EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CN0678

Kawża C-678/22: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Rejonowy dla Krakowa – Podgórza w Krakowie (il-Polonja) fit-3 ta’ Novembru 2022 – Profi Credit Polska S.A. vs G.N.

ĠU C 35, 30.1.2023, p. 33–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

30.1.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 35/33


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Rejonowy dla Krakowa – Podgórza w Krakowie (il-Polonja) fit-3 ta’ Novembru 2022 – Profi Credit Polska S.A. vs G.N.

(Kawża C-678/22)

(2023/C 35/39)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Rejonowy dla Krakowa – Podgórza w Krakowie

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Profi Credit Polska S.A.

Konvenuta: G.N.

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 10(2)(f) moqri flimkien mal-Artikolu 3(j) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (1), fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni u tal-iskop ta’ din id-direttiva kif ukoll fid-dawl tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 3(1) u (2) u tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (2), għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-prattika li jiġu inklużi, fil-kuntratti ta’ kreditu lill-konsumaturi li l-kontenut tagħhom ma jirriżultax minn negozjar individwali bejn il-bejjiegħ jew il-fornitur (min jislef) u l-konsumatur (min jissellef), klawżoli li jipprevedu l-applikazzjoni ta’ rata ta’ interessi mhux biss fuq l-ammont imħallas lill-konsumatur, iżda wkoll fuq l-ispejjeż barra mill-interessi tal-kreditu (jiġifieri l-kummissjonijiet jew spejjeż oħra li ma humiex elementi tal-ammont tal-kreditu mħallas lill-konsumatur, iżda li jikkostitwixxu l-ammont totali dovut mill-konsumatur fl-eżekuzzjoni tal-obbligu tiegħu skont il-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum)?

2)

L-Artikolu 10(2)(f) u (g) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008. L 133, p. 66 u rettifiki fil-ĠU 2009, L 207, p. 14, ĠU 2010, L 199, p. 40ĠU 2011, L 234, p. 46), fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni u tal-iskop ta’ din id-direttiva kif ukoll fid-dawl tal-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15 Vol. 2, p. 288), għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-prattika li jiġu inklużi fil-kuntratti ta’ kreditu lill-konsumaturi li l-kontenut tagħhom ma jirriżultax minn negozjar individwali bejn il-bejjiegħ jew il-fornitur (min jislef) u l-konsumatur (min jissellef), klawżoli li jindikaw biss ir-rata ta’ debitu tal-kreditu u l-valur totali miżjuda b’interessi kapitalizzati, li l-konsumatur huwa obbligat iħallas b’eżekuzzjoni tal-obbligu tiegħu skont il-kuntratt, mingħajr ma wkoll jinforma espressament lill-konsumatur li l-bażi ta’ kalkolu tal-interessi kapitalizzati (miżjuda) hija ammont differenti mill-ammont tal-kreditu effettivament imħallas lill-konsumatur u, b’mod partikolari, li din hija s-somma tal-ammont tal-kreditu mħallas lill-konsumatur u l-ispejjeż barra mill-interessi ta’ kreditu (jiġifieri l-kummissjonijiet jew spejjeż oħra li ma humiex elementi tal-ammont tal-kreditu mħallas lill-konsumatur, iżda li jikkostitwixxu l-ammont totali dovut mill-konsumatur fl-eżekuzzjoni tal-obbligu tiegħu skont il-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum)?


(1)  ĠU 2008, L 133, p. 66 u rettifiki ĠU 2009, L 207, p. 14, ĠU 2010, L 199, p. 40ĠU 2011, L 234, p. 46.

(2)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15 Vol. 2, p. 288.


Top