Valitse kokeelliset ominaisuudet, joita haluat kokeilla

Tämä asiakirja on ote EUR-Lex-verkkosivustolta

Asiakirja JOL_2006_340_R_0046_01

    2006/816/KE: Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas- 27 ta' April 2006 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2004, Sezzjoni VIIIA — Ombudsman Ewropew
    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew b'kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni għall-kwittanza ta' l-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2004, Sezzjoni VIIIA – l-Ombudsman Ewropew

    ĠU L 340, 6.12.2006, s. 46—48 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

    6.12.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    46


    DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

    tas-27 ta' April 2006

    dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2004, Sezzjoni VIIIA — Ombudsman Ewropew

    (2006/816/KE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW,

    wara li kkunsidra l-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2004 (1),

    wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Komunitajiet Ewropej għas-sena finanzjarja 2004, — Volum III (N6-0027/2005 — C6-0364/2005),

    wara li kkkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti ta' l-Awdituri għas-sena finanzjarja 2004, akkumpanjata mir-risposti ta' l-istituzzjonijiet li ġew verifikati (2),

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni għall-affidabbiltà tal-kontijiet u għal-legalità u għar-regolarità tat-tranżazzjonijiet bażiċi, ipprovduti mill-Qorti ta' l-Awdituri Ewropew bi qbil ma' l-Artikolu 248 tat-Trattat KE (3),

    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta' l-14 ta' Marzu 2006 (5971/2006 — C6-0092/2006),

    wara li kkunsidra l-Artikoli 272(10), 275 u 276 tat-Trattat KE,

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-Baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4), u b'mod partikulari l-Artikoli 50, 86, 145, 146 u 147 tiegħu,

    wara li kkunsidra r-Regolament Finanzjarju tal-21 ta' Diċembru 1977 li huwa applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 71 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A6-0116/2006),

    1.

    Jagħti kwittanza lill-Ombudsman Ewropew fir-rigward ta' l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2004,

    2.

    Jistipula l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni hawn taħt;

    3.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din-id-deċiżjoni u r-riżoluzzjoni li tagħmel parti integrali minnha, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja, lill-Qorti ta' l-Awdituri, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Ombudsman Ewropew u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta, u li jippubblikahom fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea (serje L).

    Il-President

    Josep BORRELL FONTELLES

    Is-Segretarju Ġenerali

    Julian PRIESTLEY


    (1)  ĠU L 53, 23.2.2004.

    (2)  ĠU C 301, 30.11.2005, p. 1.

    (3)  ĠU C 301, 30.11.2005, p. 9.

    (4)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

    (5)  ĠU L 356,31.12.1977, p. 1.


    RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

    b'kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni għall-kwittanza ta' l-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2004, Sezzjoni VIIIA – l-Ombudsman Ewropew

    IL-PARLAMENT EWROPEW,

    wara li kkunsidra l-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2004 (1),

    wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Komunitajiet Ewropej għas-sena finanzjarja 2004, — Volum III (N6-0027/2005 — C6-0364/2005),

    wara li kkkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti ta' l-Awdituri għas-sena finanzjarja 2004, akkumpanjata mir-risposti ta' l-istituzzjonijiet li ġew verifikati (2),

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni għall-affidabbiltà tal-kontijiet u għal-legalità u għar-regolarità tat-tranżazzjonijiet bażiċi, ipprovduti mill-Qorti ta' l-Awdituri Ewropew bi qbil ma' l-Artikolu 248 tat-Trattat KE (3),

    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta' l-14 ta' Marzu 2006 (5971/2006 — C6-92/2006),

    wara li kkunsidra l-Artikoli 272(10), 275 u 276 tat-Trattat KE,

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-Baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4), u b'mod partikulari l-Artikoli 50, 86, 145, 146 u 147 tiegħu,

    wara li kkunsidra r-Regolament Finanzjarju tal-21 ta' Diċembru 1977 li huwa applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 71 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A6-0116/2006),

    1.

    Jinnota li fl-2004 l-Ombudsman Ewropew (l-Ombudsman) amministra baġit ta' EUR 5 782 988 b'rata ta' utilizzazzjoni ta' 88,05 %; jinnota wkoll li l-2004 kienet l-ewwel sena li fiha l-uffiċċju ta' l-Ombudsman gawda minn awtonomija sħiħa u għalhekk kellu responsabbiltà sħiħa fi kwistjonijiet finanzjarji;

    2.

    Juri li l-Qorti ta' l-Awdituri, fir-rapport annwali tagħha għas-sena finanzjarja 2004, tindika li l-verifika ma wasslitx għal osservazzjonijiet rigward l-Ombudsman;

    3.

    Jirrimarka li d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni ffirmata mill-Ombudsman u mehmuża mar-rapport ta' attività annwali ma tinkludix riżervi jew osservazzjonijiet rigward kwistjonijiet ta' maniġġjar jew kontroll;

    4.

    Jinnota li wara d-dħul fis-seħħ fl-2003 tar-Regolament Finanzjarju ġdid, l-Ombudsman bħala istituzzjoni b'baġit indipendenti, kellu jikkonforma mar-regoli li jikkonċernaw is-separazzjoni u l-indipendenza bejn il-parteċipanti varji li huma nvoluti fl-operazzjonijiet finanzjarji, biex jiggarantixxi l-effettività ekonomika u l-effiċjenza ta' l-operazzjonijiet u biex jistabilixxi mekkaniżmi ta' kontroll intern adegwati;

    5.

    Ifakkar li l-Ombudsman, għalhekk, kien talab u kien irċieva l-awtorizzazzjoni mill-awtorita tal-baġit biex fis-sena 2004 jżid in-numru ta' l-istaff amministrattiv li għandu x'jaqsam ma' kwistjonijiet finanzjarji u amministrattivi; ifakkar ukoll li dawn il-membri ġodda ta' l-istaff għenu lill-Uffiċċju ta' l-Ombudsman biex fl-2004 jagħmlu x-xogħol finanzjarju kollu li, sa l-aħħar tas-sena 2003, kien ipprovdut mis-servizzi tal-Parlament skond il-ftehimiet ta' koperazzjoni; jinnota li dan ix-xogħol kien jinkludi, inter alia, l-immaniġġjar, il-kalkolazzjoni u l-ipproċessar ta' missjonijiet u l-preparazzjoni ta' ordnijiet ta' ħlas fir-rigward ta' salarji ta' l-istaff kif ukoll l-emolumenti ta' l-Ombudsman;

    6.

    Jinnota li fl-2004 l-Ombudsman kellu għalhekk kontroll sħiħ fuq it-transazzjonijiet finanzjarji li għandhom x'jaqsmu ma' din is-sezzjoni tal-baġit;

    7.

    Jinnota li l-istima ta' l-Awditur Intern għall-Uffiċċju ta' l-Ombudsman, rigward it-transazzjonijiet tal-baġit fl-2004 ma identifika l-ebda qasam ta' riskju sinifikanti, iżda li serje ta' pjanijiet ta' ħidma ġiet miftiehma mal-bord tat-tmexxija biex jitnaqqas aktar ir-riskju u biex jitjiebu sistemi eżistenti, speċjalment fil-qasam ta' l-akkwist pubbliku;

    8.

    Jinnota li fl-2004 kien hemm żieda bla preċedent ta' 51 % f'ilmenti lill-Ombudsman, it-total fl-2004 kien ta' 3 688ilment, li huwa sinjal ċar ta' żieda fl-għarfien dwar is-servizz provdut mill-Ombudsman u ta' aktar informazzjoni provduta mill-istituzzjonijiet Ewropea; jinnota li nofs dik iż-żieda tikkonsisti f'ilmenti mill-għaxar Stati Membri l-ġodda;

    9.

    Josserva li skond l-istima ta' l-Ombudsman innifsu, 74,8 % ta' dawn l-ilmenti ma jaqawx fl-iskop tal-mandat tiegħu; jinnota li fl-2004 l-Ombudsman xorta waħda beda 351 inkjesta, li l-maġġoranza tagħhom kienet tikkonċerna l-Kummissjoni, li tip ewlieni ta' amministrazzjoni ħażina li ġie allegat kien in-nuqqas ta' trasparenza, inkluż ir-rifjut li tingħata informazzjoni (22 %);

    10.

    Jemmen li l-Ombudsman jista' jservi ta' mudell għall-istituzzjonijiet l-oħra, kemm rigward l-iskop definit b'mod ċar tal-kompetenza tiegħu u kemm rigward baġit amministrat b'mod tajjeb.


    (1)  ĠU L 53, 23.2.2004

    (2)  ĠU C 301, 30.11.2005, p. 1.

    (3)  ĠU C 301, 30.11.2005, p. 9.

    (4)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

    (5)  ĠU L 356, 31.12.1977, p. 1.


    Alkuun