Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023XC0209(02)

    Pubblikazzjoni ta’ komunikazzjoni ta’ approvazzjoni ta’ emenda standard għal Speċifikazzjoni tal-Prodott għal isem fis-settur tal-inbid kif imsemmi fl-Artikolu 17(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 2023/C 49/10

    PUB/2022/1493

    ĠU C 49, 9.2.2023, p. 13–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    9.2.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 49/13


    Pubblikazzjoni ta’ komunikazzjoni ta’ approvazzjoni ta’ emenda standard għal Speċifikazzjoni tal-Prodott għal isem fis-settur tal-inbid kif imsemmi fl-Artikolu 17(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33

    (2023/C 49/10)

    Din il-komunikazzjoni hija ppubblikata f’konformità mal-Artikolu 17(5) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 (1).

    KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD

    “Quarts de Chaume”

    PDO-FR-A0829-AM02

    Data tal-komunikazzjoni: 14.11.2022

    DESKRIZZJONI TAL-EMENDA APPROVATA U R-RAĠUNIJIET GĦALIHA

    1.   Kodiċi ġeografiku uffiċjali

    Il-muniċipalitajiet li jiffurmaw iż-żona ġeografika u ż-żona fil-viċinanza immedjata ġew aġġornati f’konformità mal-kodiċi ġeografiku uffiċjali.

    Iż-żona ġeografika demarkata nnifisha ma nbidlitx.

    Il-punti 6 u 9 tad-Dokument Uniku ġew emendati.

    2.   Distanza bejn id-dwieli

    Id-distanza minima bejn id-dwieli fl-istess flann tnaqqset minn 1 m għal 0,90 m.

    Dan jippermetti li d-densità tat-tħawwil tiżdied mingħajr ma tinbidel id-distanza bejn il-flannijiet.

    Żdiedet ukoll dispożizzjoni speċjali għad-dwieli li jinsabu fuq inklinazzjonijiet fejn il-gradjent huwa ogħla minn 10 %, li għalihom id-distanza minima awtorizzata bejn id-dwieli hija ta’ 0,80 m.

    Dan sabiex jitqies il-każ partikolari tad-dwieli li jitkabbru fuq inklinazzjonijiet weqfin, fejn it-tħawwil irid isir b’mod differenti (tħawwil parallel mal-inklinazzjoni minflok b’mod perpendikolari magħha).

    Il-punt 5 tad-Dokument Uniku ġie emendat.

    3.   Żbir

    Ir-regoli taż-żbir ġew armonizzati għad-denominazzjonijiet taż-żona Anjou Saumur fil-Wied tal-Loire.

    Dan sabiex jittejjeb l-għarfien tal-operaturi u jiġu ssimplifikati l-kontrolli. Din l-emenda tippermetti lill-vitikulturi jadattaw għall-ġlata li qiegħda sseħħ dejjem aktar tard fis-sena.

    Il-punt 5 tad-Dokument Uniku ġie emendat.

    4.   Sajran

    Il-qawwa alkoħolika naturali minima hija ta’ 18 %. Sabiex jitqiesu d-diffikultajiet tal-fermentazzjoni ta’ mostijiet li għandhom kontenut għoli ta’ zokkor, il-limitu għall-qawwa alkoħolika attwali skont il-volum tneħħa u l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ma għadhiex tistabbilixxi minimu.

    Il-punt 4 tad-Dokument Uniku ġie emendat.

    5.   Miżuri tranżizzjonali

    Tneħħew il-miżuri tranżizzjonali li ma għadhomx fis-seħħ.

    Id-Dokument Uniku ma ġiex emendat.

    6.   Tikkettar

    Ir-regoli tat-tikkettar għad-denominazzjonijiet taż-żona Anjou Saumur fil-wied tal-Loire ġew speċifikati u armonizzati ulterjorament. Din hija biss bidla editorjali.

    Il-punt 9 tad-Dokument Uniku ġie emendat.

    7.   Bidliet editorjali

    Sar ċertu ammont ta’ bidliet editorjali fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

    Dawn il-bidliet ma jirrikjedu l-ebda tibdil fid-Dokument Uniku.

    8.   Referenza għall-korp ta’ spezzjoni

    Ir-referenza għall-korp ta’ spezzjoni ġiet ifformulata mill-ġdid biex tiġi allinjata mal-formulazzjoni użata fi Speċifikazzjonijiet tal-Prodott oħrajn. Din hija biss bidla editorjali.

    Din il-bidla ma tirrikjedi l-ebda tibdil fid-Dokument Uniku.

    DOKUMENT UNIKU

    1.   Isem/ismijiet għar-reġistrazzjoni

    Quarts de Chaume

    2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

    DOP – Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta

    3.   Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli

    1.

    Inbid

    4.   Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed

    DESKRIZZJONI QASIRA

    L-inbejjed huma nbejjed bojod bla gass li ġejjin minn għeneb misjur iżżejjed u li l-karatteristiċi analitiċi ewlenin tagħhom huma dawn li ġejjin:

    L-inbejjed għandhom qawwa alkoħolika naturali minima skont il-volum ta’ 18 %.

    Wara l-fermentazzjoni, l-inbejjed ikollhom kontenut ta’ zokkor fermentabbli (glukożju u fruttożju) ta’ aktar minn 85 gramma għal kull litru.

    Il-kontenut ta’ aċidità totali u ta’ diossidu tal-kubrit totali huwa dak stabbilit fil-leġiżlazzjoni tal-UE.

    L-inbejjed huma nbejjed bojod ħelwin li ġejjin mill-varjetà tal-għenba Chenin B biss. L-inbejjed huma qawwija u fl-istess ħin delikati, b’aroma kumplessa ħafna u b’togħma li tiżvela armonija kbira bejn il-ħlewwa u l-freskezza, spiss enfasizzata minn ħjiel ta’ mrar. Il-kapaċità ta’ maturazzjoni tagħhom hija notevoli.

    Karatteristiċi analitiċi

    Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

     

    Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

     

    Aċidità totali minima

     

    Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

    25

    Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

     

    5.   Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid

    5.1.   Prattiki enoloġiċi speċifiċi

    1.

    Prattika enoloġika speċifika

    L-użu ta’ kontenitur li jilqa’ l-għeneb bl-iskrun, ta’ apparat li jgħaffeġ u jippompja l-għeneb jew ta’ pressa kontinwa huwa pprojbit.

    Kull teknika ta’ arrikkiment hija pprojbita. Kull trattament bis-sħana tal-ħsad b’temperatura ta’ inqas minn -5 °C huwa pprojbit. L-użu ta’ laqx tal-injam huwa pprojbit.

    L-inbejjed jitħallew jimmaturaw mill-inqas sal-1 ta’ Lulju tas-sena ta’ wara dik tal-ħsad.

    Minbarra d-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq, il-prattiki ta’ vinifikazzjoni għandhom jikkonformaw ukoll mar-rekwiżiti stabbiliti fil-livell tal-UE kif ukoll fil-Kodiċi Rurali u tas-Sajd Marittimu.

    2.   Densità

    Metodu tal-kultivazzjoni

    Id-densità minima tat-tħawwil tad-dwieli hija ta’ 5 000 dielja għal kull ettaru. Il-wisa’ bejn il-flannijiet tad-dwieli ma tistax tkun akbar minn 2 metri. Id-dwieli li jiffurmaw flann irid ikollhom wisa’ ta’ mill-anqas 0,90 m bejniethom.

    L-irqajja’ tal-vinji li jkollhom distanza bejn id-dwieli fl-istess flann ta’ inqas minn 0,90 m iżda mill-inqas 0,80 m, u meta l-gradjent ikun akbar minn 10 %, huma intitolati jużaw id-denominazzjoni ta’ oriġini reġistrata għall-ħsad tagħhom.

    3.   Żbir u tħarriġ tad-dwieli

    Metodu tal-kultivazzjoni

    Id-dwieli jinżabru (żbir li jħalli rimjiet twal, żbir li jħalli rimjiet qosra, jew żbir imħallat) sa mhux iktar minn 12-il rimja għal kull dielja.

    Fl-istadju tat-tkabbir fejn ikun hemm 11 jew 12-il werqa (għejun bil-fjuri separati), kull dielja ma jistax ikollha aktar minn 10 zkuk li jagħtu l-frott għas-sena.

    Il-faxxina fuq il-kannizzata trid tilħaq għoli ta’ mill-inqas 0,6 darbiet id-distanza bejn il-flannijiet. Dan l-għoli bħala d-distanza bejn it-tarf l-aktar baxx tal-faxxina (li għandu jkun mill-inqas 0,40 m ’il fuq mill-art), u l-ogħla tarf tal-friegħi miżbura (li għandu jkun mill-inqas 0,20 m ’il fuq mill-ogħla fil tal-kannizzata).

    4.   Irrigazzjoni

    Metodu tal-kultivazzjoni

    L-irrigazzjoni ma hijiex permessa.

    5.   Ħsad

    Metodu tal-kultivazzjoni

    L-inbejjed isiru minn għeneb li jinqata’ tard.

    L-għeneb jinqata’ bl-idejn, b’mod li dawk li jaqtgħuh jgħaddu mill-vinja bosta drabi.

    6.   Trasport tal-ħsad

    Metodu tal-kultivazzjoni

    L-użu ta’ trasportaturi tal-għeneb li jiżvojtjaw waħidhom bl-iskrun jew bil-pompa bil-paletti, huwa pprojbit.

    Fil-kontenituri użati għat-trasport tal-ħsad, l-għeneb ma jistax jiġi stivat f’għoli ta’ aktar minn metru.

    5.2.   Rendimenti massimi

    1.

    25 ettolitru għal kull ettaru

    6.   Definizzjoni taż-żona demarkata

    Il-passi kollha tal-produzzjoni jridu jsiru fiż-żona ġeografika li tħaddan it-territorju tal-muniċipalità li ġejja fid-département ta’ Maine-et-Loire, abbażi tal-kodiċi ġeografiku uffiċjali tal-2021: Rochefort-sur-Loire.

    7.   Varjetà jew varjetajiet tad-dwieli li minnhom jinkiseb l-inbid / jinkisbu l-inbejjed

    Chenin B

    8.   Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet

    8.1.

    (a)   Deskrizzjoni tal-fatturi naturali rilevanti għar-rabta

    Iż-żona ġeografika, li tinsab fil-qalba ta’ Anjou, hija maqsuma minn inklinazzjoni wieqfa mifruxa fid-direzzjoni mil-Lvant għall-Punent fuq ix-xmara Layon. Iż-żona tinsab kollha fit-territorju tal-muniċipalità ta’ Rochefort-sur-Loire. L-irqajja’ art demarkati speċifikament għall-ħsad tal-għeneb jokkupaw madwar 40 ettaru fil-qiegħ ta’ dik l-inklinazzjoni wieqfa, u jiffaċċjaw in-Nofsinhar. Dawn jinsabu fl-aktar partijiet baxxi tal-inklinazzjoni, f’liwja fil-Layon, li jħarsu fuqha, f’altitudni ta’ bejn 25 m u 75 m.

    Il-blat tal-wiċċ tal-irqajja’ demarkati huwa essenzjalment schist Brioverjan – waħda mill-karatteristiċi li jiddefinixxu s-sit, peress li l-blat minn dan l-istadju ġeoloġiku, għalkemm huwa mifrux fuq ix-xatt tax-xellug tal-Layon, jinsab biss f'ċerti postijiet iżolati fuq ix-xatt tal-lemin. Fil-porzjon elevat taż-żona tar-rogħa demarkata nsibu depożiti lokalizzati ta’ puddingstone (konglomerati ta’ ċagħaq b’erożjoni qawwija li ġej mix-xmajjar). Il-ħamrija nnifisha wkoll hija soġġetta għal erożjoni qawwija, sal-punt li tgħawret ħafna, tant li l-blat tal-wiċċ spiss ikun mikxuf, iżda l-vinji jitħawlu l-aktar f’ħamrija taflija u rqiqa ħafna. Din il-ħamrija baxxa ħafna għandha kapaċità limitata ferm ta’ ilma disponibbli, u l-art inklinata tipprovdilha skular eċċellenti.

    Iż-żona għandha klima oċeanika distintiva b’mod sottili, bħal dik taż-żona demarkata għad-denominazzjoni ta’ oriġini reġistrata Coteaux de Layon. Din tibbenifika minn effett ta’ foehn u hija protetta mill-umdità tal-oċean permezz tat-terran ogħla tal-medda ta’ muntanji ta’ Mauges fil-Punent. B’riżultat ta’ dan, il-preċipitazzjoni annwali hija ta’ madwar 600 mm, filwaqt li fil-Mauges hija ta’ 800 mm. Il-wied żgħir ta’ Bézigon, li ġie ffurmat minħabba liwja fix-xmara Layon, jiffavorixxi l-okkorrenza ta’ ċpar filgħodu li jaħbi d-dwieli sa tard filgħodu matul il-ħarifa. Dan l-ambjent għandu kenn mill-irjieħ mit-Tramuntana, mil-Lvant u mill-Punent u jirċievi sigħat twal ta’ dawl tax-xemx, li jippermettu lill-ħamrija biż-żrar biex tisħon matul ir-rebbiegħa. Il-ballut li dejjem iħaddar li jinsab tul l-inklinazzjoni, flimkien mas-siġar tal-mimosa u tal-lewż, jipprovdu l-aktar espressjoni sabiħa tad-douceur angevine mitika.

    (b)   Deskrizzjoni tal-fatturi umani rilevanti għar-rabta

    L-isem ta’ din il-vinja ġej minn użanza antika. Fl-1028, Fulk III, il-Konti ta’ Anjou, ħalla b’wirt proprjetà li tinsab fil-muniċipalità ta’ Rochefort-sur-Loire lill-Abbaye du Ronceray d’Angers. Is-sorijiet ta’ din l-abbazija, li kienu konxji mill-valur tas-sit, kienu kapaċi jagħmlu l-aħjar użu minnha. B’hekk, fis-seklu 15, in-nobbli ta’ La Guerche, l-inkwilini tat-Tènement de Chaume, kienu jħallsu lis-sorijiet “bl-aħjar kwart tal-għelejjel kollha fuq il-maqlub tan-naħa li tiffaċċja n-Nofsinhar”. L-użu kontinwu ta’ din l-art mill-abbazija ta’ Ronceray ippermetta l-konservazzjoni ta’ għadd ta’ dokumenti li jirreferu għall-inbejjed prodotti fit-Tènement de Chaume, kif tixhed notifika tat-23 ta’ Settembru 1674 biex tiġi stabbilita d-data għall-bidu tal-ħsad. Fis-sekli 17 u 18, l-inbejjed Quarts de Chaume kienu mfittxija ħafna mill-uffiċjali tal-inbid Netherlandiżi li għalihom il-vinja tax-xtut ta’ Layon saret il-fornitur primarju tagħhom.

    Wara r-rivoluzzjoni Franċiża, iċ-ċittadini ordinarji setgħu jixtru proprjetà fiż-żona ġeografika. Il-vinja ġiet ristrutturata u mqassma bejn diversi proprjetajiet. Is-sidien il-ġodda stinkaw biex itejbu l-kwalità tal-inbejjed prodotti. Fil-bidu tas-seklu 20, is-Sur Mignot, is-sid tax-Château de Bellerive, ikkritika ripetutament il-prattika taż-żbir fit-tul għall-varjetà ta’ dwieli Chenin B, minħabba l-effetti negattivi tagħha.

    Il-vitikulturi malajr fehmu l-benefiċċji tal-ħsad ta’ din il-varjetà ta’ dwieli fi stadju avvanzat ta’ sajran u tal-użu ta’ ċerti metodi speċifiċi ta’ ħsad. Fi Traité des cépages (1845), il-Konti Odart argumenta “Il-ħsad ma għandux isir qabel l-għeneb ikun sar sew, bħall-kundizzjoni li jilħaq fi żmien il-festa tal-Qaddisin Kollha, meta l-qoxra, wara li tirtab bix-xita, tibda tiswied”. Għalhekk, is-sajran eċċessiv kien waħda mill-kundizzjonijiet essenzjali għall-ħsad li kienu jsegwu l-vitikulturi. F’Topographie de tous les vignobles connus (1816), André Jullien qal li: “Fil-vinji t-tajbin, dawk li jaqtgħu l-għeneb jgħaddu mill-vinja diversi drabi; l-għeneb li jinqata’ fl-ewwel darbtejn jintuża biss għall-inbejjed l-aktar misjura, li jipprovdu l-inbejjed biex jintbagħtu barra, u l-għeneb mit-tielet darba jintuża biex isiru nbejjed għall-konsum lokali”.

    Il-Quarts de Chaume ġie rikonoxxut bħala denominazzjoni ta’ oriġini reġistrata bid-digriet tal-10 ta’ Awwissu 1954, li jirrifletti l-istorja taż-żona u l-interess għall-kwalità u l-awtentiċità li mmotivaw lill-vitikulturi minn ġenerazzjoni għal oħra.

    8.2.

    2.   Informazzjoni dwar il-kwalità u l-karatteristiċi tal-prodott

    L-inbejjed bid-denominazzjoni ta’ oriġini reġistrata Quarts de Chaume huma nbejjed bojod ħelwin prodotti esklużivament mill-varjetà ta’ dwieli Chenin B. L-inbejjed huma qawwija u fl-istess ħin delikati, b’aroma kumplessa ħafna u b’togħma li tiżvela armonija kbira bejn il-ħlewwa u l-freskezza, spiss enfasizzata minn ħjiel ta’ mrar. Il-kapaċità ta’ maturazzjoni tagħhom hija notevoli.

    3.   Interazzjonijiet kawżali

    Il-klima oċeanika b’influwenza min-Nofsinhar, flimkien mat-topografija speċjalment favorevoli, il-pożizzjoni esposta b’mod uniku fil-qiegħ tal-inklinazzjoni u l-ħamrija baxxa biż-żrar iffurmata mill-erożjoni tal-formazzjonijiet tal-ischist Brijoverjan, huma l-fatturi li flimkien jagħmlu dan is-sit lokalità perfetta għall-produzzjoni ta’ nbejjed ta’ kwalità. Ix-Chenin B, varjetà ta’ dwieli nattiva, tista’ tiffjorixxi hawn u tikseb il-potenzjal sħiħ tagħha, li tesprimi lilha nnifisha bi grad singolari ta’ saħħa u eleganza. Ġestiti bl-għan li jipproduċu rendimenti żgħar, il-vitikulturi jagħtu attenzjoni kbira lid-dwieli.

    Iż-żona taf in-natura singolari tagħha bis-saħħa tal-lokalità tagħha, moħbija f’liwja tax-xmara Layon. Iċ-ċpar ta’ kmieni filgħodu tal-ħarifa jħalli qtar żgħar tal-ilma fuq il-qxur tal-għeneb li jkun sar kompletament, u dan jiffavorixxi infezzjoni b’Botrytis cinerea. Dan il-fungus li huwa responsabbli għat-taħsir nobbli, jinfirex fuq l-għenieqed lewn id-deheb taħt is-sħana tax-xemx, u dan iżid il-konċentrazzjoni taz-zokkor tal-għeneb u jippermettilu jiżviluppa kumplessità aromatika akbar. Xi drabi, matul il-ħarifa aktar xotta, il-konċentrazzjoni tinkiseb permezz tat-tqaddid (tnixxif tal-għeneb), li jsir purament permezz tal-azzjoni tar-riħ u tas-sħana. L-għeneb imbagħad jinqata’ b’mod naturali, bi tries (selezzjonijiet) suċċessivi li jsiru għal kull roqgħa art. Il-kontenut ta’ zokkor minimu meħtieġ huwa ta’ 298 g għal kull litru.

    Fost il-vinji ta’ Anjou, maż-żmien tfaċċaw diversi siti li regolarment jipproduċu nbejjed eċċellenti, bħall-Quarts de Chaume. Dawn jinsabu fil-qalba tal-aħjar lokalitajiet, b’kundizzjonijiet topografiċi, tal-ħamrija u klimatiċi ottimali. Dawn ġew identifikati u msemmija sekli ilu u kemm il-vinji kif ukoll il-kantini tal-inbid jirċievu attenzjoni u dedikazzjoni kbira mill-vitikulturi. Sena wara l-oħra, jipproduċu nbejjed oriġinali li ddominaw il-klassifikazzjonijiet tal-inbid ta’ Anjou għal sekli taħt il-klassifikazzjoni cru. Sa mis-seklu 15, l-inbid mit-Tènement de Chaume rċieva attenzjoni speċjali. Għall-bidu l-fama tiegħu kienet biss waħda lokali, u dan jintwera mill-attenzjoni li rċieva mill-badessa u mis-sorijiet ta’ Ronceray, u mir-rakkont li ġej tal-kappillan ta’ Rochefort fis-snin sittin, li semmieh b’ismu meta talab dak li kien dovut lilu: “bettija sħiħa ta’ nbid Chaulme, li għandha tingħata lili mis-Sur de la Guerche mid-dsatax li jiġbor mill-isemmi Chaulme”.

    Il-firxa tal-fama u tar-reputazzjoni tal-inbejjed ġiet megħjuna ferm mix-xmara Layon, li serviet bħala awtostrada għan-navigazzjoni u għall-kummerċ. Kien permezz tax-xmara Layon li, lejn l-aħħar tas-seklu 18, il-kummerċjanti Netherlandiżi setgħu jżuru ż-żona u jixtru l-inbejjed Quarts de Chaume, li kienu jifilħu sew it-trasport bil-baħar. Fis-seklu 19, bosta kitbiet faħħru dawn l-inbejjed. Dawn jissemmew fl-edizzjoni Franċiża A New Geographical, Historical, and Commercial Grammar mill-ġeografu Skoċċiż William Guthrie (1708-1770), ippubblikata fl-1802, u fil-ktieb L’Anjou, ses vignes et ses vins (1925) Paul Maisonneuve sejħilhom “il-perliet tal-Layon”.

    L-inbejjed immaturaw fuq perjodu ta’ diversi xhur, u dan ippermettielhom jiżviluppaw kwalitajiet ta’ żamma eċċellenti kif ukoll li jtejbu l-kumplessità aromatika tagħhom. L-istatus grand cru li akkwistaw jirrifletti l-prattiki u t-tekniki eċċellenti tal-vitikulturi involuti fil-produzzjoni ta’ dawn l-inbejjed, kif ukoll il-fama storika tagħhom li żviluppat u ġiet konsolidata għal bosta ġenerazzjonijiet.

    9.   Rekwiżiti oħra applikabbli (ippakkjar, tikkettar, rekwiżiti addizzjonali)

    Żona fil-viċinanza immedjata

    Qafas ġuridiku

    Il-leġiżlazzjoni tal-UE

    Tip ta’ rekwiżit addizzjonali

    Deroga dwar il-produzzjoni fiż-żona ġeografika demarkata

    Deskrizzjoni tar-rekwiżit

    Iż-żona fil-viċinanza immedjata, li fiha l-vinifikazzjoni u l-iżvilupp u l-maturazzjoni tal-inbejjed jistgħu jsiru b’deroga, tinkludi l-muniċipalitajiet li ġejjin fid-département ta’ Maine-et-Loire, abbażi tal-kodiċi ġeografiku uffiċjali tal-2021: Aubigné-sur-Layon, Beaulieu-sur-Layon, Bellevigne-en-Layon, Brissac Loire Aubance (il-muniċipalitajiet delegati ta’ Brissac-Quincé u Vauchrétien biss), Chalonnes-surLoire, Chaudefonds-sur-Layon, Chemillé-en-Anjou (il-muniċipalità delegata ta’ Chanzeaux biss), Denée, Doué-en-Anjou (il-muniċipalitajiet delegati ta’ Brigné u Les Verchers-sur-Layon biss), Mauges-sur-Loire (il-muniċipalitajiet delegati ta’ Montjean-sur-Loire u La Pommeraye biss), Mozé-sur-Louet, Savennières, Soulaines-sur-Aubance, Terranjou (il-muniċipalitajiet delegati ta’ Chavagnes u Notre-Dame-d’Allençon biss) u Val-du-Layon.

    Tikkettar

    Qafas ġuridiku

    Leġiżlazzjoni nazzjonali

    Tip ta’ rekwiżit addizzjonali

    Dispożizzjonijiet addizzjonali relatati mat-tikkettar

    Deskrizzjoni tar-rekwiżit

    It-termini fakultattivi kollha li l-użu tagħhom jista’, skont ir-regoli tal-UE, jiġi rregolat mill-Istati Membri, għandhom jiġu stampati fuq it-tikketti, b’ittri li d-daqs tagħhom ma jkunx akbar, fl-għoli, fil-wisa’ u fil-ħxuna, mid-doppju tad-daqs tal-ittri li jiffurmaw l-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini reġistrata.

    Id-denominazzjoni ta’ oriġini reġistrata tista’ tiġi ssupplimentata mit-terminu tradizzjonali grand cru f’konformità mar-regoli stabbiliti fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

    L-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini reġistrata jista’ jkun issupplimentat bl-isem ġeografiku “Val de Loire” f’konformità mar-regoli stabbiliti fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott fir-rigward tal-użu ta’ dak l-isem. L-isem ġeografiku “Val de Loire” għandu jkun stampat b’ittri li d-daqs tagħhom ma jkunx akbar, kemm mill-għoli kif ukoll mill-wisa’, minn żewġ terzi tad-daqs tal-ittri li jiffurmaw l-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini reġistrata.

    L-isem ta’ unità ġeografika iżgħar jista’ jidher fuq it-tikketti tal-inbejjed koperti mid-denominazzjoni ta’ oriġini reġistrata, diment li:

    ikun post irreġistrat;

    u jidher fuq id-dikjarazzjoni tal-ħsad.

    L-isem tal-post irreġistrat għandu jkun stampat b’ittri li d-daqs tagħhom ma jkunx akbar, kemm mill-għoli kif ukoll mill-wisa’, minn nofs id-daqs tal-ittri li jiffurmaw l-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini reġistrata.

    Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott

    https://info.agriculture.gouv.fr/gedei/site/bo-agri/document_administratif-f1846582-d0b3-45b0-89bc-e063ecf4008c


    (1)  ĠU L 9, 11.1.2019, p. 2.


    Top