EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023AT40547(01)

Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta (Skont l-Artikoli 16 u 17 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta’ Ottubru 2011 dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 275, 20.10.2011, p. 29).) Il-Każ AT.40547 – Monomeru tal-Istiren (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) 2023/C 145/08

C/2022/8507

ĠU C 145, 27.4.2023, p. 11–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

27.4.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 145/11


Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta (1)

Il-Każ AT.40547 – Monomeru tal-Istiren

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2023/C 145/08)

L-abbozz ta’ deċiżjoni, indirizzat lil (a) INEOS Limited, INEOS Europe AG, INOVYN Enterprises Limited u INEOS Styrolution UK Limited (flimkien imsejħa “INEOS”), (b) Synthomer Deutschland GmbH, Synthomer (UK) Limited (2) u Synthomer plc (3) (flimkien imsejħa “Synthomer”), (c) Trinseo PLC (4) u Trinseo Europe GmbH (flimkien imsejħa “Trinseo”), (d) Synbra Holding B.V. u BEWI RAW B.V (5). (flimkien imsejħa “Synbra”), (e) O.N. Sunde AS u SUNPOR Kunststoff Gesellschaft m.b.H. (flimkien imsejħa “Sunpor”), u (f) Synthos S.A., Synthos Styrenics Services B.V. u Black Forest SICAV-SIF (flimkien imsejħa “Synthos”) (kollettivament, “the Parties”), tikkonċerna ksur wieħed u kontinwu tal-Artkolu 101 tat-TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“ŻEE”) fi ħdan iż-ŻEE kollha.

Il-ksur huwa deskritt bħala ftehim jew prattika miftiehma fejn il-parteċipanti kellhom skambji bilaterali u multilaterali ta’ informazzjoni sensittiva kummerċjali u relatata mal-prezzijiet u kkoordinaw l-imġiba tagħhom b’rabta ma’ element tal-prezz relatat max-xiri tal-monomeru tal-istiren, jiġifieri l-Prezz tal-Kuntratt ta’ kull Xahar ta’ Styrene jew “SMCP (Styrene Monthly Contract Price)”. Il-ksur seħħ mill-1 ta’ Mejju 2012 sat-30 ta’ Ġunju 2018.

Fis-17 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni bdiet proċeduri skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 773/2004 (6) kontra l-Partijiet (7).

Wara d-diskussjonijiet għar-riżolviment (8) u s-sottomossjonijiet għat-riżolviment (9) f’konformità mal-Artikolu 10a(2) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004, il-Kummissjoni adottat, fid-29 ta’ Settembru 2022, dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet (“id-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet”) indirizzata lill-Partijiet fit-30 ta’ Settembru 2022.

Fir-risposti rispettivi tagħhom għad-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet, il-Partijiet ikkonfermaw, f’konformità mal-Artikolu 10a(3) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 li d-Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet irriflettiet il-kontenut tas-sottomissjonijiet dwar ir-riżolviment tagħhom u li għalhekk baqgħu impenjati li jsegwu l-proċedura ta’ konċiljazzjoni.

F’konformità mal-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE, eżaminajt jekk l-abbozz ta’ deċiżjoni jittrattax biss l-oġġezzjonijiet li l-Partijiet ingħataw l-opportunità jesprimu l-fehmiet tagħhom dwarhom. Nikkonkludi li hekk hu.

Matul il-proċedimenti ta’ riżolviment, wieħed mill-predeċessuri tiegħi eżamina talba magħmula minn Sunpor lill-Uffiċjal tas-Seduta skont l-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni 2011/695/UE u l-paragrafu 18 tal-Avviż ta’ Riżolviment (10) fir-rigward tal-użu ta’ vidjokonferenzi għad-diskussjonijiet dwar ir-riżolviment matul il-pandemija tal-COVID-19. Huwa kkonkluda li tali użu f’dan il-każ ma kien jinvolvi l-ebda ksur tad-dritt ta’ Sunpor li tinstema’, id-dritt tad-difiża, id-dritt għal rappreżentanza legali, jew il-prinċipju ta’ trattament ugwali (11). Biex wasal għal dik il-konklużjoni, l-Uffiċjal tas-Seduta qies, b’mod partikolari, li la d-dritt għal smigħ, la l-prinċipju tar-rispett għad-drittijiet tad-difiża, u lanqas ir-Regolament (KE) Nru 773/2004, u lanqas l-Avviż ta’ Riżolviment ma jirrikjedu li l-laqgħat isiru fiżikament, li d-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni offra lill-partijiet kollha l-istess għażliet, u li huwa meħtieġ li jiġi evitat dewmien bla bżonn fit-tmexxija tal-proċedura amministrattiva.

Fid-dawl ta’ dan kollu ta’ hawn fuq, u b’kunsiderazzjoni tal-fatt li l-Partijiet ma indirizzawli l-ebda talba jew ilment oħra lill-Uffiċjal tas-Seduta, inqis li l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet proċedurali tal-Partijiet fil-proċedimenti ta’ dan il-każ ġie rrispettat.

Brussell, it-28 ta' Novembru 2022.

Eric GIPPINI FOURNIER


(1)  Skont l-Artikoli 16 u 17 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta’ Ottubru 2011 dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 275, 20.10.2011, p. 29).

(2)  Kienet qabel Synthomer Limited.

(3)  Kienet qabel Yule Catto & Co plc.

(4)  Trinseo PLC hija s-suċċessur ġuridiku u ekonomiku ta’ Trinseo S.A., il-kumpanija prinċipali aħħarija ta’ Trinseo Europe GmbH matul il-perjodu tal-ksur. Fit-8 ta’ Ottubru 2021, Trinseo S.A. ġiet amalgamata ma’ Trinseo PLC.

(5)  Qabel kienet BEWiSynbra RAW B.V. u qabel dan, Synbra Technology B.V.

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 123, 27.4.2004, p. 18).

(7)  Fir-rigward ta’ Trinseo, fis-17 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni bdiet proċedimenti skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 kontra Trinseo S.A. Permezz tad-Deċiżjoni adottata fis-26 ta’ Settembru 2022, il-Kummissjoni bdiet proċedimenti skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 kontra Trinseo PLC, bħala s-suċċessur ġuridiku u ekonomiku ta’ Trinseo S.A. (ara n-nota 4 f’qiegħ il-paġna).

(8)  Il-laqgħat għar-riżolviment saru bejn il-21 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2022.

(9)  Il-Partijiet issottomettew it-talbiet formali għal riżolviment bejn il- […]. B’mod partikolari, fi [...], Trinseo PLC irrikonoxxiet l-eżitu tal-laqgħat ta’ riżolviment li saru ma’ Trinseo S.A. u ppreżentat it-talba formali tagħha għal riżolviment.

(10)  Skont l-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni 2011/695/UE, il-partijiet fil-proċedimenti f’każijiet ta’ kartelli li jinvolvu ruħhom f’diskussjonijiet għar-riżolviment skont l-Artikolu 10a tar-Regolament (KE) Nru 773/2004, fi kwalunkwe stadju tal-proċedura għar-riżolviment jistgħu jitolbu mill-uffiċjal tas-seduta li l-eżerċitar effettiv tad-drittijiet proċedurali tagħhom ikun żgurat. Ara wkoll il-paragrafu 18 tal-Avviż tal-Kummissjoni 2008/C 167/01 dwar kif jitmexxew il-proċedimenti ta’ riżoluzzjoni f’kunsiderazzjoni tal-adozzjoni ta’ Deċiżjonijiet skont l-Artikolu 7 u l-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 għall-każijiet ta’ kartelli (ĠU C 167, 2,7.2008, p. 1).

(11)  Ittra tas-Sur Wouter Wils lil Sunpor tal-15 ta’ Ottubru 2020.


Top