Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005E0868

    Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2005/868/PESK ta’ l- 1 ta' Diċembru 2005 li temenda l-Azzjoni Konġunta 2005/355/PESK dwar il-missjoni ta’ l-Unjoni Ewropea biex tipprovdi konsulenza u assistenza għar-riforma tas-settur tas-sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (DRC) f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-istabbiliment ta' proġett ta' assistenza teknika rigward it-titjib tal-linja ta' ħlas tal-Ministeru tad-Difiża fid-DRC

    ĠU L 318, 6.12.2005, p. 29–31 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 175M, 29.6.2006, p. 122–124 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2007

    ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2005/868/oj

    29.6.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    122


    AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2005/868/PESK

    ta’ l-1 ta' Diċembru 2005

    li temenda l-Azzjoni Konġunta 2005/355/PESK dwar il-missjoni ta’ l-Unjoni Ewropea biex tipprovdi konsulenza u assistenza għar-riforma tas-settur tas-sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (DRC) f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-istabbiliment ta' proġett ta' assistenza teknika rigward it-titjib tal-linja ta' ħlas tal-Ministeru tad-Difiża fid-DRC

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, l-Artikolu 14, it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 25, u t-tieni inċiż tal-paragrafu 3 ta' l-Artikolu 28 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Wara stedina uffiċjali mill-gvern tad-DRC bid-data tas-26 ta' April 2005, fit-2 ta' Mejju 2005 il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2005/355/PESK dwar il-missjoni ta' l-Unjoni Ewropea biex tipprovdi konsulenza u assistenza għar-riforma tas-settur tas-sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (DRC) (1), imsejħa “EUSEC RD Congo”.

    (2)

    Il-missjoni EUSEC RD Congo timmira biex tipprovdi appoġġ prattiku għall-integrazzjoni ta’ l-armata Kongoliża u governanza tajba fil-qasam tas-sigurtà, inkluż fl-oqsma tal-kontroll u tal-ġesjtoni tal-budget u tal-finanzi, ta' l-istatus tal-professjoni militari, tat-taħriġ, ta' l-akkwist pubbliku, tal-kontabilità u tal-monitoraġġ finanzjarju. L-Artikolu 2 ta' l-Azzjoni Konġunta imsemmija jipprevedi li l-missjoni EUSEC RD Congo għandha tidentifika u tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' diversi proġetti u għażliet differenti li l-Unjoni Ewropea u/jew l-Istati Membri tagħha jistgħu jiddeċiedu li jappoġġjaw f'dan il-qasam.

    (3)

    Wara talba mill-Gvern Kongoliż bid-data tad-19 ta' Lulju 2005 għal appoġġ tekniku u loġistiku għall-modernizzazzjoni tas-sistema ta' ġestjoni tal-persunal u tal-finanzi tal-Forzi Armati tad-DRC, il-missjoni EUSEC RD Congo fasslet abbozz ta' programm ta' assistenza teknika maħsub biex, b'mod partikolari, jimmodernizza l-linja ta' ħlas tal-Ministeru tad-Difiża fid-DRC.

    (4)

    Is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli nnotifika lill-Gvern Kongoliż b'ittra datata il-11 ta' Novembru 2005 bl-intenzjoni ta' l-Unjoni Ewropea li tistabbilixxi proġett ta' assistenza teknika maħsub biex jimmodernizza l-imsemmija linja ta' ħlas.

    (5)

    Fil-21 ta' Novembru 2005, il-Kunsill approva l-kunċett ġenerali għall-istabbiliment ta’ proġett ta' assistenza teknika għall-modernizzazzjoni ta' l-imsemmija linja ta' ħlas. Il-proġett għandu jiġi stabbilit bħala entità distinta fi ħdan il-missjoni EUSEC RD Congo.

    (6)

    Il-proġett ta' linja ta' ħlas jaqa' taħt il-mandat u l-objettivi tal-missjoni EUSEC RD Congo, missjoni b'karattru ċivili, iżda, minħabba l-istruttura u r-regoli ta' implimentazzjoni tal-proġett kif ukoll in-numru tal-persunal u l-budget meħtieġ, jeħtieġ li tiġi emendata l-Azzjoni Konġunta 2005/355/PESK.

    (7)

    Jeħtieġ li Stati terzi jipparteċipaw fil-proġett b'mod konformi mal-linji gwida ġenerali definiti mill-Kunsill Ewropew.

    (8)

    Il-persunal li ser jiġi mibgħut fid-DRC fil-qafas tal-proġett għall-modernizzazzjoni tal-linja ta' ħlas ser ikun kopert mid-dispożizzjonijiet dwar l-istatut tal-persunal għall-persunal li diġà jinsab insedjat għall-missjoni EUSEC RD Congo.

    (9)

    Il-proġett ser jitwettaq fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tmur għall-agħar u li tista' tkun ta' ħsara għall-objettivi tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni kif stabbilit fl-Artikolu 11 tat-Trattat,

    ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

    Artikolu 1

    L-Azzjoni Konġunta 2005/355/PESK hija emendata kif ġej:

    1)

    Fl-Artikolu 2, għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “Fil-qafas tal-mandat deskritt fl-ewwel paragrafu, għandu jiġi stabbilit fi ħdan il-missjoni, proġett ta' assistenza teknika għall-modernizzazzjoni tal-linja ta' ħlas tal-Ministeru tad-Difiża fid-DRC, minn issa 'l quddiem imsejjaħ ‘proġett ta' linja ta' ħlas’, sabiex jitwettqu l-kompiti, definiti fil-kunċett ġenerali għall-proġett.”

    2)

    Ma' l-Artikolu 3 għandu jiżdied il-punt li ġej:

    “ċ)

    skwadra inkarigata mill-proġett ta' linja ta' ħlas li tinkludi:

    kap tal-proġett, ibbażat f'Kinshasa, maħtur mill-Kap tal-Missjoni u li jaġixxi taħt l-awtorità tiegħu,

    diviżjoni ta' ‘konsulenza, kompetenza u implimentazzjoni’, ibbażata f'Kinshasa, magħmula minn persunal mhux marbut ma' l-istat maġġur tal-brigati integrati u li tinkludi grupp mobbli ta' esperti involuti fil-kontroll tal-persunal militari tal-brigati integrati, u

    esperti assenjati lill-istat maġġuri tal-brigati integrati.”

    .

    3)

    L-Artikolu 8a li ġej għandu jiġi inserit:

    “Artikolu 8a

    Parteċipazzjoni ta' Stati terzi fil-proġett ta' linja ta' ħlas

    1.   Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid ta' deċiżjonijiet ta' l-UE u tal-qafas istituzzjonali uniku tagħha, xi Stati terzi jistgħu jiġu mistiedna biex jagħtu kontribut għall-proġett ta' linja ta' ħlas, bil-ftehim li huma jħallsu l-ispejjeż tal-persunal issekondat minnhom, inklużi l-pagi, l-assikurazzjoni ta' ‘riskju għoli’, il-benefiċċji u l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar lejn u mid-DRC u li huma jikkontribwixxu kif xieraq għall-ispejjeż tal-funzjonament tal-proġett tal-linja tal-ħlas.

    2.   L-Istati terzi li jagħtu kontribut lill-proġett tal-linja tal-ħlas għandhom ikollhom l-istess drittijiet u obbligi f'termini tal-ġestjoni ta' kuljum tal-proġett daqs l-Istati Membri ta' l-UE.

    3.   Il-Kunsill jawtorizza lill-COPS biex jieħu d-deċiżjonijiet pertinenti dwar l-aċċettazzjoni tal-kontribuzzjonijiet proposti u biex joħloq Kumitat tal-Kontributuri.

    4.   L-arranġamenti dettaljati dwar il-parteċipazzjoni ta' Stati terzi għandhom ikunu koperti minn ftehim konkluż b'mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 24 tat-Trattat. Is-SĠ/RGħ, li għandu jassisti lill-Presidenza, jista' jinnegozja dawn l-arranġamenti f'isem din ta' l-aħħar. Jekk l-UE u Stat terz ikunu ikkonkludew ftehim li jistabbilixxi l-qafas għall-parteċipazzjoni ta' dan l-Istat terz f'xi operazzjonijiet ta' l-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet, id-dispożizzjonijiet ta' dak il-ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest tal-proġett tal-linja tal-ħlas.”

    .

    4)

    L-Artikolu 9a li ġej għandu jiġi inserit:

    “Artikolu 9a

    Dispożizzjonijiet partikolari rigward il-finanzjament tal-proġett ta' linja ta' ħlas

    1.   Għall-perijodu li jintemm fil-15 ta' Frar 2006, id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

    a)

    In-nefqa operattiva marbuta mal-proġett tal-linja ta' ħlas hi ffinanzjata b'mod esklussiv minn kontribuzzjonijiet ta' Stati Membri, li l-lista tagħhom tinsab fl-anness, kull wieħed għall-ammont li jidher. L-ammont ta' referenza finanzjarju hu ta' EUR 900 000.

    L-infiq li ġej hu, inter alia, ffinanzjat minn dawn il-kontribuzzjonijiet:

    infiq tal-persunal (allowances ta' kuljum u allowances speċjali, salarji u kopertura tas-sigurtà soċjali tal-persunal reklutat lokalment, spejjeż ta' kura tas-saħħa, titjiriet u allowances għall-ivjaġġar fid-DRC u fir-reġjun, titjiriet uffiċjali);

    infiq ta' stabbiliment u ta' tħaddim (kiri/xiri u użu ta' vetturi, xiri ta' tagħmir informatiku u manutenzjoni, tagħmir ta' telekomunikazzjoni u manutenzjoni, kiri ta' uffiċċji u servizzi relatati, materjal ta' l-uffiċċju, tagħmir varju, servizzi ta' sigurtà, spejjeż ta' rappreżentazzjoni, spejjeż ta' trasport bl-ajru);

    spejjeż amministrattivi, inklużi spejjeż ta' verifika u miżati tal-banek.

    b)

    Mingħajr preġudizzju għan-natura ċivili tal-missjoni, l-Istati Membri kontributuri elenkati fl-Anness jistgħu, għall-finijiet ta' din l-Azzjoni Konġunta, bil-ħsieb tas-sejħa għall-kontribuzzjonijiet, tal-ġbir tal-fondi korrispondenti, tal-ġestjoni tagħhom, ta' l-użu u l-monitoraġġ tagħhom u ta' l-arranġamenti amministrattivi meħtieġa, jirrikorru għall-persunal tal-mekkaniżmu stabbilit mid-Deċiżjoni 2004/197/PESK (*) bħala eżżezzjoni, sal-15 ta' Frar 2006 u b' konsiderazzjoni tal-fatt li l-proġett ser jiġi ffinanzjat skond paragrafu 2 mill-bidu tas-16 ta' Frar 2006. Il-budget ta' dak il-mekkaniżmu mhux se jkun effettwat.

    ċ)

    Il-previżjonijiet tal-qligħ u l-infiq huma stabbiliti f'budget ta' proġett tal-linja tal-ħlas fil-perspettiva tal-finanzjament tal-perjodu li jintemm fil-15 ta' Frar 2006.

    d)

    F'ebda każ ma jistgħu l-Komunitajiet Ewropej jew is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, jew il-mekkaniżmu msemmi fil-punt b), jinżammu responsabbli minn Stat Membru kontributur elenkat fl-Anness bħala riżultat ta' rikors għal dak il-mekkaniżmu.

    2.   Għall-perijodu mill-16 ta' Frar sat-2 ta' Mejju 2006, in-nefqa operattiva marbuta mal-proġett ta' linja ta' ħlas għandha titħallas mill-budget ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

    a)

    L-ammont ta' referenza finanzjarju għandu jkun ta' EUR 940 000.

    b)

    L-infiq għandu jiġi amministrat skond ir-regoli u l-proċeduri tal-Komunità Ewropea applikabbli għall-budget, bl-eċċezzjoni li kwalunkwe pre-finanzjament m’għandux jibqa' l-proprjetà tal-Komunità. Iċ-ċittadini ta’ Stati terzi għandhom jitħallew jissottomettu sejħiet għall-offerti.

    ċ)

    Il-Kap tal-Missjoni għandu jirraporta b'mod sħiħ lill-Kummissjoni, li għandha tissorveljah, dwar l-attivitajiet imwettqa fil-qafas tal-kuntratt previst fl-Artikolu 5.

    d)

    L-arranġamenti finanzjarji għandhom jirrispettaw il-ħtiġiiet operazzjonali tal-missjoni, inkluża l-kompatibilità tat-tagħmir.

    (*)  ĠU L 63, 28.2.2004, p. 68. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2005/68/PESK (ĠU L 27, 29.1.2005, p. 59).”."

    5)

    L-Anness li ġej għandu jkun miżjud:

    “ANNESS

    Lista ta' kontribuzzjonijiet ta' l-Istati Membri previsti fl-Artikolu 9a, paragrafu 1 punt a)

    Belġju

    175 000 EUR

    Franza

    175 000 EUR

    Lussemburgu

    50 000 EUR

    Olanda

    150 000 EUR

    Renju Unit

    175 000 EUR

    Svezja

    175 000 EUR”

    Artikolu 2

    Din l-Azzjoni Konġunta tidħol fis-seħħ fil-jum ta' l-adozzjoni tagħha.

    Artikolu 3

    Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Maghmula fi Brussel, nhar l-1 ta' Diċembru 2005.

    Ghall-Kunsill

    Il-President

    J. STRAW


    (1)  ĠU L 112, 3.5.2005, p. 20.


    Top