Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CN0555

    Kawża C-555/22 P: Appell ippreżentat fis-16 ta’ Awwissu 2022 mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) fit-8 ta’ Ġunju 2022 fil-Kawżi magħquda T-363/19 u T-456/19, Ir-Renju Unit u ITV vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 441, 21.11.2022, p. 7–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.11.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 441/7


    Appell ippreżentat fis-16 ta’ Awwissu 2022 mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) fit-8 ta’ Ġunju 2022 fil-Kawżi magħquda T-363/19 u T-456/19, Ir-Renju Unit u ITV vs Il-Kummissjoni

    (Kawża C-555/22 P)

    (2022/C 441/11)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Appellant: Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (rappreżentanti: L. Baxter, aġent, P. Baker, QC u T. Johnston, Barrister)

    Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, ITV plc, LSEGH (Luxembourg) Ltd, London Stock Exchange Group Holdings (Italy) Ltd

    Talbiet

    L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza appellata fl-intier tagħha u tilqa’ t-talbiet tar-Renju Unit quddiem il-Qorti Ġenerali;

    sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata fl-intier tagħha u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni finali; u

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ dan l-appell u għall-ispejjeż tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka ħames aggravji:

    L-ewwel, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u/jew kisret id-dritt tal-UE peress li żnaturat il-fatti sottostanti u kklassifikathom b’mod żbaljat fil-liġi meta kkonkludiet li s-sistema ta’ referenza kienet komposta mil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit dwar iċ-CFC (kumpanniji kkontrollati minn barra l-pajjiż).

    It-tieni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit dwar iċ-CFC tat lok għal vantaġġ. Dan l-iżball ta’ liġi jirriżulta mill-iżnaturament u mill-klassifikazzjoni żbaljata tal-fatti relatati mar-rwol tal-funzjonijiet tal-persuni sinjifikattivi (iktar ’il quddiem “FPS”) fil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit dwar iċ-CFC u r-relazzjoni bejn il-Kapitoli 5 u 9.

    It-tielet, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta evalwat l-għan u s-selettività tal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit dwar iċ-CFC. Is-sentenza appellata fiha żnaturamenti ripetuti u/jew żbalji manifesti ta’ fehim fir-rigward tar-rwol tal-FPS fil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit dwar iċ-CFC u l-interrelazzjoni bejn il-Kapitoli 5 u 9 tagħha. Hija lanqas ma tindika jew tindirizza elementi kruċjali tat-talbiet tar-Renju Unit, bi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

    Ir-raba’, il-Qorti Ġenerali ma indirizzatx l-argument tar-Renju Unit li d-distinzjoni fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (1) bejn il-FPS tar-Renju Unit u l-kapital konness tar-Renju Unit kienet irrazzjonali, bi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-ġustifikazzjoni ta’ prattiċità amministrattiva abbażi ta’ żewġ motivi relatati mal-allegat nuqqas ta’ provi quddiem il-Qorti Ġenerali; l-ebda wieħed ma kien sostenibbli, u t-tnejn kienu jinvolvu żnaturament ċar tal-fatti indikati quddiem il-Qorti Ġenerali.

    Il-ħames, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali jinkludi żball manifest ta’ liġi dwar ir-rekwiżit tal-libertà ta’ stabbiliment u t-tifsira tas-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, C-196/04, EU:C:2006:544, (iktar ’il quddiem il-“kawża Cadbury Schweppes”) li jammonta għal nuqqas ta’ kunsiderazzjoni ta’ din il-kawża. Il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali hija vvizzjata minn diversi żbalji. L-ewwel, hija bbażata fuq fehim ħażin tar-rwol tal-FPS fil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit. It-tieni, il-Qorti Ġenerali tidher li assumiet li r-Renju Unit adotta sistema purament territorjali. It-tielet, din il-parti tas-sentenza appellata ma tindikax u ma tindirizzax l-argumenti sostanzjali mressqa mir-Renju Unit fir-rigward tal-impatt tas-sensiela ta’ kawżi Cadbury Schweppes fuq it-tfassil tal-leġiżlazzjoni tagħha dwar iċ-CFC.


    (1)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1352 tat-2 ta’ April 2019 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.44896 implimentata mir-Renju Unit dwar l-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi ta’ CFC (ĠU 2019, L 216, p. 1).


    Top