Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CN0600

    Kawża C-600/22 P: Appell ippreżentat fis-16 ta’ Settembru 2022 minn Carles Puigdemont i Casamajó u Antoni Comín i Oliveres mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla Estiża) fis-6 ta’ Lulju 2022 fil-Kawża T-388/19, Puigdemont i Casamajó u Comín i Oliveres vs Il-Parlament

    ĠU C 441, 21.11.2022, p. 17–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.11.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 441/17


    Appell ippreżentat fis-16 ta’ Settembru 2022 minn Carles Puigdemont i Casamajó u Antoni Comín i Oliveres mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla Estiża) fis-6 ta’ Lulju 2022 fil-Kawża T-388/19, Puigdemont i Casamajó u Comín i Oliveres vs Il-Parlament

    (Kawża C-600/22 P)

    (2022/C 441/25)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Appellanti: Carles Puigdemont i Casamajó u Antoni Comín i Oliveres (rappreżentanti: P. Bekaert, S. Bekaert, advocaten, u G. Boye, abogado)

    Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Parlament Ewropew, Ir-Renju ta’ Spanja

    Talbiet

    L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza appellata;

    tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali jew, sussidjarjament, tannulla l-atti kkontestati; u

    tikkundanna lill-Parlament u lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż jew, sussidjarjament, tirriżerva l-ispejjeż.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    Insostenn ta’ dan l-appell, l-appellanti jinvokaw l-erba’ aggravji li ġejjin:

    L-ewwel, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u kisret l-Artikolu 263 TFUE u, għalhekk, l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, billi kkonkludiet li l-fatt li l-appellanti ma kinux tħallew mill-Parlament li jieħdu l-kariga, li jeżerċitaw il-mandat tagħhom u li jokkupaw is-siġġijiet tagħhom fil-Parlament mit-2 ta’ Lulju 2019 ma kienx ir-riżultat tar-rifjut tal-Parlament li jirrikonoxxi l-istatus tal-appellanti bħala Membri tal-Parlament Ewropew, kif rifless fl-istruzzjoni tad-29 ta’ Mejju 2019 u mill-ittra tas-27 ta’ Ġunju 2019, u għalhekk, li l-atti kkontestati ma wasslux għal bidla fis-sitwazzjoni legali tal-appellanti.

    Skont l-Artikolu 12 tal-Att tal-1976 (1), huwa l-Parlament li għandu jiddeċiedi t-tilwim li jista’ jinqala’ abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Att tal-1976, li l-Artikolu 1(3) tiegħu huwa dispożizzjoni essenzjali. Is-sentenza Donnici (2) interpretat b’mod żbaljat it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-Parlament previst fl-Artikolu 12 tal-Att tal-1976 fir-rigward tas-setgħat mogħtija lill-Parlament. Fi kwalunkwe każ, l-appellanti kienu jkunu jistgħu jieħdu s-siġġijiet tagħhom sakemm tittieħed id-deċiżjoni dwar it-tilwima li huma ressqu quddiem il-Parlament, u għalhekk, is-sentenza appellata wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet li l-atti kkontestati ma wasslux għal bidla fis-sitwazzjoni tal-appellanti.

    Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li d-deċiżjoni li ma tittiħidx inizjattiva sabiex jiġu affermati l-privileġġi u l-immunitajiet skont l-Artikolu 8 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew ma hijiex att li jista’ jiġi kkontestat.

    Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi sostniet li l-appellanti ma kinux għamlu talba lill-Parlament għall-ħarsien tal-privileġġi u tal-immunitajiet tagħhom skont l-Artikoli 7 u 9 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew.


    (1)  Att li jikkonċerna l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b’vot dirett universali (ĠU 1976, L 278, p. 5), anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 76/787/KEFA, KEE, Euratom tal-20 ta’ Settembru 1976 (ĠU 1976, L 278, p. 1), kif emendat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/772/KE, Euratom tal-25 ta’ Ġunju 2002 u tat-23 ta’ Settembru 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 137).

    (2)  Sentenza tat-30 ta’ April 2009, L-Italja u Donnici vs Il-Parlament, C-393/07 u C-9/08, EU:C:2009:275.


    Top