Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007R1473

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1473/2007 tat- 13 ta’ Diċembru 2007 dwar miżura tranżitorja li tirrigwarda t-trattament ta' prodotti sekondarji tal-produzzjoni ta' l-inbid previst mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 għas-sena ta' l-inbid 2007/2008 fil-Bulgarija

ĠU L 329, 14.12.2007, p. 13–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/07/2008

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/1473/oj

14.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 329/13


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1473/2007

tat-13 ta’ Diċembru 2007

dwar miżura tranżitorja li tirrigwarda t-trattament ta' prodotti sekondarji tal-produzzjoni ta' l-inbid previst mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 għas-sena ta' l-inbid 2007/2008 fil-Bulgarija

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar l-Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija,

Wara li kkunsidrat l-Att ta' Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija, u partikolarment l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 41 tiegħu,

Billi:

(1)

Skond l-Artikolu 27(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta' l-inbid (1), il-persuni fiżiċi jew legali jew gruppi ta' persuni li jkunu għamlu l-inbid, jeħtiġilhom jikkonsenjaw għad-distillazzjoni l-prodotti sekondarji kollha ta' dik il-produzzjoni ta' l-inbid. Mill-adeżjoni tal-Bulgarija fl-1 ta’ Jannar 2007 mal-Komunità, dan l-obbligu japplika wkoll għall-produtturi ta' l-inbid f'dan l-Istat Membru, minkejja li din il-prattika mhijiex tradizzjonali fil-Bulgarija.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 1623/2000 tal-Kummissjoni (2) jistipula r-regoli għall-applikazzjoni ta’ dan l-obbligu ta’ distillazzjoni, kif ukoll ċerti possibbiltajiet għal deroga fl-Artikolu 49 tiegħu.

(3)

Minkejja l-miżuri diġà meħudin mill-Bulgarija, jirriżulta li f'dan l-Istat Membru, il-kapaċità tad-distilleriji mhijiex biżżejjed biex jiġu distillati l-prodotti sekondarji kollha. Għaldaqstant, jeħtieġ li l-Bulgarija tkun permessa li teskludi ċerti kategoriji ta’ prodotturi mill-obbligu ta’ distillazzjoni tal-prodotti sekondarji tal-produzzjoni ta’ l-inbid.

(4)

Biex din id-deroga mogħtija lill-Bulgarija tapplika għas-sena kollha ta’ l-inbid, jeħtieġ li dan ir-Regolament japplika mill-1 ta’ Awwissu 2007.

(5)

Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta' Ġestjoni għall-Inbid,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

B'deroga mill-Artikolu 49(4)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1623/2000, għas-sena tas-suq 2007/2008, il-Bulgarija tista' tipprovdi li l-produtturi li ma jaqbżux livell ta’ produzzjoni ta’ 7 500 hl, miksub minnhom stess fl-istallazzjonijiet individwali tagħhom, ikunu jistgħu jaqdu l-obbligu ta’ twassil tal-prodotti sekondarji għad-distillazzjoni permezz ta’ l-irtirar taħt kontroll ta’ dawn il-prodotti.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Awwissu 2007.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 13 ta’ Diċembru 2007.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 179, 14.7.1999, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1).

(2)  ĠU L 194, 31.7.2000, p. 45. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 923/2007 (ĠU L 201, 2.8.2007, p. 9).


Top