This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32008E0107
Council Joint Action 2008/107/CFSP of 12 February 2008 extending the mandate of the European Union Special Representative for Central Asia
Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/107/PESK tat- 12 ta’ Frar 2008 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali ta’ l-Unjoni Ewropea għall-Asja Ċentrali
Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/107/PESK tat- 12 ta’ Frar 2008 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali ta’ l-Unjoni Ewropea għall-Asja Ċentrali
ĠU L 38, 13.2.2008, p. 19–21
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 28/02/2010
13.2.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 38/19 |
AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2008/107/PESK
tat-12 ta’ Frar 2008
li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali ta’ l-Unjoni Ewropea għall-Asja Ċentrali
IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 14, 18(5) u 23(2) tiegħu,
Billi:
(1) |
Fil-15 ta’ Frar 2007, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2007/113/PESK (1) li temenda u testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali ta’ l-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-Asja Ċentrali. |
(2) |
Abbażi ta’ reviżjoni ta’ l-Azzjoni Konġunta 2007/113/PESK, il-mandat tar-RSUE għandu jiġi estiż b'perijodu ta’ 12-il xahar. |
(3) |
Ir-RSUE ser jimplimenta l-mandat tiegħu fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ tagħmel ħsara lill-objettivi tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni stabbiliti fl-Artikolu 11 tat-Trattat, |
ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:
Artikolu1
Rappreżentant Speċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
Il-mandat tas-Sur Pierre MOREL bħala r-Rappreżentant Speċjali ta’ l-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-Asja Ċentrali huwa b'dan estiż sat-28 ta’ Frar 2009.
Artikolu 2
Objettivi tal-politika
Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettivi tal-politika ta’ l-UE fl-Asja Ċentrali. Dawn l-objettivi jinkludu:
(a) |
il-promozzjoni ta’ relazzjonijiet tajba u mill-qrib bejn il-pajjiżi ta’ l-Asja Ċentrali u l-Unjoni Ewropea abbażi ta’ valuri u interessi komuni kif imniżżla fi ftehim rilevanti; |
(b) |
il-kontribut għat-tisħiħ ta’ l-istabbiltà u l-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi fir-reġjun; |
(c) |
il-kontribut għat-tisħiħ tad-demokrazija, l-istat ta’ dritt, il-governanza tajba u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fl-Asja Ċentrali; |
(d) |
l-indirizzar ta’ riskji ewlenin, speċjalment ta’ problemi speċifiċi b'implikazzjonijiet diretti għall-Ewropa; |
(e) |
it-titjib ta’ l-effikaċja u l-viżibbiltà ta’ l-Unjoni Ewropea fir-reġjun, inkluż permezz ta’ koordinazzjoni iżjed mill-qrib ma’ sħab u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra rilevanti, bħall-OSCE. |
Artikolu 3
Mandat
1. Sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-politika, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:
(a) |
jippromwovi l-koordinazzjoni politika ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea fl-Asja Ċentrali u jiżgura l-konsistenza ta’ l-azzjonijiet esterni ta’ l-Unjoni Ewropea fir-reġjun mingħajr preġudizzju għall-kompetenza Komunitarja; |
(b) |
jagħmel monitoraġġ, f'isem ir-Rappreżentant Għoli u skond il-mandat tiegħu, flimkien mal-Kummissjoni u mal-Presidenza, u mingħajr preġudizzju għall-kompetenza Komunitarja, tal-proċess ta’ implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija ta’ l-UE għal Sħubija Ġdida ma’ l-Asja Ċentrali, jagħmel rakkomandazzjonijiet u jirrapporta lill-korpi rilevanti tal-Kunsill fuq bażi regolari; |
(c) |
jassisti lill-Kunsill fl-iżvilupp ulterjuri ta’ politika komprensiva fir-rigward ta’ l-Asja Ċentrali; |
(d) |
isegwi mill-qrib l-iżviluppi politiċi fl-Asja Ċentrali billi jiżviluppa u jżomm kuntatti mill-qrib mal-gvernijiet, il-parlamenti, il-ġudikatura, is-soċjetà ċivili u l-midja tal-massa; |
(e) |
jinkoraġġixxi lill-Kazakastan, ir-Repubblika tal-Kirgiztan, it-Taġikistan, it-Turkmenistan u l-Uzbekistan biex jikkooperaw fir-rigward ta’ kwistjonijiet reġjonali ta’ interess komuni; |
(f) |
jiżviluppa kuntatti u kooperazzjoni adatti ma’ l-atturi interessati ewlenin fir-reġjun, inkluż l-organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali rilevanti kollha, inklużi l-Organizzazzjoni ta’ Kooperazzjoni ta’ Shanghai (SCO), il-Komunità Ekonomika EwrAsjana (EURASEC), il-Konferenza dwar l-Interazzjoni u Miżuri li jibnu l-Kunfidenza fl-Asja (CICA), l-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar is-Sigurtà Kollettiva (CSTO), il-Programm ta’ Kooperazzjoni Ekonomika Reġjonali ta’ l-Asja Ċentrali (CAREC) u ċ-Ċentru ta’ Informazzjoni u Koordinazzjoni Reġjonali ta’ l-Asja Ċentrali (CARICC); |
(g) |
jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politika ta’ l-Unjoni Ewropea fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-Linji Gwida ta’ l-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, b'mod partikolari fir-rigward tan-nisa u t-tfal u f'żoni affetwati minn kunflitt, speċjalment permezz tal-monitoraġġ u l-indirizzar ta’ l-iżviluppi f'dan ir-rigward; |
(h) |
jikkontribwixxi, f'kooperazzjoni mill-qrib ma’ l-OSCE, għall-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta’ konflitti billi jiżviluppa kuntatti ma’ l-awtoritajiet u ma’ atturi lokali oħra (NGOs, partiti politiċi, minoritajiet, gruppi reliġjużi u l-mexxejja tagħhom); |
(i) |
jagħti kontribut għall-formulazzjoni ta’ aspetti ta’ sigurtà ta’ l-enerġija kif ukoll ta’ aspetti relatati anti-narkotiċi tal-PESK fir-rigward ta’ l-Asja Ċentrali. |
2. Ir-RSUE għandu jappoġġa l-ħidma tas-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli (SĠ/RGħ) u jżomm vista ġenerali ta’ l-attivitajiet kollha ta’ l-Unjoni Ewropea fir-reġjun.
Artikolu 4
Implimentazzjoni tal-mandat
1. Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat waqt li jaġixxi taħt l-awtorità u d-direzzjoni operattiva tas-SĠ/RGħ.
2. Il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) għandu jżomm kuntatt privileġġat mar-RSUE u għandu jkun il-punt primarju ta’ kuntatt mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi gwida strateġika u direzzjoni politika lir-RSUE fil-qafas tal-mandat.
Artikolu 5
Finanzjament
1. L-ammont finanzjarju ta’ referenza maħsub sabiex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE fil-perijodu mill-1 ta’ Marzu 2008 sat-28 ta’ Frar 2009 għandu jkun ta’ EUR 1 100 000.
2. In-nefqa ffinanzjata mill-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandha tkun eleġibbli mill-1 ta’ Marzu 2008. In-nefqa għandha tiġi amministrata skond ir-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, bl-eċċezzjoni li kwalunkwe pre-finanzjament m’għandux jibqa' l-proprjetà tal-Komunità.
3. L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jkun responsabbli quddiem il-Kummissjoni għal kull nefqa.
Artikolu 6
Formazzjoni u kompożizzjoni tal-grupp
1. Fil-limiti tal-mandat tiegħu u l-mezzi finanzjarji korrispondenti disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli mill-formazzjoni tal-grupp tiegħu f'konsultazzjoni mal-Presidenza, assistita mis-SĠ/RGħ, u f'assoċjazzjoni sħiħa mal-Kummissjoni. Il-grupp għandu jinkludi l-kompetenzi dwar kwistjonijiet speċifiċi ta’ politika kif meħtieġ mill-mandat. Ir-RSUE għandu jinforma lis-SĠ/RGħ, il-Presidenza u l-Kummssjoni dwar il-kompożizzjoni tal-grupp tiegħu.
2. L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea jistgħu jipproponu l-issekondar ta’ persunal biex jaħdem mar-RSUE. Is-salarju tal-persunal li jiġi ssekondat minn Stat Membru jew minn istituzzjoni ta’ l-UE għar-RSUE għandu jkun kopert mill-Istat Membru jew mill-istituzzjoni ta’ l-UE kkonċernati rispettivament. Esperti ssekondati mill-Istati Membri lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jistgħu wkoll jiġu assenjati lir-RSUE. Il-persunal internazzjonali b'kuntratt għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru ta’ l-UE.
3. Kull persunal issekondat għandu jibqa' taħt l-awtorità amministrattiva ta’ l-Istat Membru jew l-istituzzjoni ta’ l-UE emittenti u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.
Artikolu 7
Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u l-persunal tiegħu
Il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji ulterjuri meħtieġa għat-tlestija u għall-funzjonament bla xkiel tal-missjoni tar-RSUE u tal-membri tal-persunal tiegħu għandhom jiġu maqbula mal-parti/partijiet ospitanti kif xieraq. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħtu s-sostenn kollu meħtieġ għal dan l-iskop.
Artikolu 8
Sigurtà ta’ informazzjoni klassifikata ta’ l-UE
Ir-RSUE u l-membri tat-tim tiegħu għandhom jirrispettaw il-prinċipji ta’ sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta’ Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti tal-Kunsill rigward is-sigurtà (2), b'mod partikolari fil-ġestjoni ta’ informazzjoni klassifikata ta’ l-UE.
Artikolu 9
Aċċess għal informazzjoni u appoġġ loġistiku
1. L-Istati Membri, il-Kummissjoni u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li r-RSUE jingħata aċċess għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti.
2. Il-Presidenza, il-Kummissjoni, u/jew l-Istati Membri, kif xieraq, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.
Artikolu 10
Sigurtà
Ir-RSUE għandu, skond il-politika ta’ l-UE dwar is-sigurtà ta’ persunal skjerat barra l-UE f'kapaċità operattiva taħt it-Titlu V tat-Trattat, jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, f'konformità mal-mandat tiegħu u s-sitwazzjoni tas-sigurtà fiż-żona ġeografika taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tiegħu, b'mod partikolari billi:
(a) |
jistabbilixxi pjan ta’ sigurtà speċifiku għall-missjoni bbażat fuq il-gwida mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, li jinkludi miżuri ta’ sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi għall-missjoni, li jirregolaw il-ġestjoni tal-moviment mingħajr periklu tal-persunal lejn, u ġewwa, iż-żona tal-missjoni, kif ukoll il-ġestjoni ta’ inċidenti ta’ sigurtà u li jinkludi pjan ta’ kontinġenza u ta’ evakwazzjoni tal-missjoni; |
(b) |
jiżgura li l-persunal kollu skjerat barra mill-UE jkun kopert b'assigurazzjoni ta’ riskju għoli kif meħtieġ mill-kondizzjonijiet fiż-żona tal-missjoni; |
(c) |
jiżgura li l-membri kollha tal-grupp tiegħu li jkunu ser jiġu skjerati barra mill-UE, inkluż persunal ikkuntrattat lokalment, jkunu rċevew taħriġ ta’ sigurtà adatt qabel ma jaslu fiż-żona tal-missjoni jew kif jaslu, abbażi tal-klassifikazzjonijiet tar-riskju assenjati liż-żona tal-missjoni mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill; |
(d) |
jiżgura li r-rakkomandazzjonijiet kollha magħmula wara valutazzjonijiet tas-sigurtà regolari jkunu implimentati u jipprovdi lis-SĠ/RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta’ sigurtà fil-qafas tar-rapporti ta’ nofs it-term u ta’ implimentazzjoni tal-mandat. |
Artikolu 11
Rappurtar
Ir-RSUE għandu jirrapporta regolarment bil-fomm u bil-mitkub lis-SĠ/RGħ u lill-KPS. Ir-RSUE għandu jirrapporta wkoll kif meħtieġ lill-gruppi ta’ ħidma. Rapporti regolari bil-miktub għandhom jiġu ċirkolati permezz tan-netwerk COREU. Fuq ir-rakkomandazzjoni tas-SĠ/RGħ jew tal-KPS, ir-RSUE jista’ jirrapporta lill-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni.
Artikolu 12
Koordinazzjoni
Ir-RSUE għandu jippromwovi l-koordinazzjoni politika ġenerali ta’ l-UE. Huwa għandu jgħin biex jiġi żgurat li l-istrumenti kollha ta’ l-UE fil-qasam ikunu impenjati b'mod koerenti biex jinkisbu l-objettivi ta’ politika ta’ l-UE. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom jiġu kkoordinati ma’ dawk tal-Presidenza u tal-Kummissjoni, kif ukoll dawk tar-RSUE għall-Afganistan. Ir-RSUE għandu jipprovdi lill-missjonijiet ta’ l-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni aġġornamenti regolari ta’ informazzjoni.
F'dan il-qasam, għandu jinżamm kollegament mill-qrib mal-Presidenza, mal-Kummissjoni u mal-Kapijiet tal-Missjoni ta’ l-Istati Membri li għandhom jagħmlu mill-aħjar biex jgħinu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE għandu wkoll iżomm kollegament ma’ atturi internazzjonali u reġjonali oħra f’dan il-qasam.
Artikolu 13
Reviżjoni
L-implementazzjoni ta’ din l-Azzjoni Konġunta u l-konsistenza tagħha ma’ kontributi oħra mill-Unjoni Ewroepa lir-reġjun għandhom jiġu riveduti regolarment. Ir-RSUE għandu jippreżenta lis-SĠ/RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapport dwar il-progress qabel l-aħħar ta’ Ġunju 2008 u rapport komprensiv dwar l-implementazzjoni tal-mandat sa nofs Novembru 2008. Dawn ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għall-evalwazzjoni ta’ din l-Azzjoni Konġunta fil-gruppi ta’ ħidma rilevanti u mill-KPS. Fil-kuntest tal-prijoritajiet ġenerali għall-iskjerament, is-SĠ/RGħ għandu jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-KPS fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-tiġdid, l-emendar jew it-terminazzjoni tal-mandat.
Artikolu 14
Dħul fis-seħħ
Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ l-adozzjoni tagħha.
Artikolu 15
Pubblikazzjoni
Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, 12 ta’ Frar 2008.
Għall-Kunsill
Il-President
A. BAJUK
(1) ĠU L 46, 16.2.2007, p. 83. Azzjoni Konġunta kif emendata mill-Azzjoni Konġunta 2007/634/PESK ta’ l-1 ta’ Ottubru 2007 (ĠU L 256, 2.10.2007, p. 28).
(2) ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2007/438/KE (ĠU L 164, 26.6.2007, p. 24).