Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0503

    2007/503/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ l- 10 ta’ Lulju 2007 skond l-Artikolu 122(2) tat-Trattat tal-KE dwar l-adozzjoni minn Ċipru tal-munita unika fl- 1 ta’ Jannar 2008

    ĠU L 186, 18.7.2007, p. 29–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/503/oj

    18.7.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 186/29


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    ta’ l-10 ta’ Lulju 2007

    skond l-Artikolu 122(2) tat-Trattat tal-KE dwar l-adozzjoni minn Ċipru tal-munita unika fl-1 ta’ Jannar 2008

    (2007/503/KE)

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 122(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni (1),

    Wara li kkunsidra r-rapport mill-Bank Ċentrali Ewropew (2),

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (3),

    War li kkunsidra d-diskussjoni tal-Kunsill, imlaqqa’ fil-kompożizzjoni ta’ Kapijiet ta’ Stati jew ta’ Gvernijiet,

    Billi:

    (1)

    It-tielet fażi ta’ l-unjoni ekonomika u monetarja (UEM) bdiet fl-1 ta’ Jannar 1999. Il-Kunsill, imlaqqa’ fi Brussell fit-3 ta’ Mejju 1998 fil-kompożizzjoni tal-Kapijiet ta’ Stati jew ta’ Gvernijiet, iddeċieda li l-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Olanda, l-Awstrija, il-Portugall u l-Finlandja kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-munita unika fl-1 ta’ Jannar 1999 (4).

    (2)

    Il-Kunsill iddeċieda fid-19 ta’ Ġunju 2000 li l-Ġreċja kienet tissodisfa l-kundizzjonjiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-munita unika fl-1 ta’ Jannar 2001 (5). Fil-11 ta’ Lulju 2006, il-Kunsill iddeċieda li s-Slovenja kienet tissodisfa l-kundizzjonjiet meħtieġa għall-adozzjoni ta’ l-euro fl-1 ta’ Jannar 2007 (6).

    (3)

    Skond il-paragrafu 1 tal-Protokoll dwar ċerti dispożizzjonijiet rigward ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq anness mat-Trattat, ir-Renju Unit innotifika lill-Kunsill li ma kienx biħsiebu jgħaddi għat-tielet fażi ta’ l-UEM fl-1 ta’ Jannar 1999. Din in-notifika ma tbiddlitx. Skond il-paragrafu 1 tal-Protokoll dwar ċerti dispożizzjonijiet rigward id-Danimarka anness mat-Trattat u d-Deċiżjoni meħuda mill-Kapijiet ta’ Stat jew Gvernijiet f’Edinburgu f’Diċembru 1992, id-Danimarka nnotifikat lill-Kunsill li ma kenitx sejra tieħu sehem fit-tielet fażi ta’ l-UEM. Id-Danimarka ma talbitx li tinbeda l-proċedura msemmija fl-Artikolu 122(2) tat-Trattat.

    (4)

    Permezz tad-Deċiżjoni 98/317/KE, l-Iżvezja għandha deroga kif definita fl-Artikolu 122 tat-Trattat. Skond l-Artikolu 4 ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-2003 (7), ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja u s-Slovakkja għandhom deroga kif definita fl-Artikolu 122 tat-Trattat. Skond l-Artikolu 5 ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-2005 (8), il-Bulgarija u r-Rumanija għandhom deroga kif definit fl-Artikolu 122 tat-Trattat.

    (5)

    Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ġie stabbilit fl-1 ta’ Lulju 1998. Is-Sistema Monetarja Ewropea ġiet sostitwita minn mekkaniżmu tar-rati tal-kambju, li t-twaqqif tiegħu ġie miftiehem permezz ta’ riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew tas-16 ta’ Ġunju 1997 dwar l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu tar-rati tal-kambju fit-tielet fażi ta’ l-unjoni ekonomika u monetarja (9). Il-proċeduri għal mekkaniżmu tar-rati tal-kambju fit-tielet fażi ta’ l-unjoni ekonomika u monetarja (ERM II) ġew stabbiliti fil-Ftehim ta’ l-1 ta’ Settembru 1998 bejn il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali ta’ l-Istati Membri barra ż-żona ta’ l-euro li jistabbilixxi l-proċeduri operattivi għal mekkaniżmu tar-rati tal-kambju fit-tielet fażi ta’ l-unjoni ekonomika u monetarja (10).

    (6)

    L-Artikolu 122(2) tat-Trattat jistabbilixxi l-proċeduri għat-tneħħija tad-derogi ta’ l-Istati Membri kkonċernati. Skond dak l-Artikolu, talanqas darba kull sentejn, jew inkella fuq talba ta’ Stat Membru b’deroga, il-Kummissjoni u l-BĊE għandhom jirrappurtaw lill-Kunsill skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 121(1) tat-Trattat. Fit-13 ta’ Frar 2007, Malta ressqet talba formali għal valutazzjoni tal-konverġenza.

    (7)

    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali fl-Istati Membri, inklużi l-istatuti tal-banek ċentrali nazzjonali, se jiġu adattati skond il-ħtieġa bil-għan li tiġi żgurata l-kompatibbiltà ma’ l-Artikoli 108 u 109 tat-Trattat u l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (minn hawn ‘il quddiem magħruf bħala “l-Istatut tas-SEBĊ”). Ir-rapporti tal-Kummissjoni u tal-BĊE jagħtu evalwazzjoni dettaljata tal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni ta’ Malta ma’ l-Artikoli 108 u 109 tat-Trattat u u l-Istatut tas-SEBĊ.

    (8)

    Skond l-Artikolu 1 tal-Protokoll dwar il-kriterji ta’ konverġenza msemmija fl-Artikolu 121 tat-Trattat, il-kriterju dwar l-istabbiltà tal-prezzijiet imsemmi fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 121(1) tat-Trattat ifisser li Stat Membru jkun għandu prestazzjoni tal-prezzijiet li tkun sostenibbli u rata medja ta’ inflazzjoni, li tkun ġiet osservata matul perjodu ta’ sena qabel l-eżami, li ma tkunx taqbeż b’iktar minn punt perċentwali u nofs dik ta’, l-aktar nett, it-tliet Stati Membri bl-aħjar prestazzjonijiet f’termini ta’ stabbiltà tal-prezzijiet. Għall-finijiet tal-kriterju dwar l-istabbiltà tal-prezzijiet, l-inflazzjoni titkejjel permezz ta’ l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur (HICPs) definiti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 (11). Għall-evalwazzjoni tal-kriterju ta’ l-istabbiltà tal-prezzijiet, l-inflazzjoni ta’ Stat Membru titkejjel permezz tal-bidla perċentwali fil-medja aritmetika tat-12-il indiċi mensili f’relazzjoni mal-medja aritmetika tat-12-il indiċi mensili tal-perjodu ta’ qabel. Fil-perjodu ta’ sena li ntemm f’Marzu 2007, it-tliet Stati Membri li laħqu l-aqwa riżultati f’dik li hi l-istabbiltà tal-prezzijiet kienu l-Finlandja, il-Polonja u l-Iżvezja, b’rati rispettivi ta’ inflazzjoni ta’ 1.3 %, 1.5 % u 1.6 %. Fir-rapporti tal-Kummissjoni u tal-BĊE, tqies valur ta’ referenza kkalkulat bħala l-medja artimetika sempliċi tar-rati ta’ inflazzjoni tat-tliet Stati Membri bl-aħjar riżultati f’dik li hi l-istabbiltà tal-prezzijiet bl-addizzjoni ta’ 1.5 punti perċentwali. Abbażi ta’ dan, il-valur ta’ referenza fil-perjodu ta’ sena li ntemm f’Marzu 2007 kien 3.0 %.

    (9)

    Skond l-Artikolu 2 tal-Protokoll dwar il-kriterji ta’ konverġenza, il-kriterju dwar il-pożizzjoni buġetarja tal-gvern li jissemma fit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 121(1) tat-Trattat jfisser li fil-waqt ta’ l-eżami, l-Istat Membru ma jkunx is-suġġett ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill taħt l-Artikolu 104(6) tat-Trattat dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv.

    (10)

    Skond l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-kriterji ta’ konverġenza, il-kriterju dwar il-parteċipazzjoni fil-mekkaniżmu tar-rati tal-kambju tas-Sistema Monetarja Ewropea li jissemma fit-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 121(1) tat-Trattat ifisser li Stat Membru jkun irrispetta l-marġni għall-varjazzjonijiet normali li jipprovdi għalihom il-mekkaniżmu tar-rati tal-kambju (ERM) tas-Sistema Monetarja Ewropea mingħajr tensjonjiet gravi għal talanqas l-aħħar sentejn qabel l-eżami. Partikolarment, l-Istat Membru ma għandux ikun żvaluta r-rata ċentrali bilaterali tal-munita tiegħu kontra l-munita ta’ kwalunkwe Stat Membru ieħor, fuq inizjattiva tiegħu stess matul l-istess perjodu. Mill-1 ta’ Jannar 1999 l-ERM II jipprovdi l-qafas għall-evalwazzjoni ta’ jekk il-kriterju tar-rata tal-kambju jkunx sodisfatt. Fl-evalwazzjoni ta’ jekk dan il-kriterju jkunx sodisfatt fir-rapporti tagħhom, il-Kummissjoni u l-BĊE eżaminaw il-perjodu ta’ sentejn li ntemm fis-26 ta’ April 2007.

    (11)

    Skond l-Artikolu 4 tal-Protokoll dwar il-kriterji ta’ konverġenza, il-kriterju dwar il-konverġenza tar-rati ta’ mgħax li jissemma fir-raba’ inċiż ta’ l-Artikolu 121(1) tat-Trattat ifisser li, fuq osservazzjoni matul perjodu ta’ sena qabel l-eżami, Stat Membru kellu medja tar-rati ta’ mgħax nominali fit-tul li ma jaqbiżx b’aktar minn żewġ punti perċentwali dik ta’, l-aktar nett, it-tliet Stati Membri bl-aħjar riżultati f’termini ta’ stabbiltà tal-prezzijiet. Għall-finijiet tal-kriterji dwar il-konverġenza tar-rati ta’ mgħax, intużaw rati ta’ mgħax komparabbli fuq bonds ta’ referenza ta’ 10 snin maħruġa mill-gvern. Fir-rapporti tal-Kummissjoni u tal-BĊE, sabiex jiġi evalwat jekk il-kriterju tar-rati ta’ mgħax kienx sodisfatt, tqies valur ta’ referenza kkalkulat bħala l-medja artimetika sempliċi tar-rati ta’ mgħax nominali fit-tul tat-tliet Stati Membri bl-aħjar riżultati f’dik li hi l-istabbiltà tal-prezzijiet bl-addizzjoni ta’ żewġ punti perċentwali. Abbażi ta’ dan, il-valur ta’ referenza fil-perjodu ta’ sena li ntemm f’Marzu 2007 kien 6.4 %.

    (12)

    Skond l-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar il-kriterji ta’ konverġenza, id-data fil-forma ta’ statistika użata fl-evalwazzjoni preżenti ta’ jekk il-kriterji ta’ konverġenza jkunux sodisfatti għandha tiġi pprovduta mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni pprovdiet id-data meħtieġa għat-tħejjija ta’ din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni pprovdiet id-data buġetarja abbażi tar-rapporti ppreżentati mill-Istati Membri qabel l-1 ta’ April 2007 bi qbil mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3605/93 tat-22 ta’ Novembru 1993 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (12).

    (13)

    Abbażi tar-rapporti mressqa mill-Kummissjoni u l-BĊE dwar il-progress li sar fl-issodisfar min-naħa ta’ Ċipru ta’ l-obbligi tagħha rigward il-kisba ta’ l-unjoni ekonomika u monetarja, il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni li:

    F’Ċipru, il-leġiżlazzjoni nazzjonali, inkluż l-Istatut tal-bank ċentrali nazzjonali, hija kompatibbli ma’ l-Artikoli 108 u 109 tat-Trattat u ma’ l-Istatut tas-SEBĊ;

    Rigward l-issodisfar min-naħa ta’ Ċipru tal-kriterji ta’ konverġenza msemmija fl-erba’ inċiżi ta’ l-Artikolu 121(1) tat-Trattat:

    ir-rata medja ta’ l-inflazzjoni f’Malta fis-sena li ntemmet f’Marzu 2007 kienet ta’ 2.0 %, li hija aktar baxxa mill-valur ta’ referenza, u x’aktarx tibqa’ taħt il-valur ta’ referenza fix-xhur li ġejjin;

    Ċipru mhijiex is-suġġett ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv;

    Ċipru ilu membru ta’ l-ERM II mit-2 ta’ Mejju 2005; fil-perjodu ta’ sentejn li ntemm fis-26 ta’ April 2007, il-lira Ċiprijotta (CYP) ma kenitx soġġetta għal tensjonijiet gravi u Ċipru ma żvalutax, fuq inizjattiva tiegħu stess, ir-rata ċentrali bilaterali tas-CYP kontra l-euro;

    fis-sena li ntemmet f’Marzu 2007, ir-rata ta’ mgħax fit-tul f’Ċipru kienet fil-medja 4.2 %, li huwa taħt il-valur ta’ referenza.

    Ċipru laħaq grad għoli ta’ konverġenza sostenibbli b’referenza għal dawn il-kriterji.

    Għalhekk Ċipru jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-munita unika.

    (14)

    Skond l-Artikolu 122(2) tat-Trattat, il-Kunsill, permezz ta’ maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, jiddeċiedi liema Stati Membri b’deroga jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-munita unika u jħassar id-derogi ta’ l-Istati Membri kkonċernati,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Ċipru jissodisfa l-kundizzjonjiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-munita unika. Id-deroga Ċipru Malta msemmija fl-Artikolu 4 ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-2003 għandha titneħħa mill-1 ta’ Jannar 2008.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, 10 ta’ Lulju 2007.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    F. TEIXEIRA DOS SANTOS


    (1)  Rapport adottat fis-16 ta’ Mejju 2007.

    (2)  Rapport adottat fis-16 ta’ Mejju 2007.

    (3)  Opinjoni mogħtija fl-20 ta’ Ġunju 2007 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (4)  Id-Deċiżjoni 98/317/KE (ĠU L 139, 11.5.1998, p. 30).

    (5)  Id-Deċiżjoni 2000/427/KE (ĠU L 167, 7.7.2000, p. 19)

    (6)  Id-Deċiżjoni 2006/495/KE (ĠU L 195, 15.7.2006, p. 25).

    (7)  ĠU L 236, 23.9.2003, p. 33.

    (8)  ĠU L 157, 21.6.2005, p. 203.

    (9)  ĠU C 236, 2.8.1997, p. 5.

    (10)  ĠU C 345, 13.11.1998, p. 6. Ftehim kif emendat mill-Ftehim ta’ l-14 ta’ Settembru 2000 (ĠU C 362, 16.12.2000, p. 11).

    (11)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 tat-23 ta’ Ottubru 1995 dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur (ĠU L 257, 27.10.1995, p. 1). Regolament kif emendat bir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

    (12)  ĠU L 332, 31.12.1993, p. 7. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2103/2005 (ĠU L 337, 22.12.2005, p. 1).


    Top