EUR-Lex Piekļuve Eiropas Savienības tiesību aktiem

Atpakaļ uz EUR-Lex sākumlapu

Šis dokuments ir izvilkums no tīmekļa vietnes EUR-Lex.

Dokuments 32007D0480

2007/480/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 25 ta’ Ġunju 2007 dwar il-kompatibbiltà mal-liġi tal-Komunità, tal-miżuri meħuda minn Franza skond l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti mil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni

ĠU L 180, 10.7.2007., 33./37. lpp. (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Dokumenta juridiskais statuss Spēkā

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/480/oj

10.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 180/33


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-25 ta’ Ġunju 2007

dwar il-kompatibbiltà mal-liġi tal-Komunità, tal-miżuri meħuda minn Franza skond l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti mil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni

(2007/480/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE tat-3 ta’ Ottubru 1989 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 3a(2) tagħha.

Wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat imwaqqaf skond l-Artikolu 23a tad-Direttiva 89/552/KEE,

Billi:

(1)

B’ittra fit-30 ta’ Diċembru 2003, Franza nnotifikat lill-Kummissjoni dwar miżuri li għandhom jittieħdu skond l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552/KEE.

(2)

Il-Kummissjoni vverifikat, fi żmien tliet xhur minn din in-notifika, jekk miżuri tali humiex kompatibbli mal-liġi tal-Komunità, b’mod partikulari dwar il-proporzjon tal-miżuri u t-trasparenza tal-proċedura ta’ konsultazzjoni nazzjonali.

(3)

Fl-eżami tagħha, il-Kummissjoni ħadet in konsiderazzjoni d-dejta disponibbli fil-media Franċiża.

(4)

Il-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza ewlenija għas-soċjetà, inklużi fil-miżuri Franċiżi, tfasslet b’mod ċar u trasparenti u tnieda proċess ta’ konsultazzjoni wiesa’ fi Franza.

(5)

Il-Kummissjoni kienet sodisfatta li l-attivitajiet elenkati fil-miżuri Franċiżi laħqu minn ta’ l-anqas tnejn mill-kriterji li ġejjin, kunsidrati bħala indikaturi ta’ min joqgħod fuqhom ta’ l-importanza ta’ l-avvenimenti, għas-soċjetà: (i) reżonanza ġenerali u speċjali fi ħdan l-Istat Membru, u mhux sempliċement sinifikat għal dawk li normalment isegwu l-isport jew attività konċernata; (ii) importanza kulturali distinta u ġeneralment rikonoxxuta għall-popolazzjoni fl-Istat Membru, b’mod partikulari bħala katalista għall-identità kulturali; (iii) l-involviment tat-tim nazzjonali fl-avveniment ikkonċernat fil-kuntest ta’ kompetizzjoni jew turnew ta’ importanza internazzjonali; u (iv) il-fatt li dak l-avveniment kien tradizzjonalment imxandar b’xejn fuq it-televiżjoni u kienu jarawh udjenzi kbar.

(6)

Numru ta’ avvenimenti elenkati fil-miżuri Franċiżi, fosthom l-Olimpjadi tas-sajf u tax-xitwa, il-logħba tal-ftuħ, is-semifinali u l-finali tat-Tazza tad-Dinja tal-Futbol kif ukoll is-semifinali u l-finali tal-Kampjonati Ewropej tal-Futbol, jaqgħu taħt din il-kategorija ta’ avvenimenti tradizzjonalment ikkunsidrati ta’ importanza kbira għas-soċjetà, kif riferut għalihom b’mod espliċitu fi premessa 18 tad-Direttiva 97/36/KE. Dawn l-avvenimenti għandhom reżonanza ġenerali u speċjali fi Franza, għax huma partikolarment popolari mal-pubbliku in ġenerali, mhux biss ma’ dawk li normalment isegwu avvenimenti sportivi;

(7)

L-avvenimenti tal-futbol, oħrajn, elenkati, fosthom il-logħob uffiċjali tat-tim nazzjonali Franċiż tal-futbol fil-kalendarju tal-futbol tal-FIFA, il-finali tat-tazza UEFA, fejn ikun qed jilgħab xi tim mill-kampjonati Franċiżi, il-finali tat-tazza Franċiża tal-futbol, u l-finali taċ-Champions League, għandhom reżonanza ġenerali u speċjali fi Franza, peress li l-futbol huwa l-aktar Sport popolari f’dak il-pajjiż.

(8)

Ir-Ragbi huwa sport importanti u jiġbed udjenza konsiderevoli, speċjalment fil-Lbiċ ta’ Franza u għalhekk f’parti kbira tal-pajjiż. Il-finali tal-Kampjonat Franċiż tar-Ragbi, il-Finali tat-Tazza Ewropea tar-Ragbi fejn ikun qed jilgħab xi tim mill-kampjonati Franċiżi, it-Turnew tar-Ragbi tas-sitt Nazzjonijiet, u s-semifinali u l-finali tat-tazza tad-Dinja tar-Ragbi għalhekk, għandhom reżonanza ġenerali u speċjali fi Franza.

(9)

L-avvenimenti tat-tenis elenkati għandhom reżonanza ġenerali u speċjali fi Franza peress li t-Tenis huwa l-aktar sport individwali importanti f’dak l-Istat Membru.

(10)

Il-Grand Prix Franċiża tal-Formula 1 għandha reżonanza ġenerali u speċjali fi Franza minħabba l-importanza ta’ dan l-avveniment għall-industrija Franċiża tal-karozzi tat-tlielaq.

(11)

It-Tour de France (irġiel) għandu reżonanza ġenerali u speċjali fi Franza u ġeneralment għandu importanza kulturali distinta u rikonoxxuta għall-popolazzjoni Franċiża bħala katalista għall-identità kulturali, minħabba l-fatt li huwa l-aktar avveniment taċ-ċikliżmu importanti fid-dinja. Huwa jixhed il-popolarità taċ-ċikliżmu fi Franza u għandu impatt fuq it-turiżmu bħala okkażjoni li jippromwovi l-pajjiż.

(12)

It-tellieqa tar-roti Pariġi–Roubaix għandha reżonanza ġenerali u speċjali fi Franza peress li hija parti mill-patrimonju Franċiż.

(13)

L-avvenimenti tal-baskitbal elenkati għandhom importanza kulturali distinta u ġeneralment rikonoxxuta għall-popolazzjoni Franċiża, b’mod partikulari bħala katalista għall-identità kulturali, minħabba li l-Baskitbal huwa fattur importanti għall-koeżjoni soċjali fi Franza.

(14)

Il-lista ta’ avvenimenti tal-handball elenkati jinvolvu t-tim nazzjonali Franċiż f’turnew ewlieni internazzjonali u għalhekk għandu importanza kulturali konsiderevoli għall-popolazzjoni Franċiża.

(15)

Il-Kampjonati Mondjali ta’ l-Atletika għandhom importanza kulturali distinta u ġeneralment rikonoxxuta għall-popolazzjoni Franċiża, b’mod partikulari bħala katalista għall-identità kulturali, minħabba s-soltu suċċess tal-parteċipanti Franċiżi.

(16)

L-avvenimenti elenkati kienu tradizzjonalment imxandra fuq it-televiżjoni bla ħlas u kienu jarawhom udjenzi televiżivi kbar.

(17)

Il-miżuri Franċiżi jidhru li huma proporzjonati sabiex jiġġustifikaw deroga mil-libertà fundamentali tat-Trattat tal-KE li servizzi jiġu provduti abbażi ta’ raġuni għolja ta’ interess għall-pubbliku, li għandha tiżgura aċċess wiesa’ għall-pubbliku għal xandiriet ta’ avvenimenti ta’ importanza kbira għas-soċjetà.

(18)

Il-miżuri Franċiżi huma kompatibbli mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-KE għall-fatt li d-definizzjoni ta’ xandâra kwalifikati li jxandru avvenimenti elenkati hija bbażata fuq kriterji oġġettivi li jippermettu kompetizzjoni attwali u potenzjali għall-kisba tad-drittijiet tax-xandir ta’ dawn l-avvenimenti. Barra minn hekk, in-numru ta’ avvenimenti elenkati mhux sproporzjonat tant li jgħawweġ il-kompetizzjoni għas-swieq tat-televiżjoni b’xejn u bi ħlas.

(19)

Wara komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Istati Membri l-oħra dwar il-miżuri meħuda minn Franza u l-konsultazzjoni tal-Kumitat imwaqqaf skond l-Artikolu 23a tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE, id-Direttur Ġenerali għall-Edukazzjoni u l-Kultura informa lil Franza permezz ta’ ittra fis-7 ta’ April 2004, li l-Kummissjoni Ewropea ma hi bi ħsiebha toġġezzjona għal ebda waħda mill-miżuri notifikati.

(20)

Franza addottat il-miżuri fit-22 ta’ Diċembru 2004.

(21)

Mis-Sentenza tal-Qorti ta’ Prim Istanza Każ T-33/01 Infront WM v Kummissjoni jirriżulta, li d-dikjarazzjoni li l-miżuri meħuda skond l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552/KEE huma kompatibbli mal-liġi tal-Komunità, u jikkostitwixxu deċiżjoni fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 249 tat-Trattat tal-KE, li għalhekk jeħtieġ li tiġi adottata mill-Kummissjoni. Skond dan, hemm bżonn li permezz ta’ din id-Deċiżjoni jiġi dikjarat li l-miżuri notifikati minn Franza huma kompatibbli mal-liġijiet tal-Komunità. Il-miżuri, kif finalment meħuda minn Franza u stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea skond l-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552/KEE

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-miżuri notifikati minn Franza lill-Kummissjoni fit-30 ta’ Diċembru 2003 skond l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE huma kompatibbli mal-liġijiet tal-Komunità.

Artikolu 2

Il-miżuri, kif finalment meħuda minn Franza u stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea skond l-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552/KEE.

Magħmul fi Brussell, 25 ta’ Ġunju 2007.

Għall-Kummissjoni

Membru tal-Kummissjoni

Viviane REDING


(1)  ĠU L 298, 17.10.1989, p. 23. Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva 97/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 202, 30.7.1997, p. 60).


ANNESS

Pubblikazzjoni skond l-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni.

Il-miżuri meħuda minn Franza li għandhom jiġu ppubblikati skond l-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552/KEE huma kif ġej:

“Digriet Nru 2004-1392 tat-22 ta’ Diċembru 2004 li japplika l-Artikolu 20-2 tal-Liġi Nru 86-1067 tat-30 ta’ Settembru 1986 dwar il-libertà tal-komunikazzjoni

Il-Prim Ministru,

Wara li kkonsulta r-rapport tal-Ministru għall-Kultura u l-Komunikazzjoni,

Wara li kkunsidra id-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni, kif emendata bid-Direttiva 97/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 1997, u b’mod partikulari l-Artikolu 3a(2) tagħha,

Wara li kkunsidra il-Konvenzjoni Ewropea dwar it-Televiżjoni transfrunterjali, miftuħa għall-firem fil-5 ta’ Mejju 1989, kif emendata bil-protokol addottat mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill fid-9 ta’ Settembru 1998, miftuħa għall-aċċettazzjoni mill-partijiet tal-Konvenzjoni fl-1 ta’ Ottubru 1998, u b’mod partikulari Artikolu 9(a) tagħha, flimkien mal-liġi Nru 94-542 tat-28 ta’ Ġunju 1994 u l-liġi Nru 2001-1210 tal-20 ta’ Diċembru 2001, li jawtorizzaw l-approvazzjoni tagħha, u d-Digrieti Nru 95-438 ta’ l-14 ta’ April 1995 u Nru 2002-739 tat-30 April 2002, li ppubblikawha;

Wara li kkunsidra il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea iffrimat f’Porto fit-2 ta’ Mejju 1992 u l-Protokol li jaġġusta l-ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea ffirmat fi Brussell fis-17 ta’ Marzu 1993, u b’mod partikolari Anness X tagħha, flimkien mal-Liġi Nru 93-1274 tat-2 ta’ Diċembru 1993, li tawtorizza r-ratifikazzjoni tagħha, u d-Digriet Nru 94-43 ta’ l-1 ta’ Frar 1994, li ippubblikaha;

Wara li kkunsidra il-Liġi Nru 86-1067 tat-30 ta’ Settembru 1986, kif emendata, dwar il-libertà tal-komunikazzjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 20-2 tagħha;

Wara li kkunsidra l-ittra tas-7 ta’ April 2004 mill-Kummissjoni Ewropea dwar l-abbozz ta’ miżuri komunikati minn Franza għall-implimentazzjoni ta’ l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552/KEE, kif emendat bid-Direttiva 97/36/KE;

Wara li kkonsulta l-Kunsill ta’ l-Istat (Sezzjoni ta’ l-Intern),

HAWNHEKK JIDDIGRIETA KIF ĠEJ:

Artikolu 1   Dan id-Digriet jistipula il-kundizzjonijiet taħt liema s-servizzi tat-televiżjoni għandhom iġestu x-xandir esklussiv ta’ avvenimenti ta’ importanza kbira, b’tali mod li parti sostanzjali mill-pubbliku ma tiċċaħħadx minn dawn l-avvenimenti permezz ta’ televiżjoni bla ħlas.

Titolu I

Dispożizzjonijiet applikabbli għax-xandir ta’ avvenimenti ta’ importanza kbira fit-territorju Franċiż

Artikolu 2   Għall-applikazzjoni ta’ dan it-Titolu, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom jgħoddu:

(a)

‘aċċess bla ħlas għal servizz ta’ televiżjoni’: is-servizzi kollha tat-televiżjoni li ma jfittxux ħlas mill-utenti tagħhom u li jistgħu jinqabdu minn ta’ l-anqas 85 % tad-djar fi Franza metropolitana;

(b)

‘aċċess kundizzjonali għal servizz ta’ televiżjoni’: kull servizz tat-televiżjoni li ma jilħaqx iż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija fis-subparagrafu ta’ qabel.

Artikolu 3   Il-lista ta’ avvenimenti speċifikati fl-Artikolu 20-2 tal-Liġi 86-1067 tat-30 ta’ Settembru 1986 hija kif ġej:

1.

L-Olimpjadi tas-sajf u tax-xitwa;

2.

Logħob uffiċjali tat-tim Nazzjonali tal-futbol Franċiż fil-kalendarju tal-FIFA (Fédération Internationale de Football Association);

3.

Il-logħba tal-ftuħ, is-semifinali u l-finali tat-Tazza tad-Dinja tal-futbol;

4.

Is-semifinali u l-finali tal-Kampjonati Ewropej tal-futbol;

5.

Il-finali tat-tazza UEFA fejn ikun qed jilgħab xi tim Franċiż mill-kampjonati Franċiżi;

6.

Il-finali taċ-Champions League tal-futbol;

7.

Il-Finali tat-Tazza Franċiża tal-Futbol;

8.

It-Turnew tar-Ragbi tas-sitt Nazzjonijiet;

9.

Is-semifinali u l-finali tat-Tazza tad-Dinja tar-Ragbi;

10.

Il-finali tal-Kampjonat Franċiż tar-Ragbi;

11.

Il-finali tat-Tazza Ewropea tar-Ragbi, fejn ikun qed jilgħab xi tim Franċiż mill-kampjonati Franċiżi;

12.

Il-finali ta’ l-irġiel u tan-nisa tat-turnew tat-tennis Roland Garros;

13.

Is-semifinali u l-finali tat-tazza Davis u tat-Tazza Fed, fejn ikun qed jilgħab it-tim Franċiż tat-Tennis;

14.

Il-Grand Prix Franċiża tal-Formula 1;

15.

It-Tour de France (ċikliżmu, irġiel);

16.

It-tellieqa tar-roti Pariġi-Roubaix;

17.

Il-finali ta’ l-irġiel u tan-nisa tal-Kampjonati Ewropej tal-Basketball, fejn ikun qed jilgħab it-tim Franċiż;

18.

Il-finali ta’ l-irġiel u tan-nisa tal-Kampjonati Mondjali tal-Basketball, fejn ikun qed jilgħab it-tim Franċiż;

19.

Il-finali ta’ l-irġiel u tan-nisa tal-Kampjonati Ewropej tal-Handball, fejn ikun qed jilgħab it-tim Franċiż;

20.

Il-finali ta’ l-irġiel u tan-nisa tal-Kampjonati Mondjali tal-Handball, fejn ikun qed jilgħab it-tim nazzjonali Franċiż;

21.

Il-Kampjonati dinjija ta’ l-Atletika.

Artikolu 4   L-eżerċizzju minn servizz ta’ televiżjoni fi Franza ta’ drittijiet esklussivi miksuba wara t-23 ta’ Awwissu 1997 sabiex ixandar avveniment ta’ importanza kbira elenkat fl-Artikolu 3 ma jistax jipprevjeni servizz ta’ televiżjoni bla ħlas milli jxandar dan l-avveniment, li għandu jintwera dirett u sħiħ, minbarra f’dawn il-każi:

1.

Xandir ta’ l-avveniment indikat f’punt 15 ta’ l-Artikolu 3 jista’ jiġi limitat għal siltiet, skond it-tradizzjoni tax-xandir ta’ dan l-avveniment;

2.

Xandir ta’ l-avvenimenti indikati f’punt 1 u 21 ta’ l-Artikolu 3 jistgħu jiġi limitati għal siltiet rappreżentattivi li jirriflettu d-diversità tad-dixxiplini sportivi u l-pajjiżi parteċipanti u jistgħu jinkludu materjal irrekordjat meta l-avvenimenti jseħħu fl-istess waqt;

3.

Avvenimenti ta’ importanza kbira jistgħu jixxandru b’mod prerekordjat meta jseħħu bejn nofsillejl u s-6 ta’ filgħodu, ħin Franċiż, bil-kundizzjoni li x-xandira fi Franza tibda qabel l-10 ta’ filgħodu;

Il-fatt li servizz ta’ televiżjoni b’aċċess kundizzjonali li jfittex li jitħallas mill-utenti tiegħu u li l-programmi tiegħu jistgħu jinqabdu skond il-kundizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 2(a) ta’ dan id-Digriet ixandar avveniment ta’ importanza kbira dirett u b’mod sħiħ, suġġett għad-dispożizzjonijiet imsemmija qabel, mingħajr ma jissuġġettah għall-kundizzjonijiet speċifiċi għall-aċċess, mhux meqjus li jikkostitwixxi ostaklu għax-xandir ta’ dak l-avveniment minn servizz ta’ aċċess għal televiżjoni bla ħlas.

Artikolu 5   Sabiex servizz ta’ aċċess għal televiżjoni bla ħlas jitħalla jxandar avveniment ta’ importanza kbira skond il-kundizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 4, servizz tat-televiżjoni bi drittijiet esklussivi ta’ xandir għal parti jew għall-avveniment ta’ importanza kbira kollu u li ma jilħaqx il-kundizzjonijiet irid, fi żmien raġonevoli qabel l-avveniment, jinforma is-servizzi ta’ aċċess ta’ televiżjoni bla ħlas li jipproponi li jċedi id-drittijiet li jxandar dan l-avveniment skond il-kundizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 4. Din l-offerta għandha ssir taħt kundizzjonijiet u termini ġusti, raġonevoli u nondiskriminatorji tas-suq.

Jekk, bħala tweġiba għal din l-offerta, ma jkun hemm l-ebda proposta minn servizz televiżiv jew jekk il-proposta ma tkunx skond kundizzjonijiet u termini ġusti, raġonevoli u nondiskriminatorji tas-suq, is-servizz televiżiv li jkollu d-drittijiet esklussivi jista’ jeżerċita dawk id-drittijiet mingħajr ma joqgħod għall-kundizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4.

Titolu II

Dispożizzjonijiet applikabbli għax-xandir ta’ avvenimenti ta’ importanza kbira f’pajjiżi ewropej oħrajn

Artikolu 6   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titlu japplikaw għal servizzi televiżivi li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni Franċiża u li jxandru, lejn Stat Membru ieħor ta’ l-Unjoni Ewropea, pajjiż fiż-żona Ekonomika Ewropea jew Stat li jagħmel parti mill-Konvenzjoni Ewropea dwar Televiżjoni Transfronterjali, avveniment magħruf minn dak l-Istat bħala ta’ importanza kbira għas-soċjeta tiegħu skond it-tifsira tad-Direttiva 89/552/KEE tat-3 ta’ Ottubru 1989 u li jkunu kisbu d-drittijiet tax-xandir tiegħu wara t-23 ta’ Awwissu 1997.

Artikolu 7   Servizzi televiżivi li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni Franċiża għandhom jeżerċitaw, fl-Istati speċifikati fl-Artikolu 6, id-drittijiet tagħhom ta’ xandir ta’ avvenimenti ta’ importanza kbira, kif definiti, f’dawk l-Istati, b’tali mod li ma jinnegawx lil parti sinifikanti tal-pubbliku l-għażla li jaraw avvenimenti bħal dawn, kemm diretti kif ukoll rekordjati, permezz ta’ servizz ta’ aċċess għal televiżjoni bla ħlas kif imsemmi fl-Artikolu 3a tad-Direttiva msemmija tat-3 ta’ Ottubru 1989.

Artikolu 8   Fejn servizz televiżiv li jaqa’ taħt ġurisdizzjoni Franċiża ixandar avveniment ta’ importanza kbira f’wieħed mill-Istati msemmija fl-Artikolu 6, irid jikkonforma mal-kundizzjonijiet imsemmija minn dak l-Istat dwar xandir mis-servizz televiżiv.

Titolu III

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 9   Fejn imsemmi minn servizz televiżiv, jew fuq inizjattiva tiegħu, il-Kunsill Awdjoviżiv jista’ jagħti opinjoni dwar il-kundizzjonijiet ta’ l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan id-Digriet.

Artikolu 10   Digriet sussegwenti tal-Kunsill ta’ l-Istat għandu jistabbilixxi lista ta’ avvenimenti ta’ importanza kbira u l-kundizzjonijiet ta’ xandir bit-televiżjoni għad-dipartimenti barranin Saint Pierre-et-Miquelon, Mayotte, New Caledonia, French Polynesia u l-gżejjer Wallis u Futuna.

Artikolu 11   Il-Ministru tal-Kultura u l-Komunikazzjoni u l-Ministru għat-Territorji Barranin huma responsabbli għat-twettiq ta’ dan id-Digriet, li għandu jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Franċiża.

Magħmul f’Pariġi, fit-22 ta’ Diċembru 2004.

Mill-Prim Ministru

Jean-Pierre RAFFARIN

Ministru għall-Kultura u l-Komunikazzjoni

Renaud DONNEDIEU DE VABRES

Ministru għat-Territorji Barranin

Brigitte GIRARDIN.”


Augša