Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022IP0042

    Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Frar 2022 fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-korruzzjoni u d-drittijiet tal-bniedem (2021/2066(INI))

    ĠU C 342, 6.9.2022, p. 295–306 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
    ĠU C 342, 6.9.2022, p. 259–270 (GA)

    6.9.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 342/295


    P9_TA(2022)0042

    Il-korruzzjoni u d-drittijiet tal-bniedem

    Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Frar 2022 fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-korruzzjoni u d-drittijiet tal-bniedem (2021/2066(INI))

    (2022/C 342/23)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni (UNCAC) li daħlet fis-seħħ fl-14 ta' Diċembru 2005,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

    wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

    wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali,

    wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) dwar il-Ġlieda kontra t-Tixħim tal-Uffiċjali Pubbliċi Barranin fit-Tranżazzjonijiet Kummerċjali Internazzjonali u r-Rakkomandazzjoni tal-2009 tal-Kunsill għall-Ġlieda Ulterjuri kontra t-Tixħim, ir-Rakkomandazzjoni tal-1996 dwar il-Possibbiltà ta' Tnaqqis tat-Taxxa tat-Tixħim għall-Uffiċjali Pubbliċi Barranin u strumenti oħra relatati,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-OECD tal-2010 bit-titolu “Post-Public Employment: Good practices for preventing Conflict of Interest” (Wara l-impjieg pubbliku: Prattiki tajbin għall-prevenzjoni ta' Kunflitt ta' Interess),

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-1997 dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (1),

    wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2020-2024, adottat mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fit-18 ta' Novembru 2020,

    wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem kif adottati fl-2914-il laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali tat-8 ta' Diċembru 2008,

    wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) stabbiliti fir-riżoluzzjoni tan-NU tal-25 ta' Settembru 2015 bit-titolu “Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli”, inkluż l-SDG 16 li jkopri l-isforzi biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) tat-8 ta' Novembru 2013 bit-titolu “Policy on preventing and deterring prohibited conduct in European Investment Bank activities” (EIB Anti-Fraud Policy) (Politika dwar il-prevenzjoni u t-trażżin ta' aġir ipprojbit fl-attivitajiet tal-Bank Ewropew tal-Investiment (Politika Kontra l-Frodi tal-BEI)),

    wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem: l-Implimentazzjoni tal-Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti “Protezzjoni, Rispett u Rimedju”,

    wara li kkunsidra l-edizzjoni tal-2011 tal-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali u l-istandards li żviluppat fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2016 dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem,

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/1998 tas-7 ta' Diċembru 2020 dwar miżuri restrittivi kontra ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem (2),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2021 dwar ir-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem (l-Att Magnitsky tal-UE) (3),

    wara li kkunsidra r-Regolamenti tar-Renju Unit tal-2021 dwar Sanzjonijiet Globali Kontra l-Korruzzjoni u l-prinċipji ġenerali tiegħu biex jiġu kkumpensati vittmi barranin (inklużi Stati affettwati) f'każijiet ta' tixħim, korruzzjoni u kriminalità ekonomika,

    wara li kkunsidra l-adozzjoni mill-Parlament Franċiż ta' dispożizzjonijiet vinkolanti ġodda għar-restituzzjoni tal-assi misruqa kkonfiskati lill-popli fil-pajjiżi ta' oriġini,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2021 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar diliġenza dovuta korporattiva u obbligu ta' rendikont korporattiv (4),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar il-governanza korporattiva sostenibbli (5),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Mejju 2021 dwar l-effetti tat-tibdil fil-klima fuq id-drittijiet tal-bniedem u r-rwol tad-difensuri ambjentali f'din il-kwistjoni (6),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2020 dwar il-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19 għall-politika barranija (7),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2017 dwar il-korruzzjoni u d-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi, (8)

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar ir-responsabbiltà tal-kumpaniji għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi (9),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2015 dwar l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa bħala sfidi għall-governanza, il-protezzjoni soċjali u l-iżvilupp fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw (10),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2013 dwar il-korruzzjoni fis-settur pubbliku u f'dak privat: l-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi (11),

    wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2018/843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu (12), u l-pakkett ta' proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni Ewropea biex jissaħħu r-regoli tal-UE kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (AML/CTF), ippubblikati fl-20 ta' Lulju 2021,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 83(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) dwar reati b'dimensjoni transkonfinali, inkluża l-korruzzjoni, li jipprevedi li l-UE tista' tistabbilixxi regoli komuni permezz ta' direttivi,

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-3 ta' April 2014, dwar l-iffriżar u l-konfiska ta' mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea (13),

    wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/1153 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 li tistabbilixxi regoli li jiffaċilitaw l-użu ta' informazzjoni finanzjarja u informazzjoni oħra għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' ċerti reati kriminali, u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/642/ĠAI (14),

    wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet tal-Liġi Kriminali u Ċivili tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Korruzzjoni, u strumenti legali u rakkomandazzjonijiet politiċi oħra dwar din il-kwistjoni adottati mill-korpi tal-Kunsill tal-Ewropa, inkluż dwar ir-regoli komuni kontra l-korruzzjoni fil-finanzjament tal-partiti politiċi u l-kampanji elettorali, u r-Riżoluzzjonijiet (98) 7 u (99) 5, adottati mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fil-5 ta' Mejju 1998 u fl-1 ta' Mejju 1999 rispettivament, li jistabbilixxu l-Grupp ta' Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO),

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa (97) 24 tas-6 ta' Novembru 1997 dwar l-Għoxrin Prinċipju ta' Gwida għall-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-GRECO tal-15 ta' April 2020 dwar ir-Riskji ta' Korruzzjoni u r-Referenzi Legali Utli fil-kuntest tal-COVID-19,

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (15),

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni politika bit-titolu “Our common commitment to effectively addressing challenges and implementing measures to prevent and combat corruption and strengthen international cooperation” (L-impenn komuni tagħna biex nindirizzaw b'mod effettiv l-isfidi u nimplimentaw miżuri biex nipprevjenu u niġġieldu l-korruzzjoni u nsaħħu l-kooperazzjoni internazzjonali), adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fit-2 ta' Ġunju 2021 matul is-sessjoni speċjali tagħha kontra l-korruzzjoni, u l-kontribut tal-UE għad-dokument ta' eżitu tas-Sessjoni Speċjali tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar il-korruzzjoni tas-17 ta' Diċembru 2019,

    wara li kkunsidra r-rapport tas-17 ta' Ġunju 2020 tal-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar il-kwistjoni tad-drittijiet tal-bniedem u korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi oħra tan-negozju bit-titolu “Connecting the business and human rights and the anti-corruption agendas” (Ngħaqqdu n-negozju u d-drittijiet tal-bniedem u l-aġendi kontra l-korruzzjoni),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar l-istituzzjonijiet nazzjonali għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem adottata fis-17 ta' Diċembru 2015 u r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-istituzzjonijiet nazzjonali għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem adottata fid-29 ta' Settembru 2016,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-21 ta' April 2020 tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) dwar l-isfidi ffaċċjati u l-aħjar prattiki applikati mill-Istati fl-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-istrateġiji u l-politiki nazzjonali tagħhom għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, inklużi dawk li jindirizzaw lill-atturi mhux Statali, bħas-settur privat,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-15 ta' April 2016 tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-aħjar prattiki biex jiġi miġġieled l-impatt negattiv tal-korruzzjoni fuq it-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha, u r-rapport finali tal-5 ta' Jannar 2015 tal-Kumitat Konsultattiv tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-kwistjoni tal-impatt negattiv tal-korruzzjoni fuq it-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem,

    wara li kkunsidra l-Abbozz tal-Linji Gwida tal-OHCHR dwar Qafas tad-Drittijiet tal-Bniedem għall-Irkupru tal-Assi,

    wara li kkunsidra l-inizjattiva “Global Compact” tan-NU biex l-istrateġiji u l-miżuri jkunu bbażati fuq il-prinċipji universali tad-drittijiet tal-bniedem, tal-impjiegi, tal-ambjent u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni,

    wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjonijiet tat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja,

    wara li kkunsidra l-Indiċi dwar il-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni ta' Transparency International,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 118 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0012/2022),

    A.

    billi l-korruzzjoni tiffaċilita, tipperpetwa u tistituzzjonalizza l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u xxekkel l-osservanza u l-implimentazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-korruzzjoni hija reat elenkat fl-Artikolu 83(1) TFUE li tirrikjedi definizzjoni u approċċ komuni minħabba n-natura partikolarment serja u d-dimensjoni transkonfinali tagħha;

    B.

    billi l-korruzzjoni taffettwa b'mod sproporzjonat lill-individwi u l-gruppi l-aktar vulnerabbli u emarġinati fis-soċjetà, tikser id-dritt ta' nondiskriminazzjoni u teskludihom, b'mod partikolari n-nisa, mill-aċċess ugwali għall-parteċipazzjoni politika, is-servizzi bażiċi u pubbliċi, il-ġustizzja, ir-riżorsi naturali, l-impjiegi, l-edukazzjoni, is-saħħa u l-akkomodazzjoni; billi l-korruzzjoni taggrava l-faqar u l-inugwaljanza permezz ta' miżapproprijazzjoni tal-ġid u l-beni pubbliċi filwaqt li tagħmel ħsara lill-preservazzjoni tal-ambjent naturali u s-sostenibbiltà ambjentali;

    C.

    billi l-korruzzjoni hija fenomenu kumpless u globali li jeżisti fil-pajjiżi kollha tad-dinja minkejja s-sistemi ekonomiċi u politiċi tagħhom; billi l-ġlieda kontra l-korruzzjoni teħtieġ kooperazzjoni internazzjonali u hija parti integrali mill-impenji internazzjonali biex jiġu ssodisfati d-drittijiet tal-bniedem, tiġi protetta l-pjaneta u jiġi żgurat li n-nies kollha jgawdu l-paċi u l-prosperità sal-2030, fil-qafas tal-SDGs tan-NU, b'mod partikolari l-SDG 16 li jiffoka fuq il-promozzjoni ta' soċjetajiet ġusti, paċifiċi u inklużivi, u fost l-oħrajn, jimpenja lill-komunità internazzjonali biex issaħħaħ l-irkupru u ritorn ta' assi misruqa;

    D.

    billi l-korruzzjoni tipikament tinvolvi l-abbuż ta' poter, nuqqas ta' obbligu ta' rendikont, l-ostruzzjoni tal-ġustizzja, l-użu ta' influwenza mhux xierqa, l-istituzzjonalizzazzjoni tad-diskriminazzjoni, il-klijenteliżmu, il-manipulazzjoni tal-Istat, in-nepotiżmu, il-kontinwazzjoni tal-kleptokraziji u d-distorsjoni tal-mekkaniżmi tas-suq fost affarijiet oħra, filwaqt li ħafna drabi hija marbuta mal-kriminalità organizzata, u hija ffaċilitata minn trasparenza u aċċess inadegwati għall-informazzjoni; billi l-awtoritarjaniżmu li qed jiżdied u l-ħolqien ta' reġimi mhux demokratiċi jipprovdu bażi fertili għall-korruzzjoni, li l-ġlieda tagħha titlob kooperazzjoni internazzjonali ma' demokraziji tal-istess fehma; billi l-korruzzjoni tagħmel lill-pajjiżi vulnerabbli għal influwenza barranija malizzjuża u tagħmel ħsara ulterjuri lill-istituzzjonijiet demokratiċi;

    E.

    billi l-pajjiżi, il-komunitajiet, il-kumpaniji jew l-individwi jistgħu jisfaw vittmi ta' korruzzjoni, b'mod partikolari dawk involuti fi sforzi ta' investigazzjoni, rappurtar, prosekuzzjoni u proċess ta' korruzzjoni, li huma f'riskju akbar u jeħtieġu protezzjoni effettiva; billi r-rappurtar tal-korruzzjoni huwa kawża ewlenija għall-qtil ta' ġurnalisti, u skont il-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ġurnalisti, fl-2021 ħames ġurnalisti li investigaw il-korruzzjoni kienu nqatlu sa Ottubru; billi l-protezzjoni tal-informaturi minn azzjoni ta' ritaljazzjoni u l-għoti ta' protezzjoni legali effettiva u proċeduri ta' rappurtar sikuri lilhom fis-setturi pubbliċi u privati huma integrali għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni; billi l-miżuri kollha kontra l-korruzzjoni jeħtieġ li jikkonformaw mal-istandards tad-drittijiet tal-bniedem;

    F.

    billi l-korruzzjoni timmina l-governanza u l-kwalità tas-servizzi pubbliċi, tagħmel ħsara lill-effiċjenza u l-effettività ta-istituzzjonijiet demokratiċi, il-governanza tal-korporazzjonijiet, is-sistema ta' kontrokontrolli u l-prinċipji demokratiċi, iddgħajjef l-istat tad-dritt, tnaqqar mill-fiduċja pubblika u timpedixxi l-iżvilupp sostenibbli, filwaqt li twassal għall-impunità tal-awturi, l-arrikkiment illeċitu ta' dawk fil-poter u l-ħtif tal-poter biex jevitaw il-prosekuzzjoni; billi n-nuqqas ta' sistema ġudizzjarja indipendenti jimmina r-rispett għall-istat tad-dritt; billi l-korruzzjoni hija katalist u fattur ewlieni ta' kunflitt, b'mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u tiddestabbilizza l-isforzi għall-konsolidazzjoni tal-paċi, filwaqt li tikkawża ksur massiv tad-drittijiet tal-bniedem u f'xi każijiet telf ta' ħajja; billi l-flussi finanzjarji illeċiti minn pajjiżi li qed jiżviluppaw huma ffaċilitati u mħeġġa minn ġuriżdizzjonijiet ta' segretezza u rifuġji fiskali, kif ukoll minn atturi finanzjarji u legali, li ħafna minnhom huma bbażati fl-Ewropa; billi l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' tali reati għadhom limitati;

    G.

    billi l-prattiki korrotti fil-politika, bħall-frodi elettorali, il-finanzjament illeċitu ta' kampanji politiċi u partiti politiċi u l-klijenteliżmu jdgħajfu d-drittijiet ċivili u politiċi li wieħed jieħu sehem fl-affarijiet pubbliċi, jivvota u jiġi elett f'kariga pubblika, filwaqt li jnaqqru l-fiduċja fil-partiti politiċi, ir-rappreżentanti eletti, il-proċessi demokratiċi u l-gvernijiet, u b'hekk jimminaw il-leġittimità demokratika u l-fiduċja pubblika fil-politika; billi fin-nuqqas ta' regolamentazzjoni effettiva, il-finanzjament tal-kampanji politiċi u l-finanzjament tal-partiti huma partikolarment esposti għal riskji ta' korruzzjoni u jintużaw madwar id-dinja kollha, b'mod partikolari minn atturi privati u Stati barranin, biex jeżerċitaw influwenza u jinterferixxu fl-elezzjonijiet, fil-kampanji ta' referendum u fid-dibattiti soċjali; billi xi Stati barranin u atturi mhux Statali qed jużaw il-korruzzjoni bħala għodda ta' politika barranija biex ixekklu l-progress lejn demokraziji li jiffunzjonaw u qed jimplimentaw dejjem aktar strateġiji ta' manipulazzjoni tal-ogħla livell u l-koopzjoni ta' impjegati taċ-ċivil kemm fl-UE kif ukoll fid-dinja, bil-ħsieb li javvanzaw l-interessi tagħhom fil-proċessi leġiżlattivi u politiċi;

    H.

    billi f'xi pajjiżi l-kriżi tal-COVID-19 li għaddejja bħalissa aggravat l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem relatati mal-korruzzjoni, peress li pajjiżi b'livelli ogħla ta' korruzzjoni jiffaċċjaw għadd akbar ta' mwiet relatati mal-COVID-19, u l-aktar komunitajiet vulnerabbli huma affettwati b'mod sproporzjonat; billi l-korruzzjoni tillimita t-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertajiet fundamentali u ta' standard tal-għajxien ekwu peress li toħnoq il-kapaċità tal-Istati li jipprovdu u jqassmu b'mod ġust is-servizzi tas-saħħa pubblika jew il-vaċċini; billi l-prodotti farmaċewtiċi u t-tagħmir mediku huma partikolarment vulnerabbli għall-korruzzjoni; billi ħafna gvernijiet użaw ħażin is-setgħat ta' emerġenza relatati mal-COVID-19 biex jikkonċentraw il-poteri tagħhom, iżidu r-ripressjonijiet fuq il-ġurnalisti, l-informaturi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu għall-kxif tal-korruzzjoni;

    I.

    billi l-kredibbiltà esterna tal-UE tiddependi wkoll minn azzjoni effettiva kontra l-korruzzjoni fl-Istati Membri tagħha u fil-livell tal-UE; billi diversi Stati Membri tal-UE jikklassifikaw fuq nett fl-Indiċi tas-Segretezza Finanzjarja tan-Networks tal-Ġustizzja Fiskali tal-2020, li jikklassifika l-ġuriżdizzjonijiet skont il-livell ta' segretezza tagħhom u l-iskala tal-attivitajiet offshore tagħhom; billi n-nuqqasijiet ġew dokumentati fl-Istati Membri fir-rieżamijiet imwettqa mill-Forum Globali tal-OECD dwar it-Trasparenza u l-Iskambju ta' Informazzjoni għal Skopijiet ta' Taxxa u t-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja; billi l-Istati Membri tal-UE għandhom iżidu t-trasparenza tas-sjieda tal-media;

    J.

    billi l-iskemi ta' ċittadinanza u ta' residenza b'investiment fis-seħħ f'xi Stati Membri jintużaw ħażin għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew tal-ħabi ta' fondi miksuba minn attivitajiet korrotti; billi ħafna Stati Membri għandhom regoli biex jipprevjenu l-influwenza indebita u l-korruzzjoni mil-leġiżlaturi u l-uffiċjali pubbliċi, inkluż għal eks uffiċjali pubbliċi, li għandhom rwol fundamentali fil-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-monitoraġġ ta' attivitajiet korrotti, iżda dawn ir-regoli huma biss parzjalment infurzati, filwaqt li r-regoli armonizzati fil-livell tal-UE mhumiex biżżejjed u jeħtieġ li jissaħħu;

    K.

    billi l-Assemblea Ġenerali tan-NU, fid-dikjarazzjoni politika tagħha tat-2 ta' Ġunju 2021, irrikonoxxiet ir-responsabbiltà tagħha u l-ħtieġa li tieħu azzjoni urġenti kontra l-korruzzjoni u impenjat ruħha li tirdoppja l-isforzi preventivi u li ssegwi approċċ multilaterali kontra l-korruzzjoni, speċjalment fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19;

    L.

    billi l-UE tappoġġja lil pajjiżi terzi fil-ġlieda tagħhom kontra l-korruzzjoni mhux biss permezz ta' assistenza teknika, azzjoni diplomatika u appoġġ finanzjarju, kif ukoll permezz ta' fora multilaterali, iżda wkoll permezz ta' leġiżlazzjoni tal-UE u l-istabbiliment ta' standards, linji gwida u oqfsa dwar azzjoni esterna;

    M.

    billi l-Kunsill impenja ruħu biex tiġi indirizzata l-korruzzjoni fil-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem għall-2020-2024 permezz ta' assistenza komprensiva li tikkonsisti fl-appoġġ għar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, strateġiji effettivi kontra l-korruzzjoni u oqfsa legali, inklużi informaturi u protezzjoni tax-xhieda, korpi speċjalizzati, parlamenti, media indipendenti u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kif ukoll permezz ta' appoġġ għar-ratifika u l-implimentazzjoni tal-UNCAC; billi l-kredibbiltà esterna tal-UE tiddependi wkoll minn azzjoni effettiva kontra l-korruzzjoni fl-Istati Membri tagħha;

    N.

    billi s-settur privat u l-intrapriżi tan-negozju, b'mod partikolari l-kumpaniji multinazzjonali u l-entitajiet bankarji, jista' jkollhom rwol ewlieni fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni globalment u fit-tnaqqis tal-impatti tagħha fuq id-drittijiet tal-bniedem; billi l-entitajiet bankarji jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-identifikazzjoni tal-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu u attivitajiet illeċiti oħra relatati mal-korruzzjoni, u b'hekk jenfasizzaw l-importanza li jiġu stabbiliti relazzjonijiet kooperattivi produttivi bejn l-istituzzjonijiet tal-Istat u s-settur privat;

    O.

    billi l-leġiżlazzjonijiet obbligatorji dwar id-diliġenza dovuta korporattiva huma mezzi indispensabbli biex jipprevjenu, jindirizzaw u jirrimedjaw b'mod effettiv il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ambjent globalment tul il-katina tal-provvista kollha, u ma għandhomx jaffettwaw b'mod negattiv lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs); billi d-dispożizzjonijiet tal-UNCAC għandhom jiffurmaw parti mill-obbligi ta' diliġenza dovuta previsti fil-proposta li jmiss tal-Kummissjoni dwar il-kwistjoni;

    P.

    billi r-reġimi ta' sanzjonijiet tal-UE bbażati fuq il-pajjiż diġà jippermettu miżuri mmirati kontra persuni u entitajiet responsabbli li jimminaw id-demokrazija u l-istat tad-dritt, inkluża mġiba finanzjarja ħażina serja li tikkonċerna fondi pubbliċi sa fejn l-atti huma koperti mill-UNCAC; billi l-adozzjoni tar-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem (l-Att Magnitsky tal-UE) hija żieda essenzjali mas-sett ta' għodod tal-UE; billi l-Parlament talab ripetutament l-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tiegħu biex jinkludi b'mod espliċitu atti ta' korruzzjoni, bil-ħsieb li jiġi miġġieled b'mod effettiv il-ksur kollu tad-drittijiet tal-bniedem, irrispettivament min-natura tar-reat, u għall-ħolqien ta' reġim komplementari f'każ li atti ta' korruzzjoni ma jkunux inklużi fir-reviżjoni tar-reġim attwali; billi l-Istati Uniti, il-Kanada u r-Renju Unit adottaw reġimi simili ta' sanzjonijiet kontra l-korruzzjoni;

    1.   

    Jirrakkomanda lill-Kunsill u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà:

    Lejn strateġija globali tal-UE kontra l-korruzzjoni

    (a)

    li jirikonoxxu r-rabta bejn il-korruzzjoni u d-drittijiet tal-bniedem u li l-korruzzjoni hija ostaklu enormi għat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha; jadottaw, għalhekk, approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, bil-vittmi tal-korruzzjoni jitqiegħdu fil-qalba tagħha, u jqiegħdu l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fuq quddiem nett u fiċ-ċentru tal-isforzi u l-politiki kollha tal-UE li jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt madwar id-dinja; jindirizzaw il-korruzzjoni bħala fenomenu globali li jeħtieġ istituzzjonijiet effettivi kontra l-korruzzjoni, mekkaniżmi ta' prevenzjoni u qafas regolatorju internazzjonali, kif ukoll l-irkupru tal-assi u l-prosekuzzjoni kriminali fl-UE; jibdew ħidma fuq definizzjoni ta' korruzzjoni rikonoxxuta internazzjonalment, bl-użu tal-UNCAC bħala linja gwida; jirrikonoxxu li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni teħtieġ azzjoni globali kkoordinata u kollaborazzjoni akbar bejn l-ispeċjalisti kontra l-korruzzjoni u dawk tad-drittijiet tal-bniedem; jippromwovu l-kooperazzjoni bejn l-UE, l-Istati Membri tagħha u pajjiżi terzi, speċjalment fil-livell tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-infurzar tal-liġi, u l-iskambju ta' informazzjoni, bil-ħsieb li jiġu skambjati prattiki tajba u għodod effettivi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

    (b)

    li jirrikonoxxu li t-trasparenza għandha tkun il-pedament tal-istrateġiji kollha kontra l-korruzzjoni; fid-dawl ta' dan, jitolbu li jitneħħew ir-regoli eċċessivi dwar is-segretezza professjonali fis-setturi rilevanti, speċjalment fis-settur finanzjarju, u li jiġi promoss l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar il-frodi tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa, kif ukoll ir-rappurtar pubbliku pajjiż b'pajjiż minn kumpaniji multinazzjonali u reġistri pubbliċi tas-sidien benefiċjarji tal-kumpaniji; jadottaw politika ta' tolleranza żero fir-rigward tar-rifuġji fiskali, minħabba li jippermettu li l-flussi finanzjarji illeċiti jiġu moħbija faċilment;

    (c)

    li jirrikonoxxu t-tendenza attwali lejn l-irtirar ta' demokraziji u ż-żieda ta' kleptokraziji madwar id-dinja, kif ukoll ir-rabta intrinsika bejniethom, u li huma wkoll dovuti għar-rwol tal-oligarki f'xi pajjiżi; jieħdu rwol ewlieni fil-fora multilaterali biex jiffurmaw koalizzjoni ta' demokraziji ħalli jiġġieldu kontra din it-theddida globali tal-kleptokrazija u l-awtoritarjaniżmu;

    (d)

    li jifformulaw strateġija globali tal-UE kontra l-korruzzjoni koerenti u effiċjenti billi jagħmlu rendikont tal-istrumenti eżistenti kontra l-korruzzjoni u l-prattiki tajbin fis-sett ta' għodod tal-UE, jidentifikaw il-lakuni, iżidu l-finanzjament, u jkabbru l-appoġġ għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kontra l-korruzzjoni, kif diġà mitlub mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2017 dwar il-korruzzjoni u d-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi; jassenjaw prijorità lill-prevenzjoni fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni billi jistabbilixxu miżuri, politiki u prattiki preventivi, inklużi kampanji ta' sensibilizzazzjoni u taħriġ fis-settur pubbliku u dak privat;

    (e)

    li jistabbilixxu grupp ta' ħidma dedikat tal-Kunsill għal ħidma preparatorja dwar kwistjonijiet kontra l-korruzzjoni (simili għas-COHOM, il-Grupp ta' Ħidma dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, jew immudellat fuqu) sabiex jinforma d-diskussjonijiet fil-Kunsill;

    (f)

    li jsaħħu r-rwol tal-Parlament Ewropew fl-iskrutinju tal-isforzi kontra l-korruzzjoni; jinnotaw id-determinazzjoni tal-Parlament biex iħejji rapport ta' aġġornament regolari dwar il-korruzzjoni u d-drittijiet tal-bniedem f'kull leġiżlatura; iħejju valutazzjonijiet annwali tal-progress miksub dwar ir-rakkomandazzjonijiet f'dawn ir-rapporti;

    (g)

    li jinsistu fuq l-implimentazzjoni u l-infurzar fuq bażi sħiħa tal-istrumenti nazzjonali u internazzjonali eżistenti kontra l-korruzzjoni bħall-UNCAC, il-Konvenzjoni tal-OECD dwar il-Ġlieda Kontra t-Tixħim tal-Uffiċjali Pubbliċi Barranin, l-istandards u r-rakkomandazzjonijiet kontra l-korruzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa, il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem u l-Konvenzjonijiet tal-Liġi Kriminali u Ċivili tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Korruzzjoni; iħeġġu lill-Istati kollha li għadhom ma għamlux dan biex jirratifikaw malajr dawn l-istrumenti kontra l-korruzzjoni; iwettqu minnufih proċess inklużiv u komprensiv biex tiġi rieżaminata l-implimentazzjoni tal-UE tal-UNCAC, kif ukoll l-introduzzjoni fil-pront ta' proċess ta' segwitu għar-rieżamijiet tal-UNCAC;

    Koerenza interna-esterna

    (h)

    li jsaħħu l-kredibbiltà tal-azzjoni esterna tal-UE kontra l-korruzzjoni billi jiġġieldu b'mod aktar effettiv il-korruzzjoni, kif ukoll l-evażjoni tat-taxxa, il-kummerċ illeċitu, is-segretezza bankarja u l-ħasil tal-flus fl-UE; jirrikonoxxu r-rwol u r-responsabbiltà proprji ta' għadd kritiku ta' individwi u entitajiet ibbażati fl-UE bħala l-inizjaturi, il-faċilitaturi u l-benefiċjarji tal-korruzzjoni f'pajjiżi terzi; jirrikonoxxu li bħala Stati firmatarji tal-UNCAC, l-Istati Membri kollha tal-UE impenjaw ruħhom li jagħmlu t-tixħim ta' uffiċjali pubbliċi nazzjonali u barranin reat kriminali; jirrikonoxxu li l-korruzzjoni sistemika u n-nuqqas ta' prosekuzzjoni effettiva tat-tixħim barrani f'xi Stati Membri tal-UE jimminaw l-isforzi kontra l-korruzzjoni f'pajjiżi terzi, u jieħdu azzjoni biex jeliminaw dawn in-nuqqasijiet; jirrikonoxxu li nuqqas ta' azzjoni armonizzata u determinata, dewmien u lakuni fl-implimentazzjoni tar-regolamenti kontra l-korruzzjoni fi ħdan l-UE jħeġġu lil atturi korrotti barra mill-UE; jiżguraw l-obbligu ta' rendikont għall-awturi ta' skemi ta' korruzzjoni fuq skala mifruxa u jadottaw standards komuni dwar it-trasparenza, il-kontroll u s-sorveljanza tal-investiment għat-tnaqqis tar-riskji ta' korruzzjoni u ħasil tal-flus maħluqa mill-hekk imsejħa programmi ta' viża tad-deheb;

    (i)

    li jitolbu lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-qafas tal-UE kontra l-korruzzjoni u tressaq direttiva tal-UE kontra l-korruzzjoni abbażi tal-Artikolu 83 tat-TFUE, li jistabbilixxi regoli komuni tal-UE għal sanzjonijiet kriminali għall-korruzzjoni;

    (j)

    li jirrikonoxxu li l-UE hija destinazzjoni għal fondi u assi miżapproprjati, li l-maġġoranza tagħhom ma jiġux ikkonfiskati u ritornati, li l-qafas legali għall-irkupru tal-assi misruqa għadu frammentat ħafna u li r-ritorn ta' assi miżapproprjati huwa imperattiv morali f'termini ta' ġustizzja u obbligu ta' rendikont, kif ukoll il-kredibbiltà tal-politika tal-UE dwar l-appoġġ għad-demokrazija; imexxu 'l quddiem l-isforzi fl-Istati Membri kollha tal-UE biex jiffriżaw u jikkonfiskaw l-assi misruqa fil-ġuriżdizzjonijiet tagħhom, f'konformità mal-UNCAC, u biex jirritornawhom b'mod trasparenti u responsabbli lejn il-pajjiż tal-oriġini u lill-vittmi, inkluż billi jtejbu b'mod sinifikanti t-trasparenza, l-aċċess għall-informazzjoni dwar assi barranin miżmuma fit-territorju tal-UE u jinvolvu b'mod sinifikattiv l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; isegwu minnufih l-impenji tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-2021 dwar l-irkupru tal-assi, inklużi dawk relatati mal-konfiska mingħajr kundanna kriminali, il-konfiska u r-ritorn tar-rikavati tal-korruzzjoni b'rabta ma' soluzzjonijiet barra l-qorti, u l-ġbir u l-pubblikazzjoni ta' data dwar l-irkupru tal-assi; ifasslu sekwenzjar xieraq tal-azzjonijiet (sanzjonijiet, konfiska ċivili u kriminali ta' assi, prosekuzzjoni kriminali, mekkaniżmi ta' ritorn tal-assi) li fl-aħħar mill-aħħar iwasslu għall-użu mill-ġdid tal-assi misruqa għall-benefiċċju tal-vittmi tal-korruzzjoni; jistabbilixxu kooperazzjoni effettiva bejn l-Istati Membri dwar din il-kwistjoni; jabbozzaw komunikazzjoni li tiddeskrivi inizjattivi possibbli fil-livell tal-UE u dak internazzjonali biex jiġi żgurat irkupru rapidu u effiċjenti ta' assi akkwistati b'mod illeċitu wara proċessi ta' tranżizzjoni demokratika u biex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda rifuġju sikur għal dawn l-assi; jistabbilixxu regoli komuni tal-UE għar-ritorn ta' assi misruqa, li jirrikjedu li ladarba rikorrent jistabbilixxi każ inizjali, l-entità intimata jew l-intimat għandhom fir-rigward ta' reati serji kif definiti mil-liġi nazzjonali juru li ssodisfaw l-obbligi legali u finanzjarji tagħhom, bħal dwar l-oriġini leċita tal-finanzjament jew assi oħra; iħarrku lil dawk responsabbli, jiffaċilitaw aċċess adegwat għall-vittmi għal rimedji u jappoġġjaw il-kapaċità tal-parlamenti li jeżerċitaw sorveljanza baġitarja effettiva;

    (k)

    li jissorveljaw bir-reqqa l-indħil barrani u jistabbilixxu u jiżguraw infurzar strett tar-regoli ta' finanzjament Ewropej għall-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi, l-NGOs u l-media, speċjalment meta l-finanzjament joriġina minn pajjiżi mhux demokratiċi u atturi mhux Statali, bil-ħsieb li jiġu evitati l-ħtif tar-riżorsi mill-elit, l-influwenza malizzjuża u l-interferenza fil-proċessi demokratiċi u l-affarijiet pubbliċi tal-UE u tal-pajjiżi sħab; jippromwovu t-trasparenza tas-sjieda tal-media bħala komponent essenzjali tad-demokrazija; jippromwovu programmi ddedikati dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi u l-infiq tal-kampanji bħala parti mill-appoġġ għad-demokrazija esterna tal-UE lill-pajjiżi tagħhom; jadottaw standards stretti dwar l-impjieg wara l-impjieg pubbliku ta' persuni eletti u uffiċjali pubbliċi għolja, jevitaw każijiet ta' “revolving door” u jiżguraw regoli armonizzati u l-infurzar tagħhom fil-livell tal-UE permezz ta' sistema ta' sorveljanza robusta;

    Id-drittijiet tal-bniedem u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni: l-arrikkiment u l-operazzjonalizzazzjoni tas-sett ta' għodod tal-UE

    (l)

    li jsaħħu l-integrazzjoni ta' approċċ kontra l-korruzzjoni bbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem fl-azzjoni esterna tal-UE, inkluż fl-Istrument ta' Viċinat, Żvilupp u Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI), fl-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) u fil-fondi fiduċjarji tal-UE; jagħtu prijorità lil impenji vinkolanti kontra l-korruzzjoni b'miri u skedi ta' żmien; jagħtu preċedenza lit-tkabbir tad-dħul domestiku fil-pajjiżi sħab billi jappoġġjaw il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u jsaħħu l-governanza tajba; issaħħu l-monitoraġġ u l-infurzar rigorużi sabiex jiġi evitat li l-fondi tal-UE jintużaw mill-gvernijiet għal attivitajiet illeċiti; jinkludu s-soċjetà ċivili fil-monitoraġġ tal-użu tal-fondi tal-UE u jsaħħu r-rwol tal-Parlament f'dan il-qasam; itejbu l-komunikazzjoni bejn l-aġenziji speċjalizzati tal-UE u s-sħab fil-prattika; jinvestu f'metodi diġitali u mmexxija mid-data għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, b'mod partikolari fil-kapaċitajiet investigattivi teknoloġiċi tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi; jippromwovu kooperazzjoni msaħħa bejn l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ewropew; jiżguraw bażi tad-data konsistenti, komprensiva u aċċessibbli tal-benefiċjarji finali tal-fondi tal-UE fiċ-ċiklu kollu tal-akkwist;

    (m)

    li jtejbu l-programmi fl-ambitu tal-istrumenti ta' azzjoni esterna tal-UE biex jappoġġjaw il-bini tal-kapaċità kontra l-korruzzjoni, abbażi tal-prinċipji tat-trasparenza, l-obbligu ta' rendikont, in-nondiskriminazzjoni u l-parteċipazzjoni sinifikanti tal-partijiet ikkonċernati, u f'konformità mar-regolamenti rilevanti dwar dawn l-istrumenti; iżidu l-effiċjenza tal-infiq tal-UE billi jinkludu miri u skedi ta' żmien ċari tal-programm; itejbu t-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp tagħha sabiex tikkonforma mal-istandards stabbiliti fil-prinċipji tal-effettività tal-iżvilupp maqbula internazzjonalment; jiżviluppaw sistema olistika ta' ġestjoni tar-riskju biex jipprevjenu li fondi tal-UE jikkontribwixxu għall-korruzzjoni billi pereżempju l-appoġġ baġitarju jkun marbut mal-objettivi kontra l-korruzzjoni u billi tingħata attenzjoni speċjali lill-monitoraġġ tal-implimentazzjoni; iwettqu monitoraġġ rigoruż tal-proġetti ffinanzjati mill-UE f'pajjiżi terzi u jiżguraw li dawn ma jintużawx bħala strumenti għall-finanzjament ta' attivitajiet illeċiti; jistabbilixxu awditi biex jivverifikaw li dawn il-fondi jkunu qed jintużaw f'konformità mal-objettivi stabbiliti fir-regolamenti għal kull strument; jissospendu l-appoġġ baġitarju f'pajjiżi fejn il-korruzzjoni hija mifruxa u fejn l-awtoritajiet manifestament jonqsu milli jieħdu azzjoni ġenwina, filwaqt li jiżguraw li l-assistenza tasal għand il-popolazzjoni ċivili permezz ta' mezzi oħra; fil-finanzjament tal-UE, jagħtu attenzjoni partikolari lill-ġestjoni tajba tal-assi pubbliċi ta' pajjiżi terzi, f'konformità mar-Regolament Finanzjarju tal-UE, u jappoġġjaw l-isforzi tal-OECD biex ittejjeb il-governanza korporattiva tal-intrapriżi tal-Istat; jesploraw il-possibbiltà li tinħoloq task force tal-UE kontra l-korruzzjoni b'setgħat, għarfien espert u riżorsi adegwati biex twettaq investigazzjonijiet u evalwazzjonijiet f'pajjiżi terzi u biex tipprovdi assistenza teknika u operazzjonali, inklużi pjanijiet ta' riforma mfassla apposta, lill-Istati li jirċievu fondi tal-UE li m'għandhomx biżżejjed kapaċità biex jindirizzaw il-korruzzjoni u jixtiequ jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom mal-UE; jinkoraġġixxu lid-Delegazzjonijiet tal-UE u l-ambaxxati tal-Istati Membri jirrappurtaw regolarment dwar il-korruzzjoni u jipprovdu taħriġ tekniku għall-persunal tad-Delegazzjoni tal-UE sabiex ikunu jistgħu jindirizzaw problemi f'dan il-qasam u jipproponu soluzzjonijiet għal kuntesti nazzjonali speċifiċi;

    (n)

    li jiżguraw li jiġu applikati l-ogħla standards etiċi u ta' trasparenza fil-finanzjament tal-UE, inkluż il-finanzjament ta' proġetti u self mill-BEI, li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-atturi indipendenti jkunu involuti bis-sħiħ fil-monitoraġġ ta' dawn il-fondi u li l-mekkaniżmi ta' lmentar ikunu disponibbli, aċċessibbli u jiżguraw l-obbligu ta' rendikont għall-użu ħażin possibbli tal-fondi; jiżguraw li l-korpi u l-aġenziji kollha tal-UE jiggarantixxu aċċess liberu, rapidu u faċli għall-informazzjoni, inkluż dwar l-allokazzjoni, ir-riċevitur finali tal-finanzjament u l-użu finali tal-fondi;

    (o)

    li jagħtu prijorità lill-ġlieda kontra l-korruzzjoni fin-negozjati u l-kriterji ta' qabel l-adeżjoni; jiffukaw fuq il-bini tal-kapaċitajiet, bħal korpi speċjalizzati kontra l-korruzzjoni;

    (p)

    li jinkludu fil-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment bejn l-UE u l-pajjiżi terzi kollha qafas ta' kundizzjonalità b'saħħtu u obbligatorju tad-drittijiet tal-bniedem b'dispożizzjonijiet ta' trasparenza u klawżoli vinkolanti u infurzabbli dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni; bħala l-aħħar alternattiva, jimponu sanzjonijiet jew jissospendu ftehimiet fil-każ ta' atti serji ta' korruzzjoni jew ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem; jiżguraw li n-negozjati kummerċjali jkunu inklużivi u trasparenti, b'sorveljanza pubblika sinifikanti u sensibilizzazzjoni tal-istrateġiji u l-prijoritajiet;

    (q)

    li jsaħħu l-enfasi fuq il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fid-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-diplomazija pubblika, jippromwovu djalogu miftuħ bejn l-Istati u s-soċjetà ċivili dwar il-problemi u s-soluzzjonijiet potenzjali u billi jinkludu b'mod attiv lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili involuti f'attivitajiet kontra l-korruzzjoni;

    (r)

    li jimmonitorjaw ir-riskji ta' korruzzjoni involuti fi proġetti ta' kostruzzjoni u investiment fuq skala kbira ta' pajjiżi terzi awtoritarji, imwettqa fuq livell globali iżda wkoll fl-Istati Membri, inkluż fis-setturi tal-enerġija, tal-industrija estrattiva, tal-infrastruttura, tad-difiża u tas-saħħa; jagħtu attenzjoni partikolari għat-trasparenza f'dawn il-proġetti, li spiss iqajmu tħassib dwar il-finanzjament mhux trasparenti jew ir-riskji fiskali; jipproċedu bl-implimentazzjoni rapida tal-programm tal-UE Ewropa Konnessa Globalment approvat mill-Kunsill fit-12 ta' Lulju 2021, li għandu l-potenzjal li jikkontribwixxi biex tiġi indirizzata din il-problema billi jippromwovi l-valuri u l-interessi tal-UE fil-politika ekonomika, tal-iżvilupp u tas-sigurtà;

    L-appoġġ lis-soċjetà ċivili, lill-ġurnalisti u lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem

    (s)

    li jirrikonoxxu r-rwol kruċjali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili indipendenti, tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-attivisti kontra l-korruzzjoni, tal-informaturi u tal-ġurnalisti investigattivi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, permezz ta' normi soċjetali li jinbidlu, il-ġlieda kontra l-impunità, il-ġbir ta' data, u l-kisba ta' implimentazzjoni u infurzar aħjar tal-miżuri kontra l-korruzzjoni; jaħdmu favur il-ħolqien ta' ambjent sikur u abilitanti għal dawk li jipprevjenu u jiġġieldu l-korruzzjoni, inklużi l-informaturi u l-ġurnalisti, kif ukoll għax-xhieda; jipprovdu appoġġ għall-vittmi tal-korruzzjoni – individwi kif ukoll komunitajiet – sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati u infurmati, jipparteċipaw fi proċedimenti ġudizzjarji u jitolbu u jirċievu kumpens għad-danni kkawżati; imexxu 'l quddiem l-isforzi biex jinkisbu traspożizzjoni u implimentazzjoni rapidi tad-Direttiva tal-UE dwar l-Informaturi min-naħa tal-Istati Membri; jaħdmu ma' pajjiżi terzi dwar il-protezzjoni tal-informaturi, inkluż permezz ta' impenji biex jiġu żgurati standards għoljin tal-protezzjoni tagħhom fil-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment kollha tal-UE f'konformità mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; jappoġġjaw l-isforzi biex l-awturi tar-reati jitressqu quddiem il-ġustizzja;

    (t)

    li jfasslu programmi biex jipprovdu aktar appoġġ finanzjarju lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, lill-media indipendenti, lill-informaturi, lill-ġurnalisti investigattivi u lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jaħdmu fuq il-prevenzjoni u l-kxif tal-korruzzjoni, l-avvanz tat-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, inkluż l-appoġġ kontra kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (kawżi SLAPP); itejbu l-aċċess tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fuq skala iżgħar għall-finanzjament tal-UE; jinsistu fuq l-istabbiliment ta' direttiva tal-UE ambizzjuża u effettiva kontra l-SLAPP, anke fir-rigward ta' fastidju ġudizzjarju possibbli minn awtoritajiet, korporazzjonijiet jew oħrajn barra mill-UE;

    (u)

    li jsaħħu l-protezzjoni tax-xhieda, tal-informaturi, tal-ġurnalisti investigattivi u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem kontra l-korruzzjoni u l-qraba tagħhom, kif xieraq, inkluż permezz tal-ħruġ ta' viżi ta' emerġenza u l-għoti ta' kenn temporanju fl-Istati Membri tal-UE, kif ukoll billi jiġu allokati riżorsi ddedikati lid-delegazzjonijiet tal-UE u r-rappreżentanzi tal-Istati Membri; jappellaw għal investigazzjoni bir-reqqa rigward il-vjolenza fuq u l-qtil ta' ġurnalisti investigattivi, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u attivisti oħra kontra l-korruzzjoni, u ġustizzja għalihom;

    Trasparenza u obbligu ta' rendikont tal-korpi pubbliċi

    (v)

    li jippromwovu aċċess mifrux għal-liġijiet dwar l-informazzjoni, u l-għoti ta' data tal-gvern sinifikanti, komprensiva, f'waqtha, aċċessibbli u diġitalizzata mingħajr ma jiġu imposti tariffi, trasparenza mtejba tal-akkwist pubbliku u l-lobbjar, b'korpi ta' sorveljanza indipendenti; iħeġġu lill-Istati jakkwistaw servizzi minn impriżi li jkunu kkonformaw mal-obbligi ta' diliġenza dovuta tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi dispożizzjonijiet kontra l-korruzzjoni;

    (w)

    li jwettqu programmi biex jappoġġjaw il-kapaċità parlamentari li jiġu eżerċitati kontroll baġitarju u attivitajiet oħra ta' sorveljanza;

    (x)

    li jappoġġjaw u jsaħħu l-korpi ġudizzjarji indipendenti, imparzjali, b'riżorsi tajbin, imħarrġa tajjeb u effettivi u l-korpi tal-prosekuzzjoni u tal-infurzar tal-liġi għas-suċċess fl-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u l-aġġudikazzjoni ta' reati ta' korruzzjoni; jappoġġjaw il-ħolqien u l-professjonalizzazzjoni ta' korpi Statali speċjalizzati kontra l-korruzzjoni f'pajjiżi terzi;

    (y)

    li jkomplu jappoġġjaw proċessi elettorali ħielsa u ġusti u jippromwovu l-obbligu ta' rendikont fil-konfront tal-votanti, b'attenzjoni speċjali għall-frodi elettorali u x-xiri tal-voti; jippromwovu regoli ta' trasparenza biex jikkumbattu l-finanzjament politiku illeċitu; jiżguraw segwitu aktar sistematiku tar-rakkomandazzjonijiet tal-missjonijiet internazzjonali ta' osservazzjoni;

    Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni f'fora multilaterali

    (z)

    li jassumu rwol ta' tmexxija fil-formazzjoni ta' koalizzjoni ta' demokraziji biex tiġi miġġielda ż-żieda globali tal-kleptokraziji; jinsistu li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni tiġi inkluża fl-aġenda tas-summits internazzjonali li jmiss, bħall-G7, u jappellaw għal implimentazzjoni sħiħa tal-aġenda kontra l-korruzzjoni miftiehma fis-Summit għad-Demokrazija propost mill-Istati Uniti; ikomplu jikkontribwixxu b'mod proattiv għall-ħidma tal-fora internazzjonali u reġjonali biex jiġġieldu l-korruzzjoni u jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem;

    (aa)

    li jilqgħu d-dikjarazzjoni politika storika dwar il-korruzzjoni adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU u jieħdu din l-opportunità biex jagħtu segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tagħha u jsaħħu l-kooperazzjoni mal-korpi tan-NU bħall-OHCHR u l-Uffiċċju tan-NU kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC); jinsistu fuq l-importanza tal-parteċipazzjoni sistematika tas-soċjetà ċivili fid-diskussjonijiet fil-livell tan-NU u l-mekkaniżmi ta' monitoraġġ dwar il-korruzzjoni;

    (ab)

    li jinkoraġġixxu l-approfondiment u t-twettiq tal-impenji internazzjonali biex il-ġlieda kontra l-korruzzjoni titqiegħed fil-qalba tal-SDGs bħala triq għall-ġlieda kontra l-faqar globali u għat-twettiq tad-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali, b'attenzjoni speċjali għad-dritt għall-edukazzjoni u l-parteċipazzjoni politika; jirrikonoxxu li l-korruzzjoni taġixxi bħala ostaklu għal ħafna aspetti tal-edukazzjoni, u dan jirriżulta fil-ħela ta' talenti u effetti negattivi fuq l-ekonomija; jenfasizzaw li l-edukazzjoni u l-informazzjoni huma għodod fundamentali għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni; għalhekk, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-edukazzjoni jagħmluha prijorità u jinkoraġġixxu lill-UE tiżviluppa u timplimenta programmi speċifiċi ddedikati għas-sensibilizzazzjoni dwar il-korruzzjoni, dwar x'tiswilha lis-soċjetà u l-mezzi biex din tiġi miġġielda;

    (ac)

    li jinsistu fuq il-ħatra ta' Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-kriminalità finanzjarja, il-korruzzjoni u d-drittijiet tal-bniedem b'mandat komprensiv, inkluż pjan orjentat lejn l-objettivi u evalwazzjoni perjodika tal-miżuri kontra l-korruzzjoni meħuda mill-Istati; ikunu minn ta' quddiem fil-mobilizzazzjoni tal-appoġġ fost l-Istati membri tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem, u b'mod konġunt jisponsorjaw riżoluzzjoni li twettaq il-mandat propost; jiddeskrivu fid-dettall, f'dan ir-rigward, ir-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfati mill-kandidati għall-kariga sabiex jiġi żgurat it-twettiq xieraq tal-mandat tagħhom, u jispeċifikaw il-proċess ta' trasparenza u ta' sjieda li l-kandidat magħżul ikun soġġett għalihom qabel ma jieħu l-kariga;

    (ad)

    li jibdew il-proċedura biex l-UE ssir membru sħiħ tal-GRECO, li fih l-UE għandha status ta' osservatur mill-2019; jinsistu mal-Istati Membri tal-UE biex jippubbliċizzaw u jilqgħu r-rakkomandazzjonijiet tal-GRECO;

    (ae)

    li jmexxu 'l quddiem id-diskussjonijiet dwar infrastruttura internazzjonali biex tiġi indirizzata l-impunità ta' individwi b'saħħithom involuti f'każijiet ta' korruzzjoni fuq skala kbira, inklużi mekkaniżmi investigattivi, prosekuturi u qrati internazzjonali; jesploraw approċċi komprensivi li jistgħu jirriformaw l-istituzzjonijiet tal-ġustizzja internazzjonali, bħall-estensjoni tal-ġuriżdizzjoni tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, l-użu ta' ġuriżdizzjoni universali għall-prosekuzzjoni ta' atti ta' korruzzjoni fil-livelli għolja jew l-istabbiliment possibbli ta' Qorti Internazzjonali Kontra l-Korruzzjoni; jirrikonoxxu l-importanza tat-trasparenza u jipprevedu għall-obbligu ta' rendikont tal-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-uffiċjali għolja;

    (af)

    li jippromwovu standards Ewropej, inkluż dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, it-trasparenza tas-sjieda benefiċjarja u l-protezzjoni tal-informaturi f'fora multinazzjonali oħra, u jappoġġjaw l-adozzjoni ta' dawn l-istandards minn pajjiżi terzi; jappoġġjaw ir-riforma tal-liġijiet dwar is-sjieda benefiċjarja, li għandhom jiżguraw li r-reġistri jkunu aġġornati u aċċessibbli, kemm fl-UE kif ukoll madwar id-dinja, sabiex ikun hemm trasparenza xierqa tal-entitajiet legali rilevanti, inklużi trusts u kumpaniji fittizji, bil-ħsieb li l-vittmi tal-korruzzjoni kif ukoll l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u tat-taxxa jkunu jistgħu jidentifikaw is-sidien effettivi ta' tali entitajiet;

    (ag)

    li jippromwovu l-inklużjoni ta' partijiet ikkonċernati mhux governattivi, inklużi akkademiċi u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, bħala osservaturi f'korpi sussidjarji tal-Konferenza tal-Istati Parti għall-UNCAC u mekkaniżmi multilaterali oħra kontra l-korruzzjoni;

    Negozju, korruzzjoni u d-drittijiet tal-bniedem

    (ah)

    li jistabbilixxu, b'mod urġenti, leġiżlazzjoni obbligatorja tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-diliġenza dovuta ambjentali imposta fuq l-entitajiet u r-relazzjonijiet kummerċjali kollha fuq il-katina tal-valur kollha ta' kumpanija li tirrikjedi li l-impriżi, inklużi dawk li jipprovdu prodotti u servizzi finanzjarji, jiżguraw l-identifikazzjoni, il-valutazzjoni, il-mitigazzjoni, il-prevenzjoni, il-waqfien, ir-responsabbiltà għal u n-notifika ta' kwalunkwe impatt negattiv tan-negozji u l-ktajjen tal-provvista tagħhom fuq id-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent u l-governanza tajba; u li tinkludi l-ogħla standards, dispożizzjonijiet b'saħħithom kontra l-korruzzjoni, mekkaniżmi obbligatorji ta' lmentar u reġimi ta' responsabbiltà li jippermettu lill-vittmi jżommu l-kumpaniji responsabbli u jfittxu rimedju; jiżguraw li l-obbligi ta' diliġenza dovuta japplikaw għat-tixħim ta' uffiċjali pubbliċi barranin, li jseħħ direttament jew permezz ta' intermedjarji; jenfasizza f'dan ir-rigward li l-leġiżlazzjoni futura dwar id-diliġenza dovuta għandha timminimizza l-piżijiet burokratiċi fuq il-kumpaniji, b'mod partikolari l-SMEs;

    (ai)

    li jmexxu 'l quddiem l-isforzi għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni, isaħħu l-istandards tal-kontabbiltà u tal-awditjar fis-settur privat, f'konformità mal-UNCAC u jinforzaw b'mod effettiv il-penali fuq korporazzjonijiet għal atti ta' korruzzjoni; jirrakkomandaw li l-kumpaniji kbar u elenkati kollha jirrappurtaw dwar l-attivitajiet tagħhom u l-implimentazzjoni tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u kontra t-tixħim tagħhom; jippromulgaw dispożizzjonijiet u jfasslu gwida għall-kumpaniji biex jipprovdu rappurtar sikur u kunfidenzjali dwar ksur tar-regoli kontra l-korruzzjoni u biex jipproteġu lil dawk li joħorġu fil-beraħ b'tali informazzjoni; jinkoraġġixxu lill-pajjiżi terzi jallokaw riżorsi adegwati għall-punti ta' kuntatt nazzjonali u jistabbilixxu mekkaniżmi oħra ta' lmentar mhux ġudizzjarji biex jipprovdu rimedji lill-individwi u lill-komunitajiet affettwati minn prattiki kummerċjali korrotti;

    (aj)

    li jiżviluppaw pjan ta' azzjoni biex isaħħu d-drittijiet tal-bniedem u d-diliġenza dovuta f'setturi bħall-finanzi, il-kontabbiltà jew il-proprjetà immobbli, li spiss jipprovdu l-istruttura abilitanti għall-korruzzjoni f'livell globali billi jipprovdu mezzi biex ir-rikavat mill-korruzzjoni isib triqtu lejn l-ekonomija leġittima;

    (ak)

    li jikkonfermaw mill-ġdid l-importanza tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem billi jiżguraw li l-Istati Membri kollha li għadhom ma adottawx il-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali jagħmlu dan mill-aktar fis possibbli, u jippromwovu l-adozzjoni ta' pjanijiet ta' azzjoni u diliġenza dovuta korporattiva minn pajjiżi terzi; jinvolvu ruħhom b'mod kostruttiv u attiv fin-negozjati dwar it-Trattat Vinkolanti tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem;

    Sanzjonar tal-korruzzjoni permezz tal-Att Magnitsky tal-UE

    (al)

    li jressqu malajr proposta leġiżlattiva li b'mod effettiv timmira lejn u timponi sanzjonijiet fuq il-faċilitaturi ekonomiċi u finanzjarji ta' dawk li jabbużaw mid-drittijiet tal-bniedem biż-żamma ta' assi u proprjetajiet fl-UE, f'konformità mat-talbiet ripetuti tal-Parlament biex jiġi emendat ir-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem billi jiġi estiż il-kamp ta' applikazzjoni tiegħu biex jinkludi atti ta' korruzzjoni, jew alternattivament titressaq proposta leġiżlattiva biex jiġi adottat reġim tematiku ġdid ta' sanzjonijiet kontra atti serji ta' korruzzjoni, u tiġi introdotta votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata għall-adozzjoni ta' sanzjonijiet fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-reġim ta' sanzjonijiet; jiżguraw rwol proattiv għall-Parlament f'dan ir-rigward; jikkooperaw mill-qrib mar-Renju Unit, li adotta reġim ġdid ta' sanzjonijiet dwar il-korruzzjoni, u ma' demokraziji oħra tal-istess fehma; jinnotaw ir-riskju li atturi korrotti jmexxu l-assi tagħhom lejn l-UE hekk kif aktar u aktar pajjiżi jadottaw oqfsa aktar stretti; jitolbu, għalhekk, li s-sanzjonijiet jiġu adottati malajr u debitament implimentati mill-Istati Membri, b'mod partikolari fir-rigward tal-projbizzjonijiet fuq id-dħul, l-identifikazzjoni u l-iffriżar tal-assi, għall-prevenzjoni li l-UE ssir ċentru tal-ħasil tal-flus, u jieħdu azzjoni kontra dawk l-Istati Membri li ma jissodisfawx l-obbligi tagħhom;

    Effetti tal-COVID-19

    (am)

    li jiżguraw li l-miżuri kontra l-korruzzjoni jiġu integrati fir-rispons għall-COVID-19 sabiex jiġu pprovduti u distribwiti b'mod ġust is-servizzi tas-saħħa pubblika u l-aċċess għall-vaċċini, inkluż billi jissaħħu l-istituzzjonijiet pubbliċi u tiġi żgurata trasparenza sħiħa tal-miżuri u l-użu tal-finanzjament;

    (an)

    li jiżguraw li l-appoġġ finanzjarju tal-UE relatat mal-pandemija lil pajjiżi terzi jkun marbut ma' impenn robust għall-isforzi kontra l-korruzzjoni;

    (ao)

    li jipprovdu appoġġ immirat għall-ġurnalisti u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu fuq il-kxif tal-korruzzjoni, li kienu vittmi ta' trażżin intensifikat permezz tal-abbuż tal-liġijiet ta' emerġenza waqt il-pandemija;

    Korruzzjoni, tibdil fil-klima u drittijiet tal-bniedem

    (ap)

    li jirrikonoxxu r-rabtiet bejn id-degradazzjoni u l-qerda ambjentali bħala impediment għat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem, u n-networks sottostanti ta' korruzzjoni, tixħim jew kriminalità organizzata; jintegraw il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-azzjoni globali tal-UE dwar il-klima u l-ambjent, filwaqt li jmexxu 'l quddiem it-trasparenza u l-governanza tajba tar-riżorsi naturali u l-ġlieda kontra l-ħtif tal-art, u jiffokaw fuq is-setturi l-aktar fir-riskju, bħall-industriji estrattivi;

    (aq)

    li jinnotaw li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-qasam ambjentali, id-difensuri tal-art u l-avukati tagħhom, b'mod partikolari n-nisa u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem indiġeni jiffaċċjaw l-akbar riskju ta' diskriminazzjoni, intimidazzjoni, vjolenza u qtil, u b'hekk jieħdu azzjoni deċiżiva biex jipproteġuhom, inkluż billi joħorġu viżi ta' emerġenza u jipprovdu kenn temporanju fl-Istati Membri tal-UE;

    Impatti tal-korruzzjoni abbażi tal-ġeneru

    (ar)

    li jinnotaw li l-korruzzjoni taggrava l-inugwaljanza bejn il-ġeneri u taffettwa sa liema punt id-drittijiet tan-nisa jiġu rispettati u protetti; jippromwovu l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u d-diversità fl-azzjoni kontra l-korruzzjoni, kif rakkomandat mill-UNODC u jevalwaw l-aspetti tal-ġeneru tal-korruzzjoni u l-impatt differenzjat tagħha; jindirizzaw l-impatt tal-korruzzjoni fuq id-drittijiet tan-nisa u jiżguraw li n-nisa jkunu konxji mid-drittijiet tagħhom sabiex titnaqqas il-vulnerabbiltà tagħhom għall-korruzzjoni; iqisu r-rabtiet bejn it-traffikar ta' bnedmin u l-korruzzjoni;

    (as)

    li jqisu l-fatt li l-korruzzjoni taffettwa u taggrava wkoll l-inugwaljanza għal gruppi vulnerabbli oħra bħat-tfal, il-persuni b'diżabilità, l-anzjani, il-persuni f'sitwazzjoni ta' vulnerabbiltà ekonomika jew il-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi;

    (at)

    li jirrikonoxxu l-estorsjoni sesswali bħala forma ta' korruzzjoni; ifasslu programmi biex jgħinu lill-vittmi ta' estorsjoni sesswali, forma ta' korruzzjoni partikolarment estrema u speċifika għall-ġeneru li tinvolvi lill-ġisem tal-bniedem bħala l-munita tal-korruzzjoni; jiġbru data biex titkejjel il-prevalenza tal-estorsjoni sesswali, biex jadottaw oqfsa u strumenti legali sabiex jiġu indirizzati u sanzjonati b'mod adegwat każijiet ta' estorsjoni sesswali, u jippromwovu dawn il-passi f'fora multilaterali;

    o

    o o

    2.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà.

    (1)  ĠU C 195, 25.6.1997, p. 2.

    (2)  ĠU L 410 I, 7.12.2020, p. 1

    (3)  Testi adottati, P9_TA(2021)0349.

    (4)  ĠU C 474, 24.11.2021, p. 11.

    (5)  ĠU C 445, 29.10.2021, p. 94.

    (6)  ĠU C 15, 12.1.2022, p. 111.

    (7)  ĠU C 425, 20.10.2021, p. 63.

    (8)  ĠU C 337, 20.9.2018, p. 82.

    (9)  ĠU C 215, 19.6.2018, p. 125.

    (10)  ĠU C 265, 11.8.2017, p. 59.

    (11)  ĠU C 181, 19.5.2016, p. 2.

    (12)  ĠU L 156, 19.6.2018, p. 43.

    (13)  ĠU L 127, 29.4.2014, p. 39.

    (14)  ĠU L 186, 11.7.2019, p. 122.

    (15)  ĠU L 317, 4.11.2014, p. 1.


    Top