EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008E0314R(01)

Rettifika għall-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/314/PESK ta' l- 14 ta' April 2008 dwar l-appoġġ għall-attivitajiet ta' l-IAEA fl-oqsma tas-sigurtà u l-verifika nukleari u fil-qafas ta' l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija ta' l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' l-Armi ta' Distruzzjoni Massiva ( ĠU L 107, 17.4.2008 )

ĠU L 212, 7.8.2008, p. 6–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2008/314/corrigendum/2008-08-07/oj

7.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 212/6


Rettifika għall-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/314/PESK ta' l-14 ta' April 2008 dwar l-appoġġ għall-attivitajiet ta' l-IAEA fl-oqsma tas-sigurtà u l-verifika nukleari u fil-qafas ta' l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija ta' l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' l-Armi ta' Distruzzjoni Massiva

( Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea L 107, tas-17 ta' April 2008 )

F'paġna 62, l-Azzjoni Konġunta 2008/314/PESK għandha tinqara kif ġej:

AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2008/314/PESK

ta' l-14 ta' April 2008

dwar l-appoġġ għall-attivitajiet ta' l-IAEA fl-oqsma tas-sigurtà u l-verifika nukleari u fil-qafas ta' l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija ta' l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' l-Armi ta' Distruzzjoni Massiva

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-12 ta' Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija ta' l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' l-Armi ta' Distruzzjoni Massiva, li l-Kapitolu III tagħha fih lista ta' miżuri sabiex tiġi miġġielda tali proliferazzjoni u li jeħtieġ jittieħdu kemm fi ħdan l-Unjoni Ewropea kif ukoll f'pajjiżi terzi.

(2)

L-UE qed timplimenta attivament din l-Istrateġija u qed tagħti effett lill-miżuri elenkati fil-Kapitolu III tagħha, b'mod partikolari bir-rilaxx ta' riżorsi finanzjarji għall-appoġġ ta' proġetti speċifiċi mwettqa minn istituzzjonijiet multilaterali, bħall-Aġenzija Internazzjonali ta' l-Enerġija Atomika (IAEA).

(3)

Fis-17 ta' Novembru 2003, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2003/805/PESK dwar l-universalizzazzjoni u r-rinfurzar ta' ftehim multilaterali fil-qasam tan-non-proliferazzjoni ta' l-armi ta' Distruzzjoni Massiva u l-mezzi ta' twassil (1). Dik il-Pożizzjoni Komuni tappella, fost oħrajn, għall-promozzjoni tal-konklużjoni tal-ftehim ta' salvagwardji komprensivi ta' l-IAEA u l-Protokolli Addizzjonali, u timpenja lill-UE sabiex taħdem sabiex il-Protokoll Addizzjonali u l-ftehim ta' salvagwardji komprensivi jsiru l-istandard għas-sistema ta' verifika ta' l-IAEA.

(4)

Fis-17 ta' Mejju 2004, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2004/495/PESK dwar l-appoġġ għall-attivitajiet ta' l-IAEA taħt il-Programm ta' Sigurtà Nukleari tagħha u fil-qafas ta' l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija ta' l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' l-Armi ta' Distruzzjoni Massiva (2).

(5)

Fit-18 ta' Lulju 2005, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2005/574/PESK dwar l-appoġġ għall-attivitajiet ta' l-IAEA fl-oqsma tas-sigurtà u l-verifika nukleari u fil-qafas ta' l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija ta' l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' l-Armi ta' Distruzzjoni Massiva (3).

(6)

Fit-12 ta' Ġunju 2006, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2006/418/PESK dwar l-appoġġ għall-attivitajiet ta' l-IAEA fl-oqsma tas-sigurtà u l-verifika nukleari u fil-qafas ta' l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija ta' l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' l-Armi ta' Distruzzjoni Massiva (4).

(7)

It-tisħiħ tal-kontroll ta' sorsi radjuattivi ta' attività għolja skond id-dikjarazzjoni tal-G-8 u l-Pjan ta' Azzjoni dwar is-sigurtà ta' sorsi radjuattivi, adottati fis-Summit ta' Evian ta' l-2003, jibqa', għall-UE, objettiv importanti li għandu jiġi segwit permezz ta' rappreżentanzi fil-pajjiżi terzi kollha.

(8)

F'Lulju 2005, l-Istati Partijiet u l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika qablu b'kunsens li jemendaw il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni Fiżika ta' Materjal Nukleari (CPPNM) bil-ħsieb li jitwessa' l-kamp ta' applikazzjoni sabiex jinkludi materjal u faċilitajiet nukleari fl-użu u fil-ħżin domestiku paċifiku, kif ukoll fit-trasport, u sabiex l-Istati Partijiet jiġu obbligati jagħmlu l-vjolazzjonijiet suġġetti għal sanzjonijiet kriminali.

(9)

F'Settembru 2005, il-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Soppressoni ta' Atti ta' Terroriżmu Nukleari (Konvenzjoni dwar it-Terroriżmu Nukleari) infetħet għall-firma. Meta tidħol fis-seħħ, din ser teħtieġ li l-Istati Partijiet jagħmlu leġislazzjoni li tikkriminalizza dawn ir-reati.

(10)

L-IAEA ssegwi l-istess objettivi bħal dawk stabbiliti fil-premessi (3) sa (9). Dan isir permezz ta' l-implimentazzjoni tal-Pjan għas-Sigurtà Nukleari tagħha li huwa ffinanzjat permezz ta' kontribuzzjonijiet volontarji għall-Fond għas-Sigurtà Nukleari ta' l-IAEA.

(11)

L-UE ikkontribwixxiet għal dan il-Fond permezz ta' l-Azzjoni Konġunta 2004/495/PESK, kif ukoll permezz ta' l-Azzjonijiet Konġunti 2005/574/PESK u 2006/418/PESK li kurrentement huma implimentati mill-IAEA u li huma mmirati lejn ir-Reġjun Asjatiku Ċentrali, ir-Reġjun Mediterran u l-Afrika rispettivament.

(12)

Sabiex tingħata għajnuna fl-azzjonijiet indirizzati lejn l-isfidi speċifiċi fil-qasam tas-sigurtà nukleari u tan-non proliferazzjoni fil-pajjiżi Asjatiċi, partikolarment minħabba n-numru, li qiegħed jikber, ta' applikazzjonijiet nukleari fir-reġjun, inter alia fil-qasam tal-mediċina, agrikultura u ilma, kif ukoll minħabba r-riċerka nukleari, din l-Azzjoni Konġunta għandha speċifikament tappoġġa l-attivitajiet ta' l-IAEA fl-Asja tax-Xlokk. Dan għandu jieħu kont tar-rwol, li qiegħed jikber, ta' l-Asja bħala msieħba ta' l-UE fil-qasam tas-sigurtà. Għandu jingħata emfażi partikolari lit-tisħiħ, fil-pajjiżi eliġibbli, tas-sikurezza u sigurtà nukleari fl-applikazzjonijiet nukleari li ma jkunux maħsuba għall-produzzjoni ta' l-enerġija,

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

Artikolu 1

1.   Għall-finijiet ta' l-implimentazzjoni immedjata u prattika ta' ċerti elementi ta' l-Istrateġija ta' l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' l-Armi ta' Distruzzjoni Massiva, l-UE għandha tappoġġa l-attivitajiet ta' l-IAEA fl-oqsma tas-sigurtà u l-verifika nukleari sabiex jitmexxew 'il quddiem l-objettivi li ġejjin:

progress lejn l-universalizzazzjoni tan-non-proliferazzjoni internazzjonali u ta' strumenti għal sigurtà nukleari, inkluż il-ftehim dwar salvagwardji komprensivi u l-Protokoll Addizzjonali;

it-titjib tal-protezzjoni ta' materjali u tagħmir sensittiv għall-proliferazzjoni u t-teknoloġija rilevanti, u l-għoti ta' assistenza leġislattiva u regolatorja fil-qasam tas-sigurtà u s-salvagwardji nukleari;

titjib fl-iskoperta ta' u r-risposta għal traffikar illeċitu ta' materjali nukleari u materjali radjuattivi oħra.

2.   Il-proġetti ta' l-IAEA, li jikkorrispondu għal miżuri ta' l-Istrateġija ta' l-UE, huma l-proġetti li jimmiraw għal:

it-tisħiħ ta' infrastrutturi nazzjonali leġislattivi u regolatorji għall-implimentazzjoni ta' strumenti internazzjonali rilevanti fl-oqsma tas-sigurtà u l-verifika nukleari, inklużi l-ftehim ta' salvagwardji komprensivi u l-Protokoll Addizzjonali;

l-għajnuna lill-Istati fit-tisħiħ tas-sigurtà u l-kontroll ta' materjal nukleari u materjali radjuattivi oħra;

it-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' l-Istati għall-iskoperta u r-risposta għal traffikar illeċitu ta' materjal nukleari u materjali radjuattivi oħra.

Dawn il-proġetti għandhom jitwettqu f'pajjiżi li jkunu jeħtieġu assistenza f'dawn l-oqsma wara valutazzjoni inizjali mwettqa minn grupp ta' esperti.

Deskrizzjoni dettaljata tal-proġetti hija stabbilita fl-Anness.

Artikolu 2

1.   Il-Presidenza, assistita mis-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill/Rappreżentant Għoli għall-Politika Estera u ta' Sigurta' Komuni (SĠ/RGħ), għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din l-Azzjoni Konġunta. Il-Kummissjoni għandha tkun assoċjata b'mod sħiħ.

2.   Il-proġetti msemmijin fl-Artikolu 1(2) għandhom jitwettqu mill-IAEA. Hija għandha twettaq dan il-kompitu taħt il-kontroll tas-SĠ/RGħ, li jassisti lill-Presidenza. Għal dan l-għan, is-SĠ/RGħ għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa ma' l-IAEA.

3.   Il-Presidenza, is-SĠ/RGħ u l-Kummissjoni għandhom iżommu lil xulxin infurmati regolarment bil-proġetti, f'konformità mal-kompetenzi rispettivi tagħhom.

Artikolu 3

1.   L-ammont finanzjarju ta' referenza għall-implimentazzjoni tal-proġetti msemmijin fl-Artikolu 1(2) għandu jkun ta' EUR 7 703 000, li għandu jiġi finanzjat mill-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej.

2.   L-ispiża ffinanzjata bl-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandha tiġi amministrata skond il-proċeduri u r-regoli tal-Komunità Ewropea applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej.

3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni korretta ta' l-ispiża msemmija fil-paragrafu 2, li għandha tieħu s-sura ta' għotja. Għal dan l-għan, hija għandha tikkonkludi ftehim ta' finanzjament ma' l-IAEA. Il-ftehim ta' finanzjament għandu jistipula li l-IAEA għandha tiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni ta' l-UE, b'mod adegwat għad-daqs tagħha.

4.   Il-Kummissjoni għandha taħdem sabiex tikkonkludi l-ftehim ta' finanzjament imsemmi fil-paragrafu 3 mill-aktar fis possibbli wara d-dħul fis-seħħ ta' din l-Azzjoni Konġunta. Hija għandha tgħarraf lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f'dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta' finanzjament.

Artikolu 4

Il-Presidenza, megħjuna mis-SĠ/RGħ, għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta abbażi ta' rapporti regolari ppreparati mill-IAEA. Dawn ir-rapporti għandhom ikunu l-bażi għall-evalwazzjoni mill-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tkun assoċjata b'mod sħiħ. Hija għandha tipprovdi tagħrif dwar l-aspetti finanzjarji ta' l-implimentazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta.

Artikolu 5

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ l-adozzjoni tagħha.

Hija għandha tiskadi 24 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta' finanzjament bejn il-Kummissjoni u l-IAEA, jew wara 12-il xahar jekk ma jkun ġie konkluż l-ebda ftehim ta' finanzjament qabel dik id-data.

Artikolu 6

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fil-Lussemburgu, 14 ta’ April 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

I. JARC

ANNESS

Appoġġ ta' l-UE għall-attivitajiet ta' l-IAEA fl-oqsma tas-sigurtà u l-verifika nukleari u fil-qafas ta' l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija ta' l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' l-Armi ta' Distruzzjoni Massiva

1.   Deskrizzjoni

L-għadd ta' inċidenti ta' terroriżmu fl-Istati Membri ta' l-UE u fi bnadi oħra tul dawn l-aħħar snin ma wrew ebda sinjal li qed jonqsu. Il-komunità internazzjonali rrikonoxxiet f'diversi fora li r-riskju ta' atti li jirnexxu ta' terroriżmu nukleari li jinvolvi materjal nukleari jew materjal ieħor radjuattiv għadu għoli. Barra minn hekk, rapporti reċenti ta' traffikar illeċitu, li wkoll jinvolvi materjal nukleari partikolarment sensittiv, issottolinjaw ir-riskju kontinwu li terroristi jistgħu jakkwistaw tali materjali.

Il-komunità internazzjonali rreaġixxiet b'mod qawwi għal dawn il-perikli u ħadet diversi inizjattivi mmirati lejn il-prevenzjoni tal-possibbiltà li materjal nukleari jew materjal radjuattiv ieħor jaqa' f'idejn persuni kriminali u terroristi. Inġibdet attenzjoni partikolari għas-sitwazzjoni fl-Asja mis-Seminar dwar it-Tisħiħ tas-Sigurtà Nukleari fil-Pajjiżi Asjatiċi, li sar f'Tokjo f'Novembru 2006, li appella lill-IAEA sabiex issaħħaħ il-koperazzjoni tagħha ma' l-Istati fir-reġjun sabiex tiżgura li jiġu applikati livelli aċċettabbli ta' sigurtà għall-materjal nukleari u l-materjal radjuattiv ieħor kollu taħt il-ġurisdizzjonijiet nazzjonali u skond sistemi u funzjonijiet nazzjonali effettivi. Ingħatat spinta akbar lill-isforzi internazzjonali permezz tat-tnedija f'Lulju 2006 ta' l-Inizjattiva Globali għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu Nukleari.

Il-verifika ta' l-IAEA tibqa' għodda indispensabbli għall-bini ta' fiduċja fost l-Istati fir-rigward ta' impenji ta' non-proliferazzjoni nukleari, u għall-avvanz ta' l-użu paċifiku ta' materjal nukleari.

L-iżviluppi internazzjonali reċenti rriżultaw f'sett ġdid u msaħħaħ ta' strumenti legali internazzjonali li huma rilevanti għas-sigurtà u l-verifika nukleari: f'Lulju 2005, l-Istati Partijiet adottaw l-Emenda għall-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni Fiżika tal-Materjal Nukleari; il-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Soppressjoni ta' Atti ta' Terroriżmu Nukleari nfetħet għall-iffirmar f'Settembru 2005; u f'April 2004, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU adotta r-Riżoluzzjoni 1540(2004) li titratta l-armi ta' Distruzzjoni Massiva u l-atturi li m'humiex Stati. Ir-Riżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tappella lill-Istati kollha sabiex malajr kemm jista' jkun isiru partijiet fil-konvenzjonijiet u l-protokolli internazzjonali rilevanti relatati mat-terroriżmu.

Aktar minn 80 Stat daħlu għal impenn politiku li jimplimentaw il-Kodiċi ta' Kondotta dwar is-Sikurezza u s-Sigurtà ta' Sorsi Radjuattivi (5). Barra minn hekk, fl-2005 l-Konferenza Ġenerali u l-Bord tal-Gvernaturi ta' l-IAEA adottaw diversi riżoluzzjonijiet u deċiżjonijiet għat-tisħiħ tas-sistema ta' salvagwardji ta' l-IAEA (6).

L-implimentazzjoni ta' dawn l-istrumenti internazzjonali mill-Istati tista' tkun iffaċilitata b'mod sinifikattiv, sa ċertu punt, mill-għajnuna pprovduta permezz tal-Pjan għas-Sigurtà Nukleari ta' l-IAEA għall-2006-2009, li ġie approvat mill-Bord tal-Gvernaturi ta' l-IAEA f'Settembru 2005 (7). Din hija kontinwazzjoni għall-Pjan ta' Attivitajiet 2003-2005 għall-protezzjoni kontra t-terroriżmu nukleari (8). Il-Pjan għas-Sigurtà Nukleari jinkludi tliet oqsma ta' attività: (1) Valutazzjoni, analiżi u koordinazzjoni tal-ħtiġijiet, (2) Prevenzjoni, u (3) Skoperta u risposta. Huwa jinkludi wkoll parti msemmija bħala “Attivitajiet li Jappoġġaw is-Sigurtà Nukleari”, li fiha attivitajiet identifikati oriġinarjament għall-objettivi tagħhom ta' sikurezza u salvagwardji iżda li huma magħrufin ukoll għall-kontributi importanti tagħhom għas-sigurtà nukleari.

Is-Salvagwardji Internazzjonali, kif implimentati mill-IAEA, jirrappreżentaw il-mezzi ewlenin ta' verifika tal-konformità mill-Istati ma' l-impenji u l-obbligi speċifiċi tagħhom ta' non-proliferazzjoni. Huwa ta' importanza assoluta li l-leġislazzjoni nazzjonali meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' ftehim ta' salvagwardji komprensiv ma' l-IAEA, u, jekk ikun applikabbli, protokoll addizzjonali, tkun fis-seħħ (9). L-implimentazzjoni teħtieġ li kull Stat parti minn tali ftehim iżomm Sistema ta' l-Istat għar-Rendikont u l-Kontroll tal-Materjal Nukleari (SSAC) li tkun effettiva. F'Settembru 2005, il-Bord tal-Gvernaturi ta' l-IAEA talab li s-Segretarjat ta' l-IAEA jgħin lill-Istati li għalihom il-ftehim dwar salvagwardji komprensivi kellhom mehmuża protokolli għal kwantitajiet żgħar, inklużi dawk li m'humiex membri ta' l-Aġenzija, permezz tar-riżorsi disponibbli, fl-istabbiliment u l-manutenzjoni ta' tali SSACs.

Il-Pjan għas-Sigurtà Nukleari 2006-2009 jsegwi l-objettivi simili għal xi elementi ta' l-Istrateġija ta' l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' l-Armi ta' Distruzzjoni Massiva. Dawn jipprovdu approċċ komprensiv għas-sigurtà nukleari inklużi l-kontrolli regolatorji, il-kontabbiltà u l-protezzjoni ta' materjal nukleari u materjali radjuattivi oħra fl-użu, il-ħżin u t-trasport, “mill-bidu sat-tmiem”, għall-perijodu qasir kif ukoll għal dak fit-tul. Madankollu, jekk il-protezzjoni ma tirnexxix, għandhom jiġu stabbiliti miżuri ta' kontinġenza għall-iskoperta ta' serq jew attentati ta' kuntrabandu tal-materjal minn naħa għal oħra tal-fruntieri internazzjonali u b'risposta għal atti malizzjużi li jinvolvu materjal nukleari jew materjali radjuattivi oħra, jekk dawn iseħħu.

L-IAEA waslet sabiex ittemm l-implimentazzjoni ta' l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2004/495/PESK tas-17 ta' Mejju 2004 dwar appoġġ għall-attivitajiet ta' l-IAEA taħt il-Prgramm tagħha għas-Sigurtà Nukleari u fil-qafas ta' l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija ta' l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' l-Armi ta' Distruzzjoni Massiva. Addizzjonalment, l-IAEA tinsab fil-proċess li timplimenta l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2005/574/PESK tat-18 ta' Lulju 2005 dwar appoġġ għall-attivitajiet ta' l-IAEA l-oqsma tas-sigurtà u verifika nukleari u fil-qafas ta' l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija ta' l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' l-Armi ta' Distruzzjoni Massiva, kif ukoll l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2006/418/PESK tat-12 ta' Ġunju 2006 dwar appoġġ għall-attivitajiet ta' l-IAEA attivitajiet ta' l-IAEA fil-qasam tas-sigurta' u l-verifika nukleari u fil-qafas ta' l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija ta' l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' l-Armi ta' Distruzzjoni Massiva.

Bil-kontributi assoċjati ta' l-UE, l-IAEA bdiet attivitajiet sostanzjali sabiex tappoġġa l-isforzi ta' l-Istati destinatarji fil-Kawkasu, l-Asja Ċentrali, l-Ewropa tax-Xlokk u l-Balkani, ir-reġjun Mediterranju fil-Lvant Nofsani, u l-Afrika għat-tisħiħ tas-sigurtà nukleari u l-implimentazzjoni tas-salvagwardji internazzjonali f'dawn il-pajjiżi.

It-talba għal appoġġ għal dawn l-isforzi tibqa' għolja kemm fl-Istati Membri ta' l-IAEA kif ukoll fl-Istati li m'humiex membri ta' l-IAEA. Il-pajjiżi li huma eliġibbli sabiex jirċievu appoġġ huma:

 

fl-Ewropa tax-Xlokk: it-Turkija, l-Albanija, il-Bosnja u Ħerzegovina, il-Kroazja, is-Serbja, il-Montenegro, ir-Repubblika tal-Moldova, u dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja;

 

fir-reġjun ta' l-Asja Ċentrali: il-Kazakistan, il-Kirgiżstan, l-Uzbekistan, it-Taġikistan u t-Turkmenistan;

 

fir-reġjun tal-Kawkasu: l-Armenja, l-Azerbajġan u l-Ġeorġja,

 

fir-reġjun Mediterranju fil-Lvant Nofsani: l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, u r-Repubblika Għarbija tas-Sirja u,

 

fl-Afrika (10): l-Alġerija, l-Angola, il-Benin, il-Botswana, il-Burkina Faso, il-Burundi, il-Kamerun, Kap Verde, ir-Repubblika Ċentrali Afrikana, iċ-Ċad, il-Komoros, il-Kongo (Brazzaville), il-Kosta ta' l-Avorju, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, Ġibuti, l-Eġittu, il-Ginea Ekwatorjali, l-Eritrea, l-Etjopja, il-Gabon, il-Gambja, il-Gana, il-Ginea, il-Ginea-Bissaw, il-Kenja, il-Lesoto, il-Liberja, il-Ġamaħirija Għarbija Libjana, il-Madagaskar, il-Malawi, il-Mali, il-Mawritanja, il-Mawrizju, il-Marokk, il-Możambik, in-Namibja, in-Niġer, in-Niġerja, ir-Rwanda, Sao Tome u Principe, is-Senegal, is-Seychelles, Sierra Leone, is-Somalja, l-Afrika t'Isfel, is-Sudan, is-Sważiland, it-Togo, it-Tuniżija, l-Uganda, ir-Repubblika Unita tat-Tanżanija, iż-Żambja u ż-Żimbabwe;

 

fir-reġjun ta' l-Asja tax-Xlokk: il-Bangladex, il-Brunej, il-Kambodja, l-Indoneżja, il-Laos, il-Malażja, il-Mjanmar, il-Filippini, Singapor, it-Tajlandja, il-Vjetnam.

Il-ħidma ser tkompli fix-Xlokk ta' l-Ewropa, l-Asja Ċentrali, il-Kawkasu, fir-reġjun Mediterranju fil-Lvant Nofsani, u fl-Afrika abbażi ta' l-Azzjonijiet Konġunti eżistenti u jsir aġġornament ta' l-evalwazzjonijiet tal-bżonnijiet bħala parti minn dawk l-Azzjonijiet Konġunti. Din l-Azzjoni Konġunta sejra tiffoka fuq l-Ewropa tax-Xlokk. L-għażla finali tal-pajjiżi addizzjonali fir-reġjun ta' l-Asja tax-Xlokk li jirċievu appoġġ ser issir abbażi tal-fażi ta' l-evalwazzjoni tal-bżonnijiet, li ser ikun fiha evalwazzjoni ta' l-informazzjoni eżistenti fil-kwartieri ġenerali ssupplimentata b'missjonijiet ta' valutazzjoni fejn ikun meħtieġ. L-attivitajiet ta' appoġġ għal kull proġett ser ikunu ffukati fuq dawk il-pajjiżi li jkunu l-aktar fil-bżonn ta' appoġġ f'kull qasam tal-proġett.

Għall-finijiet ta' l-evalwazzjonijiet tal-bżonnijiet, grupp ta' esperti rikonoxxuti ser jivvaluta l-istatus attwali ta' sistema ta' sigurtà nukleari li hi diġà stabbilita f'dawn il-pajjiżi u ser jagħti rakkomandazzjonijiet dwar titjib. Ir-rakkomandazzjonijiet ser jikkostitwixxu pjattaforma għad-definizzjoni ta' għajnuna sussegwenti, u ser ikopru l-istatus attwali u l-ħtieġa għal titjib fir-rigward ta' prevenzjoni, skoperta ta' u risposta għal atti malizzjużi li jinvolvu materjali nukleari u materjali radjuattivi oħra, inklużi dawk f'użu mhux nukleari, u ta' faċilitajiet nukleari. Ser jiġu stabbiliti prijoritajiet fl-identifikazzjoni tal-pajjiżi għal kull proġett kopert mill-baġit li jsir disponibbli permezz ta' l-appoġġ ta' l-UE. L-iżvilupp tar-riżorsi umani ser jiġi implimentat bħala parti mill-programm ta' taħriġ stabbilit ta' l-IAEA, li, fil-parti l-kbira, huwa bbażat fuq approċċ reġjonali. Il-parteċipazzjoni ta' esperti minn l-akbar numru ta' pajjiżi eliġibbli possibbli ser tkun appoġġata, soġġett għar-riżorsi finanzjarji disponibbli.

Sussegwentement, il-proġetti ser jiġu implimentati fil-pajjiżi magħżula fi tliet oqsma:

1.   Għajnuna Leġislattiva u Regolatorja

Il-bażi legali għas-sigurtà nukleari hija magħmula, fil-parti l-kbira, minn strumenti internazzjonali u prinċipji rikonoxxuti (trattati, konvenzjonijiet, ftehim, normi, standards ta' l-IAEA, kodiċijiet ta' kondotta u dokumenti ta' gwida, u rakkomandazzjonijiet) li huma implimentati mill-awtoritajiet nazzjonali għall-kontroll ta' materjal nukleari u sorsi radjuattivi oħra. Din il-firxa wiesgħa ta' normi (ħafna minnhom żviluppati taħt il-patroċinju ta' l-IAEA) tipprovdi qafas għall-użu ta' materjal nukleari, sustanzi radjuattivi oħra u l-faċilitajiet relatati tagħhom b'sikurezza u sigurtà - kemm dawk bi programmi nukleari kbar kif ukoll dawk li jwettqu biss attivitajiet nukleari limitati.

L-eżistenza ta' leġislazzjoni nazzjonali xierqa, u ta' infrastruttura regolatorja ta' kontroll, hija prekondizzjoni għal reġim ta' siġurtà nukleari ta' suċċess. Il-leġislazzjoni implimentattiva nazzjonali għandha tipprovdi qafas ta' prinċipji u dispożizzjonijiet ġenerali li jippermetti lill-entitajiet governattivi awtorizzati jeżerċitaw il-funzjonijiet regolatorji meħtieġa u li jirregola l-imġiba ta' kull persuna impenjata f'attivitajiet regolati. F'ħafna Stati tali leġislazzjoni mhijiex adegwata u l-infrastruttura regolatorja m'hijiex stabbilita jew m'hijiex adegwata. Tali nuqqasijiet, flimkien ma' infrastrutturi regolatorji ta' kontroll li huma ineffiċjenti jirriżultaw fi dgħjufija tar-reġim ta' sigurtà globali. L-għan għandu għalhekk ikun it-tisħiħ jew l-istabbiliment ta' oqsfa leġislattivi u regolatorji nazzjonali adegwati, u l-applikazzjoni effettiva tal-miżuri rilevanti.

Materjali radjuattivi huma spiss użati f'applikazzjonijiet mhux nukleari, per eżempju f'użu mediku jew industrijali. Xi wħud minn dawn is-sorsi huma radjuattivi ħafna, u jaqgħu fil-kategoriji 1 sa 3, kif definiti fid-dokument ta' l-IAEA “Kategorizzazzjoni ta' Sorsi Radjuattivi”. Dawn is-sorsi, jekk ma jkunux taħt kontroll regolatorju u protetti b'mod adegwat, jistgħu jaqgħu f'idejn żbaljati u jintużaw f'attivitajiet malizzjużi. L-infrastruttura regolatorja għas-sikurezza radjoloġika u s-sigurtà ta' sorsi radjuattivi għandha tkun effettiva u għandha tiffunzjona b'mod adegwat skond l-istandards internazzjonali, il-linji gwida tal-Kodiċi ta' Kondotta dwar is-Sikurezza u s-Sigurtà ta' Sorsi Radjuattivi u l-gwida assoċjata għall-importazzjoni/esportazzjoni, u skond l-aħjar prattika.

Il-konklużjoni tal-ftehim ta' salvagwardji u tal-protokolli addizzjonali ma' l-IAEA hija miżura effettiva li tippromwovi kontroll nazzjonali u internazzjonali strett fuq materjal nukleari u teknoloġiji relatati. Huwa importanti li l-leġislazzjoni implimentattiva nazzjonali tidentifika b'mod ċar l-attivitajiet nukleari, l-installazzjonijiet, il-faċilitajiet u l-materjal li għalihom ser jiġu applikati s-salvagwardji. Barra minn dan, l-Istati li kkonkludew protokoll addizzjonali għandhom jiżguraw li l-leġislazzjoni implimentattiva nazzjonali tagħhom ġiet imtejba sabiex l-Istat ikkonċernat ikun jista' jikkonforma ma' l-obbligi addizzjonali taħt il-protokoll addizzjonali. B'mod partikolari, il-leġislazzjoni domestika ta' l-Istat għandha tiġi riveduta sabiex jitwessgħu r-responsabbiltajiet u s-setgħat tal-korp regolatorju, maħtur għall-finijiet ta' implimentazzjoni u applikazzjoni tal-ftehim ta' salvagwardji konklużi.

L-Istati jaċċettaw ukoll obbligi sabiex jintlaħqu normi internazzjonali relatati mas-sigurtà nukleari, meta jsiru parti mis-CPPNM, billi jirratifikaw l-Emenda għas-CPPNM, u meta jsiru parti mill-Konvenzjoni dwar it-Terrorizmu Nukleari. Barra minn dan, ir-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tobbliga wkoll lill-Istati kollha sabiex jistabbilixxu kontrolli interni inkluż l-istabbiliment ta' kontrolli adegwati fuq il-materjali relatati ma' l-armi nukleari.

L-impenji ta' l-Istati inklużi fl-istrumenti internazzjonali msemmija qabel fil-qasam tas-sigurtà nukleari rriżultaw f'ġustappożizzjoni ta' impenji relatati mas-sigurtà ta' materjal u faċilitajiet nukleari u ta' sorsi radjuattivi oħrajn. Dawn l-impenji jinkludu miżuri għall-istabbiliment ta' infrastruttura regolatorja għas-sikurezza radjoloġika u s-sigurtà ta' sorsi radjuattivi; miżuri ta' kontabbiltà u kontroll; miżuri ta' protezzjoni fiżika; kontrolli fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni u l-kriminalizzazzjoni ta' l-atti illegali.

2.   Tisħiħ tas-Sigurtà u l-Kontroll ta' Materjali Nukleari u Materjali Radjuattivi oħra

Il-materjali użati jew maħżuna f'faċilitajiet u postijiet nukleari għandu jingħata kont tagħhom u għandhom ikunu protetti sabiex ma jitħalliex isir serq jew sabotaġġ. Sistema regolatorja effettiva għandha tidentifika dawk l-elementi li jeħtieġu implimentazzjoni fil-livell ta' l-Istat u ta' l-operatur rispettivament.

Huwa wkoll ta' importanza essenzjali li sorsi b'saħħithom u vulnerabbli f'applikazzjonijiet mhux nukleari jkunu protetti fiżikament kontra atti malizzjużi meta jintużaw jew jinħażnu, u meta ma jkunux meħtieġa iżjed, huma jiżżarmaw u jinħażnu, jew jintremew bħala skart radjuattiv, f'post protett u sigur.

L-Istati kollha bi ftehim ta' salvagwardi komprensivi huma meħtieġa jistabbilixxu u jżommu sistemi ta' l-istat għar-rendikont u l-kontroll tal-materjal nukleari kollu (SSACs) soġġett għal salvagwardji. Madankollu, l-IAEA tistma li tali sistemi huma neqsin jew inadegwati f'bosta Stati li huma parti minn tali ftehim. Din is-sitwazzjoni hija partikolarment mifruxa fost il-bejn wieħed u ieħor 120 Stat li ma joperaw l-ebda faċilità nukleari.

3.   Tisħiħ tal-Kapaċitajiet ta' l-Istati għall-Iskoperta u r-Risposta għal Traffikar Illeċitu

It-traffikar illeċitu huwa relatat mar-riċeviment, il-forniment, l-użu, it-trasferiment jew ir-rimi mhux awtorizzati ta' materjal nukleari u materjali radjuattivi oħra, kemm jekk intenzjonalment kif ukoll jekk le u bil-qsim ta' fruntieri internazzjonali jew le.

Strument esplożiv nukleari mhux raffinat u magħmul minn terroristi jew strument li jxerred ir-radjazzjoni ma jistgħux jiġu mibnija jekk il-materjal ma jkunx ġie akkwistat bħala riżultat ta' traffikar illeċitu. Barra minn dan, tagħmir u teknoloġija sensittivi sabiex jipproduċu materjal sensittiv għal jew sabiex jinbena strument esplożiv nukleari mhux raffinat jistgħu wkoll ikunu ġew akkwistati permezz ta' traffikar illeċitu. Wieħed jista' jassumi li ċaqliq ta' materjal jew teknoloġija minn naħa għall-oħra tal-fruntieri huwa meħieġ sabiex il-materjal jilħaq id-destinazzjoni finali tiegħu. sabiex jikkumbattu t-traffikar illeċitu, l-Istati għalhekk jeħtieġu li jkunu stabbiliti s-sistemi regolatorji meħtieġa, kif ukoll is-sistemi tekniċi (inklużi strumenti li huma faċli sabiex jintużaw) u l-proċeduri u l-informazzjoni disponibbli fi stazzjonijiet tal-fruntieri għall-iskoperta ta' attentati ta' kuntrabandu ta' materjali radjuattivi (inklużi materjali radjuattivi fissili), jew kummerċ mhux awtorizzat ta' tagħmir u teknoloġija sensittivi.

Għandhom ukoll jiġu stabbiliti miżuri effettivi b'risposta għal tali atti kif ukoll għall-qbid ta' kwalunkwe materjal radjuattiv. Il-persunal ta' l-infurzar tal-liġi (tad-dwana, tal-pulizija, eċċ.) ħafna drabi ma jkunx imħarreġ fl-użu ta' tagħmir għall-iskoperta, u għalhekk it-tagħmir u t-teknoloġija sensittivi jistgħu ma jkunux familjari. It-taħriġ ta' dawn l-uffiċjali huwa għalhekk kritiku għas-suċċess ta' kwalunkwe miżura li tiġi stabbilita għall-iskoperta ta' traffikar illeċitu. Taħriġ differenti għandu jiġi offrut lill-persunal ta' kategoriji differenti, kemm fl-użu ta' strumenti għall-iskoperta kif ukoll sabiex jifhmu l-qari ta' l-istrument sabiex ikun jista' jiġi deċiż x'attivitajiet għandhom isiru wara.

Hemm domanda kbira għal appoġġ f'dan il-qasam bħala riżultat ta' għarfien akbar tat-theddida involuta u tad-disponibbiltà tat-tagħmir u l-metodoloġija għall-kapaċità ta' sorveljanza mtejba fil-fruntieri.

2.   Objettivi

Objettiv ġenerali: It-tisħiħ tas-sigurtà nukleari f'pajjiżi magħżula.

2.1.   Fażi ta' Evalwazzjoni: Il-Finanzjament ta' Missjonijiet Internazzjonali għas-Sigurtà Nukleari

L-evalwazzjoni ser issir mill-IAEA sabiex tidentifika l-bżonnijiet għat-tisħiħ tas-sigurtà nukleari f'kull wieħed mill-pajjiżi msemmijin fil-punt 1, fejn tali evalwazzjoni għadha ma tlestietx. Għall-pajjiżi identifikati l-oħra, l-evalwazzjoni li saret qabel ser tiġi aġġornata. L-evalwazzjoni ser tkopri, skond il-każ, il-protezzjoni fiżika u s-sigurtà ta' applikazzjonijiet nukleari u ta' dawk mhux nukleari, miżuri stabbiliti għall-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu kif ukoll l-infrastruttura legali u regolatorja meħtieġa. Ir-riżultati tal-valutazzjoni globali ser jintużaw bħala bazi għall-għażla tal-pajjiżi fejn ser jiġu implimentati l-proġetti.

Il-proġetti dettaljati fil-qosor hawn fuq ser:

jevalwaw, f'kull pajjiż, l-istatus ta' protezzjoni fiżika ta' materjali nukleari u materjali radjuattivi oħra, u l-protezzjoni ta' kwalunkwe stallazzjoni jew post nukleari jew ta' riċerka li fihom jintużaw jew jinħażnu dawn il-materjali. Jidentifikaw sottogrupp ta' faċilitajiet u postijiet li fihom dawn il-materjali li għandhom jintgħażlu għal titjib u appoġġ sussegwenti;

jevalwaw, f'kull pajjiż, kwalunkwe ħtieġa fir-rigward tat-titjib tas-sigurtà ta' sorsi radjuattivi. Jidentifikaw kwalunkwe dgħjufija u nuqqas meta mqabbla ma' standards internazzjonali u l-Kodiċi ta' Kondotta li jeħtieġu titjib ta' l-infrastruttura regolatorja, u jidentifikaw il-ħtieġa li jipprovdu protezzjoni addizzjonali ta' sorsi qawwija u vulnerabbli. It-tagħmir speċifiku meħtieġ sabiex jipprovdi protezzjoni jiġi determinat ukoll bħala riżultat ta' l-evalwazzjoni;

jevalwaw, f'kull pajjiż, l-istatus attwali tal-kapaċità għall-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu u jidentifikaw il-bżonnijiet għat-titjib meħtieġ.

jevalwaw, f'kull pajjiż, l-istatus tas-SSAC u jidentifikaw il-bżonnijiet għat-titjib meħtieġ.

2.2.   Implimentazzjoni ta' azzjonijiet speċifiċi ddefiniti bħala prijoritajiet b'riżultat tal-fażi ta' evalwazzjoni

Proġett 1.   Għajnuna Leġislattiva u Regolatorja

Għan tal-proġett:

it-tisħiħ ta' l-infrastrutturi leġislattivi u regolatorji nazzjonali relatati ma' materjal nukleari u ma' materjal radjuattiv ieħor waqt li jittieħed kont ta' strumenti internazzjonali rilevanti u ta' prinċipji rikonoxxuti fil-qasam tas-sigurtà nukleari kif ukoll tas-sinerġiji eżistenti mas-sistemi nazzjonali tas-sikurezza radjoloġika;

it-tisħiħ ta' l-oqfsa leġislattivi nazzjonali għall-implimentazzjoni ta' Ftehim ta' Salvagwardji u Protokolli Addizzjonali konklużi bejn l-Istati u l-Aġenzija;

it-tisħiħ ta' l-infrastruttura regolatorja nazzjonali għas-sikurezza radjoloġika u s-sigurtà ta' sorsi radjuattivi.

Riżultati tal-proġett:

l-iżvilupp u l-adozzjoni ta' leġislazzjoni komprensiva, koerenti u effettiva fil-livell nazzjonali, sabiex b'hekk isir kontribut għal sistema armonizzata, imsaħħa u aktar universali ta' sigurtà nukleari;

l-iżvilupp u l-adozzjoni (bil-lingwi nazzjonali) tal-leġislazzjoni nazzjonali meħtieġa sabiex l-Istati jkunu jistgħu jikkonformaw ma' l-obbligi tagħhom taħt il-Ftehim ta' Salvagwardji u l-Protokolli Addizzjonali ta' l-Aġenzija;

l-istabbiliment/it-titjib ta' l-infrastruttura regolatorja nazzjonali għas-sikurezza radjoloġika u s-sigurtà ta' sorsi radjuattivi permezz ta' l-għoti ta' servizzi ta' konsulenza, tagħmir u taħriġ, skond l-istandards internazzjonali, il-linji gwida tal-Kodiċi ta' Kondotta dwar is-Sikurezza u s-Sigurtà ta' Sorsi Radjuattivi u l-aħjar prattika.

Proġett 2.   Tisħiħ tas-Sigurtà u l-Kontroll ta' Materjali Nukleari u Materjali Radjuattivi oħra

Għan tal-proġett:

it-tisħiħ tal-protezzjoni fiżika ta' faċilitajiet nukleari u ta' materjali nukleari u materjali radjuattivi oħra f'applikazzjonijiet nukleari fil-pajjiżi magħżula;

it-tisħiħ tal-kontroll u l-protezzjoni fiżika ta' materjali radjuattivi f'applikazzjonijiet mhux nukleari fil-pajjiżi magħżula;

it-tisħiħ ta' l-SSACs għall-implimentazzjoni ta' ftehim ta' salvagwardji u protokolli addizzjonali, inkluż fi Stati bi “protokolli għal kwantitajiet żgħar”.

Riżultati tal-proġett:

it-titjib tal-protezzjoni fiżika ta' materjali nukleari u ta' materjali radjuattivi oħra f'faċilitajiet u postijiet nukleari mtejbin magħżulin;

il-protezzjoni ta' sorsi vulnerabbli f'applikazzjonijiet mhux nukleari jew, skond il-każ, iż-żarmar u t-trasferiment tagħhom f'post ta' ħżin protett u sigur fil-pajjiżi magħżula.

infrastruttura regolatorja nazzjonali għall-protezzjoni fiżika mtejba permezz ta' għajnuna esperta;

l-istabbiliment u ż-żamma ta' SSACs effettivi li kapaċi jimplimentaw il-ftehim ta' salvagwardji u protokolli addizzjonali, inkluż fi Stati bi “protokolli għal kwantitajiet żgħar”;

l-għoti ta' taħriġ lill-persunal fil-pajjiżi li huma eliġibbli sabiex jirċievu appoġġ.

Proġett 3.   Tisħiħ tal-Kapaċitajiet ta' l-Istati għall-Iskoperta u r-Risposta għal Traffikar Illeċitu

Għan tal-proġett:

it-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' l-Istati għall-iskoperta ta' u r-risposta għal traffikar illeċitu fil-pajjiżi magħżula;

Riżultati tal-proġett:

informazzjoni aħjar miġbura u evalwata dwar traffikar nukleari illeċitu, minn sorsi miftuħa u minn Punti ta' Kuntatt ta' l-Istati, sabiex jitjieb l-għarfien dwar u ċ-ċirkostanzi ta' traffikar nukleari illeċitu. Din l-informazzjoni ser tiffaċilita wkoll il-prijoritizzazzjoni tad-diversi attivitajiet li jsiru sabiex jiġi miġġieled it-traffikar illeċitu;

strutturi nazzjonali stabbiliti permezz ta' għajnuna esperta, sabiex jiġi miġġieled it-traffikar illeċitu u sabiex titjieb il-koordinazzjoni nazzjonali ta' kontroll ta' ċaqliq transkonfini ta' materjali radjuattivi, tagħmir u teknoloġija nukleari sensittivi fil-pajjiżi magħżula;

titjib fil-kwalità ta' tagħmir ta' sorveljanza f'punti magħżula ta' qsim fuq il-fruntieri,

l-għoti ta' taħriġ lill-persunal ta' l-infurzar tal-liġi fil-pajjiżi li huma eliġibbli sabiex jirċievu appoġġ;

3.   Tul ta' żmien

L-evalwazzjoni ser titwettaq fi żmien perijodu ta' tliet xhur wara d-dħul fis-seħħ tal-ftehim ta' kontribuzzjoni bejn il-Kummissjoni u l-IAEA. It-tliet proġetti ser jitwettqu b'mod parallel matul il-21 xahar sussegwenti.

It-tul ta' żmien totali stmat meħtieġ għall-implimentazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta huwa ta' 24 xahar.

4.   Benefiċjarji

Il-benefiċjarji huma l-pajjiżi fejn ser jiġu implimentati l-valutazzjoni u l-proġetti sussegwenti. L-awtoritajiet tagħhom ser jingħataw għajnuna sabiex jifhmu fejn hemm punti dgħajfa u ser jirċievu appoġġ sabiex tinkiseb soluzzjoni u tiżdied is-sigurtà. L-għażla finali tal-benefiċjarji u l-bżonnijiet li jridu jiġu indirizzati fil-pajjiżi magħżula għandhom isiru b'konsultazzjoni bejn l-entità ta' implimentazzjoni u l-Presidenza, megħjuna mis-SĠ/RGħ b'konsultazzjoni mill-qrib ma' l-Istati Membri u l-Kummissjoni fil-qafas tal-grupp ta' ħidma kompetenti tal-Kunsill. Dawn id-deċiżjonijiet għandhom ikunu bbażati, fejn ikun il-każ, fuq proposti ta' l-entità ta' implimentazzjoni skond l-Artikolu 2(1) ta' din l-Azzjoni Konġunta.

5.   Entità ta' Implimentazzjoni

L-IAEA ser tiġi fdata bl-implimentazzjoni tal-proġetti. Il-missjonijiet internazzjonali għas-sigurtà nukleari ser jitwettqu skond il-mod ta' l-operat standard għall-missjonijiet ta' l-IAEA, li ser jitwettqu minn esperti ta' l-IAEA u ta' l-Istati Membri. L-implimentazzjoni tat-tliet proġetti ser issir direttament mill-persunal ta' l-IAEA u/jew minn esperti jew il-kuntratturi magħżula mill-Istati Membri ta' l-IAEA. Fil-każ ta' kuntratturi, l-akkwist ta' kwalunkwe prodotti, xogħlijiet jew servizzi mill-IAEA fil-kuntest ta' din l-Azzjoni Konġunta ser isir skond ir-regoli u proċeduri applikabbli ta' l-IAEA.

6.   Parteċipanti Terzi

Il-proġetti ser jiġu ffinanzjati 100 % minn din l-Azzjoni Konġunta. L-esperti mill-Istati Membri ta' l-IAEA jistgħu jiġu kkunsidrati bħala parteċipanti terzi. Huma ser jaħdmu skond ir-regoli standard ta' ħidma għall-esperti ta' l-IAEA.

7.   Kondizzjonijiet Speċifiċi għall-Kuntrattazzjoni u l-Akkwist

F'xi każijiet, sabiex jiġu mtejba l-arranġamenti tas-sigurtà għal materjal nukleari u materjali radjuattivi oħra, per eżempju sorsi radjuattivi, oriġinarjament provduti mill-Federazzjoni Russa, kuntratti għall-akkwist ta' prodotti, xogħlijiet u servizzi jistgħu jiġu offruti lill-fornituri fil-Federazzjoni Russa, li jkunu familjari mat-teknoloġija Russa.


(1)  ĠU L 302, 20.11 2003, p. 34.

(2)  ĠU L 182, 19.5.2004, p. 46.

(3)  ĠU L 193, 23.7.2005, p. 44.

(4)  ĠU L 165, 17.6.2006, p. 20.

(5)  GOV/2003/49-GC(47)/9. Ukoll id-dokument: “Miżuri sabiex Tissaħħaħ il-Kooperazzjoni Internazzjonali fis-Sikurezza Nukleari, tar-Radjazzjoni u tat-Trasport u ta' l-Immaniġġar ta' l-Iskart: Promozzjoni ta' Infrastruttura Regolatorja Nazzjonali Effettiva u Sostenibbli għall-Kontoll tas-Sorsi ta' Radjazzjoni” (GOV/2004/52-GC(48)/15) jinkludi partijiet li huma rilevanti għall-kooperazjoni IAEA-UE taħt l-Istrateġija ta' l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' l-Armi ta' Distruzzjoni Massiva. Dawn l-attivitajiet huma riflessi wkoll fl-“Attivitajiet li Jappoġġaw is-Sigurtà Nazzjonali” fil-Pjan għas-Sigurtà Nukleari ta' l-IAEA għall-2006-2009.

(6)  F'Settembru 2005, il-Bord tal-Gvernaturi ta' l-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika (IAEA) iddeċida li sabiex tissaħħaħ is-sistema ta' salvagwardji, l-hekk imsejjaħ “protokoll ta' kwantitajiet żgħar” (SQP) għal ftehim ta' salvagwardji ta' trattati ta' non-proliferazzjoni għandu jibqa' parti mis-sistema ta' salvagwardji ta' l-Aġenzija, soġġett għal modifiki fit-test standard u l-bidla fil-kriterji ta' l-SQP; il-Konferenza Ġenerali ta' l-2005 ta' l-IAEA adottat riżoluzzjoni li fiha nnutat, fost oħrajn, li fil-każ ta' Stat bi ftehim ta' salvagwardji komprensiv issupplimentat bi protokoll addizzjonali fis-seħħ, dawn il-miżuri jirrappreżentaw l-istandard ta' verifika msaħħaħ għal dak l-Istat.

(7)  GOV/2005/50-GC(49)/17.

(8)  GOV/2002/10

(9)  Ara l-Pjan ta' Azzjoni ta' l-Aġenzija għall-Promozzjoni tal-Konklużjoni tal-Ftehim dwar Salvagwardji u l-Protokolli Addizzjonali, kif ippubblikat mill-IAEA.

(10)  Sa 20 - 25 pajjiż fl-Afrika huma previsti li jircievu appoġġ għat-titjib fis-sigurtà nukleari taħt proġetti differenti. Pajjiżi addizzjonali jistgħu jkunu involuti f'avvenimenti ta' taħriġ reġjonali.


Top