Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023XC0609(03)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Avviż lill-partijiet ikkonċernati dwar il-ħruġ tar-Renju Unit u r-regoli tal-UE fil-qasam tal-għajnuna mill-istat 2023/C 202/04

C/2023/3680

ĠU C 202, 9.6.2023, p. 25–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

9.6.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 202/25


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Avviż lill-partijiet ikkonċernati dwar il-ħruġ tar-Renju Unit u r-regoli tal-UE fil-qasam tal-għajnuna mill-istat

(2023/C 202/04)

Mill-1 ta’ Frar 2020, ir-Renju Unit ħareġ mill-Unjoni Ewropea u sar “pajjiż terz” (1). Il-Ftehim dwar il-Ħruġ (2) ippreveda perjodu ta’ tranżizzjoni li ntemm fil- 31 ta’ Diċembru 2020. Il-Ftehim dwar il-Ħruġ ippreveda wkoll, f’xi każijiet, dispożizzjonijiet ta’ separazzjoni fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni.

Il-partijiet interessati kollha huma mfakkra dwar is-sitwazzjoni legali applikabbli minn tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni (il-Parti A hawn taħt). Dan l-avviż jispjega wkoll ir-regoli applikabbli fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq wara li ntemm il-perjodu ta’ tranżizzjoni (il-Parti B aktar ’l isfel).

A.   Is-sitwazzjoni legali minn tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni

1.   Proċeduri tal-għajnuna mill-Istat

Minn tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat tal-UE waqaf japplika għal kull għajnuna mill-Istat mogħtija mir-Renju Unit minn din id-data, sakemm din ma taffettwax il-kummerċ bejn l-Irlanda ta’ Fuq u l-Unjoni Ewropea li huwa soġġett għall-Protokoll dwar l-Irlanda / l-Irlanda ta’ Fuq (“il-Protokoll”) (3) / il-Qafas ta’ Windsor (4) . Barra mid-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Qafas ta’ Windsor (ara hawn taħt), il-Kummissjoni Ewropea għalhekk ma għadx għandha s-setgħa li tinvestiga, u tieħu deċiżjonijiet dwar miżuri potenzjali ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija mir-Renju Unit wara dik id-data. Konsegwentement, il-partijiet ikkonċernati ma għadhomx jistgħu jippreżentaw ilmenti formali lill-Kummissjoni Ewropea dwar miżuri bħal dawn.

Fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat mogħtija mir-Renju Unit qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, japplikaw ir-regoli li ġejjin:

Skont l-Artikolu 92(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, il-Kummissjoni Ewropea tibqa’ kompetenti biex tkompli kull proċedura li tinsab għaddejja (5) dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija mir-Renju Unit.

Skont l-Artikolu 93(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, il-Kummissjoni Ewropea tibqa’ wkoll kompetenti biex tibda proċedimenti amministrattivi ġodda li jikkonċernaw l-għajnuna mill-Istat mogħtija mir-Renju Unit qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, jekk proċedimenti bħal dawn jinbdew fi żmien erba’ snin minn tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni.

Skont l-Artikolu 95(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea huma vinkolanti u infurzabbli fuq ir-Renju Unit f’dawn il-każijiet.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea żżomm id-dritt li tressaq azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għal nuqqas ta’ konformità ma’ deċiżjonijiet bħal dawn għal perjodu ta’ erba’ snin wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni jew id-data tad-deċiżjoni kkonċernata, skont liema minnhom tiġi l-aħħar (6). Is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dawn il-kwistjonijiet jibqgħu vinkolanti u infurzabbli fuq ir-Renju Unit.

B’riżultat ta’ dan, il-partijiet ikkonċernati jistgħu jkomplu jinfurmaw lill-Kummissjoni Ewropea - permezz ta’ lmenti formali jew mod ieħor - dwar kull għajnuna mill-Istat potenzjalment illegali mogħtija mir-Renju Unit qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni. Dan jinkludi każijiet fejn tali għajnuna titħallas biss jew titħallas b’xi mod ieħor fi stadju aktar tard, dment li d-dritt legali li wieħed jirċievi l-għajnuna jkun ingħata lill-benefiċjarju qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni.

2.   Dispożizzjonijiet sostantivi dwar l-għajnuna mill-Istat

Eċċezzjonalment, ċerti kriterji ta’ kompatibbiltà stabbiliti fil-linji gwida tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-għajnuna mill-Istat jirreferu għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE u / jew ċerta dimensjoni tal-UE jew taż-ŻEE (7). Minn meta ntemm il-perjodu ta’ tranżizzjoni, ir-Renju Unit ma għadux jgħodd għal dawn il-kriterji, u l-Istati Membri jridu jqisu dan għal kull għajnuna ġdida mogħtija skont id-dispożizzjonijiet rilevanti.

B.   regoli applikabbli fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq

1.   Applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 10 tal-Qafas ta’ Windsor

Minn tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, japplika l-Protokoll, li issa huwa magħruf bħala l-Qafas ta’ Windsor (8). Il-Qafas ta’ Windsor huwa soġġett, minn żmien għal żmien, għall-kunsens tal-Assemblea Leġiżlattiva tal-Irlanda ta’ Fuq, fejn il-perjodu inizjali ta’ applikazzjoni jestendi sa erba’ snin wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni (9).

L-Artikolu 10(1) tal-Qafas ta’ Windsor jipprevedi li “id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni elenkati fl-Anness 5 ta' dan il-Protokoll għandhom japplikaw għar-Renju Unit, inkluż fir-rigward ta' miżuri li jappoġġaw il-produzzjoni u l-kummerċ ta' prodotti agrikoli fl-Irlanda ta' Fuq, fir-rigward ta' miżuri li jaffettwaw dak il-kummerċ bejn l-Irlanda ta’ Fuq u l-Unjoni li huwa soġġett għal dan il-Protokoll”.

Dan ifisser li r-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat ikomplu japplikaw għall-Istati Membri tal-UE, kif ukoll għar-Renju Unit fir-rigward tal-għajnuna li għandha effett fuq il-kummerċ bejn l-Irlanda ta’ Fuq u l-Unjoni Ewropea li huwa soġġett għall-Qafas ta’ Windsor. Minn dispożizzjonijiet oħra tal-Qafas ta’ Windsor, u b’mod partikolari mill-Artikoli 5 u 9 tiegħu, isegwi li l-kummerċ ta’ oġġetti u tal-elettriku bl-ingrossa huwa soġġett għall-Qafas ta’ Windsor (10).

Rigward il-produzzjoni ta’ prodotti agrikoli u tas-sajd fl-Irlanda ta’ Fuq u l-kummerċ fihom, l-Artikolu 10(2) tal-Qafas ta’ Windsor jipprevedi eżenzjoni mill-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni sa livell annwali globali massimu determinat ta’ appoġġ, dment li l-perċentwal minimu determinat ta’ dan l-appoġġ eżentat ikun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Anness 2 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Agrikoltura. Il-livell massimu u l-perċentwal minimu msemmija ġew iddeterminati mill-Kumitat Konġunt (l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit) bid-Deċiżjoni Nru 05/2020 tas-17 ta’ Diċembru 2020 (11). Il-miżuri kollha meħuda biex jappoġġaw il-produzzjoni u l-kummerċ ta’ prodotti agrikoli u tas-sajd fl-Irlanda ta’ Fuq li ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni u li għandhom effett fuq il-kummerċ rilevanti bejn l-Irlanda ta’ Fuq u l-Unjoni jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10(1) tal-Qafas ta’ Windsor.

Il-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Qorti Ġenerali (il-“Qrati tal-Unjoni”), jibqgħu kompetenti fir-rigward ta’ tali għajnuna li tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10(1) tal-Qafas ta’ Windsor (12).

Fis-17 ta’ Diċembru 2020, l-UE ħarġet dikjarazzjoni unilaterali fil-Kumitat Konġunt inkarigat mis-sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. Id-dikjarazzjoni tgħid dan li ġej: “Meta tapplika l-Artikolu 107 TFUE għal sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10(1) tal-Protokoll, il-Kummissjoni Ewropea se tqis b’mod xieraq il-post integrali tal-Irlanda ta’ Fuq fis-suq intern tar-Renju Unit. L-Unjoni Ewropea tissottolinja li, fi kwalunkwe każ, effett fuq il-kummerċ bejn l-Irlanda ta’ Fuq u l-Unjoni li huwa soġġett għal dan il-Protokoll ma jistax ikun sempliċiment ipotetiku, preżunt, jew mingħajr rabta ġenwina u diretta mal-Irlanda ta’ Fuq. Għandu jiġi stabbilit għaliex il-miżura jkun jista’ jkollha tali effett fuq il-kummerċ bejn l-Irlanda ta’ Fuq u l-Unjoni, abbażi tal-effetti reali prevedibbli tal-miżura.

Din id-dikjarazzjoni tiċċara l-applikazzjoni tal-Artikolu 10(1) tal-Protokoll, issa magħruf bħala l-Qafas ta’ Windsor. Madankollu, dan huwa mingħajr preġudizzju għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “effett fuq il-kummerċ” li jagħtu l-Qrati tal-Unjoni.

Il-kundizzjonijiet biex teżisti rabta ġenwina u diretta mal-Irlanda ta’ Fuq, abbażi tal-effetti prevedibbli reali tal-miżura, ġew spjegati aktar f’Dikjarazzjoni Konġunta tal-Unjoni u tar-Renju Unit fil-Kumitat Konġunt tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tal-24 ta’ Marzu 2023 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 10(1) tal-Qafas ta’ Windsor kif ġej:

Din id-Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 10(1) tal-Qafas ta’ Windsor tibni fuq id-Dikjarazzjoni Unilaterali tal-Unjoni, li tafferma l-post tal-Irlanda ta’ Fuq fis-suq intern tar-Renju Unit, u fl-istess ħin tiżgura li s-suq intern tal-Unjoni jkun protett. Hija tikkjarifika l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10(1) tal-Qafas ta’ Windsor li jistabbilixxi ċ-ċirkustanzi partikolari li fihom x’aktarx tkun involuta meta jingħataw sussidji fir-Renju Unit, u tista’ tintuża għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

Sabiex miżura titqies li għandha rabta ġenwina u diretta mal-Irlanda ta’ Fuq u b’hekk ikollha effett fuq il-kummerċ bejn l-Irlanda ta’ Fuq u l-Unjoni li huwa soġġett għall-Qafas ta’ Windsor, din il-miżura jeħtieġ li jkollha effetti reali prevedibbli fuq dak il-kummerċ. Jenħtieġ li l-effetti reali prevedibbli rilevanti jkunu materjali, u mhux biss ipotetiċi jew preżunti.

Għall-miżuri mogħtija lil kwalunkwe benefiċjarju li jinsab fil-Gran Brittanja, il-fatturi rilevanti għall-materjalità jistgħu jinkludu d-daqs tal-impriża, id-daqs tas-sussidju, u l-preżenza fis-suq tal-impriża fis-suq rilevanti fl-Irlanda ta’ Fuq. Filwaqt li s-sempliċi tqegħid ta’ merkanzija fis-suq tal-Irlanda ta’ Fuq mhuwiex biżżejjed, waħdu, biex jirrappreżenta rabta diretta u ġenwina li tinvolvi l-Artikolu 10(1) tal-Qafas ta’ Windsor, il-miżuri li jingħataw lill-benefiċjarji li jinsabu fl-Irlanda ta’ Fuq huma aktar probabbli li jkollhom effetti materjali.

Għall-miżuri mogħtija lil kwalunkwe benefiċjarju li jinsab fil-Gran Brittanja li għandhom effett materjali, irid jintwera wkoll li l-benefiċċju ekonomiku tas-sussidju jingħadda kompletament jew parzjalment lil impriża fl-Irlanda ta’ Fuq, jew permezz tal-merkanzija rilevanti mqiegħda fis-suq fl-Irlanda ta’ Fuq, pereżempju permezz ta’ bejgħ taħt il-prezz tas-suq, biex ikun hemm rabta diretta u ġenwina li tinvolvi l-Artikolu 10(1) tal-Qafas ta’ Windsor.”

Kif affermat mid-Dikjarazzjoni Konġunta, l-Artikolu 10(1) tal-Qafas ta’ Windsor japplika għal miżuri li jaffettwaw il-kummerċ rilevanti bejn l-Irlanda ta’ Fuq u l-Unjoni, irrispettivament minn jekk benefiċjarju jkunx jinsab fl-Irlanda ta’ Fuq u/jew huwiex involut fil-kummerċ rilevanti.

Hija l-Kummissjoni Ewropea li tistabbilixxi jekk miżura għandhiex rabta ġenwina u diretta biżżejjed mal-Irlanda ta’ Fuq, abbażi tal-effetti prevedibbli reali tagħha, sabiex taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10(1) tal-Qafas ta’ Windsor. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni Ewropea se tqis il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

Huwa aktar probabbli li l-miżuri mogħtija lill-benefiċjarji li jinsabu fl-Irlanda ta’ Fuq jippreżentaw rabta ġenwina u diretta mal-Irlanda ta’ Fuq u għalhekk jattivaw l-Artikolu 10(1) tal-Qafas ta’ Windsor.

Għall-miżuri mogħtija lill-benefiċjarji li jinsabu f’partijiet oħra tar-Renju Unit għajr l-Irlanda ta’ Fuq, il-Kummissjoni Ewropea trid turi rabta ġenwina u diretta mal-Irlanda ta’ Fuq abbażi tal-effetti prevedibbli reali tal-miżura:

Il-Kummissjoni Ewropea tqis li biex turi tali effetti reali prevedibbli fuq il-kummerċ rilevanti bejn l-Irlanda ta’ Fuq u l-Unjoni, kwalunkwe effett ta’ miżura jrid ikun materjali biżżejjed. Biex tivvaluta jekk dan huwiex il-każ, il-Kummissjoni Ewropea se tirreferi għal sett ta’ indikaturi, ibbażati b’mod partikolari fuq id-daqs tal-impriża, id-daqs tas-sussidju, u l-preżenza fis-suq tal-impriża fl-Irlanda ta’ Fuq.

Hemm bżonn li l-Kummissjoni Ewropea tkompli turi li benefiċċju ekonomiku tal-miżura jiġi mgħoddi kompletament jew parzjalment lil impriża fl-Irlanda ta’ Fuq, jew permezz tal-merkanzija rilevanti mqiegħda fis-suq fl-Irlanda ta’ Fuq, pereżempju permezz ta’ bejgħ taħt il-prezz tas-suq. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni Ewropea se tqis ukoll kull kundizzjoni jew karatteristika tal-miżura mfassla biex jiġi evitat tali trasferiment ta’ benefiċċju ekonomiku.

F’każ ta’ miżuri favur il-fornituri tas-servizzi, il-Kummissjoni Ewropea jeħtieġ li tistabbilixxi li jingħata vantaġġ lill-impriżi involuti fil-kummerċ rilevanti tal-merkanzija bejn l-Irlanda ta’ Fuq u l-Unjoni. Tali vantaġġ indirett huwa normalment preżenti jekk il-miżura tkun imfassla b'tali mod li tgħaddi l-effetti sekondarji tagħha lil impriżi jew gruppi ta' impriżi identifikabbli (13).

Biex jiġi ċċarat dan ta’ hawn fuq permezz ta’ eżempji:

Skema ta’ sussidju mmirata biex tipprovdi appoġġ lill-manifatturi ta’ oġġetti li jinsabu fl-Irlanda ta’ Fuq normalment taqa’ fl-applikazzjoni tal-Artikolu 10(1) tal-Qafas ta’ Windsor, sal-punt li din tikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat.

Sussidju ta’ ammont limitat ipprovdut lil intrapriża żgħira li tinsab barra l-Irlanda ta’ Fuq u mingħajr preżenza sinifikanti fis-suq tal-Irlanda ta’ Fuq normalment ma jipproduċix effetti li huma materjali biżżejjed biex jindikaw il-preżenza ta’ rabta ġenwina u diretta mal-Irlanda ta’ Fuq ibbażata fuq effetti prevedibbli reali.

Għal sussidji sostanzjali lil manifatturi kbar li jinsabu f’partijiet oħra tar-Renju Unit minbarra l-Irlanda ta’ Fuq, il-Kummissjoni Ewropea se tivvaluta jekk hemmx effett materjali fuq il-kummerċ mal-Irlanda ta’ Fuq, abbażi ta’ serje ta’ parametri, bħall-preżenza tal-benefiċjarju fis-suq fl-Irlanda ta’ Fuq. Jekk barra minn hekk ikun hemm riskju reali li benefiċċju ekonomiku jista’ jiġi ttrasferit sabiex jaffettwa s-suq fl-Irlanda ta’ Fuq, il-Kummissjoni Ewropea x’aktarx li tikkunsidra li jkun japplika l-Artikolu 10(1) tal-Qafas ta’ Windsor. Il-Kummissjoni Ewropea normalment ma tasalx għal din il-konklużjoni jekk il-miżura tkun imfassla b’mod li tevita li jkun hemm riskju reali li l-benefiċċju ekonomiku jkun jista’ jiġi ttrasferit sabiex jaffettwa s-suq fl-Irlanda ta’ Fuq.

Skema ta’ sussidju biex tkopri ċerti kostijiet tat-taħriġ tal-fornituri tas-servizzi normalment ma tkunx taqa’ fl-applikazzjoni tal-Artikolu 10(1) tal-Qafas ta’ Windsor, peress li ma tkunx imfassla biex tgħaddi l-effetti sekondarji lil impriżi jew gruppi ta’ impriżi identifikabbli involuti fil-kummerċ rilevanti bejn l-Irlanda ta’ Fuq u l-Unjoni. Madankollu, skema ta’ sussidji mmirata biex tipprovdi inċentivi finanzjarji lill-fornituri tas-servizzi (eż. fis-settur finanzjarju) imfassla biex tnaqqas il-kost tas-servizzi għall-impriżi li jinsabu fl-Irlanda ta’ Fuq involuti fil-kummerċ tal-merkanzija bejn l-Irlanda ta’ Fuq u l-Unjoni tista’ tkun tinvolvi li vantaġġ indirett jiġi mgħoddi lil dawn tal-aħħar.

2.   L-Artikolu 5(6) tal-Qafas ta’ Windsor

Id-dazji doganali imposti mir-Renju Unit f’konformità mal-Artikolu 5(3) tal-Qafas ta’ Windsor ma jintbagħtux lill-Unjoni. L-Artikolu 5(6) tal-Qafas ta’ Windsor jiddikjara li r-Renju Unit jista’ taħt ċerti ċirkostanzi jirrinunzja d-dejn tariffarju jew jirrimborża lin-negozjanti (14) Dawn il-miżuri, sakemm ikunu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat u jaffettwaw il-kummerċ rilevanti bejn l-Irlanda ta’ Fuq u l-Unjoni, huma soġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 tal-Qafas ta’ Windsor dwar l-għajnuna mill-Istat. Jekk tissejjaħ biex tivvaluta l-kompatibbiltà ta’ tali miżuri ta’ għajnuna, il-Kummissjoni Ewropea għandha tqis iċ-ċirkostanzi fl-Irlanda ta’ Fuq kif xieraq (15).

L-ispjegazzjonijiet ipprovduti hawnhekk mhumiex maħsuba li jkunu eżawrjenti. L-għan tagħhom huwa li jagħtu gwida dwar l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ effett fuq il-kummerċ bejn l-Irlanda ta’ Fuq u l-Unjoni lill-qrati u lill-awtoritajiet awtorizzanti tal-Istati Membri tal-UE u tar-Renju Unit. Dan l-avviż jissostitwixxi l-avviż preċedenti għall-partijiet ikkonċernati ppubblikat fl-10 ta’ Frar 2021.

Is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat (https://competition-policy.ec.europa.eu/state-aid_en) jipprovdi informazzjoni ġenerali dwar il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat. Dawn il-paġni jiġu aġġornati b’aktar informazzjoni, fejn meħtieġ.


(1)  Pajjiż terz huwa pajjiż ma huwiex membru tal-UE.

(2)  Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7) (“Il-Ftehim dwar il-Ħruġ”).

(3)  Għal aktar dettalji dwar id-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Qafas ta’ Windsor, ara l-Parti B ta’ dan l-avviż.

(4)  Skont id-Dikjarazzjoni Konġunta Nru 1/2023 tal-Unjoni u tar-Renju Unit fil-Kumitat Konġunt tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tal-24 ta’ Marzu 2023, li jirrifletti l-arranġamenti stabbiliti fid-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat Konġunt, jenħtieġ li l-Protokoll, kif emendat b’dik id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt, issa jkun magħruf bħala l-“Qafas ta’ Windsor”. Għalhekk, kull fejn rilevanti fin-negozjati bejn l-Unjoni u r-Renju Unit skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ, il-Protokoll, kif emendat bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 1/2023, b’mod konsistenti mar-rekwiżiti taċ-ċertezza legali, jibda jissejjaħ il-“Qafas ta’ Windsor”. Il-Protokoll, kif emendat bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 1/2023, jista’ jissejjaħ ukoll il-“Qafas ta’ Windsor” fil-liġi domestika tal-Unjoni u tar-Renju Unit.

(5)  It-terminu “proċedura li tinsab għaddejja” jirreferi għal proċeduri li ġew allokati numru tal-każ intern qabel tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni (ara l-Artikolu 92(3)(a) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ).

(6)  Ara rispettivament l-Artikoli 87(1) u (2) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.

(7)  Pereżempju, ċerti strumenti jipprevedu żieda fl-intensitajiet tal-għajnuna f’każ ta’ kooperazzjoni transfruntiera bejn l-Istati Membri tal-UE u / jew mal-Partijiet Kontraenti taż-ŻEE.

(8)  L-Artikolu 185 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.

(9)  L-Artikolu 18 tal-Qafas ta’ Windsor.

(10)  Għal spjegazzjoni dettaljata dwar liema kummerċ huwa kopert mill-Qafas ta’ Windsor, ara l-Artikoli minn 5 sa 9 tiegħu. Għall-fini ta’ dan l-Avviż, referenza għal oġġetti tinkludi s-suq tal-elettriku, kif xieraq.

(11)  Deċiżjoni Nru 5/2020 tal-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika tas-17 ta’ Diċembru 2020 li tiddetermina l-livell inizjali ta’ appoġġ annwali globali massimu eżentat u l-perċentwal minimu inizjali msemmija fl-Artikolu 10(2) tal-Protokoll dwar l-Irlanda / l-Irlanda ta’ Fuq għall-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 443, 30.12.2020, p. 13).

(12)  Ara l-Artikolu 12(4) tal-Qafas ta’ Windsor.

(13)  Għall-kunċett ta’ vantaġġ indirett, issir referenza għall-punti 115 u 116 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 262, 19.7.2016, p. 1).

(14)  Ir-Renju Unit jirrimborża d-dazji fuq oġġetti mdaħħla fl-Irlanda ta’ Fuq; ir-rinunzja (mir-Renju Unit) ta’ djun doganali għal oġġetti mdaħħla fl-Irlanda ta’ Fuq; l-istabbiliment (mir-Renju Unit) ta’ kundizzjonijiet li taħthom id-dazji doganali jiġu rimborżati fuq oġġetti “murija li ma daħlux fl-Unjoni”; u biex “isir kumpens lill-impriżi biex ipattu” għall-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (mir-Renju Unit).

(15)  L-Artikolu 5(6) tal-Qafas ta’ Windsor.


Top