Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022IP0049

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Frar 2022 dwar l-iżviluppi reċenti fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem fil-Filippini (2022/2540(RSP))

    ĠU C 342, 6.9.2022, p. 281–285 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
    ĠU C 342, 6.9.2022, p. 256–256 (GA)

    6.9.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 342/281


    P9_TA(2022)0049

    L-iżviluppi reċenti fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem fil-Filippini

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Frar 2022 dwar l-iżviluppi reċenti fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem fil-Filippini (2022/2540(RSP))

    (2022/C 342/20)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Filippini, b'mod partikolari dawk tal-15 ta' Settembru 2016 (1), tas-16 ta' Marzu 2017 (2), tad-19 ta' April 2018 (3) u tas-17 ta' Settembru 2020 (4),

    wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

    wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

    wara li kkunsidra l-Programm Konġunt tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Filippini ffirmat mill-Gvern tal-Filippini u n-NU fit-22 ta' Lulju 2021,

    wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa konġunta UE-Filippini tal-5 ta' Frar 2021 wara l-ewwel laqgħa tas-Sottokumitat dwar il-Governanza Tajba, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet tal-Bniedem,

    wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI),

    wara li kkunsidra l-Att Nru 11479 tar-Repubblika tal-Filippini tat-3 ta' Lulju 2020, magħruf ukoll bħala l-Att Kontra t-Terroriżmu,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni dwar il-Filippini maħruġa fis-7 ta' Ottubru 2021 minn Michelle Bachelet, Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, fl-okkażjoni tat-48 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.

    billi l-Filippini u l-UE għandhom relazzjonijiet diplomatiċi, ekonomiċi, kulturali u politiċi li jmorru lura ħafna snin; billi permezz tar-ratifika tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni, l-Unjoni Ewropea u l-Filippini reġgħu affermaw l-impenn konġunt tagħhom favur il-prinċipji tal-governanza tajba, id-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, il-promozzjoni tal-iżvilupp soċjali u ekonomiku kif ukoll il-paċi u s-sigurtà fir-reġjun;

    B.

    billi minn meta Rodrigo Duterte ġie elett President f'Mejju 2016 u bdiet l-hekk imsejħa “gwerra kontra d-droga”, fil-Filippini kien hemm ammont xokkanti ta' eżekuzzjonijiet ekstraġudizzjarji u każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

    C.

    billi f'Ġunju 2020, il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem irrappurtat li l-eżekuzzjonijiet relatati mal-kampanja tal-gvern kontra d-droga kienu “mifruxa u sistematiċi”; billi, skont l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, bejn 12 000 u 30 000 persuna nqatlu waqt rejds għad-droga, filwaqt li l-awtoritajiet jattribwixxu l-mewt ta' 6 200 persuna għall-azzjoni meħuda mill-pulizija f'dawn ir-rejds; billi l-President Duterte ħeġġeġ b'mod espliċitu lill-pulizija biex iwettqu eżekuzzjonijiet ekstraġudizzjarji u wegħedhom immunità, filwaqt li l-uffiċjali tal-pulizija involuti f'dawn l-atti ngħataw promozzjoni; billi l-President Duterte wiegħed li jkompli b'din il-kampanja kontra d-droga sa tmiem il-mandat presidenzjali tiegħu f'Ġunju 2022;

    D.

    billi, minn Ġunju 2016, inqatlu mill-inqas 146 difensur tad-drittijiet tal-bniedem u 22 ġurnalist, u sal-lum għadu ħadd ma ffaċċja l-ġustizzja f'xi wieħed minn dawn il-każijiet;

    E.

    billi l-attakki fuq l-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà ta' assoċjazzjoni kienu sistematiċi; billi, bejn Ġunju 2019 u Awwissu 2021, 16-il trejdjunjonista ġew arrestati u miżmuma l-ħabs, filwaqt li 12 ġew imġiegħla jiddiżaffiljaw; billi, taħt l-amministrazzjoni tal-President Duterte, 50 trejdjunjonista nqatlu f'eżekuzzjonijiet ekstraġudizzjarji; billi l-ambjent ta' biża' li nħoloq qed jimmina serjament il-kapaċità tal-ħaddiema li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom protetti mill-l-Konvenzjoni Nru 87 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO); billi l-gvern qed juża l-pandemija biex jiġġustifika n-nuqqas ta' azzjoni u ppospona missjoni tripartitika ta' livell għoli tal-ILO fil-pajjiż;

    F.

    billi l-irbit ta' organizzazzjonijiet u individwi ma' gruppi komunisti min-naħa tal-awtoritajiet, magħruf bħala “red-tagging”, qed ikompli jirriżulta fi qtil, theddid, arresti bla mandat, fastidju fil-konfront ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, avversarji, attivisti tal-unions, difensuri ambjentali u ġurnalisti li jfittxu li jesponu allegazzjonijiet ta' eżekuzzjonijiet ekstraġudizzjarji u ksur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-Att Kontra t-Terroriżmu adottat fl-2020 istituzzjonalizza r- “red-tagging”;

    G.

    billi, fid-9 ta' Diċembru 2021, il-Qorti Suprema kkonfermat il-legalità tal-biċċa l-kbira tal-Att Kontra t-Terroriżmu adottat mill-amministrazzjoni tal-President Duterte, li jagħti lill-forzi tas-sigurtà s-setgħa li jarrestaw u jżommu persuni suspettati għal massimu ta' 24 ġurnata mingħajr mandat u mingħajr ma jitressqu akkużi;

    H.

    billi l-pandemija tal-COVID-19 kompliet tħaffef id-deterjorament tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Filippini, partikolarment f'termini ta' libertà tal-espressjoni, integrità tal-midja u infurzar prevedibbli, u kellha riperkussjonijiet serji fuq il-kapaċità tal-midja u tas-soċjetà ċivili li jiddokumentaw trasgressjonijiet bħal dawn; billi l-aktar komunitajiet vulnerabbli fiż-żoni urbani ġew affettwati serjament mill-użu tal-vjolenza min-naħa tal-pulizija u l-militar biex tiġi infurzata l-kwarantina;

    I.

    billi l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Michelle Bachelet, fl-aħħar rapport tagħha dwar il-Filippini fis-7 ta' Ottubru 2021, enfasizzat li qed ikun hemm ksur u abbużi kontinwi u severi tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż kollu u li l-istandards bażiċi tad-drittijiet tal-bniedem qed jiġu injorati;

    J.

    billi, f'Ottubru 2020, il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU ssottolinja l-importanza li l-Gvern tal-Filippini jiżgura li tittieħed responsabbiltà għall-abbużi u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, li jsiru investigazzjonijiet indipendenti, sħaħ u trasparenti dwarhom, u li dawk kollha li kkommettew reati serji jitressqu quddiem il-ġustizzja;

    K.

    billi, fil-15 ta' Settembru 2021, l-awla preliminari tal-QKI ħabbret li kienet awtorizzat lill-Uffiċċju tal-Prosekutur biex jiftaħ investigazzjoni dwar delitti kontra l-umanità inklużi assassinji mwettqa fil-kuntest tal-“gwerra kontra d-droga” taħt l-amministrazzjoni tal-President Duterte u anke dwar dawk li allegatament twettqu f'Davao City mill-hekk imsejħa Davao Death Squad bejn l-2011 u l-2016;

    L.

    billi f'Marzu 2018, fuq inizjattiva tal-President Duterte, il-Filippini rtiraw mill-QKI wara li din bdiet l-eżami preliminari tagħha dwar l-ilment imressaq kontra Duterte b'rabta mal-ammont kbir ta' eżekuzzjonijiet konnessi mal-kampanja kontra d-droga;

    M.

    billi, fid-dawl tal-elezzjonijiet li ġejjin f'Mejju 2022, ġiet rappurtata żieda f'kampanji ta' malafama, mibegħda u diżinformazzjoni u “armati ta' trolls” fiċ-ċiberspazju Filippini; billi l-midja soċjali tikkostitwixxi s-sors ta' informazzjoni prinċipali fil-Filippini; billi attakki bħal dawn huma mmirati partikolarment lejn in-nisa u l-minoranzi; billi dan l-aħħar tħassru aktar minn 300 profil minn fuq il-midja soċjali minħabba ksur tar-regoli dwar l-ispam u l-manipulazzjoni; billi l-Parlament Filippin, f'tentattiv biex jiġġieled l-abbuż online, għadda liġi li tobbliga lill-utenti tal-midja soċjali jirreġistraw l-identità ġuridika tagħhom meta joħolqu profili ġodda; billi hemm tħassib ġustifikat li l-gvern jista' jabbuża minn din il-liġi biex jattakka lill-ġurnalisti u lis-soċjetà ċivili; billi l-awtoritajiet Filippini ma stidnux lill-UE twettaq missjoni ta' osservazzjoni elettorali;

    N.

    billi, fit-2 ta' Marzu 2021, il-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Filippini adottat – fit-tielet qari – l-Abbozz ta' Liġi Nru 7814, li, skont il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Filippini, jipprevedi preżunzjoni ta' ħtija għall-persuni akkużati bi traffikar, finanzjament, protezzjoni, kompliċità u/jew li huma involuti fit-traffikar tad-droga, u jipprova jerġa' jdaħħal il-piena tal-mewt;

    O.

    billi l-abbozz ta' liġi dwar il-ħarsien tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, li għadda mill-Kamra tar-Rappreżentanti, għadu pendenti quddiem is-Senat;

    P.

    billi, skont il-Gender Country Profile 2021 imfassal mid-Delegazzjoni tal-UE għall-Filippini, in-normi patrijarkali fil-politika, il-kultura u s-soċjetà huma wkoll kodifikati u rinfurzati fil-liġijiet u l-politiki tal-Filippini, abilitati minn organi leġiżlattivi u deċiżjonali ddominati kostantement mill-irġiel; billi liġijiet attwali bħall-Kodiċi Penali Rivedut u l-Kodiċi tal-Familja għad fihom dispożizzjonijiet diskriminatorji fil-konfront tan-nisa;

    Q.

    billi r-rebbieħa tal-Premju Nobel għall-Paċi Maria Ressa, ġurnalista u kofundatriċi tas-sit tal-aħbarijiet Rappler, fl-2019 ġiet arrestata fuq akkużi ta' “libell ċibernetiku” u ġiet ikkundannata fil-15 ta' Ġunju 2020; billi fl-2021 il-ġurnalisti Orlando Dinoy u Reynante Cortes inqatlu minn persuni armati mhux identifikati;

    R.

    billi s-Senatur Leila De Lima ilha ħames snin il-ħabs mingħajr proċess u fuq akkużi vvintati; billi De Lima ġiet arrestata għal raġunijiet diskriminatorji – minħabba l-opinjonijiet politiċi tagħha kif ukoll l-istatus tagħha bħala difensur tad-drittijiet tal-bniedem u bħala mara – u matul dawn is-snin ta' arrest preventiv ġiet imċaħħda mid-drittijiet elettorali tagħha u mill-possibbiltà li ssegwi kwalunkwe laqgħa tas-Senat mill-bogħod; billi s-Senatur De Lima, li ħabbret l-intenzjoni li terġa' tikkontesta għas-Senat, mhux se jkollha l-istess drittijiet u opportunitajiet biex tmexxi l-kampanja elettorali tagħha bħal kandidati oħra;

    S.

    billi l-Filippini jibbenefikaw mill-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi Plus (SĠP+); billi dan ifisser li l-Filippini jridu jimplimentaw effettivament 27 konvenzjoni internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tax-xogħol, il-ħarsien tal-ambjent u l-governanza tajba; billi fl-2020, 26 % tal-prodotti kollha esportati mill-Filippini lejn l-UE (EUR 1.6 biljun) gawdew minn trattament preferenzjali fl-ambitu ta' din l-iskema;

    1.

    Jikkundanna bil-qawwa l-eluf ta' omiċidji ekstraġudizzjarji u ksur serju ieħor tad-drittijiet tal-bniedem b'rabta mal-“gwerra kontra d-drogi”; jitlob rispons b'saħħtu min-naħa tal-UE;

    2.

    Itenni t-talba tiegħu lill-Gvern tal-Filippini biex itemm minnufih kull vjolenza u ksur tad-drittijiet tal-bniedem immirati lejn persuni suspettati li wettqu reati ta' droga, inkluż qtil illegali, arresti arbitrarji, atti ta' tortura u abbużi oħra, u biex jisfaxxa gruppi paramilitari privati u appoġġjati mill-istat involuti fil-“gwerra kontra d-drogi”;

    3.

    Jikkundanna kull theddid, fastidju, intimidazzjoni u vjolenza kontra dawk li jippruvaw jikxfu allegazzjonijiet ta' qtil ekstraġudizzjarju u abbużi oħra tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż; jiddenunzja l-prattika tal-uffiċjali tal-gvern ta' “red-tagging” fil-konfront ta' attivisti, ġurnalisti u kritiċi, li jittaggjawhom u jesponuhom għal ħsara potenzjali u, f'dan ir-rigward, jitlob li tiġi abolita t-Task Force Nazzjonali għat-Tmiem tal-Kunflitt Armat Komunista Lokali (NTF-ELCAC) inkarigata minn dan l-ittaggjar;

    4.

    Jistieden lill-awtoritajiet itemmu l-ittaggjar ta' organizzazzjonijiet u individwi, inklużi difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ambjent, ġurnalisti, attivisti tat-trade unions, u ħaddiema tal-knisja u umanitarji; jitlob lill-gvern jeħles lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, lid-dissidenti politiċi u lill-ġurnalisti kollha li ġew detenuti inġustament, u jwaqqa' minnufih l-akkużi kollha politikament motivati kontrihom;

    5.

    Jistieden lill-awtoritajiet jirrispettaw id-dritt għal-libertà tal-espressjoni, u jiżguraw li l-ġurnalisti jkunu jistgħu jagħmlu xogħolhom mingħajr biża'; jitlob li tintemm il-persekuzzjoni ta' Maria Ressa, ta' Frenchie Mae Cumpio u tal-ġurnalisti indipendenti l-oħra kollha;

    6.

    Itenni t-talba tiegħu lill-awtoritajiet tal-Filippini biex itemmu l-fastidju politiku tas-Senatur Leila De Lima, biex jordnaw il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tagħha, u biex iħarrku fi proċessi ġusti lil dawk li nstabu responsabbli għad-detenzjoni arbitrarja tagħha u għal ksur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa kontriha, bħal attakki abbażi tal-ġeneru u ksur tad-dritt tagħha għal proċess ġust; jistieden lill-UE tkompli ssegwi mill-qrib il-każ kontra s-Senatur De Lima;

    7.

    Jikkundanna bil-qawwa d-dikjarazzjonijiet sessisti, misoġinisti u bl-iskop li jumiljaw tal-President Duterte fil-konfront tan-nisa u tal-persuni li jidentifikaw li jappartjenu għall-komunità LGBTIQ+, u jħeġġuh iżomm lura milli jinċita l-vjolenza kontrihom;

    8.

    Jistieden lill-awtoritajiet tal-Filippini jwettqu minnufih investigazzjonijiet imparzjali, trasparenti, indipendenti u sinifikanti dwar il-qtil ekstraġudizzjarju kollu, inklużi l-każijiet ta' Jory Porquia, Randall “Randy” Echanis u Zara Alvarez, kif ukoll dwar l-għajbien sfurzat u l-mewt ta' Elena Tijamo, u dwar l-allegat ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju, bil-għan li l-awturi tar-reati jiġu mħarrka; jistieden lill-awtoritajiet tal-Filippini jiżguraw l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet tal-pulizija u l-politiċi b'kariga għolja kollha fejn ikun hemm suspett sostanzjali li għandhom responsabbiltà diretta jew superjuri u/jew li jagħtu kmand għal delitti skont id-dritt internazzjonali u ksur u abbużi serji oħra tad-drittijiet tal-bniedem;

    9.

    Jitlob li l-awtoritajiet tal-Filippini jikkonsultaw minnufih lit-trade unions dwar pjan direzzjonali marbut biż-żmien biex jimplimentaw il-konklużjonijiet tar-rapport ta' skambju virtwali tal-ILO dwar il-Filippini, u li jaċċettaw missjoni tripartitika ta' livell għoli tal-ILO fil-Filippini qabel il-Konferenza tal-ILO fl-2022 biex isir monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-ILO tal-2019;

    10.

    Jenfasizza li l-individwi responsabbli għall-ksur tad-dritt domestiku u tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem għandhom jinżammu responsabbli, irrispettivament mill-grad jew mill-pożizzjoni tagħhom, fi proċessi ġusti quddiem il-qrati ċivili;

    11.

    Jafferma mill-ġdid l-oppożizzjoni tiegħu għall-piena tal-mewt u jfakkar li l-leġiżlazzjoni kriminali jeħtiġilha tkun dejjem ibbażata fuq il-preżunzjoni tal-innoċenza;

    12.

    Jistieden lill-Filippini jemendaw jew iħassru l-leġiżlazzjoni li tkompli tiddiskrimina kontra n-nisa, u jippromwovu u jipproteġu d-drittijiet tan-nisa;

    13.

    Jissottolinja li l-Awla Preliminari I tal-QKI laqgħet it-talba tal-Prosekutur biex tinbeda investigazzjoni dwar id-delitti fi ħdan il-ġurisdizzjoni tal-Qorti li allegatament twettqu fit-territorju tal-Filippini bejn l-1 ta' Novembru 2011 u s-16 ta' Marzu 2019 matul il-kampanja ta' “gwerra kontra d-drogi”;

    14.

    Jiddispjaċih ħafna għad-deċiżjoni tal-Gvern tal-Filippini li jirtira mill-Istatut ta' Ruma; jistieden lill-gvern ireġġa' lura din id-deċiżjoni; iħeġġeġ lill-QKI tkompli l-investigazzjoni tagħha fl-allegazzjonijiet ta' reati kontra l-umanità fil-kuntest tal-qtil matul il-“gwerra kontra d-drogi”; jistieden lill-Gvern tal-Filippini jikkoopera bis-sħiħ mal-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-QKI fl-investigazzjoni tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Filippini u jtejjeb u jiffinanzja aħjar l-istrumenti domestiċi li jiżguraw is-sikurezza tax-xhieda u l-medjaturi;

    15.

    Jistieden lill-gvern jemenda l-Att Kontra t-Terroriżmu u r-regoli u r-regolamenti ta' implimentazzjoni tiegħu sabiex iġibhom konformi mal-istandards internazzjonali dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu;

    16.

    Huwa tal-fehma li mingħajr żvelar pubbliku u trasparenti tas-sejbiet kollha u l-involviment attiv ta' organizzazzjonijiet indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem u tas-soċjetà ċivili, il-kapaċità tal-Programm Konġunt tan-NU għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Filippini li jimmonitorja s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż hija mminata u ma tistax twassal għar-rimedji meħtieġa;

    17.

    Iħeġġeġ lill-Filippini jimplimentaw bis-sħiħ l-Att dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni u jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont id-dritt internazzjonali li jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem tal-popli indiġeni, inkluż matul il-kunflitt armat; jinsab ixxukkjat bil-prattika tat-traffikar, tar-reklutaġġ militari u tal-involviment tat-tfal fil-kunflitti minn gruppi paramilitari fil-pajjiż, u jħeġġeġ lill-partijiet kollha involuti jwaqqfu dawn il-prattiki;

    18.

    Jibża' li matul il-perjodu li ġej tal-elezzjoni u tal-kampanja, id-drittijiet politiċi fid-dinja online u offline se jkomplu jinkisru u jiġu ristretti; jistieden lill-kandidati kollha joqogħdu lura milli jużaw kampanji ta' diżinformazzjoni u armati ta' trolls, u jimpenjaw ruħhom għal kampanji ġusti u bbażati fuq il-fatti, u b'hekk jipprevjenu aktar diviżjonijiet fis-soċjetà u l-politika tal-Filippini; jistieden lill-awtoritajiet tal-Filippini jikkooperaw mill-qrib mal-kumpaniji tal-midja soċjali biex jipprevjenu l-manipulazzjoni, l-ispamming u t-tentattivi l-oħra kollha biex ixejnu d-diskors pubbliku;

    19.

    Jistieden lill-awtoritajiet tal-Filippini jżidu l-isforzi tagħhom biex jiżguraw elezzjonijiet ġusti u ħielsa, u ambjent mhux tossiku għall-kampanji online u offline; jiddispjaċih, f'dan il-kuntest, li l-awtoritajiet Filippini ma stidnux lill-UE twettaq missjoni ta' osservazzjoni elettorali; jistieden lill-Gvern tal-Filippini jiżgura kampanja elettorali sikura, ħielsa u ġusta u jieħu miżuri biex jiżgura l-aċċess għal kulħadd għar-riżorsi elettorali; jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE u lir-rappreżentanzi tal-Istati Membri tal-UE jaqblu li tintbagħat missjoni ta' osservazzjoni elettorali internazzjonali u jagħtu l-appoġġ sħiħ tagħhom lill-osservaturi elettorali lokali indipendenti, jiltaqgħu regolarment magħhom u jsegwu mill-qrib kwalunkwe inċident irrappurtat matul il-kampanja elettorali, inkluż billi jindirizzaw dan it-tħassib direttament mal-awtoritajiet Filippini;

    20.

    Jiddeplora s-sitwazzjoni li qed tiddeterjora tad-drittijiet tal-bniedem fil-Filippini taħt il-President Duterte u jittama li jara elezzjonijiet ħielsa u ġusti li jwasslu għal gvern demokratiku ġdid li jiddefendi d-drittijiet tal-bniedem, jinvestiga u jħarrek ksur fil-passat tad-drittijiet tal-bniedem u jerġa' jingħaqad mal-Istatut ta' Ruma;

    21.

    Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi parametri referenzjarji ċari, pubbliċi u marbuta biż-żmien biex il-Filippini jikkonformaw mal-obbligi tagħhom tad-drittijiet tal-bniedem skont l-iskema SĠP+ u jtenni bil-qawwa l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tibda minnufih il-proċedura li tista' twassal għall-irtirar temporanju tal-preferenzi SĠP+ jekk ma jkun hemm l-ebda titjib sostanzjali u rieda li jikkooperaw min-naħa tal-awtoritajiet Filippini;

    22.

    Itenni l-appell tiegħu lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà biex jimmonitorja mill-qrib is-sitwazzjoni fil-Filippini, u biex jirrapporta regolarment dwar dan lill-Parlament Ewropew;

    23.

    Jistieden lill-Istati Membri jżommu lura minn kull esportazzjoni ta' armi, teknoloġija ta' sorveljanza u tagħmir ieħor li jista' jintuża għal repressjoni interna mill-awtoritajiet Filippini;

    24.

    Jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE u lir-rappreżentanzi tal-Istati Membri fil-pajjiż jagħtu prijorità lill-appoġġ lis-soċjetà ċivili u jużaw l-istrumenti kollha disponibbli biex iżidu l-appoġġ tagħhom għall-ħidma tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ambjent;

    25.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Kungress tal-Filippini, lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN), lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, u lis-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN).

    (1)  ĠU C 204, 13.6.2018, p. 123.

    (2)  ĠU C 263, 25.7.2018, p. 113.

    (3)  ĠU C 390, 18.11.2019, p. 104.

    (4)  ĠU C 385, 22.9.2021, p. 133.


    Top