Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023CN0161

    Kawża C-161/23, Lireva Investments et: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Satversmes tiesa (Latvja) fis-16 ta’ Marzu 2023 – VL, ZS, Lireva Investments Limited, VI, FORTRESS FINANCE Inc. vs Latvijas Republikas Saeima

    ĠU C 189, 30.5.2023, p. 20–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    30.5.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 189/20


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Satversmes tiesa (Latvja) fis-16 ta’ Marzu 2023 – VL, ZS, Lireva Investments Limited, VI, FORTRESS FINANCE Inc. vs Latvijas Republikas Saeima

    (Kawża C-161/23, Lireva Investments et)

    (2023/C 189/27)

    Lingwa tal-kawża: il-Latvjan

    Qorti tar-rinviju

    Satversmes tiesa

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Appellanti quddiem is-Satversmes tiesa: VL, ZS, Lireva Investments Limited, VI, FORTRESS FINANCE Inc.

    Konvenut: Latvijas Republikas Saeima

    Domandi preliminari

    1)

    Leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha qorti nazzjonali tiddeċiedi dwar il-konfiska ta’ beni miksuba illegalment fil-kuntest ta’ proċeduri separati relatati ma’ tali beni, li huma separati mill-proċeduri kriminali prinċipali, qabel ma tkun ġiet stabbilita l-eżistenza ta’ reat kriminali u qabel ma xi persuna tkun instabet ħatja ta’ dan ir-reat, u li tipprovdi wkoll għall-konfiska abbażi ta’ elementi misluta mill-proċess kriminali, tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad- Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-iffriżar u l-konfiska ta’ mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea (1), b’mod partikolari tal-Artikolu 4 tagħha, u tad- Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/212/ĠAI tal-24 ta’ Frar 2005 dwar il-Konfiska ta’ Rikavati, Mezzi Strumentali u Proprjetà Konnessi mal-Kriminalità (2), b’mod partikolari l-Artikolu 2 tagħha?

    2)

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-prova tal-oriġini illegali ta’ beni fil-kuntest ta’ proċeduri dwar beni miksuba illegalment, bħal dik stabbilita mid-dispożizzjonijiet ikkontestati, għandha titqies li hija kompatibbli mad-dritt għal smigħ xieraq stabbilit fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2014/42?

    3)

    Il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-qorti kostituzzjonali ta’ Stat Membru, adita b’rikors kostituzzjonali kontra leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżulta inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, tiddeċiedi li tapplika l-prinċipju ta’ ċertezza legali u li żżomm l-effetti legali ta’ din il-leġiżlazzjoni matul il-perijodu ta’ validità tagħha?


    (1)  ĠU 2014, L 127, p. 39, rettifika fil-ĠU 2014, L 138, p. 114

    (2)  ĠU 2006, L 159M, p. 223).


    Top