Kies de experimentele functies die u wilt uitproberen

Dit document is overgenomen van EUR-Lex

Document 62022TN0528

    Kawża T-528/22: Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Awwissu 2022 – Belaruskali vs Il-Kunsill

    ĠU C 389, 10.10.2022, blz. 21–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    10.10.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 389/21


    Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Awwissu 2022 – Belaruskali vs Il-Kunsill

    (Kawża T-528/22)

    (2022/C 389/24)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrent: Belaruskali AAT (Soligorsk, il-Bjelorussja) (rappreżentant: V. Ostrovskis, avukat)

    Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/881 tat-3 ta’ Ġunju 2022 li timplimenta d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna (1) sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti;

    tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/876 tat-3 ta’ Ġunju 2022 li jimplimenta l-Artikolu 8a(1) tar-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna (2), sa fejn dan jikkonċerna lir-rikorrenti (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“atti kkontestati”); u

    tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ legalità.

    L-atti kkontestati sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrenti jiksru d-drittijiet fundamentali tal-bniedem.

    L-atti kkontestati, sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrenti, jiksru trattati internazzjonali.

    L-atti kkontestati jiksru l-għanijiet stabbiliti mill-bażijiet legali tal-Unjoni Ewropea.

    L-atti kkontestati, sa fejn dawn jikkonċernaw lir-rikorrenti, jiksru l-prinċipju li jeħtieġ li l-miżuri jkunu mmirati – huma jaffettwaw lill-popolazzjoni ċivili mhux biss fil-Bjelorussja, iżda madwar id-dinja.

    L-atti kkontestati jiksru l-prinċipju ta’ ċertezza legali. Ir-raġunijiet għall-inklużjoni tar-rikorrenti jinkludu numru ta’ termini, li la huma ddefiniti fl-atti kkontestati u lanqas fil-ġurisprudenza. Fid-dawl ta’ dan, it-tifsira tagħhom ma hijiex ċara għar-rikorrenti, u hija ma tistax tifhimhom mingħajr ambigwità u tiddeċiedi kif għandha taġixxi fil-kuntest tal-miżuri meħuda kontriha mill-Kunsill.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni.

    Il-Kunsill naqas milli juri l-mod kif ir-rikorrenti tibbenefika mir-reġim ta’ Lukashenka jew tappoġġjah. Għalhekk, il-Kunsill naqas milli jipprova li r-rikorrenti tibbenefika mir-reġim ta’ Lukashenka jew tappoġġjah.

    Il-Kunsill naqas milli juri l-mod kif ir-rikorrenti hija responsabbli għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili. Għalhekk, il-Kunsill naqas milli jipprova li r-rikorrenti hija responsabbli għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili.

    Il-biċċa l-kbira tal-provi prodotti mill-Kunsill ma humiex affidabbli, ma humiex preċiżi jew ma humiex relatati mar-rikorrenti jew mar-raġunijiet għall-inklużjoni.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

    4.

    Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    5.

    Il-ħames motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.


    (1)  ĠU 2022, L 153, p. 77.

    (2)  ĠU 2022, L 153, p. 1.


    Naar boven