Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022IP0039

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Frar 2022 dwar l-implimentazzjoni tal-politika estera u ta' sigurtà komuni – rapport annwali 2021 (2021/2182(INI))

    ĠU C 342, 6.9.2022, p. 148–166 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
    ĠU C 342, 6.9.2022, p. 137–155 (GA)

    6.9.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 342/148


    P9_TA(2022)0039

    Implimentazzjoni tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni – rapport annwali 2021

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Frar 2022 dwar l-implimentazzjoni tal-politika estera u ta' sigurtà komuni – rapport annwali 2021 (2021/2182(INI))

    (2022/C 342/13)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikoli 21 u 36 tiegħu,

    wara li kkunsidra l-Karta tan-NU, il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar, l-Att Finali ta' Ħelsinki tal-1 ta' Awwissu 1975 u d-dokumenti sussegwenti tiegħu u l-Karta ta' Pariġi għal Ewropa Ġdida tad-19-21 ta' Novembru 1990,

    wara li kkunsidra r-rapport tas-16 ta' Ġunju 2021 tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP / RGħ) intitolat “CFSP Report – Our priorities in 2021” (Rapport PESK – il-prijoritajiet tagħna fl-2021) (HR(2021)94),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 1325(2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tal-31 ta' Ottubru 2000 dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà,

    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tas-16 ta' Settembru 2021 dwar id-direzzjoni tar-relazzjonijiet politiċi bejn l-UE (1) u r-Russja u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2021 dwar is-sitwazzjoni fil-fruntiera tal-Ukrajna u fit-territorji tal-Ukrajna okkupati mir-Russja (2),

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti dwar il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO tal-10 ta' Lulju 2016 u tat-8 ta' Lulju 2018,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni f'Hong Kong, inklużi dawk tat-8 ta' Lulju 2021 dwar Hong Kong, b'mod partikolari l-każ ta' Apple Daily (3), u tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar il-liġi tal-PRC dwar is-sigurtà nazzjonali għal Hong Kong u l-ħtieġa li l-UE tiddefendi l-livell għoli ta' awtonomija ta' Hong Kong (4),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċeduri tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0354/2021),

    A.

    billi l-Parlament għandu d-dmir u r-responsabbiltà li jeżerċita s-sorveljanza u l-iskrutinju demokratiċi tiegħu fuq il-politika estera u ta' sigurtà komuni (PESK) u l-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni u għandu jikseb l-informazzjoni neċessarja b'mod trasparenti u f'waqtu kif ukoll ikollu l-mezzi effikaċi biex jaqdi dan ir-rwol bis-sħiħ u b'mod effikaċi;

    B.

    billi l-iżviluppi internazzjonali u l-isfidi multidimensjonali ta' dan l-aħħar u ambjent ġeopolitiku li qed jinbidel malajr ħaffew it-tendenzi eżistenti li jolqtu lill-aspetti fundamentali tal-PESK tal-UE, kixfu l-vulnerabbiltà tal-UE għal avvenimenti u pressjonijiet esterni, enfasizzaw il-ħtieġa ta' azzjoni aktar b'saħħitha, aktar ambizzjuża, kredibbli, strateġika u unifikata tal-UE fix-xena dinjija, u aċċentwaw il-ħtieġa li l-UE tkun tista' tistabbilixxi b'mod awtonomu l-objettivi strateġiċi tagħha u tiżviluppa l-kapaċitajiet biex dawn jiġu segwiti;

    C.

    billi dawn l-iżviluppi u l-isfidi jinkludu l-pandemija bla preċedent tal-COVID-19 li oriġinat f'Wuhan, fiċ-Ċina, u l-konsegwenzi tagħha; ir-rwol f'evoluzzjoni tal-Istati Uniti fix-xena globali, l-isforzi tar-Russja biex iżżarma l-arkitettura tas-sigurtà Ewropea u l-attakki kontinwi tagħha fuq l-Ukrajna u l-okkupazzjoni ta' territorji fil-Georgia u fl-Ukrajna, l-attakki ibridi kontra l-Istati Membri tal-UE, bħall-istrumentalizzazzjoni tal-migranti, immirati biex iqiegħdu f'dubju l-pedamenti demokratiċi tagħna; il-ksur kontinwu tad-dritt internazzjonali min-naħa tal-Belarussja; l-assertività dejjem akbar tal-Partit Komunista Ċiniż u ta' reġimi awtoritarji u totalitarji oħrajn; il-kollass rapidu reċenti tal-istrutturi statali tal-Afganistan u t-teħid sussegwenti tal-kontroll tal-pajjiż min-naħa tat-Talibani; it-tensjonijiet fir-reġjun Indo-Paċifiku, speċjalment fl-Ibħra tan-Nofsinhar u tal-Lvant taċ-Ċina kif ukoll fl-Istrett ta' Tajwan; il-proliferazzjoni ta' armi ta' qerda massiva; it-tqegħid f'dubju tal-ftehimiet dwar il-kontroll tal-armi; it-tibdil fil-klima; il-kriminalità finanzjarja; l-aggravar ta' kunflitti reġjonali li ġġeneraw spostament tal-popolazzjoni; il-kompetizzjoni għar-riżorsi naturali; l-iskarsezza tal-enerġija u tal-ilma; l-Istati “falluti”; it-terroriżmu; il-kriminalità transnazzjonali organizzata; l-attakki ċibernetiċi u l-kampanji ta' diżinformazzjoni;

    D.

    billi dawn it-tendenzi li għaddejjin bħalissa huma r-riżultat ta' ċaqliq fil-bilanċ globali tal-poter lejn dinja multipolari kkaratterizzata mill-intensifikazzjoni tal-kompetizzjoni ġeopolitika, li qed tagħmel il-governanza globali u l-forniment ta' beni pubbliċi internazzjonali aktar diffiċli proprju meta dawn huma aktar meħtieġa;

    E.

    billi d-dinja daħlet f'era ġdida ta' “nonpaċi”, żmien ta' inċertezza ġeopolitika dejjem akbar ikkaratterizzata mill-multiplikazzjoni tal-kunflitti reġjonali u mill-kompetizzjoni bejn il-potenzi l-kbar fil-qasam tal-enerġija b'riperkussjonijiet sinifikanti fuq is-sigurtà tal-UE;

    F.

    billi l-iskjerament militari kontinwu tal-forzi militari Russi tul il-fruntiera tal-Ukrajna u fit-territorji okkupati illegalment tagħha, kif ukoll fil-Belarussja u fid-Distrett ta' Kaliningrad jikkostitwixxi theddida kredibbli u serja għas-sigurtà tal-Ukrajna u tal-Ewropa; billi kwalunkwe azzjoni militari u attakk ibridu ulterjuri mill-Federazzjoni Russa għandhom iwasslu għall-adozzjoni ta' sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji severi f'koordinazzjoni mill-qrib mal-Istati Uniti, in-NATO u sħab oħra;

    G.

    billi r-riperkussjonijiet negattivi tat-tibdil fil-klima fuq is-sigurtà tal-UE qed isiru dejjem aktar ċari;

    H.

    billi aktar minn nofs it-tkabbir demografiku tad-dinja sal-2050 mistenni jsir fl-Afrika, u dan mistenni li se jikkorrispondi għal 1,3 biljun miż-2,4 biljun ruħ addizzjonali fuq il-pjaneta; billi l-konċentrazzjoni ta' dan it-tkabbir f'xi wħud mill-ifqar pajjiżi, flimkien mal-effetti tat-tibdil fil-klima, se jwasslu għal sensiela ta' sfidi ġodda li, jekk ma jiġux indirizzati minnufih, se jkollhom effetti tassew problematiċi kemm għall-pajjiżi inkwistjoni kif ukoll għall-UE; billi r-rapport tal-2019 dwar il-kummerċ u l-iżvilupp tal-Konferenza tan-NU dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (5) jikkalkola li kull sena se jkunu meħtieġa USD 2,5 triljun addizzjonali biex jiġi żgurat ir-rispett tal-impenji tal-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli;

    I.

    billi l-UE jeħtieġ li taġixxi fix-xena globali b'vuċi koerenti waħda 'għeruq fil-kultura strateġika komuni biex tiżviluppa r-rwol ta' tmexxija tagħha u terġa' tqajjem u tirriforma l-multilateraliżmu mmexxi mill-valuri tagħha ta' demokrazija, stat tad-dritt, ġustizzja soċjali, drittijiet fundamentali fosthom l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-appoġġ għal-libertà fuq livell globali, u l-viżjoni tagħha għal futur sostenibbli u inklużiv;

    J.

    billi maġġoranza wiesgħa taċ-ċittadini tal-UE u l-kummenti li waslu sa issa fuq il-pjattaforma diġitali tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa jappoġġaw rwol aktar b'saħħtu tal-UE u approċċ Ewropew komuni fi kwistjonijiet tal-politika estera u ta' sigurtà, u jixtiequ jaraw politika estera u ta' sigurtà tal-UE aktar koerenti u effikaċi;

    1.

    Jenfasizza li sabiex tilħaq l-objettiv strateġiku li tiżviluppa r-rwol ta' tmexxija globali tagħha, l-UE għandha ssawwar il-PESK tagħha abbażi tas-sitt azzjonijiet li ġejjin:

    tiddefendi l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli abbażi tal-prinċipji u l-impenji minquxa fil-Karta tan-NU, l-Att Finali ta' Ħelsinki u l-Karta ta' Pariġi għal Ewropa Ġdida,

    tassumi rwol ta' tmexxija fit-tisħiħ tas-sħubijiet multilaterali f'dawk li huma prijoritajiet globali, b'mod partikolari s-sħubija tagħha man-NU, u fil-protezzjoni u fil-promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem fuq livell globali,

    ittejjeb il-viżibbiltà u l-proċess deċiżjonali tal-UE u tisfrutta b'mod sħiħ u aktar effikaċi l-istrumenti tas-setgħa ta' koerċizzjoni (hard power) u tas-setgħa ta' persważjoni (soft power) tal-UE, anki bl-introduzzjoni tal-vot b'maġġoranza kwalifikata għat-teħid ta' deċiżjonijiet fil-politika estera tal-UE,

    tikseb is-sovranità Ewropea billi torbot flimkien l-azzjonijiet esterni u interni tal-UE b'mod koerenti, billi tikkombina l-kapaċità li taġixxi b'mod awtonomu jekk ikun meħtieġ mar-rieda li tiġi segwita solidarjetà strateġika ma' sħab tal-istess fehma,

    tiżviluppa aktar l-istrateġiji reġjonali, anki f'dak li għandu x'jaqsam mal-impenn diplomatiku u ekonomiku u mal-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà,

    issaħħaħ is-sorveljanza, l-iskrutinju u r-responsabbiltà demokratiċi u d-dimensjoni parlamentari tal-PESK tal-UE;

    Tassumi rwol ta' tmexxija fit-tisħiħ tas-sħubijiet multilaterali f'dawk li huma prijoritajiet globali, b'mod partikolari s-sħubija tagħha man-NU, u fil-protezzjoni u fil-promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem fuq livell globali

    2.

    Jilqa' pożittivament l-ambizzjoni u l-inizjattivi dejjem akbar tal-UE biex tassumi rwol ta' tmexxija fil-promozzjoni tas-sħubijiet globali f'dawk li huma prijoritajiet kruċjali u fit-tisħiħ tal-ordni multilaterali bbażat fuq ir-regoli u fuq il-valuri permezz ta' riforma tal-istituzzjonijiet u tal-organizzazzjonijiet prinċipali sabiex ittejjeb l-effiċjenza tagħhom u żżid ir-reżiljenza tagħhom u permezz ta' użu aħjar ta' mekkaniżmi u istituzzjonijiet eżistenti għall-governanza globali multilaterali; jinnota li dawn l-inizjattivi jagħmluha possibbli għall-komunità internazzjonali, irregolata mid-dritt internazzjonali, li tindirizza b'mod effikaċi l-isfidi globali bħat-tibdil fil-klima, il-pandemiji, il-kriżi tal-enerġija u t-theddid terroristiku, u li tiġġieled kontra l-influwenza ta' atturi awtoritarji malizzjużi; itenni li l-politika estera u ta' sigurtà tal-UE trid tiżgura l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU għall-2030;

    3.

    Jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi żviluppata sħubija tassew strateġika bejn l-UE u n-NU fir-rigward tal-azzjoni dwar il-klima u tad-drittijiet tal-bniedem u fil-kuntest tal-ġestjoni tal-kriżijiet; jistieden lill-Istati Membri u lill-gvernijiet tad-dinja kollha jattribwixxu aktar kompetenzi, riżorsi u kapaċità ta' intervent lill-organi tan-NU; jesprimi dispjaċir għall-fatt li ċ-Ċina u r-Russja jipprevjenu lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU milli jikkundanna r-reġimi oppressivi għall-azzjonijiet tagħhom, jostakolaw risposta internazzjonali magħquda lid-diversi kriżijiet, u jimpedixxu l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-G7 fil-livell tan-NU; itenni l-appoġġ qawwi tiegħu lill-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) u jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jagħtu appoġġ finanzjarju adegwat biex jippermettu lill-QKI twettaq il-kompiti tagħha;

    4.

    Jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tiddefendi u tippromwovi d-demokrazija fuq livell globali billi tagħti l-eżempju, inkluż billi tiżgura konformità stretta mal-prinċipji tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri kollha; jitlob lill-UE tippromwovi alleanza tad-demokraziji fid-dinja kollha; jinsisti fuq il-bżonn li jiġu akkomunati r-riżorsi, jiġu skambjati l-aħjar prattiki, jiġu kkoordinati l-azzjonijiet komuni u jiġu żviluppati strateġiji kondiviżi fir-rigward tal-ġlieda kontra l-indħil malizzjuż u d-diżinformazzjoni min-naħa ta' Stati awtoritarji u tad-delegati tagħhom, ta' atturi u organizzazzjonijiet mhux statali ostili u ta' atturi antidemokratiċi fi ħdan is-soċjetajiet demokratiċi; jemmen li, biex jinkisbu riżultati pożittivi f'dan ir-rigward, l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jippromwovu, permezz ta' kooperazzjoni mill-qrib man-NATO, fost l-oħrajn, approċċ ta' gvern sħiħ u min-naħa tas-soċjetà kollha biex jiġi miġġieled it-theddid ibridu, flimkien ma' aġenda ambizzjuża ta' appoġġ għad-demokrazija li tiffoka fuq il-preservazzjoni u l-promozzjoni tal-libertà tal-kelma u l-indipendenza tal-media; jesprimi, f'dan ir-rigward, l-appoġġ sħiħ tiegħu għas-Summits għad-Demokrazija ospitati mill-Istati Uniti, li qed jiffukaw fuq azzjonijiet konkreti biex jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem universali, jipprevjenu r-rigress demokratiku u jiġġieldu l-korruzzjoni;

    5.

    Jitlob lill-UE tiżviluppa s-sett ta' għodod tagħha għall-ġlieda kontra l-indħil, il-propaganda u l-operazzjonijiet ta' influwenza barranin, inkluż l-iżvilupp ta' strumenti ġodda li jippermettu li jiġu imposti kostijiet fuq dawk responsabbli u t-tisħiħ ta' strutturi rilevanti, b'mod speċifiku t-task forces għall-komunikazzjoni strateġika tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE); jilqa' b'sodisfazzjon ir-reviżjoni li għaddejja bħalissa tal-Kodiċi ta' Prattika dwar id-Diżinformazzjoni tal-Kummissjoni; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-UE żżid il-viżibbiltà tal-azzjonijiet tagħha permezz ta' komunikazzjoni aħjar u aktar strateġika tal-azzjonijiet esterni tagħha mmirati lejn iċ-ċittadini tagħha stess u mhux;

    6.

    Huwa mħasseb ħafna bir-rigress demokratiku kontinwu u d-daqqiet ta' ħarta lid-drittijiet tal-bniedem f'għadd dejjem akbar ta' pajjiżi mhux tal-UE, inklużi attakki fuq id-drittijiet politiċi u l-integrità elettorali; jafferma mill-ġdid l-importanza tal-appoġġ kontinwu tal-UE għall-proċessi elettorali fid-dinja permezz ta' missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali, fost l-oħrajn, u jfakkar fir-rwol fundamentali tal-Parlament f'dan ir-rigward; jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat l-ogħla livell ta' protezzjoni għall-osservaturi elettorali nazzjonali; jitlob lill-UE tkompli ssaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha fl-osservazzjoni elettorali mas-sħab rilevanti kollha bħall-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), il-Kunsill tal-Ewropa u l-organizzazzjonijiet li japprovaw id-Dikjarazzjoni ta' Prinċipji għall-Osservazzjoni Internazzjonali tal-Elezzjonijiet u l-Kodiċi ta' Kondotta għall-Osservaturi Internazzjonali tal-Elezzjonijiet;

    7.

    Jinkoraġġixxi lill-UE tiżviluppa aktar ir-rwol ta' tmexxija tagħha fil-qasam tad-difiża u tal-protezzjoni tal-libertà, tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem fi ħdan il-fora multilaterali u, b'mod partikolari, fin-Nazzjonijiet Uniti; jemmen li l-UE għandha tiżgura użu trasparenti u effikaċi tar-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem (GHRSR) (Liġi Magnitsky tal-UE), inkluż billi tespandi l-kamp ta' applikazzjoni tal-GHRSR biex jinkludi reati relatati mal-korruzzjoni; itenni li l-UE għandha tinforza aħjar id-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-ftehimiet internazzjonali li tkun ikkonkludiet; ifakkar fin-natura politika tal-GHRSR tal-UE, li huwa parti mill-approċċ politiku integrat u komprensiv tal-UE;

    8.

    Jinsisti fuq l-implimentazzjoni sħiħa u l-integrazzjoni sistematika tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u tal-pjan ta' azzjoni tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi III (GAP III) fl-azzjoni esterna kollha tal-UE, fil-livelli kollha ta' impenn u fl-attivitajiet u fil-kunċetti rilevanti kollha, anki lil hinn mill-validità tal-GAP III; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jeżerċitaw rwol ta' tmexxija fl-implimentazzjoni tar-riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà; iħeġġeġ lis-SEAE jtejjeb il-bilanċ ġeografiku tiegħu sabiex ikun hemm rappreżentanza nazzjonali xierqa li tirrifletti d-diversità tal-Istati Membri kollha, kif indikat fl-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali (6);

    9.

    Jiltob l-implimentazzjoni effikaċi tal-Kunċett tal-Medjazzjoni għall-Paċi 2020 tal-UE biex tiġi kkonsolidata l-pożizzjoni tal-UE bħala attur globali influwenti li jinvesti fil-prevenzjoni u fil-medjazzjoni tal-kunflitti, u bħala protagonista fil-promozzjoni u fl-implimentazzjoni tal-paċi fil-livell internazzjonali; ifakkar fil-vantaġġ komparattiv tal-UE fil-qasam tal-prevenzjoni u tar-riżoluzzjoni tal-kunflitti fil-konfront tal-Istati Membri individwali; jenfasizza r-rwol ewlieni li żvolġa l-Parlament f'dan il-qasam permezz tad-diplomazija parlamentari; jirrikonoxxi r-rwol tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fil-bini ta' soċjetajiet paċifiċi, u fil-promozzjoni ta' kultura ta' paċi, tolleranza u djalogu interkulturali u interreliġjuż;

    10.

    Itenni t-talba tiegħu għal appoġġ akbar favur l-istrateġija tal-UE dwar is-sigurtà marittima, billi ż-żamma tal-libertà ta' navigazzjoni toħloq sfida li qed tikber kemm fuq livell globali kif ukoll fil-viċinat; jissottolinja li l-libertà ta' navigazzjoni għandha tiġi rrispettata dejjem; jitlob lill-UE tikkonċentra aktar fuq l-iżgurar tal-libertà ta' navigazzjoni u fuq miżuri li jiffukaw fuq it-taffija tat-tensjonijiet u l-prevenzjoni ta' kunflitt armat u inċidenti militari fuq il-baħar;

    11.

    Jitlob aġenda ambizzjuża tal-UE, f'kooperazzjoni mas-sħab ewlenin, biex tkun sostnuta l-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin barra mill-UE u biex titqajjem il-kwistjoni tal-persekuzzjonijiet abbażi tar-reliġjon jew tat-twemmin; jinnota li l-appoġġ favur il-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin jikkontribwixxi għat-trawwim ta' paċi dejjiema u, għalhekk, biex jiġu indirizzati bosta mill-isfidi li għandhom quddiemhom l-UE u l-pajjiżi sħabha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħtar, mill-aktar fis possibbli, Mibgħut Speċjali ġdid tal-UE għall-promozzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin;

    12.

    Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi li għamlet l-UE bħala pijunier globali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lis-SEAE jipproponu inizjattivi ġodda, bħall-internazzjonalizzazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew kif ukoll inizjattivi biex jirreaġixxu għar-riskji għas-sigurtà relatati mal-klima, u biex jiġi indirizzat l-impatt tat-tibdil fil-klima fil-livell lokali, b'mod partikolari f'popolazzjonijiet vulnerabbli u f'komunitajiet milquta ħafna; jemmen li l-UE għandha tappoġġa objettivi ambizzjużi fit-tnaqqis tas-CO2 fil-pajjiżi mhux tal-UE u jisħaq fuq il-ħtieġa li d-diplomazija dwar il-klima tiżvolġi rwol kruċjali; jistenna li l-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew se jkollha konsegwenzi ġeopolitiċi sinifikanti u se tinfluwenza r-relazzjonijiet tal-UE ma' wħud minn sħabha, pereżempju billi tiġi indirizzata d-dipendenza tal-UE mill-provvisti ta' fjuwils fossili Russi;

    13.

    Jilqa' pożittivament l-approċċ tal-UE u r-rwol ta' tmexxija globali fl-għoti ta' vaċċini kontra l-COVID-19 u fl-indirizzar tal-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi tal-pandemija permezz tal-mekkaniżmu COVAX u l-pakkett globali tal-irkupru tat-Tim Ewropa; jistieden lill-UE tiżviluppa strateġija tas-saħħa globali soda, li tinkludi sforzi fuq livell globali u tal-UE biex jiġu żgurati tħejjija globali u rispons effikaċi għall-kriżijiet futuri u tiggarantixxi aċċess ħieles, ġust, bi prezzijiet raġonevoli u ekwu għall-vaċċini fid-dinja kollha; itenni l-ħtieġa li l-UE ssir aktar awtonoma fir-rigward tal-kwistjonijiet tas-saħħa u li tiddiversifika l-ktajjen tal-provvista tagħha sabiex tintemm id-dipendenza minn reġimi awtoritarji u totalitarji; jilqa' favorevolment is-sħubija bejn l-UE u l-Istati Uniti fil-kampanja ta' tilqim globali kontra l-COVID-19;

    14.

    Jirrikonoxxi li t-teknoloġija, il-konnettività u l-fluss tad-data huma dimensjonijiet importanti tar-relazzjonijiet esterni u tal-ftehimiet ta' sħubija tal-UE u għandhom implikazzjonijiet ġeopolitiċi sinifikanti; iħeġġeġ lill-UE tiżviluppa sħubijiet globali għall-ħolqien ta' normi u standards ġusti, miftuħa u mmexxija mill-valuri dwar użu tat-teknoloġiji etiku, ibbażat fuq ir-regoli u ċċentrat fuq il-bniedem, li jirrispettaw il-privatezza tal-utenti individwali, b'mod partikolari fir-rigward tal-intelliġenza artifiċjali u tal-governanza tal-internet billi tqiegħed id-diplomazija ċibernetika fil-qalba tal-azzjonijiet esterni tagħha; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-UE tiżgura l-kooperazzjoni u l-koordinament fost id-demokraziji f'dan ir-rigward u li tiżgura r-rispett tad-dritt internazzjonali u umanitarju meta tindirizza l-kunflitti; jisħaq fuq it-theddida speċifika li t-teknoloġiji diġitali l-ġodda jistgħu joħolqu għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u għal oħrajn billi jikkontrollaw, jillimitaw u jimminaw l-attivitajiet tagħhom, kif muri dan l-aħħar mir-rivelazzjonijiet ta' Pegasus; jitlob lill-UE tieħu l-inizjattiva biex tippromwovi moratorju fuq l-esportazzjoni ta' teknoloġiji ta' spyware għal għanijiet repressivi u l-adozzjoni ta' qafas regolatorju internazzjonali robust f'dan il-qasam; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jiżguraw diliġenza dovuta fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u skrutinju xieraq tal-esportazzjonijiet tat-teknoloġija Ewropea ta' sorveljanza u assistenza teknika f'konformità mar-Regolament dwar l-Użu Doppju (7); jitlob li l-UE u l-Istati Membri jiddjalogaw mal-gvernijiet ta' pajjiżi mhux tal-UE biex itemmu l-prattiki u l-leġiżlazzjoni repressivi dwar iċ-ċibersigurtà u l-ġlieda kontra t-terroriżmu; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-UE tippreserva d-drittijiet tal-individwu; jissottolinja, għalhekk, li s-sistemi ta' punteġġ għaċ-ċittadini mhumiex konformi mal-valuri fundamentali tal-UE; jisħaq li politiki u strumenti ta' sorveljanza bħal dawn fl-ebda ċirkostanza ma għandhom jiġu introdotti u użati fl-UE; jissottolinja, għalhekk, li l-UE jeħtiġilha taħdem biex tillimita u tiġġieled il-firxa transnazzjonali tar-repressjoni diġitali; jinnota li l-esportazzjonijiet tal-armi u tat-teknoloġiji tad-difiża hija kompetenza tal-Istati Membri;

    15.

    Itenni li l-UE għandha tiżviluppa u timplimenta strateġija dwar il-konnettività globali bħala estensjoni tal-Istrateġija dwar il-Konnettività UE-Asja attwali u bħala risposta strateġika biex tissaħħaħ l-influwenza tagħha f'ħafna reġjuni tad-dinja bħall-Amerka Latina, l-Afrika u l-Asja; jilqa' pożittivament, għalhekk, l-inizjattiva ambizzjuża u multidimensjonali “Global Gateway” ippreżentata mill-Kummissjoni fl-1 ta' Diċembru 2021, li għandha l-għan li tinvesti, fost affarijiet oħra, fin-networks diġitali u fl-infrastrutturi ta' kwalità mas-sħab fid-dinja kollha b'mod ġust u sostenibbli, u twiegħed sħubijiet aktar b'saħħithom mingħajr ma toħloq dipendenzi; jisħaq fuq il-fatt li l-Kummissjoni għandha tagħmel proġetti ta' konnettività mal-pajjiżi mhux tal-UE subordinati għar-rispett tad-drittijiet soċjali u tax-xogħol stretti, tat-trasparenza, tad-drittijiet tal-bniedem, tad-diliġenza dovuta, tal-interoperabbiltà, tal-governanza tajba u tal-istandards demokratiċi, u għall-użu etiku tat-teknoloġija kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll barra mill-pajjiż; jinnota, f'dan ir-rigward, li l-Kummissjoni għandha tiżviluppa strateġija għat-titjib tal-aċċess tas-sħab tagħha għal teknoloġija affidabbli u sikura; jenfasizza li l-investimenti fil-konnettività jeħtieġ li jappoġġaw ir-reżiljenza ekonomika u d-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija li hija kompatibbli mal-Ftehim ta' Pariġi; jitlob li jsiru aktar sforzi biex jiġu implimentati s-sħubijiet ta' konnettività tal-UE u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa dawn il-proġetti ta' konnettività flimkien mas-sħab tal-istess fehma u f'kooperazzjoni magħhom; kieku jilqa' pożittivament l-istabbiliment ta' sħubija ta' konnettività mal-Unjoni Afrikana (UA) fis-Summit li jmiss bejn l-UA u l-UE;

    16.

    Jilqa' favorevolment l-inizjattiva globali tal-G7 “Build Back Better World” u jħeġġeġ lill-UE tiżvolġi rwol attiv fl-iżvilupp ulterjuri tagħha, inkluż billi tidentifika rabtiet u sinerġiji mal-istrateġija “Global Gateway”;

    Ittejjeb il-viżibbiltà u l-proċess deċiżjonali tal-UE u tisfrutta b'mod sħiħ u aktar effikaċi l-istrumenti tas-setgħa ta' koerċizzjoni (hard power) u tas-setgħa ta' persważjoni (soft power) tal-UE, anki bl-introduzzjoni tal-vot b'maġġoranza kwalifikata għat-teħid ta' deċiżjonijiet fil-politika estera tal-UE

    17.

    Itenni li l-UE l-ewwel u qabel kollox għandha bżonn l-unità u r-rieda politika reali u aktar qawwija min-naħa tal-Istati Membri tagħha biex jaqblu flimkien fuq għanijiet tal-UE tal-politika estera komuni tal-UE u fuq il-kooperazzjoni tal-UE fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża mmirati biex jimplimentaw l-objettivi, il-valuri, il-prinċipji u n-normi tal-Artikolu 21 tat-TUE, kif ukoll biex jippromwovuhom; jissottolinja l-ħtieġa li tiġi stabbilita Unjoni tas-Sigurtà u d-Difiża li sservi bħala punt tat-tluq għall-implimentazzjoni ta' politika Ewropea ta' difiża komuni, f'konformità mad-dispożizzjoni stabbilita fl-Artikolu 42(2) tat-TUE;

    18.

    Jissottolinja li l-politika estera tal-UE jeħtieġ li jkollha l-istrumenti tagħha stess f'dawk li huma affarijiet barranin, drittijiet tal-bniedem u sigurtà u difiża; ifakkar li l-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO) ġiet minquxa fit-Trattat ta' Lisbona iżda ġiet stabbilita biss fl-2017; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kunsill, għalhekk, jadottaw b'kuraġġ u bil-mod l-aktar effiċjenti possibbli l-istrumenti kollha tal-politika estera disponibbli fit-Trattati;

    19.

    Jisħaq fuq il-bżonn li l-UE, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, issaħħaħ il-kapaċità tagħha li taġixxi b'mod effiċjenti, f'waqtu, proattiv u indipendenti, u li ssawwar ir-risposta tal-UE għall-isfidi tal-lum u ta' għada; jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti li l-UE tistabbilixxi mekkaniżmu ta' skambju awtomatiku ta' informazzjoni u intelligence bejn l-Istati Membri u l-UE dwar kwistjonijiet ta' affarijiet barranin u ta' sigurtà li jseħħu barra mill-UE, inkluż dwar it-terroriżmu li għadu theddida għall-valuri u s-sigurtà Ewropej u li jirrikjedi approċċ multidimensjonali; jilqa' pożittivament il-proċess “Boxxla Strateġika” li għaddej bħalissa bħala l-punt tat-tluq biex isir progress lejn Unjoni Ewropea tas-Sigurtà u s-Difiża u lejn is-sovranità strateġika tal-UE relatata mas-sigurtà u d-difiża tagħha, kif ukoll biex tinbet kultura strateġika komuni Ewropea ta' sigurtà u difiża mmexxija mill-valuri u mill-objettivi kondiviżi tagħna u fehim komuni tat-theddid, kif ukoll ir-rispett tal-politiki speċifiċi fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża tal-Istati Membri; jistenna li l-Boxxla Strateġika se tgħin biex tissawwar viżjoni komuni tas-sigurtà u d-difiża tal-UE biex tinkiseb awtonomija strateġika; jisħaq fuq il-fatt li l-eżitu għandu jkun rifless f'verżjoni riformata tal-Istrateġija Globali tal-UE tal-2016 li tqis it-theddidiet, l-isfidi u l-opportunitajiet ewlenin, u toffri perkorsi biex l-UE tiżvolġi rwol globali aktar proattiv; jenfasizza, barra minn hekk, li dawn ir-riżultati għandhom jirrappreżentaw il-bażi għal reviżjoni ta' dokumenti oħrajn bħall-Pjan tal-Iżvilupp tal-Kapaċitajiet tal-2018;

    20.

    Jisħaq fuq il-fatt tal-importanza tad-drittijiet tal-bniedem bħala element integrali tas-sett ta' għodod tal-UE dwar l-affarijiet barranin u jenfasizza l-komplementarjetà tagħhom; jinkoraġġixxi lill-UE tikkoordina mal-pajjiżi sħab fid-difiża tad-drittijiet tal-bniedem u fl-applikazzjoni tas-sanzjonijiet biex iżżid l-impatt tagħhom; jirrimarka li l-applikazzjoni konsistenti u uniformi tal-miżuri restrittivi fl-Istati Membri kollha hija prekundizzjoni għall-kredibbiltà u l-effikaċja tal-politika esterna tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fir-rwol tagħha bħala gwardjan tat-Trattati, u lill-Kunsill u lill-VP/RGħ bħala dawk responsabbli mill-unità, il-konsistenza u l-effikaċja tal-politika esterna tal-UE, biex jiżguraw li r-reazzjonijiet nazzjonali għall-ksur tal-miżuri restrittivi adottati mill-UE jkunu effikaċi, proporzjonati u dissważivi; jistieden lill-UE, f'dan ir-rigward, tiżgura l-effikaċja tal-miżuri restrittivi tal-UE imposti b'reazzjoni għall-aggressjoni tar-Russja lejn l-Ukrajna u l-annessjoni illegali tagħha tal-Krimea, u tiżgura wkoll il-konformità sħiħa ma tali miżuri; iħeġġeġ lill-UE żżomm koordinament u kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Uniti fl-użu tas-sanzjonijiet meta ssegwi objettivi kondiviżi tal-politika estera u ta' sigurtà, filwaqt li tevita kwalunkwe konsegwenza mhux intenzjonata għall-interessi taż-żewġ pajjiżi;

    21.

    Jenfasizza wkoll li, mal-adozzjoni mill-Kunsill, il-Boxxla Strateġika għandu jkollha valur miżjud sinifikanti għall-PESK u l-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) tal-UE u għandha tkompli ssaħħaħ is-solidarjetà fost l-Istati Membri; jilqa' l-fatt li l-Boxxla Strateġika tibni fuq analiżi komuni tat-theddid u tal-isfidi li għandhom quddiemhom l-UE u l-Istati Membri tagħha, tidentifika l-lakuni fil-kapaċità preżenti u futuri – kemm istituzzjonali kif ukoll f'termini ta' assi – u tipprovdi pjan direzzjonali ċar biex dawn jimtlew; itenni l-intenzjoni tal-Parlament li jkun involut fil-proċess, b'mod partikolari billi jeżerċita d-dritt tiegħu għall-iskrutinju u l-istabbiliment ta' proċedura ta' rieżami regolari;; jistenna li l-abbozz finali tal-Boxxla Strateġika u l-Kunċett Strateġiku tan-NATO jkunu koerenti ma' xulxin biex jiġu żgurati kollaborazzjoni u kondiviżjoni tal-piżijiet imsaħħa, u biex jiġu identifikati modi kif tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO; itenni l-prinċipju ta' ġabra waħda ta' forzi; jitfa' pressjoni fuq l-Istati Membri biex jilħqu, ladarba titlesta l-Boxxla Strateġika, kultura strateġika komuni, kif ukoll fehim komuni ambizzjuż tal-Artikolu 42(7) tat-TUE u tal-Artikolu 222 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u r-relazzjoni tagħhom mal-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana; jistenna li l-Boxxla Strateġika tkun kapaċi tipprovdi aktar opportunitajiet għall-pajjiżi tas-sħubija, inkluża s-Sħubija tal-Lvant, relatati mat-tisħiħ tar-reżiljenza għal theddid u sfidi moderni għas-sigurtà; iqis li l-politika estera u ta' sigurtà aggressiva attwali tar-Russja għandha tiġi identifikata f'dan id-dokument bħala theddida kbira għas-sigurtà tal-kontinent Ewropew;

    22.

    Ifakkar li t-Trattati jipprevedu l-possibbiltà li jitjiebu l-proċeduri deċiżjonali għall-PESK; ifakkar fil-fatt li l-Artikolu 31(2) tat-TUE, li jippermetti lill-Kunsill jieħu ċerti deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet tal-PESK permezz ta' vot b'maġġoranza kwalifikata (VMK), u l-“klawżola passerelle” li tinsab fl-Artikolu 31(3) tat-TUE, li tipprevedi l-possibbiltà ta' bidla progressiva f'VMK għal deċiżjonijiet fil-qasam tal-PESK li ma jkollhomx implikazzjonijiet militari jew ta' difiża iżda li jsaħħu s-solidarjetà u l-assistenza reċiproka tal-UE f'każ ta' kriżi; jisħaq fuq il-fatt li l-unanimità li tostakola l-kapaċità ta' azzjoni tal-UE u jħeġġeġ għaldaqstant lill-Istati Membri jirrikorru għall-VMK fil-proċess deċiżjonali dwar il-PESK; itenni, b'mod partikolari, l-appell tiegħu għall-introduzzjoni tal-VMK għall-adozzjoni ta' dikjarazzjonijiet dwar kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali u deċiżjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem, l-introduzzjoni u l-implimentazzjoni ta' sanzjonijiet skont il-GHRSR, u għad-deċiżjonijiet kollha rigward missjonijiet tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) ċivili; jenfasizza li r-rikors għall-Artikoli 31 u 44 tat-TUE jista' jtejjeb il-flessibbiltà u l-kapaċità tal-UE li taġixxi fuq firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet tal-politika estera;

    23.

    Jappella għal konsultazzjonijiet aktar b'saħħithom bejn l-UE u n-NATO fil-livell tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà u l-Kunsill tal-Atlantiku tat-Tramuntana;

    24.

    Itenni l-appell tiegħu għall-ħolqien ta' formati ġodda ta' kooperazzjoni, bħall-Kunsill Ewropew tas-Sigurtà, sabiex jiġi żviluppat approċċ integrat għall-kunflitti u għall-kriżijiet; jissottolinja li l-kompożizzjoni u l-mandat possibbli ta' din il-kooperazzjoni għandhom ikunu suġġetti għal kunsiderazzjoni; ifakkar li l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa li għaddejja bħalissa sservi ta' qafas rilevanti biex jiġu fformulati proposti innovattivi f'dan ir-rigward; jitlob li l-Konferenza tkun aktar ambizzjuża fir-rigward tad-dimensjoni esterna tal-politiki tal-UE, inkluż dwar is-sigurtà u d-difiża, pereżempju permezz tal-istabbiliment ta' unitajiet militari multinazzjonali permanenti tal-UE u l-introduzzjoni tal-VMK fil-proċess deċiżjonali tal-politika estera tal-UE; jinnota, madankollu, li oqfsa istituzzjonali ġodda waħedhom mhux se jsolvu l-isfidi strutturali u politiċi li għandha quddiemha l-PSDK; itenni l-appell tiegħu għall-ħolqien ta' Kunsill ta' Ministri tad-Difiża;

    25.

    Jisħaq fuq l-istrumenti proprji tal-UE li għandhom jinkludu l-ħolqien ta' Akkademja Diplomatika Ewropea, li fiha jitħejjew diplomatiċi tal-UE bħala tali mill-bidu nett u jikkonverġu fuq valuri u interessi komuni tal-UE, biex jinħoloq “spirtu ta' tim” veru ddeterminat minn kultura diplomatika komuni f'perspettiva Ewropea; jitlob l-implimentazzjoni sħiħa tal-proġett pilota “Lejn il-ħolqien ta' Akkademja Diplomatika Ewropea”, li tista' twitti t-triq għall-istabbiliment ta' din l-akkademja u għandha tinkludi l-istabbiliment ta' proċess ta' selezzjoni għad-dħul fis-SEAE u fid-Delegazzjonijiet tal-UE; jissottolinja l-importanza tat-tisħiħ tar-rappreżentanza diplomatika tal-UE fil-pajjiżi mhux tal-UE u l-isforz għal rappreżentanza diplomatika sħiħa f'organizzazzjonijiet multilaterali b'mod ġenerali u n-NU b'mod partikolari; jenfasizza li rappreżentanza tal-UE aktar b'saħħitha fil-pajjiżi mhux tal-UE u fl-organizzazzjonijiet multilaterali tkun tippromwovi b'mod sinifikanti l-unità tant meħtieġa fost l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri fir-rigward tal-indirizzar tal-isfidi globali fil-qasam tal-PESK;

    26.

    Jisħaq fuq il-fatt li approċċ olistiku fil-konfront tal-PESK jirrikjedi s-sinerġija tar-riżorsi disponibbli kollha tal-UE fil-qasam tal-azzjoni esterna; jevidenzja, f'dan ir-rigward, ir-rwol fundamentali u l-vantaġġ komparattiv tal-Parlament Ewropew fid-diplomazija tal-UE, b'mod partikolari permezz ta' relazzjonijiet interparlamentari u l-impenn estensiv tal-Parlament permezz ta' programmi ta' appoġġ għad-demokrazija mal-partijiet terzi; jistieden lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Istati Membri jirrikonoxxu lill-Parlament bħala parti integrali ta' “Tim Ewropa” u li dan juruh fl-istrutturi operattivi; jenfasizza li l-kultura saret strument diplomatiku utli u parti fundamentali mis-setgħa ta' persważjoni tal-UE; jissottolinja li l-kultura għandha potenzjal kbir biex tippromwovi l-valuri tal-UE;

    27.

    Jistieden lis-SEAE u lill-Kunsill jieħdu passi biex jirrieżaminaw l-kompetenzi u l-mandati tar-Rappreżentanti Speċjali u tal-Mibgħuta Speċjali tal-UE u biex jiżguraw valutazzjoni trasparenti u komprensiva tal-effikaċja u l-valur miżjud ta' dawn il-pożizzjonijiet, kif mitlub mill-Parlament fir-rakkomandazzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2019 (8); iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Kunsill jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jikkonformaw mar-rakkomandazzjoni tal-Parlament fl-iqsar żmien possibbli;

    28.

    Jilqa' favorevolment l-isforzi tal-Kummissjoni maħsuba biex iqawwu l-kapaċitajiet ta' prospettiva tal-UE, anki fir-rigward tal-PESK kif illustrat mit-tieni Rapport annwali ta' Prospettiva Strateġika dwar “The EU’s capacity and freedom to act” (Il-kapaċità u l-libertà tal-UE li taġixxi); jipproponi li attivitajiet ta' prospettiva interistituzzjonali jsiru fil-livell politiku biex il-prospettiva tiġi integrata fit-tfassil tal-politika u biex it-tħejjija tal-UE titjieb fid-dawl tal-isfidi futuri bħall-kriżijiet u l-kunflitti mqanqla mill-klima, u biex tissaħħaħ il-kapaċità tagħha li ssawwar żviluppi reġjonali u globali;

    29.

    Jenfasizza li d-dimensjoni esterna tal-baġit tal-UE trid tkun iffinanzjata b'mod xieraq u mħejjija biex twieġeb mingħajr dewmien għall-isfidi attwali, emerġenti u futuri; jinsisti li l-baġit għall-azzjoni esterna għandu jiffoka fuq oqsma prijoritarji, kemm mil-lat ġeografiku kif ukoll minn dak tematiku, u fuq oqsma li fihom l-azzjoni tal-UE tista' ġġib l-aktar valur miżjud;

    Tikseb is-sovranità Ewropea billi torbot flimkien l-azzjonijiet esterni u interni tal-UE b'mod koerenti, billi tikkombina l-kapaċità li taġixxi b'mod awtonomu jekk ikun meħtieġ mar-rieda li tiġi segwita solidarjetà strateġika ma' sħab tal-istess fehma

    30.

    Jistieden lill-UE żżid is-sovranità strateġika tagħha f'oqsma speċifiċi li huma fundamentali għall-preminenza kontinwa tal-Unjoni fix-xena internazzjonali, bħall-promozzjoni tal-valuri tal-UE, id-drittijiet fundamentali, il-kummerċ ekwu, l-ekonomija, is-sigurtà u t-teknoloġija, il-ġustizzja soċjali, it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, l-enerġija u r-rwol tagħha fl-indirizzar tal-assertività tar-reġimi awtoritarji u totalitarji; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-azzjonijiet esterni u l-politiki interni tal-UE jkunu marbutin b'mod koerenti; itenni l-appell tiegħu għall-ħolqien ta' Unjoni Ewropea tas-Sigurtà u d-Difiża, li sservi bħala punt tat-tluq għall-implimentazzjoni ta' difiża Ewropea komuni, f'konformità mad-dispożizzjoni stabbilita fl-Artikolu 42(2) tat-TUE, u li tippermetti lill-UE taġixxi b'mod awtonomu biex tissalvagwardja l-interessi tas-sigurtà tagħha meta jkun meħtieġ u tikkontribwixxi biex l-UE ssir sieħeb strateġiku aktar kapaċi u kredibbli għall-alleati tagħha, inklużi n-NATO u l-Istati Uniti; jitlob li l-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża tiġi intensifikata u semplifikata, pereżempju dwar kwistjonijiet relatati mat-tagħmir tad-difiża;

    31.

    Jisħaq fuq il-fatt li l-awtonomija tal-UE fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża tfisser l-iżvilupp, il-koordinament u l-użu rapidu ta' kapaċitajiet strateġiċi affidabbli u interoperabbli meħtieġa għall-ġestjoni effikaċi tal-kriżijiet; il-protezzjoni tal-UE u taċ-ċittadini tagħha; it-taħriġ ta' sħab ewlenin; il-kooperazzjoni effiċjenti, it-teħid ta' deċiżjonijiet u t-tqassimi tax-xogħol, il-kapaċitajiet ta' żvilupp u ta' produzzjoni bejn l-Istati Membri f'solidarjetà sħiħa u fil-livell tal-UE, u organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn bħan-NU u n-NATO; u l-kapaċità li tiddeċiedi u taġixxi b'mod awtonomu u indipendenti jekk ikun meħtieġ u f'konformità mal-interessi, il-prinċipji u l-valuri tagħha stess kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-TUE, b'mod partikolari billi tistabbilixxi lilha nnifisha bħala attur globali effettiv, u fir-rispett sħiħ tad-dritt internazzjonali; jenfasizza li għandha tingħata prijorità lill-bini ta' alleanzi, sħubijiet u arranġamenti multilaterali b'saħħithom u affidabbli u lill-bini ta' solidarjetà strateġika mal-pajjiżi tal-istess fehma; jenfasizza li dan l-approċċ għandu jsaħħaħ aktar il-kooperazzjoni mas-sħab, b'mod partikolari fil-qafas tan-NATO; jinnota li dawn il-kapaċitajiet u l-istrutturi strateġiċi Ewropej imsaħħa għandhom ikunu kompatibbli u komplementari man-NATO; jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan ir-rigward, il-fatt li l-President tal-Kummissjoni ħabbret li se jsir Summit dwar id-Difiża Ewropea taħt il-Presidenza Franċiża tal-Kunsill; jenfasizza li l-UE u n-NATO se jippreżentaw, qabel tmiem l-2021, dikjarazzjoni konġunta dwar il-kooperazzjoni; jitlob il-ħolqien ta' “Kapaċità ta' Skjerament Rapidu”, kif ippreżentata mill-VP/RGħ, bħala l-ewwel pass lejn l-istabbiliment ta' unitajiet militari multinazzjonali permanenti tal-UE; jisħaq li tali forza tkun teħtieġ li tipprovdi valur miżjud meta mqabbla mal-Gruppi Tattiċi tal-UE, li qatt ma ġew skjerati; jistieden, għalhekk, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jivvalutaw u jiżviluppaw għażliet għall-istabbiliment ta' unitajiet militari multinazzjonali permanenti tal-UE ffinanzjati kemm mill-Faċilità Ewropea għall-Paċi kif ukoll mill-baġit tal-UE billi jagħmlu użu sħiħ mill-possibbiltajiet attwali offruti mit-Trattati tal-UE;

    32.

    Jirrikonoxxi lin-NATO bħala l-pedament kontinwu tas-sigurtà u d-difiża kollettivi Ewropej u jinkoraġġixxi lill-alleati fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku biex jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom favur in-NATO bħala l-istituzzjoni prinċipali għad-difiża taż-żona Ewro-Atlantika; itenni l-appell tiegħu biex l-alleati jżommu u jissodisfaw ir-rekwiżiti miftiehma dwar il-kondiviżjoni tal-piżijiet, inkluż l-infiq fuq id-difiża bl-objettiv ta' 2 % tal-PDG, kif miftiehem fis-Summit tan-NATO fi Newport fl-2014;

    33.

    Jistieden lill-Istati Membri jallinjaw il-politika tagħhom dwar l-esportazzjonijiet tal-armi abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll tal-esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari (9), u jadottaw applikazzjoni stretta tal-kriterji kollha; itenni l-appell tiegħu lill-VP/RGħ biex jagħti prijorità lill-qasam tan-nonproliferazzjoni, tad-diżarm u tal-kontroll tal-armi, peress li xi reġimi ta' kontroll jiġu kkontestati minn atturi statali malizzjużi u oħrajn fil-biċċa l-kbira jiġu injorati, u qed jiġu żviluppati u użati teknoloġiji ġodda li għandhom il-potenzjal li jiġu kkwalifikati mhux biss bħala distruttivi, iżda bħala rivoluzzjonarji fl-affarijiet militari;

    34.

    Jissottolinja l-bżonn li l-Unjoni tkompli tiżviluppa u ssaħħaħ is-sovranità u l-għarfien espert tagħha f'termini teknoloġiċi, operattivi u diġitali permezz tat-tisħiħ ta' industrija u suq Ewropej tad-difiża b'saħħithom, l-iżvilupp tal-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea, żieda fir-riċerka u fl-iżvilupp militari konġunti, l-akkwist, it-taħriġ, il-manutenzjoni, approċċ komuni għas-sigurtà tal-provvista, u kooperazzjoni aktar ambizzjuża mal-alleati demokratiċi; jisħaq fuq il-ħtieġa li tingħata attenzjoni partikolari lit-teknoloġiji emerġenti distruttivi, il-miżuri taċ-ċibersigurtà u d-difiża ċibernetika, il-protezzjoni u r-reżiljenza tal-infrastrutturi kritiċi, u s-sigurtà tal-provvista ta' komponenti teknoloġiċi ewlenin bħall-mikrokondutturi; ifakkar fl-opportunitajiet offruti mill-istrumenti u mill-mekkaniżmi eżistenti bħall-PESCO, il-Fond Ewropew għad-Difiża u r-Rieżami Annwali Koordinat dwar id-Difiża; jistieden lill-Istati Membri jużaw dawn l-istrumenti u l-mekkaniżmi bis-sħiħ; jilqa' b'sodisfazzjon l-ewwel sejħiet għal proposti għall-Fond Ewropew għad-Difiża li huwa strument essenzjali għat-tisħiħ tas-sigurtà u d-difiża Ewropej kif ukoll għas-sovranità strateġika tal-UE;

    35.

    Huwa kawt fir-rigward tad-dipendenza teknoloġika tal-UE minn fornituri mhux tal-UE, b'mod partikolari minn stati mhux demokratiċi; jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-Ewropa tiddependi minn strumenti barranin għaċ-ċibersigurtà tagħha; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jibnu kunsens fl-UE kollha dwar il-ħtieġa li tiġi ppreservata l-indipendenza Ewropea f'diversi oqsma teknoloġiċi ewlenin u biex iressqu approċċ pragmatiku u awtonomu biex jiġu evitati d-dipendenzi u l-koerċizzjoni ġeopolitika f'setturi teknoloġiċi kritiċi; jissottolinja, b'mod partikolari, l-importanza strateġika tal-5G u tal-infrastruttura tal-kejbils sottomarini;

    36.

    Jissottolinja li politika komuni dwar id-difiża ċibernetika u kapaċitajiet sostanzjali tad-difiża ċibernetika huma elementi ewlenin għall-iżvilupp ta' Unjoni Ewropea tas-Sigurtà u d-Difiża Ewropea aktar profonda u msaħħa; jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti li jiġu żviluppati u msaħħa kemm il-kapaċitajiet militari komuni kif ukoll dawk tal-Istati Membri fil-qasam tad-difiża ċibernetika; jissottolinja l-ħtieġa li l-istituzzjonijiet kollha tal-UE u l-Istati Membri jikkooperaw fil-livelli kollha biex jibnu strateġija taċ-ċibersigurtà; jistieden lis-SEAE jiżgura livelli adegwati ta' ċibersigurtà għar-riżorsi, għall-bini u għall-attivitajiet tiegħu, inklużi s-sede tiegħu u d-delegazzjonijiet tal-UE;

    37.

    Jisħaq fuq il-fatt li s-settur spazjali Ewropew huwa settur li jippermetti li tinkiseb l-awtonomija tal-UE fil-livell globali kif ukoll il-prosperità u as-sigurtà tas-soċjetajiet tagħna; jesprimi tħassib gravi li l-ispazju malajr qiegħed isir arena politika li tirrifletti l-kompetizzjoni ġeopolitika fid-dinja u fruntiera teknoloġika ġdida, u għandu l-potenzjal li malajr jinbidel f'żona militari, jekk ma jiġux stabbiliti l-istrumenti ġuridiċi internazzjonali adegwati; jappoġġa l-inizjattivi li l-għan tagħhom huwa li jagħtu spinta lill-politika spazjali tal-UE, inkluż il-programm spazjali ambizzjuż il-ġdid tal-UE, li jrid ifittex li jipproteġi r-riżorsi spazjali Ewropej attwali u futuri; jinsisti li l-UE għandha tqabbel l-impenji politiċi u finanzjarji mal-ambizzjonijiet tagħha fil-qasam spazjali; jitlob żieda fl-impenn tal-UE għall-iżvilupp ta' regolament internazzjonali komprensiv dwar l-ispazju, sabiex tiġi evitata l-“arsenalizzazzjoni” tal-ispazju; jappoġġa liċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea biex jipprovdi lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet bi twissijiet bikrija ta' kriżijiet potenzjali u sensibilizzazzjoni dwar is-sitwazzjoni globali;

    Tiżviluppa aktar l-istrateġiji reġjonali, anki f'dak li għandu x'jaqsam mal-impenn diplomatiku u ekonomiku u mal-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà

    38.

    Jilqa' pożittivament il-konklużjonijiet tas-Summit tal-Balkani tal-Punent li sar fi Brdo pri Kranju taħt il-Presidenza Slovena tal-Kunsill; itenni l-appoġġ tiegħu għall-perspettiva Ewropea tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u jtenni f'dan is-sens l-appell tiegħu għall-aċċelerazzjoni tal-proċess ta' tkabbir u l-għoti ta' perkors ċar għall-pajjiżi li kandidati għall-adeżjoni mal-UE; iħeġġeġ lill-Istati Membri jżommu fl-aħħar wegħdiethom u jisħaq fuq l-urġenza li minnufih isiru l-ewwel konferenzi intergovernattivi mal-Albanija u mal-Maċedonja ta' Fuq u li tingħata l-liberalizzazzjoni tal-viża lill-Kosovo; jenfasizza li l-proċess ta' tkabbir jibqa' bbażat b'mod sod fuq it-twettiq tal-kriterji rilevanti kollha mill-pajjiżi kandidati kif iddefinit mill-Kunsill Ewropew b'enfasi qawwija fuq it-tisħiħ tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt, u tad-drittijiet tal-bniedem u tal-minoranzi, kif ukoll il-promozzjoni tar-rikonċiljazzjoni u tal-progress ekonomiku fil-Balkani tal-Punent, bħala rekwiżiti preliminari għal paċi, stabbiltà u prosperità dejjiema; jenfasizza l-ħtieġa ta' kooperazzjoni msaħħa fl-indirizzar ta' sfidi komuni; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' eżerċizzju ta' “tagħlimiet meħuda” dwar il-politika tat-tkabbir kif ukoll ta' żieda fil-viżibbiltà u aktar investimenti fir-reġjun biex tingħata spinta lis-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku u b'hekk lill-kredibbiltà u lill-impenn tal-UE; jitlob l-impenn tal-UE fil-konfront tal-pajjiżi fil-Balkani tal-Punent biex jinstabu soluzzjonijiet għall-problemi li jimpedixxu aktar riformi, inkluża l-implimentazzjoni tal-14-il prijorità ewlenija fil-Bożnija-Ħerzegovina u li jiżguraw l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Paċi ta' Dayton; jissottolinja l-importanza tal-integrazzjoni Ewropea ta' dawn l-istati sħab għall-istabbiltà u għas-sigurtà tal-kontinent kollu kemm hu; jitlob l-appoġġ tal-UE għas-soċjetà ċivili fil-Balkani tal-Punent fil-promozzjoni u fit-tixrid tal-valuri Ewropej; ifaħħar il-ħidma tal-Operazzjoni Althea tal-EUFOR, li tikkontribwixxi għall-paċi, l-istabbilizzazzjoni u l-integrazzjoni Ewropea tal-Bożnija-Ħerzegovina; itenni l-fatt li din l-operazzjoni għadha tiżvolġi rwol ċentrali għas-sigurtà u għall-istabbiltà tal-Bożnija-Ħerzegovina u tar-reġjun; jenfasizza, fid-dawl ta' tkabbir futur possibbli, il-ħtieġa ta' teħid ta' deċiżjonijiet aktar effiċjenti fil-livell tal-UE; jikkundanna bil-qawwa l-azzjonijiet seċessjonisti mhux kostituzzjonali mill-awtoritajiet tar-Repubblika Srpska li għandhom l-għan li joħolqu istituzzjonijiet paralleli fil-mediċina u l-apparat mediku, il-ġustizzja, id-difiża, is-sigurtà u t-tassazzjoni, u b'hekk jimminaw l-istrutturi statali tal-Bożnija-Ħerzegovina u joħolqu theddida eżistenzjali għall-unità u l-integrità territorjali tagħha; jiddenunzja r-rwol detrimentali li għandhom l-atturi reġjonali u l-indħil barrani Russu; jistieden lill-Kunsill jimponi sanzjonijiet immirati fuq Milorad Dodik u l-alleati tiegħu għall-attivitajiet korrotti tiegħu, għad-destabbilizzazzjoni kontinwa tal-pajjiż, u għall-imminar tas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Bożnija-Ħerzegovina;

    39.

    Jissottolinja li l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni 2021-2027 (IPA III), adottat dan l-aħħar, għandu jsostni investimenti fit-tul fil-ġejjieni Ewropew tar-reġjun u li l-kundizzjonalità mtejba tal-istrument għandha tintuża b'mod effikaċi biex jinkisbu riżultati konkreti; jilqa' pożittivament kundizzjonalità aktar b'saħħitha relatata mad-demokrazija, mad-drittijiet tal-bniedem u mal-istat tad-dritt skont l-IPA III modernizzat; jilqa' favorevolment il-pjan ekonomiku u ta' investiment għall-Balkani tal-Punent u jitlob l-implimentazzjoni immedjata tiegħu biex jiġi ffaċilitat l-irkupru fit-tul u t-tkabbir ekonomiku taż-żona u l-konnettività sostenibbli tagħha, u b'hekk il-Balkani tal-Punent jinġiebu eqreb lejn is-suq uniku tal-UE;

    40.

    Jafferma mill-ġdid l-appoġġ sod tiegħu favur il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant (SL), u b'mod partikolari fir-rigward tal-indipendenza, tas-sovranità u tal-integrità territorjali tagħhom fil-konfini tagħhom rikonoxxuti fuq livell internazzjonali kif ukoll tar-rispett tar-rieda tal-poplu li jiddeċiedi l-futur u l-politika estera tiegħu stess, ħieles minn indħil barrani; jappella għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni mal-Georgia, mal-Moldova u mal-Ukrajna u tal-Ftehim ta' Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ mal-Armenja; jissottolinja l-ħtieġa li jitkomplew in-negozjati dwar il-Ftehim ta' Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-UE u l-Ażerbajġan skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Parlament Ewropew fir-rakkomandazzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2018 dwar in-negozjati dwar il-Ftehim Komprensiv bejn l-UE u l-Ażerbajġan (10); iħeġġeġ lill-pajjiżi tas-SL, u b'mod partikolari lil dawk li għażlu li jimxu fit-triq lejn id-demokrazija u l-integrazzjoni Ewropea, jiżguraw li l-libertajiet fundamentali, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt jiġu rrispettati u jkomplu jimplimentaw ir-riformi soċjali, ekonomiċi u politiċi meħtieġa; jilqa' l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni tat-18 ta' Marzu 2020 bit-titolu “Il-politika tas-Sħubija tal-Lvant lil hinn mill-2020 – It-Tisħiħ tar-Reżiljenza – Sħubija tal-Lvant li tikseb riżultati għal kulħadd” (JOIN(2020)0007); itenni li l-appoġġ tal-UE għal aktar integrazzjoni huwa subordinat għall-progress konkret f'dawk ir-riformi; jappoġġa l-prinċipju tal-kundizzjonalità u tad-differenzjazzjoni tal-UE, inklużi l-inċentivi; jisħaq li s-suċċess tal-pajjiżi tas-SL jista' jintwera u jiġi kkonsolidat biss permezz tal-proċess ta' integrazzjoni tal-UE, u jista' juri wkoll lill-poplu Russu liema tip ta' benefiċċji soċjoekonomiċi jistgħu jġibu riformi tat-tip Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jużaw is-Summit tas-SL li jmiss biex jibagħtu messaġġ qawwi ta' appoġġ lis-sħab tagħna; jistieden lill-mexxejja tal-UE jiżguraw li l-ħames għanijiet fit-tul u l-10 objettivi l-ġodda għall-2025, b'finanzjament mogħti skont il-pjan ekonomiku u ta' investiment propost f'Ġunju 2021, se jagħtu kontribut reali għall-irkupru soċjali u ekonomiku mill-pandemija tal-COVID-19, isaħħu r-rabtiet ekonomiċi u jistabbilixxu rotot kummerċjali bejn l-UE u l-pajjiżi sħab;

    41.

    Jikkundanna l-involviment dirett u indirett tar-Russja u ta' atturi esterni oħrajn fil-kunflitti armati kif ukoll f'attakki ibridi, fl-okkupazzjonijiet u fit-tisħiħ tal-forzi militari fir-reġjun jew fil-fruntieri tagħha mar-reġjun; jissottolinja li t-theddida kontinwa fil-prossimità tagħna tirrikjedi l-preżenza fiżika kemm tal-UE kif ukoll tan-NATO fir-reġjun; jappoġġa t-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi tas-SL fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża, b'mod partikolari fir-rigward tal-promozzjoni tar-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti reġjonali, l-indirizzar tat-theddid ibridu, l-attakki ċibernetiċi, id-diżinformazzjoni u l-kampanji ta' propaganda, il-waqfien tal-indħil minn partijiet terzi fil-proċessi demokratiċi u ż-żieda tar-reżiljenza soċjetali; jirrikonoxxi l-konverġenza tat-tliet sħab assoċjati mal-PESK u jappoġġa l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-PSDK, inkluża l-parteċipazzjoni fil-PESCO jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet;

    42.

    Huwa mħasseb sew bis-sitwazzjoni fil-Belarussja; jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-atti ta' vjolenza kontra d-dimostranti paċifiċi u jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjoni u t-tneħħija tal-akkużi kollha fil-konfront tal-priġunieri politiċi kollha, qabel u wara l-hekk imsejħa elezzjoni presidenzjali tad-9 ta' Awwissu 2020; itenni n-nonrikonoxximent tiegħu ta' Aliaksandr Lukashenka bħala president tal-Belarussja; jistieden lill-Kunsill jimplimenta mingħajr dewmien, u f'koordinament mill-qrib mas-sħab internazzjonali, l-aktar sanzjonijiet stretti u l-aktar wiesgħa possibbli kontra l-awturi Belarussi kollha ta' frodi elettorali, vjolenza u repressjoni fil-Belarussja u kontra individwi u entitajiet li jorganizzaw jew li jikkontribwixxu għal attivitajiet li jiffaċilitaw il-qsim illegali tal-fruntieri esterni tal-UE; jistieden lill-Kunsill ikompli jsegwi koordinament internazzjonali mmirat lejn l-iżolament imsaħħaħ tad-dittatur u tar-reġim tiegħu; jikkundanna bil-qawwa l-attakki ibridi tar-reġim ta' Lukashenka kontra l-UE, inkluż l-użu tal-migranti irregolari fil-fruntieri esterni tal-UE u l-istrumentalizzazzjoni tal-bnedmin għal skopijiet politiċi, bi ksur tan-normi internazzjonali; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jirreaġixxu malajr għat-theddid emerġenti f'konformità mad-dritt tal-Unjoni u mal-obbligi internazzjonali u biex tadatta l-politiki tal-PESK u l-migrazzjoni u l-ażil tagħha għall-isfidi l-ġodda; juri solidarjetà mal-Istati Membri li qed jiffaċċjaw tali theddid; jesprimi t-tħassib tiegħu rigward l-istazzjonament fuq skala kbira tat-truppi Russi fil-Belarussja, iqis tali skjerament bħala theddida għas-sigurtà Ewropea u għas-sovranità tal-Belarussja, u jitlob l-irtirar immedjat u r-rispett tal-imsemmija sovranità; jisħaq fuq l-appoġġ sod tiegħu għall-Belarussja demokratika u jenfasizza l-importanza ta' aktar involviment mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili Belarussa u tal-oppożizzjoni demokratika; jenfasizza l-importanza tal-pjattaforma tal-Parlament fil-ġlieda kontra l-impunità fil-Belarussja u jħeġġeġ l-użu tal-mezzi legali kollha disponibbli biex Lukashenka u l-membri tar-reġim tiegħu jitressqu quddiem il-ġustizzja;

    43.

    Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' żieda fl-impenn tal-UE u tal-Istati Membri fil-Kawkasu tan-Nofsinhar għall-istabbiltà u għall-prosperità tar-reġjun kif ukoll biex jiġu miġġielda l-influwenza u l-indħil tas-setgħat reġjonali; jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tal-President tal-Kunsill Ewropew biex itaffi l-kriżi politika fil-Georgia; iqisu bħala att ta' tmexxija tal-UE u jitlob approċċ simili għal sitwazzjonijiet ta' kriżi u ta' kunflitt fir-reġjun tas-SL u lil hinn minnu; isostni l-integrità territorjali tal-Georgia u jikkundanna l-okkupazzjoni Russa tat-territorji tal-Georgia, inklużi l-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali / l-Ossezja tan-Nofsinhar; ifakkar lir-Russja fl-obbligi internazzjonali tagħha skont il-ftehim ta' waqfien mill-ġlied tal-2008 medjat mill-UE taħt il-Presidenza Franċiża; jistieden lir-Russja taġixxi b'mod kostruttiv u tippermetti progress fid-Diskussjonijiet Internazzjonali ta' Ġinevra; jistieden lir-Russja tieqaf tikser id-drittijiet tal-bniedem fit-territorji okkupati tal-Georgia u jfakkar lill-Federazzjoni Russa fl-obbligu ġuridiċi tagħha bħala s-setgħa li teżerċita l-“kontroll effettiv”, kif innotat fis-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-każ tal-Il-Georgia vs ir-Russja (II) (11); jikkundanna l-provokazzjonijiet mill-forzi ta' okkupazzjoni, inkluż il-ħtif ta' ċittadini tal-Georgia, il-qtil, id-detenzjonijiet illegali u l-frunterizzazzjoni persistenti; jistieden lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-VP/RGħ jimpenjaw ruħhom b'mod attiv biex tinstab soluzzjoni dejjiema bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan dwar in-Nagorno-Karabakh u biex jipprevjenu eskalazzjoni ulterjuri tat-tensjonijiet fir-reġjun, b'mod partikolari billi jagħmlu pressjoni fuq l-Ażerbajġan u l-Armenja biex jindirizzaw kwistjonijiet ta' wara l-gwerra, inklużi d-demarkazzjoni tal-fruntieri u l-ħelsien tal-priġunieri tal-gwerra kollha li fadal; jinnota li l-Grupp ta' Minsk tal-OSKE jibqa' l-uniku format rikonoxxut fil-livell internazzjonali għar-riżoluzzjoni ta' dan il-kunflitt, abbażi tal-prinċipji tal-integrità territorjali, in-nonużu tal-forza, l-awtodeterminazzjoni u d-drittijiet ugwali, u r-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti; jitlob ir-ritorn rapidu tiegħu għar-rwol ta' medjazzjoni tiegħu;

    44.

    Itenni l-kundanna tiegħu tal-politiki aggressivi tar-Russja fir-rigward tal-Ukrajna, b'mod partikolari t-tisħiħ tal-forzi militari bla preċedent mal-fruntieri tal-Ukrajna, fid-Donbas okkupat u fil-Krimea illegalment annessa, u fil-Belarussja, l-appoġġ finanzjarju u militari kontinwu għall-formazzjonijiet armati illegali fid-Donbas, l-okkupazzjoni illegali tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u l-belt ta' Sevastopol, l-imblokk tal-Baħar ta' Azov u l-attakki ċibernetiċi u ibridi oħra ripetuti fil-konfront tal-Ukrajna; jissottolinja li t-tisħiħ tal-forzi militari Russi jirrappreżenta theddida għall-paċi, għall-istabbiltà u għas-sigurtà fl-Ewropa; jistieden lill-Gvern Russu jirtira l-forzi tiegħu mill-fruntieri tal-Ukrajna u jieqaf jhedded il-ġirien tiegħu; jisħaq fuq il-fatt li aggressjoni Russa ulterjuri fil-konfront tal-Ukrajna se twassal għal sanzjonijiet politiċi, ekonomiċi, finanzjarji u personali severi fil-konfront tal-Federazzjoni Russa, tal-ekonomija tagħha u tad-deċiżuri tagħha;; jilqa' pożittivament l-istabbiliment tal-Pjattaforma Internazzjonali tal-Krimea u jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE, lill-Istati Membri u lis-sħab kollha tal-istess fehma jimpenjaw ruħhom b'mod attiv f'din l-inizjattiva mmirata lejn ir-ripristinu tal-integrità territorjali tal-Ukrajna; itenni l-appoġġ tiegħu għall-Mejlis tal-Poplu tat-Tatari tal-Krimea bħala l-uniku organu rappreżentattiv rikonoxxut fil-livell internazzjonali tat-Tatari tal-Krimea u jfaħħar il-pożizzjoni indomabbli taċ-ċittadini tal-Ukrajna fil-Krimea okkupata, b'mod partikolari t-Tatari tal-Krimea; jitlob li tingħata spinta ġdida lill-Proċess ta' Minsk biex jintemm il-kunflitt militari fl-Ukrajna tal-Lvant; jappoġġa l-appelli kontinwi favur iżjed assistenza militari u fil-qasam tas-sigurtà kredibbli lill-Ukrajna fir-riformi tas-settur tas-sigurtà u dak militari tagħha, u qed jikkunsidra li jipprovdi taħriġ militari lill-uffiċjali tal-forzi armati tal-Ukrajna; jirrikonoxxi l-ewwel laqgħa tad-Djalogu Ċibernetiku bejn l-UE u l-Ukrajna u jitlob iżjed assistenza tal-UE fil-qasam taċ-ċibersigurtà lill-Ukrajna; jilqa' b'sodisfazzjon id-diskussjoni dwar Missjoni ta' Konsulenza u Taħriġ Militari tal-UE fl-Ukrajna u jesprimi l-appoġġ tiegħu;

    45.

    Jikkundanna bil-qawwa l-atti mifruxa ta' vjolenza li faqqgħu wara protesti paċifiċi fil-Każakistan f'Jannar 2022; jistieden lill-awtoritajiet tal-Każakistan jibdew investigazzjoni internazzjonali komprensiva u indipendenti dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali li seħħew matul id-diżordni;

    46.

    Jenfasizza l-urġenza tad-djalogu li għaddej dwar is-sigurtà fl-Ewropa bejn l-Istati Uniti, l-alleati Ewropej tagħha u r-Russja; jinsisti li l-UE jeħtiġilha tkun sieħeb integrali ta' dawn id-diskussjonijiet sabiex iżżomm l-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-istati Ewropej kollha, trawwem miżuri għall-bini tal-fiduċja u tnaqqas it-tensjonijiet fil-kontinent Ewropew; jenfasizza, fl-istess ħin, li jekk il-Federazzjoni Russa tinvadi l-Ukrajna, l-UE jeħtiġilha tkun ippreparata, flimkien mal-Istati Uniti u alleati u sħab mill-qrib oħra, li timponi sanzjonijiet estensivi kontra r-Russja;

    47.

    Itenni li l-Georgia u l-Ukrajna għandhom perspettiva Ewropea skont l-Artikolu 49 tat-TUE u jistgħu japplikaw biex isiru Stati Membri tal-Unjoni, dment li jaderixxu mal-kriterji ta' Copenhagen kollha u mal-prinċipji tad-demokrazija, jirrispettaw il-libertajiet fundamentali, id-drittijiet tal-bniedem u dawk tal-minoranzi u jiżguraw l-istat tad-dritt; jistieden, għalhekk, lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jirrikonoxxu l-perspettiva Ewropea tal-Georgia u tal-Ukrajna, li hija meqjusa bħala element ta' importanza vitali għas-sigurtà u l-istabbiltà tal-pajjiżi, kif ukoll bħala xprun biex ikomplu jimplimentaw ir-riformi interni;

    48.

    Jilqa' pożittivament il-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tal-VP/RGħ tad-9 ta' Frar 2021 dwar is-sħubija mġedda mal-viċinat tan-Nofsinhar (12) u jappoġġa l-prinċipji tal-paċi, stabbiltà, prosperità u dawk demokratiċi fir-reġjun; jistieden lill-Kummissjoni timplimenta bis-sħiħ l-inizjattivi deskritti f'din il-komunikazzjoni konġunta; jesprimi dispjaċir għall-fatt li, 25 sena wara t-tnedija tal-Proċess ta' Barċellona, il-bini ta' spazju komuni ta' prosperità, stabbiltà u libertà mal-pajjiżi Mediterranji tal-Viċinat tan-Nofsinhar għadu ma tlestiex; itenni, madankollu, l-appell tiegħu għal rieżami kuraġġuż tal-politika Ewropea tal-viċinat kollha fir-rigward tal-finanzjament u tal-għajnuna għad-dispożizzjoni tal-pajjiżi barranin ġirien tal-UE biex jiġi żgurat li s-sħab tal-viċinat jagħmlu progress f'dawk li huma riformi u jimpenjaw ruħhom favur djalogu u kooperazzjoni mill-qrib mal-UE, filwaqt li jiggarantixxu politiki mfasslin apposta;

    49.

    Ifakkar fl-impenn tal-UE fir-rigward tal-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani u l-konklużjoni ta' ftehim bejn iż-żewġ partijiet, inkluż dwar il-kwistjonijiet rigward qbil dwar l-istatus definittiv, billi tiffoka, b'mod partikolari, fuq il-ħtieġa li jinżammu l-kundizzjonijiet fil-prattika għal soluzzjoni paċifika msejsa fuq il-koeżistenza ta' żewġ stati, ibbażata fuq il-fruntieri tal-1967, b'Ġerusalemm kapitali taż-żewġ Stati, bi Stat ta' Iżrael sigur u Stat Palestinjan indipendenti, demokratiku, kontigwu u sostenibbli, li jgħixu flimkien fil-paċi u s-sigurtà, abbażi tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni u tar-rispett sħiħ tad-dritt internazzjonali; jitlob, f'dan l-ispirtu, li jitkomplew l-isforzi ġenwini ta' paċi mmirati lejn il-ksib ta' riżultati tanġibbli bejn iż-żewġ naħat bl-appoġġ tal-komunità internazzjonali; jitlob lill-UE żżid l-impenn tagħha biex terġa' tagħti ħajja lill-proċess ta' paċi bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani, anki permezz ta' miżuri tal-bini tal-fiduċja, djalogu reġjonali u kooperazzjoni trans-Atlantika akbar fir-reġjun kif ukoll billi tagħmel użu aħjar mill-influwenza tagħha lejn iż-żewġ partijiet; jisħaq fuq il-ħtieġa kontinwa li jiġi appoġġat il-forniment ta' servizzi vitali lill-miljuni ta' refuġjati Palestinjani madwar il-Lvant Nofsani; jitlob, għalhekk, li jingħata appoġġ kontinwu tal-UE u internazzjonali – kemm politiku kif ukoll finanzjarju – lill-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-NU għar-Refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA);

    50.

    Jitlob it-tmiem tal-azzjonijiet li jistgħu jimminaw il-fattibbiltà tas-soluzzjoni ta' żewġ stati fil-prattika, bħall-bini ta' insedjamenti ta' Iżrael u t-twaqqigħ ta' djar u infrastruttura Palestinjani fix-Xatt tal-Punent okkupat, inkluż f'Ġerusalemm tal-Lvant; jitlob soluzzjoni politika biex jintemm l-imblokk tal-kriżi umanitarja fl-Istrixxa ta' Gaża u biex dan jittaffa, inklużi l-garanziji ta' sigurtà meħtieġa biex tiġi evitata l-vjolenza kontra Iżrael; jikkundanna bil-qawwa t-terroriżmu; jenfasizza l-importanza tal-elezzjonijiet Palestinjani għar-ripristinu tal-leġittimità demokratika ta' appoġġ popolari għall-istituzzjonijiet politiċi fil-Palestina;

    51.

    Jenfasizza l-anniversarju ta' sena mill-Ftehimiet ta' Abram u jisħaq fuq l-importanza tagħhom għall-paċi, l-istabbiltà u l-kooperazzjoni fir-reġjun; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jappoġġaw in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn Iżrael u l-Istati Għarab permezz tal-implimentazzjoni u l-estensjoni tal-Ftehimiet ta' Abram bħala kontribut importanti biex tinkiseb paċi dejjiema fil-Lvant Nofsani; jirrikonoxxi r-rwol importanti li kellhom l-Istati Uniti;

    52.

    Jesprimi tħassib gravi għas-sitwazzjoni fil-Libanu u jħeġġeġ bil-qawwa lill-Gvern Libaniż jopera b'mod kredibbli, responsabbli u orjentat lejn il-missjoni, li jkun ħieles minn indħil barrani; jisħaq fuq ir-responsabbiltà partikolari ta' Hezbollah u ta' fazzjonijiet oħrajn fir-repressjoni tal-moviment popolari Libaniż fl-2019 u fil-kriżi politika u ekonomika tal-Libanu; jistieden lill-Iran jastjeni milli jindaħal fl-affarijiet interni tal-Libanu u jitlob li s-sovranità u l-indipendenza politika tal-Libanu jiġu rrispettati; jikkundanna bil-qawwa l-isparar ta' rokits minn Hezbollah min-Nofsinhar tal-Libanu lejn żoni ċivili f'Iżrael; jirrifjuta kwalunkwe rwol għall-President Bashar al-Assad fis-Sirja ta' wara l-kunflitt b'referenza għar-riżoluzzjoni 2254 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jilqa' b'sodisfazzjon u jappoġġa l-inkjesti kriminali mmirati lejn al-Assad u l-assoċjati tiegħu rigward l-użu ta' armi kimiċi u jżommhom responsabbli għal bosta delitti tal-gwerra; jirrakkomanda li l-Istati Membri jespandu l-lista ta' dawk soġġetti għal sanzjonijiet immirati biex tinkludi uffiċjali ċivili u militari fir-reġim ta' Assad li huma implikati b'mod kredibbli f'delitti tal-gwerra, f'delitti kontra l-umanità u fi ksur gravi ieħor; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta pjan ta' azzjoni tal-UE dwar l-impunità, b'kapitolu speċifiku dwar is-Sirja; jisħaq li dan il-pjan ta' azzjoni għandu jfittex koordinament u armonizzazzjoni aħjar fir-riżorsi u fl-isforzi tal-Istati Membri biex il-kriminali tal-gwerra jitressqu quddiem il-ġustizzja fl-UE;

    53.

    Jinsab imħasseb ħafna dwar il-politika estera dejjem aktar assertiva tal-Gvern Tork, li mhux darba jew tnejn qiegħdet lill-pajjiż f'tilwima mal-UE kollha kemm hi, mal-Istati Membri individwali tagħha u ma' pajjiżi ġirien; jinnota li skont ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2021 dwar it-Turkija tad-19 ta' Ottubru 2021 (13), it-Turkija żammet rata ta' allinjament tal-PESK baxxa ħafna ta' madwar 14 % f'Awwissu 2021; ifakkar fis-sitwazzjoni li ilha sejra għall-agħar f'dak li għandu x'jaqsam mad-drittijiet tal-bniedem u mad-demokrazija fit-Turkija; jinnota li l-finanzjament tal-UE lit-Turkija se jkun soġġett għal regoli marbuta mal-kundizzjonalità, inkluż ir-rispett tal-prinċipji tal-Karta tan-NU, tad-dritt internazzjonali u tal-valuri u tal-prinċipji Ewropej; jitlob li jissokta d-djalogu diplomatiku biex jinstabu soluzzjonijiet sostenibbli għat-tilwim fil-Lvant tal-Mediterran; jirrikonoxxi li t-Turkija se tkompli tkun pajjiż ta' interess strateġiku fundamentali għall-UE u li l-impenn jeħtieġ li jiġi intensifikat f'oqsma ta' interess komuni, b'enfasi speċjali fuq ċerti oqsma ta' politika bħat-tibdil fil-klima, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-migrazzjoni, is-sigurtà u jtenni l-apprezzament tiegħu lit-Turkija talli ospitat miljuni ta' migranti u rifuġjati Sirjani; u l-ekonomija; jilqa' pożittivament, f'dan ir-rigward, id-djalogu ta' livell għoli reċenti u li sar għall-ewwel darba dwar il-migrazzjoni u s-sigurtà; jikkonkludi li bħalissa, il-prospettiva li t-Turkija ssir Stat Membru tal-UE mhuwiex realistiku; jinsisti b'konvinzjoni, għalhekk, li, jekk it-tendenza negattiva attwali ma titreġġax lura b'mod urġenti u konsistenti, f'konformità mal-qafas ta' negozjar minn Ottubru 2005, il-Kummissjoni għandha tirrakkomanda s-sospensjoni formali tan-negozjati ta' adeżjoni mat-Turkija, sabiex iż-żewġ naħat jirrieżaminaw b'mod realistiku u permezz ta' djalogu strutturat u ta' livell għoli, l-adegwatezza tal-qafas attwali u l-kapaċità tiegħu li jiffunzjona u biex jiġu esplorati mudelli komprensivi ġodda u alternattivi possibbli għar-relazzjonijiet futuri; ifakkar fil-fatt li l-UE hija lesta li tuża l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħha, inklużi sanzjonijiet, biex tiddefendi l-interessi tagħha u dawk tal-Istati Membri tagħha kif ukoll biex tħares l-istabbiltà reġjonali;

    54.

    Jissottolinja l-importanza tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, inkluż tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq kif ukoll tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni; jisħaq fuq l-importanza tal-Protokoll għaż-żamma tal-paċi u tal-istabbiltà, u għall-integrità u għall-funzjonament xieraq tas-suq uniku Ewropew; jilqa' favorevolment il-passi lejn l-istabbiliment ta' Assemblea Parlamentari ta' Sħubija għall-Membri tal-Parlament Ewropew u għall-Membri tal-Parlament tar-Renju Unit, kif previst fil-ftehim; jibqa' miftuħ għal aktar żvilupp u tisħiħ tal-qafas ta' kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit, li jista' jwassal għal ftehim dwar il-politika estera, ta' sigurtà u ta' difiża u l-kwistjonijiet ta' tħassib komuni; jissottolinja, f'dak ir-rigward, l-importanza ta' kooperazzjoni mill-qrib bejn l-UE u r-Renju Unit fil-fora internazzjonali, b'mod partikolari n-NU, filwaqt li jitqiesu l-bosta valuri u interessi kondiviżi u l-prossimità ġeografika;

    55.

    Jissottolinja l-bżonn li tissaħħaħ il-kooperazzjoni trans-Atlantika bejn l-UE u l-Istati Uniti fuq il-bażi ta' sħubija bejn partijiet ugwali, ibbażata fuq valuri u objettivi kondiviżi u fuq il-prinċipju ta' sħubija fit-tmexxija u r-responsabbiltà, filwaqt li jiġu rrispettati l-awtonomija, l-interessi u l-aspirazzjonijiet tal-parti l-oħra; jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan il-kuntest, id-dikjarazzjoni “Towards a renewed Transatlantic partnership” (Lejn sħubija Trans-Atlantika mġedda) tas-summit bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-2021, li sservi ta' bażi tajba għal aġenda trans-Atlantika ambizzjuża; isostni b'mod sħiħ u jimpenja ruħu li jsegwi sinerġiji u objettivi komuni fil-qasam tal-politika estera u ta' sigurtà billi jkompli japprofondixxi l-kooperazzjoni fil-qafas tad-djalogu trans-Atlantiku bejn l-UE u l-Istati Uniti biex jindirizza bosta mill-isfidi globali ewlenin bħat-tibdil fil-klima u t-theddida kkawżata minn reġimi awtoritarji u totalitarji; jilqa' b'sodisdazzjon il-varar tal-Kunsill Trans-Atlantiku tal-Kummerċ u t-Teknoloġija; jirrakkomanda li s-summits bejn l-UE u l-Istati Uniti jsiru fuq bażi regolari sabiex jagħtu spinta sostnuta fl-ogħla livell għal kooperazzjoni trans-Atlantika essenzjali; itenni l-appoġġ tiegħu għall-istabbiliment ta' Kunsill Politiku Trans-Atlantiku, immexxi mill-kapijiet tal-politika estera taż-żewġ partijiet; jissottolinja li relazzjoni trans-Atlantika b'saħħitha tirrikjedi wkoll li l-UE tkompli tiżviluppa l-kapaċitajiet tagħha li taġixxi; jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tadatta malajr għar-rwol li qed jinbidel tal-Istati Uniti fix-xena globali sabiex tissalvagwardja l-interessi essenzjali tagħha u ssegwi l-għanijiet tal-politika estera tagħha; jissottolinja li l-UE u l-Istati Uniti jeħtiġilhom jikkoordinaw l-isforzi tagħhom biex jiġġieldu t-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni u jiżguraw li l-isforzi li jsiru jkunu appoġġati mir-riżorsi meħtieġa; jitlob lill-UE u lill-Istati Uniti jindirizzaw b'mod kollaborattiv it-theddid konsistenti u li qed jikber għall-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-wirt kulturali, b'mod partikolari fiż-żoni ta' kunflitt;

    56.

    Jenfasizza li r-relazzjonijiet tal-UE mal-Afrika huma ta' importanza kbira sabiex iwieġbu l-ħtiġijiet u biex jiġi żviluppat il-potenzjal kbir tal-pajjiżi sħab kif ukoll biex jiġu segwiti l-interessi kondiviżi; jissottolinja li din ir-relazzjoni mal-kontinent ġar tal-UE għandha tirrifletti destin komuni u għandha tiffoka fuq il-ħolqien ta' perspettiva kredibbli, b'mod partikolari għall-ġenerazzjonijiet l-aktar ġodda; jilqa' pożittivament il-komunikazzjoni konġunta tad-9 ta' Marzu 2020 tal-Kummissjoni u tal-VP/RGħ intitolata “Lejn strateġija komprensiva mal-Afrika” (14), u jtenni l-appell tiegħu li mmorru lil hinn mir-relazzjoni bejn id-donatur u d-destinatarju u li niffavorixxu sħubija vera, bl-iżvilupp tal-bniedem u bil-protezzjoni tar-riżorsi naturali fil-qalba tagħha; jinsisti fuq il-bżonn, f'dan ir-rigward, li l-Kummissjoni u l-VP/RGħ jiġu mistiedna jidħlu aktar fil-fond fid-diskussjonijiet mas-sħab Afrikani tal-UE – kemm mal-pajjiżi individwali kif ukoll mal-organizzazzjonijiet reġjonali, bħall-Mekkaniżmu Ekonomiku Reġjonali u l-Komunitajiet Ekonomiċi Reġjonali li jiffurmaw l-Unjoni Afrikana (UA); jisħaq fuq l-importanza li l-UA u l-komponenti reġjonali tagħha jiġu appoġġati fl-isforzi tagħhom biex jistabbilixxu arkitettura ta' sigurtà effikaċi għall-prevenzjoni tal-kunflitti u għall-ġestjoni tal-kunflitti permezz ta', fost affarijiet oħrajn, appoġġ komprensiv għall-operazzjonalizzazzjoni tal-Forza Afrikana ta' Intervent fil-Pront u l-komponenti reġjonali tagħha; jitlob l-implimentazzjoni stretta tal-SDGs fl-oqsma kollha tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Afrika; jilqa' b'sodisfazzjon il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Wara Cotonou f'April 2021 u t-tisħiħ tar-rabtiet tal-UE mal-pajjiżi tal-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku u ż-żieda fil-kooperazzjoni fil-fora multilaterali dwar l-Aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-azzjoni dwar il-klima; jesprimi tħassib dwar id-dewmien biex isir progress fl-iffirmar tal-Ftehim ta' Wara Cotonou; jieħu nota tal-ftehimiet ta' riammissjoni mal-pajjiżi Afrikani;

    57.

    Huwa mħasseb serjament dwar in-nuqqas ta' sigurtà li dejjem qed tikber fir-reġjun tas-Saħel li taffettwa s-sigurtà u l-kundizzjonijiet tal-ħajja ta' numru enormi ta' ċivili u l-għadd li qiegħed jiżdied b'mod drammatiku ta' attakki minn militanti Iżlamisti li qed ikollhom impatt serju fuq l-istabbiltà fir-reġjun, b'mod partikolari għall-Mali u l-Burkina Faso; jappella lill-UE u lill-G5 tas-Saħel jieħdu passi biex jevitaw kollass fis-sigurtà fir-reġjun usa'; jilqa' pożittivament, f'dan ir-rigward, is-sħubija mġedda bejn in-NATO u l-Mauritania, li hija l-alleat reġjonali ewlieni tal-UE u li l-forzi tagħha jinsabu fuq quddiem nett fil-ġlieda kontra t-terroriżmu fir-reġjun; jikkundanna l-preżenza fl-Afrika ta' kumpaniji militari u ta' sigurtà privati, b'mod partikolari l-Grupp Wagner Russu appoġġjat mill-Kremlin li kkommetta ksur mifrux tad-drittijiet tal-bniedem filwaqt li aġixxa b'appoġġ għall-interessi ta' Stati mhux demokratiċi, għad-detriment ta' persuni ċivili u tas-sigurtà, l-istabbiltà u l-prosperità ta' pajjiżi Afrikani mifnija bil-gwerra; jinsisti fuq il-ħtieġa li l-istrateġija UE-Afrika tiġi aġġornata permezz ta' approċċ integrat li jista' jiżgura s-sigurtà u l-iżvilupp sabiex tinkiseb l-istabbiltà fis-sitwazzjoni inkwetanti fis-Saħel, filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi osservati fl-2021 u minħabba l-instabbiltà dejjem akbar li hemm u l-impatt ewlieni li għandhom l-avvenimenti fir-reġjun mhux biss għall-Afrika, iżda wkoll għall-UE u l-Istati Membri tagħha; jenfasizza, fid-dawl ta' dan, il-ħtieġa li jkun hemm kollaborazzjoni dwar strateġija fl-oqsma tad-difiża, tal-iżvilupp u tal-bini tal-paċi biex tiġi miġġielda ż-żieda ġiħadista fir-reġjun tas-Saħel u f'partijiet oħrajn tal-Afrika;

    58.

    Jinsab imħasseb bil-kbir bl-iżviluppi fir-Russja u jtenni l-interess tal-UE biex jinżammu l-libertà, l-istabbiltà u l-paċi fil-kontinent Ewropew u lil hinn minnu; jemmen li l-UE għandha tikkoopera u tikkoordina mill-qrib man-NATO u ma' sħab oħrajn biex tiskoraġġixxi lir-Russja milli twettaq azzjonijiet destabbilizzanti u sovversivi fl-Ewropa, b'mod partikolari fl-Istati Baltiċi u fl-Ewropa tal-Lvant, inkluż permezz ta' ndħil elettorali, kampanji ta' diżinformazzjoni u appoġġ għall-partiti tal-lemin estrem; jenfasizza l-ħtieġa li jiżdiedu l-konsegwenzi li jkollhom iħallsu l-awtoritajiet Russi għar-repressjoni taċ-ċittadini tagħhom stess; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-forzi militari Russi għadhom jokkupaw partijiet mill-Ukrajna u mill-Georgia bi ksur tad-dritt internazzjonali, li għadhom preżenti fir-Repubblika tal-Moldova, u li r-Russja tkompli tiddestabbilizza l-paċi u s-sigurtà fir-reġjun u tuża b'mod attiv miżuri ibridi kontra d-demokraziji fl-Ewropa; jinsab allarmat bl-indħil Russu fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent, li jsir permezz ta' tattiki ibridi li jinkludu kampanji ta' diżinformazzjoni maħsubin biex jimminaw ir-rwol u l-impenn tal-UE għall-futur Ewropew tal-pajjiżi individwali; jisħaq fuq il-ħtieġa li nitkellmu b'vuċi waħda rigward il-politika tal-UE f'dak il-kuntest, inkluż dwar l-infurzar tas-sanzjonijiet; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tikkoordina aktar mill-qrib l-istrateġija tagħha dwar ir-Russja mal-Istati Membri sabiex l-UE tippreżenta front magħqud quddiem it-theddid Russu; jissottolinja li l-Parlament irrakkomanda li l-UE tirrieżamina, flimkien mal-Istati Membri, il-politika tal-UE fir-rigward tar-Russja, u tiżviluppa strateġija komprensiva tal-UE għaliha; iħeġġeġ lill-UE tiżviluppa strateġija dwar ir-relazzjonijiet futuri tal-UE ma' Russja demokratika, li turi b'mod ċar lill-poplu tar-Russja l-vantaġġi li tali relazzjonijiet jistgħu jġibu magħhom; jissottolinja li ma jista' jkun hemm l-ebda bidla sostanzjali fir-relazzjonijiet mar-Russja sakemm din issegwi politiki aggressivi fil-konfront tal-UE u tal-ġirien tagħha; itenni li l-UE trid tagħmilha ċara li jekk ir-Russja tkompli l-politika attwali tagħha dwar il-Belarussja, l-UE se jkollha tintroduċi miżuri addizzjonali ta' trażżin u deterrenza fuq ir-Russja; jesprimi tħassib dwar il-ksur ripetut min-naħa tar-Russja tal-ftehimiet u l-istandards dwar il-kontroll tal-armi, li wasslu għall-kollass tat-Trattat dwar il-Forzi Nukleari ta' Medda Intermedja, kif ukoll il-ksur tar-Russja tal-konvenzjoni dwar l-armi kimiċi, bl-użu ta' aġenti nervini ta' tip militari, kemm fit-territorju tagħha stess kif ukoll fit-territorju tal-UE; jissottolinja l-ħtieġa li tkun eżerċitata pressjoni fuq il-Federazzjoni Russa biex tikkonforma mad-dritt u mat-trattati internazzjonali; jiddeplora l-użu tar-riżorsi tal-enerġija mir-Russja bħala strument ġeopolitika ta' pressjoni, b'mod partikolari l-provvista tagħha ta' gass lill-Istati Membri permezz tal-Ukrajna, u jitlob li d-dipendenza enerġetika mir-Russja tiġi minimizzata billi tiġi mħeġġa d-diversifikazzjoni tas-sorsi u tar-rotot tal-enerġija, inkluż billi jitwaqqaf il-proġett Nord Stream 2; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu s-sigurtà tal-enerġija Ewropea, speċjalment fid-dawl taż-żieda attwali fil-prezzijiet tal-gass u tal-elettriku; iħeġġeġ lill-UE timpenja ruħha aktar mill-qrib mal-poplu Russu, anki billi tiżviluppa objettiv ta' “impenn” definit b'mod ċar, li għandu jkun iċċentrat mhux biss fuq l-impenn selettiv tradizzjonali mal-Kremlin, iżda wkoll fuq impenn “strateġiku” u aktar dinamiku mal-oppożizzjoni Russa u mas-soċjetà ċivili;

    59.

    Jisħaq li l-Artiku għandu importanza strateġika u ġeopolitika għall-UE u jissottolinja l-impenn tal-UE li tkun attur responsabbli, li jimmira lejn l-iżvilupp sostenibbli u paċifiku fit-tul tar-reġjun; jenfasizza l-kumplessità unika tal-isfidi li għandu quddiemu r-reġjun Artiku, li jirrikjedu aktar soluzzjonijiet u impenn min-naħa tal-UE, filwaqt li jitqiesu wkoll l-għarfien u r-rieda tal-abitanti tal-Artiku, inklużi l-popli indiġeni; jilqa' pożittivament, f'dan ir-rigward, il-komunikazzjoni konġunta tat-13 ta' Ottubru 2021 tal-Kummissjoni u tal-VP/RGħ intitolata “Impenn aktar b'saħħtu tal-UE għal Artiku paċifiku, sostenibbli u prosperu” (15); jistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha jirreaġixxu għall-effetti u għall-konsegwenzi tassew allarmanti tat-tibdil fil-klima fl-Artiku; jenfasizza li l-prospettiva tal-militarizzazzjoni tal-Artiku ġġib magħha riskji sostanzjali ta' sigurtà fir-reġjun u lil hinn minnu u huwa mħasseb dwar il-konsegwenzi potenzjali tal-kwistjonijiet ta' sigurtà globali fl-Artiku u dwar it-tisħiħ tal-forzi militari Russi progressiv u sostanzjali fl-Artiku kif ukoll l-impatt ta' inizjattivi u ambizzjonijiet estensivi ta' żvilupp u infrastruttura Ċiniżi fir-reġjun; josserva li l-Artiku jiżvolġi rwol kruċjali fis-sigurtà tal-Ewropa kollha kemm hi; jisħaq li l-UE jeħtiġilha jkollha viżjoni ċara tar-rwol tagħha fi kwistjonijiet ta' sigurtà fl-Artiku flimkien ma' kooperazzjoni tajba man-NATO; jenfasizza l-importanza li jiġu rrispettati l-liġijiet u l-ftehimiet internazzjonali biex l-Artiku jinżamm żona ta' tensjoni baxxa; jitlob li tingħata attenzjoni aktar mill-qrib lill-ewwel kejbil fibrottiku tal-Artiku, bħala parti mis-sistema ċentrali tal-internet, li qed issir dejjem aktar is-suġġett ta' operazzjonijiet ta' intelligence internazzjonali; iħeġġeġ lill-membri tal-Kunsill tal-Artiku jindirizzaw il-militarizzazzjoni miżjuda u jfittxu pjattaformi biex jindirizzaw dan b'mod adegwat kemm mal-membri kif ukoll ma' dawk li mhumiex membri tal-Kunsill tal-Artiku; huwa favur iż-żieda fl-isforzi tal-UE biex tikseb status ta' osservatur fil-Kunsill tal-Artiku għal influwenza ġeopolitika aktar b'saħħitha;

    60.

    Jenfasizza li ċ-Ċina hija sieħeb ta' kooperazzjoni u negozjar għall-UE, iżda hija wkoll kompetitur f'għadd dejjem akbar ta' oqsma, u rivali sistemiku; itenni, kif sottolinjat fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Settembru 2021 dwar strateġija ġdida bejn l-UE u ċ-Ċina (16), l-appell tiegħu lill-UE biex tiżviluppa strateġija UE-Ċina aktar assertiva, komprensiva u konsistenti li tgħaqqad lill-Istati Membri kollha u tifforma relazzjonijiet ma' Ċina dejjem aktar assertiva u intervenzjonista fl-interess tal-UE kollha kemm hi; jenfasizza li din l-istrateġija għandha tippromwovi ordni multilaterali bbażat fuq ir-regoli, ikollha d-difiża tal-valuri u l-interessi tal-UE fil-qalba tagħha u għandha tissejjes fuq it-tliet prinċipji tal-kooperazzjoni fejn possibbli, tal-kompetizzjoni fejn meħtieġa u tal-konfront fejn neċessarju; jitlob kooperazzjoni akbar bejn il-pajjiżi demokratiċi biex jiġu indirizzati l-assertività u r-repressività dejjem akbar tal-Partit Komunista Ċiniż;

    61.

    Jirrakkomanda ħafna l-parteċipazzjoni sinifikattiva tat-Tajwan, bħala osservatur, fil-laqgħat, fil-mekkaniżmi u fl-attivitajiet tal- organizzazzjonijiet internazzjonali u għal kooperazzjoni aktar profonda bejn l-UE u t-Tajwan, inkluż ftehim bilaterali ta' investiment (BIA); jistieden lill-VP/RGħ u lill-Kummissjoni jibdew b'mod urġenti valutazzjoni tal-impatt, konsultazzjoni pubblika u eżerċizzju dwar l-ambitu fuq BIA mal-awtoritajiet tat-Tajwan bi tħejjija għan-negozjati biex jiġu approfonditi r-rabtiet ekonomiċi bilaterali; jinnota bi tħassib serju l-wiri reċenti tal-forza u l-intesifikazzjoni tat-tensjonijiet f'hotspots reġjonali bħall-Baħar tan-Nofsinhar u l-Baħar tal-Lvant taċ-Ċina u l-Istrett tat-Tajwan; jesprimi tħassib serju dwar il-manuvri militari kontinwi taċ-Ċina fl-Istrett tat-Tajwan, inklużi dawk immirati lejn it-Tajwan jew li jseħħu fiż-Żona ta' Identifikazzjoni tad-Difiża tal-Ajru tat-Tajwan; jistieden lir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina twaqqaf dan it-theddid militari li joħloq theddid serju għall-paċi u l-istabbiltà fl-Istrett tat-Tajwan u fir-reġjun Indo-Paċifiku; itenni li r-relazzjoni bejn iċ-Ċina u t-Tajwan għandha tiġi żviluppata b'mod kostruttiv permezz ta' djalogu; jisħaq li l-oppożizzjoni tiegħu għal kwalunkwe azzjoni unilaterali tista' ddgħajjef l-istatus quo tal-Istrett ta' Tajwan; jisħaq li kwalunkwe bidla fir-relazzjonijiet bejn iċ-Ċina u t-Tajwan ma tridx issir kontra r-rieda taċ-ċittadini Tajwaniżi; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jassumu rwol proattiv fil-kollaborazzjoni ma' sħab internazzjonali tal-istess fehma biex jippruvaw jiksbu l-paċi u l-istabbiltà fl-Istrett tat-Tajwan, u biex jistabbilixxu sħubijiet mal-Gvern demokratiku tat-Tajwan;

    62.

    Jikkundanna bil-qawwa l-ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina, b'mod partikolari kontra l-minoranzi etniċi u reliġjużi li, fil-biċċa l-kbira, jimmiraw lejn l-Ujguri Musulmani, l-Insara u t-Tibetani, iżda jikkundanna wkoll ir-repressjoni tad-demokrazija u tal-libertajiet fil-Macao u f'Hong Kong, inkluż permezz tal-impożizzjoni tal-Liġi Nazzjonali dwar is-Sigurtà ħarxa fl-2020; jikkundanna l-imġiba aggressiva taċ-Ċina fil-Baħar tan-Nofsinhar u fil-Baħar tal-Lvant taċ-Ċina li għandha impatt fuq il-libertà ta' navigazzjoni, kif ukoll il-pożizzjoni reviżjonista taċ-Ċina fl-Asja tal-Lvant, li rriżultat f'għadd ta' ġlied fil-fruntieri mal-ġirien tagħha;

    63.

    Itenni l-kundanna qawwija tiegħu tas-sanzjonijiet mingħajr bażi u arbitrarji imposti mill-awtoritajiet Ċiniżi fuq diversi individwi u entitajiet Ewropej, inklużi ħames Membri tal-Parlament Ewropew; itenni l-appell tiegħu lill-Gvern Ċiniż biex ineħħi dawn il-miżuri restrittivi kompletament inġustifikati;

    64.

    Jikkundanna l-azzjonijiet tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina f'Hong Kong u jissottolinja li l-imminar kontinwu tal-awtonomija ta' Hong Kong mhux biss imur kontra l-obbligi tat-trattati bilaterali taċ-Ċina u d-dritt internazzjonali, iżda jqajjem ukoll dubju fir-rigward tar-rwol ta' Beijing bħala sieħeb kredibbli; isaħħaħ l-impenn tiegħu għas-sanzjonijiet immirati skont ir-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem kontra l-uffiċjali Ċiniżi involuti fil-ksur tad-drittijiet tal-bniedem f'Hong Kong u fix-Xinjiang, u jħeġġeġ ukoll lill-Kunsill jadotta sanzjonijiet immirati, inkluża l-implimentazzjoni ta' projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi, kontra individwi u entitajiet f'Hong Kong u fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt internazzjonali f'Hong Kong; jistieden lil dawk l-Istati Membri li għad għandhom trattati ta' estradizzjoni maċ-Ċina u Hong Kong biex jissospendu l-estradizzjonijiet individwali kull meta l-estradizzjoni ta' individwu tpoġġih f'riskju ta' tortura jew ta' trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti, jekk dak l-individwu jkun sottopost għal akkużi għal raġunijiet politikament motivati, f'sitwazzjonijiet oħrajn li fihom b'mod ġenerali jkunu mmirati l-minoranzi etniċi, ir-rappreżentanti tal-oppożizzjoni favur id-demokrazija f'Hong Kong u d-dissidenti, u kull meta dan ikun qed jikser l-obbligi tal-UE fl-ambitu tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

    65.

    Jissottolinja l-importanza li l-UE tingħaqad mas-sħab trans-Atlantiċi tagħha fit-twettiq ta' investigazzjoni esterna indipendenti dwar l-oriġini tal-virus tal-COVID-19 li oriġina f'Wuhan, fiċ-Ċina, sabiex jinstabu it-tweġibiet u l-informazzjoni tant meħtieġa dwar il-prevenzjoni possibbli ta' diżastri globali futuri li jaffettwaw direttament il-politika estera u ta' sigurtà;

    66.

    Jiddenunzja l-koerċizzjoni min-naħa tal-Partit Komunista Ċiniż fil-konfront tal-Litwanja u tal-Istati Membri u ta' sħab oħrajn tal-UE, u jitlob solidarjetà akbar mal-pajjiżi suġġetti għall-koerċizzjoni min-naħa tal-Partit Komunista Ċiniż, inkluż permezz ta' kollaborazzjoni mal-alleati demokratiċi tagħna fil-ftuħ tas-swieq tagħna għal ekonomiji li qed ibatu mill-koerċizzjoni ekonomiku min-naħa tal-Partit Komunista Ċiniż; jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tvara każ kontra ċ-Ċina fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ biex tiddefendi lil-Litwanja;

    67.

    Jilqa' pożittivament il-fatt li l-President tal-Kummissjoni ħabbret il-pjanijiet għall-preżentazzjoni ta' komunikazzjoni konġunta ġdida dwar sħubija mar-reġjun tal-Golf; jistieden lill-UE tippreżenta strateġija koerenti għal impenn ibbilanċjat tal-UE fir-reġjun, bil-promozzjoni tas-sigurtà u tal-kooperazzjoni reġjonali bħala objettiv strateġiku fundamentali; jinnota li tali impenn għandu jistinka biex jinħolqu sinerġiji mal-atturi reġjonali, bħal permezz tal-Konferenza ta' Bagdad għall-Kooperazzjoni u s-Sħubija u permezz ta' appoġġ akbar tal-UE għall-inizjattivi ta' djalogu Track II li jinvolvu d-dinja akkademika, is-soċjetà ċivili, il-mexxejja reliġjużi u atturi oħrajn; huwa mħeġġeġ mit-taffija tat-tensjonijiet bejn l-Iran u l-Arabja Sawdija u jistieden liż-żewġ pajjiżi jikkonkludu malajr il-proċess ta' ripristinu tar-relazzjonijiet diplomatiċi sħaħ; itenni li l-prijorità tal-UE tikkonsisti fir-reintroduzzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt (PAKK) għal finijiet ta' sigurtà għall-Ewropa u għar-reġjun; ifakkar fil-fatt li l-PAKK jibqa' l-uniku mod biex jieqfu l-attivitajiet nukleari inkwetanti tal-Iran; ifaħħar ir-rwol tal-VP/RGħ u tas-SEAE fil-medjazzjoni bejn l-Istati Uniti u l-Iran fl-isforzi biex il-PAKK jiġi introdott mill-ġdid; jistieden lill-Istati Uniti u lill-Iran isegwu negozjati sinifikattivi bil-għan li jirritornaw għall-konformità mal-PAKK; jinsisti li t-triq lejn ir-reintroduzzjoni tal-PAKK tgħaqqad ir-ritorn sħiħ tal-Iran għall-obbligi tiegħu skont il-PAKK mat-tneħħija tas-sanzjonijiet kollha tal-Istati Uniti relatati mal-PAKK; jinnota l-ħtieġa li jiġu indirizzati u miġġielda l-attivitajiet malizzjużi u destabbilizzanti usa' tal-Iran fil-Lvant Nofsani u lil hinn minnu, inkluż fit-territorju tal-Istati Membri; jisħaq li kwalunkwe ftehim mal-Iran jeħtieġ li jinkludi garanziji suffiċjenti sabiex l-Iran ma jkunx jista' jikseb armi nukleari; jesprimi tħassib serju dwar in-nuqqas ta' aċċess għat-tagħmir ta' monitoraġġ u ta' sorveljanza tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) irrappurtat f'faċilitajiet u f'postijiet nukleari fl-Iran, li jostakola ħafna l-kapaċità tal-IAEA li tivverifika u timmonitorja l-attivitajiet nukleari tal-Iran, u dwar il-fatt li l-kwistjonijiet tal-garanziji għadhom ma ssolvewx f'dawn l-aħħar sentejn; jikkundanna l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem tal-Iran kontra l-poplu tiegħu stess, il-programm tal-missili ballistiċi u l-attivitajiet ta' terroriżmu fir-reġjun;

    68.

    Jissottolinja li s-sitwazzjoni fl-Afganistan isservi ta' twissija biex l-UE tivvaluta mill-ġdid l-approċċ internazzjonali għall-bini tan-nazzjon barra mill-pajjiż u biex tfassal mill-ġdid b'mod strateġiku approċċ integrat tal-politiki esterni tagħha, biex iżżid is-sehem tagħha ta' responsabbiltà fis-sigurtà globali u biex timmira lejn sovranità akbar fil-politika estera u ta' sigurtà tagħha; jinsab imħasseb bis-sitwazzjoni umanitarja, politika, ekonomika u ta' sigurtà drammatika fl-Afganistan, b'mod partikolari peress li ċittadini Afgan minn kull tlieta jbati ġuħ kbir; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jżidu l-għajnuna umanitarja u jużaw l-istrumenti kollha disponibbli sabiex jiżguraw li l-Afgani f'riskju jkollhom aċċess għall-protezzjoni; jisħaq fuq il-bżonn li r-reġim Taliban jerfa' r-responsabbiltà u jagħti kont ta' għemilu f'dawk li huma l-protezzjoni tal-ħajja tal-bniedem u tal-proprjetà u għar-ripristinu tas-sigurtà, tal-ordni ċivili u tas-servizzi pubbliċi; itenni li n-nisa u l-bniet Afgani, in-nies fi professjonijiet marbutin mas-soċjetà ċivili Afgana, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-attivisti politiċi, il-ġurnalisti, id-dinja akkademika, l-artisti, il-minoranzi reliġjużi u etniċi u gruppi oħrajn f'riskju, bħall-persuni Afgani kollha, jistħoqqilhom li jgħixu fis-sikurezza, fis-sigurtà u fid-dinjità u li jkollhom aċċess sħiħ għall-edukazzjoni u għall-ħajja pubblika, u jilqa' pożittivament l-appoġġ internazzjonali estensiv għad-drittijiet u għal-libertajiet tagħhom; jitlob l-evakwazzjoni ulterjuri tal-Afgani f'riskju, b'mod partikolari l-imħallfin nisa, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti, il-persunal lokali u persuni oħrajn f'riskju minħabba l-attivitajiet tagħhom fil-promozzjoni tad-demokrazija u tal-libertajiet fundamentali; jistieden lill-UE żżomm ir-riżultati li kisbet f'dawn l-aħħar 20 sena u tiżgura li l-Afganistan ma jerġax jinbidel f'rifuġju sikur għall-gruppi terroristiċi; jistieden lill-UE twettaq skrutinju bir-reqqa u li tislet tagħlimiet mill-impenn li dan 20 sena fl-Afganistan u li tiżviluppa minnufih strateġija komprensiva tal-UE bbażata fuq it-tagħlimiet għall-Afganistan u għall-pajjiżi tal-madwar; jenfasizza l-importanza li jkun hemm kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien u reġjonali biex jiġu żgurati s-sigurtà globali u l-istabbiltà reġjonali, filwaqt li jitqies li mhux il-ġirien u s-setgħat reġjonali kollha tal-Afganistan kellhom l-istess għanijiet bħall-koalizzjoni mmexxija mill-Istati Uniti; jenfasizza, f'dan ir-rigward, ir-rwol importanti li kellhom ċerti pajjiżi fir-rimpatriju tal-Ewropej u fl-evakwazzjoni ta' Afgani f'diffikultà, b'mod partikolari billi eżerċitaw pressjoni diplomatika sinifikanti fuq il-forzi Talibani;

    69.

    Jilqa' pożittivament l-impenn imġedded tal-UE fir-reġjun Indo-Paċifiku u r-rikonoxximent tal-importanza dejjem ikbar tiegħu għall-interessi tal-UE kif imsemmi fil-komunikazzjoni konġunta tas-16 ta' Settembru 2021 mill-VP/RGħ u mill-Kummissjoni dwar l-istrateġija tal-UE għall-kooperazzjoni fl-Indo-Paċifiku (17) kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' April 2021 dwar l-istess suġġett; huwa favur kooperazzjoni aktar b'saħħitha mal-pajjiżi fir-reġjun, b'mod partikolari l-Ġappun, l-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN), l-Awstralja, New Zealand u l-Korea; jirrikonoxxi l-kompetizzjoni ġeopolitika intensa u t-tilwim territorjali fir-reġjun, imqanqla l-aktar minħabba l-assertività dejjem akbar taċ-Ċina mal-ġirien tagħha; jistieden lill-partijiet kollha jaderixxu mal-prinċipji tad-dritt internazzjonali, b'mod partikolari l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Dritt tal-Baħar; jissottolinja l-bżonn ta' impenn strateġiku fit-tul fir-reġjun Indo-Paċifiku u tal-ħolqien ta' mekkaniżmi komprensivi u strateġiċi ta' djalogu bilaterali u multilaterali mal-pajjiżi tal-Indo-Paċifiku u mas-soċjetajiet tagħhom, b'mod partikolari ma' pajjiżi tal-istess fehma bħal, fost l-oħrajn, il-Ġappun, il-Korea t'Isfel, l-Awstralja u New Zealand; jissottolinja l-importanza tas-sigurtà u tal-istabbiltà fl-Indo-Paċifiku għall-prosperità u s-sigurtà fl-UE; jinnota sħubijiet emerġenti ġodda fir-reġjun bħall-ħolqien tal-alleanza militari trilaterali bejn l-Awstralja, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti (AUKUS) u jesprimi d-dispjaċir tiegħu dwar il-fatt li din is-sħubija nħolqot b'livell baxx ta' koordinament;

    70.

    Jenfasizza l-influwenza reġjonali u ġeopolitika dejjem tikber tal-Indja; jissottolinja li hemm bżonn żieda fl-impenn politiku biex tissaħħaħ is-sħubija UE-Indja u jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tar-relazzjonijiet bilaterali; itenni l-bżonn ta' sħubija aktar profonda li għandha tkun ibbażata fuq valuri komuni u rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem; jirrikonoxxi li l-Indja hija sieħeb kruċjali għall-UE minħabba l-pożizzjoni tagħha u r-rwol ewlieni tagħha f'oqsma fundamentali; jirrimarka li l-viċinat Indjan u r-reġjun Indo-Paċifiku saru dejjem aktar żona fejn iċ-Ċina, bil-politika u l-miri espansjonisti tagħha, qed toħloq sfidi strateġiċi, ġeopolitiċi, ekonomiċi u kummerċjali li qed jikbru;

    71.

    Jitlob żieda u titjib fil-kooperazzjoni mas-sħab tagħna fl-Amerka Latina; jemmen li relazzjoni msaħħa mal-Amerka Latina u mal-Karibew (ALK) hija importanti ħafna għall-istrateġija ġeopolitika tal-UE fid-dinja; jisħaq fuq il-bżonn li l-Unjoni ssaħħaħ ir-rabtiet li jgħaqqdu l-UE u l-pajjiżi tal-ALK, b'mod partikolari fid-difiża tal-ordni multilaterali bbażat fuq ir-regoli; jistieden lill-UE tuża l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni biex tapprofondixxi l-kooperazzjoni tagħha mas-sħab tal-ALK; iħeġġeġ lill-UE terġa' tokkupa l-pożizzjoni tagħha bħala sieħba privileġġjata tal-pajjiżi tal-Amerka Latina fid-dawl ta' atturi ġeopolitiċi oħrajn li qegħdin jokkupaw dejjem aktar spazju fir-reġjun, speċjalment bħala konsegwenza tal-pandemija tal-COVID-19 u d-diplomazija tal-vaċċini; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jimplimentaw politiki aktar assertivi fil-konfront ta' reġimi awtoritarji li bbenefikaw mir-relazzjonijiet tagħhom mal-UE u li neħħew, kisru jew rażżnu direttament id-drittijiet u l-libertajiet taċ-ċittadini tagħhom;

    Issaħħaħ is-sorveljanza, l-iskrutinju u r-responsabbiltà demokratiċi u d-dimensjoni parlamentari tal-PESK tal-UE

    72.

    Jenfasizza l-kontribut speċifiku li ta l-Parlament Ewropew lill-politika estera u ta' sigurtà tal-UE permezz tar-riżorsi parlamentari tad-diplomazija tiegħu, pereżempju permezz tar-rapporti u tar-riżoluzzjonijiet tiegħu, ix-xibka spissa ta' organi interparlamentari permanenti tiegħu, id-djalogu politiku tiegħu ma' detenturi ta' kariga fid-dinja kollha u l-attivitajiet tiegħu fir-rigward tas-sostenn għad-demokrazija, tal-medjazzjoni u tal-osservazzjoni elettorali; jirreferi għall-missjoni tiegħu ta' ġbir ta' informazzjoni fl-Ukrajna, f'Jannar u fi Frar 2022, bħala eżempju tar-rispons tad-diplomazija parlamentari tiegħu; jafferma li l-Parlament għandu jagħmel użu sħiħ mis-setgħat baġitarji u ta' sorveljanza tiegħu fid-deċiżjonijiet tal-Unjoni fix-xena internazzjonali; jenfasizza l-importanza tal-programmi ta' sostenn għad-demokrazija tal-Parlament li għandhom potenzjal qawwi biex isaħħu r-rwol tal-UE fid-dinja billi jinvolvu lill-partijiet politiċi kkonċernati fundamentali u jiffaċilitaw il-governanza demokratika sostenibbli fil-pajjiżi mhux tal-UE;

    73.

    Jissottolinja li d-djalogu politiku u tekniku bejn il-parlamenti huwa kruċjali u jrid ikun ikkoordinat sewwa mal-azzjonijiet tal-eżekuttiv; jisħaq, f'dan is-sens, fuq l-importanza ta' skambju mingħajr intoppi tal-informazzjoni pertinenti kollha bejn l-istituzzjonijiet fil-qasam tal-PESK, inkluż l-iskambju tal-informazzjoni kunfidenzjali rilevanti, fl-interess tal-effikaċja tal-azzjoni esterna tal-UE fl-intier tagħha u ta' PESK aktar responsabbli;

    74.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippermettu u jsaħħu s-sorveljanza parlamentari tal-azzjoni esterna tal-UE, inkluż billi jkomplu l-konsultazzjonijiet regolari tagħhom mal-VP/RGħ u mal-Kummissjoni; jissottolinja li tali sorveljanza tiżvolġi rwol importanti biex jiġu żgurati l-funzjonament tajjeb tad-demokrazija Ewropea u l-fiduċja tal-pubbliku; jisħaq li tali sorveljanza tista' sservi bħala l-punt tat-tluq għal rwol istituzzjonali aktar b'saħħtu għall-Parlament fil-PESK; jitlob il-konklużjoni rapida tan-negozjati biex jissostitwixxu l-Ftehim Interistituzzjonali tal-2002 dwar l-aċċess tal-Parlament għall-informazzjoni sensittiva tal-Kunsill fil-qasam tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża (18); jitlob il-koordinament tas-servizzi tas-sigurtà u tal-informazzjoni tal-Istati Membri;

    75.

    Jissottolinja l-importanza tal-Assemblej Parlamentari bħala spazji għall-kooperazzjoni u għad-djalogu istituzzjonali u l-kontribut siewi tagħhom għall-azzjoni estera Ewropea f'materji ta' sigurtà kif ukoll il-ħtieġa li tiġi promossa l-attività tagħhom u li jiġu ggarantiti l-funzjonament u l-iżvilupp korrett tagħhom; jitlob it-tisħiħ tas-sorveljanza tal-Parlament tal-ħidma tad-Delegazzjonijiet tal-UE fir-rappreżentanza tal-valuri u l-prinċipji tal-UE barra mill-pajjiż u fit-tiftix tat-twettiq tal-interessi tal-UE mingħajr ma jiġi injorat l-approċċ tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza l-ħtieġa li d-Delegazzjonijiet tal-UE jkollhom ir-riżorsi u l-kapaċitajiet kollha meħtieġa u xierqa biex jaġixxu b'mod effikaċi f'dawn il-kompiti;

    76.

    Jitlob l-użu sħiħ taż-żieda fl-involviment tal-Parlament Ewropew fil-programmazzjoni tal-Ewropa Globali u tal-IPA III; jilqa' pożittivament l-introduzzjoni ta' Djalogu Ġeopolitiku ta' Livell Għoli fuq bażi semestrali għall-istrumenti ta' finanzjament estern bħala strument kritiku biex mhux biss jagħmlu skrutinju, iżda wkoll biex jiddefinixxu b'mod attiv il-prijoritajiet tal-politika estera tal-UE; jissottolinja li dawn id-djalogi ġeopolitiċi għandhom l-għan li jippermettu lill-Parlament jipprovdi orjentamenti, tmexxija strateġika u gwida għall-programmazzjoni u għall-implimentazzjoni fil-prijoritajiet tematiċi u ġeografiċi kollha tal-Ewropa Globali u tal-IPA III; jinsisti, madankollu, li l-Parlament għandu jirċievi dokumenti preparatorji rilevanti fil-ħin u b'livell adegwat ta' dettall sabiex iwettaq skrutinju sinifikattiv; jitlob trasparenza mtejba fl-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji permezz tal-ħolqien ta' bażi tad-data pubblika trasparenti, komuni u unika ta' proġetti u azzjonijiet;

    77.

    Ifakkar lill-Kunsill dwar id-dritt tal-Parlament li jiġi infurmat dwar l-istadji kollha tal-proċeduri marbutin man-negozjati u mal-konklużjonijiet tal-ftehimiet internazzjonali u l-prerogattiva tiegħu li jagħti jew li jċaħħad il-kunsens għal tali ftehimiet; huwa determinat li juża dawn is-setgħat, kif definiti fit-Trattati, sabiex jiżgura t-trasparenza u s-sorveljanza demokratika fuq il-ftehimiet internazzjonali nnegozjati f'isem l-UE, kif ukoll l-implimentazzjoni tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi, kif indikat fir-rakkomandazzjoni tiegħu tat-28 ta' Marzu 2019 (19), inkluż fir-rigward tal-komplementarjetà tiegħu ma' strumenti oħrajn tal-UE fil-qasam tal-azzjoni esterna;

    78.

    Itenni l-fehma tiegħu li wasal iż-żmien għal reviżjoni tad-dikjarazzjoni tal-2010 dwar ir-responsabbiltà politika bil-għan li titjieb din il-bażi għar-relazzjonijiet bejn il-Parlament u l-VP/RGħ;

    o

    o o

    79.

    Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

    (1)  Testi adottati, P9_TA(2021)0383.

    (2)  Testi adottati, P9_TA(2021)0515.

    (3)  Testi adottati, P9_TA(2021)0356.

    (4)  ĠU C 362, 8.9.2021, p. 71.

    (5)  Konferenza tan-NU dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp, Trade and Development Report 2019 – Financing a Global Green Deal (Rapport dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp 2019 – Il-Finanzjament ta' Patt Ekoloġiku Globali), 2019.

    (6)  ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1.

    (7)  Ir-Regolament (UE) 2021/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2021 li jistabbilixxi reġim tal-Unjoni għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, is-senserija, l-assistenza teknika, it-tranżitu u t-trasferiment ta' oġġetti b'użu doppju (ĠU L 206, 11.6.2021, p. 1).

    (8)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2019 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-kompetenzi u l-mandat tar-Rappreżentanti Speċjali tal-UE, (ĠU C 23, 21.1.2021, p. 146).

    (9)  ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99.

    (10)  ĠU C 118, 8.4.2020, p. 158.

    (11)  Is-Sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-21 ta' Jannar 2021, Il-Georgia vs ir-Russja (II).

    (12)  JOIN(2021)0002.

    (13)  SWD(2021)0290.

    (14)  JOIN(2021)0027.

    (15)  JOIN(2021)0027.

    (16)  Testi adottati, P9_TA(2021)0382.

    (17)  JOIN(2021)0024.

    (18)  ĠU C 298, 30.11.2002, p. 1.

    (19)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Marzu 2019 lill-Kunsill u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-Proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, lill-Kunsill għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi (ĠU C 108, 26.3.2021, p. 141).


    Top