Wählen Sie die experimentellen Funktionen, die Sie testen möchten.

Dieses Dokument ist ein Auszug aus dem EUR-Lex-Portal.

Dokument 32008D0696

2008/696/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 11 ta’ Marzu 2008 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ l- 10 ta’ Mejju 2007 dwar il-miżuri C 1/2006 (ex NN 103/05) implimentati minn Spanja għal Chupa Chups (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 868) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 235, 2.9.2008, S. 10–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Rechtlicher Status des Dokuments In Kraft

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/696/oj

2.9.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 235/10


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-11 ta’ Marzu 2008

li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ l-10 ta’ Mejju 2007 dwar il-miżuri C 1/2006 (ex NN 103/05) implimentati minn Spanja għal Chupa Chups

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 868)

(It-test Spanjol biss hu awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2008/696/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 88 (2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-linji gwida tal-Komunità dwar l-Għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ kumpaniji f’diffikultà (1),

Billi:

(1)

Il-Kummissjoni adottat deċiżjoni fl-10 ta’ Mejju 2007 dwar il-miżuri Nru C 1/2006 (ex NN 103/2005) implimentati minn Spanja għal Cupa Chups (2).

(2)

Wara appell li tressaq minn Chupa Chups S.A. (“Chupa Chups”) quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej kontra d-deċiżjoni kkonċernata, il-Kummissjoni kkonkludiet li kienet għamlet żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward ta’ parti waħda minn miżura 4 (800 000 ewro mogħtija fl-2003 taħt l-iskema ta’ għajnuna reġjonali).

(3)

F’punt 43 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni nnutat li kien diġà ċċarat li l-iskema ta’ l-għajnuna reġjonali ma setgħetx tapplika għal kumpaniji f’diffikultà. Minħabba t-telf sostanzjali li għamlet Chupa Chups fl-2002 (22 078 000 ewro, li jikkorrispondu għal 86,5 % tal-kapital sottoskritt sa l-aħħar tas-sena finanzjarja) u r-riżultati ta’ l-2003, il-Kummissjoni dehrilha li Chupa Chups kellha tiġi kkunsidrata bħala kumpanija f’diffikultà fiż-żmien li ġiet mogħtija l-għajnuna. Il-Kummissjoni kkonkludiet li din il-parti ta’ l-għajnuna kienet għalhekk inkompatibbli mas-suq komuni u allura ma setgħetx tiġi implimentata.

(4)

F’dak li għandu x’jaqsam mat-800 000 ewro ta’ għajnuna reġjonali li ngħatat fl-2003 taħt il-programm “Minería 2”, il-Kummissjoni tinnota li din l-għajnuna tifforma parti minn skema ta’ għajnuna approvata (3). Aktar minn hekk, għall-kuntrarju ta’ l-ewwel evalwazzjoni fil-bidu tal-proċedura ta’ l-investigazzjoni formali, il-Kummissjoni tikkunsidra li Chupa Chups kienet eliġibbli għal din l-għajnuna minħabba, li fiż-żmien li l-għajnuna ngħatat, il-kumpanija ma kenitx f’diffikultà (4). B’mod partikolari,

(a)

Minkejja t-telf sostanzjali ta’ 22 078 000 EUR miljun li sar fl-2002, fl-aħħar ta’ dik is-sena finanzjarja l-kontijiet ta’ Chupa Chups xorta wrew riżervi ta’ madwar 59 930 000 EUR. Dawk ir-riżervi kienu biżżejjed biex jassorbu t-telf kollu, li allura ma kellu l-ebda impatt fuq il-kapital sottoskritt tal-kumpanija ta’ 12-il miljun. Addizjonalment, wara li tnaqqas it-telf ta’ l-2002, Chupa Chups kien għad kellha ekwità ta’ 49 850 000 EUR.

(b)

Il-Kummissjoni tikkonsidra li ħafna mis-sinjali tas-soltu li turi kumpanija f’diffikultà, kif deskritti f’punt 6 tal-linji gwida, ma kenux hemm matul il-perjodu 2002-2003. B’mod partikolari, ir-rata ta’ telf naqset (5), kif naqsu wkoll id-dejn (kemm dak fil-medda taż-żmien it-twila kemm f’dik qasira) u l-inventarji ta’ l-istokk (6), filwaqt li l-ispejjeż finanzjarji baqgħu stabbli.

(ċ)

Fl-aħħar, l-evoluzzjoni pożittiva ta’ Chupa Chups mill-2002-2003 għamlitha ċara li l-kumpanija ma kenitx taqa’ taħt il-kriterju ġenerali ta’ punt 4 tal-linji gwida, li skond dan, kumpanija għandha tkun ikkunsidrata f’diffikultà “fejn ma tkunx kapaċi, sew jekk permezz tar-riżorsi tagħha sew permezz ta’ fondi li jirnexxilha tikseb mingħand il-propjetarju/azzjonisti jew il-kredituri, biex twaqqaf it-telf li, mingħajr intervent barrani ta’ l-awtoritajiet pubbliċi, kien kważi ċertament jikkundannaha li tfalli fuq medda ta’ żmien qasira jew medja”.

Is-sussidju ta’ 800 000 EUR li ngħata lil Chupa Chups taħt din l-iskema ta’ għajnuna reġjonali għalhekk għandha tiġi meqjusa bħala għajnuna kompatibbli.

(5)

Fl-appell, sar l-argument li Chupa Chups ma kenitx kumpanija f’diffikultajiet skond it-tifsira ta’ punt 5(a) tal-Linji Gwida tal-Komunità ta’ l-1999 dwar l-Għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ kumpaniji f’diffikultà (7). Fil-Linji Gwida, kumpanija hija kkunsidrata li tkun f’diffikultà fejn aktar min-nofs tal-kapital irreġistrat tagħha jkun sparixxa u aktar minn kwart ta’ dak il-kapital ikun intilef matul it-12-il xahar preċedenti.

(6)

Anke jekk Chupa Chups kellha telf li jikkorrispondi għal aktar min-nofs tal-kapital sottoskritt tagħha, il-kriterju li aktar min-nofs tal-kapital sottoskritt sparixxa ma jgħoddx f’dan il-każ, għaliex Chupa Chups kellha riżervi oħrajn.

(7)

Il-Kummissjoni għalhekk għandha tirrikonsidra l-evalwazzjoni tagħha u temenda d-Deċiżjoni ta’ l-10 ta’ Mejju 2007 fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-Għajnuna mill-Istat ta’ 800 000 EUR kif maħsub f’miżura 4.

(8)

Id-Deċiżjoni ta’ l-10 ta’ Mejju 2007 dwar il-miżuri Nru C 1/2006 (ex NN 103/2005) implimentati minn Spanja għal Chupa Chups għandha għalhekk tiġi emendata.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni ta’ l-10 ta’ Mejju 2007 dwar il-miżuri Nru C 1/2006 (ex NN 103/2005) implimentati minn Spanja għal Chupa Chups huwa mneħħi u minfloku jidħol dan li ġej:

“2.   L-Għajnuna ta’ l-Istat ta’ 800 000 EUR f’għajnuna reġjonali fl-2003 taħt il-programm “Minería 2” huwa kompatibbli mas-suq komuni.”

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta’ Spanja.

Magħmula fi Brussell, 11 ta’ Marzu 2008.

Għall-Kummissjoni

Neelie KROES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU C 288, 9.10.1999, p. 2.

(2)  ĠU L 244, 19.9.2007, p. 20. Notifikata fil-11 ta’ Mejju 2007 bin-numru C(2007) 1710.

(3)  Ordni tas-17 ta’ Diċembru 2001 li tistabbilixxi l-bażijiet regolatorji għall-għoti ta’ għajnuna għal proġetti ta’ negozju li jiġġeneraw l-impjieg u jippromwovu żvilupp alternattiv ta’ żoni tal-minjieri. Il-Programm “Minería 2” kien approvat mill-Kummissjoni fis-27 ta’ Novembru 2001 (ittra C(2001) 3628).

(4)  Skond it-tifsira tal-Linji Gwida tal-Komunità ta’ l-1999 dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ kumpaniji f’diffikultà.

(5)  22,07 miljun euro fl-2002 u 4,70 miljun euro fl-2003.

(6)  28,7 miljun euro fl-2002 u 23,29 miljun euro fl-2003.

(7)  Ara n-nota 1 ta’ qiegħ il-paġna.


nach oben