EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022TN0644

Kawża T-644/22: Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Ottubru 2022 – SE u SF vs Il-Kunsill

ĠU C 472, 12.12.2022, p. 44–45 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 472/44


Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Ottubru 2022 – SE u SF vs Il-Kunsill

(Kawża T-644/22)

(2022/C 472/51)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: SE, SF (rappreżentanti: S. Bonifassi, E. Fedorova, T. Bontinck, A. Guillerme u L. Burguin, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-Regolament (UE) 2022/1273 (1) sa fejn dan jimmodifika l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) 269/2014 (2) u joħloq obbligu ta’ rrappurtar għar-rikorrenti;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq li l-Kunsill eċċeda l-kompetenza tiegħu dwar miżuri restrittivi. Skont ir-rikorrenti, l-obbligu ta’ rrappurtar ma huwiex miżura neċessarja sabiex jimplimenta d-Deċiżjoni 2014/145/PESK (3) u għalhekk din id-dispożizzjoni tidħol fuq il-kompetenzi tal-Istati Membri sabiex jimplimentaw il-miżuri restrittivi. Barra minn hekk, il-Kunsill ma kienx kompetenti sabiex joħloq u jiddefinixxi, waħdu, ksur ta’ obbligu ta’ rappurtar li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ miżura restrittiva, u lanqas sabiex jarmonizza s-sanzjonijiet li jippenalizzaw dan il-ksur.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq abbuż ta’ poter, peress li l-obbligu ta’ rrappurtar impost f’terminu strett, flimkien mal-obbligu impost fuq l-Istati Membri li jissanzjonaw in-nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmi obbligu permezz ta’ reġim ta’ sanzjonijiet li tikkonsisti b’mod partikolari f’konfiski, ġiet adottata bl-għan esklużiv jew, għall-inqas, deċiżiv li jintlaħaq għan differenti minn dak iddikjarat.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għar-raġuni li l-obbligu ta’ dikjarazzjoni ma kienx meħtieġ u li l-konsegwenzi marbuta man-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ dikjarazzjoni huma għaldaqstant sproporzjonati fid-dawl tal-għan segwit mir-regolament.

4.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, għar-raġuni li l-Artikolu 1(4) tar-regolament ikkontestat la huwa ċar u lanqas preċiż u li l-applikazzjoni tiegħu ma hijiex prevedibbli.


(1)  Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1273 tal-21 ta’ Lulju 2022 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 194, p. 1).

(2)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 tas-17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 6, rettifika fil-ĠU 2014, L 294, p. 64).

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK tas-17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 16).


Top