Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022DP0018

    Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Frar 2022 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Jörg Meuthen (2021/2160(IMM))

    ĠU C 342, 6.9.2022, p. 311–312 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
    ĠU C 342, 6.9.2022, p. 275–276 (GA)

    6.9.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 342/311


    P9_TA(2022)0018

    Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Jörg Meuthen

    Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Frar 2022 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Jörg Meuthen (2021/2160(IMM))

    (2022/C 342/26)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Jörg Meuthen mill-prosekutur pubbliku ta' Berlin, ikkomunikata f'ittra datata s-16 ta' Ġunju 2021 mill-Ministeru Federali Ġermaniż tal-Ġustizzja u l-Protezzjoni tal-Konsumaturi b'rabta ma' investigazzjoni preliminari minħabba suspett ta' reat kriminali, u mħabbra waqt il-plenarja tal-5 ta' Lulju 2021,

    wara li sema' lil Jörg Meuthen, skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,

    wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011, fis-17 ta' Jannar 2013 u fid-19 ta' Diċembru 2019 (1),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 46(2), (3) u (4) tal-Liġi Bażika tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Artikolu 192b tar-“Richtlinien für das Strafverfahren und das Bußgeldverfahren” (Linji Gwida għal proċedimenti kriminali u l-impożizzjoni ta' multi),

    wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2) u 6(1) u l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A9-0016/2022),

    A.

    billi l-Prosekutur Pubbliku ta' Berlin talab it-tneħħija tal-immunità ta' Jörg Meuthen, Membru tal-Parlament Ewropew elett għall-Ġermanja, bil-ħsieb li jinbdew proċedimenti kriminali skont it-tifsira tal-Artikolu 152(2) tal-Kodiċi Ġermaniż ta' Proċedura Kriminali (Strafprozessordnung), għal imġiba ħażina kriminali skont it-tifsira tal-Artikolu 266 tal-Kodiċi Kriminali u għal suspett ta' reat kriminali skont it-tifsira tal-Artikolu 31d(1)(1) tal-liġi dwar il-partiti politiċi (Parteiengesetz);

    B.

    billi, fil-kapaċità tiegħu bħala kelliem federali għall-partit “Alternattiv für Deutschland” (AfD) għas-snin 2016, 2017 u 2018, Jörg Meuthen:

    allegatament ipprovda informazzjoni żbaljata meta ppreżenta r-rapport ta' attività ta' l-AfD għall-2016, dwar servizzi li jammontaw għal EUR 89 800 li huwa kien jirċievi minn kumpanija Żvizzera fil-forma ta' reklami, posters elettorali, fuljetti, posters u grafiċi għall-kampanja elettorali tiegħu bħala kandidat tal-AfD fl-elezzjonijiet reġjonali ta' Baden-Württemberg tat-13 ta' Marzu 2016, u li ma kienx iddikjara b'mod ċar fir-rapport ta' attività tal-AfD għas-sena 2016, indirizzat lill-President tal-Bundestag Ġermaniż fil-21 ta' Diċembru 2017,

    allegatament ipprovda informazzjoni żbaljata jew mhux kompluta dwar id-diversi kompetizzjonijiet għall-kampanji elettorali għall-elezzjoni tal-Parlament Reġjonali ta' Nordrhein-Westfalen fl-14 ta' Mejju 2017 u l-elezzjoni tal-Bundestag Ġermaniż tal-24 ta' Settembru 2017, meta ġie ppreżentat ir-Rapport ta' Attività 2017,

    allegatament issottometta rapport ta' attività li ma kienx preċiż lill-President tal-Bundestag għas-sena finanzjarja 2018, b'rabta mal-elezzjonijiet għat-tmintax-il leġiżlatura tal-Parlament tal-Bavarja, li saru fl-14 ta' Ottubru 2018;

    C.

    billi Jörg Meuthen kien Membru tal-Parlament Ewropew sat-8 ta' Novembru 2017;

    D.

    billi l-allegati reati ma jikkonċernawx opinjoni espressa jew vot mitfugħ minnu fil-qadi ta' dmirijietu bħala Membru tal-Parlament Ewropew f'konformità mal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea;

    E.

    billi l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jipprevedi li l-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom;

    F.

    billi l-Artikolu 46(2), (3) u (4) tal-Liġi Fundamentali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja jipprevedi dan li ġej:

    “(2)

    Membru ma jistax jinżamm responsabbli jew inkella jiġi arrestat għal reat kastigabbli mingħajr il-permess tal-Bundestag, sakemm ma jkunx arrestat in flagrante delicto jew matul il-ġurnata ta' wara.

    (3)

    Il-permess tal-Bundestag għandu jkun meħtieġ ukoll għal kwalunkwe restrizzjoni oħra tal-libertà tal-persuna tal-Membru jew biex jinbdew proċedimenti kontra membru skont l-Artikolu 18.

    (4)

    Kwalunkwe proċediment kriminali jew proċediment skont l-Artikolu 18 kontra Membru u kwalunkwe detenzjoni jew restrizzjoni oħra tal-libertà tal-persuna tiegħu għandha tiġi sospiża fuq it-talba tal-Bundestag.”;

    G.

    billi l-Artikolu 192b tar-Richtlinien für das Strafverfahren und das Bußgeldverfahren jirregola t-tneħħija tal-immunità ta' Membru tal-Parlament Ewropew, u billi, b'mod partikolari, il-paragrafu 1 tiegħu jipprevedi dan li ġej:

    “(1)

    Membru tal-Parlament Ewropew mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja huwa intitolat għall-immunità mogħtija lil Membru tal-Bundestag Ġermaniż. (…)”;

    H.

    billi, minn naħa, il-Parlament ma jistax jitqies bħala qorti u, min-naħa l-oħra, il-Membru ma jistax, fil-kuntest ta' proċedura għat-tneħħija tal-immunità, jitqies bħala “akkużat” (2);

    I.

    billi l-għan tal-immunità parlamentari huwa li tipproteġi lill-Parlament u lill-Membri tiegħu minn proċedimenti ġudizzjarji relatati ma' attivitajiet imwettqa fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari u li huma inseparabbli minn dawn l-attivitajiet;

    J.

    billi, f'dan il-każ, il-Parlament ma setax jikkonstata l-eżistenza ta' fumus persecutionis, jiġifieri elementi tal-fatt li jindikaw li l-proċeduri ġudizzjarji inkwistjoni nbdew bl-intenzjoni li ssir ħsara lill-attività politika tal-Membru u għalhekk tal-Parlament Ewropew;

    1.

    jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Jörg Meuthen;

    2.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtoritajiet Ġermaniżi u lil Jörg Meuthen.

    (1)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/05, ECLI:EU:T:2010:102; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C 163/10, ECLI:EU:C:2011:543; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23. is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Diċembru 2019, Junqueras Vies, C-502/19, ECLI:EU:C:2019:1115.

    (2)  Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta' April 2019, Briois vs il-Parlament, T-214/18, ECLI:EU:T:2019:266.


    Top