This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32008D0729
EC: Commission Decision of 11 December 2007 on the State aid case C 53/06 (ex N 262/05, ex CP 127/04), investment by the city of Amsterdam in a fibre-to-the-home (FttH) network (notified under document number C(2007) 6072) (Text with EEA relevance)
KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 11 ta’ Diċembru 2007 fuq il-każ C 53/06 dwar l-Għajnuna mill-Istat (ex N 262/05, ex CP 127/04), Investiment mill-belt ta’ Amsterdam f’netwerk fibre-to-the-home (FttH) (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 6072) Test b’relevanza għaż-ŻEE
KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 11 ta’ Diċembru 2007 fuq il-każ C 53/06 dwar l-Għajnuna mill-Istat (ex N 262/05, ex CP 127/04), Investiment mill-belt ta’ Amsterdam f’netwerk fibre-to-the-home (FttH) (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 6072) Test b’relevanza għaż-ŻEE
ĠU L 247, 16.9.2008, p. 27–49
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Date of entry into force unknown (pending notification) or not yet in force.
16.9.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 247/27 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-11 ta’ Diċembru 2007
fuq il-każ C 53/06 dwar l-Għajnuna mill-Istat (ex N 262/05, ex CP 127/04), Investiment mill-belt ta’ Amsterdam f’netwerk fibre-to-the-home (FttH)
(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 6072)
(Il-verżjoni Olandiża biss hija awtentika)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2008/729/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subpremessa ta’ l-Artikolu 88 (2) tiegħu,
Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62 (1) a) tiegħu,
Wara li talbet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom skond id-dispożizzjonijiet iċċitati hawn fuq (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,
Billi:
I. PROĊEDURA
(1) |
F’April 2004, il-muniċipalità ta’ Amsterdam ikkuntattjat lill-Kummissjoni fir-rigward ta’ l-aspetti tal-ksib pubbliku tat-tnedija ta’ netwerk ta’ aċċess ta’ telekomunikazzjonijiet FttH (fibre-to-the-home). Minbarra dan, il-muniċipalità talbet lill-Kummissjoni biex tikkonferma li l-proġett ma kienx jinvolvi għajnuna mill-Istat fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE. Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Lulju 2004, il-Kummissjoni għarrfet lill-muniċipalità ta’ Amsterdam li tali konferma tista’ tingħata biss wara notifika tal-miżura mill-awtoritajiet Olandiżi. Il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Olandiżi tat-23 ta’ Lulju 2004 biex jipprovdu kull informazzjoni meħtieġa għal evalwazzjoni tal-miżura skond l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE. L-awtoritajiet Olandiżi talbu għal estensjoni ta’ l-iskadenza f’Awwissu 2004, li kienet aċċettata mill-Kummissjoni nhar is-7 ta’ Settembru 2004. |
(2) |
F’Settembru 2004, l-awtoritajiet Olandiżi ltaqgħu mal-Kummissjoni biex jippreżentaw u jiddiskutu l-pjani tal-muniċipalità ta’ Amsterdam. Fis-7 ta’ Ottubru 2004, fir-risposta tagħhom għall-ittra tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Lulju 2004, l-awtoritajiet iddikjaraw li l-proġett f’Amsterdam ser ikun innotifikat fil-futur qrib. Fis-17 ta’ Mejju 2005, l-awtoritajiet Olandiżi nnotifikaw il-proġett – il-parteċipazzjoni tal-muniċipalità ta’ Amsterdam f’intrapriża li twettaq it-tnedija u s-sjieda ta’ dan in-netwerk. L-awtoritajiet Olandiżi kienu qegħdin ifittxu konferma mill-Kummissjoni li l-investiment tal-muniċipalità ta’ Amsterdam fl-entità legali li għandha n-netwerk huwa f’konformità mal-Prinċipju ta’ l-Investitur ta’ l-Ekonomija tas-Suq (“MEIP”) u għalhekk ma jikkostitwixxi ebda għajnuna mill-Istat. |
(3) |
Wara informazzjoni ulterjuri mibgħuta mill-awtoritajiet nhar it-23 ta’ Ġunju 2005, u laqgħa li saret nhar it-28 ta’ Ġunju 2005 bejn rappreżentanti tal-belt ta’ Amsterdam u l-Kummissjoni, fil-15 ta’ Lulju 2005 il-Kummissjoni bagħtet ittra li kienet tinkludi elementi ta’ spjegazzjoni ta’ l-applikazzjoni ta’ l-MEIP flimkien mat-tieni talba għall-informazzjoni. |
(4) |
F’ittra rreġistrata fit-18 ta’ Novembru 2005, l-awtoritajiet Olandiżi qalu li kien hemm dewmien fl-ippjanar u li l-muniċipalità ta’ Amsterdam kienet għadha qiegħda taħdem fuq l-istruttura tal-proġett u l-kundizzjonijiet ta’ l-investiment. L-awtoritajiet Olandiżi ddikjaraw li ser ikollhom bżonn aktar żmien sabiex jipprovdu l-informazzjoni mitluba u talbu lill-Kummissjoni biex tissospendi l-evalwazzjoni sakemm tkun disponibbli d-data kollha. |
(5) |
Il-muniċipalità ta’ Amsterdam għarrfet lill-Kummissjoni permezz ta’ e-mail irreġistrata fit-23 ta’ Diċembru 2005 li l-kunsill tal-Belt ta’ Amsterdam kien iddeċieda b’mod unanimu li jinvesti fit-tnedija tan-netwerk FttH u kompliet tgħid li n-negozjati ma’ BAM/DRAKA (għall-kostruzzjoni tan-netwerk) u ma’ BBned (għall-esplojtazzjoni tan-netwerk) u n-negozjati ma’ ING RE u ħames korporazzjonijiet tad-djar (ko-investituri) kienu kollha mibdija u għandhom jiġu ffinalizzati sa Jannar 2006. |
(6) |
Permezz ta’ ittra rreġistrata fis-27 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni rċeviet ilment li jirrigwardja l-proġett minn VECAI (l-assoċjazzjoni ta’ l-operaturi tal-kejbil fl-Olanda, li f’Settembru 2007 biddlet isimha għal “NLKabel”) (2). UPC Nederland BV (operatur tal-kejbil preżenti notevolment fl-Olanda, minn hawn ‘il quddiem: “UPC” (3) għarraf lill-Kummissjoni għall-ewwel darba dwar it-tħassib tiegħu f’Marzu 2005. Iż-żewġ partijiet – li magħhom saru diversi laqgħat – isostnu li l-parteċipazzjoni tal-muniċipalità m’hijiex f’konformità ma’ l-MEIP u tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE. |
(7) |
Fit-3 ta’ Marzu 2006, il-Kummissjoni bagħtet nota ta’ tfakkir lill-awtoritajiet Olandiżi, li fiha ssir referenza għall-istqarrija li saret mill-awtoritajiet Olandiżi f’Novembru 2005 illi ser tiġi pprovduta aktar informazzjoni ladarba jkun sar aktar progress fl-istruttura tal-proġett u li kien previst għar-Rebbiegħa ta’ l-2006. Il-Kummissjoni fakkret ukoll lill-awtoritajiet Olandiżi dwar l-obbligu ta’ waqfien ta’ l-Artikolu 88 (3) tat-Trattat tal-KE. |
(8) |
L-awtoritajiet Olandiżi wieġbu għall-ittra tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2006 fit-3 ta’ April 2006, u bagħtu informazzjoni addizzjonali permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Mejju 2006. Fid-19 ta’ Mejju 2006, is-servizzi tal-Kummissjoni bagħtu ittra oħra lill-awtoritajiet Olandiżi, li fiha ssir referenza għall-informazzjoni rċevuta mingħand il-UPC li tqajjem dubji inizjali dwar l-applikazzjoni ta’ l-MEIP, waqt li reġgħu fakkru lill-awtoritajiet dwar l-obbligu ta’ waqfien (4). |
(9) |
L-awtoritajiet Olandiżi bagħtu aktar informazzjoni f’Mejju u f’Ġunju 2006 (5). Il-Kummissjoni bagħtet talba addizzjonali għall-informazzjoni lill-awtoritajiet Olandiżi fl-24 ta’ Lulju 2006, bħala tweġiba li għaliha l-awtoritajiet Olandiżi ppreżentaw diversi lottijiet ta’ informazzjoni (6). Wara talba addizzjonali għall-informazzjoni li saret fid-29 ta’ Settembru 2006, l-awtoritajiet talbu, fit-13 ta’ Ottubru 2006, għal estensjoni ta’ l-iskadenza biex ikunu jistgħu jwieġbu. |
(10) |
Sadanittant, it-tnedija tan-netwerk bdiet fit-12 ta’ Ottubru 2006 (7). Minħabba dawn l-iżviluppi, l-estensjoni ta’ l-iskadenza mitluba mill-awtoritajiet Olandiżi ġiet irrifjutata. L-awtoritajiet Olandiżi ssottomettew parti mit-tweġibiet tagħhom qabel l-iskadenza tas-26 ta’ Ottubru u ġie pprovdut ukoll ammont sostanzjali ta’ tagħrif fit-30 ta’ Ottubru, fis-16, fl-20 u fil-21 ta’ Novembru 2006. |
(11) |
Fi proċedura għal miżuri temporanji, il-UPC talab lill-Qorti tad-Distrett f’Amsterdam biex tordna lill-muniċipalità ta’ Amsterdam sabiex tirrispetta l-obbligu ta’ waqfien stipulat fl-Artikolu 88(3) tat-Trattat tal-KE u biex ma tipproċedix bil-proġett qabel ma l-Kummissjoni tkun iffinalizzat l-evalwazzjoni tagħha. It-talba minn UPC kienet imwarrba mill-Qorti tad-Distrett, li fis-sentenza tagħha tat-22 ta’ Ġunju 2006 ddikjarat li ma kienx ovvju li l-involviment tal-muniċipalità fil-proġett kien jinvolvi għajnuna mill-Istat. Skond il-Qorti, is-sempliċi fatt li l-muniċipalità bdiet il-proġett m’għandux jitqies bħala għajnuna mill-Istat. Minbarra dan, il-Qorti kkonkludiet li l-ispejjeż inizjali li daħlet għalihom Amsterdam (studji, eċċ.) għandhom jintraddu lura mill-intrapriża konġunta Glasvezelnet Amsterdam CV u għalhekk ma kienu jikkostitwixxu ebda għajnuna. |
(12) |
Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Settembru 2006, il-UPC għarraf lill-Kummissjoni li huwa kien appella d-deċiżjoni meħuda mill-Qorti Distrettwali. Il-muniċipalità ta’ Amsterdam (8) għarrfet lill-Kummissjoni f’Novembru 2006 li l-Qorti ta’ l-Appell ipproponiet lil UPC u lill-muniċipalità ta’ Amsterdam biex jistennew id-deċiżjoni tal-Kummissjoni qabel tingħata sentenza mill-Qorti. Iż-żewġ partijiet aċċettaw din il-proposta (9). |
(13) |
Permezz ta’ ittra datata l-20 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni għarrfet lill-Olanda li hija kienet iddeċidiet li tagħti bidu għall-proċedura stipulata fl-Artikolu 88 (2) tat-Trattat tal-KE fir-rigward tal-miżura nnotifikata. |
(14) |
Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Jannar 2007, l-awtoritajiet Olandiżi talbu biex jingħataw aċċess għal diversi dokumenti ppreżentati minn UPC u msemmija fid-deċiżjoni tal-ftuħ. Permezz ta’ ittra rreġistrata fit-13 ta’ Frar 2007, il-UPC qabel li jaqsam id-dokumenti mitluba ma’ l-awtoritajiet Olandiżi, li ntbagħtu mill-Kummissjoni lill-awtoritajiet. |
(15) |
Fit-18 ta’ Jannar 2007, il-Qorti ta’ l-Appell ta’ Amsterdam (10) ma laqgħetx l-appell imressaq minn UPC Nederland kontra l-muniċipalità ta’ Amsterdam biex jitwaqqfu attivitajiet ulterjuri relatati mal-miżura. Il-Qorti ta’ l-Appell sabet li, għalkemm fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha, il-Kummissjoni esprimiet ċerti dubji fir-rigward ta’ jekk l-MEIP kienx issodisfat, billi pprovdiet l-informazzjoni mitluba lill-Kummissjoni, il-muniċipalità ta’ Amsterdam għadha tista’ tipprova li l-miżura hija f’konformità ma’ l-MEIP u ma tikkostitwixxi ebda għajnuna. Taħt dawn iċ-ċirkostanzi, il-Qorti ta’ l-Appell dehrilha li kien possibbli li l-Kummissjoni tikkonkludi li ma kienet involuta ebda għajnuna. Il-Qorti sabet ukoll li l-muniċipalità tħossha mweġġgħa li kieku kellha twaqqaf l-attivitajiet kollha relatati ma’ GNA, waqt li UPC ma jsofrix b’mod sinjifikanti mill-attivitajiet preparatorji mwettqa minn Amsterdam. |
(16) |
Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Marzu 2007, il-UPC talab lill-Kummissjoni biex tagħtih aċċess għal informazzjoni kunfidenzjali sottomessa mill-awtoritajiet Olandiżi u biex tistabbilixxi proċedura ta’ “kamra għall-ħżin tad-data” (11) għall-miżura konċernata, sabiex ikun jista’ jevalwa l-affermazzjonijiet ta’ l-awtoritajiet Olandiżi biex ikompli jissostanzja l-ilment tagħhom. Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni għarrfet lill-UPC li l-proċeduri ta’ l-għajnuna mill-Istat ma jipprevenux aċċess għall-partijiet terzi għall-informazzjoni kunfidenzjali mitluba jew biex tiġi stabbilita proċedura ta’ “kamra għall-ħżin tad-data”. |
(17) |
L-awtoritajiet Olandiżi wieġbu permezz ta’ ittra rreġistrata fis-16 ta’ Marzu 2007 għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. |
(18) |
Wara diversi skambji ta’ korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Olandiżi dwar kwistjonijiet ta’ kunfidenzjalità, il-verżjoni pubblika tad-deċiżjoni tal-ftuħ intbagħtet lill-kwerelanti fit-23 ta’ April 2007 u konsegwentement ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea (12). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar il-miżura. |
(19) |
Wara l-ftuħ tal-proċedura, il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand ħames partijiet interessati, jiġifieri mingħand Liberty Global/UPC (13), Com Hem (14), Ono (15), France Telecom (16) u parti oħra li talbet li tibqa’ anonima (17). Permezz ta’ ittra rreġistrata fit-30 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni bagħtet il-kummenti tat-tielet parti lill-awtoritajiet Olandiżi. L-awtoritajiet ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom permezz ta’ ittra datata s-17 ta’ Settembru 2007. |
(20) |
Is-servizzi tal-Kummissjoni ltaqgħu ma’ rappreżentanti ta’ Liberty Global/UPC fil-5 ta’ Lulju 2007 u ma’ l-awtoritajiet Olandiżi fil-5 ta’ Novembru 2007. L-awtoritajiet Olandiżi ppreżentaw informazzjoni addizzjonali fid-9 ta’ Novembru 2007 u fit-12 ta’ Novembru 2007. |
II. DESKRIZZJONI TAL-MIŻURA
(21) |
Fl-2004 il-muniċipalità ta’ Amsterdam iddeċidiet li tinvestiga l-possibbiltà li tinvesti f’netwerk ta’ aċċess ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fibre-to-the-home (FttH) (18). Wara rapporti, analiżi tas-suq u kuntatti preliminari li saru ma’ investituri potenzjali, f’Diċembru 2005 il-muniċipalità ddeċidiet b’mod formali dwar l-imsemmi investiment u l-kundizzjonijiet li taħthom jista’ jsir investiment bħal dan. |
(22) |
In-netwerk FttH ippjanat f’Amsterdam ser iservi 37 000 dar f’Amsterdam fid-distretti ta’ Zeeburg, Osdorp u Oost-Watergraafsmeer, li flimkien jikkomprendu madwar 10 % tal-belt ta’ Amsterdam. Il-muniċipalità ta’ Amsterdam esprimiet ukoll l-ambizzjoni tagħha fuq perjodu twil ta’ żmien li testendi l-proġett għal partijiet oħrajn ta’ Amsterdam, b’mhux inqas minn 400 000 dar konnessi flimkien. Madankollu, estensjoni potenzjali mis-37 000 dar li hemm bħalissa ma tagħmilx parti mill-proġett taħt evalwazzjoni. |
Il-mudell bi tliet saffi
(23) |
Il-proġett f’Amsterdam huwa bbażat fuq “mudell bi tliet saffi” kif muri hawn taħt. Figura 1 Ħarsa ġenerali ssimplifikata tal-proġett ta’ Citynet Amsterdam |
(24) |
L-ewwel saff huwa l-hekk imsejjaħ “infrastruttura ta’ netwerk passiv”, li jinkludi kanali, fibre u street cabinets. |
(25) |
Din l-infrastruttura passiva tiġi attivata permezz ta’ tagħmir ta’ telekomunikazzjonijiet (it-tieni saff jew “is-saff attiv”) minn operatur ta’ kummerċ bl-ingrossa li jimmaniġġja u jieħu ħsieb in-netwerk u jipprovdi servizzi ta’ kummerċ bl-ingrossa lil operaturi ta’ kummerċ bl-imnut. Is-saff attiv jinkludi s-sistemi ta’ immaniġġjar, kontroll u manutenzjoni meħtieġa biex jitħaddem in-netwerk, bħalma huma swiċċijiet, routers jew splitters. |
(26) |
L-operatur tal-kummerċ bl-ingrossa ser jipprovdi aċċess miftuħ u mhux diskriminatorju lill-operaturi tal-kummerċ bl-imnut biex joffru servizzi tat-televiżjoni, tal-broadband, tat-telefonija u servizzi oħra bbażati fuq l-Internet lill-klijenti aħħarin (it-tielet saff jew “is-saff tal-bejgħ bl-imnut”). Sabiex ikunu jistgħu jipprovdu dawn is-servizzi, il-fornituri tas-servizzi bl-imnut ser ikollhom jinvestu, inter alia, fit-tagħmir, kontenut ta’ prokura u joperaw il-pjattaforma tas-servizz tagħhom stess (manutenzjoni, servizz ta’ għajnuna lill-klijenti u fatturazzjoni). |
Il-partijiet interessati fil-proġett
(27) |
L-infrastruttura passiva ser tkun ipposseduta u ġestita mill-isħubija Glasvezelnet Amsterdam cv (“GNA”) (19), li l-azzjonisti tagħha huma l-muniċipalità ta’ Amsterdam, żewġ investituri privati, jiġifieri ING Real Estate (minn hawn ‘il quddiem: “ING RE”) (20) u Reggefiber (21), u ħames sussidjarji ta’ korporazzjonijiet tal-housing soċjali (22). Fil-11 ta’ April 2006 ġie ffirmat ftehim ta’ kooperazzjoni (“Samenwerkingsovereenkomst”) mill-partijiet u fis-26 ta’ Mejju 2006 ġie ffirmat il-ftehim ta’ l-investiment (“CV-overeenkomst”). |
(28) |
Il-muniċipalità ta’ Amsterdam tinvesti 6 miljun ewro, ING RE u Reggefiber jinvestu EUR 3 miljun kull wieħed, tliet korporazzjonijiet tal-housing soċjali jinvestu EUR 1,5 miljun kull waħda u żewġ korporazzjonijiet tal-housing jinvestu EUR 750 000 kull waħda (23). L-investiment ta’ l-ekwità totali jammonta għal 18-il miljun ewro. Minbarra dan, GNA ħadet self li jammonta għal EUR […] (*) mingħand […] (24). Il-baġit totali ppjanat għall-proġett jammonta għal EUR 30 miljun. Kif muri wkoll fil-Figura 1, il-muniċipalità ta’ Amsterdam għandha terz ta’ l-ishma ta’ GNA, iż-żewġ investituri privati flimkien għandhom terz ieħor, waqt li s-sussidjarji tal-korporazzjonijiet tal-housing għandhom it-terz ta’ l-ishma li jifdal. |
(29) |
L-infrastruttura passiva ta’ GNA ser tkun attivata u operata minn BBned (25) fuq il-bażi ta’ kuntratt bejn GNA u BBned ta’ […]. L-investimenti meħtieġa biex jiġi pprovdut l-aċċess bl-ingrossa iridu jsiru minn BBned. Bbned għandha tikri l-fibre mingħand GNA u jkollha l- – […] (26) – dritt li tipprovdi t-trasport u servizzi relatati bl-ingrossa lill-operaturi ta’ servizzi bl-imnut għar-riskju tagħha. Il-kumpanija għandha tħallas miżata għal kull dar konnessa mal-GNA għall-użu tan-netwerk passiv. |
(30) |
L-operatur tal-kummerċ bl-ingrossa ser jipprovdi aċċess miftuħ u mhux diskriminatorju lill-operaturi tal-kummerċ bl-imnut biex joffru servizzi tat-televiżjoni, tat-telefonija u ta’ aċċess ta’ l-Internet broadband. Is-servizzi offruti bin-netwerk il-ġdid ser ikunu qegħdin jikkompetu ma’ offerti eżistenti ta’ kumpaniji tal-kejbil u t-telekomunikazzjonijiet bħal KPN u UPC. Fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku, jidher li BBNed diġà ffinalizzat kuntratti ma’ diversi fornituri ta’ servizz bl-imnut li bdew joffru servizzi “triple play” (27) fuq in-netwerk tal-fibre tal-GNA lill-utenti aħħarin. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li BBned hija attiva wkoll, permezz tal-kumpaniji affiljati tagħha Pilmo u Bbeyond, fil-livell tal-kummerċ bl-imnut. |
III. RAĠUNIJIET BIEX TINBEDA PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI FORMALI
(31) |
Fl-20 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda proċedura ta’ investigazzjoni formali billi l-awtoritajiet Olandiżi ma pprovdewx evidenza suffiċjenti għall-Kummissjoni biex tikkonkludi dwar il-konformità ta’ l-investiment mill-belt ta’ Amsterdam f’GNA ma’ l-MEIP. Il-Kummissjoni dehrilha li kien meħtieġ li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali kemm għal raġunijiet sostanzjali u wkoll għal raġunijiet proċedurali (28). |
(32) |
B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma kinitx konvinta li l-investiment tal-muniċipalità ta’ Amsterdam f’GNA kien “konkomitanti”, jiġifieri twettaq fl-istess ħin ma’ l-investimenti privati minn ING RE u Reggefiber. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma kinitx konvinta li t-termini u l-kondizzjonijiet ta’ l-investiment mill-muniċipalità ta’ Amsterdam f’GNA kienu ugwali għat-termini u l-kondizzjonijiet li taħthom investew il-partijiet l-oħrajn. Dan it-tħassib ġej primarjament mill-fatt li l-muniċipalità ta’ Amsterdam nefqet il-flus fuq il-proġett Citynet qabel it-twaqqif ta’ GNA (l-hekk imsejħa “pre-investimenti”) (29). Fuq il-bażi ta’ l-evalwazzjoni preliminari li saret, il-Kummissjoni kellha wkoll dubji fir-rigward tal-fattibbiltà tal-pjan tan-negozju ta’ GNA. Għalhekk, f’dan l-istadju ma kienx possibbli li tiġi eskluża l-preżenza ta’ l-għajnuna mill-Istat. |
(33) |
Wara li jiġu kkunsidrati wkoll dawn id-diffikultajiet iffaċċjati, l-impatt ta’ l-għajnuna potenzjali mill-Istat fuq l-investimenti ta’ l-operaturi privati, il-ftuħ tal-proċedura kien iġġustifikat ukoll minħabba li l-awtoritajiet Olandiżi ma ppreżentawx l-informazzjoni kollha meħtieġa lill-Kummissjoni biex tkun tista’ tevalwa l-proġett. |
(34) |
Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali anki sabiex tagħti lill-awtoritajiet Olandiżi u l-partijiet terzi l-opportunità li jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar l-evalwazzjoni provviżorja tagħha tal-miżura deskritta u sabiex jagħmlu disponibbli għall-Kummissjoni kwalunkwe informazzjoni rilevanti relatata mal-miżura. |
IV. KUMMENTI SOTTOMESSI MINN PARTIJIET TERZI
(35) |
Il-UPC ssottometta l-kummenti tiegħu permezz ta’ ittra rreġistrata fis-17 ta’ Lulju 2007. Is-sottomissjoni tal-UPC ittenni l-pożizzjoni tiegħu espressa quddiem id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħti bidu għal proċeduri (30) li jgħidu li l-pjan tan-negozju tal-proġett Citynet huwa bbażat fuq suppożizzjonijiet ekonomiċi mhux realistiċi, b’mod partikolari fir-rigward tar-rati ta’ penetrazzjoni u l-prezzijiet bl-ingrossa, biex b’hekk il-pjan tan-negozju ma jidhirx li huwa vijabbli kummerċjalment. Biex jissostanzja din l-affermazzjoni, il-UPC ppreżenta rapport imħejji minn kumpanija ta’ konsulenza, RBB Economics, li taġġorna rapporti oħrajn imħejjija mill-istess konsulenza dwar il-kwistjoni (31) li jiġu ppreżentati qabel il-ftuħ ta’ l-investigazzjoni formali (32). |
(36) |
Fir-rigward tal-vijabbiltà kummerċjali tal-proġett, il-UPC jisħaq li n-netwerk il-ġdid tal-fibre mhux ser jagħti ċ-ċans lill-operaturi joffru servizzi differenti b’mod sinjifikanti mis-servizzi offruti mill-operaturi kurrenti. Konsegwentement, u b’kunsiderazzjoni tal-fatt li l-penetrazzjoni tal-broadband fiz-żoni li jridu jiġu koperti minn GNA diġà laħqet il-65 % tad-djar, in-netwerk il-ġdid tal-fibre jonqos milli jattira biżżejjed klijenti għas-servizzi tiegħu sabiex jagħmel il-pjan tan-negozju tiegħu wieħed vijabbli. |
(37) |
Sabiex isaħħaħ dan l-argument, il-UPC ssottometta figuri li jikkonċernaw ir-rati churn totali (33) għan-netwerk tal-kejbil tiegħu stess fir-rigward taz-żoni fejn GNA diġà qiegħda tipprovdi (34) servizzi ta’ triple play. Il-figuri churn ikopru l-perjodi mill-1 ta’ Jannar 2006 sa l-1 ta’ Ġunju 2007 fiz-żoni fejn qiegħed jintuża n-netwerk ta’ GNA. Il-figuri churn massimi jindikaw li r-rati ta’ penetrazzjoni tal-UPC għat-televiżjoni bil-kejbil analogu, l-aċċess għall-Internet, telefonija jew televiżjoni diġitali fiz-żoni konċernati kienu stabbli, u saħansitra kienu qegħdin jiżdiedu għall-aċċess ta’ l-Internet. Għalhekk, il-UPC josserva li ma hemm ebda indikazzjoni li kien hemm tnaqqis immarkat ta’ penetrazzjoni minħabba l-preżenza ta’ GNA. |
(38) |
Minbarra dan, il-UPC jisħaq li l-użu tal-fibre b’suċċess fil-bliet Olandiżi ta’ Nuenen u Hillegom (35) imressaq mill-awtoritajiet Olandiżi ma jistax jitqies bħala paragun xieraq mal-proġett ta’ Amsterdam, billi dawn il-proġetti allegatament irċivew sussidji sinjifikanti mingħand il-Ministeru Olandiż ta’ l-Affarijiet Ekonomiċi, in-netwerks jappartjenu flimkien għall-abitanti u l-operaturi, il-proġetti huma relattivament żgħar (36), u l-operaturi tal-broadband eżistenti offrew biss servizzi bażiċi ta’ broadband fiż-żewġt ibliet. Dan kien jikkuntrasta mas-sitwazzjoni f’Amsterdam, fejn offerti ta’ veloċità għolja huma disponibbli fuq in-netwerks eżistenti tal-kejbil u tat-telekomunikazzjonijiet. |
(39) |
Skond il-UPC, billi huwa improbabbli li l-pjan tan-negozju ta’ GNA ikun realistiku, l-investiment tal-muniċipalità ta’ Amsterdam f’GNA m’huwiex skond l-MEIP u jammonta għal għajnuna mill-Istat. B’referenza għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-każ Appingedam (37), il-UPC itenni wkoll il-pożizzjoni tiegħu ta’ qabel li kwalunkwe għajnuna mill-Istat involuta fil-proġett ma tistax titqies bħala kompatibbli mat-Trattat billi din ma hi ser tkun la meħtieġa u lanqas proporzjonata. |
(40) |
Barra minn hekk, il-UPC jesprimi wkoll dubji dwar jekk l-investiment pubbliku f’GNA huwiex qed isir fuq termini ugwali ma’ l-investimenti ta’ l-azzjonisti l-oħrajn ta’ GNA. Il-UPC jsostni li l-fatt li l-muniċipalità ta’ Amsterdam wettqet ċerti pre-investimenti u azzjonisti oħrajn ta’ GNA iddeċidew li jikkommettu ruħhom li jipparteċipaw fil-proġett wara li l-muniċipalità wettqet ċerti studji ta’ fattibbiltà jindika li l-investiment ma sarx fuq termini ugwali mill-azzjonisti kollha, fatt li għandu jixħet aktar dubji fuq il-konformità tal-miżura fis-suq. |
(41) |
Fl-aħħarnett, il-UPC juri wkoll li jekk il-proġett ifalli, in-netwerk jista’ jinbiegħ bl-irħis lil operatur ieħor, li ma jkollux għaliex iġorr l-ispejjeż ta’ l-investiment sħiħ. Dan l-operatur għalhekk jista’ jsaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva tiegħu billi jikkapitalizza fuq proġett iffinanzjat mill-pubbliku. Il-UPC jagħmel enfasi wkoll fuq l-allegat karattru preċedenti tal-miżura. F’każ li l-Kummissjoni ssib li l-miżura ma tikkostitwixxi ebda għajnuna mill-Istat, muniċipalitajiet oħrajn jistgħu jsegwu l-eżempju ta’ Amsterdam fl-użu tan-netwerks FttH. Il-UPC jenfasizza li l-Ministeru Olandiż ta’ l-Affarijiet Ekonomiċi u kumpanija ta’ l-inġinerija, Arcadis (38) diġà żviluppaw kalkolazzjoni ta’ mudell tan-negozju (39) disponibbli għal kulħadd mingħajr ebda restrizzjoni fuq l-Internet u li allegatament qiegħed jinkoraġġixxi lill-muniċipalitajiet biex jiżviluppaw netwerks FttH tagħhom stess. |
(42) |
ONO, operatur tal-kejbil Spanjol li joffri servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet u trażmissjoni tax-xandir, huwa ta’ l-opinjoni li l-Kummissjoni għandha tapplika t-test ta’ l-MEIP strettament billi muniċipalitajiet oħrajn jistgħu jsegwu l-eżempju u jinvokaw l-MEIP fi proġetti simili li jistgħu jżidu l-proliferazzjoni tas-sussidji mill-Istat. ONO jasserixxi li l-intervent tal-pubbliku għandu jsir biss f’ċirkostanzi speċifiċi bħal fil-preżenza ta’ falliment fis-suq, fejn tiġi assigurata l-proporzjonalità tal-miżura u jiġi rispettat il-prinċipju tan-newtralità teknoloġika, li allegatament m’huwiex il-każ fil-miżura konċernata. Li kieku l-investiment ta’ Amsterdam ikkostitwixxa għajnuna mill-Istat, ONO jsostni li kwalunkwe għajnuna involuta tkun inkompatibbli mas-suq komuni, billi ċ-ċirkostanzi huma simili għal dawk ta’ Appingedam (40), u f’dak il-każ kwalunkwe għajnuna mogħtija tkun suġġetta għal obbligu ta’ rkupru. ONO juri l-allegat karattru preċedenti tad-deċiżjoni fuq il-mistoqsija dwar jekk u taħt liema kundizzjonijiet it-tnedija tan-netwerks FttH tista’ tiġi mgħejuna mill-fondi pubbliċi. |
(43) |
Il-kumpanija France Telecom (“FT”), l-operatur inkumbenti tat-telecom tal-linja tat-telefonija fissa fi Franza, għandha opinjoni simili għal dik ta’ UPC u ONO. Il-kumpanija tesprimi d-dubji tagħha fir-rigward ta’ jekk l-investiment tal-muniċipalità ta’ Amsterdam fil-proġett Citynet huwiex skond l-MEIP. FT tappoġġja wkoll l-approċċ tal-Kummissjoni biex tiddistingwi l-miżuri ta’ l-għajnuna mill-Istat f’żoni “bojod”, “griżi” u “suwed”, li jiġi applikat mill-Kummissjoni meta twettaq l-evalwazzjoni tal-kompatibbilià fil-preżenza ta’ l-għajnuna (41). FT tasserixxi li kwalunkwe intervent mill-Istat f’żoni “suwed” (bħalma hi Amsterdam) jidher li huwa diffiċli jiġi ġġustifikat, billi dan jirriżulta fi tfixkil serju tal-kompetizzjoni. Skond l-FT, dan kien partikolarment il-każ għall-miżura konċernata, ladarba l-użu tan-netwerks ta’ aċċess tal-fibre jeħtieġu investimenti akbar mill-operaturi fis-suq. |
(44) |
Il-kummenti sottomessi minn COM HEM, operatur tal-kejbil Żvediż, jimxu fuq linja li tixbah lil dik ta’ l-operaturi l-oħrajn. Il-kumpanija COM HEM ġeneralment tiddubita mill-konformità fis-suq ta’ l-investiment tal-muniċipalità ta’ Amsterdam. Fl-osservazzjonijiet tagħha, COM HEM issostni li l-fondi pubbliċi għal proġetti ta’ broadband f’żoni urbani rari jkunu skond l-MEIP u għandhom effetti distortivi qawwija fuq il-kompetizzjoni. COM HEM titlob ukoll għal applikazzjoni stretta ta’ l-MEIP u tagħmel enfasi fuq il-valur preċedenti tal-każ ta’ Amsterdam għal investimenti muniċipali u oħrajn fis-settur pubbliku li jista’ jkun hemm fil-ġejjieni. |
(45) |
Parti oħra li talbet li tibqa’ anonima, li tipprovdi servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet f’diversi pajjiżi Ewropej, laqgħet b’merħba d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħti bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Il-kumpanija ssostni li l-investiment tagħha huwa pperikolat mill-inizjattivi tal-muniċipalitajiet li jagħmlu użu mill-fondi pubbliċi li għandhom effett distortiv fuq is-suq. Il-kumpanija tistenna li l-Kummissjoni tipprojbixxi kwalunkwe flus pubbliċi fil-proġett ta’ Citynet Amsterdam. |
V. KUMMENTI SOTTOMESSI MILL-AWTORITAJIET OLANDIŻI
(46) |
Permezz ta’ ittra rreġistrata fis-16 ta’ Marzu 2007, l-awtoritajiet Olandiżi ssottomettew il-kummenti tagħhom b’konnessjoni mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħti bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Olandiżi pprovdew ukoll kummenti dwar verżjonijiet mhux kunfidenzjali ta’ l-istudji mħejjija għall-UPC minn RBB. |
(47) |
F’kull parti tas-sottomissjonijiet tagħhom, l-awtoritajiet Olandiżi jsostnu l-pożizzjoni tagħhom li l-investiment tal-muniċipalità ta’ Amsterdam f’GNA huwa konformi ma’ l-MEIP u għalhekk ma jikkostitwixxi ebda għajnuna mill-Istat. |
V.1. Kummenti sottomessi b’konnessjoni mad-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura
Kummenti ġenerali
(48) |
L-awtoritajiet Olandiżi jenfasizzaw li l-użu tal-fibre fuq skala kbira qiegħed jiġi attwat fl-Istati Uniti u fl-Asja, u li l-Ewropa, f’termini komparattivi, qiegħda tibqa’ lura. L-awtoritajiet jaffermaw li l-proġetti simili għal dak taħt evalwazzjoni huma ta’ benefiċċju għall-ekonomija Ewropea u huma għalkollox skond l-aġenda ta’ Liżbona (42). |
(49) |
L-awtoritajiet jagħmlu enfasi wkoll fuq il-mudell tan-negozju pro-kompetittiv ta’ GNA, li jipprovdi - kuntrarjament għall-mudell magħluq ta’ l-operaturi tal-kejbil – aċċess miftuħ u mhux diskriminatorju għall-operaturi kollha ta’ bejgħ bl-imnut. Huma jsostnu li l-mudell tan-negozju l-ġdid, inter alia, jippromwovi l-kompetizzjoni tas-servizzi, jinkoraġġixxi l-innovazzjoni u jgħin biex jitnaqqas ir-riskju tal-fornituri tas-servizzi billi jagħtihom iċ-ċans li jużaw il-fondi li jaqblu mal-karatteristiċi ta’ kull saff individwali. |
(50) |
L-awtoritajiet Olandiżi jidhrilhom li l-partijiet interessati fil-proġett għandhom jipprovdu aktar evidenza li l-proġett ta’ GNA qiegħed isir fuq termini tas-suq. F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet jagħmlu enfasi fuq il-fatt li żewġ investituri privati u s-sussidjarji kummerċjali tal-korporazzjonijiet tad-djar huma lesti li jipparteċipaw fil-proġett taħt l-istess termini u kundizzjonijiet bħall-muniċipalità. Huma jirreferu wkoll għall-proċeduri tas-sejħiet għall-offerti miftuħa għall-kostruzzjoni tan-netwerk u għall-forniment ta’ servizzi bl-ingrossa tan-netwerk. Huma jkomplu jenfasizzaw li l-fatt li self bankarju sinjifikanti kien offrut lil GNA fuq termini tas-suq jikkostitwixxi evidenza ċara li l-proġett u l-pjan tan-negozju bażiċi huma bbażati fuq termini tas-suq prudenti. |
(51) |
L-awtoritajiet Olandiżi jenfasizzaw ukoll li għadd numeruż ta’ proġetti simili tal-fibre li rnexxew madwar l-Ewropa kollha u speċjalment fl-Olanda (43) mwettqa minn operaturi fis-suq jipprovdu evidenza suffiċjenti li tali investimenti jistgħu jibqgħu għaddejjin taħt kundizzjonijiet tas-suq normali. |
Dwar il-pre-investimenti
(52) |
Fir-rigward tal-pre-investimenti mill-muniċipalità ta’ Amsterdam, il-Kummissjoni nnotat fid-deċiżjoni tal-ftuħ li l-muniċipalità ħadet inizjattivi qabel stabbilixxiet il-GNA li dehret li marret lil hinn minn dak li tissuġġerixxi l-prattika tas-suq normali. Il-Kummissjoni esprimiet tħassib li l-pre-investimenti setgħu naqqsu r-riskji assoċjati mal-proġett għall-partijiet kollha li investew fih. Uħud mir-riskji tal-bidu tan-negozju li jsejjes il-pjan tan-negozju ta’ GNA setgħu ġew imnaqqsa jew imtaffija mill-muniċipalità ta’ Amsterdam qabel ma saru l-investimenti minn ING u Reggefiber fil-GNA. Fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni ppreżentata mill-awtoritajiet Olandiżi qabel il-ftuħ ta’ l-investigazzjoni formali, ma jistax jiġi ċċarat jekk l-azzjonisti kollha f’GNA investewx taħt l-istess termini u kundizzjonijiet. |
(53) |
Fit-tweġiba tagħhom, l-awtoritajiet Olandiżi juru li fl-24 ta’ Mejju 2006 l-investituri kollha kkommettew ruħhom għall-investiment f’GNA fuq termini u kundizzjonijiet identiċi. |
(54) |
Fir-rigward tal-pre-investimenti (li jlaħħqu l-ammont ta’ EUR […]), l-awtoritajiet Olandiżi jsostnu li l-azzjonisti kollha ta’ GNA dejjem fehmu li l-pre-investimenti mill-muniċipalità ta’ Amsterdam kellhom jitħallsu lura minn GNA. Sabiex jissostanzjaw din id-dikjarazzjoni, l-awtoritajiet Olandiżi jiddistingwu bejn żewġ partijiet fil-pre-investimenti. |
(55) |
F’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-ewwel parti, l-awtoritajiet Olandiżi jenfasizzaw li, għalkemm il-ftehimiet li jistabbilixxu l-GNA ġew iffirmati fl-24 ta’ Mejju 2006, li jorbtu lill-partijiet kollha għall-investiment ta’ EUR […], fl-ittri ta’ intenzjoni ta’ […], l-azzjonisti futuri ta’ GNA iddeċidew flimkien li jassenjaw somma flus ta’ EUR […] (VAT eskluż) għall-ispejjeż tat-tħejjija tal-proġett. Fost l-oħrajn, dan l-ammont kien ikopri wkoll l-ispejjeż tal-proċeduri tas-sejħiet għall-offerti sabiex jintgħażel dak li ser jibni n-netwerk (BAM/Draka) u għall-operatur ta’ l-ingrossa (BBNed), ċerti spejjeż relatati mal-proċedura tan-notifika u ċerti attivitajiet ta’ tħaffir. |
(56) |
Fir-rigward tat-tieni parti tal-pre-investimenti (li jammontaw għal EUR […]), l-awtoritajiet Olandiżi sostnew li tali pre-investimenti huma għalkollox skond il-prattika tas-suq normali: l-investituri tas-suq prudenti għandhom isegwu l-istess prattika fi proġetti konġunti billi waħda mill-partijiet normalment ikollha tieħu l-irwol ta’ “investitur ewlieni”. L-awtoritajiet enfasizzaw ukoll li l-pre-investimenti mill-muniċipalità ta’ Amsterdam ma naqqsux ir-riskju tal-bidu ta’ l-investiment għall-azzjonisti l-oħrajn ta’ GNA. |
(57) |
L-awtoritajiet Olandiżi jsostnu wkoll li l-pre-investimenti ma pprovdew ebda vantaġġ lil xi parti minnhom, għaldaqstant ma jistgħu jikkostitwixxu ebda għajnuna mill-Istat fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 87 (1) tat-Trattat tal-KE. Biex nieħdu eżempju, il-bidu ta’ ċerti attivitajiet ta’ tħaffir kien ikkawżat mill-fatt li xi xogħlijiet ċivili saru f’żoni li kienu importanti għall-kostruzzjoni futura tan-netwerk tal-GNA. Ladarba l-attivitajiet kollha tat-tħaffir huma kkoordinati f’Amsterdam, it-tħaffir ftit xhur wara kien ikun impossibbli, minbarra li kien jikkawża dewmien u spejjeż addizzjonali għal GNA. |
(58) |
Barra minn hekk, l-awtoritajiet Olandiżi jsostnu li dawn l-ispejjeż kollha kienu nkorporati fil-pjan tan-negozju u li ma tfaċċaw ebda elementi ta’ spejjeż ġodda li ma kinux magħrufa mill-azzjonisti l-oħrajn ta’ GNA. |
(59) |
Sabiex tissostanzja dawn l-affermazzjonijiet, il-muniċipalità ta’ Amsterdam ippreżentat rapport imħejji minn Deloitte – ditta ta’ l-accounting – tat-18 ta’ Jannar 2007, li jivverifika r-rimborż tal-pre-investimenti. Ir-rapport jgħid li l-pre-investimenti msemmija fuq, li jammontaw għal EUR […] kienu interament rimborżati minn GNA fl-aħħar ta’ l-2006 b’interess iċċarġjat. L-awtoritajiet Olandiżi għarrfu lill-Kummissjoni li r-rata ta’ l-interess applikata (44) hija […]% skond il-liġi nazzjonali Olandiża (45), bl-interess jammonta għal EUR […] u li tħallsu nhar il-[…] minn GNA. |
(60) |
Barra minn hekk, l-awtoritajiet Olandiżi ma jqisux l-istudji ta’ fattibbiltà tagħhom stess bħala parti mill-pre-investimenti. Skond l-awtoritajiet Olandiżi, l-investituri tas-suq prudenti kollha għandhom jagħmlu dawn l-istudji. L-awtoritajiet Olandiżi jsostnu li dawn l-istudji setgħu ma naqqsux jew ma assorbewx parti mir-riskju tal-bidu għall-azzjonisti l-oħrajn ta’ GNA, billi l-azzjonisti potenzjali l-oħrajn iridu jsegwu wkoll l-istima tagħhom stess, filwaqt li jevalwaw ir-riskji u l-benefiċċji tagħhom mill-proġett. |
(61) |
Bl-istess mod, l-istudji tal-fattibbiltà ta’ l-azzjonisti l-oħrajn ta’ GNA (bħal ING RE’s jew Reggefiber’s) li saru qabel l-investiment f’GNA kienu ffinanzjati mill-partijiet rispettivi mingħajr ma ġew iċċarġjati lil GNA. |
(62) |
Għalhekk, l-awtoritajiet Olandiżi jasserixxu li d-dubji preliminari tal-Kummissjoni fir-rigward tal-“konkomitanza” u t-“termini u l-kundizzjonijiet identiċi” li joriġinaw mill-pre-investimenti tal-muniċipalità ta’ Amsterdam huma indirizzati sewwa mill-ispjegazzjonijiet imsemmija fuq li ġew ipprovduti u mir-rimborż ta’ l-ispejjeż rilevanti ffinanzjati minn qabel lil GNA. |
Kummenti dwar id-dubji relatati mal-pjan tan-negozju tal-GNA
(63) |
Fir-rigward tal-pjan tan-negozju tal-GNA, l-awtoritajiet Olandiżi jsostnu li l-investimenti magħmula mill-awtoritajiet pubbliċi jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ l-MEIP jekk dawn isiru taħt l-istess termini u kundizzjonijiet bħal dawk magħmula minn investituri privati. Il-preżenza ta’ l-investituri privati għandha tiggarantixxi li l-proġett isir fuq termini tas-suq. Għalhekk, huma jsostnu li ma kienx strettament meħtieġ għall-Kummissjoni li tanalizza l-pjan tan-negozju ta’ GNA. |
(64) |
It-tieninett, l-awtoritajiet Olandiżi jqisu li s-suppożizzjonijiet kollha tal-pjan tan-negozju ta’ GNA ma kinux ottimistiċi, anzi pjuttost konservattivi. |
(65) |
B’mod aktar partikolari, fir-rigward ta’ l-indikaturi finanzjarji fil-pjan tan-negozju, fid-deċiżjoni tal-ftuħ il-Kummissjoni qablet l-indikaturi finanzjarji fil-mira mad-data komparattiva rilevanti li hija disponibbli għall-pubbliku, jiġifieri l-ispiża medja peżata tal-kapital (“WACC”) (46) ta’ kumpaniji ta’ l-istess livell (47). Il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni preliminari li kollox ma’ kollox, l-indikaturi finanzjarji fil-mira ta’ GNA ma jidhrux li m’humiex realistiċi, iżda huma dipendenti ħafna fuq il-ksib ta’ fatturi ta’ suċċess ewlenin. Barra minn hekk, il-Kummissjoni sostniet li l-previżjonijiet għall-fatturi ta’ suċċess ewlenin tal-pjan tan-negozju aktarx li jkunu inċerti ħafna minħabba n-novità tal-proġett ta’ Amsterdam f’termini tat-teknoloġija wżata (teknoloġija tal-fibre), il-mudell tan-negozju (mudell bi tliet saffi), id-daqs limitat tal-proġett (għalhekk ekonomiji limitati biss ta’ skala) u d-domanda mistennija mill-konsumatur għal servizzi b’bandwidth għolja. |
(66) |
L-awtoritajiet Olandiżi jsostnu li r-rata ta’ redditu interna tal-proġett (48) m’għandhiex titqabbel mal-figuri tad-WACC ta’ operaturi integrati vertikalment, kif sar fid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-Kummissjoni billi dawn il-figuri jinkludu r-riskju tat-tliet saffi kollha ta’ dawn l-operaturi tan-netwerk. Għall-kuntrarju, GNA qiegħda tinvesti biss fin-netwerk passiv, li għandu lifetime ekonomika mistennija ta’ 30 sena (jew saħansitra iktar) u li huwa aktar simili għall-investimenti fl-infrastruttura, li ġeneralment, minnhom jintalbu rati ta’ redditu aktar baxxi mill-investituri. |
(67) |
Fir-rigward tar-rata tal-penetrazzjoni fil-mira, fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni preliminari li, fuq il-bażi tad-data disponibbli, il-ksib ta’ mill-inqas […]% penetrazzjoni għax-“xenarju minimu” tal-GNA jidher ottimistiku. Minbarra dan, il-mira ta’ […]% tad-djar kollha wara […] tidher bħala waħda aggressiva u ser tkun possibbli biss permezz ta’ strateġija ta’ “ipprezzar ta’ penetrazzjoni” massiva li taqleb il-klijenti eżistenti ta’ operaturi oħrajn għan-netwerk tal-GNA. |
(68) |
L-awtoritajiet Olandiżi jsostnu li diġà hemm diversi proġetti tal-fibre li kisbu suċċess kbir fl-Olanda, fejn in-netwerks tal-fibre jistgħu jiksbu proporzjonijiet ta’ penetrazzjoni għoljin. Biex nieħdu eżempju, fir-rigward ta’ Nuenen jew Hillegom, l-awtoritajiet isostnu li l-penetrazzjoni tal-fibre laħqet aktar minn 80 % wara sena waħda ta’ tħaddim. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Olandiżi jsostnu li r-rati kurrenti tal-penetrazzjoni tal-broadband m’humiex rilevanti fil-każ konċernat: is-servizzi pprovduti bin-netwerks tal- fibre għandhom jitqiesu bħala suq ġdid meta mqabbla ma’ offerti tal-broadband kurrenti ta’ operaturi eżistenti. Għalhekk, ir-rati kurrenti tal-penetrazzjoni tal-broadband m’għandhomx jintużaw bħala punt ta’ referenza. Minbarra dan, l-awtoritajiet isostnu li qegħdin jitfaċċaw għadd numeruż ta’ servizzi u applikazzjonijiet ġodda (49) li jeħtieġu netwerks simetriċi b’veloċità għolja li jistgħu jiġu pprovduti fuq netwerk fibre-to-the-home. Fuq il-bażi ta’ dawn l-argumenti, l-awtoritajiet Olandiżi jenfasizzaw li l-mira li tintlaħaq rata ta’ penetrazzjoni ta’ madwar […] f’żoni ta’ Amsterdam fejn in-netwerk jiġi mniedi fi żmien […] mhux biss hija waħda realistika, iżda hija pjuttost konservattiva. |
(69) |
Fir-rigward tal-prezzijiet bl-ingrossa mitluba minn GNA lill-operatur bl-ingrossa, il-Kummissjoni ssostni fid-deċiżjoni tal-ftuħ li għalkemm l-esperti jissuġġerixxu li n-netwerks tal-fibre jinvolvu spiża operattiva aktar baxxa mit-telekomunikazzjonijiet tar-ram u n-netwerks tal-kejbil kurrenti, il-prezzijiet ta’ l-ingrossa ta’ GNA għadhom konsiderevolment baxxi minn dak li jissuġġerixxu r-rapporti fis-suq. |
(70) |
L-awtoritajiet Olandiżi jsostnu li n-netwerks tal-fibre jinvolvu spejjeż operattivi aktar baxxi u għandhom lifetime ekonomika itwal min-netwerks eżistenti, għalhekk il-prezzijiet bl-ingrossa aktar baxxi jistgħu possibbilment jitqabblu ma’ dak li tista’ tissuġġerixxi d-data dwar in-netwerks eżistenti. Dan il-vantaġġ fil-kost jipprovdi spazju suffiċjenti għal prezzijiet bl-ingrossa relattivament baxxi mqabbla ma’ l-offerti fuq netwerks tar-ram kurrenti. |
(71) |
Fir-rigward tal-validità tal-figuri ta’ l-ispejjeż ta’ l-investiment, il-Kummissjoni sabet fid-deċiżjoni tal-ftuħ li l-figuri benchmark kienu jindikaw li l-ispiża tal-kapital għal kull konnessjoni proġettata minn GNA dehret li kienet waħda baxxa f’paragun mad-data disponibbli mill-parteċipanti fis-suq u minn sorsi oħrajn. |
(72) |
L-awtoritajiet Olandiżi jsostnu li l-fattibbiltà ta’ l-ispejjeż ta’ l-investiment ippjanati qiegħda tkompli tiġi sostnuta mit-tipoloġija u l-karatteristiċi taz-żona ġeografika fejn jintuża n-netwerk: iz-żoni konċernati f’Amsterdam għandhom densità ta’ popolazzjoni għolja u ħafna binjiet li fihom jgħixu aktar minn familja waħda rrinovati jew li għadhom kif inbnew li jgħinu biex jitnaqqsu l-ispejjeż ta’ l-użu tan-netwerk għal kull dar. |
(73) |
Fir-rigward ta’ l-istima tal-valur residwali tan-netwerk, l-awtoritajiet Olandiżi jsostnu li l-istima fil-pjan tan-negozju ta’ GNA hija realistika, billi l-lifetime ekonomika tan-netwerks tal-fibre tista’ tkun 30 sena jew saħansitra aktar. Fi ħdan dan il-qafas ta’ żmien, ma huma ser ikunu meħtieġa l-ebda spejjeż addizzjonali maġġuri ta’ investiment jew manutenzjoni, kuntrarju għan-netwerks tar-ram jew tal-kejbil eżistenti. Barra minn hekk, l-awtoritajiet isostnu li n-netwerk fis-seħħ ser ikollu “valur strateġiku” sinjifikanti minħabba l-“karatteristiċi ta’ monopolju naturali tan-netwerks ta’ l-aċċess tal-fibre” li ser tgawdi minnhom il-GNA minħabba l-ewwel vantaġġ movent tagħha. |
(74) |
L-awtoritajiet Olandiżi kkummentaw ukoll dwar il-konklużjoni preliminari tal-Kummissjoni li s-suppożizzjonijiet kollha li jsejsu l-pjan tan-negozju kienu jidhru ottimistiċi u li hemm grad għoli ta’ sensittività għas-suċċess tal-proġett anki jekk waħda mill-miri (bħall-grad tal-penetrazzjoni) ma timmaterjalizzax. |
(75) |
F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet Olandiżi kellhom il-fattibbiltà tas-suppożizzjonijiet riveduta u endorsjata minn rapport minn Stratix Consulting/l-Università Teknika ta’ Delft (50). Ir-rapport ippreżentat evalwa wkoll il-fattibbiltà tar-rata ta’ penetrazzjoni ppjanata tal-GNA. Billi janalizza proġetti simili li jsiru fl-Ewropa u barra minnha u b’mod partikolari fl-Olanda, u billi jikkalkula wkoll id-domanda tas-suq għall-ġejjieni għal netwerks simetriċi b’bandwidth għolja (i.e. għal netwerks tal-fibre), ir-rapport ippreżentat isostni li l-figuri ta’ penetrazzjoni ppjanati tal-GNA jistgħu jitqiesu bħala stima konservattiva. Barra minn hekk, ir-rapport isostni li wara żieda fid-domanda tas-suq għas-servizzi li jeħtieġu n-netwerks tal-fibre u wkoll minħabba n-natura pro-kompetittiva ta’ l-infrastruttura miftuħa, id-domanda għan-netwerks tal-fibre tista’ tevolvi saħansitra b’rata aktar mgħaġġla u f’livell ogħla milli mbassar ftit snin ilu. |
(76) |
Il-konklużjoni prinċipali ta’ l-istudju ppreżentat, kondiviża mill-awtoritajiet Olandiżi, hija li l-investiment tal-muniċipalità ta’ Amsterdam huwa kummerċjalment vijabbli u għalhekk huwa konformi ma’ l-MEIP. |
V.2. Kummenti sottomessi b’konnessjoni ma’ l-osservazzjonijiet minn Partijiet Terzi
Kummenti ġenerali
(77) |
L-ewwelnett, l-awtoritajiet Olandiżi jtennu l-pożizzjoni tagħhom li d-dubji tal-Kummissjoni rigward il-“konkomitanza” u t-“termini u l-kundizzjonijiet identiċi” li ġejjin mill-pre-investimenti tal-muniċipalità ta’ Amsterdam ġew indirizzati sewwa mir-rimborż ta’ l-ispejjeż rilevanti ffinanzjati minn qabel minn GNA. Barra minn hekk, huma jsostnu li l-pjan tan-negozju ta’ GNA huwa wieħed fattibbli u realistiku, għaldaqstant l-investiment tal-muniċipalità ta’ Amsterdam fil-proġett ta’ GNA huwa għalkollox konformi ma’ l-MEIP. |
(78) |
It-tieninett, l-awtoritajiet Olandiżi jerġgħu jenfasizzaw ukoll li, skond il-fehma tagħhom, b’konformità mal-ġurisprudenza eżistenti (51) u mad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (52), il-parteċipazzjoni sinjifikanti ta’ l-investituri privati fi proġett taħt termini u kundizzjonijiet identiċi bħall-investitur pubbliku għandha titqies bħala “evidenza konklużiva” li l-MEIP intlaħaq u li b’hekk ma hija involuta l-ebda għajnuna mill-Istat. |
Kummenti dwar l-osservazzjonijiet minn Partijiet Terzi
(79) |
L-awtoritajiet Olandiżi, billi jirreferu għar-regolament tal-Kunsill 659/1999 (53), isostnu li jekk pożizzjoni kompetittiva ta’ intrapriża ma tistax tiġi affettwata direttament mill-miżura fis-seħħ, dik il-parti ma tistax tiġi kkwalifikata bħala parti interessata. Għalhekk, l-awtoritajiet Olandiżi qegħdin jitolbu lill-Kummissjoni biex ma tqisx il-kummenti ta’ ONO, France Telecom (54) u Com Hem, peress li dawn ma għandhom ebda interess fin-negozju fuq is-suq tal-broadband Olandiż u b’mod partikolari dak ta’ Amsterdam. |
(80) |
L-awtoritajiet Olandiżi jsostnu li l-partijiet kollha li jipprovdu kummenti f’dan il-każ naqsu milli jqisu li l-investimenti ta’ l-investituri privati huma suffiċjenti biex jikkonkludu l-konformità ta’ l-investiment ma’ l-MEIP. Huma jkomplu jaffermaw ukoll li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti rilevanti, l-analiżi tal-pjan tan-negozju ma kinitx meħtieġa fil-preżenza ta’ dawn l-investituri privati. |
(81) |
Fir-rigward ta’ l-affermazzjoni tal-UPC li l-penetrazzjoni tal-broadband fiz-żoni li jridu jiġu koperti minn GNA diġà laħqet il-65 %, biex b’hekk il-GNA tfalli milli tilħaq il-proporzjonijiet tal-penetrazzjoni fil-mira, l-awtoritajiet Olandiżi jsostnu li s-suq indirizzabbli huwa ħafna akbar għal GNA billi mhux biss servizzi tal-broadband, iżda wkoll televiżjoni, telefonija u servizzi oħrajn ġodda ser jiġu offruti lill-klijenti bin-netwerk tal-GNA. Fir-rigward tar-rati churn sottomessi mill-UPC bil-għan li juru n-nuqqas ta’ interess suffiċjenti għas-servizzi li jistgħu jiġu pprovduti bin-netwerk tal-GNA, l-awtoritajiet Olandiżi jsostnu li d-data m’hijiex rilevanti billi t-tqassim tas-servizz fuq in-netwerk beda biss f’Marzu 2007, u għalhekk sa issa ma tista’ ssir ebda konklużjoni bbażata fuq dik id-data (55). |
(82) |
Għar-raġunijiet spjegati fil-premessa 0, l-awtoritajiet Olandiżi jiddubitaw mill-kwalifikazzjoni ta’ l-erba’ kumpaniji l-oħrajn bħala partijiet interessati u huma ta’ l-opinjoni li dawn il-partijiet issottomettew biss osservazzjonijiet ġenerali li m’humiex rilevanti għall-evalwazzjoni tal-miżura fis-seħħ. Għalhekk, l-awtoritajiet Olandiżi ma jħossux li huwa meħtieġ li jikkummentaw dwar dawn l-osservazzjonijiet. L-awtoritajiet Olandiżi lanqas ma jipprovdu kummenti dwar l-osservazzjonijiet minn partijiet terzi dwar il-kompatibilità ta’ kwalunkwe għajnuna mill-Istat inkluża fil-miżura billi skond l-awtoritajiet, evalwazzjoni tal-kompatibilità m’hijiex meħtieġa fil-każ kurrenti billi fil-miżura ma hemm involuta l-ebda għajnuna mill-Istat. |
VI. EVALWAZZJONI TA’ L-GĦAJNUNA MILL-ISTAT
(83) |
Il-Kummissjoni eżaminat jekk il-miżura tistax tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat fl-ambitu tat-tifsira ta’ l-Artikolu 87 (1) tat-Trattat tal-KE, li jgħid li “kwalunkwe għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat fi kwalunkwe forma tkun li tkun li tgħawweġ jew li thedded li tfixkel il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti intrapriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti prodotti għandha, sakemm din taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq komuni”. Jidher li sabiex miżura tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat, iridu jintlaħqu l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin: 1) il-miżura trid tingħata barra mir-riżorsi ta’ l-Istat u għandha tkun imputabbli għall-Istat, 2) għandha tagħti vantaġġ ekonomiku lill-intrapriżi, 3) il-vantaġġ għandu jkun selettiv u jgħawweġ jew jhedded li jgħawweġ il-kompetizzjoni, 4) il-miżura għandha taffettwa l-kummerċ intra-Komunitarju. |
(84) |
Meta tiġi evalwata l-miżura, għandu jitqies il-kuntest tas-suq: is-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi ġie liberalizzat b’mod sħiħ diversi snin ilu fl-Ewropa. B’mod partikolari, l-investimenti fin-netwerks broadband fl-hekk imsejħa “żoni suwed” fejn servizzi tal-broadband differenti huma offruti fuq mill-inqas żewġ infrastrutturi li jikkompetu flimkien (bħan-netwerks tat-telefonija u tat-televiżjoni bil-kejbil) (56) huma primarjament immexxija minn kumpaniji privati. Il-politika tal-Kummissjoni f’dan il-qasam għandha tkun aktar stretta fir-rigward ta’ proġetti li jinvolvu fondi pubbliċi f’tali żoni minħabba l-effett distortiv fuq in-negozju ta’ l-operaturi privati (57). |
VI.1. Riżorsi ta’ l-Istat
(85) |
L-ewwelnett, għandu jiġi evalwat jekk il-miżura hijiex mogħtija direttament jew indirettament permezz tar-riżorsi ta’ l-Istat u imputabbli għall-Istat (58). |
(86) |
Fil-każ kurrenti, il-muniċipalità ta’ Amsterdam tinvesti 6 miljun euro fis-sħubija GNA. Ladarba muniċipalità għandha titqies bħala emanazzjoni ta’ l-Istat, din għandha titqies bħala investiment b’riżorsi ta’ l-Istat fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE (59). L-awtoritajiet Olandiżi ma kkontestawx l-eżistenza tar-riżorsi ta’ l-Istat. |
VI.2. Vantaġġ
VI.2.1. Il-Prinċipju ta’ l-Investitur ta’ l-Ekonomija tas-Suq
(87) |
Għall-iskop li jiġi stabbilit jekk investiment finanzjarju mill-Istat f’intrapriża jinvolvix vantaġġ fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 87 (1) tat-Trattat tal-KE, il-Kummissjoni tapplika l-MEIP skond il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti. Skond dak il-prinċipju, transazzjoni ma tinvolvi ebda għajnuna mill-Istat jekk issir fl-istess ħin u taħt l-istess termini u kundizzjonijiet li jkunu aċċettabbli għal investitur privat li jaħdem taħt kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq normali (60). |
(88) |
Skond ġurisprudenza stabbilita, kapital impoġġi mill-istat, direttament jew indirettament, għad-dispożizzjoni ta’ intrapriża f’ċirkostanzi li jikkorrespondu għall-kundizzjonijiet tas-suq normali ma jistax jitqies bħala għajnuna mill-Istat. Madankollu, jekk l-investiment minn investitur pubbliku ma jagħtix kas ta’ kull prospett ta’ profitabbiltà, anke għal perjodu fit-tul, tali inċentiv għandu jitqies bħala għajnuna mill-Istat fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 87 (1) tat-Trattat tal-KE (61). |
(89) |
Fuq din il-bażi, kontribuzzjoni ta’ kapital mill-fondi pubbliċi għandha titqies bħala li tissodisfa t-test ta’ l-investitur ta’ l-ekonomija tas-suq u li ma tikkostitwixxi ebda għajnuna mill-Istat jekk, fost l-oħrajn, din tkun saret fl-istess waqt bħala kontribuzzjoni ta’ kapital sinjifikanti min-naħa ta’ investitur privat magħmula f’ċirkostanzi komparabbli (it-test tal-“konkomitanza”) (62). |
(90) |
Fil-każ preżenti, l-investiment mill-muniċipalità ta’ Amsterdam sar flimkien ma’ żewġ investituri privati, jiġifieri ING RE u Reggefiber. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha l-ewwel teżamina jekk l-investiment tal-muniċipalità ta’ Amsterdam jissodisfax it-test ta’ l-investitur ta’ l-ekonomija tas-suq minħabba l-fatt li dan ikun sar flimkien ma’ investiment privat sinjifikanti. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni ser teżamina l-kriterji li ġejjin: |
(91) |
L-ewwelnett, għandu jiġi identifikat jekk dawn l-investituri tas-suq u jekk l-investimenti mill-investituri privati għandhomx sinjifikanza ekonomika reali. Tali sinjifikanza għandha tiġi evalwata f’termini assoluti (porzjon sinjifikanti ta’ l-investiment totali) u f’relazzjoni għas-saħħa finanzjarja ta’ l-investitur privat konċernat. |
(92) |
It-tieninett, irid jiġi evalwat jekk l-investiment mill-partijiet kollha konċernati isirx fl-istess ħin (“konkomitanza”). |
(93) |
It-tielet, għandu jiġi identifikat jekk it-termini u l-kundizzjonijiet ta’ l-investiment humiex identiċi għall-azzjonisti kollha. |
(94) |
Ir-raba’, f’każijiet fejn l-Istat, investituri oħrajn jew il-benefiċjarju ikollhom relazzjonijiet oħrajn barra dan l-investiment (per eżempju permezz ta’ ittra sekondarja, li tipprovdi garanzija mill-Istat), jistgħu jeżistu raġunijiet biex wieħed jiddubita jekk tali ekwivalenza kinitx biżżejjed fis-sempliċi termini ta’ l-investiment (63). |
(95) |
Sussegwentement, u f’livell sussidjarju, il-Kummissjoni ser teżamina wkoll il-pjan tan-negozju tal-GNA, b’mod partikolari minħabba l-affermazzjonijiet tal-kwerelant Liberty Global/UPC u partijiet oħrajn interessati, li sostnew li ma hemm ebda każ ta’ negozju fattibbli għan-netwerk mibni minn GNA. |
VI.2.2. Evalwazzjoni tal-miżura fid-dawl ta’ l-MEIP
VI.2.2.1. Parteċipazzjoni sinjifikanti minn investituri privati
(96) |
Kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ (64), kemm ING RE u kif ukoll Reggefiber jistgħu bla dubju jitqiesu bħala “investituri privati” (65). Flimkien ma’ dan, l-interessi tan-negozju taż-żewġ kumpaniji huma koerenti mal-proġett imwettaq minn GNA: ING RE huwa attiv fin-negozju tal-proprjetà tal-beni immobbli u t-tip ta’ infrastruttura ta’ l-investimenti u Reggefiber huwa ingaġġat f’diversi proġetti ta’ netwerks tal-fibre fl-Olanda. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li ż-żewġ operaturi privati differenti jistgħu jġibu tipi differenti ta’ abbiltajiet sabiex jikkontribwixxu għas-suċċess tal-proġett. |
(97) |
F’termini assoluti, iż-żewġ investituri privati qegħdin jinvestu ammont sostanzjali (3 miljun ewro, rispettivament) fis-sħubija GNA. Jekk investiment ta’ 3 miljun ewro, meta mqabbel mas-saħħa finanzjarja li jgawdu ING RE u Reggefiber, jista’ jitqies f’termini relattivi mad-daqs ta’ l-investituri bħala li huwa investiment żgħir, tali investiment huwa ċertament wieħed sinjifikanti f’termini relattivi mal-kapitalizzazzjoni totali ta’ GNA u mal-kontribuzzjoni tal-kapital tal-muniċipalità ta’ Amsterdam. |
(98) |
Flimkien, iż-żewġ investituri privati jħaddnu terz tal-valur proprjetarju totali. Fil-kuntest ta’ dan il-proġett, dan is-sehem - waqt li ma jagħtix liż-żewġ kumpaniji kontroll dirett ta’ GNA - huwa porzjon sinjifikanti ta’ l-investiment totali. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tosserva li ING RE u Reggefiber huma azzjonisti maġġuri ta’ GNA. Tabilħaqq, l-akbar azzjonist waħdieni (il-muniċipalità ta’ Amsterdam) jippossjedi 33 % tal-valur proprjetarju ta’ GNA. ING RE u Reggefiber għandhom kull wieħed sehem ugwali għal nofs is-sehem ta’ l-akbar azzjonist waħdieni; jekk tgħaqqadhom flimkien, huma jippossjedu l-istess sehem daqs il-muniċipalità. L-azzjonisti li jifdal fl-intrapriża, il-ħames korporazzjonijiet tad-djar, kull wieħed minnhom jippossjedi ishma iżgħar minn ING RE u Reggefiber. Jidher li fi ħdan il-GNA ma hemm ebda azzjonist waħdieni li jista’ jeżerċita kontroll ta’ maġġoranza fuq il-kumpanija. Barra minn hekk, individwalment, iż-żewġ investituri privati jistgħu jkunu, u saħansitra aktar jekk jittieħdu lkoll flimkien, ta’ importanza kbira fl-iffurmar ta’ maġġoranza ta’ kontroll fi ħdan il-GNA (66). |
(99) |
Il-Kummissjoni tinnota wkoll li skond il-liġi korporattiva Olandiża, terz ta’ l-ishma huma biżżejjed biex jiffurmaw minoranza ta’ mblukkar fir-rigward ta’ kwalunkwe deċiżjoni importanti meħuda minn GNA. Għalhekk, iż-żewġ investituri privati jistgħu flimkien jiffurmaw minoranza ta’ mblukkar fi ħdan il-kumpanija. |
(100) |
Biex nikkonkludu, kemm ING RE u kif ukoll Reggefiber huma investituri tas-suq u l-investimenti tagħhom għandhom sinjifikanza ekonomika reali kemm f’termini assoluti u kif ukoll f’termini relattivi jekk wieħed jarahom fil-kuntest ta’ l-istruttura ta’ pussess ta’ ishma ta’ GNA. |
VI.2.2.2. Konkomitanza
(101) |
Fid-deċiżjoni tal-ftuħ (67), il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-muniċipalità investiet de jure fl-istess ħin ma’ l-investituri privati fis-sħubija GNA, iżda esprimiet xi dubji preliminari dwar il-konkomitanza de facto ta’ l-investimenti ta’ l-azzjonisti kollha ta’ GNA, billi l-muniċipalità kienet diġà ħadet ir-responsabbiltà ta’ inizjattivi u investimenti qabel ma ġie konkluż ftehim finali ma’ l-investituri l-oħrajn kollha. |
(102) |
Il-Kummissjoni nnotat li l-muniċipalità kkummissjonat diversi studji fl-2003 u fl-2004 biex tħejji l-proġett. Barra minn hekk, il-muniċipalità ħadet inizjattivi li jidhru li jmorru ‘lil hinn minn dawn il-passi preliminari. Minkejja n-nuqqas ta’ impenn qawwi mill-investituri privati, il-muniċipalità ppubblikat u organizzat sejħiet għall-offerti u saħansitra nnegozjat kuntratti għall-kostruzzjoni u l-esplojtazzjoni tan-netwerk. Minbarra dan, il-muniċipalità ta’ Amsterdam iffinanzjat ċerti attivitajiet ta’ tħaffir u xtrat softwer għall-kostruzzjoni tan-netwerk. |
(103) |
F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet Olandiżi pprovdew aktar informazzjoni (ivverifikata minn Deloitte) dwar il-pre-investimenti u dwar ir-rimborż tagħhom tal-pre-investimenti wara l-ftuħ ta’ l-investigazzjoni formali. Skond ir-rapport ta’ verifika ta’ Deloitte, il-fondi assenjati b’mod komuni mill-azzjonisti ta’ GNA kienu jammontaw għal EUR […] mill-pre-investimenti totali ta’ EUR […]. L-ammont ta’ EUR […] li kien jifdal kienu inizjalment iffinanzjati mill-muniċipalità biss (68). |
(104) |
L-informazzjoni ġdida rċevuta matul l-investigazzjoni formali tat iċ-ċans lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi dawn il-fatti: L-ewwelnett, parti sostanzjali mill-attivitajiet u l-pre-investimenti (EUR […]) intlaħaq qbil fuqha b’mod espliċitu fl-“Ittri ta’ Intenzjoni” iffirmati mill-azzjonisti prospettivi ta’ GNA u ko-iffinanzjati minnhom kollha b’mod proporzjonali għar-riskju tagħhom saħansitra qabel it-twaqqif tal-kumpanija, billi l-imsieħba kollha fl-intrapriża dehrilhom li kien meħtieġ li b’mod individwali u separat jieħdu ċerti passi qabel l-inkorporazzjoni ta’ GNA. |
(105) |
It-tieni, il-pre-investimenti kollha (inklużi EUR […] assenjati biss mill-muniċipalità ta’ Amsterdam) kienu inklużi fil-pjan tan-negozju li fuqu kien ibbażat l-investiment u b’hekk intlaħaq qbil fuqhom bejn l-azzjonisti kollha ta’ GNA. Għalhekk, l-imsieħba kollha fl-intrapriża qiesu dawk il-pre-investimenti bħala passi utli qabel it-twaqqif ta’ GNA. Skond l-awtoritajiet Olandiżi, kien hemm ftehim fost l-azzjonisti kollha li l-porzjon inizjalment iffinanzjat mill-muniċipalità jiġi rimborżat minn GNA. Fi kliem ieħor, il-kondotta tal-muniċipalità ma tipprevedix minn qabel jew tinfluwenza l-imġiba ta’ l-investituri tas-suq l-oħrajn. |
(106) |
Fuq il-bażi ta’ dan li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-fatt li l-muniċipalità ta’ Amsterdam wettqet xi pre-investimenti limitati qabel it-twaqqif formali ta’ GNA ma tiddubitax mill-issodisfar ta’ l-MEIP meta wieħed jikkunsidra li kien hemm ftehim fost l-azzjonisti kollha li l-muniċipalità ta’ Amsterdam kellha tiġi rimborżata għal dawn il-pre-investimenti. |
VI.2.2.3. Termini u kundizzjonijiet
(107) |
Fid-deċiżjoni tal-ftuħ (69), il-Kummissjoni esprimiet dubji preliminari dwar jekk it-termini u l-kundizzjonijiet ta’ l-investiment għall-azzjonisti kollha kinux identiċi. B’mod aktar speċifiku, il-Kummissjoni esprimiet id-dubji tagħha li l-pre-investimenti mwettqa mill-muniċipalità ta’ Amsterdam setgħu naqqsu jew immitigaw xi riskji tal-bidu assoċjati mal-proġett għal partijiet oħrajn li jinvestu. |
(108) |
Dawn id-dubji preliminari ġejjin mill-fatt li, għalkemm il-Kummissjoni talbet diversi drabi li tingħata deskrizzjoni kompleta ta’ l-ispejjeż tal-pre-investiment (70), u l-awtoritajiet Olandiżi ppreżentaw xi informazzjoni dwar il-ħlasijiet finali bejn Amsterdam, GNA u l-azzjonisti tagħha f’dan ir-rigward, dan ma ċċarax għalkollox l-attivitajiet kollha ta’ “iffinanzjar minn qabel” mill-muniċipalità, inklużi l-ammonti attwalment minfuqa mill-muniċipalità ta’ Amsterdam. |
(109) |
Fuq il-bażi tas-sottomissjonijiet mill-awtoritajiet Olandiżi fil-mument li nbdiet l-investigazzjoni formali, il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tikkalkula jew tivverifika l-ammont totali ta’ dawn il-“pre-investimenti” li l-Kummissjoni stmat li kienu fil-grad ta’ miljun u nofs euro. Barra minn hekk, ma kienx għal kollox ċar għall-Kummissjoni kif kienu maqsumin dawn l-ispejjeż bejn l-azzjonisti u kif kienu inklużi fil-pjan tan-negozju ta’ GNA. |
(110) |
B’mod partikolari, il-Kummissjoni beżgħet li l-“iffinanzjar minn qabel” mill-muniċipalità - parzjalment mingħajr il-qbil espliċitu ta’ wħud mill-investituri l-oħrajn – seta’ naqqas ir-riskju ta’ l-investiment mill-investituri l-oħrajn fil-GNA u seta’ kellu impatt pożittiv fuq ir-rieda tagħhom li jinvestu fil-GNA. L-informazzjoni ppreżentata mill-awtoritajiet Olandiżi wara l-ftuħ ta’ l-investigazzjoni formali taffiet dawn id-dubji preliminari. |
(111) |
L-ewwelnett, kif iċċarat mill-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Olandiżi dwar ir-rimborż ta’ l-ispejjeż tal-pre-investiment u mir-rapport ta’ verifika li ġie ppreżentat, l-ispejjeż totali tal-pre-investiment kienu jammontaw għal EUR […], maqsuma f’żewġ partijiet: EUR […] li ntlaħaq ftehim fuqhom u li ġew ko-finanzjati mill-azzjonisti prospettivi kollha ta’ GNA fl-“Ittri ta’ Intenzjoni” b’mod proporzjonali għar-riskju tagħhom, u EUR […] li fil-bidu kienu ffinanzjati biss mill-muniċipalità ta’ Amsterdam. Dawn l-ispejjeż kollha kienu mitluba kif xieraq lil GNA, inklużi l-interessi (71) u ma jidher li hemm l-ebda spejjeż addizzjonali marbuta mal-proġett ta’ GNA li baqgħu ma ġewx indirizzati. |
(112) |
It-tieninett, l-ispejjeż kollha relatati mal-pre-investiment inizjalment kienu inklużi wkoll fil-pjan tan-negozju ta’ GNA, biex b’hekk ma jidher li tfaċċaw l-ebda spejjeż ġodda wara l-iffirmar tal-ftehim tal-GNA, li setgħu jbiddlu t-termini u l-kundizzjonijiet għall-azzjonisti l-oħrajn. Dan huwa skond is-sejba li kien hemm qbil fost l-azzjonisti kollha li l-muniċipalità ta’ Amsterdam ser ikollha tiġi rimborżata għall-pre-investimenti mwettqa. |
(113) |
It-tielet, għalkemm il-muniċipalità ta’ Amsterdam ħadet l-inizjattiva u ffinanzjat minn qabel parti mill-ispejjeż tal-proġett, dawk l-inizjattivi u investimenti ma setgħux inaqqsu r-riskji nvoluti fil-proġett għall-azzjonisti l-oħrajn. Kuntrarju għad-dubji preliminari mqajma fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni li l-investimenti inizjalment iffinanzjati mill-muniċipalità fit-twettiq ta’ xogħlijiet ċivili limitati u għax-xiri ta’ softwer ma setgħux, minħabba n-natura tagħhom u minħabba s-sinjifikanza finanzjarja limitata tagħhom, ibiddlu l-profil tar-riskju tal-proġett. L-istess huwa minnu għall-pre-investimenti kofinanzjati mill-azzjonisti prospettivi kollha b’mod parallel ma’ l-iffirmar ta’ l-“Ittri ta’ Intenzjoni”. L-analiżi tal-pjan tan-negozju turi b’mod ċar li r-riskji kummerċjali ta’ l-investiment fil-GNA huma marbuta mas-suċċess tal-proġett fis-snin li ġejjin, b’mod partikolari f’termini ta’ l-evoluzzjoni tas-suq, u mhux ma’ l-ewwel passi li saru fit-tħejjija tal-proġett. |
(114) |
Ir-raba’, il-Kummissjoni ma taqbilx ma’ l-argument tal-UPC li l-istudji tal-fattibbiltà li saru mill-muniċipalità ta’ Amsterdam setgħu naqqsu xi ftit mir-riskju għall-azzjonisti l-oħrajn tal-GNA, li seta’ kien biss wara li ddeċidew li jinvestu fil-GNA. Il-Kummissjoni tinnota li kwalunkwe investitur tas-suq prudenti normalment ikollu jwettaq l-evalwazzjoni tiegħu stess fir-rigward ta’ l-istrateġija u l-prospetti tal-profitabbiltà (studju ta’ fattibbiltà) ta’ proġett ta’ investiment (72) mingħajr ma titqies bħala mezz biex tnaqqas ir-riskji involuti għal partijiet oħrajn li jinvestu. Fi kwalunkwe każ, li kieku l-proġett kellu jfalli, il-partijiet li investew kollha flimkien ikollhom jerfgħu fuq spallejhom it-telf li jirriżulta minn negozju li ma jkunx sejjer tajjeb jew, fl-agħar każ, mill-falliment ta’ GNA. |
(115) |
Fid-dawl ta’ din l-informazzjoni, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-azzjonisti kollha f’GNA investew taħt l-istess termini u kundizzjonijiet. |
VI.2.2.4. Relazzjonijiet oħrajn
(116) |
Il-UPC qabel li ING RE setgħet iddeċidiet li tinvesti fil-proġett ta’ GNA mhux fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi, iżda pjuttost bħala parti mill-istrateġija ta’ kummerċjalizzar tagħha biex iżżomm relazzjoni tajba mal-muniċipalità ta’ Amsterdam, li allegatament hija msieħba kummerċjali importanti ta’ ING RE. |
(117) |
Għandu jiġi evalwat jekk hemmx xi relazzjonijiet oħrajn barra mill-ftehim ta’ l-investiment u l-kooperazzjoni li huma rilevanti biex jiġi evalwat jekk l-investiment jissodisfax l-MEIP. F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni tal-ftuħ (73) irreferiet għall-fatt li l-awtoritajiet Olandiżi pprovdew stqarrija li fiha ddikjaraw li ma hemm ebda relazzjoni oħra bejn il-partijiet konċernati, jiġifieri relazzjonijiet barra mill-ftehimiet innotifikati, li huma rilevanti biex jiġi evalwat jekk l-investiment huwiex skond l-MEIP. |
(118) |
L-investigazzjoni tal-Kummissjoni u l-informazzjoni ppreżentata mill-partijiet interessati ma pprovdew ebda elementi li jindikaw li l-istqarrija ta’ l-awtoritajiet Olandiżi m’hijiex korretta. |
(119) |
Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-investiment mill-muniċipalità ta’ Amsterdam sar fl-istess waqt u f’ċirkostanzi komparabbli mal-kontribuzzjonijiet tal-kapital sinjifikanti mill-investituri privati. |
(120) |
Għalhekk, l-investiment magħmul mill-muniċipalità ta’ Amsterdam huwa skond il-prinċipju ta’ l-investitur tas-suq u ma jikkostitwixxi ebda għajnuna mill-Istat. |
VI.2.2.5. Evalwazzjoni tal-pjan tan-negozju
(121) |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni evalwat ukoll il-pjan tan-negozju ta’ GNA, b’mod partikolari minħabba d-dubji mqajjma fid-deċiżjoni tagħha li tagħti bidu għall-investigazzjoni formali u fid-dawl ta’ l-affermazzjonijiet tal-partijiet interessati Liberty Global/UPC, ONO, FT, COM HEM u parti oħra li għażlet li tibqa’ anonima (74). |
(122) |
Fid-deċiżjoni tal-ftuħ (75), wara l-analiżi preliminari tal-pjan tan-negozju ta’ GNA u r-rimarki kritiċi rċevuti mill-UPC f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni dehrilha li mhux biss l-indikaturi tal-prestazzjoni fil-mira, iżda s-suppożizzjonijiet kollha li jsejsu l-pjan tan-negozju ta’ GNA kienu jidhru ottimistiċi. Il-Kummissjoni qieset ukoll li kien hemm grad għoli ta’ sensittività għas-suċċess tal-proġett li kieku l-miri (bħar-rata tal-penetrazzjoni) naqsu milli jimmaterjalizzaw, saħansitra aktar li kieku waħda mis-suppożizzjonijiet bażiċi ddevjat mil-livelli fil-mira. |
(123) |
Il-Kummissjoni rċeviet kummenti dwar l-analiżi tal-pjan tan-negozju inkluża fid-deċiżjoni tal-ftuħ kemm mill-awtoritajiet Olandiżi u kif ukoll mill-UPC, li tatha ċ-ċans li tidħol aktar fil-fond fl-evalwazzjoni tagħha. |
(124) |
Il-Kummissjoni tinnota li l-pjan tan-negozju ta’ GNA huwa relatat ma’ intrapriża li għadha kif ġiet iffurmata mingħajr ebda rekord, li taġixxi f’segment ta’ negozju ġdid u innovattiv (teknoloġija ta’ FttH, “mudell bi tliet saffi”, fejn l-infrastrutturi passivi u attivi jitħaddmu u jiġu ġestiti separatament, b’aċċess miftuħ u mhux diskriminatorju offrut lill-operaturi kollha tal-bejgħ bl-imnut, ara l-parti tad-deskrizzjoni premessi 0- 0). Għalhekk, f’każ bħal dan, l-evalwazzjoni ta’ pjan tan-negozju ta’ intrapriża li għadha kif ġiet iffurmata hija neċessarjament u b’mod inevitabbli bbażata fuq ipotesijiet u projezzjonijiet tas-suq għall-ġejjieni fir-rigward ta’ l-evoluzzjoni probabbli tad-domanda u l-provvista għas-servizzi ta’ FttH. |
Reviżjonijiet indipendenti mwettqa f’relazzjoni mal-pjan tan-negozju
(125) |
Il-Kummissjoni tinnota li l-metodoloġija tal-pjan tan-negozju kienet ivverifikata u aċċettata minn PricewaterhouseCoopers (76), kumpanija tal-verifika indipendenti. B’mod aktar speċifiku, wara l-ewwel analiżi ta’ l-ewwel verżjoni tal-pjan tan-negozju ta’ GNA, PricewaterhouseCoopers ipproponiet xi modifikazzjonijiet biex jiffiltraw ċerti inkonsistenzi preliminari. Dawn il-proposti ttieħdu f’kunsiderazzjoni fil-pjan tan-negozju aġġornat ta’ GNA. Wara dawk il-modifikazzjonijiet, PricewaterhouseCoopers qalet li l-mudell “ma jinkludix kwistjonijiet ta’ integrità teknika jew ekonomika”, u l-pjan tan-negozju ta’ GNA ġie ppreżentat lill-Kummissjoni wara. |
(126) |
Wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, l-awtoritajiet Olandiżi ppreżentaw rapport imħejji minn Stratix Consulting/l-Università Teknika ta’ Delft (77), li jirrevedi u jendorsja l-fattibbiltà tal-pjan tan-negozju ta’ GNA, b’fokus speċjali fuq is-suppożizzjonijiet li kienu enfasizzati mill-Kummissjoni bħala “ottimistiċi” fid-deċiżjoni tal-ftuħ. Ir-rapport wasal għall-konklużjoni li l-pjan tan-negozju ta’ GNA huwa wieħed realistiku u li s-suppożizzjonijiet bażiċi huma bbażati b’mod korrett fuq tendenzi tas-suq kurrenti u għandhom jitqiesu bħala stimi “konservattivi”. |
Indikaturi finanzjarji
(127) |
GNA applikat tliet indikaturi tal-prestazzjoni finanzjarja ewlenin biex tkejjel is-suċċess tal-proġett, b’dawn ikunu l-ġenerazzjoni tal-ħruġ u d-dħul tal-flus, ir-redditu fuq l-ekwità u r-rata interna tar-redditu (IRR). |
(128) |
Il-Kummissjoni tqis li l-porzjon ta’ l-IRR jidher li huwa l-aktar parametru addattat għal analiżi tal-pjan tan-negozju. L-IRR tintuża għat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-investimenti fuq perjodu twil u biex jiġu mqabbla l-proġetti ta’ investiment differenti. L-IRR bażika tal-pjan tan-negozju ta’ GNA hija […] %. |
(129) |
Minħabba n-novità tal-proġett u n-natura dinamika tas-swieq tat-telekomunikazzjoni tal-broadband, huwa diffiċli li jitwettaq eżerċizzju ta’ benchmarking. Id-disponibbiltà pubblika tal-figuri ta’ l-IRR minn proġetti simili hija limitata, mhux l-inqas minħabba li dawn il-figuri rari jitpoġġew disponibbli għall-pubbliku billi jitqiesu bħala sigrieti kummerċjali. Id-data komparattiva disponibbli għall-pubbliku li hija l-aktar rilevanti hija dik dwar l-ispiża medja peżata tal-kapital (“WACC”) ta’ kumpaniji oħrajn fl-istess industrija. Id-data tad-WACC tista’ tkun punt ta’ referenza utli minħabba li proġett jitqies bħala wieħed li jkun jaqbel li jsir jekk l-IRR taqbeż id-WACC. Fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni li għandha fil-pussess tagħha l-Kummissjoni, il-figuri ta’ l-industrija jitilgħu u jinżlu fil-medda bejn 8,1 % u 10,6 % (78). Fuq il-bażi ta’ dawn il-figuri, l-IRR fil-pjan tan-negozju ta’ GNA tidher li tinsab fi ħdan il-medda aċċettabbli. |
(130) |
Fis-sottomissjoni tiegħu, il-UPC sostna li minħabba n-novità u r-riskju għoli involut fil-proġett, l-IRR immirata għal GNA, li bażikament hija ditta li għadha kif bdiet topera, għandha tkun ogħla mill-figuri tad-WACC ta’ kumpanija stabbilita sewwa b’bażi ta’ klijenti sinjifikanti u b’ġenerazzjoni ta’ ħruġ u dħul ta’ flus, bħall-KPN jew il-UPC. |
(131) |
L-awtoritajiet Olandiżi jesprimu d-dubju tagħhom għall-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-punti ta’ referenza użati għall-evalwazzjoni ta’ l-IRR fid-deċiżjoni tal-ftuħ. Huma jsostnu li l-figuri tad-WACC huma relatati ma’ operaturi integrati vertikalment, filwaqt li l-GNA qiegħda tinvesti biss f’netwerk passiv, li huwa aktar simili għal investiment ta’ infrastruttura li għalih ġeneralment jintalbu rati aktar baxxi ta’ redditu mill-investituri. |
(132) |
Il-Kummissjoni ssib li l-IRR fil-mira fil-pjan tan-negozju ta’ GNA tidher li tinsab fi ħdan l-aspettattivi għall-kumpaniji li huma attivi fis-suq tat-telekomunikazzjonijiet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-proġett ta’ l-investiment taħt skrutinju huwa differenti minn dak ta’ operatur integrat vertikalment u jippreżenta karatteristiċi ta’ investiment tat-tip ta’ infrastruttura, li għalih hija mitluba IRR aktar baxxa. |
(133) |
Il-Kummissjoni evalwat ukoll l-indikaturi finanzjarji alternattivi użati fil-pjan tan-negozju, bħall-ġenerazzjoni pożittiva tal-ħruġ u d-dħul tal-flus u r-redditu fuq l-ekwità. Il-Kummissjoni ma tistax twettaq eżerċizzju ta’ benchmarking bir-reqqa għal dawn l-indikaturi minħabba n-nuqqas ta’ data disponibbli għall-pubbliku (79), u għalhekk evalwat minnhom il-lat ta’ l-adegwatezza u l-konsistenza interna fi ħdan il-pjan tan-negozju. Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-figuri pprovduti fil-pjan tan-negozju jidhru li huma aċċettabbli għal investitur ta’ l-ekonomija tas-suq. |
Ir-rata ta’ penetrazzjoni
(134) |
Wieħed mill-aktar fatturi importanti għall-pjan tan-negozju huwa r-rata ta’ penetrazzjoni fil-mira. Billi d-dħul finanzjarju għall-GNA ser jiddependi ħafna fuq ir-rata ta’ penetrazzjoni miksuba, jiġifieri l-perċentaġġ ta’ djar li għandhom konnessjoni, il-fattibbiltà tal-ksib tar-rata ta’ penetrazzjoni fil-mira hija ta’ importanza kruċjali għas-suċċess tan-negozju ta’ GNA. |
(135) |
GNA għandha l-għan li tikseb rata ta’ penetrazzjoni ta’ […] % tad-djar kollha fi żmien […] xahar (u l-livelli ta’ penetrazzjoni huma mistennija li jiġu saturati bejn wieħed u ieħor f’dan il-livell). Barra minn hekk […] (80). |
(136) |
Fis-sottomissjonijiet tiegħu, il-UPC esprima dubji serji dwar jekk kwalunkwe sehem sinjifikanti fis-suq (bħar-rata ta’ 40 % fil-mira msemmija f’rapport dwar l-investiment (81) jistax jinkiseb mill-proġett. Il-UPC, billi joqgħod fuq ir-rapport minn RBB u fuq il-figuri li jikkonċernaw ir-rati churn totali għaz-żoni fejn il-GNA diġà qiegħda tipprovdi servizzi tat-tip triple play, isostni li l-penetrazzjoni tal-broadband totali kurrenti fiz-żoni li huma ppjanati li jkunu koperti minn GNA diġà laħqet il-65 %. B’mod aktar partikolari, skond il-UPC, il-kompetizzjoni relattivament qawwija fiz-żona u l-offerti ġodda limitati disponibbli fuq in-netwerk tal-fibre ta’ GNA ikomplu jsaħħu l-fehma li l-operaturi bl-imnut li jużaw in-netwerk tal-GNA vija l-BBned ser jonqsu milli jattiraw biżżejjed klijenti. |
(137) |
Il-UPC jenfasizza wkoll li huwa ma jara ebda vantaġġ kompetittiv tan-netwerk tal-fibre il-ġdid meta mqabbel ma’ l-offerti eżistenti ta’ l-operaturi tal-broadband kurrenti minflok il-forniment tal-bandwidth simetrika lill-klijenti ta’ servizzi bl-imnut, li għalihom id-domanda għas-servizz hija madankollu ineżistenti. Minbarra dan, il-UPC jsostni li l-aktar prodott tal-broadband avvanzat tagħhom f’termini ta’ bandwidth disponibbli (82) ma kisibx wisq suċċess sa issa u li l-klijenti għandhom tendenza li jagħżlu prodotti irħas u inqas sofistikati kull meta fis-suq jiġu offruti prodotti aktar avvanzati. |
(138) |
B’kuntrast, l-awtoritajiet Olandiżi jsostnu li s-servizzi l-ġodda jistgħu jiġu pprovduti fuq il-konnessjoni simetrika tal-broadband tal-fibre (bħall-qsim tal-fajls u “applikazzjonijiet oħrajn bejn entità u oħra ta’ l-istess livell”, HDTV), li jappartjenu għal suq differenti mill-konnessjonijiet asimmetriċi kurrenti. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Olandiżi li joqogħdu fuq l-istudju diġà msemmi li tħejja minn Stratix Consulting u mill-Università Teknika ta’ Delft jenfasizzaw li diversi eżempji li kisbu suċċess mhux biss mill-Olanda, iżda wkoll mill-Istati Uniti u l-Ġappun jindikaw li r-rata ta’ penetrazzjoni fil-mira hija waħda realistika. |
(139) |
Il-Kummissjoni evalwat l-argumenti tad-diversi partijiet f’dan ir-rigward. Il-Kummissjoni tinnota li l-GNA, sabiex tiddetermina l-kurva tar-rata tal-penetrazzjoni, […]. Dan il-mudell li jbassar ir-rata tal-penetrazzjoni jinkorpora fih is-suppożizzjonijiet kollha meħtieġa, inklużi r-rata tat-teħid, il-veloċità tar-rata tat-teħid u r-rati churn, kif ukoll dawk is-suppożizzjonijiet li kienu kkwotati mill-UPC bħala li kienu fatturi importanti biex jevalwaw il-fattibbiltà tal-pjan tan-negozju. Għalhekk, il-pjan tan-negozju jinkludi l-fatturi rilevanti li huma meħtieġa għall-evalwazzjoni tar-rata tal-penetrazzjoni. |
(140) |
Dwar il-kwistjoni jekk ir-rati ta’ penetrazzjoni fil-pjan tan-negozju jistgħux jinkisbu, il-Kummissjoni tinnota li hija tiddependi ħafna fuq l-evoluzzjoni tas-suq, il-veloċità li biha għandhom jiġu adottati l-applikazzjonijiet u t-teknoloġiji ġodda li jeħtieġu konnessjoni rapida u simetrika ta’ broadband tal-fibre mill-fornituri tas-servizzi, flimkien mar-reazzjoni tal-klijenti għal dawn il-possibbiltajiet il-ġodda. Dawn il-fatturi ma jistgħux ikunu magħrufa b’ċertezza f’dan il-mument, kif inhu muri mill-fehmiet differenti bejn il-UPC (aktar xettiċi fir-rigward tal-prospetti tas-suq) u Reggefiber, ING RE u l-Università Teknika ta’ Delft (li endorsjaw l-estimi fil-pjan tan-negozju jew bħala investituri jew inkella bħala konsulenti indipendenti). |
(141) |
B’mod aktar speċifiku dwar ir-rati churn sottomessi mill-UPC biex juru li l-proġett qiegħed ifalli milli jilħaq kull rata ta’ penetrazzjoni li tagħmel sens, il-Kummissjoni tinnota li l-figuri sottomessi jkopru l-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2006 u l-1 ta’ Ġunju 2007, filwaqt li l-operaturi bl-imnut li jużaw in-netwerk tal-GNA bdew joffru s-servizzi lill-klijenti f’żoni limitati ta’ Amsterdam f’Marzu 2007. Minħabba l-ammont limitat ħafna ta’ żmien li għadda minn mindu s-servizzi bdew jiġu pprovduti fuq in-netwerk tal-GNA, il-Kummissjoni m’hijiex konvinta li f’dan l-istadju wieħed ikun jista’ jislet informazzjoni sinjifikanti mir-rati churn. |
(142) |
Fir-rigward ta’ l-argument tal-UPC li l-eżempji ta’ bliet Olandiżi żgħar li kisbu suċċess fl-użu tal-fibre, bħalma huma Hillegom jew Nuenen (83) m’għandhomx jittieħdu f’kunsiderazzjoni billi dawn il-bliet m’humiex komparabbli f’termini ta’ daqs, is-sitwazzjoni kompetittiva u s-sussidji għall-proġett ta’ Amsterdam, il-Kummissjoni tqis li għalkemm jeżistu ċerti differenzi, dawk il-proġetti xorta għadhom jipprovdu xi intuwizzjonijiet utli għall-analiżi tal-benchmarking bħala eżempji ta’ proġetti ta’ l-użu tal-fibre fl-Olanda. |
(143) |
Skond l-analiżi ta’ l-industrija (84) madwar 20-25 % tal-popolazzjoni bħala medja hija lesta li tibda tuża netwerk tal-fibre ġdid. […]. |
(144) |
Minbarra dan, fuq il-bażi ta’ tendenzi kurrenti, id-domanda għas-servizzi li jingħataw fuq netwerks tal-fibre b’bandwidth għolja tidher li qiegħda tiżdied b’pass aktar mgħaġġel minn dak li stennew l-esperti tas-suq ftit snin ilu. Il-pjanijiet kurrenti għall-użu tan-netwerks tal-fibre b’mod speċjali fl-Olanda u f’pajjiżi Ewropej oħrajn (85) jipprovdu aktar evidenza għall-ġibda ta’ l-investimenti f’netwerks ta’ aċċess tal-fibre. Għalhekk, m’huwiex maqtugħ mir-realtà li rata ta’ penetrazzjoni ta’ […] % tad-djar kollha tista’ tintlaħaq wara […] xahar. |
(145) |
Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li huwa konċepibbli għal investitur ta’ l-ekonomija tas-suq li jinvesti fil-proġett fuq dik il-bażi tar-rati ta’ penetrazzjoni previsti fil-pjan tan-negozju (tabilħaqq, dan huwa dak li għamlu Reggefiber u ING RE). |
Prezzijiet bl-ingrossa
(146) |
Il-prezzijiet bl-ingrossa għal kull konnessjoni mitluba minn GNA lil BBned għall-esplojtazzjoni tan-netwerk passiv […]. |
(147) |
Fis-sottomissjonijiet tiegħu, il-UPC ikkalkula li l-GNA għandha titlob mill-inqas EUR 20 - EUR 22 fix-xahar għal konnessjoni bl-ingrossa li tippermetti servizzi ta’ triple-play fuq in-netwerk tagħha. Madankollu, f’dan il-livell tal-prezz, il-prezzijiet finali ta’ servizz bl-imnut neċessarjament ikunu aktar għaljin minn offerti simili kurrenti ta’ l-operaturi eżistenti, li allegatament iqajmu dubji dwar ir-rata ta’ penetrazzjoni fil-mira. |
(148) |
Sabiex isaħħaħ l-argumenti tiegħu, il-UPC issottometta kalkoli (86) għall-prezzijiet bl-ingrossa ibbażati fuq il-prezzijiet ta’ servizzi bl-imnut offruti mill-fornituri ta’ servizzi (87) fuq in-netwerk tal-GNA. Il-UPC isostni li fuq il-bażi ta’ dawn il-prezzijiet bl-imnut kurrenti, huwa improbabbli li t-tliet saffi kollha (passivi, attivi u ta’ l-imnut) ikunu jistgħu joperaw bi profitt fl-istess waqt. |
(149) |
B’kuntrast, l-awtoritajiet Olandiżi jsostnu li t-teknoloġija l-ġdida tal-fibre teħtieġ kalkoli ta’ l-ispiża differenti mil-linji tal-kejbil jew tar-ram tradizzjonali. Biex nieħdu eżempju, in-netwerk tal-fibre jeħtieġ nefqiet operattivi ferm aktar baxxi (bħal spejjeż ta’ l-immaniġġjar, manutenzjoni) u barra minn hekk għandu ħajja ekonomika itwal, jiġifieri perjodu ta’ amortizzazzjoni itwal (sa 30 sena). |
(150) |
Il-UPC sostna wkoll li m’huwiex possibbli għat-tliet saffi kollha (88) li jrendu profitti b’mod simultanju. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li hija evalwat il-prezzijiet bl-ingrossa mitluba għall-aċċess għas-saff passiv, billi dan huwa s-saff inkluż fil-pjan tan-negozju li qiegħed jiġi evalwat, fejn huma involuti l-fondi pubbliċi. Il-Kummissjoni sabet li dawn il-prezzijiet bl-ingrossa m’humiex maqtugħin mir-realtà (89). Il-vijabilità taż-żewġ saffi l-oħrajn, imħaddma minn operaturi privati, hija sa ċertu punt affettwata mill-prezzijiet bl-ingrossa mitluba għall-użu tas-saff passiv. B’kunsiderazzjoni tal-fatt li l-operat tat-tieni saff intrebaħ minn BBned permezz ta’ sejħa għall-offerti miftuħa, li aċċess miftuħ u mhux diskriminatorju huwa offrut lil kull operatur fuq is-saff tas-servizzi bl-imnut u b’kunsiderazzjoni wkoll tal-prezzijiet bl-ingrossa ta’ GNA, il-Kummissjoni ma tara li hemm ebda riskju li ż-żewġ saffi l-oħrajn jistgħu ma jitħaddmux b’mod li jħallu l-profitti. |
(151) |
F’dak li għandu x’jaqsam mal-prezzijiet mitluba minn GNA għall-aċċess bl-ingrossa, hemm xi indikazzjonijiet li n-netwerks tal-fibre jistgħu jinvolvu nefqa operattiva aktar baxxa min-netwerks tal-kejbil u t-telekomunikazzjoni ta’ legat. Fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet u wkoll b’kunsiderazzjoni ta’ l-informazzjoni ta’ punt ta’ referenza disponibbli u tar-riżultati tar-rapport ta’ Stratix Consulting/l-Università Teknika ta’ Delft, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-prezzijiet bl-ingrossa fil-pjan tan-negozju m’humiex maqtugħin mir-realtà meta mqabblin ma’ servizzi simili pprovduti minn operaturi oħrajn. |
Spejjeż ta’ l-Investiment
(152) |
Il-Kummissjoni evalwat ukoll l-ispejjeż ta’ l-investiment ippjanati. Il-GNA tikkalkula EUR […]. Dan iwassal għal spiża totali għas-saff passiv ta’ […] għal kull dar. Il-figuri tal-benchmark, miġbura mill-Kummissjoni, għall-infrastruttura kompleta (attiva u passiva flimkien) jitilgħu u jinżlu bejn EUR 1 000 u EUR 2 000 (90), waqt li l-porzjon bejn il-ħtiġijiet ta’ l-investiment għal konnessjoni passiva u dik attiva hija bejn wieħed u ieħor madwar tnejn għal kull wieħed. |
(153) |
Il-UPC jappoġġja l-opinjoni preliminari tal-Kummissjoni espressa fid-deċiżjoni tal-ftuħ li l-vijabilità tal-pjan tan-negozju hija dipendenti ħafna fuq l-ispejjeż marbuta ma’ l-investiment u jenfasizza li l-ispejjeż ikkalkulati huma estimi baxxi ħafna. B’kuntrast ma’ dan, l-awtoritajiet Olandiżi jsostnu li l-ispejjeż ta’ l-investiment jirriżultaw mit-topoloġija taz-żoni konċernati, id-densità tal-popolazzjoni għolja u l-preżenza tal-binjiet li fihom jgħixu aktar minn familja waħda (li jnaqqsu l-ispejjeż ta’ l-użu għal kull dar). Minbarra dan, l-awtoritajiet jenfasizzaw li l-GNA diġà ffirmat kuntratt mal-kumpaniji ta’ l-inġinerija ċivili Van den Berg/BAM u Draka Comteq nhar il-[…] 2006 (91) f’kundizzjonijiet speċifikati li għandhom jiggarantixxu li l-ispejjeż ta’ l-użu jkunu fil-medda inkluża fil-pjan tan-negozju. |
(154) |
B’kunsiderazzjoni wkoll tat-topografija taz-żoni (żona b’popolazzjoni densa fuq pjan terran), il-fatt li l-kumpaniji ta’ l-inġinerija ċivili li għamlu x-xogħlijiet aċċettaw li jagħmluhom għal prezz kompatibbli mal-pjan tan-negozju, u mad-data tal-benchmark disponibbli, il-Kummissjoni ssib li l-figuri ppjanati fl-investiment tal-GNA jidhru li huma realistiċi. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-GNA ikkalkulat b’ċertu livell ta’ buffer fil-każ ta’ qabża ta’ l-ispejjeż ta’ l-investiment li tkun skond il-prattika ta’ l-investituri tas-suq prudenti u tipprovdi aktar evidenza għar-robustezza ta’ l-estimi ta’ l-ispejjeż marbuta ma’ l-investiment. |
Il-valur residwali tan-netwerk
(155) |
Il-valur residwali stmat tan-netwerk passiv għandu rwol importanti ħafna fil-pjan tan-negozju tal-GNA sabiex jinkisbu l-miri finanzjarji u sabiex jiġi pprovdut kollateral għall-investituri. Il-GNA tapplika kkalkolata fuq bażi multipla biex tiddetermina l-valur residwali ta’ l-assi (il-valur proġettat tan-netwerk fl-[…] huwa ta’ EUR […]), il-valur qiegħed jiddependi biss fuq ir-rata ta’ penetrazzjoni miksuba. Il-Kummissjoni evalwat ukoll b’validazzjoni alternattiva fuq bażi multipla l-valur residwali tan-netwerk tal-GNA, li rriżulta f’valur fil-medda ta’ EUR […] miljun f’rata ta’ penetrazzjoni ta’ […]%, li taqbel ma’ l-istima tal-GNA. |
(156) |
Il-UPC jissuġġerixxi li l-figuri tal-benchmark użati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ (92) għall-evalwazzjoni tal-valur residwali tan-netwerk huma ottimistiċi wisq, ladarba dawk il-figuri huma relatati ma’ kumpanija stabbilita bi dħul u klijenti rikorrenti. Barra minn hekk, il-UPC jasserixxi li għal-lifetime ekonomika mistennija tan-netwerk, stima ta’ massimu ta’ 20 sena tidher li hija waħda raġonevoli (meta mqabbla mal-[…] użata fil-pjan tan-negozju ta’ GNA). Il-UPC jirrakkomanda wkoll li tintuża evalwazzjoni bbażata fuq il-ħruġ u d-dħul tal-flus sabiex jiġi ċċekkjat il-valur residwali tan-netwerk. |
(157) |
L-awtoritajiet Olandiżi jsostnu li l-kalkolazzjoni tal-pjan tan-negozju tal-GNA fir-rigward tal-valur residwali tan-netwerk hija waħda realistika u bbażata fuq metodoloġija korretta. Minbarra dan, huma jsostnu li l-lifetime ekonomika tan-netwerks tal-fibre tista’ tkun […] jew saħansitra aktar. Barra minn hekk, huma jsostnu li n-netwerk fis-seħħ ser ikun siewi minħabba l-vantaġġ first-mover tiegħu u minħabba li l-kostruzzjoni tat-tieni netwerk simili tista’ ma tkunx ekonomikament vijabbli fid-dawl ta’ ċerti karatteristiċi ta’ monopolju naturali tan-netwerks ta’ l-aċċess tal-fibre. Dawn l-aħħar fatturi allegatament jipprovdu aktar evidenza li n-netwerk fis-seħħ ser ikollu valur sinjifikanti anki jekk il-pjan tan-negozju ma jimmaterjalizzax għalkollox. |
(158) |
Ladarba għal dan il-parametru kienet disponibbli biss data tas-suq rilevanti limitata, il-Kummissjoni analizzat il-valur residwali tan-netwerk b’diversi metodi alternattivi, inkluża evalwazzjoni bbażata fuq id-dħul u l-ħruġ tal-flus (93). Barra minn hekk, ir-rapporti ta’ l-industrija (94) jappoġġjaw il-fehma ta’ l-awtoritajiet Olandiżi li l-lifetime ekonomika tan-netwerks tal-fibre tista’ tilħaq […]. Fuq il-bażi tad-data disponibbli, il-valur residwali ma jvarjax b’mod sinjifikanti mill-medda tal-prezz derivata mid-data tal-benchmark. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li n-netwerk x’aktarx li jkun ass tanġibbli b’valur sinjifikanti għall-azzjonisti ta’ GNA […] (95). |
Tħassib metodoloġiku
(159) |
Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni qajjmet ukoll ċertu tħassib metodoloġiku preliminari fir-rigward tal-pjan tan-negozju ta’ GNA. Biex nieħdu eżempju, it-taxxa korporattiva m’hijiex inkluża fil-pjan tan-negozju. L-awtoritajiet Olandiżi jsostnu li l-azzjonisti ta’ GNA għażlu l-forma legali ta’ “gesloten commanditaire vennotschap” li ma għandha ebda obbligu li tħallas it-taxxa fuq il-profitti. Għaldaqstant, ir-riżultati ta’ GNA ser jiġu kkonsolidati direttament mill-azzjonisti tagħha u l-proġett jiġi evalwat fuq “bażi ta’ qabel it-taxxa”. |
(160) |
Wara li evalwat il-miżura f’aktar dettall matul l-investigazzjoni formali, il-Kummissjoni sabet li l-elementi ta’ tħassib metodoloġiku huma ta’ importanza minuri, ibbażati fuq l-għażla tal-metodoloġija tal-pjan tan-negozju applikata minn GNA, u ma jitfgħux dubju fuq il-vijabilità ġenerali tal-pjan tan-negozju. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li kemm l-investituri privati u kif ukoll il-kumpanija PricewaterhouseCoopers, li vverifikat il-pjan tan-negozju, approvaw uffiċjalment (96) l-għażliet metodoloġiċi li fuqhom huwa bbażat il-pjan tan-negozju. |
Kunsiderazzjonijiet oħrajn fir-rigward tal-pjan tan-negozju ppreżentat mill-kwerelanti
(161) |
Il-Kummissjoni tixtieq tiġbed l-attenzjoni li l-awtoritajiet Olandiżi ppreżentaw ukoll diversi analiżi ta’ sensittività u xenarji ta’ negozju (97) sabiex ikomplu jappoġġjaw ir-robustezza tal-pjan tan-negozju ta’ GNA. Din l-informazzjoni kompliet turi li l-pjan tan-negozju ta’ GNA jieħu f’kunsiderazzjoni r-riskji u l-opportunitajiet kollha relatati mal-proġett. |
(162) |
Fis-sottomissjonijiet tiegħu, il-UPC kompla jikkritika s-suppożizzjonijiet tal-pjan tan-negozju ta’ GNA mhux imsemmija b’mod espliċitu fl-evalwazzjoni tal-pjan tan-negozju deskritta fil-premessi (121) u dawk ta’ wara, billi kkonkluda li l-pjan mhux ser ikun kummerċjalment fattibbli. Il-Kummissjoni tixtieq ittenni li la l-UPC u lanqas RBB, il-kumpanija ta’ konsulenza li għamlet diversi rapporti għall-UPC fil-qafas ta’ l-investigazzjoni ta’ dan il-każ, ma kellhom aċċess għall-pjan tan-negozju attwali ta’ GNA. Għalhekk, l-analiżi tagħhom kienu bbażati fuq informazzjoni magħmula disponibbli għall-pubbliku, fuq kollox fuq rapport ta’ analiżi mħejji dwar il-fattibbiltà ta’ proġett fibre-to-the-home f’Amsterdam (98). |
(163) |
Il-Kummissjoni tinnota li l-fatturi determinanti ewlenin tal-pjan tan-negozju ippreżentat mill-UPC jew diġà ġew evalwati fl-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-pjan tan-negozju ta’ GNA (bħar-rata tal-penetrazzjoni, rata ta’ abbonati ġodda, ir-rata churn, id-dħul finanzjarju bl-ingrossa, l-ispejjeż ta’ l-investiment, it-tul mistenni tal-ħajja tan-netwerk fil-kalkolazzjoni tal-“valur residwali”) jew inkella huma ta’ rilevanza limitata għall-evalwazzjoni tiegħu (l-għażla tal-metodoloġija fil-pjan) (99). |
(164) |
Il-UPC enfasizza wkoll li l-Kummissjoni għandha tieħu f’kunsiderazzjoni mhux biss is-suppożizzjonijiet individwali iżda wkoll l-interrelazzjoni bejniethom. Biex nieħdu eżempju, il-UPC jsostni li livelli għolja ta’ penetrazzjoni bi prezzijiet għoljin flimkien huma meqjusa bħala impossibbli. Il-Kummissjoni evalwat il-metodoloġija u l-figuri li fuqhom huwa bbażat il-pjan tan-negozju u sabet li dawn jistgħu jitqiesu bħala aċċettabbli għal investitur privat li jopera taħt kundizzjonijiet ta’ l-ekonomija tas-suq normali. |
(165) |
Il-UPC jsostni wkoll li fil-kalkolazzjonijiet tiegħu dwar il-pjan tan-negozju ta’ GNA, huwa ma ħax f’kunsiderazzjoni li l-GNA ser tipprovdi skontijiet għall-utenti tan-netwerk fl-ewwel snin, kif kienet mikxufa din l-informazzjoni fil-proċedura tal-ftuħ tal-Kummissjoni. Il-UPC jsostni li tali kontribuzzjoni minn GNA għall-ispejjeż tal-kummerċjalizzar tal-proġett komplet tkompli tiddeterjora kwalunkwe redditu finanzjarju tal-proġett għall-investituri u tipprovdi aktar evidenza li l-pjan tan-negozju ta’ GNA m’huwiex wieħed fattibbli. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li hija prattika tas-suq normali li servizzi ġodda jiġu offruti bi prezzijiet imraħħsa fil-bidu sabiex tintlaħaq ċerta bażi ta’ klijenti. Barra minn hekk, l-impatt finanzjarju ta’ dawk l-iskontijiet ittieħed kollu kemm hu f’kunsiderazzjoni fil-pjan tan-negozju ta’ GNA, li kien analizzat mill-Kummissjoni. |
(166) |
Fir-rigward tal-mudell Arcadis (100) indikat minn UPC bħala prokura possibbli għall-pjan tan-negozju ta’ GNA, il-Kummissjoni tinnota li l-mudell ma kienx jagħmel parti mis-sottomissjoni ta’ l-awtoritajiet Olandiżi, u l-awtoritajiet ikkonfermaw li ma hemm l-ebda rabta bejn il-proġett taħt skrutinju u l-mudell Arcadis. |
(167) |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma għandha ebda indikazzjoni li s-self ta’ EUR […] ipprovdut minn […] ma kienx ipprovdut fuq it-termini tas-suq. Ir-rata ta’ l-interess mitluba minn […] (101) u l-valur kollaterali potenzjali ta’ l-assi involuti jipprovdu biżżejjed evidenza li s-self ingħata fit-termini tas-suq. |
Konklużjoni dwar il-pjan tan-negozju
(168) |
Wara li saret l-investigazzjoni formali u wara li evalwat l-informazzjoni addizzjonali li rċeviet, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li l-pjan tan-negozju ta’ GNA huwa f’konformità ma’ l-MEIP. |
(169) |
Il-pjan tan-negozju huwa bbażat fuq il-previżjoni ewlenija li l-evoluzzjoni tas-swieq tat-telekomunikazzjoni u tal-midja fl-Olanda ser tittraduċi f’domanda sinjifikanti għal servizzi ta’ broadband b’veloċità għolja, li għandha tiġi ssodisfata ħafna min-netwerks ta’ FttH. Minn din il-previżjoni, li kienet endorsjata mir-rapport ta’ Stratix Consulting/l-Università Teknika ta’ Delft, joħorġu s-suppożizzjonijiet fir-rigward tal-prezzijiet u r-rata ta’ penetrazzjoni tan-netwerk tal-GNA. Flimkien ma’ suppożizzjonijiet oħrajn (eż. spejjeż ta’ l-investiment), dawn il-fatturi iwasslu għar-riżultat li l-proġett jagħti rimunerazzjoni suffiċjenti lill-investituri tiegħu. |
(170) |
Il-Kummissjoni evalwat il-pjan u s-suppożizzjonijiet fih billi għamlet benchmarking tiegħu ma’ proġetti komparabbli kull fejn possibbli, billi ċċekkjat il-konsistenza interna tiegħu u l-fattibbiltà tas-suppożizzjonijiet. Il-konklużjoni minn din l-evalwazzjoni hija li l-pjan tan-negozju huwa metodoloġikament korrett u jieħu f’kunsiderazzjonijiet il-fatturi rilevanti kollha li jistgħu jħallu impatt fuq is-suċċess tal-proġett. |
(171) |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssib li l-pjan tan-negozju ta’ GNA ma jinkludi ebda suppożizzjoni li hija żbaljata b’mod gross. Is-suppożizzjonijiet li jsejsu l-pjan huma realistiċi jekk wieħed jarahom kontra l-previżjoni prinċipali dwar l-evoluzzjoni tas-swieq tal-midja u t-telekomunikazzjonijiet. Jidhru wkoll li huma realistiċi meta sottomessi għal analiżi komparattiva u mqabbla ma’ proġetti komparabbli. Ir-riżervi li jisgħtu jitfaċċaw kontra wħud mis-suppożizzjonijiet tal-pjan ta’ negozju bħala kwistjoni ta’ prinċipju jew minn punt tat-tluq ta’ tbassir differenti dwar l-evoluzzjoni ġejjiena tas-swieq rilevanti mhumiex biżżejjed biex jimminaw il-kredibbiltà globali tiegħu. Din id-diverġenza ta’ perspettivi tirrigwarda l-marġini wiesa’ ta’ ġudizzju li jsib ruħu f’deċiżjonijiet intraprendenti dwar investiment. |
(172) |
Għandu jiġi enfasizzat li żewġ investituri privati speċjalizzaw (ukoll) f’investimenti f’infrastruttura ta’ komunikazzjonijiet, ING RE u Reggefiber, ħadu sehem sinjifikanti fil-proġett fuq il-bażi tal-pjan tan-negozju. […] (102). Minbarra l-profitti finanzjarji, il-valur strateġiku tal-proġett (bħala “proġett pilota” relattivament żgħir biex jiġi ttestjat il-potenzjal tat-teknoloġija FttH f’żoni b’popolazzjoni densa u l-mudell ta’ negozju ġdid bażi (103) seta’ kkontribwixxa sewwa għad-deċiżjoni ta’ l-investituri pubbliċi u privati li jaċċettaw livell relattivament ogħla ta’ riskju (104). |
(173) |
B’dawn l-elementi f’moħħha, il-Kummissjoni tikkonkludi li investitur privat li jaħdem taħt kundizzjonijiet ekonomiċi tas-suq normali jista’ jinvesti fil-GNA fuq il-bażi tal-pjan tan-negozju tagħha. Il-fatt li żewġ investituri privati qegħdin jinvestu fil-GNA jikkonferma dan. |
(174) |
Fir-rigward tas-sottomissjonijiet ta’ UPC, ONO, FT, COM HEM u l-parti anonima, li jitolbu lill-Kummissjoni biex tadotta linja stretta fir-rigward ta’ l-applikazzjoni ta’ l-MEIP fil-każ preżenti fid-dawl ta’ l-allegat “karattru preċedenti” tal-proġett għal investimenti tal-broadband oħrajn fl-Ewropa, il-Kummissjoni tixtieq tenfasizza li l-evalwazzjoni ta’ l-MEIP dejjem għandha titwettaq fuq bażi ta’ każ b’każ skond il-ġurisprudenza eżistenti u l-prattika tagħha tat-teħid tad-deċiżjonijiet f’dan il-qasam. |
(175) |
B’mod ġenerali, il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-investiment mill-muniċipalità ta’ Amsterdam ma jikkostitwixxi ebda għajnuna mill-Istat peress li dan sar fl-istess waqt bħala kontribuzzjoni ta’ kapital sinjifikanti min-naħa ta’ investitur privat magħmula f’ċirkostanzi komparabbli. Barra minn hekk, eżaminazzjoni tal-pjan tan-negozju ikkonfermat b’mod ugwali li l-investiment huwa f’konformità mal-Prinċipju ta’ l-Investitur ta’ l-Ekonomija tas-Suq. |
VII. KONKLUŻJONI
(176) |
Wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, l-awtoritajiet Olandiżi indirizzaw id-dubji preliminari espressi mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ b’mod sodisfaċenti. B’mod partikolari, il-pre-investimenti kollha mill-muniċipalità ta’ Amsterdam, li kien wieħed mit-tħassib prinċipali tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ, kienu rimborżati minn GNA. Il-Kummissjoni ssib li l-muniċipalità ta’ Amsterdam tinvesti fil-GNA fuq l-istess termini u kundizzjonijiet bħal dawk tal-partijiet privati involuti fil-proġett, li qegħdin jinvestu fuq il-bażi tal-pjan tan-negozju ta’ GNA. |
(177) |
Konsegwentement, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-investiment tal-muniċipalità ta’ Amsterdam fil-GNA ma jikkostitwixxi ebda għajnuna mill-Istat fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 87 (1) tat-Trattat tal-KE billi huwa f’konformità mal-Prinċipju ta’ l-Investitur ta’ l-Ekonomija tas-Suq. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-investiment mill-muniċipalità ta’ Amsterdam fi Glasvezelnet Amsterdam C.V., li qiegħda tiżviluppa netwerk tal-fibre f’Amsterdam, kif innotifikat lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Mejju 2005, ma jikkostitwixxi ebda għajnuna mill-Istat fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 87 (1) tat-Trattat tal-KE.
Il-miżura tista’ għalhekk tiġi implimentata.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Olanda.
Magħmula fi Brussell, 11 ta’ Diċembru 2007
Għall-Kummissjoni
Neelie KROES
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU C 134, 16.6.2007, p. 9: Għajnuna statali C 53/2006 (ex N 262/05) – Citynet Amsterdam – investment by the city of Amsterdam in a fibre-to-the home (FttH) network – Invit biex ikunu ippreżentati kummenti skond l-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE.
(2) VECAI ippreżentat aktar informazzjoni b’e-mails irreġistrati fis-27 ta’ Diċembru 2005, il-11 ta’ Jannar 2006 u l-31 ta’ Jannar 2006.
(3) UPC Nederland BV huwa sussidjarju ta’ Liberty Global Inc.. UPC Nederland BV jaġixxi taħt l-isem ta’ UPC fl-Olanda. Liberty Global, Inc. (“Liberty Global”) huwa operatur tal-kejbil internazzjonali li joffri servizzi tal-vidjo, tat-telefonija u ta’ aċċess għall-Internet. Huwa jopera netwerks ta’ komunikazzjonijiet broadband f’diversi pajjiżi.
(4) Informazzjoni ppreżentata minn UPC fit-12 ta’ Mejju u rreġistrata fil-15 ta’ Mejju 2006.
(5) L-awtoritajiet bagħtu informazzjoni fid-19 u fil-31 ta’ Mejju, fl-1, fis-7, u fit-13 ta’ Ġunju 2006.
(6) L-awtoritajiet bagħtu informazzjoni fit-18, 25 u 29 ta’ Awwissu 2006.
(7) Cf. ibbażat fuq informazzjoni disponibbli għall-pubbliku, eż. artikoli fil-gazzetti Parool (7 ta’ Lulju 2006) u Trouw (13 ta’ Ottubru 2006).
(8) L-aħħar lott ta’ informazzjoni kien ippreżentat permezz ta’ ittra rreġistrata fit-22 ta’ Settembru 2006.
(9) Minuti tal-Qorti ta’ l-Appell datati l-21 ta’ Novembru 2006, nru 200601252.
(10) Gerechtshof, sentenza fil-kawża 1252/06 KG tat-18 ta’ Jannar 2007.
(11) Id-“data rooms” jintużaw tipikament, per eżempju, matul il-fażi ta’ diliġenza dovuta ta’ transazzjonijiet ta’ inkorporazzjoni u ta’ akkwist u jipprovdu aċċess għal data kunfidenzjali tal-kumpanija għall-offerenti prospettivi.
(12) Cf. nota 1 ta’ qiegħ il-paġna.
(13) Permezz ta’ ittra datata u rreġistrata fis-17 ta’ Lulju 2007
(14) Permezz ta’ ittra datata u rreġistrata fis-16 ta’ Lulju 2007
(15) Permezz ta’ ittra datata u rreġistrata fis-17 ta’ Lulju 2007
(16) Permezz ta’ ittra datata u rreġistrata fis-17 ta’ Lulju 2007
(17) Permezz ta’ ittra datata u rreġistrata fis-17 ta’ Lulju 2007, verżjoni mhux kunfidenzjali rċevuta fis-27 ta’ Lulju 2007
(18) L-użu ta’ netwerks ta’ aċċess għall-fibre huwa meqjus bħala l-qabża kbira li jmiss fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. In-netwerks ġodda tal-fibre, meta kkomparati man-netwerks eżistenti bbażati fuq ir-ram (bħall-ADSL jew il-kejbil) ser jipprovdu veloċitajiet ferm ogħla u servizzi simetriċi u huma mistennija li jiftħu t-triq għal għadd numeruż ta’ servizzi u applikazzjonijiet ġodda u innovattivi bbażati fuq teknoloġiji ta’ IP (IPTV, vidjo fuq domanda, telemediċina, eċċ.).
(19) Il-kumpanija li rnexxielha tirbaħ l-offerta għall-kostruzzjoni hija Van den Berg Infrastructuren (BAM)/Draka Comteq Telecom. Van den Berg hija sussidjarja ta’ BAM, kumpanija kbira tal-kostruzzjoni u Draka Comteq hija kumpanija li tipproduċi l-kejbils. Il-kumpanija li rnexxielha tirbaħ l-offerta għat-tħaddim tan-netwerk, offerta 2005/S 79-076325, hija BBned.
(20) ING RE hija sussidjarja ta’ ING, konglomerat ta’ servizzi finanzjarji (fis-settur bankarju u ta’ l-assigurazzjoni).
(21) Reggefiber hija involuta f’diversi proġetti ta’ netwerk tal-fibre fl-Olanda u marbuta mal-grupp tal-bini u l-kostruzzjoni Volker Wessels.
(22) L-iffinanzjar tal-korporazzjonijiet tal-housing soċjali fl-Olanda bħalissa huwa suġġett għal proċedura ta’ għajnuna eżistenti mwettqa mill-Kummissjoni (Kawża E-2/2005 Bestaande woonwet en financierings-methoden voor woningsbouwcorporaties). Permezz ta’ ittra datata l-20 ta’ Diċembru 2005 mibgħuta lill-Kummissarju Neelie Kroes, Vecai talab lill-Kummissjoni biex tinvestiga l-istejtus legali tal-korporazzjonijiet tad-djar skond ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Frar 2006, il-Kummissarju Kroes irrisponda, billi wieġeb li d-DĠ Kompetizzjoni qiegħda tittratta l-kwistjoni fi ħdan il-qafas tal-proċedura msemmija qabel u li għadha għaddejja.
(23) Madwar terz tad-djar (13 000) f’din iz-żona huma proprjetà tal-korporazzjonijiet tal-housing soċjali.
(*) […] l-informazzjoni fil-parentesi hija koperta mill-obbligu ta’ segretezza professjonali.
(24) […]
(25) BBNed huwa operatur privat tal-broadband, sussidjarju ta’ Telecom Italia. BBned intgħażel permezz ta’ proċedura ta’ offerti li ġiet irreklamata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej b’referenza għal 2004/S 138 – 118456, tas-17 ta’ Lulju 2004.
(26) […]
(27) Fit-telekomunikazzjonijiet, “triple play” hija terminu li tfisser li jiġu offruti servizzi ta’ telefonija, televiżjoni u aċċess għall-Internet b’veloċità għolja fuq konnessjoni waħdanija ta’ broadband.
(28) Is-Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kawża T-73/98 Société chimique Prayon-Rupel SA v Commission [2001] ECR II-867, para 93 tgħid “il-fatt li l-ħin meħud jaqbeż b’mod konsiderevoli l-ħin li normalment ikun meħtieġ għal eżaminazzjonijiet preliminari skond l-Artikolu 93 (3) tat-Trattat jista’, flimkien ma’ fatturi oħrajn, jiġġustifika l-konklużjoni li l-Kummissjoni ltaqgħet ma’ diffikultajiet serji fl-evalwazzjoni li tagħti neċessità lill-bidu tal-proċedura skond l-Artikolu 93 (2) tat-Trattat”.
(29) Il-muniċipalità kkummissjonat diversi studji fl-2003 u fl-2004 sabiex ħejjiet il-proġett u organizzat is-sejħiet għall-offerti għall-kostruzzjoni u l-esplojtazzjoni tan-netwerk. Minbarra dan, il-belt ta’ Amsterdam iffinanzjat ċerti attivitajiet ta’ tħaffir u xtraw softwer għall-kostruzzjoni tan-netwerk. Dawn il-“pre-investimenti” tal-muniċipalità jammontaw għal […].
(30) Ara l-premessa 30 u s-segwitu tad-deċiżjoni tal-ftuħ.
(31) Billi l-awtoritajiet Olandiżi talbu li l-pjan tan-negozju ta’ GNA ikun suġġett għall-obbligu ta’ segretezza professjonali, RBB Economics ma kellhiex aċċess għall-pjan tan-negozju attwali ta’ GNA u bbażat l-istudju tagħha fuq informazzjoni disponibbli għall-pubbliku u fuq il-verżjoni pubblika tad-deċiżjoni tal-ftuħ tal-Kummissjoni.
(32) Ara l-premessa 30 u s-segwitu tad-deċiżjoni tal-ftuħ.
(33) Ir-rati churn totali indikaw il-klijenti kollha li ħallew lill-UPC biex ingħaqdu ma’ kwalunkwe operatur ieħor (per eżempju ma’ KPN, GNA, marru f’distretti oħrajn, eċċ.). Għalhekk, il-UPC iqis din il-figura bħala r-rata churn massima li n-netwerk il-ġdid tal-fibre ta’ GNA seta’ jikseb f’dan l-istadju.
(34) GNA bdiet tniedi n-netwerk f’Ottubru 2006 u l-operaturi bl-imnut li jużaw in-netwerk GNA permezz ta’ BBNed bdew joffru s-servizzi f’Marzu 2007.
(35) Biex nieħdu eżempju, f’ċerti partijiet ta’ Nuenen u Hillegom, il-penetrazzjoni tas-servizzi fis-suq fuq in-netwerk tal-fibre hija ogħla minn 80 % tad-djar kollha wara sena waħda ta’ forniment tas-servizz. Il-proġetti f’Nuenen u Hillegom għandhom ambjent differenti mill-proġett f’Amsterdam, per eżempju ma hemm ebda investitur pubbliku preżenti f’Hillegom.
(36) In-netwerk tal-fibre f’Nuenen jgħaddi minn 7 400 dar, inqas minn 25 % tad-daqs kurrenti tal-proġett f’Amsterdam.
(37) Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19.7.2006, C 35/2005, Broadband development Appingedam (ĠU L 86, 27.3.2007, p. 1), fejn il-Kummissjoni qieset l-għajnuna mogħtija għall-iżvilupp ta’ netwerk ta’ aċċess tal-fibre-optic bħala li hija inkompatibbli mas-suq komuni, billi l-muniċipalità Olandiża ta’ Appingedam żviluppat in-netwerk tagħha bl-għajnuna mill-Istat fejn operaturi privati tan-netwerk broadband fiz-żona diġà kienu qegħdin joffru servizzi simili. Fil-kawża ta’ Appingedam, ma kien hemm ebda involviment privat fl-iffinanzjar tal-proġett u l-MEIP ma ġiex invokat mill-awtoritajiet Olandiżi.
(38) Arcadis hija kumpanija ta’ l-inġinerija li tipprovdi ġestjoni ta’ proġetti, konsulenza u servizzi ta’ inġinerija għall-użu ta’ netwerk tal-fibre.
(39) Il-mudell huwa disponibbli fuq dan is-sit elettroniku: http://ngn.arcadis.nl/
(40) Ara n-nota 37 ta’ qiegħ il-paġna.
(41) Id-distinzjoni bejn “abjad”, “griż” u “iswed” tiddependi fuq il-livell ta’ l-offerti eżistenti ta’ servizzi ta’ broadband. F’termini ġenerali, “żoni bojod” huma żoni rurali u bi ftit li xejn nies jgħixu fihom u li ma jkun fihom assolutament ebda forniment ta’ servizzi broadband; “żoni griżi” huma żoni fejn servizzi bażiċi ta’ broadband huma diġà pprovduti f’xi partijiet tat-territorju konċernat; u “żoni suwed” huma żoni fejn servizzi ta’ broadband differenti jiġu offruti fuq mill-inqas 2 infrastrutturi li jikkompetu ma’ xulxin (bħal netwerks tat-telefon u tat-televiżjoni bil-kejbil).
(42) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew. Azzjonijiet Komuni għat-Tkabbir u l-Impjiegi: Il-Programm Komunitarju ta’ Liżbona, KUMM(2005) 330 ta’ l-20 ta’ Lulju 2005.
(43) Fir-rapport ta’ Stratix Consulting/l-Università Teknika ta’ Delft imħejji għall-awtoritajiet Olandiżi fit-8 ta’ Marzu 2007 u ppreżentat lill-Kummissjoni fis-16 ta’ Marzu 2007, il-kumpanija tal-konsulenza tagħti lista ta’ madwar 50 proġetti ta’ użu tal-fibre li għadhom għaddejjin fl-Olanda minn Diċembru 2006, b’ammont simili ta’ proġetti simili mħabbra u ippjanati li jiġu mnedija mill-2007.
(44) Informazzjoni ppreżentata fid-9 ta’ Novembru 2007 u fit-12 ta’ Novembru 2007.
(45) […]
(46) L-ispiża medja peżata tal-kapital (WACC) tesprimi l-ispiża relattiva ta’ l-investiment ta’ kapital u l-kapital ta’ dejn ta’ negozju. Id-WACC hija indikatur finanzjarju aċċettat minn kulħadd biex ikejjel għal kwalunkwe negozju jew proġett partikolari r-rata tar-redditu mitluba mill-fornituri tal-kapital (dejn u investiment ta’ kapital) b’kunsiderazzjoni tal-karatteristiċi tar-riskju inerenti fil-proġett. Negozji jew proġetti li jistgħu jieħdu profitti lura (imkejla per eżempju bl-użu tar-rata interna tar-redditu) li jkunu akbar min-nefqa tal-valur miżjud għall-kapital għall-investituri. Bil-maqlub, negozji jew proġetti li, filwaqt li xorta jistgħu jkunu vantaġġjużi, jipproduċu profitti inqas min-nefqa tal-kapital jispiċċaw “jeqirdu” l-valur ta’ l-investitur.
(47) Fl-analiżi tal-benchmarking tal-Kummissjoni, is-suppożizzjonijiet tal-pjan tan-negozju ta’ GNA ġew imqabbla ma’ l-informazzjoni disponibbli tal-kumpaniji tagħha meqjusa li huma ta’ l-istess livell, primarjament l-operaturi tat-telecom Ewropej.
(48) Ir-rata interna tar-redditu tintuża biex jittieħdu deċiżjonijiet fuq investimenti fit-tul u biex jitqabblu l-proġetti ta’ investiment differenti.
(49) Bħal applikazzjonijiet bejn entità u oħra ta’ l-istess livell, tniżżil ta’ fajls, servizzi ta’ HDTV, eċċ.
(50) Ara n-nota 44 ta’ qiegħ il-paġna.
(51) L-awtoritajiet Olandiżi qegħdin jirreferu b’mod partikolari għas-sentenza tas-CFI tat-12 ta’ Diċembru 2000, Alitalia v il-Kummissjoni, T-296/97, premessi 80-81, is-sentenza tal-Qorti tal-21 ta’ Marzu 1991, l-Italja vs il-Kummissjoni, C-303/88, ECR I-1433, premessa 20; u s-sentenza tas-CFI tat-12 ta’ Diċembru 1996, Air France v il-Kummissjoni, T-358/94, ECR.II-2109, premessa 70.
(52) L-awtoritajiet Olandiżi qegħdin jirreferu għad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 95/404/KE dwar proċedura relatata ma’ l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 2407/92 (“Swissair/Sabena”) tad-19 ta’ Lulju 1995, u Nru. 172/00 Seed and Venture Capital Scheme, l-Irlanda tas-17 ta’ Ottubru 2000, (ĠU C 037, 3.2.2001, p. 48).
(53) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE; ĠU L 083, 27.3.1999, p. 1.
(54) Dan l-aħħar il-kumpanija France Telecom biegħet il-kumpaniji sussidjarji tagħha, Orange Netherlands u Nederland Breedband lil Deutsche Telekom. It-tranżazzjoni ġiet approvata mill-Kummissjoni fl-20 ta’ Awwissu 2007.
(55) L-aħħar data għall-figuri churn ippreżentati minn UPC hija relatata mas-sitwazzjoni sa mill-1 ta’ Ġunju 2007.
(56) Ara wkoll in-nota 41 ta’ qiegħ il-paġna.
(57) Ara per eżempju d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19.7.2006, C 35/2005, Broadband development Appingedam (ĠU L 86, 27.3.2007, p. 1), u wkoll in-nota 37 ta’ qiegħ il-paġna.
(58) C-345/02, Pearle and others, [2004] I-7139, premessa 35 b’referenza għall-kawża C-303/88 L-Italja v Il-Kummissjoni [1991] ECR I-1433, premessa 11 u C-482/99, Franza v. il-Kummissjoni, Stardust Marine, [2002] ECR I-4379, premessa 24.
(59) Legalment, il-muniċipalità ma tinvestix lilha nnifisha f’GNA iżda permezz ta’ vettura bi skop speċjali li twaqqfet apposta għal dan il-proġett […] u li hija proprjetà tal-muniċipalità ta’ Amsterdam permezz tal-Korporazzjoni ta’ Żvilupp ta’ Amsterdam (OGA, intrapriża li hija proprjetà tal-muniċipalità ta’ Amsterdam). L-investiment għalhekk jiġi minn riżorsi ta’ l-Istat li huma imputabbli għall-Istat (il-kumpanija sussidjarja hija proprjetà tal-muniċipalità u d-deċiżjoni li tinvesti lilha nnifisha ttieħdet mill-muniċipalità u hija ggwidata mill-kumpanija sussidjarja tagħha fuq inizjattiva mill-muniċipalità. Għalhekk, il-kundizzjonijiet deskritti fil-kawża C-482/99, premessa 37 Stardust Marine (ara n-nota 58 ta’ qiegħ il-paġna) ġew issodisfati.
(60) Ara per eżempju s-sentenza tal-Qorti tat-8 ta’ Mejju 2003 fil-Kawżaijiet Konġunti C-328/99 u C-399/00: ir-Repubblika Taljana u SIM 2 Multimedia SpA v il-Kummissjoni [2003] ECR I-4035, premessi 37-38, “Seleco judgement”; il-Kawżaijiet Konġunti 296 u 318/82, Netherlands and Leeuwarder Papierwarenfabriek BV v il-Kummissjoni [1985] ECR 809, premessa 17; l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat tal-KE u l-Artikolu 61 tal-Ftehim taż-ŻEE għal għajnuna mill-Istat fis-settur ta’ l-avjazzjoni, op. cit. punti 25 u 26; Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Awwissu 2004 (2006/621/KE) dwar l-Għajnuna mill-Istat implimentata minn Franza għal France Télécom, ĠU L 257, 20.9.2006, p. 11; il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni għall-Istati Membri 93/C 307/03 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat tal-KEE u ta’ l-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 80/723/KEE għal intrapriżi pubbliċi fis-settur tal-manifattura, ĠU C 307, 13.11.1993, p. 3).
(61) Ara per eżempju s-sentenza tal-Qorti fil-Kawża C-303/88 Italy v il-Kummissjoni [1991] ECR I-1433, premessa 20, “ENI-Lanerossi judgement”; il-Kawża T-358/94 Air France v il-Kummissjoni [1996] ECR II-2109, premessa 70.
(62) Il-Kawża T-296/97, Alitalia, [2000] ECR II-3871, para. 81; il-Kawża T-385/94, Air France, [1996] ECR II-2109, premessi 148-149. Cf. ugwalment Il-Pożizzjoni tal-Kummissjoni, L-Applikazzjoni ta’ l-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat tal-KEE għal ishma ta’ l-awtoritajiet pubbliċi, Bullettin EC-9/1984, premessa 3.2 (i) u (iii).
(63) Fi kliem ieħor, it-termini u l-kundizzjonijiet jistgħu jkunu identiċi fi ftehim wieħed iżda, fl-istess ħin, ftehimiet oħrajn jistgħu jistipulaw klawżoli addizzjonali bi drittijiet u obbligi differenti.
(64) In-nota 48 ta’ qiegħ il-paġna tad-deċiżjoni tal-ftuħ.
(65) L-ishma ta’ l-ING ivarjaw 100 % fuq il-borża tal-kambju mingħajr ebda azzjonist li jippossjedi aktar minn 5 % ta’ l-ishma tagħha. Reggefiber hija sussidjarja ta’ Reggeborgh, li hija vettura ta’ investiment tal-familja Wessels. Ara wkoll in-noti 20 u 21 ta’ qiegħ il-paġna.
(66) Is-sinjifikanza tal-parteċipazzjoni privata trid tidher ukoll fil-kuntest li l-investiment fis-servizz tal-broadband f’żoni “suwed” huwa primarjament imħaddem minn operaturi privati. Ara wkoll il-premessa (84).
(67) Premessi 49 ff tad-deċiżjoni tal-ftuħ.
(68) Ara wkoll il-prmessi 0 u 0.
(69) Premessi 52 ff. tad-deċiżjoni tal-ftuħ.
(70) Per eżempju fl-ittra tagħha lill-awtoritajiet Olandiżi tad-29 ta’ Settembru 2006.
(71) Ara wkoll il-premessa 0. L-awtoritajiet Olandiżi għarrfu lill-Kummissjoni li l-ħlas ta’ l-interessi kien jammonta għal […] u tħallas nhar il-[…] minn GNA.
(72) Ara per eżempju d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Ġunju 2005dwar il-pjan ta’ ristrutturar ta’ l-Alitalia, ĠU L 69, 8.3.2006, p. 1, premessa 194: “Sabiex jippreżenta l-offerta tiegħu, id-Deutsche Bank wettaq evalwazzjoni ta’ l-istrateġija tal-kumpanija u tal-prospetti tal-profitabilità. Minbarra dan, qabel jikkonkludi l-kuntratt finali, huwa jipproponi li jwettaq operazzjoni ta’ diliġenza dovuta li kwalunkwe investitur għandu jwettaq qabel tinbeda l-operazzjoni”.
(73) Premessa 62 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.
(74) Fl-evalwazzjoni li ġejja, l-aktar li ser issir referenza huwa għal UPC, billi s-sottomissjonijiet tagħhom huma l-aktar dettaljati. Madankollu, l-evalwazzjoni tkopri wkoll ir-rimarki aktar ġenerali sottomessi minn partijiet interessati oħrajn.
(75) Premessi 63 ff. tad-deċiżjoni tal-ftuħ.
(76) Imwettqa fit-2 ta’ Mejju 2006 f’isem l-awtoritajiet Olandiżi, ippreżentata lill-Kummissjoni fil-11 ta’ Mejju 2006.
(77) Ippreżentat fis-16 ta’ Marzu 2007, ara wkoll il-premessa 0.
(78) UPC (Operatur tal-kejbil Olandiż) 10,6 %, Fastweb (Operatur tal-broadband Taljan) 9 %, Telenet (Operatur tal-kejbil Fjandriż) 8,5 %, KPN (incumbent Olandiż) 8,1 %.
(79) Għandu jiġi nnotat li fis-sottomissjonijiet tiegħu l-UPC ukoll ma użax dawn l-indikaturi għall-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-pjan tan-negozju ta’ GNA.
(80) […]
(81) UPC/RBB għamlu l-analiżi tagħhom dwar l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku, fuq kollox dwar rapport analitiku ta’ ING imħejji dwar il-fattibbiltà ta’ proġett fibre-to-the-home f’Amsterdam: rapport analitiku ta’ ING “Telecoms Ewropej”, 24 ta’ Frar 2006.
(82) Jiġifieri Chello Extreme, li bħalissa qiegħda toffri download ta’ 20 Mbps u upload b’veloċità ta’ 2 Mbps.
(83) Fejn il-penetrazzjoni tal-fibre laħqet aktar minn 80 %.
(84) Ara per eżempju l-istudju JPMorgan (2006): The fibre battle - Changing Dynamics in European Wirelines, 4 ta’ Ottubru 2006. JPMorgan jikkalkula wkoll li ż-żmien tal-qligħ mill-investiment ta’ infrastruttura fibre to the home – li tipprovdi aċċess miftuħ f’suq metropolitan medju – jibda jidher attraenti minn sehem fis-suq ta’ 25 %.
(85) Kif per eżempju muri mill-investimenti ta’ Reggefiber, Casanet fl-Olanda, Iliad, Free jew France Telecom fi Franza u eżempji oħrajn minn pajjiżi Ewropej oħrajn. Ara wkoll: L-Olanda: FTTH deployment overview, 4Q2006 imħejjija minn Stratix, Jannar 2007
(86) Sors: Suppliment għar-rapport ta’ l-RBB dwar l-investiment ta’ Amsterdam fil-proġett FttH Citynet, 7 ta’ Novembru 2006.
(87) Intrapriżi bħalma huma Pilmo, Unet jew InterNLnet diġà qegħdin joffru servizzi fuq in-netwerk tal-GNA bi skop ġeografiku limitat.
(88) Għal deskrizzjoni tal-mudell bi tliet saffi ara l-premessa 0 ff.
(89) Għall-evalwazzjoni tal-prezzijiet bl-ingrossa ara l-premessa 0 ff.
(90) Għall-infrastruttura sħiħa (attiva u passiva) UPC/RBB jikkalkula EUR 1 500 għal kull dar (EUR 1 000/EUR 500 rispettivament), KPN EUR 1 300, Hillegom (proġett ta’ FttH Olandiż) EUR 1 200, Corning (kumpanija li timmanifattura l-fibre optic) EUR 1 200, Arthur D. Little (kumpanija ta’ konsulenza) EUR 1 000 (EUR 600/EUR 400 rispettivament), Fastweb (operatur tal-broadband Taljan) EUR 1 200, ARCEP (regolatur Franċiż) EUR 2 000 (data mill-2005 u l-2006), JPMorgan (kumpanija ta’ konsulenza) EUR 1 000 - EUR 2 000.
(91) Ara wkoll in-nota 19 ta’ qiegħ il-paġna.
(92) Nota 37 ta’ qiegħ il-paġna tad-deċiżjoni tal-ftuħ.
(93) L-evalwazzjoni bbażata fuq id-dħul u l-ħruġ tal-flus (f’konformità mal-kummenti tal-UPC) irriżultat f’medda ta’ valur ta’ EUR […].
(94) Ara per eżempju d-dokumenti tal-kunsill ta’ FttH li huma disponibbli fuq http://www.ftthcouncil.org/ jew ir-riċerka ta’ Gartner ta’ l-14 ta’ Frar 2006: Governments Can Bring Moore’s Law to Broadband Access.
(95) L-awtoritajiet Olandiżi ppreżentaw ukoll diversi analiżi ta’ sensittività u xenarji ta’ negozji differenti bħala parti mill-pjan tan-negozju ta’ GNA. L-awtoritajiet Olandiżi jsostnu li anke fix-“xenarju ta’ l-agħar każ” il-valur ta’ l-assi ser ikun wieħed suffiċjenti […].
(96) Imwettaq fit-2 ta’ Mejju 2006 f’isem GNA, ippreżentat lill-Kummissjoni fil-11 ta’ Mejju 2006. Ara wkoll il-premessa 0.
(97) F’każ ta’ pjan tan-negozju, l-analiżi tas-sensittività jagħtu ċ-ċans lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet li jevalwaw id-dipendenza tar-riżultati finanzjarji tal-pjan tan-negozju għall-bidliet fis-suppożizzjonijiet bażiċi. B’mod simili, xenarji ta’ negozji differenti jagħmlu enfasi wkoll fuq riżultati differenti tal-proġett fid-dawl tas-suppożizzjonijiet tas-suq differenti.
(98) Ir-rapport ta’ l-ING wasal għall-konklużjoni li netwerk fibre to the home f’Amsterdam huwa finanzjarment fattibbli u vijabbli (ir-rapport ta’ analiżi ta’ l-ING “European Telecoms”, 24 ta’ Frar 2006). Madankollu, il-pjan tan-negozju użat fir-rapport ta’ analiżi huwa differenti b’mod sinjifikanti meta mqabbel ma’ dak tal-GNA (eż. il-metodoloġija, il-kwadru taż-żmien proġettat, il-miri finanzjarji, eċċ.).
(99) Il-GNA tapplika metodoloġija tal-pjan tan-negozju differenti meta mqabbla ma’ dik applikata fir-rapport ta’ l-ING imsemmi fin-nota 98 ta’ qiegħ il-paġna. Fil-metodoloġija ta’ GNA, nefqa ta’ indikatur tal-kapital ma kinitx meħtieġa. Madankollu, fl-analiżi tagħha, il-Kummissjoni użat ukoll in-nefqa tal-figuri tal-kapital biex tittestja r-rata IRR tal-pjan tan-negozju ta’ GNA. Ara wkoll il-premessa (134) u dawk sussegwenti.
(100) Ara l-par. 0.
(101) L-awtoritajiet ipprovdew lill-Kummissjoni bi ftehimiet ta’ self nhar il-[…] u huwa ddikjarat li l-interessi mitluba huma ugwali għal […] %.
(102) […]
(103) Jiġifieri l-“mudell ta’ tliet saffi”, fejn is-saffi passivi u attivi jitħaddmu u jiġu ġestiti separatament, b’aċċess miftuħ u mhux diskriminatorju offrut lill-operaturi kollha ta’ servizzi bl-imnut, ara wkoll il-Figura 1.
(104) Investimenti riskjużi żgħar jistgħu jiġu spjegati wkoll permezz ta’ teorija ta’ għażla reali (real option theory), li tgħid li l-investimenti riskjużi jistgħu jinvolvu proċess b’żewġ stadji. Fl-ewwel stadju, isir biss investiment żgħir (jiġifieri l-kumpanija qiegħda takkwista għażla). Xi żmien wara, meta tiġi magħrufa aktar informazzjoni, il-kumpanija tkun tista’ tagħżel li tagħmel investiment akbar (jiġifieri li teżerċita din l-għażla) jew inkella li tabbanduna l-pjanijiet tagħha, biex b’hekk tillimita t-telf tagħha għall-investiment inizjali fuq skala żgħira (jiġifieri għall-ispejjeż ta’ l-għażla). Billi jerfgħu fuq spallejhom riskji u inċertezza ogħla fl-ewwel stadju (b’impenn żgħir), il-kumpaniji jistgħu jnaqqsu r-riskji ta’ investimenti sussegwenti (akbar).