EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CN0332

Kawża C-332/22: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo n°17 de Barcelona (Spanja) fid-19 ta’ Mejju 2022 – HM, VD vs Generalitat de Catalunya

ĠU C 472, 12.12.2022, p. 26–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 472/26


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no17 de Barcelona (Spanja) fid-19 ta’ Mejju 2022 – HM, VD vs Generalitat de Catalunya

(Kawża C-332/22)

(2022/C 472/31)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no17 de Barcelona

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: HM, VD

Konvenut: Generalitat de Catalunya

Domandi preliminari

L-EWWEL DOMANDA: Il-miżuri stabbiliti fis-[sentenzi tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja)] Nri 1425/2018 u 1426/2018 tas-26 ta’ Settembru 2018, li l-pożizzjoni tagħha għadha ma nbidlitx sal-lum (30 ta’ Novembru 2021), li jikkonsistu f’li l-ħaddiem tas-settur pubbliku vittma ta’ abbuż jinżamm fl-istess skema ta’ prekarjetà abbużiva fl-impjieg sakemm l-amministrazzjoni li timpjegah tiddetermina jekk teżistix neċessità strutturali u tniedi l-proċeduri ta’ selezzjoni korrispondenti sabiex timla l-pożizzjoni b’ħaddiema tas-settur pubbliku għal żmien indeterminat jew minn uffiċjal, huma miżuri konformi mar-rekwiżiti ta’ sanzjoni tal-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas anness mad-Direttiva 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (1)?

Jew, għall-kuntrarju, dawn il-miżuri jipperpetwaw il-prekarjetà u l-assenza ta’ protezzjoni sakemm l-amministrazzjoni li timpjega tiddeċiedi b’mod aleatorju li tniedi proċedura ta’ selezzjoni sabiex timla l-pożizzjoni tiegħu b’ħaddiem għal żmien indeterminat, li l-eżitu tagħha huwa inċert għaliex dawn il-proċeduri huma miftuħa wkoll għall-kandidati li ma kinux vittmi ta’ tali abbużi, b’tali mod li dawn il-miżuri ma jistgħux jitqiesu bħala miżuri ta’ sanzjoni dissważivi għall-finijiet tal-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas, u lanqas li jiżguraw l-osservanza tal-għanijiet tiegħu?

IT-TIENI DOMANDA: Meta qorti nazzjonali, li tkun qiegħda tosserva l-obbligu tagħha li tissanzjona, fil-każijiet kollha, l-abbuż ikkonstatat (liema sanzjoni hija “indispensabbli” u “immedjata”), tasal għall-konklużjoni li l-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi ma jippermettix li tiġi żgurata l-effettività tad-Direttiva mingħajr ma twettaq interpretazzjoni “contra lege[m]” tad-dritt intern, preċiżament għaliex id-dritt intern tal-Istat Membru ma inkluda ebda miżura ta’ sanzjoni sabiex jimplimenta l-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas fis-settur pubbliku; Din il-qorti għandha tapplika l-kunsiderazzjonijiet żviluppati fis-sentenzi tas-17 ta’ April 2018, Egenberger (2), jew tal-15 ta’ April 2008, Impact (3), b’tali mod li l-Artikoli 21 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jkunu jippermettu li d-dispożizzjonijiet tad-dritt intern li jipprekludu li tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-Direttiva 1999/70/KE jiġu mwarrba, anki jekk dawn huma ta’ livell kostituzzjonali?

Konsegwentement, din il-qorti għandha tbiddel ir-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat ta’ natura abbużiva f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat, identika jew paragunabbli ma’ dik tal-uffiċjali permanenti paragunabbli, billi tagħti lill-vittma tal-abbuż l-istabbiltà tal-impjieg, sabiex jiġi evitat li dan l-abbuż jibqa’ mhux issanzjonat u li jiġu ppreġudikati l-għanijiet u l-effettività tal-imsemmija klawżola 5 tal-Ftehim Qafas, u dan anki jekk din il-bidla hija pprojbita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew mill-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), jew tista’ tkun kuntrarja għall-Kostituzzjoni Spanjola?

IT-TIELET DOMANDA: Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenzi tagħha tal-25 ta’ Ottubru 2018, Sciotto (4), u tat-13 ta’ Jannar 2022, MIUR u Ufficio Scolastico Regionale per la Campania (5), li l-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi lil ċerti ħaddiema tas-settur pubbliku mill-applikazzjoni tar-regoli li jissanzjonaw l-użu abbużiv tal-kuntratti għal żmien determinat suċċessivi, meta ma teżisti ebda miżura oħra effettiva fl-ordinament ġuridiku intern li tissanzjona l-imsemmi użu abbużiv, u fil-leġiżlazzjoni Spanjola ma teżisti ebda miżura sabiex tissanzjona l-abbuż fis-settur pubbliku applikabbli għall-persunal impjegat fil-kuntest ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi.

L-applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-prinċipju tal-Unjoni ta’ ekwivalenza timponi l-obbligu li l-ħaddiema tas-settur pubbliku għal żmien determinat vittmi ta’ abbuż jiġu mibdula f’ħaddiema tas-settur pubbliku għal żmien indeterminat jew f’uffiċjali, billi jiġu suġġetti għall-istess raġunijiet ta’ xoljiment u ta’ tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol bħal dawk applikabbli għal dawn tal-aħħar, sa fejn, fis-settur privat, l-Artikolu 15 tal-Estatuto de los Trabajadores (l-Istatut tal-Ħaddiema) jimponi l-obbligu li l-ħaddiema għal żmien determinat impjegati b’mod kontinwu mill-istess persuna li timpjega għal iktar minn 24 xahar fuq perijodu ta’ 30 xahar jiġu mibdula f’ħaddiema għal żmien indeterminat, u fejn l-Artikolu 83(3) tal-Liġi 40/2015 dwar is-Settur Pubbliku, fit-tfassil tagħha wara l-Ley 11/2020, de presupuestos generales del Estado para 2021 (il-Liġi 11/2020 li tistabbilixxi l-Baġit Ġenerali tal-Istat għall-2021), jippermetti, skont id-dritt nazzjonali, li l-ħaddiema privati ta’ impriżi u ta’ entitajiet li jgħaddu għas-settur pubbliku jistgħu jissodisfaw l-istess funzjonijiet bħall-uffiċjali, fil-kwalità ta’ ħaddiem f’pożizzjoni “residwa li għandha titneħħa” (imsejħa “a extinguir”) u billi barra minn hekk ikunu suġġetti għall-istess raġunijiet ta’ xoljiment bħal dawn tal-aħħar?

IR-RABA’ DOMANDA: Fid-dawl tal-fatt li l-kundizzjonijiet dwar it-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol u l-kundizzjonijiet ta’ xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol jagħmlu parti mill-“kondizzjonijiet ta’ l-impjieg” imsemmija fil-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas, skont is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik (6), punti 27 u 29, u tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras (7), punti 30 u 31),

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għad-domanda preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tiddetermina jekk, il-fatt li l-impjieg tal-membri tal-persunal tas-settur pubbliku għal żmien determinat vittmi ta’ abbuż jiġi magħmul stabbli billi jiġu applikati għalihom l-istess raġunijiet ta’ xoljiment u ta’ tkeċċija bħal dawk applikabbli għall-uffiċjali jew il-ħaddiema għal żmien indeterminat paragunabbli, mingħajr ma jakkwistaw din il-kwalità, jikkostitwixxix miżura li l-awtoritajiet nazzjonali huma obbligati japplikaw skont il-klawżoli 4 u 5 tal-Ftehim Qafas tad-Direttiva 1999/70 u l-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi, peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprojbixxi biss li tiġi akkwistata l-kwalità ta’ ħaddiem għal żmien indeterminat jew ta’ uffiċjal għal dawk li ma jissodisfawx ċerti rekwiżiti, u li l-fatt li l-impjieg ta’ dawn il-ħaddiema jiġi magħmul stabbli skont il-modalitajiet imsemmija ma jwassalx għall-akkwist ta’ din il-kwalità.

IL-ĦAMES DOMANDA: Sa fejn l-Artikolu 15 tal-Istatut tal-Ħaddiema jistabbilixxi t-tul massimu tal-kuntratti għal żmien determinat għal sentejn, għar-raġuni li, wara dan it-terminu, in-neċessità koperta la tibqa’ provviżorja u lanqas eċċezzjonali, iżda ordinarja u fit-tul, u jimponi fuq il-persuni li jimpjegaw tas-settur privat l-obbligu li jbiddlu r-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat, u sa fejn l-Artikolu 10 tal-[Estatuto Básico del Empleado Público (l-Istatut Bażiku tal-Ħaddiema tas-Settur Pubbliku, iktar ’il quddiem l-“EBEP”)], fis-settur pubbliku, jimponi l-obbligu li l-pożizzjonijiet vakanti koperti minn aġenti mhux permanenti jew minn persunal bil-kuntratt għal żmien determinat fl-offerta ta’ impjieg tas-sena li matulha sseħħ il-ħatra tagħhom jew, jekk dan ma huwiex possibbli, fis-sena ta’ wara f’terminu massimu ta’ sentejn, sabiex il-pożizzjoni timtela’ minn ħaddiem għal żmien indeterminat jew uffiċjal,

Għandu jiġi konkluż li jkun hemm abbuż fir-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi fis-settur pubbliku minn meta l-amministrazzjoni li timpjega ma tassenjax lil ħaddiem għal żmien indeterminat jew lil uffiċjal għall-pożizzjoni koperta minn ħaddiem tas-settur pubbliku għal żmien determinat fit-termini previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, jiġifieri minn meta din il-pożizzjoni ma hijiex inkluża f’offerta ta’ impjieg fis-servizz pubbliku f’terminu massimu ta’ sentejn mill-ħatra tal-aġent mhux permanenti jew tal-ħaddiem bil-kuntratt għal żmien determinat, bl-obbligu li ttemm ir-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu billi teżegwixxi din l-offerta ta’ impjieg fis-servizz pubbliku fit-terminu massimu ta’ tliet snin stabbilit mill-Artikolu 70 tal-EBEP?

IS-SITT DOMANDA: Il-Liġi Spanjola 20/2021 tat-28 ta’ Diċembru 2021 hija kuntrarja għall-prinċipji tal-Unjoni ta’ legalità u ta’ nuqqas ta’ retroattività tad-dispożizzjonijiet kriminali, b’mod partikolari stipulati fl-Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, sa fejn tipprevedi, bħala sanzjoni għall-użu abbużiv tar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, proċeduri ta’ selezzjoni li japplikaw anki meta l-atti jew ommissjonijiet li jikkostitwixxu l-ksur – u, konsegwentement, l-abbuż – u d-denunzja tagħhom, seħħew u ġew kommessi – diversi snin – qabel il-promulgazzjoni tal-Liġi 20/2021?

IS-SEBA’ DOMANDA: Il-Liġi 20/2021, sa fejn tipprevedi, bħala miżuri ta’ sanzjoni, l-organizzazzjoni ta’ proċeduri ta’ selezzjoni u kumpens biss lill-vittmi ta’ abbuż li ma jirnexxux fl-imsemmija proċedura ta’ selezzjoni, hija kuntrarja għall-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas u għad-Direttiva 1999/70, sa fejn tħalli mhux issanzjonati l-abbużi mwettqa fil-konfront tal-ħaddiema għal żmien determinat tas-settur pubbliku li rnexxew fl-imsemmija proċedura ta’ selezzjoni, minkejja li s-sanzjoni hija dejjem indispensabbli u li, bħalma l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fid-digriet tagħha tat-2 ta’ Ġunju 2021, SUSH u CGT Sanidad de Madrid (8), li wieħed jirnexxi f’tali proċedura ta’ selezzjoni ma hijiex miżura ta’ sanzjoni li tissodisfa r-rekwiżiti tad-Direttiva?

Fi kliem ieħor, il-Liġi 20/2021, sa fejn tillimita l-għoti tal-kumpens lill-vittmi ta’ abbuż li ma jirnexxux fil-proċedura ta’ selezzjoni, u teskludi minn dan id-dritt lill-ħaddiema li kienu s-suġġett ta’ abbuż u li sussegwentement akkwistaw l-istatus ta’ ħaddiem għal żmien indeterminat permezz ta’ dawn il-proċeduri ta’ selezzjoni, hija kuntrarja għad-Direttiva 1999/70 u, b’mod partikolari, għall-punt 45 tad-digriet tat-2 ta’ Ġunju 2021, SUSH u CGT Sanidad de Madrid (C-103/19, mhux ippubblikat, EU:C:2021:460), li fih il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, minkejja li l-organizzazzjoni ta’ proċeduri ta’ selezzjoni miftuħa għall-ħaddiema tas-settur pubbliku li ġew impjegati b’mod abbużiv fil-kuntest ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi tippermetti lil dawn tal-aħħar japplikaw sabiex jiksbu impjieg permanenti u fit-tul u, għaldaqstant, jiksbu l-istatus ta’ membru tal-persunal tas-settur pubbliku indeterminat, l-Istati Membri jibqgħu madankollu obbligati li jipprevedu miżura adegwata sabiex jissanzjonaw debitament l-użu abbużiv tal-kuntratti u tar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi?

IT-TMIEN DOMANDA: Il-Liġi 20/2021, sa fejn tipprevedi li l-proċeduri ta’ selezzjoni intiżi li jnaqqsu r-rata ta’ impjieg għal żmien determinat fis-settur pubbliku għandhom isiru f’terminu ta’ tliet snin, sal-31 ta’ Diċembru 2024, u sa fejn tistabbilixxi bħala sanzjoni kumpens li għandu jingħata mat-tmien tar-relazzjoni ta’ xogħol jew mat-tkeċċija tal-vittma ta’ abbuż, hija kuntrarja għall-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas, fid-dawl tad-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Frar 2017, Rodrigo Sanz (9) jew tas-sentenzi tal-14 ta’ Settembru 2016, Pérez López (10) u tal-21 ta’ Novembru 2018, de Diego Porras (11), peress li tipperpetwa jew ittawwal is-sitwazzjoni ta’ abbuż, ta’ assenza ta’ protezzjoni u ta’ prekarjetà ta’ impjieg tal-ħaddiem li huwa l-vittma fiha billi tippreġudika l-effettività tad-Direttiva 1999/70, u dan sakemm l-imsemmi ħaddiem jitkeċċa u jkun jista’ jirċievi l-imsemmi kumpens?

ID-DISA’ DOMANDA: Il-Liġi 20/2021, sa fejn tagħti, fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-Direttiva, drittijiet inferjuri għal dawk li jirriżultaw mid-dritt nazzjonali, hija kuntrarja għall-prinċipju ta’ ekwivalenza, peress li:

Il-Liġi 11/2020 li tistabbilixxi l-Baġit Ġenerali tal-Istat għall-2021 temenda l-Artikolu 87(3) tal-Liġi 40/2015 dwar is-Settur Pubbliku u tippermetti, skont id-dritt intern, li l-ħaddiema privati ta’ impriżi privati li jgħaddu għas-settur pubbliku jkunu jistgħu jeżerċitaw l-istess funzjonijiet bħall-uffiċjali, fil-kwalità ta’ ħaddiem f’pożizzjoni “residwa li għandha titneħħa” (imsejħa “a extinguir”) u billi jkunu suġġetti għall-istess raġunijiet ta’ xoljiment tar-relazzjoni ta’ xogħol anki jekk dawn ma jkunux irnexxew fi proċedura ta’ selezzjoni, minkejja li l-Liġi 20/2021, meta din timplimenta d-dritt tal-Unjoni, ma tippermettix lill-ħaddiema tas-settur pubbliku li ġew magħżula skont proċeduri ta’ selezzjoni rregolati mill-prinċipji ta’ ugwaljanza, ta’ pubbliċità u ta’ kompetizzjoni ħielsa, li jkomplu jeżerċitaw l-istess funzjonijiet bħall-uffiċċjali, billi jkunu suġġetti għall-istess raġunijiet ta’ xoljiment;

L-Artikolu 15 tal-Istatut tal-Ħaddiema, fit-tfassil tiegħu wara l-Ley 1/1995, de 24 de marzo (il-Liġi 1/1995 tal-24 ta’ Marzu 1995), jiġifieri fit-tfassil tiegħu preċedenti għall-adozzjoni tad-Direttiva 1999/70, jippermetti – skont id-dritt intern – li l-ħaddiema li jaqgħu taħt id-dritt privat impjegati mill-istess persuna li timpjega għal iktar minn sentejn jiġu mibdula f’ħaddiema għal żmien indeterminat, minkejja li, fl-implimentazzjoni tad-direttiva, il-ħaddiema tas-settur pubbliku vittmi ta’ abbuż huma kkumpensati biss għal 20 jum għal kull sena servizz, b’limitu ta’ tnax-il xahar ta’ salarju, filwaqt li din il-bidla hija pprojbita;

L-Artikoli 32 et seq tal-Liġi 40/2015 dwar is-Settur Pubbliku jistabbilixxu l-prinċipju tal-kumpens sħiħ u jobbligaw lill-amministrazzjonijiet jikkumpensaw id-dannu kollu kkawżat lill-vittmi bl-atti tagħhom, minkejja li, fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-kumpens lill-vittmi ta’ abbuż huwa limitat a priori kemm fl-ammont tiegħu – 20 jum għal kull sena servizz – kif ukoll fiż-żmien – tnax-il xahar?

L-GĦAXAR DOMANDA: Il-Liġi 20/2021, sa fejn tistabbilixxi bħala l-unika miżura reali ta’ sanzjoni kumpens ta’ 20 jum remunerazzjoni għal kull sena servizz lill-vittmi ta’ abbuż li ma rnexxewx fi proċedura ta’ selezzjoni, hija kuntrarja għall-ġurisprudenza stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas-7 ta’ Marzu 2018, Santoro (12), skont liema, fis-settur pubbliku, kumpens ma huwiex biżżejjed sabiex wieħed ikun konformi mad-direttiva, peress li dan għandu jkun akkumpanjat b’miżuri oħrajn ta’ sanzjoni addizzjonali, effettivi, proporzjonati u dissważivi?

IL-ĦDAX-IL DOMANDA: Il-Liġi 20/2021, sa fejn tistabbilixxi l-kumpens lill-vittmi ta’ abbuż li ma rnexxewx fi proċedura ta’ selezzjoni għal 20 jum remunerazzjoni għal kull sena servizz, b’limitu ta’ tnax-il xahar salarju, hija kuntrarja għall-prinċipji tal-Unjoni ta’ kumpens adegwat u sħiħ u ta’ proporzjonalità, peress li din teskludi mill-kumpens il-lucrum cessans kif ukoll tipi oħra ta’ kumpens, bħal, per eżempju, dak li jirriżulta mit-telf ta’ opportunità (kunċett użat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Santoro); l-impossibbiltà li tiġi akkwistata l-kwalità ta’ ħaddiem għal żmien indeterminat minħabba l-assenza ta’ organizzazzjoni tal-proċeduri ta’ selezzjoni fit-termini legali mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew l-impossibbiltà li persuna tingħata promozzjoni jew tipprogressa; id-dannu morali li jirriżulta mill-assenza ta’ protezzjoni inerenti f’kull sitwazzjoni ta’ prekarjetà fl-impjieg; it-tkeċċija tal-vittma ta’ abbuż meta tissodisfa ċerti kundizzjonijiet ta’ età u ta’ ġeneru (per eżempju, nisa ta’ iktar minn 50 sena) u ma jkun jeżisti ebda suq ta’ impjieg alternattiv; jew inkella t-tnaqqis tal-pensjonijiet tal-irtirar?

IT-TNAX-IL DOMANDA: Il-Liġi 20/2021, sa fejn tistabbilixxi kumpens massimu ta’ 20 jum remunerazzjoni għal kull sena servizz u tnax-il xahar salarju, hija kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni fid-dawl tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Awwissu 1993, Marshall (13), u tas-17 ta’ Diċembru 2015, Arjona Camacho (14), skont liema d-dritt tal-Unjoni jipprekludi li l-kumpens għad-dannu subit minn persuna leża bi tkeċċija jkun limitat a priori b’limitu massimu?


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368.

(2)  C-414/16, EU:C:2018:257.

(3)  C-268/06, EU:C:2008:223.

(4)  C-331/17, EU:C:2018:859.

(5)  C-282/19, EU:C:2022:3.

(6)  C-38/13, EU:C:2014:152.

(7)  C-596/14, EU:C:2016:683.

(8)  C-103/19, mhux ippubblikat, EU:C:2021:460.

(9)  C-443/16, EU:C:2017:109.

(10)  C-16/15, EU:C:2016:679.

(11)  C-619/17, EU:C:2018:936.

(12)  C-494/16, EU:C:2018:166.

(13)  C-271/91, EU:C:1993:335.

(14)  C-407/14, EU:C:2015:831.


Top