantità totali ta’ 2 000 tunnellata ta’ flettijiet tat-tonn taħt l-intestatura HS 1604. It-talba saret minħabba li l-qabdiet u l-provvista ta’ tonn nej tal-oriġini naqsu fl-Oċean Indjan.

    (2)

    Skond l-informazzjoni provduta mill-Kenja l-qbid tat-tonn nej tal-oriġini kien baxx iktar mis-soltu anke meta mqabbel mal-varjazzjonijiet normali tal-istaġun u wassal għal tnaqqis fil-produzzjoni tal-flettijiet tat-tonn. Din is-sitwazzjoni anormali twassal biex ikun impossibbli li l-Kenja tikkonforma mar-regoli tal-oriġini stipulati fl-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1528/2007 matul perjodu partikolari.

    (3)

    Sabiex ikun żgurat li l-Kenja tkun tista’ tkompli bl-esportazzjoni tagħha lejn il-Komunità Ewropea, wara l-iskadenza tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE (2), għandha tingħata deroga ġdida.

    (4)

    Biex tkun żgurata tranżizzjoni bla xkiel mill-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE għall-Ftehim li jistabbilixxi qafas għal Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati msieħba tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant fuq naħa u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq l-oħra (il-Ftehim Interim ta’ Sħubija EAC-UE) għandha tingħata deroga ġdida b’effett retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2008.

    (5)

    Deroga temporanja mir-regoli tal-oriġini stipulati fl-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1528/2007 ma għandhiex tikkawża ħsara serja f’industrija Komunitarja stabbilita meta wieħed iqis l-importazzjonijiet konċernati, dejjem jekk jitħarsu ċerti kundizzjonijiet relatati mal-kwantitajiet, is-sorveljanza u t-tul ta’ żmien.

    (6)

    Huwa għalhekk iġġustifikat li tingħata deroga temporanja skond l-Artikolu 36(1)(a) tal-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1528/2007.

    (7)

    Il-Kenja se tibbenefika minn deroga awtomatika mir-regoli tal-oriġini għall-flettijiet tat-tonn taħt l-intestatura HS 1604 skond l-Artikolu 41(8) tal-Protokoll tal-Oriġini mehmuż mal-Ftehim Interim ta’ Sħubija EAC-UE, meta dak il-Ftehim jidħol fis-seħħ jew jiġi applikat provviżorjament.

    (8)

    Skond l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007 r-regoli tal-oriġini stipulati fl-Anness II għal dan ir-Regolament u d-derogi minnhom għandhom jiġu ssostitwiti bir-regoli tal-Ftehim Interim ta’ Sħubija EAC-EU, li d-dħul fis-seħħ tiegħu jew l-applikazzjoni provviżorja mistennija li jseħħu fl-2008. Għalhekk id-deroga għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2008, kif mitlub mill-Kenja, sakemm il-Ftehim Interim ta’ Sħubija EAC-UE ma jidħolx fis-seħħ jew jiġi applikat provviżorjament qabel dik id-data.

    (9)

    Skond l-Artikolu 41(8) tal-Protokoll tal-Oriġini mehmuż mal-Ftehim Interim ta’ Sħubija EAC-EU, id-deroga awtomatika mir-regoli tal-oriġini hija limitata għall-kwota annwali ta’ 2 000 tunnellata ta’ flettijiet tat-tonn għall-pajjiżi li jkunu inizjalizzaw il-Ftehim ta’ Sħubija Interim EAC-UE (il-Kenja, l-Uganda, it-Tanżanija, ir-Rwanda, il-Burundi). Il-Kenja hija l-uniku pajjiż fir-reġjun li bħalissa tesporta flettijiet tat-tonn lill-Komunità. Huwa għalhekk xieraq li l-Kenja tingħata deroga skond l-Artikolu 36 tal-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1528/2007 fir-rigward ta’ 2 000 tunnellata ta’ flettijiet tat-tonn, kwantità li ma taqbiżx il-kwota annwali sħiħa mogħtija lir-reġjun tal-EAC taħt il-Ftehim ta’ Sħubija Interim EAC-UE.

    (10)

    Skond dan, għandha tingħata deroga lill-Kenja għal 2 000 tunnellata ta’ flettijiet tat-tonn għal perjodu ta’ sena.

    (11)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (3) jistipula r-regoli li għandhom x’jaqsmu mal-ġestjoni tal-kwoti tariffarji. Sabiex tkun żgurata ġestjoni effiċjenti mwettqa b’kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet tal-Kenja, l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni, dawk ir-regoli għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-kwantitajiet importati skond id-deroga mogħtija b’din id-Deċiżjoni.

    (12)

    Sabiex ikun hemm sorveljanza effiċjenti tal-operat tad-deroga, l-awtoritajiet tal-Kenja għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni b’mod regolari d-dettalji taċ-ċertifikati ta’ moviment tal-EUR.1 maħruġin.

    (13)

    Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

    ADDOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    B’deroga mill-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1528/2007 u skond l-Artikolu 36(1)(a) ta’ dan l-Anness, il-flettijiet tat-tonn tal-Intestatura HS 1604 mmanifatturat minn materjali li mhumiex tal-oriġini għandhom jitqiesu bħala li oriġinaw mill-Kenja skond it-termini stipulati fl-Artikoli 2 sa 6 ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Id-deroga stipulata fl-Artikolu 1 għandha tapplika għall-prodotti u l-kwantitajiet stabbiliti fl-Anness li huma ddikjarati għal ċirkolazzjoni ħielsa ġewwa l-Komunità mill-Kenja matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2008 sal-31 ta’ Diċembru 2008.

    Artikolu 3

    Il-kwantitajiet stipulati fl-Anness għal din id-Deċiżjoni għandhom jiġu amministrati skond l-Artikoli 308a, 308b u 308c tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93.

    Artikolu 4

    L-awtoritajiet doganali tal-Kenja għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex iwettqu l-kontrolli kwantitattivi fuq l-esportazzjonijiet tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1.

    Iċ-ċertifikati kollha ta’ moviment EUR.1 li joħorġu għal dawk il-prodotti għandhom jinkludu referenza għal din id-Deċiżjoni.

    L-awtoritajiet kompetenti tal-Kenja għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni dikjarazzjoni kull tliet xhur tal-kwantitajiet li għalihom ikunu nħarġu ċertifikati ta’ moviment EUR.1 skond din id-Deċiżjoni u n-numri tas-serje ta’ dawk iċ-ċertifikati.

    Artikolu 5

    Il-kaxxa Nru 7 taċ-ċertifikati ta’ moviment tal-EUR.1 maħruġin skond din id-Deċiżjoni għandha tinkludi dan li ġej:

    “Deċiżjoni tad-Deroga/2008/886/KE”.

    Artikolu 6

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2008.

    Għandha tapplika sakemm ir-regoli tal-oriġini stipulati fl-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1528/2007 jiġu ssostitwiti b’dawk l-annessi ma’ kwalunkwe ftehim mal-Kenja meta dan il-ftehim jew ikun applikat provviżorjament, jew jidħol fis-seħħ, skond liema minnhom iseħħ l-ewwel, iżda fi kwalunkwe każ din id-Deċiżjoni ma għandhiex tapplika wara l-31 ta’ Diċembru 2008.

    Artikolu 7

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussell, 12 ta’ Novembru 2008.

    Għall-Kummissjoni

    László KOVÁCS

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 348, 31.12.2007, p. 1.

    (2)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 1.

    (3)  ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1. .


    ANNESS

    IL-KENJA

    In-Nru tal-Ordni

    Il-kodiċi NM

    Id-deskrizzjoni tal-prodotti

    Il-perjodu

    Il-kwantitajiet

    09.1667

    1604 14 16

    Flettijiet tat-tonn

    mill-1.1.2008 sal-31.12.2008

    2 000 tunnellata


    Top