Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CN0556

    Kawża C-556/22 P: Appell ippreżentat fis-17 ta’ Awwissu 2022 minn ITV plc mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) fit-8 ta’ Ġunju 2022 fil-Kawżi magħquda T-363/19 u T-456/19, Ir-Renju Unit u ITV vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 441, 21.11.2022, p. 8–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.11.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 441/8


    Appell ippreżentat fis-17 ta’ Awwissu 2022 minn ITV plc mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) fit-8 ta’ Ġunju 2022 fil-Kawżi magħquda T-363/19 u T-456/19, Ir-Renju Unit u ITV vs Il-Kummissjoni

    (Kawża C-556/22 P)

    (2022/C 441/12)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Appellant: ITV plc (rappreżentanti: J. Lesar, Solicitor, u K. Beal QC)

    Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, LSEGH (Luxembourg) Ltd, London Stock Exchange Group Holdings (Italy) Ltd

    Talbiet

    L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    Tilqa’ l-appell;

    Tannulla l-punti 2 u 4 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata;

    Tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1352 tat-2 ta’ April 2019 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.44896 implimentata mir-Renju Unit dwar l-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi ta’ CFC (1); u

    Tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u għall-ispejjeż tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka erba’ aggravji:

    L-ewwel, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u/jew wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li l-Kummissjoni ma wettqitx żball fl-għażla tagħha tas-sistema ta’ referenza għall-analiżi dwar jekk kienx hemm ksur jew le tad-dispożizzjonijiet tal-għajnuna mill-Istat li jinsabu fl-Artikolu 107 u fl-Artikolu 108 TFUE.

    It-tieni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u/jew wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li l-eżenzjonijiet rilevanti joperaw bħala deroga minn sistema ġenerali ta’ tassazzjoni li tinkludi r-regoli dwar iċ-CFC (kumpanniji kkontrollati minn barra l-pajjiż), b’tali mod li tat vantaġġ selettiv unikament lil uħud mill-kumpanniji taxxabbli li kienu f’pożizzjoni paragunabbli.

    It-tielet, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u/jew wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li l-eżenzjonijiet, jekk kienu jagħtu vantaġġ selettiv (quod non), ma setgħux ikunu ġġustifikati fuq il-bażi ta’ prattiċità amministrattiva.

    Ir-raba’, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi peress li naqset milli tqis u tapplika b’mod korrett id-deċiżjoni fis-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, C-196/04, EU:C:2006:544, kemm meta qieset il-kwistjoni tal-qafas ta’ referenza u ta’ vantaġġ selettiv, kif ukoll meta qieset il-kwistjoni dwar jekk l-eżenzjonijiet (jew uħud minnhom) setgħux ikunu ġġustifikati, jew le, għall-protezzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment taħt l-Artikolu 49 TFUE. Barra minn hekk, jew sussidjarjament, il-Qorti Ġenerali naqset milli tagħti raġunijiet xierqa għall-konklużjonijiet tagħha fuq din il-kwistjoni.


    (1)  ĠU 2019, L 216, p. 1.


    Top