This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32007D0836
2007/836/EC: Commission Decision of 13 September 2007 relating to a proceeding pursuant to Article 81 of the EC Treaty (Case COMP/E-2/39.143 — Opel) (notified under document number C(2007) 4277)
2007/836/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 13 ta’ Settembru 2007 relatata ma’ proċedura skond l-Artikolu 81 tat-Trattat KE (Każ COMP/E-2/39.143 – Opel) (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 4277)
2007/836/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 13 ta’ Settembru 2007 relatata ma’ proċedura skond l-Artikolu 81 tat-Trattat KE (Każ COMP/E-2/39.143 – Opel) (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 4277)
ĠU L 330, 15.12.2007, p. 44–47
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
15.12.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 330/44 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-13 ta’ Settembru 2007
relatata ma’ proċedura skond l-Artikolu 81 tat-Trattat KE
(Każ COMP/E-2/39.143 – Opel)
(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 4277)
(It-Test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
(2007/836/KE)
(1) |
Din id-deċiżjoni, li ġiet adottata skond l-Artikolu 9(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, (1) hija indirizzata lil General Motors Europe (minn hawn ‘il quddiem: “GME”) u tikkonċerna l-provvista ta’ informazzjoni teknika għat-tiswija tal-vetturi tal-marki Opel u Vauxhall. |
(2) |
L-informazzjoni teknika tikkonsisti f’data, fi proċessi u fi struzzjonijiet li huma meħtieġa sabiex jiġu kontrollati, imsewwija u sostitwiti partijiet difettużi/miksura/użati ta’ vettura bil-mutur jew sabiex jissewew ħsarat fi kwalunkwe waħda mis-sistemi tal-vettura. L-informazzjoni teknika tinkludi seba’ kategoriji prinċipali:
|
(3) |
F’Diċembru 2006, il-Kummissjoni bdiet proċeduri, u indirizzat valutazzjoni preliminari lil GME, li kienet tinkludi l-fehma preliminari li l-ftehimiet ta’ GME ma’ l-imsieħba fis-servizz ta’ wara l-bejgħ tagħha qajmu tħassib dwar il-kompatibbiltà tagħhom ma’ l-Artikolu 81(1) tat-Trattat KE. |
(4) |
Fil-valutazzjoni preliminari tal-Kummissjoni, donnu li GME naqset milli tirrilaxxa ċerti kategoriji ta’ informazzjoni teknika dwar it-tiswijiet ferm wara tmiem il-perjodu tranżitorju provdut fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1400/2002 tal-31 ta’ Lulju 2002 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81(3) tat-Trattat fuq kategoriji ta’ ftehim vertikali u prattiċi miftiehma fis-settur tal-vettur bil-mutur, (2) Barra minn hekk, fiż-żmien meta tnediet l-investigazzjoni tal-Kummissjoni, GME kienet għadha ma stabbilitx sistema effettiva sabiex is-sewwejja indipendenti jkunu jistgħu jkollhom aċċess għal informazzjoni teknika dwar it-tiswijiet b’mod li jkun separat (unbundled). Għalkemm matul l-investigazzjoni tal-Kummissjoni, GME tejbet l-aċċessibilità ta’ l-informazzjoni teknika tagħha, l-informazzjoni li tqiegħdet għad-dispożizzjoni tas-sewwejja indipendenti donnha ma kinitx kompluta. |
(5) |
Dik il-valutazzjoni preliminari sabet li s-swieq preliminari affetwati mill-prattika in kwistjoni kienu s-suq għall-provvista tas-servizzi ta’ tiswija u ta’ manutenzjoni għall-karozzi tal-passiġġieri, u s-suq għall-provvista ta’ informazzjoni teknika lis-sewwejja. In-netwerks awtorizzati ta’ l-Opel/tal-Vauxhall kellhom numru ferm kbir ta’ ishma mis-suq fl-ewwel wieħed minn dawn is-swieq, filwaqt li fit-tieni, GME kienet l-unika fornitriċi li setgħet toffri l-informazzjoni teknika kollha meħtieġa mis-sewwejja għall-vetturi Opel/Vauxhall tagħha. |
(6) |
Essenzjalment, il-ftehimiet ta’ servis u ta’ distribuzzjoni tal-parts ta’ GME jeħtieġu li l-membri tan-netwerks awtorizzati tagħha jwettqu firxa sħiħa ta’ servizzi ta’ tiswija speċifiċi għall-marka, u jagħmluha ta’ bejjiegħa bl-ingrossa ta’ partijiet ta’ bdil. Il-Kummissjoni hija mħassba li effetti negattivi possibbli li ġejjin minn tali ftehimiet jistgħu jissaħħu min-nuqqas ta’ GME li tipprovdi lil sewwejja indipendenti b’aċċess xieraq għall-informazzjoni teknika biex b’hekk teskludi d-ditti li jkunu lesti u jistgħu joffru servizzi ta’ tiswija permezz ta’ mudell kummerċjali differenti. |
(7) |
Il-konklużjoni preliminari tal-Kummissjoni kienet li l-arranġamenti ta’ GME sabiex tipprovdi l-informazzjoni teknika tagħha lis-sewwejja indipendenti ma kinux jikkorrispondi għall-ħtiġiet ta’ dawn ta’ l-aħħar la rigward l-ambitu ta’ l-informazzjoni disponibbli u lanqas rigward l-aċċessibbiltà għaliha, u li tali prattika, flimkien ma’ prattiki simili minn manifatturi oħra tal-karozzi, setgħu jikkontribwixxu għal tnaqqis fil-pożizzjoni tas-suq tas-sewwejja indipendenti. Imbagħad, dan seta’ jikkawża dannu konsiderevoli għall-konsumaturi f’termini ta’ tnaqqis sinifikanti fl-għażla ta’ partijiet ta’ bdil, prezzijiet ogħla għal servizzi ta’ tiswija, tnaqqis fl-għażla ta’ fejn titwettaq din it-tiswija, kwistjonijiet ta’ sikurezza potenzjali, u nuqqas ta’ aċċess għal ħwienet tat-tiswija innovattivi. |
(8) |
Barra minn hekk, in-nuqqas apparenti min-naħa ta’ GME li tipprovdi lil sewwejja indipendenti b’aċċess xieraq għall-informazzjoni teknika jista’ jipprevjeni li l-ftehimiet ma’ l-imsieħba fis-servizz ta’ wara l-bejgħ tagħha jibbenefikaw mill-eżenzjoni mogħtija mir-Regolament (KE) Nru 1400/2002, peress li skond l-Artikolu 4(2) tar-Regolament, l-eżenzjoni mogħtija hemmhekk ma tapplikax fejn il-fornitur tal-vetturi bil-mutur jirrifjuta li jagħti aċċess lil operaturi indipendenti għal kwalunkwe informazzjoni teknika, tagħmir dijanjostiku u ta’ xort’oħra, għodod, inkluż kwalunkwe softwer rilevanti, jew taħriġ meħtieġ għat-tiswija u għall-manutenzjoni ta’ dawn il-vetturi bil-mutur. Kif ġie ċċarat fil-premessa 26 tar-Regolament, il-kundizzjonijiet ta’ aċċess ma jridux jiddiskriminaw bejn operaturi awtorizzati u dawk indipendenti. |
(9) |
Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni waslet għall-fehma preliminari li fil-kuntest ta’ nuqqas ta’ aċċess għal informazzjoni teknika dwar it-tiswijiet, ma kienx probabbli li l-ftehimiet bejn GME u s-sewwejja awtorizzati tagħha se jibbenefikaw mid-dispożizzjoni ta’ l-Artikolu 81(3). |
(10) |
Fid-9 ta’ Frar 2007, GME offriet impenji lill-Kummissjoni sabiex tissodisfa t-tħassib rigward il-kompetizzjoni li kien indirizzat fil-valutazzjoni preliminari. |
(11) |
Skond dawn l-impenji, il-prinċipju li jiddetermina l-ambitu ta’ l-informazzjoni li għandha tiġi provduta huwa dak tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni bejn is-sewwejja indipendenti u dawk awtorizzati. F’dan id-dawl, GME se tiżgura li l-informazzjoni teknika, l-għodod, it-tagħmir, is-softwer u t-taħriġ kollu meħtieġ għat-tiswija u għall-manutenzjoni tal-vetturi Opel/Vauxhall tagħha li jiġu provduti lis-sewwejja awtorizzati fi kwalunkwe Stat Membru ta’ l-UE minn jew f’isem GME jitqiegħdu wkoll għad-dispożizzjoni tas-sewwejja indipendenti. |
(12) |
L-impenji jispeċifikaw li “l-informazzjoni teknika”, fit-tifsira ta’ l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1400/2002, tinkludi l-informazzjoni kollha provduta lis-sewwejja awtorizzati ta’ l-Opel/tal-Vauxhall għat-tiswija jew għall-manutenzjoni tal-vetturi bil-mutur Opel/Vauxhall. Eżempji partikolari jinkludu softwer, kodiċijiet ta’ ħsarat u parametri kollha, flimkien ma’ aġġornamenti, li huma meħtieġa sabiex issir ħidma fuq l-unitajiet ta’ kontroll elettroniċi (ECUs) ħalli jiġu introdotti jew jergħu jiġu stabbiliti s-settings rakkomandati minn GME, metodi ta’ identifikazzjoni tal-vetturi, katalogi tal-parts, soluzzjonijiet ta’ ħidma li jirriżultaw minn esperjenza prattika u li jkunu relatati ma’ problemi li tipikament jaffetwaw mudell jew lott partikolari, u avviżi ta’ tfakkira kif ukoll avviżi oħra li jidentifikaw tiswijiet li jistgħu jitwettqu mingħajr ħlas fin-netwerk tat-tiswija awtorizzata. |
(13) |
L-aċċess għal għodod jinkludi aċċess għal għodod dijanjostiċi elettroniċi u għodod oħra ta’ tiswija, flimkien ma’ softwer relatat, inklużi l-aġġornamenti perjodiċi tiegħu, u servizzi ta’ wara l-bejgħ għal tali għodod. |
(14) |
Il-premessa 26 tar-Regolament tagħmilha ċara li l-Artikolu 4(2) ma jeħtieġx li GME tipprovdi lis-sewwejja indipendenti b’informazzjoni teknika li permezz tagħha parti terza tkun tista’ tevita jew iżżarma apparati kontra s-serq abbord il-vettura u/jew tirrikalibra (3) apparati elettroniċi, jew tbagħbas apparati li jillimitaw il-veloċità jew parametri oħra relatati mar-rendiment ta’ vettura bil-mutur. Madankollu, GME timpenja ruħha li tħalli lis-sewwejja indipendenti aċċess bla restrizzjonijiet għal informazzjoni ta’ dawn it-tipi, sakemm jiksbu ċ-Ċertifikat ta’ Taħriġ ta’ GME rilevanti. (4) Tali ċertifikazzjoni se tinħareġ mingħajr dewmien lis-sewwejja indipendenti, sakemm jikkompletaw it-taħriġ. |
(15) |
Jekk, fil-ġejjieni, GME kellha tinvoka l-eċċezzjoni fil-premessa 26 bħala raġuni sabiex tirrifjuta aċċess għal ċerti elementi ta’ informazzjoni teknika lis-sewwejja indipendenti, trid tkun hija li tiżgura li l-informazzjoni li ġiet irrifjutata b’dan il-mod tkun limitata għal dak li huwa meħtieġ sabiex tkun provduta l-protezzjoni deskritta fil-premessa 26, u li n-nuqqas ta’ l-informazzjoni in kwistjoni ma jipprevjenix lis-sewwejja indipendenti milli jwettqu operazzjonijiet għajr dawk elenkati fil-premessa 26, inkluża ħidma fuq apparati bħall-ECU tal-ġestjoni tal-magna, l-airbags, il-pre-tensioners (it-tagħmir ta’ qabel ma tiġi miżjuda t-tensjoni) taċ-ċinturin tas-sit, jew elementi ta’ tiskir ċentrali. |
(16) |
L-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1400/2002 jipprovdi li l-informazzjoni teknika trid tkun disponibbli b’mod li jkun proporzjonat għall-ħtiġiet tas-sewwejja indipendenti. Dan jimplika kemm li l-informazzjoni trid tkun isseparata (unbundled) kif ukoll ipprezzar li jqis sakemm is-sewwejja indipendenti jużaw l-informazzjoni. |
(17) |
Skond dan il-prinċipju, l-impenji jispeċifikaw li GME se tinkludi fuq is-sit web TI l-informazzjoni teknika kollha relatata ma’ mudelli mnedija wara l-1996, u se tiżgura li l-informazzjoni teknika aġġornata kollha tkun fuq is-sit web TI jew fuq kwalunkwe sit suċċessur il-ħin kollu. Barra minn hekk, GME se tiżgura li s-sit web jista’ jinstab faċilment il-ħin kollu u li dan jipprovdi livell ekwivalenti ta’ rendiment għall-metodi li jintużaw biex tkun provduta informazzjoni teknika lill-membri tan-netwerk awtorizzat ta’ l-Opel/tal-Vauxhall. Meta GME jew intrapriża oħra li qed taġixxi f’isem GME tagħmel biċċa informazzjoni teknika disponibbli lis-sewwejja awtorizzati f’lingwa partikolari ta’ l-UE, GME se tiżgura li din il-verżjoni lingwistika ta’ l-informazzjoni titqiegħed mingħajr dewmien fuq is-sit web TI. |
(18) |
Rigward il-Katalogu tal-Parts Elettroniċi, li bħalissa mhux disponibbli fuq is-sit web TI, se jitqies li GME tkun konformi ma’ l-impenji jekk tqiegħed din l-informazzjoni fuq is-sit web TI sal-31 ta’ Diċembru 2007. Bħala soluzzjoni tul perjodu qasir ta’ żmien, il-Katalogu se jkun disponibbli permezz tas-Servizzi Call Centre ta’ GME li, fuq talba u mingħajr dewmien, se jipprovdu lis-sewwejja indipendenti bil-paġni mitluba permezz tal-faks fi kwalunkwe waħda mil-lingwi li fih il-Katalogu jkun disponibbli għas-sewwejja awtorizzati. Dan is-servizz se jkun disponibbli għal €1 għal kull paġna (+ 3.9 % ħlas ta’ maniġġjar), u se japplikaw it-tariffi lokali tat-telefonati. |
(19) |
Rigward id-dijagrammi tal-wajers, GME se tqiegħed fuq is-sit web TI dawk kollha li ġew iġġenerati jew ikkonverititi f’format diġitali sabiex jintużaw mis-sewwejja awtorizzati ta’ l-Opel/tal-Vauxhall tagħha fl-UE. Id-dijagrammi li fadal, li huma relatati ma’ ċerti mudelli (5) li ġew imnedija wara l-1 ta’ Jannar 1997 u li ma jeżistux f’format diġitali, għandhom ikunu disponibbli għas-sewwejja indipendenti permezz tas-Servizzi Call Centre ta’ GME. Tali Servizzi Call Centre se jaħdmu bil-lingwi kollha meħtieġa sabiex tkun evitata diskriminazzjoni diretta jew indiretta bejn sewwejja indipendenti u awtorizzati ta’ l-Opel/tal-Vauxhall, fejn jitqiesu l-kundizzjonijiet li fihom tali sewwejja awtorizzati jiksbu aċċess għad-dijagrammi tal-wajers. Id-dijagrammi tal-wajers se jkunu provduti mingħajr dewmien permezz tal-faks fl-iċken pakketti li s-sewwej indipendenti medju jkun jeħtieġ sabiex iwettaq biċċa xogħol ta’ tiswija u bl-istess kundizzjonijiet kif ikunu provduti lis-sewwejja awtorizzati ta’ l-Opel/tal-Vauxhall. GME timpenja ruħha li, kemm idumu validi l-impenji, iżżomm il-kundizzjonijiet li japplikaw bħalissa għal dawn id-dijagrammi mhux diġitalizzati tal-wajers. |
(20) |
Rigward aċċess għas-sit web TI, GME qablet li tipprovdi għal diviżjoni pro rata f’perjodi ta’ żmien ta’ kull siegħa, kuljum, kull ġimgħa, kull xahar u kull sena bi prezz rispettivament ta’ EUR 4, EUR 30, EUR 100, EUR 300 u ta’ EUR 3 700. Għal aċċess inizjali għas-sit web TI, se jintalab ħlas ta’reġistrazzjoni ta’ darba ta’ EUR 15 + 3.9 % ħlas ta’ maniġġjar. It-Tech1/Tech2 SWDL (Downlowd ta’ Softwer Tester Dijanjostiku) se jkun disponibbli permezz ta’ l-abbonament annwali mas-sit web TI, jew billi jitħallas abbonament waħdu ta’ kull xahar ta’ EUR 100. GME se żżomm din l-istruttura ta’ ħlasijiet ta’ aċċess, u mhux se żżid il-livelli ta’ ħlasijiet ‘il fuq mir-rata medja ta’ inflazzjoni fl-UE kemm idumu validi l-impenji. |
(21) |
L-impenji ta’ GME huma mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rekwiżit kurrenti jew futur stabbilit mill-Komunità jew mid-dritt nazzjonali li jista’ jestendi l-ambitu ta’ l-informazzjoni teknika li GME għandha tipprovdi lill-operaturi indipendenti u/jew jista’ jistabbilixxi modi aktar favorevoli biex tali informazzjoni tkun provduta. |
(22) |
Sabiex ikun indirizzat kwalunkwe ilment imqajjem minn sewwej indipendenti rigward aċċess għal informazzjoni teknika, GME se tistabbilixxi “Ombudsman” ta’ GME. Malli jirċievi ilment ta’ sewwej indipendenti, l-“Ombudsman” ta’ GME, f’massimu ta’ tliet ġimgħat minn meta jirċievi l-fajl komplut, se jipprovdi lis-sewwej indipendenti b’Risposta ta’ GME. F’każ li min qed jagħmel l-ilment ma’ jaċċettax ir-Risposta ta’ GME, GME se taċċetta mekkaniżmu ta’ arbitraġġ biex jinstab ftehim għat-tilwim relatat mal-provvista ta’ informazzjoni teknika fejn kull parti għal tali tilwima jista’ jinnomina espert wieħed, li flimkien jistgħu jiddeċiedu fuq il-ħatra ta’ ieħor. L-arbitraġġ għandu jsir fl-istat Membru fejn tinsab is-sede reġistrata tal-parti li qed tagħmel it-talba. Il-lingwa tal-proċeduri ta’ arbitraġġ se tkun il-lingwa uffiċjali tal-post ta’ arbitraġġ. L-arbitraġġ mhu se jippreġudika l-ebda dritt li tkun ippreżentata applikazzjoni quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti. |
(23) |
Id-deċiżjoni ssib li, minħabba l-impenji, m’għadx hemm aktar raġunijiet biex tittieħed azzjoni min-naħa tal-Kummissjoni. L-impenji se jkunu vinkolanti sal-31 ta’ Mejju 2010. |
(24) |
Il-Kumitat Konsultattiv dwar il-Prattiki Restrittivi u l-Pożizzjonijiet Dominanti ħareġ opinjoni favorevoli fid-9 ta’ Lulju 2007. |
(1) ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1, kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 411/2004, (ĠU L 68, 6.3.2004, p. 1).
(3) jiġifieri timmodifika s-settings oriġinali ta’ ECU b’mod mhux irrakkomandat minn GME.
(4) Il-ħlasijiet għaċ-Ċertifikazzjoni tat-Taħriġ se jkunu ekwivalenti għas-sewwejja awtorizzati u dawk indipendenti u GME timpenja ruħha li żżommhom fuq l-istess livell sakemm idumu validi l-impenji. It-taħriġ se jinkludi (i) jumejn ta’ taħriġ minn istruttur (spiża ta’ bejn EUR 115 u EUR 230 kuljum, jiddependi mis-suq nazzjonali), u (ii) jum ta’ taħriġ bit-Tech2 ibbażat fuq il-web (spiża ta’ bejn EUR 30 u EUR 50 kuljum, għal darb’oħra jiddependi mis-suq nazzjonali in kwistjoni). It-taħriġ se jkun ipprovdut mill-Akkademja ta’ GM.
(5) Minn dawn il-mudelli tnejn biss (Agila u Movano) għadhom qed jiġu prodotti u għat-tnejn li huma d-dijagrammi tal-wajers relatati mal-varjanti tagħhom li ġew imnedija mill-2002 huma disponibbli fuq is-sit web TI. L-uniċi mudelli li għalihom id-dijagrammi huma disponibbli biss permezz tas-Servizzi Call Centre ta’ GME (Arena u Sintra) m’għadhomx jiġu prodotti mill-1999 u mill-2001.Għall-mudell li fadal, is-sit web TI jinkludi dijagrammi tal-wajers għall-varjanti li ġew imnedija mill-2002 (Astra-G, Frontera-B, Zafira-A) jew mill-2003 (Speedster).