Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022IP0044

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Frar 2022 li jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar statut għall-assoċjazzjonijiet u l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ transfruntieri Ewropej (2020/2026(INL))

    ĠU C 342, 6.9.2022, p. 225–264 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
    ĠU C 342, 6.9.2022, p. 214–253 (GA)

    6.9.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 342/225


    P9_TA(2022)0044

    Statut għall-assoċjazzjonijiet u l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ transfruntieri Ewropej

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Frar 2022 li jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar statut għall-assoċjazzjonijiet u l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ transfruntieri Ewropej (2020/2026(INL))

    (2022/C 342/17)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”),

    wara li kkunsidra l-Artikoli 114 u 352 tat-TFUE,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tagħha,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

    wara li kkunsidra l-opinjoni tiegħu (1) dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal regolament dwar l-Istatut għal assoċjazzjoni Ewropea (2),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 1987 dwar l-assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ fil-Komunitajiet Ewropej (3),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ottubru 2020 dwar l-istabbiliment ta' Mekkaniżmu tal-UE għad-Demokrazija, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali (4),

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2011 dwar l-istabbiliment ta' statuti Ewropej għas-soċjetajiet mutwi, l-assoċjazzjonijiet u l-fondazzjonijiet (5),

    wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-KESE dwar “European Philanthropy: an untapped potential (Exploratory opinion at the request of the Romanian Presidency) (Filantropija Ewropea: potenzjal mhux sfruttat (Opinjoni esploratorja fuq talba tal-Presidenza Rumena))”,

    wara li kkunsidra l-Linji Gwida Konġunti dwar il-Libertà ta' Assoċjazzjoni (CDL-AD(2014)046) adottati mill-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt (Kummissjoni ta' Venezja) u l-Uffiċċju tal-OSKE għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR),

    wara li kkunsidra l-Artikoli 47 u 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A9-0007/2022),

    A.

    billi l-Artikolu 63 tat-TFUE flimkien mal-Artikoli 7, 8 u 12 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”) jistabbilixxu l-libertà ta' assoċjazzjoni fil-livelli kollha u jipproteġu lill-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ minn restrizzjonijiet diskriminatorji, mhux meħtieġa u mhux ġustifikati fir-rigward tal-finanzjament tal-attivitajiet tagħhom;

    B.

    billi t-terminu “organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ” għandu, għall-fini ta' din ir-riżoluzzjoni, jinftiehem li jirrifletti l-għadd kbir ta' forom ta' organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ fl-Unjoni, kemm ibbażati fuq sħubija kif ukoll mhux ibbażati fuq sħubija, pereżempju assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet filantropiċi, organizzazzjonijiet li l-assi tagħhom huma allokati għall-kisba ta' għan speċifiku, bħal fondazzjonijiet, u organizzazzjonijiet simili oħra;

    C.

    billi l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem irrikonoxxiet li l-Istat għandu obbligu pożittiv li jiżgura t-tgawdija tad-dritt għal-libertà ta' assoċjazzjoni u sabet fis-sentenza tagħha tal-21 ta' Ottubru 2005, Ouranio Toxo a.o. vs il-Greċja (6), li “r-rispett ġenwin u effettiv għal-libertà ta' assoċjazzjoni ma jistax jitnaqqas għal sempliċi dmir min-naħa tal-Istat li m'għandux jinterferixxi”; billi fis-sentenza tagħha fil-Kawża C-78/18 (7), il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) iddeċidiet li l-libertà ta' assoċjazzjoni ma tinkludix biss il-kapaċità ta' ħolqien jew xoljiment ta' assoċjazzjoni iżda tkopri wkoll il-possibbiltà li assoċjazzjoni taġixxi fil-frattemp;

    D.

    billi l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ huma fundamentali biex jirrappreżentaw l-interessi taċ-ċittadini u tas-soċjetà ċivili, inkluż billi jipprovdu servizzi f'oqsma li spiss ma jħallux qligħ fis-settur soċjali, jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni fil-ħajja soċjali u jiddefendu d-drittijiet tal-minoranzi; billi, barra minn hekk, dawn għandhom rwol ewlieni fl-antiċipazzjoni u l-indirizzar tal-isfidi soċjoekonomiċi kif ukoll fit-tnaqqis tal-lakuni fis-servizzi u fl-attivitajiet ekonomiċi, flimkien mal-gvernijiet nazzjonali, reġjonali u lokali;

    E.

    billi l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ spiss jużaw u jippromwovu l-libertà tal-espressjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-promozzjoni tal-interess pubbliku, jappoġġjaw il-parteċipazzjoni attiva fil-ħajja demokratika, u jiffunzjonaw bħala skejjel tad-demokrazija;

    F.

    billi l-kriżi tal-COVID-19 enfasizzat ir-rwol vitali tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ biex jgħinu lin-nies jiffaċċjaw il-ħafna diffikultajiet, u b'hekk jiggarantixxu l-koeżjoni soċjali; billi, madankollu, l-istatus tagħhom ġie mxekkel mill-kriżi tal-COVID-19 b'mod partikolari minħabba li din interrompiet l-attivitajiet tagħhom u ħolqot ukoll ħtiġijiet u missjonijiet ġodda;

    G.

    billi d-demokrazija Ewropea tiddependi mill-fatt li s-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi jkunu jistgħu jiffunzjonaw liberament u b'mod transfruntier; billi r-rwol essenzjali tas-soċjetà ċivili u tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi fil-kontribut għad-demokrazija jitqies bħala valur fundamentali tal-Unjoni, kif rikonoxxut b'mod partikolari mill-Artikolu 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (“TUE”), u jirrikjedi l-eżistenza ta' djalogu miftuħ, trasparenti u strutturat;

    H.

    billi l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ huma parti integrali mis-soċjetà ċivili tal-Unjoni u jinkludu organizzazzjonijiet filantropiċi bħal fondazzjonijiet li jikkontribwixxu għall-ħidma tal-individwi u tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ għall-interess pubbliku, u jiffaċilitaw din il-ħidma;

    I.

    billi informazzjoni statistika affidabbli dwar l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ hija skarsa jew mhux faċilment disponibbli;

    J.

    billi l-istatuti Ewropej għall-Kumpaniji Ewropej, għas-Soċjetajiet Kooperattivi Ewropej jew għall-Partiti Ewropej mhumiex adatti biex jippermettu lill-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ jikkooperaw b'mod transfruntier;

    K.

    billi n-negozji, l-impriżi kummerċjali u l-gruppi b'interess ekonomiku għandhom il-possibbiltà li jiffurmaw Gruppi Ewropej b'Interess Ekonomiku;

    L.

    billi l-korpi pubbliċi jistgħu joħolqu Ragruppament Ewropew ta' Koperazzjoni Territorjali;

    M.

    billi Statut Ewropew għal Assoċjazzjoni għandu jkun miftuħ għal organizzazzjonijiet u persuni li jixtiequ jinvolvu ruħhom fi skambji u tagħlim reċiproku b'mod transfruntier;

    N.

    billi t-talba tal-Parlament biex ikun hemm reġistri nazzjonali tal-istatistika għall-atturi tal-ekonomija soċjali ma tkoprix l-organizzazzjonijiet barra mill-ekonomija soċjali;

    O.

    billi ħafna organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ jiżvolġu rwol sħiħ fl-ekonomija u fl-iżvilupp tas-suq intern, billi jinvolvu ruħhom f'xi attività ekonomika fuq bażi regolari; billi l-volum tal-flussi finanzjarji transfruntiera bejn assoċjazzjonijiet jew organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ żdied b'mod konsiderevoli f'dawn l-aħħar għaxar snin;

    P.

    billi llum il-ġurnata żdiedet is-sensibilizzazzjoni fost dawk li jfasslu l-politika u s-soċjetà ċivili dwar il-potenzjal tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ f'termini ta' provvista ta' servizzi, involviment taċ-ċittadini u innovazzjoni soċjali; billi l-potenzjal tagħhom probabbilment mhuwiex sfruttat f'firxa wiesgħa ta' oqsma bħall-edukazzjoni, il-kultura, il-kura tas-saħħa, is-servizzi soċjali, ir-riċerka, l-għajnuna għall-iżvilupp, l-għajnuna umanitarja u t-tħejjija għad-diżastri;

    Q.

    billi l-potenzjal soċjoekonomiku tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ fl-Unjoni Ewropea qed jiżdied b'mod kostanti, bil-ħolqien ta' opportunitajiet ta' impjieg f'firxa wiesgħa ta' setturi;

    R.

    billi l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ jiżvolġu rwol ewlieni fl-appoġġ lill-individwi biex jipparteċipaw b'mod attiv fil-ħajja demokratika;

    S.

    billi l-maġġoranza l-kbira tal-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ jitwettqu fil-livell nazzjonali, għalkemm għadd dejjem jikber ta' organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ qed joperaw b'mod transfruntier, u b'hekk qed isaħħu l-koeżjoni soċjali bejn l-Istati Membri fil-livell tas-soċjetà, speċjalment fir-reġjuni tal-fruntieri li jammontaw għal kważi 40 % tat-territorju tal-Unjoni;

    T.

    billi l-organizzazzjonijiet transfruntiera mingħajr skop ta' qligħ jikkontribwixxu bil-kbir, b'mod partikolari, għall-ilħuq tal-objettivi tal-Unjoni u jiżviluppaw ħafna attivitajiet ta' interess ġenerali, u li huma varjati, b'rilevanza transnazzjonali, li jibbenefikaw l-interess ġenerali f'oqsma differenti; billi dan jinkludi iżda mhuwiex limitat għall-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet u l-valuri fundamentali, il-protezzjoni ambjentali, l-edukazzjoni, il-kultura, il-ħidma soċjali u l-għajnuna għall-iżvilupp;

    U.

    billi, minkejja l-għadd dejjem jikber ta' organizzazzjonijiet transfruntiera mingħajr skop ta' qligħ fl-Unjoni Ewropea, ma hemm l-ebda qafas leġiżlattiv pan-Ewropew armonizzat li jippermettilhom joperaw u jorganizzaw lilhom infushom b'mod xieraq fil-livell transfruntier;

    V.

    billi, fil-preżent, fin-nuqqas ta' regolamentazzjoni tal-Unjoni ta' organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ, l-attivitajiet transfruntiera tagħhom huma kkaratterizzati minn disparitajiet kulturali, ġudizzjarji u politiċi li jirriżultaw mil-liġi nazzjonali;

    W.

    billi l-Parlament enfasizza sa mill-1987 il-ħtieġa li jiġi introdott Regolament Ewropew xieraq għall-organizzazzjonijiet Ewropej mingħajr skop ta' qligħ fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 1987 dwar assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ fil-Komunitajiet Ewropej;

    X.

    billi kwalunkwe organizzazzjoni li tibbenefika minn statut Ewropew jew minn standards minimi komuni Ewropej għandha taġixxi favur il-promozzjoni u l-implimentazzjoni tal-valuri u l-objettivi komuni tal-UE minquxa fit-Trattati u fil-Karta;

    Is-sitwazzjoni attwali

    1.

    Jinnota li l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ ma għandhomx forma ġuridika fil-livell tal-Unjoni biex iqiegħdu r-rappreżentanza tal-interessi tas-soċjetà ċivili fuq l-istess livell bħal dak tal-impriżi kummerċjali u tal-gruppi b'interess ekonomiku li għalihom ilha li ġiet stabbilita forma ġuridika fil-livell tal-Unjoni;

    2.

    Josserva li d-differenzi ġuridiċi, kulturali, politiċi u ekonomiċi bejn l-Istati Membri jkomplu jagħmlu l-attivitajiet transfruntiera tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ kumplessi ħafna, u li t-trattament amministrattiv u fiskali attwali tal-attivitajiet transfruntiera ta' tali organizzazzjonijiet jirriżulta fi spejjeż ta' tranżazzjoni ogħla milli fil-livell nazzjonali;

    3.

    Jenfasizza li l-qafas ġuridiku attwali fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali mhuwiex biżżejjed biex jistabbilixxi u jappoġġja soċjetà ċivili pan-Ewropea b'saħħitha, li l-eżistenza tagħha hija meħtieġa għad-demokrazija; jidentifika, għaldaqstant, il-ħtieġa li tiġi introdotta forma ġuridika ġdida, jiġifieri dik ta' Assoċjazzjoni Ewropea, inklużi regoli dwar l-istabbiliment, it-trasparenza, il-kontabbiltà u l-governanza ta' assoċjazzjoni Ewropea;

    4.

    Jissottolinja l-importanza li tiġi żgurata l-koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni, tiġi evitata l-frammentazzjoni u jiġi appoġġjat approċċ armonizzat madwar l-Unjoni fir-rigward ta' Assoċjazzjoni Ewropea, permezz ta' Bord tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej maħtur; għal dan il-għan, jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-għażliet differenti u tressaq proposta għall-aktar forma u status xierqa għal dan il-Bord tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej, li fih huma rappreżentati l-Istati Membri kollha u li għandu setgħat ta' teħid ta' deċiżjonijiet definiti sew;

    5.

    Jemmen li leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tappoġġja lill-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ hija meħtieġa wkoll għat-tlestija tas-suq intern;

    6.

    Jisħaq li, għalkemm il-libertà ta' moviment u dik tal-istabbiliment huma minquxa fit-Trattati, id-dritt fundamentali ta' assoċjazzjoni għadu mhux appoġġjat u promoss bis-sħiħ f'diversi ġuriżdizzjonijiet tal-Istati Membri minħabba n-nuqqas ta' forom organizzattivi xierqa u n-nuqqas ta' trattament ugwali tal-forom eżistenti fl-Unjoni kollha, li minn naħa, ifixkel attivitajiet u proġetti transnazzjonali, missjonijiet transfruntiera u l-mobbiltà tas-soċjetà ċivili, u, min-naħa l-oħra, jikkawża inċertezza tad-dritt;

    7.

    Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' strument li jiffaċilita aktar il-libertà ta' moviment għall-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ, irrispettivament mill-Istat Membru li fih ikunu ġew stabbiliti, jew fejn il-membri tagħhom jirrisjedu, b'mod partikolari billi jneħħi l-ostakli legali u amministrattivi;

    8.

    Jenfasizza li, minħabba n-nuqqas ta' approssimazzjoni tal-prattiki, l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ li joperaw madwar l-Unjoni spiss jiffaċċjaw restrizzjonijiet mhux ġustifikati bħal tariffi, formalitajiet, u ostakli amministrattivi u ostakli oħra, li jpoġġu l-attivitajiet ta' kuljum tagħhom f'riskju u jiskoraġġixxu tali organizzazzjonijiet milli jestendu l-missjonijiet tagħhom b'mod transfruntier; jissottolinja li taliostakli jwasslu wkoll għal żieda sinifikanti fl-ammont ta' xogħol minħabba l-ħtieġa li jiġu segwiti ħafna proċeduri amministrattivi differenti f'aktar minn Stat Membru wieħed;

    9.

    Jiddeplora l-fatt li, f'għadd ta' Stati Membri, l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ tħallew barra mill-iskemi ta' għajnuna ta' rispons għall-pandemija;

    10.

    Jenfasizza li n-nuqqas ta' approssimazzjoni tal-prattiki jwassal ukoll għal kundizzjonijiet mhux ekwi minħabba l-kundizzjonijiet differenti tas-suq u ostakli oħra li l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ jiffaċċjaw fi Stati Membri differenti, pereżempju meta jiftħu kontijiet bankarji, jiġbru u jikkontabbilizzaw fondi barranin, jaċċessaw miżuri u skemi ta' benefiċċju pubbliku, jibbenefikaw minn ċerti tipi ta' trattament finanzjarju jew fiskali, jew jimpjegaw persunal, b'mod partikolari meta jwettqu reklutaġġ transfruntier, li għandu jiġi ffaċilitat f'konformità mal-libertà ta' moviment tal-ħaddiema;

    11.

    Jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-forom differenti li taħthom joperaw l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ fl-Istati Membri u tfassal analiżi komparattiva;

    12.

    Jirrimarka li l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ jikkontribwixxu għall-innovazzjoni, ir-riċerka, l-iżvilupp ekonomiku, u l-ħolqien tal-impjiegi, b'mod partikolari fis-setturi soċjali, intraprenditorjali, teknoloġiċi u kulturali;

    13.

    Jirrikonoxxi l-kontributi tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ għal ċerti għanijiet strateġiċi tal-Unjoni, bħall-ġlieda kontra l-kriżi klimatika, l-indirizzar tat-trasformazzjoni diġitali, u l-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19; jissottolinja li l-kisba ta' dawk l-għanijiet se tkun impossibbli mingħajr il-kontribut tas-soċjetà ċivili li tippromwovi dawk il-kwistjonijiet fl-Ewropa kollha, b'mod partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-politiki meħtieġa fil-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-Unjoni, filwaqt li jiġu rispettati l-interessi u d-drittijiet ta' dawk affettwati;

    14.

    Jiddispjaċih li d-data hija skarsa jew skaduta; jitlob lill-Istati Membri jipprovdu regolarment data diżaggregata u lill-Kummissjoni toħloq riżorsi ta' statistika affidabbli u frekwentement aġġornati, ibbażati fuq metodoloġija stabbilita li tiżgura t-trasparenza u l-komparabbiltà, u tagħmilha possibbli li tali data tiġi inkluża fil-Eurostat dwar attivitajiet u kontribuzzjonijiet transfruntiera; jirrimarka li, skont l-istudju tal-2017 ikkummissjonat mill-KESE, “Recent evolutions of the social economy in the European Union” (Evoluzzjonijiet reċenti tal-ekonomija soċjali fl-Unjoni Ewropea), minn total ta' 13,6 miljun post imħallas f'kooperattivi, soċjetajiet mutwi, assoċjazzjonijiet, fondazzjonijiet u entitajiet simili fl-Unjoni Ewropea, 9 miljuni kienu ġejjin minn impjiegi f'assoċjazzjonijiet u fondazzjonijiet, li jagħmluhom is-sors ewlieni ta' impjieg f’ dak is--settur; jenfasizza l-fatt li dan juri wkoll l-importanza tad-disponibbiltà ta' aktar data li tikkonċerna qasam akbar mill-ekonomija soċjali;

    15.

    Jiddispjaċih li l-Kummissjoni u l-Istati Membri ma ressqux leġiżlazzjoni biex jiżguraw ambjent abilitanti li fih huwa possibbli għall-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ li jikkontribwixxu għall-funzjonament tas-suq intern, u biex jiżguraw fluss liberu tal-kapital bejn il-fruntieri, u li ma ġiex stabbilit statut għal Assoċjazzjoni Ewropea minkejja diversi tentattivi u bosta talbiet mis-soċjetà ċivili u mill-Parlament;

    16.

    Jilqa' l-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ekonomija Soċjali li jmiss u jqis li, peress li ċerti organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ biss qed joperaw fl-ekonomija soċjali, dak il-Pjan ta' Azzjoni jeħtieġ li jinkludi rakkomandazzjonijiet dwar kif jingħelbu l-ostakli transfruntiera, u jeħtieġ li jiġi kkomplementat minn inizjattivi leġiżlattivi separati mmirati lejn l-appoġġ għall-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ;

    17.

    Iqis li, minħabba l-karattru partikolari tagħhom, l-istrumenti ġuridiċi proposti ma jridx ikollhom impatt fuq ir-regolamentazzjoni tal-partiti politiċi; ifakkar, barra minn hekk, li l-Unjoni tirrispetta l-istatus ta' knejjes, organizzazzjonijiet jew komunitajiet reliġjużi, kif ukoll organizzazzjonijiet filosofiċi jew mhux konfessjonali skont id-dritt nazzjonali; jissottolinja li dan ma jipprekludix lill-organizzazzjonijiet, li l-valuri u l-għanijiet tagħhom huma bbażati fuq twemmin reliġjuż, filosofiku jew mhux konfessjonali, bħall-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ tal-karità ta' ispirazzjoni reliġjuża, milli jibbenefikaw mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dawk l-istrumenti proposti; jindika li t-trade unions f'diversi Stati Membri jingħataw status ta' benefiċċju speċjali u li t-trade unions għandhom għalhekk ikunu esklużi mill-istrumenti proposti; jirrimarka li l-persuni li jixtiequ jwaqqfu assoċjazzjoni huma liberi li jagħmlu użu mid-dispożizzjonijiet tar-regolament propost u jieħdu l-forma ta' Assoċjazzjoni Ewropea; jinnota li d-Direttiva proposta dwar standards minimi għandha tapplika għall-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ kollha fl-Unjoni;

    Is-salvagwardja tas-soċjetà ċivili u l-libertà ta' assoċjazzjoni

    18.

    Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar it-tfixkil li qed jiffaċċjaw l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ madwar l-Unjoni, u dwar id-disparitajiet li jirriżultaw mil-liġijiet, mir-regolamenti jew mill-prattiki jew il-politiki amministrattivi nazzjonali; jirrimarka li dan jista' jaffettwa b'mod negattiv lis-soċjetà ċivili, jirrestrinġi bla bżonn id-drittijiet fundamentali, speċjalment il-libertà ta' assoċjazzjoni, ta' espressjoni, u tal-informazzjoni, u jiskoraġġixxi lill-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ milli jestendu l-attivitajiet tagħhom b'mod transfruntier;

    19.

    Iqis kif xieraq il-possibbiltajiet li d-diġitalizzazzjoni u l-internet jipprovdu biex jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà ta' assoċjazzjoni, pereżempju billi jagħmlu r-reġistrazzjoni u l-formazzjoni ta' organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ aktar faċli u faċilment disponibbli online;

    20.

    Jenfasizza li l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ huma strumentali għad-demokrazija u għat-tfassil tal-politika fil-livelli kollha; huma jippromwovu u jaħdmu għall-ġid pubbliku, huma parti mill-ekwilibriju ta' setgħat meħtieġa għall-istat tad-dritt, u huma xpruni għall-involviment ċiviku; jilqa' l-involviment tas-soċjetà ċivili fil-promozzjoni tal-interess pubbliku, l-attiviżmu u bħala parti mill-ħajja soċjali attiva;

    21.

    Itenni li l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ għandhom il-libertà ta' parteċipazzjoni fi kwistjonijiet ta' dibattitu politiku jew pubbliku permezz tal-objettivi jew l-attivitajiet tagħhom; jikkundanna t-tentattivi biex l-ispazju ċiviku jiġi ristrett għal raġunijiet politiċi, u jikkundanna ċ-ċaħda, ir-rifjut jew l-isfida tal-istatus tagħhom bħala organizzazzjonijiet ta' benefiċċju pubbliku, ibbażati fuq attività politika perċepita jew reali, fejn l-attivitajiet tagħhom mhumiex maħsuba biex jibbenefikaw partit partikolari wieħed jew jissostitwixxu l-politika tal-partiti; iqis li każijiet bħal dawn huma perikolużi għad-demokrazija Ewropea;

    22.

    Jisħaq fuq l-importanza tal-indipendenza tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ u l-ħtieġa li jiġi żgurat ambjent abilitanti għall-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ, filwaqt li tiġi rispettata l-pluralità tagħhom u jiġu mifhuma l-organizzazzjonijiet għall-benefiċċju pubbliku bħala li jikkontribwixxu mhux biss għall-forniment ta' servizzi fuq il-post, iżda wkoll għall-promozzjoni tal-ġid pubbliku u l-monitoraġġ tal-politiki pubbliċi;

    23.

    Ifakkar fl-importanza tal-ġurnaliżmu indipendenti, imparzjali, professjonali u responsabbli fir-rigward tal-għoti ta' informazzjoni dwar l-attivitajiet ta' organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ kemm fil-media privata kif ukoll dik pubblika, kif ukoll l-importanza tal-aċċess għal informazzjoni pluralistika bħala pilastri ewlenin tad-demokrazija; jinsab imħasseb dwar kampanji ta' malafama u litigazzjoni abbużiva f'diversi Stati Membri użati kontra atturi involuti fil-parteċipazzjoni pubblika, inklużi organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ, minn uffiċjali eletti, korpi pubbliċi jew entitajiet ikkontrollati pubblikament kif ukoll minn individwi u entitajiet privati; jenfasizza l-fatt li l-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar SLAPPs fil-11 ta' Novembru 2021 (8);

    24.

    Isostni li regolament li jistabbilixxi qafas legali se jkun ta' benefiċċju għas-soċjetà ċivili Ewropea biss jekk l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ ikunu jistgħu jagħmlu użu minn finanzjament adegwat u faċilment aċċessibbli kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak Ewropew; jindika li l-finanzjament pubbliku, kif ukoll il-finanzjament privat tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ, huma importanti peress li għandhom inqas aċċess għall-introjtu minn attivitajiet ta' qligħ; jissottolinja, f'dan il-kuntest, l-eżistenza tal-programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri, li huwa mmirat, fost l-oħrajn, lejn organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ; jirrimarka li, skont ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), l-għotjiet tal-Unjoni għandhom jinvolvu kofinanzjament li jista' jiġi pprovdut fil-forma ta' fondi proprji, introjtu ġġenerat mill-azzjoni jew mill-programm ta' ħidma, jew kontribuzzjonijiet finanzjarji jew in natura minn partijiet terzi; huwa tal-fehma li, b'mod partikolari fil-każ ta' organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ b'riżorsi finanzjarji limitati ħafna, għandu jiġi evalwat limitu għar-rekwiżit ta' fondi proprji u għandhom jingħaddu l-kontribuzzjonijiet mhux monetarji bħala tali, dment li tali trattament ma jfixkilx il-kompetizzjoni fl-aċċess għall-finanzjament; jinnota li ħafna drabi l-fondi tal-Unjoni disponibbli għall-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ jeħtieġu kofinanzjament, li jfisser li l-benefiċjarju jkollu jiġbor sehem mill-fondi meħtieġa minn sorsi oħra; jirrimarka li r-rekwiżit ta' sehem għoli wisq tar-riżorsi proprji jkun ta' detriment għall-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ, peress li dawn jaf ma jkunux jistgħu jiġbru tali fondi, u dan iwassal biex xi organizzazzjonijiet jiġu esklużi; jemmen għalhekk, li l-limitu tas-sehem tal-kofinanzjament għandu jkun evalwat u li jeħtieġ li jitqiesu mezzi differenti li jistgħu jiġu monetarizzati, bħall-ħin tal-volontarjat jew il-kontribuzzjonijiet in natura;

    25.

    Jirrimarka li huwa importanti li l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ jipprovdu informazzjoni rilevanti lill-pubbliku; jiġbed ukoll l-attenzjoni għall-fatt li t-trasparenza fir-rigward tal-finanzjament għandha titqies bħala interess pubbliku fejn l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ ikollhom influwenza sinifikanti fuq il-ħajja pubblika u d-dibattitu pubbliku;

    26.

    Iqis li l-introduzzjoni ta' status għall-Assoċjazzjonijiet Ewropej se tipprovdi opportunità għall-organizzazzjonijiet nazzjonali u lokali biex jinvolvu ruħhom aktar mill-qrib fi kwistjonijiet Ewropej, biex jinvolvu ruħhom f'tagħlim reċiproku u skambji transfruntiera, u se tappoġġjahom fl-aċċess għall-finanzjament fil-livell tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu fondi adegwati disponibbli għall-atturi tas-soċjetà ċivili, iżidu l-aċċessibbiltà tal-fondi u jissimplifikaw aktar il-proċeduri biex jiffaċilitaw l-aċċess tal-atturi tas-soċjetà ċivili għall-fondi, inklużi l-organizzazzjonijiet żgħar u lokali;

    27.

    Iqis, barra minn hekk, li l-leġiżlazzjoni proposta jeħtieġ li tiġi kkomplementata minn miżuri li jappoġġjaw djalogu regolari, sinifikanti u strutturat mas-soċjetà ċivili u mal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi, f'konformità mal-Artikolu 11 tat-TUE; jistieden f'dan ir-rigward lill-Kummissjoni tivvaluta l-possibbiltà li tiżviluppa status parteċipattiv għall-organizzazzjonijiet ta' benefiċċju pubbliku fil-livell tal-Unjoni;

    28.

    Jenfasizza l-fatt li diskriminazzjoni arbitrarja u politikament motivata bbażata fuq l-objettivi u l-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ, kif ukoll fuq is-sorsi ta' finanzjament, tfixkel il-libertà ta' assoċjazzjoni u għalhekk hija theddida għal-libertà ta' espressjoni;

    Ir-rikonoxximent tal-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ u l-benefiċċju pubbliku madwar l-Unjoni kollha

    29.

    Jirrikonoxxi li jeżistu approċċi differenti fil-leġiżlazzjoni fil-livell nazzjonali u fit-tradizzjonijiet legali tal-Istati Membri għad-definizzjoni jew ir-rikonoxximent ta' diversi organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ ibbażati fuq sħubija ta' membri u mhux ibbażati fuq sħubija ta' membri, kif ukoll għad-definizzjoni, ir-rikonoxximent u l-għoti ta' status ta' benefiċċju pubbliku; jissottolinja li, minkejja dawn id-differenzi, hemm fehim komuni tal-ħtieġa ta' standards minimi Ewropej u biex l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ jingħataw il-possibbiltà li jakkwistaw personalità ġuridika;

    30.

    Jistieden lill-Kummissjoni tirrikonoxxi u tippromwovi l-attivitajiet ta' benefiċċju pubbliku tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ billi tarmonizza l-istatus ta' benefiċċju pubbliku fl-Unjoni; jenfasizza li l-liġijiet u l-prattiki amministrattivi nazzjonali li jirregolaw l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ, inkluż dwar il-formazzjoni, ir-reġistrazzjoni, l-operazzjonijiet, il-finanzjament, it-trattament finanzjarju u fiskali jew il-miżuri ta' ħelsien mit-taxxa tagħhom, kif ukoll l-attivitajiet transfruntiera, ma għandhomx jiddiskriminaw abbażi tal-post tal-istabbiliment tal-organizzazzjoni jew kontra kwalunkwe grupp jew individwu fuq kwalunkwe bażi;

    31.

    Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tadotta f'kull Stat Membru proposta biex tiffaċilita r-rikonoxximent reċiproku tal-organizzazzjonijiet ta' benefiċċju pubbliku eżentati mit-taxxa, inklużi l-organizzazzjonijiet filantropiċi, jekk ikunu rikonoxxuti bħala ta' benefiċċju pubbliku eżentati mit-taxxa f'wieħed mill-Istati Membri għal finijiet ta' taxxa;

    32.

    Jenfasizza l-fatt li r-regolamentazzjoni tal-istatut fil-livell tal-Unjoni u l-istandards minimi għall-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ jistgħu jgħinu biex joħolqu kundizzjonijiet ekwi, u b'hekk jiffaċilitaw it-tlestija tas-suq intern;

    33.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija dedikata u komprensiva biex issaħħaħ is-soċjetà ċivili fl-Unjoni, inkluż billi tintroduċi miżuri li jiffaċilitaw l-operazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ fil-livelli kollha;

    34.

    Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta, abbażi tal-Artikolu 352 tat-TFUE, proposta għal regolament li jistabbilixxi statut għal Assoċjazzjoni Ewropea, filwaqt li ssegwi r-rakkomandazzjonijiet stabbiliti f'din ir-riżoluzzjoni u fil-Parti I tal-Anness tagħha;

    35.

    Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta, abbażi tal-Artikolu 114 tat-TFUE, proposta għal Direttiva dwar standards minimi komuni għall-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ fl-Unjoni, bil-ħsieb li toħloq kundizzjonijiet ekwi għall-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ billi jiġu stabbiliti standards minimi, li tippermetti lis-soċjetà ċivili tibbenefika mil-libertajiet u d-drittijiet fundamentali, kif ukoll li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tad-demokrazija Ewropea, wara r-rakkomandazzjonijiet stabbiliti f'din ir-riżoluzzjoni u fil-Parti II tal-Anness tagħha;

    36.

    Jitlob lill-Kummissjoni tuża r-riżultati tal-analiżi komparattiva mwettqa skont il-paragrafu 11 biex takkumpanja b'mod xieraq il-proposta għal regolament li tinsab fil-Parti I tal-Anness tagħha u l-proposta għal direttiva li tinsab fil-Parti II tal-Anness tagħha b'lista ta' forom nazzjonali ta' organizzazzjonijiet li għandhom jitqiesu koperti skont l-Artikolu 3(2) tal-proposta li tinsab fil-Parti I tal-Anness u l-Artikolu 1 tal-proposta li tinsab fil-Parti II tal-Anness;

    o

    o o

    37.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fl-anness lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.

    (1)  Riżoluzzjoni leġiżlattiva li tinkorpora l-opinjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill (KEE) dwar l-istatut għal assoċjazzjoni Ewropea (ĠU C 42, 15.2.1993, p. 89).

    (2)  Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill (KEE) dwar l-Istatut għal Assoċjazzjoni Ewropea (COM(1991)0273 – SYN 386).

    (3)  ĠU C 99, 13.4.1987, p. 205.

    (4)  ĠU C 395, 29.9.2021, p. 2.

    (5)  ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 187.

    (6)  Is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-21 ta' Ottubru 2005, Ouranio Toxo a.o. vs Il-Greċja, Nru 74989/01, EECLI:CE:ECHR:2005:1020JUD007498901.

    (7)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta' Ġunju 2020, Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Ungerija, C-78/18, ECLI:EU:C:2020:476, paragrafu 113.

    (8)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Novembru 2021 dwar it-tisħiħ tad-demokrazija u tal-libertà u l-pluraliżmu tal-media fl-UE: l-użu indebitu ta' azzjonijiet fl-ambitu tad-dritt ċivili u kriminali biex jissikktu l-ġurnalisti, l-NGOs u s-soċjetà ċivili (2021/2036(INI)).

    (9)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).


    ANNESS GĦAR- RIŻOLUZZJONI

    RAKKOMANDAZZJONIJIET DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA MITLUBA

    PARTI I

    Proposta għal

    REGOLAMENT U TAL-KUNSILL

    dwar Statut għal Assoċjazzjoni Ewropea

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 352 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Il-proġetti transfruntiera u forom oħra ta' kooperazzjoni li jinvolvu b'mod partikolari lis-soċjetà ċivili jikkontribwixxu b'mod deċiżiv għall-kisba tal-objettivi tal-Unjoni, inkluża l-promozzjoni tal-valuri tagħha, u għall-iżvilupp ta' ħafna attivitajiet differenti ta' rilevanza transnazzjonali li huma ta' benefiċċju għall-interess ġenerali f'għadd kbir ta' oqsma.

    (2)

    Il-kooperazzjoni Ewropea b'mod transfruntier bejn iċ-ċittadini u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi hija essenzjali għall-ħolqien ta' soċjetà ċivili Ewropea komprensiva, li hija element importanti tad-demokrazija Ewropea u l-integrazzjoni Ewropea f'konformità mal-Artikoli 11 u 15 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

    (3)

    Fit-twettiq tal-objettivi tagħhom, ħafna assoċjazzjonijiet jiżvolġu rwol sinifikanti fl-ekonomija u fl-iżvilupp tas-suq intern, billi jinvolvu ruħhom fuq bażi regolari f'attività ekonomika.

    (4)

    Id-Direttiva …/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“id-Direttiva dwar l-Istandards Minimi”) għandha l-għan li tapprossimizza l-liġijiet tal-Istati Membri biex tipprovdi standards minimi u ambjent abilitanti li jiffaċilita l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ fit-twettiq ta' xogħolhom.

    (5)

    L-assoċjazzjonijiet huma l-kolla li żżomm is-soċjetà tagħna flimkien. Huma għandhom rwol ewlieni biex jgħinu, jinkoraġġixxu u jagħtu s-setgħa lill-individwi jipparteċipaw b'mod attiv fil-ħajja demokratika u soċjali tal-Unjoni, b'mod partikolari dawk li qed jiffaċċjaw l-esklużjoni u d-diskriminazzjoni, u jista' jkollhom rwol kruċjali fil-proċess tal-iżvilupp tal-politiki tal-Unjoni.

    (6)

    L-Unjoni jenħtieġ li tipprovdi assoċjazzjonijiet, li huma forma ta' organizzazzjoni rikonoxxuta b'mod ġenerali fl-Istati Membri kollha, bi strument ġuridiku adegwat kapaċi li jrawwem l-attivitajiet transnazzjonali u transfruntieri tagħhom, kif ukoll jikkontribwixxi għad-djalogu ċiviku fil-livell tal-Unjoni.

    (7)

    L-introduzzjoni ta' forma ta' organizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni tiffaċilita l-assoċjazzjonijiet kollha fit-twettiq tal-objettivi u l-attivitajiet transfruntieri tagħhom fis-suq intern.

    (8)

    L-Artikolu 63 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Artikoli 7, 8 u 12 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”) jipproteġu l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ minn restrizzjonijiet diskriminatorji jew mhux ġustifikati għall-aċċess għar-riżorsi u l-moviment liberu tal-kapital fl-Unjoni. Dan jikkonċerna wkoll il-kapaċità li jfittxu, jiżguraw u jużaw riżorsi ta' oriġini kemm nazzjonali kif ukoll barranija, li hija essenzjali għall-eżistenza u għall-operat ta' kwalunkwe entità ġuridika. Skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-18 ta' Ġunju 2020 fil-Kawża C-78/18, il-Kummissjoni vs l-Ungerija (1), ir-restrizzjonijiet jenħtieġ li jiġu imposti biss għal għanijiet leġittimi, bħal fl-interess tas-sigurtà nazzjonali, tas-sigurtà pubblika jew tal-ordni pubbliku, u jenħtieġ li jkunu proporzjonati mal-objettiv tal-protezzjoni ta' tali interessi, u l-mezzi l-inqas intrużivi biex jintlaħaq l-objettiv mixtieq. Dan jikkonċerna, fost affarijiet oħra, ir-restrizzjonijiet li jirriżultaw mir-regoli dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, li huma applikati f'konformità mal-prinċipji ta' ħtieġa u proporzjonalità, wara li jiġu kkunsidrati b'mod partikolari l-obbligi ta' valutazzjoni tar-riskju skont id-dritt internazzjonali u tal-Unjoni. Għalhekk, l-Istati Membri ma jistgħux japplikaw miżuri mhux raġonevoli, intrużivi żżejjed jew ta' tfixkil, inklużi rekwiżiti ta' rappurtar li jqiegħdu piż eċċessiv jew li jiswa l-flus fuq l-organizzazzjonijiet.

    (9)

    Il-persuni fiżiċi u ġuridiċi jistgħu joħolqu kumpaniji Ewropej abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2157/2001 (2), is-Soċjetajiet Kooperattivi Ewropej abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1435/2003 (3), u l-partiti Ewropej abbażi tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Madankollu, l-ebda wieħed minn dawn l-istrumenti ma jipprevedi li l-assoċjazzjonijiet ikunu jistgħu jikkooperaw b'mod transfruntier.

    (10)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1082/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jipprevedi l-ħolqien ta' raggruppamenti Ewropej ta' koperazzjoni territorjali (REKT). Dawn ir-raggruppamenti huma ffurmati l-aktar minn awtoritajiet tal-Istat jew lokali jew minn entitajiet oħra rregolati bil-liġi pubblika. Għalhekk, l-atturi tas-soċjetà ċivili mhux governattivi u ċ-ċittadini mhumiex koperti.

    (11)

    Il-Gruppi Ewropej b'Interess Ekonomiku (GEIE), kif previst fir-Regolament (KEE) Nru 2137/85 (6), jippermetti li ċerti attivitajiet jitwettqu b'mod komuni, filwaqt li madankollu jippreserva l-indipendenza tal-membri tiegħu. Madankollu, il-GEIE ma jissodisfax il-ħtiġijiet speċifiċi tal-assoċjazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

    (12)

    Huwa għalhekk meħtieġ li fil-livell tal-Unjoni jiġi stabbilit qafas regolatorju armonizzat xieraq u regoli li jippermettu l-ħolqien ta' assoċjazzjonijiet Ewropej bil-personalità ġuridika tagħhom stess, u li jirregolaw il-formazzjoni u l-operat transfruntier ta' tali assoċjazzjonijiet.

    (13)

    Il-partiti politiċi u t-trade unions, kif ukoll il-knejjes u komunitajiet reliġjużi oħra u organizzazzjonijiet filosofiċi jew mhux konfessjonali jenħtieġ li jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament minħabba n-nuqqas ta' kompetenza tal-Unjoni biex tirregola l-istatus tagħhom, u minħabba li għandhom status partikolari fil-liġi nazzjonali. Għal dawn ir-raġunijiet, jenħtieġ li dawn jiġu ttrattati b'mod differenti minn assoċjazzjonijiet oħra li ma għandhomx tali status, bħal organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ tal-karità, b' ispirazzjoni reliġjuża jew organizzazzjonijiet li jiġġieldu d-diskriminazzjoni inkluż fis-suq tax-xogħol.

    (14)

    Dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-ħaddiema u tat-trade unions, inklużi d-drittijiet u l-protezzjonijiet eżistenti fil-kuntest ta' proċeduri ta' insolvenza u ristrutturar, fużjonijiet, trasferimenti ta' impriżi, u fir-rigward tal-informazzjoni u l-pagi. L-impjegaturi jenħtieġ li jissodisfaw l-obbligi tagħhom irrispettivament mill-forma li biha jkunu qed joperaw.

    (15)

    Huwa importanti li jiġi żgurat li jkun hemm koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni, biex tiġi evitata l-frammentazzjoni u jiġi appoġġjat approċċ armonizzat madwar l-Unjoni għall-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. F'dan ir-rigward, dan ir-Regolament jenħtieġ li jipprevedi l-ħatra ta' Bord tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej, fi ħdan jew b'rabta mal-Kummissjoni u/jew istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji rilevanti tal-Unjoni.

    (16)

    Il-Bord tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej jenħtieġ li jistieden rappreżentant tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali għal-laqgħat tiegħu meta dawn jittrattaw il-libertà ta' assoċjazzjoni jew il-libertà ta' espressjoni, f'konformità mal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007 (7).

    (17)

    Dan ir-Regolament jenħtieġ li jintroduċi perjodi speċifiċi għall-proċeduri amministrattivi, inkluż fir-rigward tar-reġistrazzjoni u l-proċess tal-għoti tal-istatus ta' benefiċċju pubbliku. Meta tivvaluta l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni jenħtieġ li b'mod partikolari tħares lejn kif tali perjodi jiġu applikati fil-prattika.

    (18)

    Għall-fini tal-verifika tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 6, il-korpi tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali jistgħu jitolbu l-ismijiet u l-indirizzi tal-membri fundaturi. L-identità tal-fundaturi u l-membri ta' organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ li jkunu persuni fiżiċi tista' tikkostitwixxi informazzjoni sensittiva, u għalhekk l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li kwalunkwe rekwiżit li jwassal għall-ipproċessar ta' tali data personali jkun mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), u b'mod partikolari għall-Artikolu 9 tiegħu;

    (19)

    Assoċjazzjoni Ewropea tista' tkun tixtieq tiddistingwi bejn kategoriji differenti ta' membri, sabiex tagħti drittijiet tal-vot biss lil membri sħaħ, filwaqt li tirrikonoxxi lil membri assoċjati li jappoġġjaw il-kawża, mingħajr id-dritt tal-vot, u/jew membri onorarji eżentati mill-obbligu li jħallsu tariffa tas-sħubija, iżda bid-drittijiet tal-vot. Il-kategorizzazzjoni tal-membri jenħtieġ li ma twassalx għal diskriminazzjoni mhux ġustifikata, b'mod partikolari abbażi taċ-ċittadinanza.

    (20)

    Peress li l-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament huwa limitat għal assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ, it-TFUE ma jipprovdi l-ebda bażi ġuridika oħra għajr dik stabbilita fl-Artikolu 352.

    (21)

    Ladarba l-objettivi ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-istabbiliment ta' Assoċjazzjoni Ewropea, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri imma jistgħu pjuttost, għar-raġunijiet stabbiliti hawn fuq, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Kapitolu I

    Suġġett u dispożizzjonijiet ġenerali

    Artikolu 1

    Suġġett

    1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri li jirregolaw il-formazzjoni, il-governanza, ir-reġistrazzjoni u r-regolamentazzjoni tal-entitajiet ġuridiċi fil-forma ta' Assoċjazzjoni Ewropea.

    2.   Assoċjazzjoni Ewropea għandha tkun entità transfruntiera indipendenti u awtoregolata stabbilita fuq bażi permanenti fit-territorju tal-Unjoni bi ftehim volontarju bejn persuni fiżiċi jew ġuridiċi għal skop komuni mingħajr skop ta' qligħ.

    3.   Assoċjazzjoni Ewropea għandha tkun libera li tiddetermina l-objettivi tagħha kif ukoll l-attivitajiet meħtieġa biex twettaqhom.

    4.   L-objettivi ta' Assoċjazzjoni Ewropea għandhom ikunu tali li jirrispettaw u jappoġġjaw il-promozzjoni tal-objettivi u l-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni kif stabbilit fl-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

    5.   Assoċjazzjoni Ewropea għandha tkun ibbażata fuq is-sħubija u tkun libera li tiddetermina l-kompożizzjoni tas-sħubija tagħha. Din tista' tinkludi d-determinazzjoni ta' rekwiżiti speċjali għall-membri, abbażi ta' kriterji raġonevoli u oġġettivi u soġġetta għall-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-fini ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    “mingħajr skop ta' qligħ” tfisser li ma jkunx hemm bħala għan primarju l-ġenerazzjoni ta' profitt, anki jekk jistgħu jitwettqu attivitajiet ekonomiċi. Meta jiġi ġġenerat profitt minn organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ, dan jiġi investit fl-organizzazzjoni għat-twettiq tal-objettivi tagħha, u ma jiġix distribwit fost il-membri, il-fundaturi jew xi parti privata oħra. L-għoti ta' status ta' benefiċċju pubbliku skont l-Artikolu 21 mhuwiex kundizzjoni meħtieġa biex organizzazzjoni titqies li għandha natura mingħajr skop ta' qligħ. Madankollu, fejn jingħata status ta' benefiċċju pubbliku, l-għan tal-organizzazzjoni għandu jitqies bħala mingħajr skop ta' qligħ;

    (b)

    “indipendenti” tfisser, fir-rigward tal-assoċjazzjonijiet, ħielsa minn kull interferenza bla bżonn mill-Istat u mhux parti minn struttura tal-gvern jew amministrattiva. F'dan ir-rigward, la l-finanzjament governattiv irċevut u lanqas il-parteċipazzjoni f'korp konsultattiv għall-gvern ma għandhom jipprekludi assoċjazzjoni milli titqies bħala indipendenti, sakemm l-awtonomija tal-funzjonament u tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-assoċjazzjoni ma tkunx affettwata minn tali finanzjament jew parteċipazzjoni;

    (c)

    “awtoregolata” tfisser, fir-rigward tal-assoċjazzjonijiet, li jkollha struttura istituzzjonali li tippermetti l-eżerċizzju tal-funzjonijiet organizzattivi interni u esterni kollha, u tippermetti t-teħid ta' deċiżjonijiet essenzjali b'mod indipendenti;

    (d)

    “benefiċċju pubbliku” tfisser titjib fil-benesseri tas-soċjetà jew ta' parti minnha, li b'hekk ikun ta' benefiċċju għall-interess ġenerali tas-soċjetà;

    (e)

    “transfruntiera” tfisser, fir-rigward ta' assoċjazzjonijiet, il-kisba tal-objettiv ta' kooperazzjoni transnazzjonali jew kooperazzjoni transfruntiera fl-Unjoni, jew li l-membri fundaturi ta' assoċjazzjoni jkunu ġejjin minn tal-anqas żewġ Stati Membri, li jimplika li huma ċittadini jew residenti ta' Stat Membru jekk ikunu persuni fiżiċi, jew ikollhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom fi Stat Membru jekk ikunu persuni ġuridiċi;

    (f)

    “membru” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tkun applikat volontarjament u intenzjonalment biex tingħaqad ma' assoċjazzjoni ħalli tappoġġja l-objettivi u l-attivitajiet tagħha, u li tkun ġiet aċċettata fl-assoċjazzjoni abbażi tal-istatuti ta' dik l-assoċjazzjoni. Meta assoċjazzjoni tiġi ffurmata bħala riżultat ta' konverżjoni jew fużjoni, ir-rieda tas-sħubija tista' tiġi preżunta b'mod konklużiv.

    Artikolu 3

    Regoli applikabbli għall-Assoċjazzjonijiet Ewropej

    1.   L-Assoċjazzjonijiet Ewropej għandhom ikunu rregolati minn dan ir-Regolament u mill-istatuti tagħhom. Għal kwistjonijiet mhux indirizzati b'dan ir-Regolament, Assoċjazzjoni Ewropea għandha tkun irregolata mil-liġi tal-Istat Membru li fih l-Assoċjazzjoni Ewropea jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha.

    2.   L-Istati Membri għandhom jidentifikaw l-entità ġuridika jew il-kategorija ta' entitajiet ġuridiċi li għalihom Assoċjazzjoni Ewropea għandha titqies bħala komparabbli għall-finijiet tal-identifikazzjoni tal-liġi applikabbli skont il-paragrafu 1, b'mod konsistenti mad-dispożizzjonijiet u l-objettivi ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 4

    Korp tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali

    1.   L-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità pubblika indipendenti (il-“korp tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali”) u għandhom jinfurmaw lill-Bord tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej imsemmi fl-Artikolu 5 u lill-Kummissjoni b'dan. Il-korp tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali għandu jkun responsabbli għar-reġistrazzjoni tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej, f'konformità mal-Artikolu 10, u għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament f'konformità sħiħa mad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej kif previst fit-Trattati u fil-Karta.

    2.   Kull korp tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali għandu jikkontribwixxi għall-applikazzjoni konsistenti ta' dan ir-Regolament fl-Unjoni kollha. Għal dan il-għan, il-korpi tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali għandhom jikkooperaw ma' xulxin, inkluż fil-qafas tal-Bord tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej f'konformità mal-Artikoli 5 u 22.

    Artikolu 5

    Bord tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej

    1.   Il-Bord tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej huwa b'dan maħtur.

    2.   Il-Bord tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej għandu jkun assistit minn segretarjat.

    3.   Il-Bord tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej għandu jkun magħmul minn rappreżentant ta' kull korp tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali u minn tliet rappreżentanti tal-Kummissjoni.

    4.   Il-Bord tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej għandu jaġixxi b'mod indipendenti meta jwettaq il-kompiti tiegħu u jeżerċita s-setgħat tiegħu.

    5.   Sabiex jiġi żgurat li dan ir-Regolament jiġi applikat b'mod konsistenti, il-Bord tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej għandu:

    (a)

    jiżviluppa, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni u l-korpi tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali, forom komuni jew għodod oħra biex jappoġġja r-reġistrazzjoni elettronika tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej skont l-Artikolu 10;

    (b)

    jistabbilixxi u jiġġestixxi l-bażi tad-data diġitali tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej fil-livell tal-Unjoni bħala għodda għal finijiet ta' informazzjoni u statistika, kif ukoll għall-appoġġ ta' djalogu ċivili strutturat dwar kwistjonijiet tal-Unjoni;

    (c)

    jipproċessa avviżi ta' reġistrazzjoni, ta' xoljiment u ta' deċiżjonijiet rilevanti oħra dwar l-Assoċjazzjonijiet Ewropej għall-fini ta' pubblikazzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, kif previst f'dan ir-Regolament;

    (d)

    jivvaluta l-adegwatezza tal-identifikazzjoni tal-entitajiet ġuridiċi komparabbli mill-Istati Membri skont l-Artikolu 3(2);

    (e)

    jirċievi, jeżamina u jsegwi lmenti rigward l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, mingħajr preġudizzju għall-kompiti tal-korpi tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali;

    (f)

    jiddeċiedi dwar appelli, fejn rilevanti, permezz tal-kumitat tal-appelli tiegħu skont l-Artikoli 10 u 11;

    (g)

    jeżamina kwalunkwe kwistjoni relatata mal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u jikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati u l-partijiet interessati u l-esperti rilevanti, fuq inizjattiva proprja tiegħu jew fuq talba ta' wieħed mill-membri tiegħu jew tal-Kummissjoni;

    (h)

    joħroġ linji gwida u rakkomandazzjonijiet, u jidentifika l-aħjar prattiki għall-korpi ta' assoċjazzjoni nazzjonali u l-Assoċjazzjonijiet Ewropej sabiex jiżgura li dan ir-Regolament jiġi applikat b'mod konsistenti;

    (i)

    jagħti opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni, fuq inizjattiva proprja tiegħu, jew fuq talba ta' wieħed mill-membri tiegħu jew tal-Kummissjoni, u wara konsultazzjoni mal-partijiet rilevanti, il-partijiet ikkonċernati u l-esperti, dwar kwalunkwe kwistjoni relatata mal-Assoċjazzjonijiet Ewropej jew il-miżuri li jirriżultaw mid-Direttiva dwar l-Istandards Minimi;

    (j)

    jagħti opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni rigward il-fondi strutturali u operattivi mmirati lejn il-finanzjament tas-soċjetà ċivili, l-organizzazzjoni tad-djalogu ċivili, kif ukoll il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet u l-valuri tal-Unjoni kif minquxa fit-TUE, it-TFUE u fil-Karta, bil-għan li jiġu sostnuti u msaħħa l-iżvilupp ta' soċjetajiet miftuħa, ibbażati fuq id-drittijiet, demokratiċi, ugwali u inklużivi bbażati fuq l-istat tad-dritt;

    (k)

    jippromwovi kooperazzjoni, u l-iskambju bilaterali u multilaterali effettiv ta' informazzjoni u l-aħjar prattiki, mal-korpi tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali u bejniethom;

    (l)

    jippromwovi programmi komuni ta' taħriġ u jiffaċilita l-iskambji tal-persunal bejn l-korpi tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali.

    6.   Il-Bord tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej għandu jagħti rendikont lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, u għandu jirrapporta kull sena dwar l-attivitajiet tiegħu lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

    7.   Id-diskussjonijiet tal-Bord tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej u tal-membri tiegħu għandhom ikunu rregolati mir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

    8.   Il-Bord tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu stess u jorganizza l-arranġamenti operattivi tiegħu stess.

    9.   Il-Bord tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej għandu jistieden lir-rappreżentanti tal-Aġenziji Ewropej u lil esperti indipendenti, b'mod partikolari mill-akkademja u mis-soċjetà ċivili, għal-laqgħat tiegħu u jikkonsulta magħhom fuq bażi regolari.

    Kapitolu II

    Formazzjoni u reġistrazzjoni

    Artikolu 6

    Formazzjoni

    1.   Għandha tiġi ffurmata Assoċjazzjoni Ewropea:

    (a)

    bi ftehim ta' mill-inqas tliet membri fundaturi; il-membri fundaturi għandhom jiġu minn tal-anqas żewġ Stati Membri, li jimplika li huma ċittadini jew residenti ta' Stat Membru jekk ikunu persuni fiżiċi, jew ikollhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom fi Stat Membru jekk ikunu persuni ġuridiċi; jew

    (b)

    bħala r-riżultat ta' konverżjoni f'Assoċjazzjoni Ewropea ta' entità eżistenti ffurmata skont il-liġi ta' Stat Membru, li tissodisfa l-istess kundizzjonijiet bħall-punt (a) u li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fl-Unjoni; jew

    (c)

    bħala r-riżultat ta' fużjoni bejn mill-inqas żewġ Assoċjazzjonijiet Ewropej eżistenti; jew

    (d)

    bħala r-riżultat ta' fużjoni bejn mill-inqas Assoċjazzjoni Ewropea eżistenti waħda u mill-inqas entità waħda li tkun tappartjeni għall-kategoriji identifikati skont l-Artikolu 3(2); jew

    (e)

    bħala r-riżultat ta' fużjoni bejn mill-inqas żewġ entitajiet identifikati skont l-Artikolu 3(2), iffurmati skont il-liġijiet tal-Istati Membri u li għandhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom fl-Unjoni, dment li flimkien, dawn l-entitajiet ikollhom mill-inqas tliet membri u li dawk il-membri joriġinaw minn mill-inqas żewġ Stati Membri differenti.

    2.   Stat Membru jista' jipprevedi li entità fost dawk identifikati skont l-Artikolu 3(2) u li l-uffiċċju reġistrat tagħha ma jkunx fl-Unjoni tista' tipparteċipa fil-formazzjoni ta' Assoċjazzjoni Ewropea, dment li tali entità tiġi ffurmata skont il-liġi ta' Stat Membru, ikollha uffiċċju reġistrat f'dak l-Istat Membru u jkollha rabta ekonomika, soċjali jew kulturali dimostrabbli u kontinwa ma' dak l-Istat Membru.

    3.   Il-formazzjoni ta' Assoċjazzjoni Ewropea għandha tiġi eżegwita permezz ta' ftehim bil-miktub bejn il-membri fundaturi kollha jew permezz ta' minuti bil-miktub li jiddokumentaw il-laqgħa kostituttiva ffirmata mill-membri fundaturi kollha u vverifikati kif xieraq jekk tali verifika tkun meħtieġa mil-liġi nazzjonali għall-formazzjoni ta' assoċjazzjonijiet.

    4.   It-tluq ta' membru fundatur minn Assoċjazzjoni Ewropea ma għandux awtomatikament iwassal biex l-Assoċjazzjoni Ewropea tiġi terminata jew xolta, dment li din tkompli twettaq l-attivitajiet tagħha abbażi tal-ftehim ta' mill-inqas l-għadd ta' persuni msemmija fil-paragrafu 1, punt (a).

    5.   Il-formazzjoni ta' Assoċjazzjoni Ewropea jew kwalunkwe proċess ta' ristrutturar ma għandhomx jintużaw biex jimminaw id-drittijiet tal-ħaddiema jew tat-trade unions jew il-kundizzjonijiet tax-xogħol. F'konformità mal-ftehimiet kollettivi applikabbli u d-dritt tal-Unjoni u dak nazzjonali, l-obbligi tal-impjegaturi fir-rigward tal-impjegati u l-kredituri għandhom jibqgħu jiġu ssodisfati u li l-impjegati, il-voluntiera, it-trade unions u r-rappreżentanti tal-ħaddiema għandhom jiġu infurmati u kkonsultati kif xieraq. Il-ftehimiet kollettivi u d-drittijiet ta' rappreżentanza tal-ħaddiema fil-livell tal-bord għandhom jiġu rispettati u miżmuma, fejn applikabbli.

    Artikolu 7

    Sħubija

    L-Assoċjazzjonijiet Ewropej għandhom ikunu liberi li jiddistingwu bejn membri sħaħ u kategoriji oħra ta' membri. L-istatuti ta' Assoċjazzjoni Ewropea għandhom jiddeterminaw id-drittijiet u l-obbligi ta' dawn il-kategoriji ta' membri, b'mod partikolari fir-rigward tad-dritt tagħhom tal-vot.

    Artikolu 8

    Statuti

    1.   Il-membri fundaturi għandhom ifasslu u jiffirmaw l-istatuti tal-Assoċjazzjoni Ewropea fiż-żmien tal-formazzjoni tagħha jew fil-laqgħa kostituttiva tagħha.

    2.   L-istatuti għandu jkun fihom mill-inqas l-informazzjoni li ġejja rigward l-Assoċjazzjoni Ewropea:

    (a)

    l-isem tagħha, ippreċedut jew segwit mill-abbrevjazzjoni “AE”;

    (b)

    dikjarazzjoni preċiża tal-objettivi tagħha, in-natura mingħajr skop ta' qligħ tagħha u, fejn applikabbli, deskrizzjoni tal-għanijiet ta' benefiċċju pubbliku tagħha;

    (c)

    l-indirizz tal-uffiċċju reġistrat tagħha;

    (d)

    l-assi tagħha fil-mument tal-formazzjoni tagħha;

    (e)

    l-isem u l-indirizz tal-uffiċċji reġistrati tal-membri fundaturi tagħha, fejn dawn ikunu persuni ġuridiċi;

    (f)

    il-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-ammissjoni, it-tkeċċija u r-riżenja tal-membri tagħha;

    (g)

    id-drittijiet u l-obbligi tal-membri tagħha, u l-kategoriji differenti tal-membri, jekk dawn il-kategoriji huma preżenti, u d-drittijiet u l-obbligi tal-membri f'kull kategorija;

    (h)

    id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-għadd ta' membri tal-Bord tad-Diretturi, il-kompożizzjoni, il-ħatra u t-tkeċċija tal-Bord tad-Diretturi, il-kundizzjonijiet għall-bidu, f’isem l-assoċjazzjoni, ta' proċedimenti kontra membri tal-Bord tad-Diretturi kif ukoll id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-funzjonament tal-Bord tad-Diretturi, is-setgħat tiegħu u r-responsabbiltajiet tiegħu, inklużi s-setgħat ta' rappreżentanza f'negozjati ma' partijiet terzi;

    (i)

    id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-funzjonament, is-setgħat u r-responsabbiltajiet tal-Assemblea Ġenerali tagħha, kif imsemmi fl-Artikolu 16, inklużi r-rekwiżiti tal-maġġoranza u tal-kworum;

    (j)

    id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw id-drittijiet u l-obbligi tal-membri, inklużi d-drittijiet tal-vot u d-drittijiet li jiġu sottomessi mozzjonijiet;

    (k)

    ir-raġunijiet u l-proċeduri għax-xoljiment volontarju tagħha;

    (l)

    l-impenn espliċitu tagħha li tirrispetta l-valuri tal-Unjoni kif minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE;

    (m)

    jekk tiddisponix jew le mill-kapital fundatur u, jekk iva, l-ammont ta' dak il-kapital;

    (n)

    il-frekwenza li biha għandha tissejjaħ Assemblea Ġenerali; u

    (o)

    id-data tal-adozzjoni tal-istatuti u l-proċedura għall-emendar tagħhom.

    Artikolu 9

    Uffiċċju reġistrat

    1.   L-uffiċċju reġistrat ta' Assoċjazzjoni Ewropea għandu jkun fit-territorju tal-Unjoni, fil-post speċifikat fl-istatuti tagħha. L-uffiċċju reġistrat għandu jkun fil-post fejn l-Assoċjazzjoni Ewropea jkollha l-amministrazzjoni ċentrali tagħha jew il-post ta' attività ċentrali fl-Unjoni.

    2.   Fil-każ tal-formazzjoni ta' Assoċjazzjoni Ewropea permezz ta' konverżjoni skont il-l-Artikolu 6(1), il-punt (b) il-membri tagħha għandhom jiddeċiedu jekk l-uffiċċju reġistrat tal-Assoċjazzjoni Ewropea għandux jibqa' fl-Istat Membru fejn tkun ġiet irreġistrata l-entità oriġinali, jew jekk għandux jiġi ttrasferit lejn Stat Membru ieħor.

    3.   Fil-każ ta' formazzjoni ta' Assoċjazzjoni Ewropea permezz ta' fużjoni skont l-Artikolu 6(1), il-punti (c), (d) jew (e), il-membri tagħha għandhom jiddeċiedu f'liema wieħed mill-Istati Membri li fihom ikunu rreġistrati l-entitajiet li jkunu qed jiġu fużi għandu jkun l-uffiċċju reġistrat tal-Assoċjazzjoni Ewropea.

    Artikolu 10

    Reġistrazzjoni

    1.   Il-membri fundaturi ta' Assoċjazzjoni Ewropea għandhom, fi żmien 30 jum mid-data tal-formazzjoni tal-Assoċjazzjoni Ewropea kif previst fl-Artikolu 6(3), jippreżentaw applikazzjoni għar-reġistrazzjoni lill-korp tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali.

    2.   Il-korp tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali għandu, wara li jkun ivverifika l-konformità tal-applikanti mar-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament, jieħu deċiżjoni dwar ir-reġistrazzjoni tal-Assoċjazzjoni Ewropea, fi żmien 30 jum minn meta jirċievi l-applikazzjoni.

    3.   L-Istat Membru ma għandux jimponi rekwiżiti oħra għar-reġistrazzjoni għajr dawk stabbiliti f'dan ir-Regolament.

    4.   Jekk il-korp tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali jaċċetta l-applikazzjoni, għandu jirreġistra l-Assoċjazzjoni Ewropea fir-reġistru nazzjonali xieraq u jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu fi żmien 15-il jum lill-Bord tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej, li għandu jipproċedi billi jinkludi l-Assoċjazzjoni Ewropea fil-bażi tad-data diġitali tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej stabbilita skont l-Artikolu 5(5), il-punt (b). Fl-istess perjodu ta' żmien, il-korp tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali għandu jikkomunika wkoll id-deċiżjoni tiegħu lill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, li mbagħad għandu jiżgura li l-informazzjoni tiġi ppubblikata mingħajr dewmien f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    5.   Jekk, fi żmien 30 jum mit-tressiq tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, l-applikazzjoni tkun ġiet miċħuda jew ma tkun ittieħdet l-ebda deċiżjoni dwarha, l-applikant jista', fi żmien 15-il jum minn meta jirċievi d-deċiżjoni taċ-ċaħda jew malli jiskadi l-perjodu ta' 30 jum għat-teħid ta' deċiżjoni, jappella quddiem il-Kumitat tal-Appelli stabbilit skont l-Artikolu 11.

    Il-Kumitat tal-Appelli għandu jieħu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni fi żmien 30 jum mill-appell.

    Jekk il-Kumitat tal-Appelli japprova l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jew jonqos milli joħroġ deċiżjoni fi żmien 30 jum, il-korp tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali għandu jipproċedi bir-reġistrazzjoni fi żmien 15-il jum minn tali deċiżjoni jew minn tali nuqqas ta' azzjoni.

    Kwalunkwe deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għar-reġistrazzjoni għandha tiġi kkomunikata lill-applikanti u għandha tinkludi raġunijiet debitament sostanzjati għaċ-ċaħda.

    6.   Mal-inklużjoni fir-reġistru nazzjonali xieraq skont il-paragrafu 4, ir-reġistrazzjoni ta' Assoċjazzjoni Ewropea għandha ssir effettiva fl-Unjoni kollha.

    7.   Ir-reġistrazzjoni għandha ssir permezz tal-formoli ta' reġistrazzjoni komuni jew tal-għodod l-oħra msemmija fl-Artikolu 5. Il-proċedura ta' reġistrazzjoni għandha tkun elettronika u aċċessibbli u għandha tippermetti lill-applikanti jużaw il-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru fejn l-Assoċjazzjoni Ewropea jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha. It-tariffi tar-reġistrazzjoni ma għandhomx ikunu ogħla minn dawk applikabbli għall-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 3(2) u ma għandhomx jaqbżu l-ispejjeż amministrattivi tagħhom jew jikkostitwixxu piż finanzjarju bla bżonn, soġġett għall-prinċipju ta' proporzjonalità. Il-korpi tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali għandhom jagħmluha possibbli li r-reġistrazzjoni ssir b'mezzi mhux elettroniċi.

    8.   Malli jirċievi applikazzjoni minn Assoċjazzjoni Ewropea għall-għoti ta' status ta' benefiċċju pubbliku, il-korp tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali għandu jivvaluta l-applikazzjoni fir-rigward tar-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament. Il-korp tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali ma għandu jimponi l-ebda rekwiżit ieħor għajr dawk stabbiliti f'dan ir-Regolament.

    9.   Il-korp tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali għandu, fi żmien 15-il jum minn meta jirċievi l-applikazzjoni għal status ta' benefiċċju pubbliku, jadotta deċiżjoni vinkolanti dwar l-applikazzjoni. Dak il-perjodu jista' jiġi estiż bi 15-il jum f'każijiet debitament motivati, fejn il-valutazzjoni tal-applikazzjoni tkun tirrikjedi li tiġi eżaminata ulterjorment jew tintalab l-opinjoni tal-Bord tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej. Il-korp tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali għandu jinforma lill-Assoċjazzjoni Ewropea minnufih bit-tul ta' żmien ta' tali estensjoni tal-perjodu inizjali ta' 15-il jum, u bir-raġunijiet għal tali estensjoni.

    10.   Jekk il-korp tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali jaċċetta l-applikazzjoni għal status ta' benefiċċju pubbliku, għandu jirreġistra d-deċiżjoni fir-reġistru nazzjonali xieraq u jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu fi żmien 15-il jum lill-Bord tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej, li għandu jipproċedi billi jinkludi l-istatus ta' benefiċċju pubbliku fil-bażi tad-data diġitali tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej stabbilita skont l-Artikolu 5(5), il-punt (b). Fl-istess limitu ta' żmien, il-korp tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali għandu jikkomunika wkoll id-deċiżjoni tiegħu lill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, li mbagħad għandu jiżgura li l-informazzjoni tiġi ppubblikata mingħajr dewmien f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    11.   Malli tiġi inkluża fir-reġistru nazzjonali xieraq skont il-paragrafu 10, id-deċiżjoni adottata rigward l-istatus ta' benefiċċju pubbliku għandha ssir effettiva fl-Unjoni kollha.

    12.   Meta l-applikazzjoni għal status ta' benefiċċju pubbliku tkun ġiet miċħuda jew ma tkun ittieħdet l-ebda deċiżjoni dwarha sa tmiem il-perjodu ta' żmien imsemmi fil-paragrafu 9, l-applikant jista', fi żmien 15-il jum minn meta jirċievi d-deċiżjoni taċ-ċaħda, jappella quddiem il-Kumitat tal-Appelli, jew, malli jiskadi l-perjodu għat-teħid ta' deċiżjoni, jirreferi l-applikazzjoni lill-Kumitat tal-Appelli stabbilit skont l-Artikolu 11.

    Il-Kumitat tal-Appelli għandu jieħu deċiżjoni fi żmien 15-il jum mill-appell jew mir-riferiment tal-applikazzjoni, jew fi żmien 30 jum f'każijiet debitament motivati.

    Jekk il-Kumitat tal-Appelli japprova l-applikazzjoni għal status ta' benefiċċju pubbliku jew jonqos milli joħroġ deċiżjoni sa tmiem il-perjodu previst fl-ewwel subparagrafu, il-korp tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali għandu jipproċedi bl-għoti tal-istatus ta' benefiċċju pubbliku fi żmien 15-il jum minn tali deċiżjoni jew minn tali nuqqas ta' azzjoni.

    Kwalunkwe deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għar-reġistrazzjoni għandha tiġi kkomunikata lill-applikanti u għandha tinkludi raġunijiet debitament sostanzjati għaċ-ċaħda.

    13.   Il-membri fundaturi ta' Assoċjazzjoni Ewropea jistgħu jiddeċiedu li jressqu simultanjament applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u għal status ta' benefiċċju pubbliku, f'liema każ id-deċiżjoni dwar it-tnejn li huma għandha tiġi ttrattata bħala deċiżjoni waħda u għandhom ikunu applikabbli l-perjodi ta' żmien itwal.

    Artikolu 11

    Kumitat tal-Appelli

    1.   Sa … [… xhur wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament], il-Bord tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej għandu jwaqqaf Kumitat tal-Appelli, li jkun magħmul minn rappreżentant wieħed għal kull Stat Membru, flimkien ma' rappreżentant wieħed tal-Kummissjoni. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jkun il-president.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi s-segretarjat għall-Bord tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej.

    3.   Il-Kumitat tal-Appelli għandu jissejjaħ mill-president tiegħu u d-deċiżjonijiet tiegħu għandhom jiġu adottati bil-maġġoranza assoluta tal-membri tiegħu.

    Artikolu 12

    Trasferiment ta' uffiċċju reġistrat

    1.   L-uffiċċju reġistrat ta' Assoċjazzjoni Ewropea jista' jiġi ttrasferit lejn Stat Membru ieħor f'konformità ma’ dan l-Artikolu. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda ostaklu għat-trasferiment ta' assi u dokumenti li jappartjenu għall-Assoċjazzjoni Ewropea li tkun qed tittrasferixxi l-uffiċċju reġistrat tagħha. Tali trasferiment ma għandu jwassal għall-ebda bidla fl-istatuti tal-Assoċjazzjoni Ewropea għajr dawk previsti f'dan l-Artikolu, jew għall-istralċ tal-Assoċjazzjoni Ewropea, jew għall-ħolqien ta' persuna ġuridika ġdida, u tali trasferiment lanqas ma għandu jaffettwa kwalunkwe dritt u obbligu li jkunu jeżistu qabel it-trasferiment, apparti dawk li jkollhom rabta inerenti mat-trasferiment.

    2.   Proposta għal trasferiment għandha titfassal mill-Bord tad-Diretturi tal-Assoċjazzjoni Ewropea u għandha tiġi ppubblikata f'konformità mar-regoli nazzjonali tal-Istat Membru li fih jinsab l-uffiċċju reġistrat.

    3.   Proposta għal trasferiment imfassla skont il-paragrafu 2 għandha tinkludi dettalji ta':

    (a)

    l-uffiċċju reġistrat intiż u l-isem propost fl-Istat Membru ta' destinazzjoni;

    (b)

    l-isem u l-indirizz tal-Istat Membru ta' oriġini;

    (c)

    l-istatuti emendati proposti, inkluż l-isem il-ġdid tal-Assoċjazzjoni Ewropea, fejn ikun applikabbli;

    (d)

    l-iskeda ta' żmien proposta għat-trasferiment; u

    (e)

    il-konsegwenzi ġuridiċi u ekonomiċi mistennija tat-trasferiment.

    4.   L-ebda deċiżjoni għal trasferiment ma għandha tittieħed sa xahrejn wara l-pubblikazzjoni tal-proposta. Id-deċiżjonijiet għal trasferiment għandhom ikunu rregolati mill-kundizzjonijiet stabbiliti għall-emenda tal-istatuti tal-Assoċjazzjoni Ewropea.

    5.   Il-kredituri u d-detenturi ta' drittijiet oħra fil-konfront tal-Assoċjazzjoni Ewropea li tkun ġiet stabbilita qabel il-pubblikazzjoni tal-proposta għal trasferiment għandu jkollhom id-dritt li jirrikjedu li l-Assoċjazzjoni Ewropea tipprovdilhom garanziji xierqa. Il-provvista ta' tali garanziji għandha tkun irregolata mid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru li fih l-Assoċjazzjoni Ewropea kellha l-uffiċċju reġistrat tagħha qabel it-trasferiment. L-Istati Membri jistgħu jestendu l-applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni biex jinkludu djun li l-Assoċjazzjoni Ewropea tkun daħlet għalihom ma' entitajiet pubbliċi qabel id-data tat-trasferiment.

    6.   L-awtorità kompetenti fl-Istat Membru li fih l-Assoċjazzjoni Ewropea jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha għandha toħroġ ċertifikat biex tirrikonoxxi li l-atti u l-formalitajiet meħtieġa qabel it-trasferiment ikunu tlestew kif xieraq.

    7.   Ir-reġistrazzjoni l-ġdida ma għandhiex titwettaq qabel ma jkun ġie prodott iċ-ċertifikat previst fil-paragrafu 8. It-trasferiment tal-uffiċċju reġistrat tal-Assoċjazzjoni Ewropea u l-bidla li tirriżulta fl-istatuti tagħha għandhom isiru effettivi fid-data li fiha t-trasferiment ikun irreġistrat skont l-Artikolu 10.

    8.   Stat Membru jista', fir-rigward ta' Assoċjazzjonijiet Ewropej li jkollhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom fit-territorju tiegħu, jiċħad it-trasferiment tal-uffiċċju reġistrat, f'każ li tiġi ppreżentata oġġezzjoni formali minn awtorità kompetenti deżinjata sa tmiem il-perjodu ta' xahrejn speċifikat fil-paragrafu 6. Tali oġġezzjoni tista' tiġi ppreżentata jekk msejsa biss fuq raġunijiet ta' sigurtà pubblika u għandha tiġi kkomunikata lill-korp tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-Istat Membru ta' destinazzjoni u lill-Bord tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej.

    9.   Jekk it-trasferiment tal-uffiċċju reġistrat ikun miċħud skont il-paragrafu 8, l-Assoċjazzjoni Ewropea tista', fi żmien 15-il jum minn meta tirċievi d-deċiżjoni taċ-ċaħda, tappella quddiem il-Kumitat tal-Appelli stabbilit skont l-Artikolu 11. Il-Kumitat tal-Appelli għandu jieħu deċiżjoni fi żmien 15-il jum, u fi żmien 30 jum f'każijiet debitament motivati fejn il-valutazzjoni tal-applikazzjoni tkun tirrikjedi li tiġi eżaminata ulterjorment.

    10.   Jekk il-Kumitat tal-Appelli japprova t-trasferiment jew jonqos milli jagħmel dan sa tmiem il-perjodu previst fil-paragrafu 11, il-korp tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri kompetenti għandu japprova t-trasferiment fi żmien 15-il jum minn tali deċiżjoni jew minn tali nuqqas ta' azzjoni.

    Kwalunkwe deċiżjoni li tiċħad trasferiment għandha tiġi kkomunikata lill-applikanti u għandha tkun akkumpanjata minn raġunijiet debitament sostanzjati għad-deċiżjoni.

    11.   Jekk it-trasferiment ta’ uffiċċju reġistrat ikunu saru definittivi, il-korp tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-Istat Membru li fih l-Assoċjazzjoni Ewropea kellha l-uffiċċju reġistrat tagħha qabel it-trasferiment għandu jikkomunika dik l-informazzjoni fi żmien 15-il jum lill-korp tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-Istat Membru li fih l-Assoċjazzjoni Ewropea jkun beħsiebha tittrasferixxi l-uffiċċju reġistrat tagħha u lill-Bord tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej. Mhux aktar tard minn 15-il jum wara li jirċievi din l-informazzjoni, il-korp tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-Istat Membru ta' destinazzjoni għandu jinkludi l-Assoċjazzjoni Ewropea fir-reġistru nazzjonali xieraq. Il-Bord tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej għandu jiżgura li d-dettalji tat-trasferiment jiġu ppubblikati fil-bażi tad-data diġitali tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej kif ukoll f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mhux aktar tard minn 15-il jum wara li jirċievi l-komunikazzjoni mill-Istat Membru li fih l-Assoċjazzjoni Ewropea kellha l-uffiċċju reġistrat tagħha qabel it-trasferiment. It-trasferiment tal-uffiċċju reġistrat tal-Assoċjazzjoni Ewropea għandu jsir effettiv u jista' jiġi invokat fil-konfront ta' partijiet terzi sa mid-data li fiha l-Assoċjazzjoni Ewropea tiġi inkluża fir-reġistru nazzjonali tal-Istat Membru tal-uffiċċju reġistrat il-ġdid tagħha.

    12.   Assoċjazzjoni Ewropea li tkun is-suġġett ta' xoljiment, stralċ, likwidazzjoni, insolvenza, sospensjoni ta' pagamenti jew proċeduri oħra bħal dawn ma tistax tittrasferixxi l-uffiċċju reġistrat tagħha.

    Artikolu 13

    Personalità ġuridika

    1.   Assoċjazzjoni Ewropea għandha takkwista personalità ġuridika fl-Istati Membri kollha malli tiġi rreġistrata bħala Assoċjazzjoni Ewropea fir-reġistru nazzjonali xieraq.

    2.   Wara l-avviż ta' reġistrazzjoni iżda qabel l-inklużjoni fir-reġistru nazzjonali xieraq, l-Assoċjazzjoni Ewropea tista' teżerċita d-drittijiet tagħha bħala persuna ġuridika jekk tuża “Assoċjazzjoni Ewropea li qed tiġi ffurmata” bħala parti minn isimha, u f'konformità mar-regoli nazzjonali dwar is-superviżjoni prekawzjonarja applikabbli għall-assoċjazzjonijiet nazzjonali fl-Istat Membru li fih l-Assoċjazzjoni Ewropea jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha waqt li tkun qed tiġi ffurmata. Jekk, qabel ma takkwista personalità ġuridika, ikunu twettqu azzjonijiet f'isem l-Assoċjazzjoni Ewropea u l-Assoċjazzjoni Ewropea ma tassumix l-obbligi li jirriżultaw minn dawk l-azzjonijiet, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jwettqu dawk l-azzjonijiet għandhom ikunu responsabbli in solidum għalihom, dment li ma jkunx previst mod ieħor mir-regoli nazzjonali applikabbli tal-Istat Membru li fih l-Assoċjazzjoni Ewropea jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha waqt li tkun qed tiġi ffurmata.

    3.   Sa minn… [id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament], huma biss dawk l-Assoċjazzjonijiet Ewropej iffurmati u rreġistrati skont dan ir-Regolament illi jistgħu jinkludu d-denominazzjoni “Assoċjazzjoni Ewropea” f'isimhom, bil-lingwa jew lingwi uffiċjali tal-Istat Membru li fihom ikunu stabbiliti. Għandhom jiġu awtorizzati jagħmlu dan malli jiġu inklużi fir-reġistru nazzjonali xieraq skont l-Artikolu 10(4).

    4.   Bħala persuni ġuridiċi, l-Assoċjazzjonijiet Ewropej għandu jkollhom il-kapaċità li jeżerċitaw, f'isimhom stess, is-setgħat, id-drittijiet u l-obbligi li huma meħtieġa għat-twettiq tal-objettivi tagħhom, taħt l-istess kundizzjonijiet bħal entità ġuridika fost dawk identifikati skont l-Artikolu 3(2) u ffurmati f'konformità mad-dritt tal-Istat Membru li fih l-Assoċjazzjoni Ewropea jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha.

    5.   Bħala konsegwenza tal-akkwist tagħha tal-personalità ġuridika, Assoċjazzjoni Ewropea għandha tikseb id-dritt u l-kapaċità li:

    (a)

    tikkonkludi kuntratti u twettaq atti ġuridiċi oħra, inkluż l-akkwist ta' proprjetà mobbli u immobbli;

    (b)

    tiġbor il-fondi b'appoġġ għall-attivitajiet mingħajr skop ta' qligħ tagħha;

    (c)

    tirċievi donazzjonijiet u legati;

    (d)

    timpjega persunal;

    (e)

    tkun parti fi proċedimenti legali; u

    (f)

    ikollha aċċess għal servizzi finanzjarji.

    Artikolu 14

    Governanza u korpi

    1.   Assoċjazzjoni Ewropea għandha tkun libera li tiddetermina l-istrutturi ta' ġestjoni interna u l-governanza tagħha fl-istatuti tagħha, soġġett għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta' dan ir-Regolament. Tali strutturi u governanza għandhom, fi kwalunkwe każ, ikunu f'konformità mal-prinċipji demokratiċi u l-valuri fundamentali tal-Unjoni.

    2.   Assoċjazzjoni Ewropea għandha tkun irregolata minn tal-inqas żewġ korpi, il-Bord tad-Diretturi u l-Assemblea Ġenerali.

    3.   Korpi oħra ta' governanza jistgħu jiġu stabbiliti mill-Bord tad-Diretturi jew mill-Assemblea Ġenerali, skont il-kundizzjonijiet u f'konformità mal-proċeduri stabbiliti f'dan ir-Regolament u fl-istatuti tal-Assoċjazzjoni Ewropea.

    Artikolu 15

    Bord tad-Diretturi

    1.   Il-Bord tad-Diretturi għandu jiġġestixxi l-Assoċjazzjoni Ewropea fl-interessi tal-Assoċjazzjoni Ewropea u fil-ħidma għat-twettiq tal-objettivi tagħha, kif previst fl-istatuti tal-Assoċjazzjoni Ewropea.

    2.   Il-Bord tad-Diretturi għandu jinħatar mill-Assemblea Ġenerali, f'konformità mal-istatuti. L-informazzjoni dwar il-kompożizzjoni tal-Bord tad-Diretturi għandha ssir disponibbli għall-korp tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali fi żmien 6 xhur mid-data tal-elezzjoni tiegħu. Il-korp tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali għandu jinforma b'dan lill-Bord tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej. Kwalunkwe bidla fil-kompożizzjoni għandha ssir disponibbli bl-istess mod. L-Assoċjazzjoni Ewropea għandha tqiegħed tali informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

    3.   Persuna ma għandhiex tkun eliġibbli biex issir membru tal-Bord tad-Diretturi jew ikollha setgħat mogħtija lilha jew tingħata responsabbiltajiet ta' ġestjoni jew rappreżentanza skont il-paragrafu 6 ta' hawn taħt jekk tkun ġiet skwalifikata milli tkun parti minn bord jew minn korp maniġerjali jew superviżorju simili ieħor ta' entità ġuridika minħabba:

    (a)

    id-dritt tal-Unjoni jew dak nazzjonali applikabbli għal dik il-persuna;

    (b)

    id-dritt tal-Unjoni jew dak nazzjonali applikabbli għall-entitajiet ġuridiċi identifikati skont l-Artikolu 3(2) fl-Istat Membru li fih l-Assoċjazzjoni Ewropea jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha; jew

    (c)

    deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva adottata jew rikonoxxuta fi Stat Membru.

    4.   Fil-kamp ta' applikazzjoni tal-funzjonijiet attribwiti lilhom minn dan ir-Regolament u mill-istatuti tal-Assoċjazzjoni Ewropea, il-membri kollha tal-Bord tad-Diretturi għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi.

    5.   Il-Bord tad-Diretturi jista' jiddelega setgħat jew responsabbiltajiet ta' ġestjoni lil kumitati magħmula minn membru wieħed jew aktar tal-Assoċjazzjoni Ewropea. L-istatuti jew l-Assemblea Ġenerali għandhom jadottaw il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta' tali delega.

    6.   Il-Bord tad-Diretturi jista' jorganizza laqgħat ordinarji u straordinarji. Fil-qafas tal-laqgħat ordinarji tiegħu, il-Bord tad-Diretturi għandu jiltaqa' f'intervalli stabbiliti mill-istatuti tal-Assoċjazzjoni Ewropea, u mill-inqas darbtejn fis-sena, biex jiddiskuti l-kontijiet, l-attivitajiet u l-prospetti prevedibbli tal-proġetti tal-Assoċjazzjoni Ewropea.

    7.   Il-Bord tad-Diretturi għandu, darba fis-sena, ifassal rapport dwar il-kontijiet u l-attivitajiet tal-Assoċjazzjoni Ewropea u għandu jgħaddih lill-korp tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali u lill-Bord tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej. L-Assoċjazzjoni Ewropea għandha tqiegħed ukoll tali rapport annwali għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

    8.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 22(2) u dment li japplika għall-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 3(2), il-Bord tad-Diretturi għandu, darba fis-sena, ifassal rapport finanzjarju dwar il-kontijiet tal-Assoċjazzjoni Ewropea, li jkun jinkludi indikazzjoni dwar l-introjtu ġġenerat mill-attivitajiet ekonomiċi u fondi bħal krediti u self mill-banek, u donazzjonijiet jew flus kontanti jew proprjetà riċevuti mingħajr kumpens matul is-sena kalendarja preċedenti, kif ukoll estimu tal-baġit għas-sena finanzjarja li jmiss. F'konformità mad-dritt nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-Bord tad-Diretturi jiddivulga r-rapport finanzjarju lill-awtorità kompetenti u lill-membri tal-assoċjazzjoni. F'tali każ, il-membri jistgħu jitolbu lill-Bord tad-Diretturi jipprovdi aktar informazzjoni, inkluż dwar is-sorsi ta' finanzjament. Il-membri jistgħu jagħmlu dan biss meta, wara l-eżami tar-rapport finanzjarju annwali, dan ikun meħtieġ għall-finijiet ta' trasparenza u ta' obbligu ta' rendikont, u bil-kundizzjoni li dan ikun proporzjonali. Għal dak il-għan, l-Assoċjazzjoni Ewropea għandha tkun obbligata żżomm rekords sħaħ u preċiżi tat-tranżazzjonijiet finanzjarji kollha msemmija fl-Artikolu 23(1).

    9.   Il-membri tal-Bord tad-Diretturi għandu jkollhom is-setgħa li jirrappreżentaw lill-Assoċjazzjoni Ewropea f'negozjati ma' partijiet terzi u fi proċedimenti legali, fil-limiti u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-istatuti tagħha. Meta żewġ membri jew aktar jingħataw l-awtorità ta' rappreżentanza tal-Assoċjazzjoni Ewropea f'negozjati ma' partijiet terzi, huma għandhom jeżerċitaw dik l-awtorità b'mod kollettiv.

    10.   Kwalunkwe att imwettaq mill-membri tal-Bord tad-Diretturi f'isem l-Assoċjazzjoni Ewropea għandu jorbot lill-Assoċjazzjoni Ewropea fil-konfront ta' partijiet terzi, dment li ma jmorrux lil hinn mis-setgħat mogħtija lill-Bord tad-Diretturi mid-dritt applikabbli, jew mogħtija legalment lill-Bord tad-Diretturi mill-istatuti tal-Assoċjazzjoni Ewropea.

    Artikolu 16

    Assemblea Ġenerali

    1.   Il-laqgħa ġenerali tal-Assoċjazzjoni Ewropea, li tiġbor il-membri kollha, għandha tissemma l-Assemblea Ġenerali.

    2.   Il-Bord tad-Diretturi għandu jsejjaħ l-Assemblea Ġenerali f'konformità mal-istatuti tal-Assoċjazzjoni Ewropea.

    3.   Il-membri għandhom jiġu informati b'Assemblea Ġenerali mhux aktar tard minn 15-il jum qabel id-data stabbilita għal-Assemblea Ġenerali.

    4.   Il-Bord tad-Diretturi jista' jsejjaħ Assemblea Ġenerali fi kwalunkwe ħin, jew fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba ta' mill-inqas kwart tal-membri. L-istatuti jistgħu jistabbilixxu limitu aktar baxx.

    5.   L-Assemblea Ġenerali tista' ssir b'membri preżenti fiżikament, preżenti online, jew taħlita tat-tnejn, mingħajr ma dan jaffettwa l-validità tal-Assemblea Ġenerali, jew il-validità tad-deċiżjonijiet adottati. Il-Bord tad-Diretturi għandu jiddeċiedi dwar liema waħda mit-tliet forom tintuża għal kull Assemblea Ġenerali, sakemm maġġoranza tal-membri tal-assoċjazzjoni ma tipproponix forma oħra.

    6.   It-talba għal Assemblea Ġenerali għandha tiddikjara r-raġunijiet għaliex din għandha tissejjaħ u l-punti li għandhom jiġu inklużi fl-aġenda.

    7.   Kull membru għandu jkollu d-dritt li jikseb informazzjoni u jkollu aċċess għad-dokumenti, f'konformità mar-regoli stabbiliti fl-istatuti, qabel kull Assemblea Ġenerali.

    8.   Kull membru għandu jkollu d-dritt li jipparteċipa fl-Assemblea Ġenerali, li jitkellem u li jressaq mozzjonijiet.

    9.   Id-dritt tal-membri li jivvotaw u jressqu mozzjonijiet fl-Assemblea Ġenerali għandu jiġi eżerċitat f'konformità mal-istatuti tal-Assoċjazzjoni Ewropea, bi qbil mal-Artikolu 8(2), il-punt (j).

    10.   Il-membri jistgħu jaħtru membru ieħor biex jirrappreżentahom f'Assemblea Ġenerali qabel l-assemblea, skont proċedura li għandha tiġi stabbilita fl-istatuti tal-Assoċjazzjoni Ewropea. Membru ma jistax jirrappreżenta aktar minn żewġ membri oħra.

    11.   Id-deċiżjonijiet mill-Assemblea Ġenerali dwar kwistjonijiet ordinarji għandhom jiġu adottati, sakemm ma jkunx previst mod ieħor, b'maġġoranza tal-voti tal-membri preżenti jew rappreżentati. Il-voti għandhom jitqassmu f'konformità mar-regoli stabbiliti fl-istatuti tal-Assoċjazzjoni Ewropea.

    Artikolu 17

    Kapitoli ta' assoċjazzjoni u membri ewlenin

    1.   Assoċjazzjoni Ewropea jista' jkollha kapitoli reġjonali. Ma għandux jitqies li l-kapitoli jkollhom personalità ġuridika distinta, iżda jistgħu jorganizzaw u jiġġestixxu attivitajiet f'isem l-assoċjazzjoni, soġġett għar-rekwiżiti tal-istatuti tagħhom.

    2.   Il-Bord tad-Diretturi ta' Assoċjazzjoni Ewropea jista' jaħtar kapitoli jew membri li jkunu persuni ġuridiċi biex ikunu atturi ewlenin fl-eżekuzzjoni u fl-implimentazzjoni tal-proġetti tal-Assoċjazzjoni Ewropea. L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw lill-kapitoli jew lill-membri jimplimentaw proġetti taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom bħala atturi ewlenin ta' Assoċjazzjoni Ewropea.

    Artikolu 18

    Emendi tal-istatuti

    1.   Kwalunkwe emenda għall-istatuti tal-Assoċjazzjoni Ewropea għandha tiġi diskussa f'Assemblea Ġenerali li tissejjaħ għal dak il-fini.

    2.   Il-membri għandhom jiġu nnotifikati b'Assembleji Ġenerali bil-għan li jiddiskutu u jiddeċiedu dwar l-emendi proposti tal-istatuti tal-Assoċjazzjoni Ewropea mill-inqas 30 jum kalendarju qabel id-data stabbilita għall-assemblea. In-notifika għandha tinkludi l-proposti inkwistjoni.

    3.   L-Assemblea Ġenerali għandu jkollha s-setgħa li tagħmel emendi għall-istatuti, jekk mill-inqas nofs il-membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea u membru wieħed ieħor ikunu preżenti jew rappreżentati.

    4.   L-emendi għall-istatuti tal-Assoċjazzjoni Ewropea għandhom jiġu adottati jekk mill-inqas żewġ terzi tal-membri preżenti jew rappreżentati tal-Assemblea Ġenerali jivvutaw favur.

    5.   L-emendi għall-għan iddikjarat tal-Assoċjazzjoni Ewropea għandhom jiġu adottati jekk mill-inqas tliet kwarti tal-membri preżenti jew rappreżentati tal-Assemblea Ġenerali jivvutaw favur.

    6.   It-test tal-istatuti adottati għandu jsir disponibbli fi żmien 6 xhur mid-data tal-adozzjoni tagħhom għall-korp tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali, li għandu jinforma b'dan lill-Bord tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej. Tali informazzjoni għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mill-Assoċjazzjoni Ewropea u għandha tiġi kkomunikata lill-Bord tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej sabiex tiġi inkluża fil-bażi tad-data Ewropea msemmija fl-Artikolu 5(5), il-punt (b).

    Kapitolu III

    Dispożizzjonijiet dwar it-trattament tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej fl-Istati Membri

    Artikolu 19

    Prinċipju ta' nondiskriminazzjoni

    1.   Kwalunkwe trattament diskriminatorju tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej għandu jkun ipprojbit.

    2.   L-Assoċjazzjonijiet Ewropej għandhom jirċievu l-istess trattament bħall-entitajiet nazzjonali ekwivalenti identifikati f'konformità mal-Artikolu 3(2).

    Artikolu 20

    Status ta' benefiċċju pubbliku

    1.   L-Assoċjazzjonijiet Ewropej jistgħu jingħataw status ta' benefiċċju pubbliku jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

    (a)

    l-għan u l-attivitajiet tal-organizzazzjoni jsegwu objettiv ta' benefiċċju pubbliku li jservi l-benesseri tas-soċjetà jew ta' parti minnha, u għaldaqstant ikun ta' benefiċċju għall-ġid pubbliku, ħlief fejn dak il-għan u dawk l-attivitajiet ikunu sistematikament u direttament immirati biex ikunu ta' benefiċċju għall-istrutturi ta' partit politiku speċifiku. L-għanijiet li ġejjin, fost l-oħrajn, għandhom jitqiesu bħala li huma orjentati lejn objettiv ta' benefiċċju pubbliku:

    (i)

    l-arti, il-kultura jew il-preżervazzjoni storika;

    (ii)

    il-protezzjoni tal-ambjent u t-tibdil fil-klima;

    (iii)

    il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u tal-valuri tal-Unjoni, inklużi d-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-eliminazzjoni ta' kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, ir-razza, l-etniċità, ir-reliġjon, id-diżabilità, l-orjentazzjoni sesswali jew kwalunkwe raġuni oħra;

    (iv)

    il-ġustizzja soċjali, l-inklużjoni soċjali u l-prevenzjoni jew it-tnaqqis tal-faqar;

    (v)

    l-assistenza umanitarja u l-għajnuna umanitarja, inkluża l-għajnuna f'każ ta' diżastru;

    (vi)

    l-għajnuna għall-iżvilupp u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp;

    (vii)

    il-protezzjoni ta' sezzjonijiet vulnerabbli tal-popolazzjoni, inklużi t-tfal, l-anzjani, il-persuni b'diżabilità, il-persuni li jfittxu protezzjoni internazzjonali jew li jibbenefikaw minnha u l-persuni mingħajr dar, kif ukoll l-assistenza u l-appoġġ għal tali sezzjonijiet tal-popolazzjoni;

    (viii)

    il-protezzjoni tal-annimali;

    (ix)

    ix-xjenza, ir-riċerka u l-innovazzjoni;

    (x)

    l-edukazzjoni u t-taħriġ u l-involviment taż-żgħażagħ;

    (xi)

    il-promozzjoni u l-protezzjoni tas-saħħa u l-benesseri, inkluża l-provvista ta' kura medika;

    (xii)

    il-protezzjoni tal-konsumatur; u

    (xiii)

    l-isport mhux professjonali u l-promozzjoni tiegħu.

    (b)

    kwalunkwe surplus minn kwalunkwe attività ekonomika jew ta' introjtu ieħor iġġenerat mill-organizzazzjoni jintuża biss biex jippromwovi l-objettivi ta' benefiċċju pubbliku tal-organizzazzjoni;

    (c)

    fil-każ ta' xoljiment tal-organizzazzjoni, is-salvagwardji statutorji jiggarantixxu li l-assi kollha jkomplu jaqdu l-objettivi ta' benefiċċju pubbliku; u

    (d)

    il-membri tal-istrutturi governattivi tal-organizzazzjoni li ma humiex impjegati bħala persunal ma jkunux eliġibbli għal remunerazzjoni lil hinn mill-allowances għall-ispejjeż adegwati.

    2.   L-Assoċjazzjonijiet Ewropej jistgħu japplikaw mal- korp tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-Istat Membru fejn ikollhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom biex jiksbu rikonoxximent għall-fatt li jikkontribwixxu għall-benefiċċju pubbliku, f'konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1.

    3.   Il-korp tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali għandu jieħu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għall-istatus ta' benefiċċju pubbliku skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 10(8) u (9).

    4.   L-Istati Membri għandhom jittrattaw Assoċjazzjoni Ewropea li tingħata status ta' benefiċċju pubbliku bl-istess mod bħall-entitajiet ġuridiċi li jkunu ngħataw status korrispondenti taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom.

    Artikolu 21

    Prinċipju ta' trattament nazzjonali

    L-Assoċjazzjonijiet Ewropej għandhom ikunu soġġetti għad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali applikabbli għall-entitajiet ġuridiċi identifikati skont l-Artikolu 3(2) fl-Istat Membru li fih ikollhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom.

    Artikolu 22

    Prinċipju ta' trattament mhux arbitrarju

    L-Assoċjazzjonijiet Ewropej ma għandhomx ikunu soġġetti għal trattament differenzjali mill-Istati Membri jekk dan isir esklużivament abbażi tal-konvenjenza politika tal-għan, il-qasam tal-attivitajiet jew is-sorsi ta' finanzjament tagħhom.

    Kapitolu IV

    Finanzjament u rappurtar

    Artikolu 23

    Ġbir ta' fondi u użu liberu ta' assi

    1.   L-Assoċjazzjonijiet Ewropej għandhom ikunu jistgħu jitolbu jew jirċievu kwalunkwe riżorsa, inkluż finanzjarja, in natura u materjali, jew li jiddisponu minnha jew jagħtuha b'donazzjoni u jitolbu riżorsi umani lil kwalunkwe sors jew jirċevuhom minnu, kemm jekk ikunu korpi pubbliċi, individwi privati jew korpi privati, fi kwalunkwe Stat Membru u f'pajjiżi terzi.

    2.   L-Assoċjazzjonijiet Ewropej għandhom ikunu soġġetti għad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u d-dritt nazzjonali applikabbli rigward it-tassazzjoni, id-dwana, il-kambju, il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, kif ukoll għar-regoli li jirregolaw il-finanzjament tal-elezzjonijiet u tal-partiti politiċi, kif applikabbli għall-entitajiet ġuridiċi identifikati skont l-Artikolu 3(2) fl-Istat Membru li fih ikollhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom.

    3.   L-Assoċjazzjonijiet Ewropej għandhom ikunu soġġetti għall-obbligi ta' rappurtar u ta' divulgazzjoni pubblika f'konformità mad-dritt nazzjonali, inkluż rigward il-kompożizzjoni tal-Bord tad-Diretturi, id-dispożizzjonijiet tal-istatuti, il-finanzjament u r-rapporti finanzjarji, sa fejn tali obbligi jissodisfaw l-objettiv ta' interess ġenerali li jiġi żgurat li l-Assoċjazzjonijiet Ewropej joperaw b'mod trasparenti, ikollhom obbligu ta' rendikont u dment li tali obbligi jkunu meħtieġa u proporzjonati.

    Il-konformità mal-obbligi msemmija fl-ewwel subparagrafu ma għandhiex twassal biex l-Assoċjazzjonijiet Ewropej isiru soġġetti għal regoli aktar stretti minn dawk applikabbli għall-entitajiet nazzjonali ekwivalenti identifikati skont l-Artikolu 3(2) u għall-entitajiet bi skop ta' qligħ. Tali obbligi ta' rappurtar u ta' divulgazzjoni pubblika ma għandhomx iwasslu għal xi differenza fit-trattament jew xi limitazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi tal-Assoċjazzjoni Ewropea irrispettivament mill-konvenjenza tal-għan jew is-sorsi ta' finanzjament tagħha.

    Artikolu 24

    Kontabbiltà u awditjar

    1.   L-Assoċjazzjonijiet Ewropej għandhom iżommu rekords sħaħ u preċiżi tat-tranżazzjonijiet finanzjarji kollha.

    2.   L-Assoċjazzjonijiet Ewropej għandhom ifasslu mill-inqas darba fis-sena:

    (a)

    il-kontijiet annwali tagħhom;

    (b)

    il-kontijiet konsolidati tagħhom, jekk ikun il-każ;

    (c)

    estimu tal-baġit għas-sena finanzjarja li jmiss; u

    (d)

    rapport annwali tal-attività.

    Il-Bord tad-Diretturi għandu jgħaddi r-rapport annwali tal-attività u r-rapport finanzjarju lill-korp tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali skont l-Artikolu 14(7) u (8).

    3.   Ir-rapport annwali tal-attività għandu jkun fih mill-inqas:

    (a)

    informazzjoni dwar l-attivitajiet tal-Assoċjazzjoni Ewropea fis-sena ta' referenza;

    (b)

    informazzjoni dwar il-prospetti prevedibbli, jekk ikunu disponibbli; u

    (c)

    deskrizzjoni ta' kif l-għan ta' benefiċċju pubbliku jkun ġie promoss matul is-sena preċedenti, jekk l-Assoċjazzjoni Ewropea tkun ingħatat l-istatus korrispondenti.

    4.   Il-kontijiet annwali ta’ Assoċjazzjonijiet Ewropej, u, fejn ikun applikabbli, il-kontijiet konsolidati tagħhom, għandhom jiġu awditjati skont id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-entitajiet ġuridiċi identifikati skont l-Artikolu 3(2) fl-Istat Membru li fih l-Assoċjazzjoni Ewropea kkonċernata jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha. L-awditu għandu jitwettaq mill-inqas darba kull erba' snin u mhux aktar minn darba kull sentejn.

    5.   Ir-rapport li jirriżulta mill-awditu msemmi fil-paragrafu 4 għandu jiġi ddivulgat bil-mod previst mid-dritt tal-Istat Membru li fih l-Assoċjazzjoni Ewropea jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha.

    6.   L-awtoritajiet tal-Istati Membri ma għandhomx jirrikjedu li l-Assoċjazzjonijiet Ewropej jipprovdu aċċess għall-informazzjoni dwar il-membri tagħhom li huma persuni fiżiċi, ħlief jekk dan ikun meħtieġ għall-fini ta' investigazzjoni kriminali pubblika li tirrigwarda reati kriminali punibbli b'piena li ċċaħħad il-libertà ta' massimu ta' mill-inqas sena u wara l-ħruġ ta' deċiżjoni minn qorti jew tribunal indipendenti.

    7.   Il-korp tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali għandu jipprovdi stampa ġenerali darbtejn fis-sena bl-informazzjoni rilevanti dwar l-awditi kollha msemmija fil-paragrafu 4 lill-Bord tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej, li għandu jipprevedi l-pubblikazzjoni tar-rapport f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll fuq is-sit web tiegħu.

    8.   Ir-regoli dwar il-kontabbiltà u l-awditjar applikabbli għall-Assoċjazzjonijiet Ewropej ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk applikabbli għall-impriżi fl-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/43/KE (10) jew tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).

    9.   Dan l-Artikolu għandu japplika mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet nazzjonali korrispondenti aktar favorevoli fl-Istat Membru tal-uffiċċju reġistrat.

    Kapitolu V

    Kooperazzjoni mal-Istati Membri u responsabbiltà

    Artikolu 25

    Kooperazzjoni mal-Istati Membri

    1.   Il-korp tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-Istat Membru tar-reġistrazzjoni għandu jikkonsulta fi żmien debitu mal-korpi tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali ta' Stati Membri oħra dwar kwalunkwe kwistjoni sostanzjali rigward il-legalità u r-responsabbiltà ta' Assoċjazzjoni Ewropea partikolari, u għandu jinforma b'dan lill-Bord tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej.

    2.   Sakemm ma jkunx previst mod ieħor minn dan ir-Regolament, il-korpi tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali għandhom jikkomunikaw, fuq bażi annwali, stampa ġenerali ta' kwalunkwe informazzjoni rilevanti rigward deċiżjonijiet li jikkonċernaw Assoċjazzjonijiet Ewropej fuq it-territorju tal-Istat Membru tagħhom. Dan għandu jinkludi lista ta' każijiet fejn ikunu nbdew investigazzjonijiet kriminali kontra l-Assoċjazzjonijiet Ewropej, inkluż fejn tkun intalbet id-divulgazzjoni ta' informazzjoni dwar il-membri skont l-Artikolu 24(6).

    3.   Jekk il-Bord tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej iqis li korp tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali jkun naqas milli jikkonforma ma' dan ir-Regolament, għandu jipprovdi l-informazzjoni rilevanti kollha lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta dik l-informazzjoni u tieħu azzjoni kif xieraq.

    4.   L-Assoċjazzjonijiet Ewropej għandu jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom rimedji effettivi biex jikkontestaw id-deċiżjonijiet meħuda mill-korp tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali li jkunu jikkonċernawhom, inkluża l-possibbiltà li jiksbu rieżami ġudizzjarju ta' kwalunkwe waħda minn tali deċiżjonijiet.

    Artikolu 26

    Responsabbiltà tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej u tal-membri tal-Bord tad-Diretturi tagħhom

    1.   Ir-responsabbiltà tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej għandha tkun irregolata mid-dispożizzjonijiet applikabbli għall-entitajiet ġuridiċi identifikati skont l-Artikolu 3(2) fl-Istat Membru li fih l-Assoċjazzjoni Ewropea jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha.

    2.   Il-membri tal-Bord tad-Diretturi ta' Assoċjazzjoni Ewropea għandhom ikunu responsabbli in solidum għal telf jew dannu mġarrab minn Assoċjazzjoni Ewropea bħala riżultat ta' ksur tal-obbligi marbuta mal-funzjonijiet tagħhom. Madankollu, ir-responsabbiltà ma għandhiex tkun in solidum għal telf jew dannu mġarrab mill-Assoċjazzjoni Ewropea, fejn ikun intwera li hemm ksur ta' obbligi speċifiċi marbuta biss mal-funzjonijiet ta' dak il-membru.

    3.   L-istatuti għandhom jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-bidu ta' proċedimenti, f’isem l-Assoċjazzjoni Ewropea, kontra membri tal-Bord tad-Diretturi.

    Kapitolu VI

    Xoljiment, insolvenza, likwidazzjoni

    Artikolu 27

    Xoljiment volontarju

    1.   Assoċjazzjoni Ewropea tista' tiġi xolta b'mod volontarju:

    (a)

    b'deċiżjoni tal-Bord tad-Diretturi skont id-dispożizzjonijiet fl-istatuti tal-Assoċjazzjoni Ewropea, bil-qbil tal-Assemblea Ġenerali; jew

    (b)

    b'deċiżjoni tal-Assemblea Ġenerali; tali deċiżjoni tista' tiġi rtirata mill-Assemblea Ġenerali qabel ma x-xoljiment jew il-likwidazzjoni tal-Assoċjazzjoni Ewropea jsiru effettivi formalment.

    2.   L-Assoċjazzjoni Ewropea għandha tinforma lill-korp tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali bi kwalunkwe deċiżjoni ta' xoljiment volontarju tagħha meħuda skont il-paragrafu 1 mhux aktar tard minn 15-il jum wara li tkun ġiet adottata tali deċiżjoni.

    3.   Il-korp tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali għandu jneħħi minnufih l-Assoċjazzjoni Ewropea mir-reġistru nazzjonali xieraq u jinforma lill-Bord tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej kif ukoll lill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea bix-xoljiment tal-Assoċjazzjoni Ewropea skont il-paragrafu 1, mhux aktar tard minn 15-il jum wara li jkun sar jaf bix-xoljiment. Minnufih wara tali notifika, l-Awtorità tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej għandha tippubblika avviż dwar ix-xoljiment tal-Bord tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u tneħħi l-Assoċjazzjoni Ewropea mill-bażi tad-data diġitali tal-Unjoni, u l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet għandu jippubblika avviż dwar ix-xoljiment tal-Assoċjazzjoni Ewropea f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    4.   Ix-xoljiment tal-Assoċjazzjoni Ewropea għandu jsir effettiv fl-Unjoni kollha mid-data tat-tneħħija tal-assoċjazzjoni mir-reġistru nazzjonali xieraq.

    Artikolu 28

    Xoljiment involontarju

    1.   Assoċjazzjoni Ewropea tista' tiġi xolta biss b'deċiżjoni finali ta' qorti jew tribunal kompetenti tal-Istat Membru li fih l-Assoċjazzjoni Ewropea jkollha, jew l-aħħar li kellha, l-uffiċċju reġistrat tagħha, jekk:

    (a)

    l-uffiċċju reġistrat tal-Assoċjazzjoni Ewropea jeħtieġ li jiġi ttrasferit jew ikun ġie ttrasferit barra mit-territorju tal-Unjoni;

    (b)

    il-kundizzjonijiet għall-formazzjoni tal-Assoċjazzjoni Ewropea kif stabbiliti f'dan ir-Regolament ma jkunux issodisfati aktar; jew

    (c)

    l-attivitajiet tal-Assoċjazzjoni Ewropea ma jibqgħux kompatibbli mal-objettivi u l-valuri tal-Unjoni jew joħolqu theddida serja għall-politika pubblika, għas-sigurtà pubblika.

    2.   Meta tittieħed deċiżjoni dwar ix-xoljiment skont il-paragrafu 1, il-punti (a) jew (b), l-Awtorità tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej għandha tagħti lill-Assoċjazzjoni Ewropea perjodu raġonevoli biex tirregolarizza l-pożizzjoni tagħha qabel ma d-deċiżjoni ssir effettiva.

    3.   L-applikanti għandu jkollhom aċċess għal rimedji effettivi biex jappellaw deċiżjoni dwar ix-xoljiment quddiem qrati jew tribunali tal-appell kompetenti.

    4.   Il-korp tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali għandu jneħħi minnufih l-Assoċjazzjoni Ewropea mir-reġistru nazzjonali xieraq u jinforma lill-Bord tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej kif ukoll lill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea bix-xoljiment involontarju tal-Assoċjazzjoni Ewropea, mhux aktar tard minn 15-il jum wara li d-deċiżjoni tkun saret finali. Minnufih wara tali notifika, il-Bord tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej għandu jneħħi l-Assoċjazzjoni Ewropea mill-bażi tad-data diġitali tal-Unjoni u l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet għandu jippubblika avviż dwar ix-xoljiment tal-Assoċjazzjoni Ewropea f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    5.   Ix-xoljiment tal-Assoċjazzjoni Ewropea għandu jsir effettiv fl-Unjoni kollha mid-data tat-tneħħija tal-assoċjazzjoni mir-reġistru nazzjonali xieraq.

    Artikolu 29

    Likwidazzjoni u insolvenza

    1.   L-istralċ ta' Assoċjazzjoni Ewropea għandu jwassal għal-likwidazzjoni tagħha. Tali likwidazzjoni għandha tkun irregolata mid-dritt applikabbli għall-entitajiet ġuridiċi identifikati skont l-Artikolu 3(2) fl-Istat Membru li fih l-Assoċjazzjoni Ewropea jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha.

    2.   Assoċjazzjoni Ewropea għandha żżomm il-kapaċità tagħha, skont it-tifsira tal-Artikolu 13, sakemm tiġi konkluża l-likwidazzjoni tagħha.

    Artikolu 30

    Rieżami u evalwazzjoni

    Sa … [ħames snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament], il-Kummissjoni għandha tgħaddi lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u proposti għal emendi, fejn ikun xieraq.

    Kapitolu VII

    Artikolu 31

    Dispożizzjonijiet finali

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fi […] jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    PARTI II

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar standards minimi komuni għall-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ fl-Unjoni (Direttiva dwar l-Istandards Minimi)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

    Billi:

    (1)

    Il-libertà ta' assoċjazzjoni hija dritt fundamentali, rikonoxxut mit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”) u mill-kostituzzjonijiet tal-Istati Membri u hija kruċjali għall-funzjonament tad-demokrazija, peress li tikkostitwixxi kundizzjoni essenzjali għall-eżerċizzju ta' drittijiet fundamentali oħra mill-individwi, inkluż id-dritt għal-libertà ta' espressjoni.

    (2)

    L-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ igawdu mill-protezzjoni ta' ċerti drittijiet, inklużi d-drittijiet fundamentali, fil-kapaċità tagħhom stess, abbażi tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

    (3)

    L-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ jagħtu kontribut ewlieni għall-ilħuq tal-għanijiet li huma fl-interess pubbliku u għall-ilħuq tal-objettivi tal-Unjoni, inkluż billi jippromwovu l-parteċipazzjoni attiva fil-ħajja ekonomika, demokratika u soċjali tas-soċjetajiet tagħna.

    (4)

    Illum, l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ, fit-twettiq tal-għanijiet tagħhom, jiżvolġu rwol sħiħ fl-ekonomiji tagħna u fl-iżvilupp tas-suq intern, inkluż billi jinvolvu ruħhom f'diversi attivitajiet ta' rilevanza kemm nazzjonali kif ukoll transnazzjonali u jinvolvu ruħhom b'mod regolari f'attivitajiet ekonomiċi.

    (5)

    L-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ huma, b'mod partikolari, il-katalizzaturi ewlenin tal-iżvilupp tat-tielet settur, li huwa stmat li jirrappreżenta madwar 13 % tal-forza tax-xogħol madwar l-Ewropa, abbażi tar-riżultati tal-proġett tal-2014-2017 dwar “Il-Kontribut tat-Tielet Settur għall-Iżvilupp Soċjoekonomiku tal-Ewropa” kkoordinat mill-Istitut għar-Riċerka Soċjali (ISF) ta' Oslo (12).

    (6)

    L-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ huma attur ewlieni fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni li jappoġġjaw is-suq intern, kif muri mill-involviment tagħhom f'varjetà ta' gruppi ta' esperti bħall-Forum ta' Livell Għoli dwar it-Titjib tal-Funzjonament tal-Katina tal-Provvista tal-Ikel.

    (7)

    Ir-rapporti, inkluż mill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali, jindikaw ħafna tfixkil li jirriżulta mil-liġijiet, mir-regolamenti jew mill-prattiki amministrattivi nazzjonali li jirregolaw il-formazzjoni, ir-reġistrazzjoni, l-operazzjonijiet, il-finanzjament u l-attivitajiet transfruntiera tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ, li jaffettwaw il-kapaċità tal-persuni ġuridiċi jew fiżiċi jew tal-gruppi ta' tali persuni, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, li jistabbilixxu, jirreġistraw jew joperaw organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ madwar l-Unjoni.

    (8)

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew appella lill-Istati Membri biex jistabbilixxu ambjent favorevoli għall-filantropija, f'konformità mal-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-Unjoni, li jinkoraġġixxi l-azzjoni filantropika u taċ-ċittadini, id-donazzjonijiet privati għal kawżi ta' benefiċċju pubbliku u l-ħolqien ta' organizzazzjonijiet filantropiċi (13). Huwa għaldaqstant importanti li tissaħħaħ il-komplementarjetà bejn il-ħidma tal-istituzzjonijiet pubbliċi u l-organizzazzjonijiet filantropiċi u li jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-politika tal-Unjoni jiffaċilitaw id-donazzjoni ta' riżorsi privati għall-ġid komuni permezz tal-fluss liberu tal-kapital flimkien mal-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni u t-trattament fiskali ugwali tal-organizzazzjonijiet filantropiċi Ewropej, sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal tad-donazzjonijiet u l-investimenti transfruntiera għall-ġid komuni.

    (9)

    Minkejja l-għadd dejjem jikber ta' assoċjazzjonijiet u organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ transfruntiera fl-Unjoni, fil-preżent ma hemm l-ebda qafas leġiżlattiv pan-Ewropew armonizzat li jippermettilhom joperaw u jorganizzaw lilhom infushom b'mod xieraq fil-livell transfruntier.

    (10)

    Minħabba l-importanza tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ, huwa vitali li l-formazzjoni u l-operazzjonijiet tagħhom jiġu ffaċilitati u protetti b'mod effettiv fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri.

    (11)

    Fir-rakkomandazzjoni CM/Rec(2007)14 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-istatus ġuridiku tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi fl-Ewropa, l-Istati Membri diġà rrikonoxxew ir-rwol tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ, u b'mod partikolari l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, bħala element essenzjali tal-kontribut tas-soċjetà ċivili għat-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont ta' gvern demokratiku u stabbilew l-istandards minimi li għandhom jiġu rispettati fir-rigward tal-ħolqien, il-ġestjoni u l-attivitajiet ġenerali ta' tali organizzazzjonijiet.

    (12)

    Il-Linji Gwida Konġunti dwar il-Libertà ta' Assoċjazzjoni (CDL-AD(2014)046), adottati mill-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt (il-Kummissjoni ta' Venezja) u l-Uffiċċju tal-OSKE għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR), jipprovdu gwida lil-leġiżlaturi għat-traspożizzjoni tal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem rigward id-dritt għal-libertà ta' assoċjazzjoni fil-liġijiet nazzjonali.

    (13)

    Huwa meħtieġ fil-livell tal-Unjoni li wieħed jibni fuq standards eżistenti, f'konformità mal-libertà ta' assoċjazzjoni u l-fluss liberu tal-kapital, għall-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ, bil-għan li jiġu żgurati livell uniformi ta' protezzjoni u kundizzjonijiet ekwi għall-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ kollha stabbiliti fl-Unjoni, sabiex jiġi żgurat ambjent abilitanti li fih tali organizzazzjonijiet jistgħu jikkontribwixxu mingħajr tfixkil għall-funzjonament tas-suq intern.

    (14)

    Din id-Direttiva jenħtieġ li tqarreb il-liġijiet tal-Istati Membri rigward ċerti aspetti tal-formazzjoni, ir-reġistrazzjoni, l-operazzjonijiet, il-finanzjament, ir-rappurtar u l-attivitajiet transfruntiera tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ.

    (15)

    Din id-Direttiva jenħtieġ li ma taffettwax ir-regoli tal-Istati Membri dwar it-tassazzjoni tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ stabbiliti, irreġistrati jew li joperaw fit-territorju tagħhom. Huma u jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tagħha l-Istati Membri jenħtieġ li joqogħdu attenti li ma jintroduċux jew li ma japplikawx dispożizzjonijiet fil-qasam tal-liġi dwar it-taxxa li jaffettwaw ir-reġistrazzjoni, l-operazzjonijiet, il-finanzjament u l-movimenti transfruntiera tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ b'mod li jevitaw l-ittra jew l-ispirtu tar-regoli stabbiliti f'din id-Direttiva.

    (16)

    Din id-Direttiva jenħtieġ li ma taffettwax il-liġi kriminali tal-Istati Membri. Huma u jittrasponu d-dispożizzjonijiet tagħha, l-Istati Membri jenħtieġ li joqogħdu attenti li ma jintroduċux jew li ma japplikawx dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali li jirregolaw jew jaffettwaw b'mod speċifiku r-reġistrazzjoni, l-operazzjonijiet, il-finanzjament u l-movimenti transfruntiera tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ b'tali mod li jevitaw l-ittra jew l-ispirtu tar-regoli stabbiliti f'din id-Direttiva.

    (17)

    Din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika għall-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ stabbiliti fl-Unjoni li huma maħsuba bħala assoċjazzjonijiet volontarji ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, kif ukoll għall-organizzazzjonijiet li ma humiex ibbażati fuq is-sħubija u li l-assi tagħhom huma allokati għat-twettiq ta' għan speċifiku, bħall-fondazzjonijiet, stabbiliti għal perjodu ta' żmien indefinit, li jsegwu għan primarju għajr dak li jiġġeneraw profitt u li huma indipendenti u awtoregolati. Il-fatt li organizzazzjoni ma tingħatax personalità ġuridika jenħtieġ li ma jeskludihiex mill-protezzjoni prevista f'din id-Direttiva.

    (18)

    Meta jiġi ddeterminat jekk organizzazzjoni hijiex mingħajr skop ta' qligħ skont din id-Direttiva, il-benefiċjarji diretti ta' organizzazzjonijiet li l-għan tagħhom huwa li jipprovdu servizzi ta' kura għal individwi bi ħtiġijiet soċjali jew kundizzjonijiet tas-saħħa speċifiċi jenħtieġ li ma jitqisux bħala partijiet privati.

    (19)

    Il-partiti politiċi jenħtieġ li jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, peress li l-attivitajiet tagħhom ma jkunux relatati biss mat-twettiq ta' interessi, attivitajiet jew għanijiet komuni, iżda jkunu mmirati lejn il-kisba u l-użu kollettiv tas-setgħa politika.

    (20)

    It-trade unions u l-assoċjazzjonijiet ta' trade unions jenħtieġ li jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva. Jenħtieġ li din l-esklużjoni ma tintużax mill-Istati Membri biex jiġġustifikaw limitazzjoni tal-prerogattivi u d-drittijiet tat-trade unions rikonoxxuti fid-dritt nazzjonali, tal-Unjoni jew internazzjonali jew l-istrumenti tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari l-Karta Soċjali Ewropea tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Konvenzjonijiet u r-Rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u l-ġurisprudenza relatata;

    (21)

    Din id-Direttiva jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri fir-rigward tal-istatus ta' organizzazzjonijiet reliġjużi, filosofiċi u mhux konfessjonali kif imsemmi fl-Artikolu 17 TFUE. F'dan ir-rigward, jenħtieġ li l-organizzazzjonijiet b'għan primarjament reliġjuż, filosofiku u mhux konfessjonali, bħall-knejjes u l-komunitajiet reliġjużi u mhux, jiġu esklużi mill-applikazzjoni ta' din id-Direttiva. Madankollu, dan jenħtieġ li ma jintużax mill-Istati Membri biex jeskludu mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva organizzazzjonijiet oħra li l-valuri u l-għanijiet tagħhom huma msejsa fuq twemmin reliġjuż, filosofiku jew mhux konfessjonali, bħall-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ bbażati fuq il-fidi li jagħmlu l-karità.

    (22)

    Jenħtieġ li jkun hemm preżunzjoni tal-eżistenza ta' interess leġittimu meta jkun hemm aċċess għal mekkaniżmu ta' lmenti u għal rimedju amministrattiv u ġudizzjarju għal persuni li jkunu jew kienu direttament involuti ma' organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ, bħall-fundaturi, id-diretturi u l-membri tal-persunal tagħhom, iżda wkoll għall-persuni kollha li għandhom il-kapaċità fir-rigward tal-proċedimenti li jikkonċernaw l-attivitajiet tal-organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ. Jenħtieġ li dik il-preżunzjoni teżisti wkoll għall-benefiċjarji tal-attivitajiet tal-organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ fejn tali benefiċjarji jaf ma jkunux membri, iżda fejn jirċievu jew ikunu rċevew servizzi, jew ikunu jew kienu soġġetti għal deċiżjonijiet tal-organizzazzjoni li affettwawlhom ħajjithom ta' kuljum, bħal pazjenti jew residenti ta' faċilitajiet jew xelters immexxija minn organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ, jew riċevituri ta' donazzjonijiet tal-karità bħall-ikel jew il-ħwejjeġ.

    (23)

    L-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem huma istituzzjonijiet indipendenti stabbiliti bil-liġi u f'konformità mal-Prinċipji ta' Pariġi adottati fl-1993 mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, u għandhom il-mandat li jipproteġu u jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem fil-livell nazzjonali skont in-normi u l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem.

    (24)

    Il-libertà tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ li jiddeterminaw l-objettivi u l-attivitajiet tagħhom tirriżulta minn standards internazzjonali u reġjonali tad-drittijiet tal-bniedem. Dan jimplika wkoll il-libertà ta' tali organizzazzjonijiet li jiddeterminaw il-kamp ta' applikazzjoni tal-operazzjonijiet tagħhom, kemm jekk lokali, reġjonali, nazzjonali jew internazzjonali, u li jsiru membri ta' organizzazzjonijiet, federazzjonijiet u konfederazzjonijiet oħra tal-organizzazzjonijiet.

    (25)

    Informazzjoni dwar l-identità tal-fundaturi u l-membri ta' organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ li huma persuni fiżiċi tista' tikkostitwixxi informazzjoni sensittiva. L-Istati Membri jenħtieġ għalhekk li jiżguraw li kwalunkwe rekwiżit li jwassal għall-ipproċessar ta' tali data personali jkun mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), u b'mod partikolari għall-Artikolu 9 tiegħu;

    (26)

    Kull persuna jenħtieġ li tkun libera li tiddeċiedi jekk għandhiex jew le tingħaqad ma' organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ jew tibqa' membru tagħha u l-organizzazzjonijiet jenħtieġ li jkunu liberi li jiddeterminaw ir-regoli tagħhom għas-sħubija, soġġett biss għall-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni. Is-sħubija f'organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ jenħtieġ li ma tikkostitwix raġuni għall-applikazzjoni ta' penali jew miżuri restrittivi, sakemm ma tkunx konsegwenza tal-infurzar tal-liġijiet kriminali.

    (27)

    Ir-regoli dwar l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ jenħtieġ li jkunu konformi mal-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni. Dan jinkludi l-obbligu li l-Istati Membri jiżguraw li kwalunkwe persuna jew grupp ta' persuni li jixtiequ jifformaw assoċjazzjoni jenħtieġ li ma jkunux indebitament f'vantaġġ jew żvantaġġ fir-rigward ta' persuna jew grupp ta' persuni oħra.

    (28)

    L-implimentazzjoni tar-regoli dwar l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ jenħtieġ li titwettaq mill-awtoritajiet regolatorji li jaġixxu b'mod imparzjali, indipendenti u fil-ħin f'konformità mad-dritt għal amministrazzjoni tajba. Id-deċiżjonijiet u l-atti li jaffettwaw l-eżerċizzju min-naħa tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ tad-drittijiet u l-obbligi tagħhom jenħtieġ li jkunu miftuħa għal rieżami indipendenti, inkluż minn qorti jew tribunal.

    (29)

    Is-simplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-burokrazija u tar-rekwiżiti regolatorji, ir-rispett tan-natura awtonoma tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ, l-iżgurar tal-fatt li dawk ir-rekwiżiti ma jkunux ta' piż bla bżonn, is-simplifikazzjoni tar-regoli dwar il-formazzjoni, ir-reġistrazzjoni u d-dereġistrazzjoni, u l-immodernizzar ta' proċeduri u sistemi relatati huma meħtieġa biex jiġi żgurat ambjent favorevoli għall-operazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ madwar l-Unjoni kollha u jittejbu t-trasparenza u l-fiduċja fis-settur. Għal dak il-għan, jenħtieġ li f'din id-Direttiva jiġu stabbiliti obbligi ġenerali fir-rigward tas-simplifikazzjoni tar-regoli amministrattivi kif ukoll obbligi speċifiċi fir-rigward ta' ċerti aspetti tal-qafas regolatorju.

    (30)

    L-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ li jikkontribwixxu għall-benefiċċju pubbliku jiżvolġu rwol partikolarment importanti u għalhekk jenħtieġ li jingħataw trattament favorevoli fl-Istati Membri kollha taħt kundizzjonijiet uniformi.

    (31)

    F'konformità mal-prinċipju ta' ħtieġa u proporzjonalità tar-restrizzjonijiet fuq id-dritt ta' assoċjazzjoni, il-projbizzjoni u x-xoljiment tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ jenħtieġ li dejjem ikunu miżuri tal-aħħar istanza u jenħtieġ li qatt ma jkunu l-konsegwenza ta' infrazzjonijiet minuri li jistgħu jiġu rettifikati jew rimedjati.

    (32)

    Jenħtieġ li jiġi stabbilit sett ta' regoli dwar it-trattament ugwali u l-konverżjonijiet u l-fużjonijiet transfruntiera li jirrigwardaw organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ bil-għan li tiġi ffaċilitata l-mobbiltà tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ madwar l-Unjoni.

    (33)

    Il-libertà ta' assoċjazzjoni hija dritt fundamentali, u filwaqt li l-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri jaf ma jirrikonoxxux assoċjazzjonijiet li mhumiex stabbiliti formalment, dan jenħtieġ li ma jaffettwax id-dritt ta' tali assoċjazzjonijiet li jeżistu u joperaw fit-territorju tagħhom.

    (34)

    L-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ igawdu d-dritt li jeżistu u jkunu attivi skont il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Karta, anke meta r-reġistrazzjoni tagħhom tkun ġiet miċħuda arbitrarjament mill-awtoritajiet tal-Istat Membru ta' stabbiliment tagħhom.

    (35)

    L-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ jenħtieġ li jkollhom il-libertà li jfittxu, jirċievu u jużaw riżorsi finanzjarji, materjali u umani, kemm jekk nazzjonali, barranin jew internazzjonali, għat-twettiq tal-attivitajiet tagħhom. L-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ madwar l-Unjoni kollha rrappurtaw li qed ikollhom aċċess dejjem aktar diffiċli għar-riżorsi, inkluż il-finanzjament pubbliku, u hemm tħassib f'għadd dejjem akbar ta' Stati Membri fir-rigward tal-proporzjonalità tar-regoli stretti li qed jiġu adottati rigward l-aċċess tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ għall-finanzjament barrani. Barra minn hekk, l-organizzazzjonijiet filantropiċi rrappurtaw diffikultajiet biex jagħmlu donazzjonijiet jew għotjiet f'xi każijiet. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti prinċipji u standards dwar il-finanzjament tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ, inkluż fir-rigward tal-aċċess għal riżorsi privati u finanzjament pubbliku u l-użu tagħhom, it-twettiq ta' attivitajiet ekonomiċi u l-obbligu li l-finanzjament transfruntier ma jiġix ristrett bla bżonn, f'konformità mar-regoli dwar il-moviment liberu tal-kapital stabbiliti fit-Trattat.

    (36)

    L-Artikolu 63 TFUE u l-Artikoli 7, 8 u 12 tal-Karta jipproteġu l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ minn restrizzjonijiet diskriminatorji, mhux meħtieġa u mhux ġustifikati fuq l-aċċess għar-riżorsi u l-moviment liberu tal-kapital fl-Unjoni. Dan jikkonċerna wkoll il-kapaċità li jfittxu, jiżguraw u jużaw riżorsi ta' oriġini kemm nazzjonali kif ukoll barranija, li hija essenzjali għall-eżistenza u għall-operat ta' kwalunkwe entità ġuridika. Skont is-sentenza tal-QĠUEtat-18 ta' Ġunju 2020 fil-Kawża C-78/18, Il-Kummissjoni Ewropea vs l-Ungerija (15), ir-restrizzjonijiet jistgħu jiġu imposti biss fl-interessi tal-ordni pubbliku jew tas-sigurtà pubblika, u jenħtieġ li jkunu proporzjonati mal-objettiv tal-protezzjoni ta' tali interessi u li jkkostitwixxu l-inqas mezz intrużiv biex jintlaħaq l-objettiv mixtieq. Dan jikkonċerna, fost l-oħrajn, ir-restrizzjonijiet li jirriżultaw mir-regoli dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, li huma applikati f'konformità mal-prinċipji ta' ħtieġa u proporzjonalità, wara li jiġu kkunsidrati b'mod partikolari l-obbligi ta' valutazzjoni tar-riskju skont id-dritt internazzjonali u dak tal-Unjoni. Għalhekk, l-Istati Membri jenħtieġ li ma japplikawx miżuri mhux raġonevoli, intrużivi żżejjed jew ta' tfixkil, inklużi rekwiżiti ta' rappurtar li jqiegħdu piż eċċessiv fuq l-organizzazzjonijiet jew għali. Bil-ħsieb li jkun hemm rispons għall-interess pubbliku fil-garanzija tat-trasparenza, b'mod partikolari fir-rigward ta' organizzazzjonijiet li għandhom influwenza fuq il-ħajja pubblika u d-dibattitu pubbliku, l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ jenħtieġ li jkunu soġġetti għal obbligi ta' rappurtar u ta' divulgazzjoni pubblika fir-rigward tar-rappreżentanti tagħhom u l-membri tal-korpi governattivi tagħhom, id-dispożizzjonijiet tal-istatuti tagħhom u l-finanzjament tagħhom. Tali obbligi ta' rappurtar u ta' divulgazzjoni pubblika jenħtieġ li ma jwasslu għall-ebda limitazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ.

    (37)

    Fil-ġurisprudenza tagħha, il-QĠUE tirrikonoxxi l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-moviment liberu tal-kapital għal objettivi fl-interess pubbliku u interpretat il-libertajiet fundamentali minquxa fit-TUE u t-TFUE fis-sens li jirrikjedu li l-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni jiġi applikat għad-donaturi u l-organizzazzjonijiet ta' benefiċċju pubbliku fl-Unjoni, inkluż fir-rigward tat-trattament tat-taxxa ta' entitajiet ta' benefiċċju pubbliku u d-donaturi tagħhom (16). Għalhekk, fejn id-dritt nazzjonali jkompli jiddiskrimina jew japplika proċeduri għaljin u onerużi għall-organizzazzjonijiet mhux nazzjonali, ikun qed imur kontra d-dritt tal-Unjoni.

    (38)

    L-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ u l-membri tagħhom jenħtieġ li jgawdu bis-sħiħ id-dritt għall-privatezza u l-kunfidenzjalità. Filwaqt li l-protezzjoni pprovduta mir-regoli tal-Unjoni u dawk nazzjonali dwar l-ipproċessar ta' data personali diġà tapplika għall-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ, jenħtieġ li jiġu stabbiliti garanziji minimi b'mod partikolari fir-rigward tal-kunfidenzjalità tas-sħubija tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ u d-divulgazzjoni pubblika ta' informazzjoni kunfidenzjali u sensittiva. L-Istati Membri jenħtieġ li jipprojbixxu kwalunkwe forma ta' sorveljanza tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ barra mill-qafas tal-liġi kriminali.

    (39)

    L-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ jenħtieġ li jiġu kkonsultati fil-ħin u b'mod sinifikattiv dwar l-introduzzjoni, ir-rieżami u l-implimentazzjoni ta' kwalunkwe leġiżlazzjoni, politika u prattika li jaffettwaw l-operazzjonijiet tagħhom, inkluż fir-rigward tat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva. Għal dak il-għan, jenħtieġ li jiġi stabbilit djalogu ċivili regolari u trasparenti fil-livelli governattivi kollha.

    (40)

    Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-ħaddiema, inklużi d-drittijiet eżistenti fil-kuntest ta' insolvenzi u li jikkonċernaw il-pagi. L-impjegaturi huma obbligati jissodisfaw l-obbligi tagħhom irrispettivament mill-forma li biha jkunu qed joperaw.

    (41)

    Din id-Direttiva tintroduċi standards minimi u jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet li jkunu aktar favorevoli għall-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ, dment li tali dispożizzjonijiet ma jfixklux l-obbligi li jirriżultaw minn din id-Direttiva. It-traspożizzjoni ta' din id-Direttiva jenħtieġ li, taħt l-ebda ċirkostanza, ma tikkostitwixxi raġuni valida għat-tnaqqis tal-livell ta' protezzjoni diġà mogħtija lill-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ fl-ambitu tad-dritt nazzjonali, fl-oqsma li dan tapplika għalihom.

    (42)

    Skont l-Artikolu 26(2) TFUE, is-suq intern irid jinkludi żona mingħajr fruntieri interni li fiha jkun żgurat il-moviment liberu ta' merkanzija u servizzi. L-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ jikkontribwixxu dejjem aktar għall-iżvilupp tas-suq intern, inkluż billi jinvolvu ruħhom f'attivitajiet transfruntiera u transnazzjonali. Għaldaqstant, l-Artikolu 114 tat-TFUE huwa l-bażi ġuridika xierqa sabiex jiġu adottati l-miżuri meħtieġa għall-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern.

    (43)

    Din id-Direttiva tirrispetta, tippromwovi u tipproteġi d-drittijiet u l-prinċipji fundamentali li jorbtu lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha skont l-Artikolu 6 TUE, kif rikonoxxut b'mod partikolari mill-Karta. Din id-Direttiva hija maħsuba biex timplimenta speċifikament l-Artikolu 12 tal-Karta dwar id-dritt għal-libertà ta' assoċjazzjoni u l-Artikolu 11 tal-Karta dwar id-dritt għal-libertà ta' espressjoni u ta' informazzjoni, li għandhom jinqraw fid-dawl tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Għaldaqstant, huwa essenzjali li d-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva jiġu implimentati u applikati f'konformità mal-obbligu li ma jiġix ristrett bla bżonn u li jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tad-drittijiet għal-libertà ta' assoċjazzjoni u l-libertà ta' espressjoni u ta' informazzjoni, u li jiġi żgurat ir-rispett sħiħ ta' drittijiet u prinċipji fundamentali oħra inkluż, fost l-oħrajn, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, il-libertà li wieħed imexxi negozju, id-dritt għan-nondiskriminazzjoni, id-dritt għal amministrazzjoni tajba, id-dritt għal rimedju effettiv u d-drittijiet tad-difiża,

    (44)

    Minħabba li l-għanijiet ta' din id-Direttiva, jiġifieri li tipprovdi standards minimi għall-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ stabbiliti fl-Unjoni, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti ta' din id-Direttiva, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Kapitolu I

    Dispożizzjonijiet ġenerali

    Artikolu 1

    Għan

    Din id-Direttiva għandha l-għan li tipprovdi sett komuni ta' miżuri għall-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ stabbiliti fl-Unjoni sabiex toħloq ambjent abilitanti li fih ikun possibbli li tali organizzazzjonijiet jikkontribwixxu għall-funzjonament tas-suq intern. Għandha l-għan li tqarreb il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri fir-rigward ta' ċerti aspetti tal-objettivi u l-attivitajiet, ir-reġistrazzjoni, l-operazzjonijiet, il-finanzjament, ir-rappurtar u l-attivitajiet transfruntiera tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ.

    Artikolu 2

    Kamp ta' applikazzjoni

    1.   Din id-Direttiva tapplika għall-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ stabbiliti fl-Unjoni.

    2.   Skont din id-Direttiva, it-terminu “organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ” jirreferi għal assoċjazzjonijiet volontarji u permanenti ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi b'interess, attività jew skop komuni, kif ukoll għal organizzazzjonijiet li ma humiex ibbażati fuq sħubija u li l-assi tagħhom huma allokati għall-kisba ta' għan speċifiku, bħall-fondazzjonijiet, li, irrispettivament mill-forma li fiha l-assoċjazzjonijiet jew l-organizzazzjonijiet huma stabbiliti:

    (a)

    isegwu għan primarju li ma huwiex dak li jiġġeneraw profitt, jiġifieri jekk ikun hemm xi profitti mill-attivitajiet tal-organizzazzjoni, dawn ma jistgħux jitqassmu bħala tali fost il-membri, il-fundaturi jew kwalunkwe parti privata oħra tagħha, iżda jridu jiġu investiti għat-twettiq tal-objettivi tagħha;

    (b)

    huma indipendenti, fis-sens li l-organizzazzjoni mhijiex parti minn gvern jew minn struttura amministrattiva u hija ħielsa minn kwalunkwe ndħil bla bżonn mill-Istat jew minn interessi kummerċjali. Il-finanzjament governattiv ma għandux jipprekludi lil organizzazzjoni milli titqies indipendenti, sakemm l-awtonomija tal-funzjonament u tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-organizzazzjoni ma tiġix affettwata;

    (c)

    huma awtonomi, fis-sens li l-organizzazzjoni għandha struttura istituzzjonali li tippermettilha teżerċita bis-sħiħ il-funzjonijiet organizzattivi interni u esterni tagħha u li tieħu deċiżjonijiet essenzjali b'mod awtonomu u mingħajr indħil bla bżonn mill-Istat jew minn atturi esterni oħra.

    3.   Din id-Direttiva tapplika għall-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 2, irrispettivament minn jekk humiex ibbażati fuq sħubija jew le u minn jekk humiex reġistrati jew ingħatawx personalità ġuridika jew le skont id-dritt tal-Istat Membru li fih huma bbażati.

    4.   Il-partiti politiċi huma esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

    5.   It-trade unions u l-assoċjazzjonijiet ta' trade unions huma esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

    6.   L-organizzazzjonijiet b'għan primarjament reliġjuż, filosofiku u mhux konfessjonali huma esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva. Madankollu, din l-esklużjoni ma tapplikax għal organizzazzjonijiet oħra mingħajr tali għan speċifiku li l-valuri u l-għanijiet tagħhom huma bbażati fuq twemmin reliġjuż, filosofiku jew mhux konfessjonali.

    Artikolu 3

    Relazzjoni ma' dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva f'konformità mar-regoli tat-Trattati dwar il-libertà ta' stabbiliment u l-moviment liberu tas-servizzi u mal-atti rilevanti tal-Unjoni li jirregolaw l-eżerċizzju ta' tali drittijiet, inkluża d-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) dwar is-servizzi fis-suq intern.

    2.   Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Unjoni u dak nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data personali, b'mod partikolari għar-Regolament (UE) 2016/679 u d-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-dritt nazzjonali.

    Kapitolu II

    Obbligi ġenerali

    Artikolu 4

    Standards minimi

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ stabbiliti fl-Unjoni jgawdu l-garanziji minimi previsti f'din id-Direttiva.

    2.   Il-limitazzjonijiet fuq il-garanziji minimi previsti f'din id-Direttiva jistgħu jsiru biss jekk ikunu meħtieġa u proporzjonati fir-rigward tal-ilħuq tal-objettivi ta' interess ġenerali rikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni jew fir-rigward tal-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn.

    3.   Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet li jkunu aktar favorevoli għall-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ, dment li tali dispożizzjonijiet ma jfixklux l-obbligi li jirriżultaw minn din id-Direttiva.

    Artikolu 5

    Nondiskriminazzjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-liġijiet u l-prattiki amministrattivi tagħhom li jirregolaw l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ, inkluż fir-rigward tal-formazzjoni, ir-reġistrazzjoni, l-operazzjonijiet, il-finanzjament, it-trattament finanzjarju u tat-taxxa jew il-miżuri ta' ħelsien mit-taxxa u l-attivitajiet transfruntiera tagħhom ma jiddiskriminawx abbażi tal-post tal-istabbiliment tal-organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-liġijiet, ir-regolamenti jew il-prattiki amministrattivi nazzjonali li jirregolaw l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ, inklużi fir-rigward tal-formazzjoni, ir-reġistrazzjoni, l-operazzjonijiet, il-finanzjament u l-attivitajiet transfruntiera tagħhom, ma jiddiskriminaw kontra l-ebda grupp jew individwu għall-ebda raġuni, bħall-età, it-twelid, il-kulur, il-ġeneru, l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru, il-kundizzjoni tas-saħħa, l-istatus ta' immigrazzjoni jew ta' residenza, il-lingwa, l-oriġini nazzjonali, etnika jew soċjali, l-opinjoni politika jew opinjoni oħra, id-diżabilità fiżika jew mentali, il-proprjetà, ir-razza, ir-reliġjon jew it-twemmin, jew status ieħor.

    Artikolu 6

    Is-simplifikazzjoni tar-regoli amministrattivi

    1.   L-Istati Membri għandhom jissimplifikaw, sa fejn ikun possibbli, il-liġijiet, ir-regolamenti jew il-prattiki amministrattivi nazzjonali li jirregolaw il-formazzjoni, ir-reġistrazzjoni, l-operazzjonijiet, il-finanzjament, l-obbligi ta' rappurtar u l-attivitajiet transfruntiera ta' organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ, sabiex jiżguraw li l-libertà ta' assoċjazzjoni tkun protetta fil-livelli kollha u biex jeliminaw kwalunkwe ostaklu u diskriminazzjoni mhux ġustifikata li jaffettwaw il-kapaċità ta' persuni ġuridiċi jew fiżiċi jew gruppi ta' tali persuni, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, li jistabbilixxu, jirreġistraw jew joperaw fit-territorju tal-Istat Membru organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ, inkluż, pereżempju, billi jippermettu l-aċċess għal servizzi bankarji u finanzjarji, kif ukoll jiggarantixxu kanali sikuri u siguri għal donazzjonijiet transfruntiera u allokazzjonijiet tal-assi, kemm fl-Unjoni kif ukoll lil hinn minnha.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ stabbiliti, irreġistrati jew li joperaw fit-territorju tagħhom ikollhom aċċess għal skemi ta' identifikazzjoni elettronika bil-għan li jwettqu proċeduri amministrattivi, f'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18) (ir-Regolament eIDAS).

    Artikolu 7

    Id-dritt għal amministrazzjoni tajba

    1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-applikazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti jew il-prattiki amministrattivi nazzjonali li jirregolaw il-formazzjoni, ir-reġistrazzjoni, l-operazzjonijiet, il-finanzjament, l-obbligi ta' rappurtar u l-attivitajiet transfruntiera tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ stabbiliti, irreġistrati jew li joperaw fit-territorju tagħhom titwettaq minn awtorità regolatorja maħtura li s-setgħat u l-funzjonijiet tagħha għandhom jiġu ddefiniti b'mod ċar mil-liġi u eżerċitati f'konformità mad-dritt ta' amministrazzjoni tajba, inkluż fir-rigward tad-dritt ta' kull persuna li l-affarijiet tagħha jiġu ttrattati b'mod imparzjali, ġust u fi żmien raġonevoli.

    2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ li jinstabu li jkunu qed jiksru l-liġijiet, ir-regolamenti jew il-prattiki amministrattivi nazzjonali li jirregolaw il-formazzjoni, ir-reġistrazzjoni, l-operazzjonijiet, il-finanzjament, l-obbligi ta' rappurtar u l-attivitajiet transfruntiera tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ huma pprovduti b'avviż adegwat dwar l-allegat ksur u jingħataw biżżejjed opportunità biex jirrimedjaw ksur ta' natura amministrattiva.

    3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li r-regolamenti u l-prattiki dwar is-sorveljanza u s-superviżjoni tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ ikunu previsti mil-liġi u jkunu proporzjonati għall-għanijiet leġittimi li jsegwu. Dan għandu jinkludi l-iżgurar li tali regolamenti u prattiki ma jkunux, bħala regola, aktar eżiġenti minn dawk applikabbli għal negozji privati, u li l-implimentazzjoni tagħhom ma tfixkilx il-ġestjoni interna tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ u ma tirriżultax f'piż amministrattiv jew finanzjarju bla bżonn għall-organizzazzjonijiet ikkonċernati.

    4.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li s-sorveljanza u r-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ jitwettqu minn awtoritajiet superviżorji maħtura li s-setgħat u l-funzjonijiet tagħhom għandhom jiġu ddefiniti b'mod ċar mil-liġi u eżerċitati b'indipendenza f'konformità mad-dritt ta' amministrazzjoni tajba, inkluż fir-rigward tar-raġunijiet għal spezzjonijiet u awditi possibbli, il-proċeduri, it-tul ta' żmien u l-kamp ta' applikazzjoni tal-ispezzjonijiet u l-awditi u s-setgħat tal-uffiċjali tal-ispezzjoni u tal-awditjar.

    5.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li informazzjoni komprensiva u aċċessibbli u li tinftiehem faċilment, tkun disponibbli għall-pubbliku fir-rigward tal-liġijiet, ir-regolamenti jew il-prattiki amministrattivi nazzjonali li jirregolaw il-formazzjoni, ir-reġistrazzjoni, l-operazzjonijiet, il-finanzjament, l-obbligi ta' rappurtar u l-attivitajiet transfruntiera tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ stabbiliti, irreġistrati jew li joperaw fit-territorju tagħhom, kif ukoll il-kompetenza, il-proċeduri u l-funzjonament tal-awtoritajiet regolatorji u superviżorji kompetenti.

    Artikolu 8

    Id-dritt għal rimedju effettiv

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni kollha b'interess leġittimu relatat mal-formazzjoni, ir-reġistrazzjoni, l-operazzjonijiet, il-finanzjament, l-obbligi ta' rappurtar u l-attivitajiet transfruntiera tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ stabbiliti, irreġistrati jew li joperaw fit-territorju ta' Stat Membru jkollhom aċċess għal mekkaniżmi effettivi ta' lment quddiem awtorità indipendenti kompetenti bħal ombudsperson jew l-istituzzjoni nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem sabiex ifittxu assistenza biex jasserixxu d-drittijiet tagħhom, u jkollhom aċċess għal rimedju amministrattiv u ġudizzjarju effettiv sabiex ifittxu rieżami ta' dawk l-atti jew deċiżjonijiet li jaffettwaw l-eżerċizzju tad-drittijiet u l-obbligi tagħhom. Tali persuni għandhom jinkludu organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ, il-fundaturi, id-diretturi, il-membri tal-persunal tagħhom, u l-benefiċjarji tal-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe appell kontra deċiżjoni li tipprojbixxi jew li xxolji organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ, li tissospendi l-attivitajiet tagħha jew li tiffriża l-assi tagħha, jew kwalunkwe kontestazzjoni tagħha, jkollu, bħala regola, effett sospensiv ta' tali deċiżjoni, sakemm dan l-effett sospensiv ma jirriżultax li jipprevjeni l-infurzar tad-dispożizzjonijiet tal-liġijiet kriminali.

    3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ b'personalità ġuridika jingħataw pożizzjoni ġuridika quddiem il-qrati nazzjonali, inkluż, fejn rilevanti, għall-preżentazzjoni ta' xhieda ta' partijiet terzi fi proċedimenti ġudizzjarji.

    4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ li ma għandhomx personalità ġuridika jkunu jistgħu jiġu rappreżentati minn individwi maħtura quddiem l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-qrati għall-fini ta' aċċess għar-rimedji msemmija f'dan l-Artikolu.

    Kapitolu III

    Qafas regolatorju

    Artikolu 9

    Objettivi u attivitajiet

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-libertà tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ li joperaw fit-territorju tagħhom li jiddeterminaw l-objettivi tagħhom u jwettqu l-attivitajiet meħtieġa għall-kisba ta' tali objettivi tista' tkun limitata biss għal raġunijiet eċċezzjonali ta' sigurtà pubblika. Huma għandhom ineħħu kwalunkwe ostaklu jew restrizzjoni li taffettwa l-kapaċità tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ li jsegwu tali objettivi u jwettqu tali attivitajiet.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ fit-territorju tagħhom ikunu liberi li jiddeterminaw il-kamp ta' applikazzjoni tal-operazzjonijiet tagħhom, kemm jekk lokali, reġjonali, nazzjonali jew internazzjonali.

    3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe formalità li tirregola l-formazzjoni u l-operazzjonijiet ta' organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ fit-territorju tagħhom, kif previst fid-dritt, fir-regolamenti jew fil-prattiki amministrattivi nazzjonali, ma tikkostitwix piż finanzjarju u amministrattiv bla bżonn. Dan għandu jinkludi, fil-każ ta' organizzazzjonijiet mhux ibbażati fuq sħubija, il-possibbiltà li tali organizzazzjonijiet jiġu stabbiliti legalment permezz ta' rigal jew legat.

    4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ fit-territorju tagħhom ikunu jistgħu jsiru membri ta' organizzazzjoni oħra mingħajr skop ta' qligħ, ta' federazzjoni jew ta' konfederazzjoni stabbiliti jew irreġistrati fit-territorju tagħhom jew fit-territorju ta' Stat Membru ieħor, u għandhom jiżguraw li tali sħubija ma tirriżulta fl-ebda żvantaġġ għall-organizzazzjoni kkonċernata.

    Artikolu 10

    Sħubija

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tkun tista' tapplika għas-sħubija, fejn ikun possibbli fid-dawl tal-forma ġuridika tagħha, f'organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ stabbilita, irreġistrata jew li topera fit-territorju tagħhom, skont l-istatuti u l-kostituzzjonijiet ta' dik l-organizzazzjoni, u li tkun tista' teżerċita b'mod liberu d-drittijiet ta' sħubija soġġetti għal-limitazzjonijiet statutorji u regolatorji tal-organizzazzjoni.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma tiġi applikata l-ebda penali jew miżura restrittiva bħala konsegwenza tas-sħubija ta' organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ stabbilita, irreġistrata jew li topera fit-territorju tagħhom skont il-liġijiet, ir-regolamenti jew il-prattiki amministrattivi nazzjonali, ħlief meta tali konsegwenzi jkunu r-riżultat tal-infurzar tad-dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali.

    3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ stabbiliti, irreġistrati jew li joperaw fit-territorju tagħhom ikunu liberi li jiddeċiedu dwar il-kompożizzjoni tas-sħubija tagħhom. Dan jista' jinkludi d-determinazzjoni ta' rekwiżiti speċjali għall-membri, abbażi ta' kriterji raġonevoli u oġġettivi.

    Artikolu 11

    Statuti

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ stabbiliti, irreġistrati jew li joperaw fit-territorju tagħhom ikunu liberi li jadottaw l-istatuti, il-kostituzzjonijiet u r-regoli tagħhom stess, inklużi regoli li jiddeterminaw l-istruttura ta' ġestjoni interna tagħhom u li jaħtru l-bordijiet u r-rappreżentanti tagħhom.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-liġijiet, ir-regolamenti jew il-prattiki amministrattivi nazzjonali dwar l-istatuti tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ ma jkunux jirrikjedu li l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ jipprovdu fl-istatuti tagħhom kwalunkwe informazzjoni għajr:

    (a)

    l-isem u l-indirizz tal-organizzazzjoni (uffiċċju reġistrat);

    (b)

    l-objettivi u l-attivitajiet tal-organizzazzjoni;

    (c)

    ir-regoli ta' governanza tal-organizzazzjoni, is-setgħat tal-korpi governattivi tagħha u, fejn ikun applikabbli, il-ħatra ta' persuni li huma intitolati li jaġixxu f'isimha;

    (d)

    id-drittijiet u l-obbligi tal-membri tal-organizzazzjoni;

    (e)

    id-data meta l-istatuti ġew adottati u l-isem u l-indirizz tal-uffiċċju reġistrat tal-membri fundaturi, meta dawn ikunu persuni ġuridiċi;

    (f)

    il-proċedura applikabbli għat-tibdil tal-istatuti; u

    (g)

    il-proċeduri applikabbli għax-xoljiment tal-organizzazzjoni jew għall-fużjoni tagħha ma' organizzazzjoni oħra mingħajr skop ta' qligħ.

    3.   L-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ jistgħu jkunu obbligati jiddivulgaw u jippubblikaw, fl-istatuti tagħhom jew permezz ta' rappurtar annwali, aktar informazzjoni dwar l-operazzjonijiet, il-funzjonament, il-membri tal-korpi governattivi, ir-rappreżentanti u l-finanzjament tagħhom, sa fejn dan ikun meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv ta' interess ġenerali, fir-rigward tal-objettivi u l-attivitajiet tal-organizzazzjoni.

    Artikolu 12

    Personalità ġuridika

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ fit-territorju tagħhom tkun libera li tiddeċiedi jekk għandhiex takkwista personalità ġuridika, minkejja l-fatt li l-Istati Membri jistgħu jistipulaw liema forom ta' organizzazzjoni għandhom personalità ġuridika.

    2.   Meta organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ tkun akkwistat personalità ġuridika, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-personalità ġuridika tal-organizzazzjoni tkun tista' tiġi distinta b'mod ċar minn dik tal-membri, tal-fundaturi jew ta' persuni ġuridiċi oħra tagħha marbuta ma' tali organizzazzjoni.

    3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li r-reġistrazzjoni, fejn ikun meħtieġ, jew il-finalizzazzjoni tal-att ta' stabbiliment tkun biżżejjed biex l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ jakkwistaw personalità ġuridika.

    4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorizzazzjoni minn qabel qatt ma tkun prekundizzjoni għall-akkwist ta' personalità ġuridika minn organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ u għall-eżerċizzju tal-kapaċità ġuridika korrispondenti.

    5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li gruppi ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jikkooperaw u li ma jkunux fittxew li jakkwistaw personalità ġuridika ma jitqiesx li jikkostitwixxu organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ b'personalità ġuridika għall-iskop uniku li jkunu soġġetti għal-liġijiet, ir-regolamenti jew il-prattiki amministrattivi nazzjonali, u b'hekk jirregolaw jew jaffettwaw l-operazzjonijiet, il-finanzjament u l-attivitajiet transfruntiera tagħhom, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet biex jiġi sostnut li l-organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ tkun organizzazzjoni kriminali skont id-dritt nazzjonali.

    Artikolu 13

    Reġistrazzjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reġistrazzjoni formali ma tkunx prekundizzjoni jew ostaklu għall-formazzjoni jew għall-operazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ stabbiliti jew li joperaw fit-territorju tagħhom.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ fit-territorju tagħhom ikunu aċċessibbli, faċli biex jintużaw u trasparenti.

    3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-formalitajiet applikabbli għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ stabbiliti fit-territorju tagħhom skont il-liġijiet, ir-regolamenti jew il-prattiki amministrattivi nazzjonali tagħhom ma jikkostitwux piż amministrattiv bla bżonn. Dan għandu jinkludi l-provvista ta' mekkaniżmu ta' approvazzjoni taċita applikabbli fi żmien 30 jum wara l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u n-nuqqas ta' introduzzjoni ta' rekwiżiti ta' reġistrazzjoni mill-ġdid u ta' tiġdid.

    4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tariffi applikabbli għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ ma jaqbżux l-ispejjeż amministrattivi tagħhom, u fi kwalunkwe każ ma jikkostitwux piż finanzjarju bla bżonn, soġġett għall-prinċipju ta' proporzjonalità.

    5.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ stabbiliti fit-territorju tagħhom ikunu jistgħu jiġu rreġistrati b'mezzi elettroniċi, filwaqt li jiżguraw li dik ir-reġistrazzjoni tkun possibbli wkoll bl-użu ta' mezzi mhux elettroniċi.

    6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-obbligu li persuna tidher personalment quddiem qorti jew awtorità nazzjonali kompetenti oħra għall-fini tar-reġistrazzjoni ta' organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ ikun limitat biss għal meta jkun meħtieġ li tiġi ddeterminata l-identità ta' applikant.

    7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti li jirrisjedu jew li għandhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom fi Stat Membru ieħor u li huma obbligati jidhru quddiem qorti jew awtorità nazzjonali kompetenti oħra għall-fini tar-reġistrazzjoni ta' organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ ikunu jistgħu jagħmlu dan quddiem il-qorti kompetenti jew awtorità kompetenti oħra fl-Istat Membru tar-residenza tagħhom u li tali dehra titqies suffiċjenti għall-fini tar-reġistrazzjoni fl-Istat Membru ta' reġistrazzjoni.

    8.   L-Istati Membri għandhom iżommu bażi tad-data tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ irreġistrati li tkun aċċessibbli għall-pubbliku, inkluża informazzjoni statistika dwar l-għadd ta' applikazzjonijiet aċċettati u miċħuda, b'kunsiderazzjoni xierqa għall-prinċipji tal-protezzjoni tad-data u d-dritt għall-privatezza.

    Artikolu 14

    Status ta' benefiċċju pubbliku

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ stabbilita jew irreġistrata fi Stat Membru tal-Unjoni tkun tista' tapplika biex tikseb rikonoxximent għall-fatt li tikkontribwixxi għall-benefiċċju pubbliku u tkun tista' tingħata status korrispondenti kif previst mil-liġijiet, ir-regolamenti jew il-prattiki amministrattivi nazzjonali, abbażi biss tal-għan, l-istruttura u l-attivitajiet iddikjarati jew fattwali tagħha relatati mat-territorju tal-Istat Membru li jagħti l-istatus.

    2.   L-Istati Membri għandhom jadottaw liġijiet, regolamenti u prattiki amministrattivi nazzjonali meħtieġa biex jippermettu li l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ jiksbu rikonoxximent għall-fatt li jikkontribwixxu għall-benefiċċju pubbliku u jingħataw status korrispondenti jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

    (a)

    l-għan u l-attivitajiet effettivi tal-organizzazzjoni jsegwu objettiv ta' benefiċċju pubbliku li jservi l-benesseri tas-soċjetà jew ta' parti minnha, u għaldaqstant huwa ta' benefiċċju għall-ġid pubbliku, ħlief fejn dan ikun sistematikament u direttament immirat biex ikun ta' benefiċċju għall-istrutturi ta' partit politiku speċifiku. L-għanijiet li ġejjin, fost l-oħrajn, għandhom jitqiesu bħala orjentati lejn il-benefiċċju pubbliku:

    (i)

    l-arti, il-kultura jew il-preservazzjoni storika;

    (ii)

    il-protezzjoni tal-ambjent u t-tibdil fil-klima;

    (iii)

    il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u tal-valuri tal-Unjoni, inklużi d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-eliminazzjoni ta' kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, ir-razza, l-etniċità, ir-reliġjon, id-diżabilità, l-orjentazzjoni sesswali jew kwalunkwe raġuni oħra;

    (iv)

    il-ġustizzja soċjali, l-inklużjoni soċjali u l-faqar, inklużi l-prevenzjoni jew it-tnaqqis tal-faqar;

    (v)

    l-assistenza umanitarja u l-għajnuna umanitarja, inkluża l-għajnuna f'każ ta' diżastru;

    (vi)

    l-għajnuna għall-iżvilupp u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp;

    (vii)

    il-protezzjoni ta' setturi vulnerabbli tal-popolazzjoni, inklużi t-tfal, l-anzjani, il-persuni b'diżabilità, il-persuni li jfittxu protezzjoni internazzjonali jew li jibbenefikaw minnha u l-persuni mingħajr dar, u l-assistenza u l-appoġġ għal tali setturi tal-popolazzjoni;

    (viii)

    il-protezzjoni tal-annimali;

    (ix)

    ix-xjenza, ir-riċerka u l-innovazzjoni;

    (x)

    l-edukazzjoni u t-taħriġ u l-involviment taż-żgħażagħ;

    (xi)

    il-promozzjoni u l-protezzjoni tas-saħħa u l-benesseri, inkluża l-provvista ta' kura medika;

    (xii)

    il-protezzjoni tal-konsumatur;

    (xiii)

    l-isport mhux professjonali u l-promozzjoni tiegħu.

    (b)

    is-surplus minn kwalunkwe attività ekonomika jew ta' introjtu ieħor iġġenerat mill-organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ jintuża biss biex jippromwovi l-objettivi ta' benefiċċju pubbliku tal-organizzazzjoni;

    (c)

    fil-każ ta' xoljiment tal-organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ, is-salvagwardji statutorji jiggarantixxu li l-assi kollha tagħhom ikomplu jaqdu l-objettivi ta' benefiċċju pubbliku;

    (d)

    il-membri tal-istrutturi governattivi tal-organizzazzjoni li ma humiex impjegati bħala persunal ma jkunux eliġibbli għal remunerazzjoni lil hinn minn allowances għall-ispejjeż adegwati.

    3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ li tkun kisbet rikonoxximent għall-fatt li tikkontribwixxi għall-benefiċċju pubbliku u li tkun ingħatat status korrispondenti skont il-liġijiet, ir-regolamenti jew il-prattiki amministrattivi nazzjonali jista' jkollha biss tali status irrevokat meta l-awtorità regolatorja kompetenti tkun ipproduċiet evidenza suffiċjenti li l-organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ ma tkunx tissodisfa aktar il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2.

    Artikolu 15

    Terminazzjoni, projbizzjoni u xoljiment

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-eżistenza ta' organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ tkun tista' tiġi tterminata biss b'deċiżjoni tal-membri tagħha jew b'deċiżjoni ta' qorti jew tribunal.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-terminazzjoni, il-projbizzjoni jew ix-xoljiment b'mod involontarju ta' organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ ikunu jistgħu jsiru biss b'konsegwenza ta' ksur tad-dritt nazzjonali li ma jkunx jista' jiġi rettifikat jew rimedjat.

    3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-terminazzjoni, il-projbizzjoni u x-xoljiment b'mod involontarju ta' organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ jistgħu jkunu biss il-konsegwenza ta' falliment, inattività fit-tul jew imġiba ħażina serja li tmur kontra s-sigurtà pubblika kif rikonoxxut mid-dritt tal-Unjoni.

    4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-għemejjel ħżiena individwali tal-fundaturi, tad-diretturi, tal-membri tal-persunal jew tal-membri ta' organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ, meta ma jaġixxux f'isem l-organizzazzjoni, ma jirriżultawx, bħala regola, fit-terminazzjoni, il-projbizzjoni u x-xoljiment b'mod involontarju tal-organizzazzjoni.

    5.   Il-protezzjoni prevista f'dan l-Artikolu għandha tapplika wkoll għas-sospensjoni tal-attivitajiet ta' organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ fejn tali sospensjoni tista' tirriżulta fi ffriżar tal-operazzjonijiet tal-organizzazzjoni li jkun ekwivalenti għal xoljiment.

    Kapitolu IV

    Trattament ugwali u mobbiltà

    Artikolu 16

    Trattament ugwali

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ li joperaw fil-ġuriżdizzjoni tagħhom li jkunu ġew stabbiliti jew irreġistrati fi Stat Membru ieħor jiġu ttrattati bl-istess mod bħall-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ stabbiliti jew irreġistrati fil-ġuriżdizzjoni tagħhom, inkluż fir-rigward tal-aċċess għas-servizzi, bħas-servizzi bankarji, l-għoti ta' awtorizzazzjonijiet u, fejn ikun rilevanti, it-trattament finanzjarju u tat-taxxa soġġett għal-liġijiet, ir-regolamenti u l-prattiki amministrattivi nazzjonali applikabbli kif ukoll l-aċċess għall-finanzjament għal attivitajiet li jseħħu fil-ġuriżdizzjoni tal-Istat Membru jew li jkunu ta' benefiċċju għall-ġid pubbliku fl-Istat Membru.

    2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-Istati Membri ma għandhomx jirrikjedu li l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ stabbiliti jew irreġistrati fi Stat Membru ieħor. iżda li joperaw fil-ġuriżdizzjoni tagħhom, jissottomettu kwalunkwe prova għajr l-evidenza ta' stabbiliment jew reġistrazzjoni bħala organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ fi Stat Membru ieħor.

    Artikolu 17

    Prinċipju ta' trattament mhux arbitrarju

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-regoli nazzjonali li jirregolaw l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ stabbiliti, irreġistrati jew li joperaw fit-territorju tagħhom ma jirriżultawx f'diskriminazzjoni mhux ġustifikata bbażata biss fuq il-konvenjenza politika tal-għan ta' organizzazzjoni, il-qasam tal-attivitajiet jew fuq is-sorsi ta' finanzjament tagħha.

    Artikolu 18

    Mobbiltà u kontinwità transfruntiera

    1.   L-Istati Membri għandhom jeliminaw kwalunkwe ostaklu li jaffettwa l-eżerċizzju minn organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ stabbiliti jew irreġistrati fi Stat Membru ieħor tad-dritt tagħhom għal-libertà ta' stabbiliment, il-moviment liberu tas-servizzi u l-fluss liberu tal-kapital fit-territorju tagħhom. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-prerogattiva tal-Istati Membri li jirrikjedu li, biex organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ tingħata status formali, l-organizzazzjoni tkun kisbet personalità ġuridika jew tkun inkluża f'reġistru nazzjonali, skont id-dritt tal-Istat Membru fejn tkun ġiet stabbilita u/jew tfittex li topera.

    2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ irreġistrata fi Stat Membru ieħor ikollha d-dritt li:

    (a)

    tmexxi s-sede reġistrata tagħha fit-territorju tagħhom mingħajr il-ħtieġa ta' fondazzjoni jew inkorporazzjoni bħala persuna ġuridika ġdida;

    (b)

    ikollha aċċess għal proċedura ta' reġistrazzjoni simplifikata li tirrikonoxxi l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni diġà pprovduti mill-organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ lill-Istat Membru li fih tkun ġiet irreġistrata qabel.

    Artikolu 19

    Konverżjonijiet u fużjonijiet transfruntiera

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ stabbilita jew irreġistrata fil-ġuriżdizzjoni tagħhom tkun tista' tikkonverti f'organizzazzjoni oħra mingħajr skop ta' qligħ stabbilita jew irreġistrata fi Stat Membru ieħor, jew tiġi fuża magħha, mingħajr ma tali fużjoni jew konverżjoni tirriżulta fit-terminazzjoni, il-projbizzjoni jew ix-xoljiment b'mod involontarju, jew is-sospensjoni tal-attivitajiet tal-organizzazzjoni.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-każ ta' konverżjoni jew fużjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1, l-organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ li tkun qed tikkonverti jew li tkun qed tiġi fuża tkun libera li tistabbilixxi uffiċċju jew operazzjonijiet fl-Istat Membru ta' destinazzjoni.

    3.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-forma ġuridika li l-organizzazzjoni kkonvertita jew fuża għandha tieħu abbażi tal-prinċipju ta' ekwivalenza.

    4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, jekk l-organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ li tirriżulta minn konverżjoni jew fużjoni msemmija fil-paragrafu 1 tonqos milli tikkonforma mal-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti stabbiliti fil-liġijiet, ir-regolamenti jew il-prattiki amministrattivi nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti, l-organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ tingħata skadenza raġonevoli biex tieħu l-miżuri meħtieġa biex tirregolarizza l-pożizzjoni tagħha.

    5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li la l-konverżjonijiet u lanqas il-fużjonijiet transfruntiera ma jkollhom l-effett li jimminaw id-drittijiet tal-ħaddiema jew tat-trade unions, jew il-kundizzjonijiet tax-xogħol. Huma għandhom jiżguraw li, f'konformità mal-ftehimiet kollettivi applikabbli u d-dritt tal-Unjoni u dak nazzjonali, l-obbligi tal-impjegaturi fir-rigward tal-impjegati u l-kredituri jibqgħu jiġu ssodisfati u li l-impjegati, il-voluntiera, it-trade unions u r-rappreżentanti tal-ħaddiema jiġu infurmati u kkonsultati kif xieraq. Il-ftehimiet kollettivi u d-drittijiet ta' rappreżentanza tal-ħaddiema fil-livell tal-bord għandhom jiġu rispettati u miżmuma, fejn ikun applikabbli.

    Kapitolu V

    Finanzjament

    Artikolu 20

    Ġbir ta' fondi u użu liberu tal-assi

    1.   L-Istati Membri għandhom ineħħu kwalunkwe ostaklu li jaffettwa l-kapaċità tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ stabbiliti, irreġistrati jew li joperaw fit-territorju tagħhom li jitolbu jew jirċievu kwalunkwe riżorsa, inkluż finanzjarja, in natura u materjali, jew li jiddisponu minnha jew jagħtuha b'donazzjoni, jew jitolbu riżorsi umani lil kwalunkwe sors jew jirċevuhom minnu, inklużi entitajiet nazzjonali, barranin jew internazzjonali, kemm jekk ikunu korpi pubbliċi, individwi privati jew korpi privati.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-liġijiet, ir-regolamenti jew il-prattiki amministrattivi nazzjonali ma jwasslux għal differenza fit-trattament tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ abbażi tas-sorsi jew id-destinazzjoni ta' finanzjament tagħhom.

    3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ ikunu intitolati li jkollhom proprjetà u assi, u li jiddisponu liberament minnhom, soġġetti għal-liġijiet nazzjonali applikabbli għal entitajiet simili taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom.

    4.   L-Istati Membri għandhom jimminimizzaw il-piż amministrattiv fir-rigward tal-allokazzjoni transfruntiera tal-assi u jippermettu lill-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ jiġġeneraw profitti għall-investiment mill-ġdid fi proġetti tal-karità.

    Artikolu 21

    Finanzjament pubbliku

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-finanzjament pubbliku jsir disponibbli u jiġi allokat lill-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ permezz ta' proċeduri ċari, trasparenti u mhux diskriminatorji.

    2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll għall-finanzjament mill-Unjoni żborżat mill-Istati Membri taħt ġestjoni kondiviża, soġġett għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19).

    Artikolu 22

    Finanzjament transfruntier

    1.   F'konformità mar-regoli tal-Unjoni dwar il-moviment liberu tal-kapital, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ stabbiliti, irreġistrati jew li joperaw fit-territorju tagħhom ma jġarrbu l-ebda żvantaġġ bħala konsegwenza tat-talba jew tar-riċeviment ta' finanzjament minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jirrisjedu jew li huma stabbiliti fl-Unjoni jew fiż-ŻEE, iżda barra mit-territorju tagħhom.

    2.   F'konformità mar-regoli tal-Unjoni dwar il-moviment liberu tal-kapital, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi ma jġarrbu l-ebda żvantaġġ bħala konsegwenza tal-provvista ta' finanzjament lill-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ stabbiliti, irreġistrati jew li joperaw barra mit-territorju tagħhom.

    Artikolu 23

    Attivitajiet ekonomiċi

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ stabbiliti, irreġistrati jew li joperaw fit-territorju tagħhom jkunu liberi li jinvolvu ruħhom fi kwalunkwe attività ekonomika, ta' negozju jew kummerċjali legali, dment li tali attivitajiet jappoġġjaw direttament jew indirettament l-objettivi tagħhom mingħajr skop ta' qligħ, soġġett għar-rekwiżiti ta' liċenzjar jew regolatorji ġeneralment applikabbli għall-attivitajiet ikkonċernati skont il-liġijiet, ir-regolamenti u l-prattiki amministrattivi nazzjonali.

    Artikolu 24

    Rappurtar u trasparenza fir-rigward tal-finanzjament

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-obbligi ta' rappurtar u trasparenza applikabbli għall-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ skont il-liġijiet, ir-regolamenti u l-prattiki amministrattivi nazzjonali ma jkunux ta' piż bla bżonn u jkunu proporzjonati għad-daqs tal-organizzazzjoni u għall-kamp ta' applikazzjoni tal-attivitajiet tagħha, filwaqt li jitqies il-valur tal-assi u tal-introjtu tagħha.

    2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-obbligi ta' rappurtar u trasparenza applikabbli għall-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ skont il-liġijiet, ir-regolamenti u l-prattiki amministrattivi nazzjonali dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, inklużi dawk li jimplimentaw l-obbligi tal-Unjoni u dawk internazzjonali, ikunu bbażati fuq valutazzjoni mmirata u aġġornata bbażata fuq ir-riskju tas-settur u tal-organizzazzjonijiet ikkonċernati u ma jirriżultawx f'rekwiżiti sproporzjonati jew fil-limitazzjoni bla bżonn tal-aċċess tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ għas-servizzi finanzjarji.

    3.   Skont l-Artikolu 11(3), l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ għandhom jirrapportaw kull sena dwar il-kontijiet tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ, u għandhom jippubblikaw dawk ir-rapporti. Dawk ir-rapporti għandhom jinkludu informazzjoni dwar il-finanzjament riċevut matul is-sena kalendarja preċedenti, informazzjoni dwar l-oriġini u l-valur tal-finanzjament, krediti, self bankarju u donazzjonijiet jew flus kontanti jew proprjetà riċevuti mingħajr kumpens.

    4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-obbligi ta' rappurtar u trasparenza applikabbli għall-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ, skont il-liġijiet, ir-regolamenti u l-prattiki amministrattivi nazzjonali, ma jwasslux għal differenza fit-trattament ta' tali organizzazzjonijiet jew ta' kwalunkwe limitazzjoni tad-drittijiet jew l-obbligi tagħhom, abbażi tas-sorsi tal-finanzjament tal-organizzazzjonijiet, l-objettivi jew l-attivitajiet tagħhom.

    Kapitolu VI

    Kunfidenzjalità

    Artikolu 25

    Kunfidenzjalità tas-sħubija

    1.   Meta organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ tkun ibbażata fuq sħubija, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-informazzjoni dwar il-membri tkun tista' tibqa' kunfidenzjali.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar is-sħubija ta' organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ fir-rigward ta' membri li huma persuni fiżiċi jkun jista' jinkiseb aċċess għaliha biss minn awtorità kompetenti meta tali aċċess ikun meħtieġ għall-fini tal-investigazzjoni kriminali pubblika li tirrigwarda reati kriminali punibbli b'piena li ċċaħħad il-libertà ta' massimu ta' mill-inqas sena, u wara l-ħruġ ta' deċiżjoni ta' qorti jew tribunal indipendenti.

    Artikolu 26

    Informazzjoni kunfidenzjali u sensittiva

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-liġijiet, ir-regolamenti jew il-prattiki amministrattivi nazzjonali ma jkollhomx l-effett li jirrikjedu li l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ stabbiliti, irreġistrati jew li joperaw fit-territorju tagħhom jiddivulgaw pubblikament informazzjoni kunfidenzjali u sensittiva bħal data personali li tirrigwarda l-persunal, il-voluntiera, il-membri, il-fundaturi u d-donaturi tal-organizzazzjoni.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ stabbiliti, irreġistrati jew li joperaw fit-territorju tagħhom ikollhom aċċess għal rimedji effettivi sabiex jipprevjenu l-akkwist, l-użu jew id-divulgazzjoni illegali tal-informazzjoni kunfidenzjali jew sensittiva tagħhom, jew jiksbu rimedju għalihom.

    3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-protezzjoni mill-akkwist, l-użu jew id-divulgazzjoni illegali ta' informazzjoni kunfidenzjali jew sensittiva tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ, skont dan l-Artikolu, tapplika fir-rigward ta' spezzjonijiet, awditi u kwalunkwe attività superviżorja oħra mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti.

    Artikolu 27

    Sorveljanza

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ ma jkunux soġġetti għal sorveljanza mhux ġustifikata u sproporzjonata, b'mod partikolari tal-operazzjonijiet jew il-komunikazzjonijiet tagħhom, jew ta’ dawk tal-fundaturi tal-organizzazzjoni, membri tal-istrutturi governattivi tagħha, membri oħra, persunal, voluntiera, donaturi, jew partijiet privati oħra relatati magħha, sakemm ma jkunx ġustifikat għal finijiet ta' sigurtà pubblika.

    Kapitolu VII

    Dispożizzjonijiet finali

    Artikolu 28

    Trattament aktar favorevoli u klawżola ta' nonregressjoni

    1.   L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet li jagħtu trattament aktar favorevoli lill-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ stabbiliti, irreġistrati jew li joperaw fit-territorju tagħhom minn dak preskritt f'din id-Direttiva.

    2.   L-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva ma għandhiex tikkostitwixxi raġunijiet validi għat-tnaqqis fil-livell ta' protezzjoni diġà mogħtija mid-dritt nazzjonali, tal-Unjoni jew internazzjonali, inkluż fir-rigward tad-drittijiet fundamentali, fl-oqsma koperti minn din id-Direttiva.

    Artikolu 29

    Traspożizzjoni

    1.   Sa … [sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva], l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jgħarrfu minnufih lill-Kummissjoni dwar dan.

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lill-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ diġà stabbiliti, irreġistrati jew li joperaw fit-territorju tagħhom fil-ħin u b'mod trasparenti u sinifikattiv dwar it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva.

    Artikolu 30

    Rappurtar, evalwazzjoni u rieżami

    1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha rilevanti dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva. Abbażi tal-informazzjoni pprovduta, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva mhux aktar tard minn tliet snin wara l-iskadenza għat-traspożizzjoni tagħha.

    2.   Il-Kummissjoni għandha, filwaqt li tqis ir-rapport tagħha ppreżentat skont il-paragrafu 1, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-impatt tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi din id-Direttiva, mhux aktar tard minn tliet snin wara l-iskadenza tat-traspożizzjoni tagħha. Ir-rapport għandu jevalwa l-mod li bih iffunzjonat din id-Direttiva u jikkunsidra l-ħtieġa ta' miżuri addizzjonali, inkluż, fejn xieraq, emendi bil-ħsieb li tkompli jiġi armonizzata d-dritt nazzjonali applikabbli għall-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ir-rapporti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta' hawn fuq pubblikament disponibbli u faċilment aċċessibbli.

    Artikolu 31

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.


    (1)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta' Ġunju 2020, Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Ungerija, C-78/18, ECLI:EU:C:2020:476.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2157/2001 tat-8 ta' Ottubru 2001 dwar l-Istatut ta' Kumpanija Ewropea (SE) (ĠU L 294, 10.11.2001, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1435/2003 tat-22 ta' Lulju 2003 dwar l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SCE) (ĠU L 207, 18.8.2003, p. 1).

    (4)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (ĠU L 317, 4.11.2014, p. 1).

    (5)  Ir-Regolament (KE) Nru 1082/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar raggruppament Ewropew ta' koperazzjoni territorjali (REKT) (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 19).

    (6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2137/85 tal-25 ta' Lulju 1985 dwar il-Gruppi Ewropej b'Interess Ekonomiku (GEIE) (ĠU L 199, 31.7.1985, p. 1).

    (7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007 tal-15 ta' Frar 2007 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (ĠU L 53, 22.2.2007, p. 1).

    (8)  Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.

    (9)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

    (10)  Id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87).

    (11)  Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta' ċerti tipi ta' impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE, Test b'rilevanza għaż-ŻEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).

    (12)  https://cordis.europa.eu/project/id/613034/reporting.

    (13)  L-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, Il-filantropija Ewropea: potenzjal mhux sfruttat, SOC/611.

    (14)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.

    (15)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta' Ġunju 2020, Il-Kummissjoni Ewropea vs l-Ungerija, C-78/18, ECLI:EU:C:2020:476.

    (16)  Stauffer: C-386/04 Centro di Musicologia Walter Stauffer/Finanzamt München für Körperschaften [2006] ECR I-8203; Hein-Persche: C-318/07 Hein Persche/Finanzamt Lüdenscheid [2009] ECR I-359 u Missionswerk: C-25/10 Missionswerk Werner Heukelbach eV/Belgien [2011] 2 C.M.L.R. 35.

    (17)  Id-Direttiva 2006/123/EC tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36).

    (18)  Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73).

    (19)  Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159).


    Top