EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022TN0577

Kawża T-577/22: Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Settembru 2022 – ClientEarth vs Il-Kunsill

ĠU C 472, 12.12.2022, p. 42–43 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 472/42


Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Settembru 2022 – ClientEarth vs Il-Kunsill

(Kawża T-577/22)

(2022/C 472/49)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: ClientEarth AISBL (Brussell, il-Belġju) (rappreżentant: C. Ziegler, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddatata l-5 ta’ Lulju 2022 (SGS 22/00149) f’relazzjoni mat-talba għal eżami mill-ġdid intern taħt it-Titolu IV tar-Regolament Aarhus f’relazzjoni mar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/109 tas-27 ta’ Jannar 2022 li jistabbilixxi għall-2022 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni (ĠU 2022, L 21, p. 1), u

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk inkorsi mir-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni ta’ żbalji manifesti ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-portata tal-aċċess għad-drittijiet ta’ reviżjoni tar-rikorrent taħt ir-Regolament Aarhus, għaliex il-Kunsill:

irrifjuta li jirrevedi l-qabda totali permissibbli (iktar ’il quddiem “TAC”) provviżorja li sussegwentement ġiet issostitwita f’TACs UE/UK finali, minkejja li r-rikorrenti għad għandha interess fir-reviżjoni tagħhom; u

ikkonstata li l-motivi tar-rikorrenti li l-Kunsill ma kellux kompetenza u uża l-poteri tiegħu b’mod ħażin meta adotta r-Regolament dwar it-TAC kienu inammissibbli għaliex kienu jaqgħu ’l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament Aarhus.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni ta’ żbalji manifesti ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-elementi essenzjali ta’ liġi sekondarja u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompetenza tal-Kunsill li jistabbilixxi TACs taħt l-Artikolu 43(3) TFUE, għaliex il-Kunsill wettaq:

żbalji manifesti ta’ liġi fir-rigward tal-marġni ta’ diskrezzjoni li huwa għandu li jistabbilixxi opportunitajiet ta’ sajd; u

żbalji manifesti ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-limiti tal-kompetenza tiegħu taħt l-Artikolu 43(3) TFUE.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-obbligi tal-Kunsill li:

ma jeċċedix ir-rata ta’ sfruttament tar-rendiment massimu sostenibbli (iktar ’il quddiem “MSY”) għall-2020 għall-istokkijiet kollha, kif meħtieġ mill-Artikolu 2(2) tar-Regolament Bażiku dwar l-Politika Komuni tas-Sajd (iktar ’il quddiem il-“PKS”);

jimplimenta l-approċċ ta’ prekawzjoni, kif meħtieġ mill-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 2(2), il-punt 8 tal-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 9(2) tar-Regolament bażiku dwar il-PKS, u strettament limitat mill-Għan MSY;

jimplimenta approċċ ibbażat fuq l-ekosistema kif meħtieġ mill-Artikolu 2(3) tar-Regolament Bażiku dwar il-PKS.

4.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-użu ħażin ta’ poter imwettaq mill-Kunsill meta adotta r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/109 tas-27 ta’ Jannar 2022 li jistabbilixxi għall-2022 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni (ĠU 2022, L 21, p. 1).


Top