Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022XC0907(02)

    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel 2022/C 343/04

    C/2022/6275

    ĠU C 343, 7.9.2022, p. 72–76 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    7.9.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 343/72


    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

    (2022/C 343/04)

    Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien tliet xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

    DOKUMENT UNIKU

    “Ciliegia di Bracigliano”

    Nru tal-UE: PGI-IT-02766 – 31.3.2021

    DOP ( ) IĠP (x)

    1.   Isem/Ismijiet [tad-DOP jew tal-IĠP]

    “Ciliegia di Bracigliano”

    2.   Stat Membru jew pajjiż terz

    L-Italja

    3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

    3.1.   Tip ta’ prodott

    Klassi 1.6. Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati

    3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

    L-indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP) “Ciliegia di Bracigliano” tirreferi għall-frott tal-ispeċi Prunusavium L. (Rosaceae) li jappartjeni għall-kultivari li ġejjin: Spernocchia, Sciazza, Pagliaccia (magħruf ukoll bħala Pagliaccio jew Pallaccia), Don Carmelo, Silvestre, Bigarreau Burlat, Baron Picella, Palermitana u Principe.

    Meta tiġi rilaxxata għall-konsum frisk, l-IĠP “Ciliegia di Bracigliano” irid ikollha l-karatteristiċi ta’ kwalità li ġejjin:

    Ġilda: kulur vividu, minn aħmar skur għal lewn l-għobbejra.

    Laħma: ta’ lewn aħmar jgħajjat għal aħmar skur, iebsa ħafna, nofsha mwaħħla mal-għadma.

    Daqs: frotta ta’ daqs medju sa kbir (daqs minimu permess: 20 mm), għadma ta’ daqs medju, zokk ta’ tul qasir għal medju.

    Forma: forma ta’ qalb, fit-tul jew ċatta.

    Reżistenza għat-trattament: eċċellenti.

    Kwalitajiet organolettiċi: laħma iebsa; b’ammont ta’ meraq medju; togħma ta’ frott, delikata u pjaċevoli bejn ħelwa u morra.

    Il-varjietajiet kollha elenkati jrid ikollhom kontenut ta’ zokkor ta’ mhux inqas minn 12° brix.

    Meta tiġi rilaxxata għall-konsum, il-frotta trid tkun:

    Sħiħa u mhux imħassra;

    Biz-zokk preżenti;

    Nadifa, mingħajr kwalunkwe materja barranija viżibbli;

    Soda, mingħajr taħsir u residwi viżibbli ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti;

    Mingħajr pestiċidi.

    Iċ-ċirasa maħsuba esklużivament għall-ipproċessar tista’ tkun mingħajr iz-zokk, parzjalment imħassra jew ikollha daqs minimu ta’ 17-il mm, sakemm jiġu ssodisfati r-rekwiżiti l-oħrajn tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Tista’ ssir referenza għal frotta bħal din bħala l-IĠP “Ciliegia di Bracigliano” iżda ma tistax tinbiegħ hekk lill-konsumatur aħħari.

    3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

    -

    3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

    Il-passi kollha fil-produzzjoni taċ-“Ciliegia di Bracigliano” jridu isiru fiż-żona msemmija fil-punt 4 hawn taħt.

    3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

    Il-prodott irid jitqiegħed f’kontenituri b’kapaċità ta’ mhux aktar minn 10 kg, li jkunu magħmula minn materjal li joriġina mill-pjanti jew materjali riċiklabbli ieħor.

    Il-kontenut ta’ kull pakkett irid ikun ta’ daqs uniformi u jinkludi biss ċirasa tal-istess varjetà.

    Fir-rigward tan-nuqqas ta’ uniformità fid-daqs, tapplika tolleranza ta’ 10 % fir-rigward tal-għadd jew il-piż taċ-ċirasa f’kull pakkett individwali.

    L-IĠP “Ciliegia di Bracigliano” tiġi ppakkjata, kif imsemmi fil-punt 4 hawn taħt, minħabba li l-frott individwali li jkun tgħabba f’saffi f’kontenituri riġidi tal-plastik (kaxex jew laned) jista’ jkollu tbenġil, marki, qatgħat u deformazzjoni ta’ diversi tipi matul it-trasport bit-triq b’riżultat tax-xokkijiet u tal-pressjonijiet għoljin li jirriżultaw hekk kif il-vettura tiċċaqlaq, tintlewa u tieqaf f’salt.

    3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

    Il-pakketti mmarkati bl-IĠP jew bit-tikketti mwaħħla magħhom irid ikollhom, b’kitba ċara u li tista’ tinqara tal-istess daqs, dan li ġej:

    a)

    Il-kliem “Ciliegia di Bracigliano” u “Indicazione Geografica Protetta” [Indikazzjoni Ġeografika Protetta] (jew l-akronimu “I.G.P.” [IĠP]);

    b)

    L-isem, l-isem kummerċjali u l-indirizz tal-produttur u l-entità responsabbli għall-ippakkjar;

    c)

    In-numru tal-lott ta’ produzzjoni;

    d)

    Il-kwantità tal-prodott li jkun hemm fil-pakkett;

    e)

    Il-logo tal-IĠP “Ciliegia di Bracigliano” kif muri hawn taħt, flimkien mas-simbolu obbligatorju tal-IĠP Ewropew.

    Huwa pprojbit li tiżdied xi deskrizzjoni mal-Indikazzjoni Ġeografika Protetta msemmija fil-punt 1, inkluż l-aġġettivi li ġejjin: “tipo” [tip], “gusto” [togħma], “uso selezionato” [użu magħżul], “scelto” [għażla] jew simili, kif ukoll il-muniċipalità tal-oriġini.

    Madankollu, huwa permess li jintuża kliem li jirreferi għal kumpaniji, ismijiet, ismijiet kummerċjali u trademarks privati li ma jurux tifħir u li ma għandhomx probabbiltà li jqarrqu bix-xerrej.

    Dan il-kliem jista’ jidher fuq it-tikketta b’ittri li l-għoli u l-wisa’ tagħhom ma jaqbiżx in-nofs ta’ dawk użati għall-indikazzjoni ġeografika protetta.

    Image 1

    4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

    Iż-żona ta’ produzzjoni tal-IĠP “Ciliegia di Bracigliano” tinkludi t-territorju kollu tal-muniċipalitajiet li ġejjin fil-provinċji ta’ Salerno u Avellino:

     

    Il-provinċja ta’ Salerno: Baronissi, Bracigliano, Calvanico, Castel San Giorgio, Cava de’ Tirreni, Fisciano, Mercato San Severino, Pellezzano, Roccapiemonte, Siano.

     

    Il-provinċja ta’ Avellino: Contrada, Forino, Montoro, Moschiano.

    5.   Rabta maż-żona ġeografika

    Ir-rabta bejn iċ-“Ciliegia di Bracigliano” u ż-żona ġeografika hija bbażata fuq il-kwalità tal-prodott u reputazzjoni b’saħħitha li nbniet maż-żmien.

    Iż-żona ta’ produzzjoni toffri lis-siġar taċ-ċirasa l-aħjar kundizzjonijiet għal tkabbir veġetali ottimali u l-iżvilupp korrett tal-frotta.

    It-topografija hija primarjament bl-għoljiet. F’termini ta’ klima, ir-rebbiegħa tibda kmieni fiż-żoni ta’ tkabbir taċ-ċirasa u s-sjuf huma sħan b’temperaturi massimi ta’ bejn 25 u 28 °C. Fix-xitwa, it-temperaturi rari jinżlu taħt iż-0 °C. Ix-xita annwali medja hija ta’ madwar 1 000 mm. Din hija kkonċentrata l-aktar bejn il-ħarifa u l-bidu tar-rebbiegħa iżda xorta hi biżżejjed biex tissodisfa ħafna mir-rekwiżiti ta’ ilma tal-għalla.

    Il-ħamrija hija l-aktar ta’ oriġini alluvjali jew kolluvjali u ħafna drabi jkun hemm preżenti materjali piroklastiku. Fil-biċċa l-kbira tagħha, hija ħamrija ma hijiex magħquda, hi permeabbli, ta’ fond medju, b’kapaċità tajba ta’ skular u żamma tal-ilma u b’pH ta’ bejn 6,5 u 7,2.

    Il-ħamrija dominanti fiż-żona ġeneralment ikollha substrat li jkun robust biżżejjed biex jissodisfa l-ħtiġijiet tas-sistemi tal-għeruq ta’ Prunusavium, faċli taħdimha u permeabbli ħafna, u għandha kapaċità tajba għall-għelieqi.

    Il-karatteristiċi tal-ħamrija u dawk klimatiċi deskritti joħolqu ambjent ideali għall-għalla, li jagħmluha possibbli li tiġi massimizzata l-kwalità organolettika tal-frotta u li żżomm l-attività tal-pesti, li jimminaw il-kummerċjabbiltà tagħha, għal minimu.

    Xhieda tar-rabta mill-qrib maż-żona tintwera wkoll mill-preżenza straordinarja tal-varjetajiet lokali, kif speċifikati fil-punt 3.2 li, peress li jeżistu biss f’din iż-żona, jirrappreżentaw tip ta’ endemiżmu.

    Fiż-żona ta’ Valle dell’Irno, il-vinji, li xi darba kienu jagħtu l-għalla ewlenija, kważi kollha ġew sostitwiti bis-siġar taċ-ċirasa sa min-nofs l-aħħar seklu.

    L-aktar data riċenti turi li ż-żona għandha madwar 500 azjenda agrikola u għadd ta’ negozji tal-bejgħ.

    Iċ-“Ciliegia di Bracigliano” ġejja minn żona tradizzjonalment xierqa sew għall-produzzjoni taċ-ċirasa u l-għarfien tekniku li akkumulaw il-produtturi tul is-sekli (b’mod partikolari fir-rigward ta’ xogħol importanti biex tiġi ssalvagwardjata l-bijodiversità ġenetika), adattat għall-kundizzjonijiet lokali, għen biex dan il-prodott isir ta’ kwalità rikonoxxuta.

    Il-preżenza tas-siġar taċ-ċirasa bħala karatteristika distintiva tal-agrikoltura u l-ekonomija taż-żona tintwera minn diversi sorsi, l-aktar dokumenti notarili, li jmorru lura sal-1556 (ir-rekords notarili ta’ Bracigliano: in-nutar Salvatore Grimaldi, il-fajls 472 u 477; ir-rekords notarili ta’ Bracigliano: in-nutar Gaetano De Caro, il-fajl 487). Id-dokumenti juru kemm kien importanti l-ħsad taċ-ċirasa fi Bracigliano. Fl-1714, in-nutar Matteo Milone (l-Arkivju Statali ta’ Salerno, ir-rekords notarili ta’ Bracigliano, il-fajl 495) urew bla dubju l-preżenza ta’ tkabbir intensiv taċ-ċirasa fi Bracigliano.

    Fi snin aktar riċenti, ir-reputazzjoni taċ-“Ciliegia di Bracigliano” ntweriet minn serje sħiħa ta’ materjal ta’ reklamar, rekords storiċi, vidjos u dokumenti f’forma ta’ karti. Fi Storia di Bracigliano [L-Istorja ta’ Bracigliano] (Arti Grafiche Emilio Di Mauro di Cava de’ Tirreni, 1980), il-patri Franġiskan Teofilo M. Giordano, fil-parti li tittratta l-ekonomija lokali, jirreferi b’mod ċar għaċ-“Ciliegia di Bracigliano” li kienet ilha mifruxa għal deċennji sħaħ. Huwa jsemmi ħafna mill-varjetajiet koperti minn din l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, li huma xhieda tal-kwalità tagħhom u d-domanda għalihom fis-suq, kif ukoll bl-inklużjoni tal-esportazzjonijiet, kif muri mill-preżenza tal-isem “Ciliegia di Bracigliano” fuq il-fatturi kummerċjali. Għalhekk it-tkabbir taċ-ċirasa jidher li huwa stabbilit sew fiż-żona, b’siġar kbar taċ-ċirasa li kapaċi jipprovdu introjtu agrikolu sinifikanti.

    L-importanza ekonomika u kulturali taċ-“Ciliegia di Bracigliano” għaż-żona ta’ produzzjoni tradizzjonali tagħha ntweriet matul is-snin mill-bosta edizzjonijiet ta’ fieri u festivals, bħall-Festa della Ciliegia di Bracigliano, li saret kull sena mill-1999, u l-avveniment parallel li ilu jsir fi Siano mill-1997.

    Kull sena, l-Associazione Nazionale “Città delle Ciliegie” torganizza l-festival nazzjonali tagħha “Città delle Ciliegie” [Irħula taċ-Ċirasa] f’postijiet magħrufa għall-produzzjoni ta’ ċirasa eċċellenti. Bħala rikonoxximent tal-kwalità għolja taċ-“Ciliegia di Bracigliano”, sar il-ħames festival fi Bracigliano mit-18 sal-21 ta’ Ġunju 2009.

    F’diversi okkażjonijiet, iċ-“Ciliegia di Bracigliano” kisbet suċċess importanti f’kompetizzjonijiet nazzjonali speċjalizzati. Biżżejjed insemmu li fl-2011 dan il-prodott issemma bħala “Migliore Ciliegia d’Italia” [L-Aħjar Ċirasa fl-Italja] mill-AMDMI (Assoċjazzjoni tad-Diretturi ta’ Swieq tal-Bejgħ bl-Ingrossa tal-Frott u l-Ħaxix).

    Iż-żona ta’ produzzjoni taċ-“Ciliegia di Bracigliano” illum għadha titqies bħala l-pajjiż taċ-ċirasa, l-art tagħha dejjem intużat biex titkabbar din il-frotta, li toħloq rabta inseparabbli bejn il-lokalitajiet u ċ-ċirasa.

    Iċ-“Ciliegia di Bracigliano” tidher bħala ingredjent ewlieni f’bosta riċetti, inkitbu artikli dwarha minn siti speċjalizzati bħal Top Food Italy jew Torte e Dintorni u hija magħrufa sew fost il-koki li għamlu suċċess, bħal Sal De Riso u Rocco Iannone, kif ukoll fost koki oħrajn promettenti, li jużawha fil-kreazzjonijiet tagħhom. Sal De Riso huwa magħruf għall-ħila tiegħu bħala pastiċċier u tkellem dwar iċ-“Ciliegia di Bracigliano” fuq il-media soċjali (f’vidjo mtella’ fuq YouTube fit-8 ta’ Ottubru 2020, u fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu fil-21 ta’ Novembru 2020, huwa jgħid li ċ-“Ciliegia di Bracigliano” hija tassew speċjali: kbira, immerrqa u ħelwa, bi grad għoli ta’ Brix, kif ukoll tqarmeċ... jien nużaha fil-cocktails).

    Barra minn hekk, ir-reputazzjoni taċ-“Ciliegia di Bracigliano” hija kkonfermata minn bosta artikli li nkitbu minn speċjalisti (biżżejjed insemmu l-ġurnalist tal-ikel Luciano Pignataro (artiklu, bit-titlu La stagione delle ciliegie a Bracigliano [L-istaġun taċ-ċirasa fi Bracigliano], li ġie ppubblikat fuq is-sit web tiegħu fis-7 ta’ Lulju 2015 u fih id-deskrizzjoni li ġejja: “Bracigliano huwa r-raħal taċ-ċirasa. Iżda l-fatt li din iċ-ċirasa tassew tajba hija apprezzata madwar l-Italja kollha ma huwiex biss bis-saħħa tal-karatteristiċi organolettiċi ta’ kwalità għolja tagħha li jiddistingwuha. Dan ir-raħal huwa magħruf għat-tradizzjoni mużikali antika tiegħu, il-platt famuż tiegħu ‘Mallone’, is-sjuf friski tiegħu u naturalment iċ-ċirasa; l-abitanti tiegħu, minkejja li jgħixu fil-‘villaġġ globali’, huma kkaratterizzati mir-rispett metikoluż tagħhom għaż-żmien, għall-istaġuni u għat-tradizzjonijiet relatati mal-art. Għalhekk, ix-xahar sħiħ ta’ Ġunju huwa ddedikat għall-qtugħ ta’ din iċ-ċirasa, li hija magħrufa wkoll bil-laqam ‘ma tistax tiekol waħda biss’. L-infermiera, l-għalliema, l-għalliema tal-mużika u l-impjegati taċ-ċivil jieħdu pawżiet biex jiddedikaw ħinhom għaċ-ċirasa, li kull sena ssir aktarsiewja peress li hija soġġetta għal attakki minn għadd ta’ pesti. Madankollu, dawn il-problemi żgħar ma xekklux il-passjoni għall-qtugħ taċ-ċirasa li kull sena r-raħal kollu jidħol għalih bi ħġaru. Jekk ir-reputazzjoni ta’ dan il-prodott tipiku issa tippreċedih, dan ma huwiex b’kumbinazzjoni”) jew l-intraprenditur Antonio Amato (li ppubblika artiklu fuq il-blogg tiegħu ’’Awwissu 2020 bit-titlu “La Ciliegia di Bracigliano – L’oro rosso della nostra terra” [Iċ-Ciliegia di Bracigliano — Id-deheb ħamrani tat-territorju tagħna] li jgħid kif, fost oħrajn, “Issa huwa ż-żmien perfett biex wieħed jammira l-panorama ta’ lewn aħmar skur, hekk kif l-abjad tas-siġar fil-fjuri issa ċeda postu għall-isfumaturi differenti ħamranin ta’ din il-varjetà prezzjuża taċ-ċirasa ta’ Bracigliano, varjetà ta’ sajran tardiv li ssir mit-tieni nofs ta’ Ġunju sal-ewwel nofs ta’ Lulju, meta tilqa’ s-sajf u tibdel l-għoljiet ta’ Agro f’lewn aħmar.

    Terz tal-produzzjoni taċ-ċirasa ta’ Campania jiġi mit-territorju tal-muniċipalità ta’ Bracigliano, li sa mis-seklu 18, kienet tiftaħar bil-kultivazzjoni tagħha ta’ ċirasa ta’ daqs medju sa kbir b’kulur skur u b’laħma iebsa u mmerrqa eċċellenti”). Ir-reputazzjoni hija kkonfermata wkoll minn aktar minn 25 000 tfittxija fuq Google għaċ-“Ciliegia di Bracigliano”, inkluż is-siti web Campania Terra Laboris u Irno Notizie, li jirrikonoxxu l-element uniku tal-prodott marbut maż-żona ta’ produzzjoni tiegħu. Iċ-“Ciliegia di Bracigliano” tintuża biex jiġu prodotti ħlewwiet tradizzjonali; biżżejjed insemmu z-“Zizzinella”, kreazzjoni tad-dulċier prim Giuseppe Palumbo, li ssir minn irkotta tal-buflu, ġellewż u ċ-“Ciliegia di Bracigliano” infuża bl-alkoħol (Annamaria Parlato, Enogastronomia Bracigliano, 23/5/2020 – artiklu bit-titlu “Il dolce omaggio alla ciliegia di Giuseppe Palumbo. La ciliegia è un contenitore di principi benefici per il corpo umano” [Ir-rikonoxximent ħelu ta’ Giuseppe Palumbo għaċ-ċirasa. Iċ-ċirasa mimlija ingredjenti ta’ benefiċċju għall-ġisem tal-bniedem] jgħid li “Kien hemm evidenza tal-produzzjoni taċ-ċirasa fi Bracigliano sa mill-ewwel nofs tas-seklu tmintax u din il-produzzjoni kompliet mingħajr interruzzjoni, saħansitra waqt il-ġuħ li kien hemm fl-1764. Fis-snin ħamsin, ir-raħal ipproduċa terz taċ-ċirasa f’Campania, li dak iż-żmien, kienet ir-reġjun ewlieni għall-produzzjoni taċ-ċirasa fl-Italja. Hija l-prodott agrikolu par excellence ta’ Bracigliano u tabilħaqq hija magħrufa bħala ‘deheb ħamrani’. Bid-djalett lokali tissejjaħ ‘a cerasa’. Din timmatura lejn l-aħħar tar-rebbiegħa u fiha għadd għoli ta’ flavonojdi”).

    Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

    (it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

    It-test sħiħ tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott huwa disponibbli fuq is-sit web li ġej:

    http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/3335”

    jew inkella:

    billi żżur direttament il-paġna web ewlenija tal-Ministeru tal-Politika Agrikola, Alimentari u tal-Forestrija (www.politicheagricole.it) u tikklikkja fuq “Qualità” (fin-naħa ta’ fuq tal-lemin tal-iskrin), u mbagħad fuq “Prodotti DOP IGP STG” (fuq in-naħa tax-xellug tal-iskrin) u fl-aħħar tagħfas fuq “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE”.


    (1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.


    Top