Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023CN0166

    Kawża C-166/23, Nouryon Functional Chemicals: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Svea hovrätt (Mark- och miljööverdomstolen) (l-Isvezja) fis-17 ta’ Marzu 2023 – Naturvårdsverket vs Nouryon Functional Chemicals AB

    ĠU C 189, 30.5.2023, p. 23–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    30.5.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 189/23


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Svea hovrätt (Mark- och miljööverdomstolen) (l-Isvezja) fis-17 ta’ Marzu 2023 – Naturvårdsverket vs Nouryon Functional Chemicals AB

    (Kawża C-166/23, Nouryon Functional Chemicals)

    (2023/C 189/30)

    Lingwa tal-kawża: l-Isvediż

    Qorti tar-rinviju

    Svea hovrätt (Mark- och miljööverdomstolen)

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Appellant: Naturvårdsverket

    Appellat: Nouryon Functional Chemicals AB

    Domandi preliminari

    1)

    L-esklużjoni ta’ impjanti għall-inċinerazzjoni ta’ skart perikoluż prevista fil-punt 5 tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (1) – li tipprovdi li l-impjanti kollha tal-kombustjoni tal-karburanti għandhom jiddaħħlu fil-permess għall-emissjoni tal-gassijiet serra, bl-eċċezzjoni tal-impjanti għall-inċinerazzjoni ta’ skart perikoluż – tapplika għall-impjanti kollha għall-inċinerazzjoni ta’ skart perikoluż, jew għandu jkun hemm xi fattur għall-kwalifika sabiex din l-esklużjoni tapplika? Jekk tali fattur huwa meħtieġ, l-għan tal-impjant huwa determinanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-esklużjoni, jew fatturi oħra jistgħu wkoll ikunu rilevanti?

    2)

    Jekk l-għan tal-impjant huwa determinanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni, l-esklużjoni tapplika xorta għal impjant li jinċenera skart perikoluż iżda li l-għan prinċipali tiegħu huwa differenti minn tali inċinerazzjoni?

    3)

    Jekk l-esklużjoni tapplika biss għal impjant li l-għan prinċipali tiegħu huwa l-inċinerazzjoni ta’ skart perikoluż, skont liema kriterji għandu jiġi evalwat tali għan?

    4)

    Jekk, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni, huwa determinanti li jkun magħruf jekk l-impjant għandux jitqies li jagħmel parti integrali minn attività tal-impjant li teħtieġ permess b’applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87 – pereżempju bil-mod kif deskritt fit-Taqsima 3.3.3 tad-Dokument ta’ Gwida tal-Kummissjoni –, liema rekwiżiti għandhom jiġu stabbiliti sabiex l-impjant jitqies bħala parti integrali? Jista’ jintalab, pereżempju, li l-produzzjoni tkun impossibbli jew mhux awtorizzata mingħajr dan l-impjant (ara d-Dokument ta’ Gwida tal-Kummissjoni Ewropea, paġna 14, nota ta’ qiegħ il-paġna 14), jew huwa biżżejjed li l-impjant ikun teknikament konness mal-impjant u jirċievi skart perikoluż li joriġina minnu biss?


    (1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631.


    Top