Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008H0447

    Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat- 30 ta’ Mejju 2008 dwar miżuri għat-tnaqqis tar-riskju għas-sustanzi: Ftalat Butiliku Benziliku, 2-furaldeide (Furfural), aċidu perboriku, melħ tas-sodju (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 2328) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 156, 14.6.2008, p. 24–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2008/447/oj

    14.6.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 156/24


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-30 ta’ Mejju 2008

    dwar miżuri għat-tnaqqis tar-riskju għas-sustanzi: Ftalat Butiliku Benziliku, 2-furaldeide (Furfural), aċidu perboriku, melħ tas-sodju

    (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 2328)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2008/447/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93 tat-23 ta’ Marzu 1993 dwar il-valutazzjoni u l-kontroll tar-riskji ta’ sustanzi eżistenti (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fil-qafas tar-Regolament (KEE) Nru 793/93 is-sustanzi li ġejjin kienu identifikati bħala sustanzi ta’ prijorità li jeħtieġu valutazzjoni skond ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 2268/95 (2) u (KE) Nru 143/97 (3) li jikkonċernaw rispettivament it-tieni u t-tielet lista ta’ sustanzi ta’ prijorità kif previst fir-Regolament (KEE) Nru 793/93

    Ftalat Benziliku Butiliku (BBP),

    2-furaldeide (Furfural),

    Aċidu perboriku, melħ tas-sodju.

    L-Istati Membri rapporteur maħtura skond dawk ir-Regolamenti temmew l-attivitajiet tal-valutazzjoni tar-riskju għall-bniedem u għall-ambjent għal dawk is-sustanzi skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1488/94 tat-28 ta’ Ġunju 1994 li jistipula l-prinċipji għal studju dwar ir-riskji lill-bniedem u l-ambjent ta’ materjali eżistenti (4) skond ir-Regolament (KEE) Nru 793/93.

    (2)

    Il-Kumitat Xjentifiku dwar it-Tossiċità, l-Ekotossiċità u l-Ambjent (SCTEE) u l-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji għas-Saħħa u l-Ambjent (SCHER) kienu kkonsultati u ħarġu opinjonijiet dwar il-valutazzjonijiet ta’ riskju li saru mir-rapporteurs. L-opinjonijiet ġew ippubblikati fuq il-websajt tal-Kumitati Xjentifiċi.

    (3)

    Ir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju u aktar riżultati ta’ l-istrateġiji biex ikunu limitati r-riskji huma stipulati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni korrispondenti (5).

    (4)

    Abbażi ta’ dik il-valutazzjoni, huwa xieraq li jkunu rakkomandati ċerti miżuri għat-tnaqqis tar-riskju għal ċerti sustanzi.

    (5)

    Il-miżuri għat-tnaqqis tar-riskju rakkomandati għall-ħaddiema għandhom ikunu kkunsidrati fi ħdan il-qafas tal-leġiżlazzjoni għall-protezzjoni tal-ħaddiema, meqjusa li tipprovdi qafas xieraq biex jiġu limitati r-riskji tas-sustanzi rilevanti sa fejn meħtieġ.

    (6)

    Il-miżuri għat-tnaqqis tar-riskju li għalihom tipprovdi din ir-rakkomandazzjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat li twaqqaf skond l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (KEE) Nru 793/93,

    B’DAN TIRRAKKOMANDA:

    TAQSIMA 1

    FTALAT BENZILIKU BUTILIKU (BBP)

    (CAS Nru 85-68-7; Einecs Nru 201-622-7)

    Il-miżuri għat-tnaqqis tar-riskju għall-ambjent (1, 2)

    1.

    L-emissjonijiet lokali tal-BBP fl-ambjent għandhom, fejn meħtieġ, ikunu kkontrollati minn regoli nazzjonali biex jiżguraw li ma jkun mistenni l-ebda riskju għall-ambjent.

    2.

    Għall-baċini tax-xmajjar fejn l-emissjonijiet tal-BBP jistgħu jikkawżaw riskju, l-Istat/i Membru/i rilevanti għandu/għandhom jistabbilixxi/u Standards ta’ Kwalità Ambjentali (EQS) u l-miżuri nazzjonali għat-tnaqqis tat-tniġġis biex jintlaħqu dawk l-EQS sa l-2015 għandhom jiġu inklużi fil-pjanijiet tal-ġestjoni tal-baċini tax-xmajjar skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

    TAQSIMA 2

    2-FURALDEIDE (FURFURAL)

    (CAS Nru 98-01-1; Einecs Nru 202-627-7)

    Il-miżuri għat-tnaqqis tar-riskju għall-ambjent (3, 4, 5, 6)

    3.

    Il-valutazzjoni tar-riskju identifikat sorsi oħra ta’ emissjonijiet tal-furfural (eż. kontaminazzjoni ewlenija mill-proċessi ta’ ppolpjar bis-sulfit użati fl-industrija tal-polpa u tal-karta), minbarra dawk mill-kimika prodotta jew impurtata. Il-ħtieġa biex jiġi kkunsidrat jekk hijiex meħtieġa ġestjoni tar-riskju addizzjonali tista’ tiġi kkunsidrata l-aħjar skond id-Direttiva 2008/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) u d-Direttiva 2000/60/KE, bl-użu tat-tagħrif fir-rapport komprensiv tal-valutazzjoni tar-riskju.

    4.

    L-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri kkonċernati għandhom jistipulaw, fil-permessi maħruġa skond id-Direttiva tal-Kunsill 2008/1/KE, kundizzjonijiet, valuri ta’ limitu għall-emissjonijiet jew parametri ekwivalenti jew il-miżuri tekniċi dwar il-Furfural sabiex joperaw skond l-Aqwa Metodi Disponibbli (BAT), waqt li jikkunsidraw il-karatteristiċi tekniċi ta’ l-installazzjonijiet ikkonċernati, il-pożizzjoni ġeografika tagħhom u l-kundizzjonijiet ambjentali lokali.

    5.

    L-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw bir-reqqa l-implimentazzjoni tal-BAT rigward il-Furfural u jirrapportaw kwalunkwe żvilupp importanti lill-Kummissjoni fil-qafas ta’ l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-BAT.

    6.

    L-emissjonijiet lokali tal-Furfural fl-ambjent għandhom, fejn meħtieġ, ikunu kkontrollati minn regoli nazzjonali biex jiżguraw li ma jkun mistenni l-ebda riskju għall-ambjent.

    TAQSIMA 3

    AĊIDU PERBORIKU, MELĦ TAS-SODJU

    (CAS No 11138-47-9; Einecs Nru 234-390-0)

    Il-miżuri għat-tnaqqis tar-riskju għall-ħaddiema (7)

    7.

    L-impjegaturi li jużaw il-perborati tas-sodju għandhom jikkunsidraw kwalunkwe gwida speċifika għas-settur żviluppata fuq livell nazzjonali bbażata fuq il-gwida prattika u ta’ natura li ma torbotx, disponibbli mill-Kummissjoni kif stipulat fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE (8).

    TAQSIMA 4

    DESTINATARJI

    8.

    Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lis-setturi kollha li jimpurtaw, jipproduċu, jittrasportaw, jaħżnu, jifformulaw fi preparazzjoni jew ipproċessar ieħor, jużaw, jarmu jew jirkurpraw is-sustanzi u lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussell, 30 ta’ Mejju 2008.

    Għall-Kummissjoni

    Stavros DIMAS

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 84, 5.4.1993, p. 1.

    (2)  ĠU L 231, 28.9.1995, p. 18.

    (3)  ĠU L 25, 28.1.1997, p. 13.

    (4)  ĠU L 161, 29.6.1994, p. 3

    (5)  ĠU C 149, 14.6.2008, p. 14.

    (6)  ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2008/32/KE (ĠU L 81, 20.3.2008, p. 60).

    (7)  ĠU L 24, 29.1.2008, p. 8.

    (8)  ĠU L 131, 5.5.1998, p. 11. Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva 2007/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 165, 27.6.2007, p. 21).


    Top