EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22008D0756

2008/756/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 1/2008 ta’ Assoċjazzjoni UE/Eġittu ta' l- 14 ta' Ġunju 2004 dwar l-istabbiliment tar-regoli ta’ proċedura tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni

ĠU L 259, 27.9.2008, p. 5–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/756/oj

27.9.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 259/5


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL Nru 1/2008 TA’ ASSOĊJAZZJONI UE/EĠITTU

ta' l-14 ta' Ġunju 2004

dwar l-istabbiliment tar-regoli ta’ proċedura tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni

(2008/756/KE)

IL-KUNSILL TA’ ASSOĊJAZZJONI UE/EĠITTU,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika Għarbija ta’ l-Eġittu, min-naħa l-oħra, u b’mod partikolari l-Artikoli 74 sa 80 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2004.

(2)

Ir-regoli ta’ proċedura tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE/Eġittu għandhom jiġu adottati,

IDDEĊIDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Presidenza

Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu jkun ippresedut alternattivament għal perijodi ta’ 12-il xahar minn rappreżentant tal-Presidenza tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, f’isem il-Komunità u l-Istati Membri tagħha, u minn rappreżentant tal-Gvern tar-Repubblika Għarbija ta’ l-Eġittu. L-ewwel perijodu għandu jibda fid-data ta’ l-ewwel laqgħa tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni u jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2004.

Artikolu 2

Laqgħat

Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu jiltaqa’ regolarment fuq livell ministerjali mill-inqas darba fis-sena. Jekk il-Partijiet jaqblu hekk jistgħu jsiru sessjonijiet speċjali tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet.

Dment li l-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, kull sessjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandha ssir fil-post fejn is-soltu jsiru l-laqgħat tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea f’ data li jaqblu dwarha ż-żewġ Partijiet.

Il-laqgħat tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandhom jissejħu b’mod konġunt mis-segretarji tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni bi qbil mal-President.

Artikolu 3

Rappreżentazzjoni

Il-membri tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jistgħu jkunu rappreżentati jekk ma jkunux jistgħu jattendu. Jekk membru jixtieq li jkun rappreżentat b’dan il-mod, huwa għandu jinnotifika lill-President dwar l-isem tar-rappreżentant tiegħu qabel il-laqgħa li fiha hu ser ikun hekk rappreżentat.

Ir-rappreżentant ta’ membru tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu jeżerċita d-drittijiet kollha ta’ dak il-membru.

Artikolu 4

Delegazzjonijiet

Il-membri tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jistgħu jkunu akkumpanjati minn uffiċjali. Qabel kull laqgħa, il-President għandu jiġi infurmat dwar il-kompożizzjoni maħsuba tad-delegazzjoni ta’ kull Parti.

Rappreżentant tal-Bank Ewropew ta’ l-Investiment għandu jattendi l-laqgħat tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni bħala osservatur meta kwistjonijiet li jikkonċernaw lill-Bank ikunu jidhru fuq l-aġenda.

Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, permezz ta’ qbil bejn il-Partijiet, jista’ jistieden persuni li m’humiex membri biex jattendu l-laqgħat tiegħu sabiex jipprovdu informazzjoni dwar suġġetti partikolari.

Artikolu 5

Segretarjat

Uffiċjal tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea u uffiċjal ta’ l-Ambaxxata tar-Repubblika Għarbija ta’ l-Eġittu fi Brussell għandhom jaġixxu flimkien bħala segretarji tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni.

Artikolu 6

Korrispondenza

Korrispondenza indirizzata lill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandha tintbagħat lill-President tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni fl-indirizz tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea.

Iż-żewġ segretarji għandhom jiżguraw li l-korrispondenza tiġi mgħoddija lill-President tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni u, fejn xieraq, tiġi ċċirkolata lill-membri l-oħrajn tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni. Korrispondenza ċċirkolata għandha tintbagħat lis-Segretarjat-Ġenerali tal-Kummissjoni, lir-Rappreżentanti Permanenti ta’ l-Istati Membri u lill-Ambaxxata tar Repubblika Għarbija ta’ l-Eġittu fi Brussell.

Komunikazzjonijiet mill-President tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandhom jintbagħtu miż-żewġ segretarji lid-destinatarji u jiġu ċċirkolati, fejn xieraq, lill-membri l-oħrajn tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni fl-indirizzi indikati fit-tieni paragrafu.

Artikolu 7

Pubbliċità

Dment li ma jiġix deċiż mod ieħor, il-laqgħat tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni ma għandhomx ikunu pubbliċi.

Artikolu 8

Aġendi għal-laqgħat

1.   Il-President għandu jfassal aġenda proviżorja għal kull laqgħa. Din għandha tiġi mgħoddija mis-segretarji tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni lid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 6 mhux aktar tard minn 15-il jum qabel il-bidu tal-laqgħa.

L-aġenda proviżorja għandha tinkludi l-punti li fir-rigward tagħhom il-President jkun irċieva talba għall-inklużjoni fl-aġenda mhux aktar tard minn 21 jum qabel il-bidu tal-laqgħa, ħlief li tali punti m’għandhomx jinkitbu fl-aġenda proviżorja dment li ma tkunx intbagħtet id-dokumentazzjoni sekondarja lis-segretarji mhux aktar tard mid-data tat-trasmissjoni ta’ l-aġenda.

L-aġenda għandha tiġi adottata mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni fil-bidu ta’ kull laqgħa. Jista’ jitqiegħed fuq l-aġenda xi punt ieħor barra minn dawk li jidhru fuq l-aġenda proviżorja jekk il-Partijiet jaqblu hekk.

2.   Il-President jista’, bi qbil mal-Partijiet, iqassar il-limiti ta’ żmien speċifikati fil-paragrafu 1 sabiex jittieħed kont tal-ħtiġiet ta’ xi każ partikolari.

Artikolu 9

Minuti

L-abbozz tal-minuti ta’ kull laqgħa għandhom jitfasslu miż-żewġ segretarji.

Il-minuti għandhom, bħala regola ġenerali, jindikaw fir-rigward ta’ kull punt fuq l-aġenda:

id-dokumentazzjoni ppreżentata lill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni,

id-dikjarazzjonijiet li membru tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni ikun talab li jiddaħħlu,

id-deċiżjonijiet meħuda, id-dikjarazzjonijiet li jkun sar qbil dwarhom u l-konklużjonijiet adottati.

L-abbozz tal-minuti għandu jiġi ppreżentat lill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għall-approvazzjoni. Dawn għandhom jiġu approvati fi żmien sitt xhur wara kull laqgħa tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni. Meta jiġu approvati, il-minuti għandhom jiġu ffirmati mill-President u miż-żewġ segretarji. Il-minuti għandhom jiġu ffajljati fl-arkivji tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea; kopja awtentika ċċertifikata għandha tintbagħat lil kull wieħed mill-indirizzati msemmija fl-Artikolu 6.

Artikolu 10

Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.   Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu jadotta d-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu permezz tal-qbil reċiproku tal-Partijiet.

Fil-perijodu ta’ bejn il-laqgħat, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jista’ jadotta deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet permezz ta’ proċedura bil-miktub jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu hekk.

2.   Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 76 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju għandhom ikunu intestati rispettivament “Deċiżjoni” u “Rakkomandazzjoni” segwiti minn numru ta’ serje progressiva, id-data ta’ l-adozzjoni tagħhom u deskrizzjoni tas-suġġett tagħhom. Kull deċiżjoni għandha tispeċifika d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.

Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandhom ikunu ffirmati mill-President u awtentikati miż-żewġ segretarji.

Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet għandhom jintbagħtu lil kull wieħed mid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 6.

Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jista’ jiddeċiedi li jordna l-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea u fil-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Għarbija ta’ l-Eġittu.

Artikolu 11

Lingwi

Il-lingwi uffiċjali tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandhom ikunu l-lingwi uffiċjali taż-żewġ Partijiet.

Dment li ma jiġix deċiż mod ieħor, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu jibbaża d-deliberazzjonijiet tiegħu fuq dokumentazzjoni mħejjija f’dawk il-lingwi.

Artikolu 12

Spejjeż

Il-Komunità u r-Repubblika Għarbija ta’ l-Eġittu għandhom iħallsu kull wieħed għall-ispejjeż li huma jagħmlu bħala riżultat tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, kemm rigward n-nefqa għall-persunal, l-ivjaġġar u s-sussistenza kif ukoll rigward in-nefqa għall-posta u t-telekomunikazzjonijiet.

In-nefqa konnessa ma’ l-interpretazzjoni fil-laqgħat, it-traduzzjoni u r-riproduzzjoni tad-dokumenti għandha titħallas mill-Komunità, bl-eċċezzjoni tan-nefqa konnessa ma’ l-interpretazzjoni jew it-traduzzjoni għall-Għarbi jew minnu, li għandhom jitħallsu mir-Repubblika Għarbija ta’ l-Eġittu.

Nefqa oħra rrelatata ma’ l-organizzazzjoni materjali tal-laqgħat għandha titħallas mill-Parti li tospita l-laqgħat.

Artikolu 13

Kumitat ta’ Assoċjazzjoni

1.   Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu jiġi assistit fit-twettiq tad-doveri tiegħu mill-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni. Il-Kumitat għandu jkun kompost minn rappreżentanti tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u tar-rappreżentanti tal-membri tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, min-naħa l-waħda, u minn rappreżentanti tal-Gvern tar-Repubblika Għarbija ta’ l-Eġittu, min-naħa l-oħra.

2.   Il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni għandu jħejji l-laqgħat u d-deliberazzjonijiet tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, jimplimenta d-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni fejn xieraq u, b’mod ġenerali, jiżgura l-kontinwità tar-relazzjoni ta’ l-Assoċjazzjoni u l-funzjonament korrett tal-Ftehim Ewro-Mediterranju. Huwa għandu jikkunsidra kull kwistjoni riferita lilu mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni kif ukoll ta’ kull kwistjoni li tista’ tinqala’ waqt l-implimentazzjoni ta’ kuljum tal-Ftehim Ewro-Mediterranju. Huwa għandu jippreżenta proposti jew kwalunkwe abbozz ta’ deċiżjonijiet/rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għall-approvazzjoni tiegħu.

3.   F’każijiet fejn il-Ftehim Ewro-Mediterranju jirreferi għal obbligu ta’ konsultazzjoni jew għall-possibbiltà ta’ konsultazzjoni, tali konsultazzjoni tista’ ssir fil-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni. Il-konsultazzjoni tista’ tkompli fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu hekk.

4.   L-abbozz tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni huma annessi għal din id-Deċiżjoni.

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ l-adozzjoni tagħha.

Magħmula fi Brussell, 14 ta’ Ġunju 2004.

Għall-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni

Il-President

B. COWEN


ANNESS

REGOLI TA’ PROĊEDURA TAL-KUMITAT TA’ ASSOĊJAZZJONI

Artikolu 1

Presidenza

Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu jkun ippresedut alternattivament għal perijodi ta’ 12-il xahar minn rappreżentant tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej f’isem il-Komunità u l-Istati Membri tagħha u minn rappreżentant tal-Gvern tar-Repubblika Għarbija ta’ l-Eġittu.

L-ewwel perijodu għandu jibda fid-data ta’ l-ewwel laqgħa tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni u jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2004.

Artikolu 2

Laqgħat

Il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni għandu jiltaqa’ meta ċ-ċirkostanzi jitolbu dan, bil-qbil taż-żewġ Partijiet.

Kull laqgħa tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni għandha ssir f’ħin u post miftiehem miż-żewġ Partijiet.

Il-laqgħat tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni għandhom jissejħu mill-President.

Artikolu 3

Delegazzjonijiet

Qabel kull laqgħa, il-President għandu jiġi infurmat dwar il-kompożizzjoni maħsuba tad-delegazzjoni ta’ kull Parti.

Artikolu 4

Segretarjat

Uffiċjal tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni tal-Komunità Ewropea u uffiċjal tar-Gvern tar-Repubblika Għarbija ta’ l-Eġittu għandhom jaġixxu flimkien bħala segretarji tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni.

Il-komunikazzjonijiet kollha lill-President tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni jew minn għandu fil-qafas ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura għandhom jiġu indirizzati lis-segretarji tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni u s-segretarji u l-President tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni.

Artikolu 5

Pubbliċità

Dment li ma jiġix deċiż mod ieħor, il-laqgħat tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni ma għandhomx ikunu pubbliċi.

Artikolu 6

Aġendi għal-laqgħat

1.   Il-President għandu jfassal aġenda proviżorja għal kull laqgħa. Din għandha tintbagħat mis-segretarji tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni lid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 4 mhux aktar tard minn 15-il jum qabel il-bidu tal-laqgħa.

L-aġenda proviżorja għandha tinkludi l-punti li fir-rigward tagħhom il-President jkun irċieva talba għall-inklużjoni fl-aġenda mhux aktar tard minn 21 jum qabel il-bidu tal-laqgħa, ħlief li tali punti m’għandhomx jinkitbu fl-aġenda proviżorja dment li ma tkunx intbagħtet id-dokumentazzjoni sekondarja lis-segretarji mhux aktar tard mid-data tad-dispaċċ ta’ l-aġenda.

Il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni jista’ jitlob lill-esperti sabiex jattendu l-laqgħat tiegħu biex jipprovdu informazzjoni dwar suġġetti partikolari.

L-aġenda għandha tiġi adottata mill-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-bidu ta’ kull laqgħa.

Jista’ jitqiegħed fuq l-aġenda xi punt li m’huwiex wieħed minn dawk li jidhru fuq l-aġenda proviżorja jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu hekk.

2.   Il-President jista’, bi qbil maż-żewġ Partijiet, iqassar il-perijodi speċifikati fil-paragrafu 1 sabiex jittieħed kont tal-ħtiġiet ta’ każ partikolari.

Artikolu 7

Minuti

Għandhom jittieħdu l-minuti għal kull laqgħa u dawn għandhom ikunu bbażati fuq rikapitulazzjoni mill-President tal-konklużjonijiet li jkun wasal għalihom il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni.

Meta jiġu approvati mill-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni, il-minuti għandhom jiġu ffirmati mill-President u mis-segretarji u ffajljati minn kull waħda mill-Partijiet. Kopja tal-minuti għandha tintbagħat lil kull wieħed mid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 4.

Artikolu 8

Deliberazzjonijiet

Fil-każijiet speċifiċi fejn il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni jingħata s-setgħa mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni taħt il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jadotta d-deċiżjonijiet/r-rakkomandazzjonijiet, dawk l-atti għandhom ikunu intestati rispettivament “Deċiżjoni” u “Rakkomandazzjoni”, segwiti minn numru ta’ serje progressiva, id-data ta’ l-adozzjoni tagħhom u deskrizzjoni tas-suġġett tagħhom.

Kull meta il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni jieħu deċiżjoni, għandhom jiġu applikati mutatis mutandis l-Artikoli 10 u 11 tad-Deċiżjoni Nru 1/2004 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni li jadottaw ir-Regoli ta’ Proċedura tiegħu. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni għandhom jintbagħtu lid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 4 ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura.

Artikolu 9

Spejjeż

Kull Parti għandha tħallas għall-ispejjeż irrelatati mal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni u ta’ kull grupp jew korp ta’ ħidma li jistgħu jiġu stabbiliti skond l-Artikolu 80 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju, kemm rigward n-nefqa għall-persunal, l-ivjaġġar u s-sussistenza kif ukoll rigward in-nefqa għall-posta u t-telekomunikazzjonijiet.

In-nefqa konnessa ma’ l-interpretazzjoni fil-laqgħat, it-traduzzjoni u r-riproduzzjoni tad-dokumenti għandha titħallas mill-Komunità, bl-eċċezzjoni tan-nefqa konnessa ma’ l-interpretazzjoni u/jew it-traduzzjoni għall-Għarbi jew minnu, li għandhom jitħallsu mir-Repubblika Għarbija ta’ l-Eġittu.

Nefqa oħra rrelatata ma’ l-organizzazzjoni materjali tal-laqgħat għandha titħallas mill-Parti li tospita l-laqgħat.


Top