Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022IP0038

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 2022 dwar it-tisħiħ tal-Ewropa fil-ġlieda kontra l-kanċer – lejn strateġija komprensiva u koordinata (2020/2267(INI))

    ĠU C 342, 6.9.2022, p. 109–147 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
    ĠU C 342, 6.9.2022, p. 98–136 (GA)

    6.9.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 342/109


    P9_TA(2022)0038

    It-tisħiħ tal-Ewropa fil-ġlieda kontra l-kanċer

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 2022 dwar it-tisħiħ tal-Ewropa fil-ġlieda kontra l-kanċer – lejn strateġija komprensiva u koordinata (2020/2267(INI))

    (2022/C 342/12)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar it-twaqqif, ir-responsabbiltajiet, il-kompożizzjoni numerika u t-tul tal-mandat tal-kumitat speċjali għall-ġlieda kontra l-kanċer (1),

    wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-Kumitat Speċjali tiegħu dwar il-ġlieda kontra l-kanċer tas-27 ta' Ottubru 2020 bit-titolu “Inputs of the Special Committee on Beating Cancer (BECA) to influence the future Europe's Beating Cancer Plan” (Kontributi tal-Kumitat Speċjali għall-Ġlieda kontra l-Kanċer (BECA) biex jiġi influwenzat il-Pjan futur tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer) (2),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Frar 2021 dwar il-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer (COM(2021)0044),

    wara li kkunsidra l-Programm Qafas tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni 2021-2027 (Orizzont Ewropa) (3) u l-Missjoni ddedikata ta' Orizzont Ewropa dwar il-Kanċer (4),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640),

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Ġunju 2021 dwar l-Aċċess għall-mediċini u l-apparat mediku għal UE aktar b'Saħħitha u Reżiljenti (2021/C 269 I/02) (5),

    wara li kkunsidra l-gwidi żviluppati mill-Azzjonijiet Konġunti dwar il-kanċer (EPAAC, CANCON, iPAAC) u l-Aġenda dwar il-Kanċers Rari 2030 stabbilita fl-ambitu tal-Azzjoni Konġunta dwar il-Kanċers Rari (JARC),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Settembru 2020 dwar ŻER ġdida għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (COM(2020)0628),

    wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2003/878/KE tat-2 ta' Diċembru 2003 dwar l-iskrinjar tal-kanċer (6),

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer (IARC) ta' Mejju 2017 rigward l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-iskrinjar tal-kanċer (7),

    wara li kkunsidra l-linji gwida Ewropej għall-assigurazzjoni tal-kwalità fl-iskrinjar u fid-dijanjożi tal-kanċer tas-sider, ċervikali u kolorettali,

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2020 bit-titolu “Strateġija ‘Mill-Għalqa sal-Platt’ għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent” (COM(2020)0381),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ġunju 2021 intitolata “Qafas strateġiku tal-UE dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol 2021-2027” (COM(2021)0323),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Novembru 2020 dwar Strateġija Farmaċewtika għall-Ewropa (COM(2020)0761),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2020 bit-titolu “Strateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà Lejn Ambjent Ħieles mit-Tossiċità” (COM(2020)0667),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Mejju 2021 intitolata “Perkors għal Pjaneta b'Saħħitha għal Kulħadd – Pjan ta' Azzjoni tal-UE: Lejn Tniġġis Żero għall-Arja, għall-Ilma u għall-Ħamrija” (COM(2021)0400),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol (id-Direttiva dwar il-Karċinoġeni u l-Mutaġeni – CMD) (8), inkluż it-tliet direttivi emendatorji tagħha u l-proposta tal-Kummissjoni għar-raba' direttiva emendatorja (COM(2020)0571),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 98/24/KE tas-7 ta' April 1998 dwar il-ħarsien tas-saħħa u tas-sikurezza tal-ħaddiema kontra r-riskji marbuta ma' aġenti kimiċi fuq il-post tax-xogħol (9),

    wara li kkunsidra r-rapport ta' konsultazzjoni pubblika fil-qosor tal-Kumitat Speċjali tiegħu għall-Ġlieda kontra l-Kanċer tad-19 ta' April 2021 bit-titolu “The impact of the COVID-19 pandemic on cancer prevention, health services, cancer patients and research: lessons from a public health crisis” (L-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-prevenzjoni tal-kanċer, is-servizzi tas-saħħa, il-pazjenti bil-kanċer u r-riċerka: il-lezzjonijiet minn kriżi tas-saħħa pubblika),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Novembru 2020 bit-titolu “Nibnu Unjoni Ewropea tas-Saħħa: tħejjija u reżiljenza” (COM(2020)0724), u l-proposti relatati tal-Kummissjoni, flimkien mal-ftehimiet proviżorji, għar-regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Novembru 2020 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa (COM(2020)0727), dwar rwol imsaħħaħ għall-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini fit-tħejjija għall-kriżijiet u fil-maniġġar tagħhom għall-prodotti mediċinali u għall-apparati mediċi (COM(2020)0725), u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 851/2004 li jistabbilixxi Ċentru Ewropew għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard (COM(2020)0726),

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/522 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Marzu 2021 li jistabbilixxi Programm għall-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa (il-“Programm l-UE għas-Saħħa”) għall-perjodu 2021-2027 (10),

    wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament, flimkien mal-ftehim, dwar Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-valutazzjoni tat-teknoloġija tas-saħħa u li jemenda d-Direttiva 2011/24/UE (COM(2018)0051),

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 536/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar il-provi kliniċi fuq prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u li jħassar id-Direttiva 2001/20/KE1 (ir-Regolament dwar il-Provi Kliniċi) (11) u s-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Provi Kliniċi stabbilita f'konformità ma' dan ir-Regolament,

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/694 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2021 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Diġitali (12),

    wara li kkunsidra r-Rapport Nru 21/2019 tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) intitolat “Healthy environment, healthy lives: kif l-ambjent jistabbilixxi s-saħħa u l-benesseri fl-Ewropa’ (13),

    wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2021 intitolata ‘Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer’ (14),

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-istudju mħejji għall-Bord għall-Ġejjieni tax-Xjenza u t-Teknoloġija (STOA) f'Lulju 2021 intitolat ‘The health impact of 5G’ (L-impatt għas-saħħa tal-5G) (15),

    wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU, b'mod partikolari l-SDG 3 dwar is-saħħa u l-benesseri tajbin,

    wara li kkunsidra r-raba' edizzjoni tal-Kodiċi Ewropew Kontra l-Kanċer (16),

    wara li kkunsidra l-Kodiċi Ewropew tal-Prassi kontra l-Kanċer (17),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Marzu 2021 intitolata ‘Strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal’ (COM(2021)0142),

    wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tad-19 ta' Lulju 2018 intitolat ‘Combatting HIV/AIDS, viral hepatitis and tuberculosis in the European Union and neighbouring countries – State of play, policy instruments and good practices’ (Il-ġlieda kontra l-HIV/AIDS, l-epatite virali u t-tuberkolożi fl-Unjoni Ewropea u fil-pajjiżi ġirien – Sitwazzjoni attwali, strumenti politiċi u prattiki tajba) (SWD(2018)0387),

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tal-2020 intitolat ‘Alcohol and cancer in the WHO European Region: An appeal for better prevention’ (L-alkoħol u l-kanċer fir-reġjun Ewropew tad-WHO: appell għal prevenzjoni aħjar) (18),

    wara li kkunsidra l-attività u l-konklużjonijiet tal-grupp ta' interess tal-partijiet kollha Membri tal-Parlament Ewropew Kontra l-Kanċer,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (19),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Marzu 2017 dwar l-għażliet tal-UE biex ittejjeb l-aċċess għall-mediċini (20),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Lulju 2020 dwar l-Istrateġija għas-sostenibbiltà fir-rigward tas-sustanzi kimiċi (21),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Frar 2019 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kura tas-Saħħa Transkonfinali (22),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2019 dwar il-proċedura tal-Unjoni għall-awtorizzazzjoni tal-pestiċidi (23),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Lulju 2020 dwar l-istrateġija tal-UE dwar is-saħħa pubblika wara l-COVID-19 (24),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2020 bit-titolu ‘In-nuqqas ta' mediċini – kif nindirizzaw problema emerġenti’ (25),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2016 dwar ir-Regolament dwar il-mediċini pedjatriċi (26) u l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-impatt tal-bidu relatata mar-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-mediċini għat-tfal u għall-mard rari,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat Speċjali tiegħu għall-Ġlieda kontra l-Kanċer (A9-0001/2022),

    A.

    billi l-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer (‘il-Pjan’) għandu jwieġeb b'mod effettiv għas-sejħa għall-progress mill-familji u mill-professjonisti tas-saħħa tal-1,3 miljun persuna li jmutu bil-kanċer kull sena fl-Ewropa, inklużi 6 000 tifel u tifla u żgħażagħ, il-ħtiġijiet kruċjali tal-pazjenti li bħalissa jeħtieġu dijanjożi rapida flimkien ma' trattamenti u kuri effikaċi, innovattivi, aċċessibbli u bi prezz raġonevoli għall-kanċer u għal kumplikazzjonijiet u komorbiditajiet relatati mal-kanċer, l-aspettattivi leġittimi ta' aktar minn 12-il miljun superstitu tal-kanċer u l-familji tagħhom li qed jiffaċċjaw ir-ritorn diffiċli lura għal ‘ħajja normali’, ir-rieda ċara tal-ġenerazzjonijiet futuri li għandhom jiġu protetti mit-theddid għas-saħħa u mill-fatturi ta' riskju, u t-tħassib tal-gvernijiet li qed jiffaċċjaw piż ekonomiku u soċjali dejjem akbar mill-kanċer u t-trattamenti relatati tiegħu; billi l-azzjonijiet tal-Unjoni fil-ġlieda kontra l-kanċer għandhom jimmiraw biex iżidu r-rata ta' sopravivenza ta' ħames snin tal-pazjenti bil-kanċer;

    B.

    billi l-Ewropa tirrappreżenta inqas minn 10 % tal-popolazzjoni tad-dinja, iżda tirrappreżenta kwart tal-każijiet kollha tal-kanċer, u billi l-kanċer huwa t-tieni kawża ewlenija tal-mewt fl-Ewropa wara l-mard kardjovaskulari, u l-ewwel kawża ta' mewt minħabba marda fost it-tfal f'età akbar minn sena; billi l-bżonnijiet speċifiċi tat-tfal u tal-adolexxenti bil-kanċer jeħtieġu attenzjoni u appoġġ kontinwi u globali, u l-onkoloġija pedjatrika għandha tkun differenzjata mill-ġestjoni tal-kanċer fl-adulti; billi għalkemm kien hemm tnaqqis żgħir fir-rati ta' mortalità bis-saħħa ta' kampanji ta' skrinjar, titjib fil-metodi dijanjostiċi u innovazzjoni terapewtika, l-għadd ta' każijiet dijanjostikati xorta waħda qed jiżdied, b'mod partikolari minħabba stennija tal-ħajja itwal, li jirriżulta f'popolazzjonijiet li qed jixjieħu; billi kważi tliet kwarti tad-dijanjożijiet kollha tal-kanċer fl-UE jseħħu f'persuni ta' 60 sena jew aktar;

    C.

    billi l-kanċer juri l-inġustizzja u l-inikwità soċjali fil-kura tas-saħħa, peress li d-differenzi fir-rati ta' sopravivenza tal-kanċer madwar l-Istati Membri tal-UE jaqbżu l-25 %; billi ċ-ċittadini tal-UE qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' inikwitajiet f'termini ta' prevenzjoni u mhumiex protetti bl-istess mod mill-fatturi ta' riskju, mhumiex edukati bl-istess mod f'termini ta' mġiba tajba għas-saħħa u mhumiex mgħammra bl-istess mod kontra l-miżinformazzjoni; billi ċ-ċittadini tal-UE mhumiex ugwali f'termini ta' aċċess f'waqtu għal trattament u kura affordabbli u ta' kwalità minn Stat Membru għal ieħor u minn reġjun għal ieħor fi kwalunkwe pajjiż partikolari; billi l-aċċess għal timijiet mediċi totalment multidixxiplinari u multiprofessjonali jvarja b'mod wiesa' fl-Ewropa; billi wara l-irkupru jew meta jkunu f'remissjoni, iċ-ċittadini tal-UE mhumiex ugwali fil-kapaċità tagħhom li jirritornaw għax-xogħol, li jkunu finanzjarjament indipendenti u li jerġgħu lura għal ħajja familjari, soċjali u emozzjonali armonjuża; billi l-klassi u l-ġeneru huma miżuri u fatturi determinanti importanti tal-inugwaljanzi u tal-inikwitajiet fl-istadji kollha tal-marda;

    D.

    billi ġew stabbiliti politiki nazzjonali jew reġjonali speċifiċi dwar il-kanċer fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, li l-missjonijiet, il-kapaċitajiet u l-baġits tagħhom huma eteroġenji; billi ċerti reġjuni saru ċentri fil-ġlieda kontra l-kanċer, b'għarfien espert li għandu jinqasam mal-Unjoni kollha;

    E.

    billi l-għan tal-Pjan ma għandux ikun biss li tiġi miġġielda kwistjoni kruċjali tas-saħħa pubblika u li l-pazjenti jgħixu ħajja itwal u aħjar, iżda għandu jkun ukoll li jingħata bidu għal tnaqqis fl-inugwaljanzi u fid-disparitajiet tas-saħħa u li jitnaqqas il-piż soċjali u ekonomiku tal-marda; billi l-Kummissjoni għandha tippromwovi approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-pazjenti u taċ-ċittadini billi tintegra kunsiderazzjonijiet ta' ġustizzja, sostenibbiltà, ekwità, solidarjetà, innovazzjoni u kollaborazzjoni fil-qalba tal-Pjan, inkluża l-‘Inizjattiva ta' Għajnuna għat-Tfal bil-Kanċer’;

    F.

    billi l-pandemija tal-COVID-19 ikkawżat, u għadha qiegħda tikkawża, tfixkil serju għall-programmi tal-iskrinjar, it-trattament, ir-riċerka, u s-sopravivenza u s-servizzi ta' segwitu tal-kanċer, bl-impatt sussegwent fuq il-pazjenti bil-kanċer, il-familji tagħom u l-professjonisti tal-kura tas-saħħa; billi l-pandemija ħolqot bżonn urġenti li jinbnew mill-ġdid is-servizzi relatati mal-kanċer fil-pajjiżi kollha tal-Ewropa u li jiġu indirizzati l-akkumuli ferm preokkupanti fl-azzjonijiet ta' prevenzjoni, kif ukoll fid-detezzjoni bikrija u fid-dijanjożi; billi, skont stimi, 100 miljun test ta' skrinjar ma sarux fl-Ewropa matul il-pandemija u miljun każ ta' kanċer mhumiex dijanjostikati; billi pazjent wieħed bil-kanċer minn ħamsa ma ngħatax fil-ħin it-trattament kirurġiku jew kemjoterapiku li kellu bżonn (27); billi l-professjonisti tal-kura tas-saħħa refgħu l-piż ta' pandemija u kellhom jaħdmu kif jistgħu f'ambjent stressanti immens;

    G.

    billi l-litteriżmu fis-saħħa jinkludi l-akkwist tal-għarfien u l-ħiliet, l-għarfien tad-drittijiet u l-fiduċja biex tittieħed azzjoni biex tittejjeb is-saħħa personali u komunitarja; billi l-azzjonijiet għall-promozzjoni tal-litteriżmu fis-saħħa fl-ambitu tal-Pjan għandhom jiffukaw fuq l-għoti tas-setgħa lill-pazjenti u liċ-ċittadini permezz ta' għodod ta' komunikazzjoni mill-aktar avvanzati u wkoll billi jintalbu l-kompetenzi tal-organizzazzjonijiet tal-pazjenti u ta' NGOs oħra, kif ukoll issir kollaborazzjoni magħhom, li ilhom snin sħaħ jaħdmu fit-tixrid tal-litteriżmu fis-saħħa; billi t-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-pazjent tirrikjedi li l-pazjenti jiġu megħjuna jifhmu d-drittijiet tagħhom; billi l-isforzi kollha biex jiżdied il-litteriżmu fis-saħħa, inkluż il-litteriżmu diġitali, għandhom iqisu l-persuni li qegħdin jesperjenzaw esklużjoni u l-ħtiġijiet tal-persuni b'diżabilità fit-tagħlim; billi għandhom jitqiesu l-inugwaljanzi fl-għarfien dwar it-teknoloġiji tal-IT, flimkien mal-aċċess u l-użu għalihom, kif ukoll fid-differenzi reġjonali, nazzjonali, soċjali u ekonomiċi; billi l-informazzjoni meħtieġa għandha tkun disponibbli f'lingwi mhux tal-UE li huma komuni sabiex jintlaħqu migranti, wasliet ġodda u gruppi vulnerabbli u komunitajiet minoritarji oħra; billi fl-isforzi biex jitjieb il-litteriżmu fis-saħħa l-enfasi għandha titqiegħed ukoll fuq li tingħata assistenza liċ-ċittadini biex jidentifikaw il-miżinformazzjoni, jinnutaw l-impatti dannużi li din jista' jkollha fl-oqsma kollha relatati mal-kanċer, fosthom il-prevenzjoni, it-tilqim u t-trattament;

    H.

    billi madwar 40 % tal-każijiet ta' kanċer fl-UE huma evitabbli; billi l-prevenzjoni hija aktar effikaċi minn kull kura kif ukoll l-aktar strateġija fit-tul ta' kontroll tal-kanċer effikaċi f'termini ta' kostijiet; billi l-Pjan għandu jindirizza l-fatturi ta' riskju u d-determinanti soċjali tal-kanċer fundamentali kollha; billi l-livell tal-UE huwa kruċjali fil-prevenzjoni tal-kanċer billi hija għandha kompetenzi sinifikanti li jħallu impatt fuq il-maġġoranza tal-fatturi ta' riskju għall-kanċer;

    I.

    billi, skont ir-Rapport Nru 21/2019 tal-EEA, il-kanċer huwa l-ewwel marda mhux komunikabbli attribwibbli għall-ambjent li tħalli aktar minn 250 000 każ ta' mewt minħabba kanċer attribwiti lill-ambjent fl-2016 fi 32 pajjiż Ewropew b'introjtu għoli; billi l-EEA identifikat it-tniġġis tal-arja tal-ambjent, is-sustanzi kimiċi, il-kombustjoni tal-fjuwil mhux fil-beraħ u r-radjazzjoni bħala fatturi ta' riskju ambjentali għall-kanċer;

    J.

    billi t-tniġġis tal-arja huwa l-fattur ewlieni tal-mortalità, u s-sustanzi niġġiesa minn firxa wiesgħa ta' sorsi, fosthom l-enerġija, it-trasport, l-agrikoltura u l-industrija, jikkontribwixxu għal 400 000 każ fis-sena ta' mewt qabel iż-żmien, anki minħabba kanċer fil-pulmun, mard kardijaku u puplesiji;

    K.

    billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar kooperazzjoni iktar b'saħħitha fir-rigward tal-mard li jista' jiġi evitat bil-vaċċini (COM(2018)0245) tirrakkomanda li tiġi żviluppata gwida tal-UE għall-istabbiliment ta' sistemi komprensivi ta' informazzjoni elettroniċi dwar l-immunizzazzjoni fil-livell nazzjonali għal monitoraġġ effettiv tal-programmi ta' immunizzazzjoni; billi dan għandu jsir f'konformità sħiħa mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data; billi l-virus tal-papilloma uman (HPV) huwa infezzjoni trażmessa sesswalment assoċjata ma' kważi 5 % tal-kanċers kollha fin-nisa u l-irġiel madwar id-dinja, prinċipalment il-kanċers ċervikali u orofarinġali, iżda wkoll il-kanċers tal-anus, tal-pene, tal-vaġina u tal-vulva; billi kemm l-ilħuq tal-miri ta' kopertura tat-tilqim kontra l-HPV għall-bniet kif ukoll l-istabbiliment ta' skrinjar organizzat ta' kwalità għolja għall-kanċer ċervikali huma meħtieġa sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad-WHO għall-2030 rigward l-eliminazzjoni tal-kanċer ċervikali bħala problema tas-saħħa pubblika; billi r-rati tat-tilqim kontra l-HPV huma baxxi b'mod inkwetanti madwar l-Istati Membri; billi, sfortunatament, hemm diskrepanzi kbar fil-kopertura tat-tilqim bejn l-Istati Membri, li jvarjaw minn inqas minn 30 % għal aktar minn 70 % (bil-livell meħtieġ ta' immunità tal-popolazzjoni jkun ta' 70 %); billi ifakkar li Helicobacter pylori huwa l-kawża infettiva prinċipali tal-kanċer madwar id-dinja, b'mod partikolari għal ‘non-cardia gastric adenocarcinoma’;

    L.

    billi ċerti kanċers endokrini (bħall-kanċer tat-tirojde, tas-sider u dak testikolari) qegħdin jiżdiedu; billi t-trattamenti endokrini għall-kanċers ormonodipendenti jista' jkollhom effetti sekondarji endokrini; billi t-trattamenti tal-kanċer jista' jkollhom effetti fit-tul bħal komorbiditajiet endokrini fis-superstiti tal-kanċer; billi l-obeżità hija fattur ta' riskju magħruf għal bosta kanċers, fosthom dawk endokrini; billi huwa magħruf li l-esponiment għas-sustanzi kimiċi li jfixklu s-sistema endokrinali (EDCs) għandu effett fuq l-iżvilupp tal-obeżità u tal-kanċer; billi l-EDCs lill-Istati Membri jqumulhom bejn EUR 157 u EUR 270 biljun fis-sena (sa 2 % tal-PDG tal-UE) (28) f'termini ta' spejjeż tal-assistenza tas-saħħa u ta' potenzjal ta' qligħ mitluf, minħabba l-aktar disturbi u kanċers metaboliċi u tal-iżvilupp newroloġiku;

    M.

    billi l-esponiment għal sustanzi perikolużi fuq il-post tax-xogħol huwa responsabbli għal madwar 120 000 każ ta' kanċer relatat max-xogħol kull sena, li jwassal għal madwar 80 000 fatalità fis-sena, li jirrappreżentaw 8 % tal-imwiet kollha mill-kanċer (12 % tal-imwiet mill-kanċer fost l-irġiel u 7 % tal-imwiet mill-kanċer fost in-nisa); billi, madankollu, jaf ikun diffiċli li jiġu stabbiliti relazzjonijiet kawżali minħabba perjodi twal ta' latenza; billi l-Aġenzija IARC tad-WHO identifikat 50 karċinoġenu ta' prijorità u wriet li l-ħaddiema huma esposti ħafna għalihom fl-Ewropa; billi l-maġġoranza l-kbira tal-kanċers ikkawżati minn karċinoġeni okkupazzjonali fuq il-post tax-xogħol jidhru li jistgħu jiġu evitati jekk il-karċinoġeni jiġu rregolati kif xieraq iżda, skont id-Direttiva 2004/37/KE, s'issa jeżistu valuri vinkolanti ta' limitu ta' esponiment okkupazzjonali (OEL) għal 27 minnhom biss; billi azzjoni ulterjuri hija meħtieġa biex jiġu prevenuti, identifikati u rikonoxxuti aħjar il-kanċers okkupazzjonali relatati ma' xogħol bix-shift ta' billejl kif ukoll ir-radjazzjoni UV (għal ħaddiema li jaħdmu fuq barra);

    N.

    billi suq tax-xogħol f'evoluzzjoni bi żviluppi demografiċi, teknoloġiji ġodda u tipi ġodda ta' impjiegi għandu impatti potenzjali fuq is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali; billi aktar ħaddiema qegħdin jgħaddu għal xogħol fuq pjattaforma diġitali, xogħol mhux tradizzjonali jew impjiegi atipiċi; billi fatturi bħar-radjazzjoni, l-istress, l-organizzazzjoni tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol kollha ġew marbuta mal-kanċer relatat max-xogħol (29); billi attwalment hemm nuqqas ta' data affidabbli u komparabbli fil-livell tal-UE dwar l-esponiment fuq il-post tax-xogħol għall-fatturi ta' riskju tal-kanċer (30);

    O.

    billi bil-maqlub tal-inċidenti fuq il-post tax-xogħol, fejn il-korrimenti jistgħu jiġu valutati aktar faċilment u l-indennizzi jingħataw aktar faċilment, jistgħu jgħaddu s-snin jew id-deċennji qabel ma l-kanċers relatati max-xogħol jiġu dijanjostikati u l-kawża identifikata b'mod korrett; billi r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-mard okkupazzjonali (31) tirrakkomanda li l-Istati Membri jintroduċu, mill-aktar fis possibbli, fid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari jew amministrattivi li jikkonċernaw il-mard relatat max-xogħol li jista' jagħti lok għal indennizz, il-lista Ewropea stabbilita fl-Anness I tar-rakkomandazzjoni hawn fuq imsemmija; billi d-disparitajiet eżistenti bejn l-Istati Membri fir-rigward tar-rata ta' rikonoxximent tal-mard okkupazzjonali jfissru li bosta ħaddiema qatt ma jkollhom il-mard okkupazzjonali tagħhom rikonoxxut;

    P.

    billi r-radon huwa gass radjuattiv li ma għandux kulur jew riħa, u hekk kif ir-radon jiddiżintegra fl-arja, huwa jirrilaxxa radjazzjoni li tista' tagħmel ħsara lid-DNA taċ-ċelloli ġol-ġisem; billi l-livelli tar-radon ivarjaw b'mod wiesgħa f'reġjuni differenti jew anke f'żoni residenzjali u jistgħu jkunu preżenti kemm fl-arja ta' ġewwa kif ukoll f'dik ta' barra;

    Q.

    billi fl-2011, l-IARC ikklassifikat il-kampi elettromanjetiċi tal-frekwenza tar-radju bħala possibbilment karċinoġeniċi għall-bniedem, abbażi ta' riskju miżjud ta' glijoma, assoċjata mal-użu tal-mobile; billi hemm studji, ippubblikati fl-2015 u l-2018, li juru żieda sinifikanti (aktar mid-doppju) fit-tumuri glioblastoma fuq perjodu ta' 20 sena (1995-2015) fil-gruppi kollha tal-età, u oħrajn li juru r-riskju miżjud ta' glioblastoma assoċjata mal-użu tal-mobile jew mat-telefons mingħajr fili f'persuni bl-età minn 18 sa 80 sena; billi huma meħtieġa aktar studji biex jiġu stabbiliti dawn ir-riskji assoċjati;

    R.

    billi 24 % tad-dijanjożijiet kollha ġodda ta' kanċer, fosthom dawk f'età pedjatrika, fl-Ewropa fis-sena huwa forom rari ta' kanċer u fihom innifishom jirrappreżentaw sfida għas-saħħa pubblika; billi l-pazjenti b'kanċers rari jħabbtu wiċċhom ma' sfidi marbuta ma' dijanjożi tardiva jew mhux korretta, nuqqas ta' aċċess għat-terapiji u għall-kompetenzi tekniċi xierqa, nuqqas ta' komprensjoni tax-xjenza sottostanti, nuqqas ta' fattibbiltà kummeċjali fl-iżvilupp ta' terapiji ġodda, ftit banek tat-tessuti disponibbli, diffikultajiet fit-twettiq ta' studji kliniċi li jaħdmu tajjeb, kif ukoll sentimenti ta' iżolament;

    S.

    billi l-Pjan għandu jiġi implimentat f'assoċjazzjoni mill-qrib mar-rakkomandazzjonijiet u l-azzjonijiet tal-IARC, tal-SDGs tan-NU għas-saħħa globali, inkluż l-objettiv li tinkiseb kopertura universali tas-saħħa, tar-rakkomandazzjonijiet u l-linji gwida tad-WHO, tal-ftehimiet internazzjonali dwar is-saħħa, inkluża l-Konvenzjoni Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk u l-Inizjattiva Globali tad-WHO għall-Kanċer fit-Tfal, tal-Azzjonijiet Konġunti tal-UE dwar il-Kanċer u tar-rakkomandazzjonijiet u l-linji gwida minn esperti u assoċjazzjonijiet tal-pazjenti; billi l-Pjan għandu jirrikonoxxi bħala prijorità s-solidarjetà u s-sħubija tal-UE ma' pajjiżi bi dħul baxx u medju, inklużi dawk fir-reġjun aktar mifrux tal-Ewropa fi ħdan id-WHO;

    T.

    billi l-Att li jikkonċerna l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tal-Awstrija, il-Finlandja u l-Iżvezja jagħti eżenzjoni lill-Iżvezja mill-projbizzjoni fl-UE kollha tal-bejgħ ta' ċerti tipi ta' tabakk għal użu orali;

    U.

    billi d-dieta Mediterranja hija magħrufa bħala dieta tajba għas-saħħa u bbilanċjata li għandha rwol protettiv fil-prevenzjoni primarja u sekondarja tal-mard deġenerattiv kroniku ewlieni;

    V.

    billi filwaqt li l-Pjan Ewropew biex Jingħeleb il-Kanċer jagħti attenzjoni notevoli lil firxa ta' ħtiġijiet ta' politika fir-rigward tal-iskrinjar tal-kanċer, qed tiġi offruta inqas inizjattiva għad-detezzjoni bikrija ta' kanċers li mhumiex koperti mill-programmi ta' skrinjar; billi għaldaqstant hija meħtieġa azzjoni mmirata biex jitrawwem għarfien aħjar tas-sinjali ta' twissija dwar il-kanċer fost iċ-ċittadini u l-professjonisti tal-kura tas-saħħa;

    W.

    billi ż-żieda fil-prezzijiet tal-mediċini tal-kanċer qabżet iż-żieda tal-infiq totali għall-kanċer, u ġew identifikati bħala fattur determinanti importanti taż-żieda fin-nefqa għat-trattament tal-kanċer mediċini ġodda kontra l-kanċer li jidħlu fis-suq bi prezz għoli; billi r-Rapport Tekniku tad-WTO tal-2018 dwar il-prezzijiet tal-mediċini kontra l-kanċer u l-impatti tagħhom (32) irrikonoxxa li l-prezzijiet tal-mediċini kontra l-kanċer kienu ogħla minn dawk għal indikazzjonijiet oħra u l-kostijiet tagħhom kienu qed jitilgħu aktar malajr, fatt li jirriżulta f'nuqqas ta' aċċess għat-trattament għal ħafna pazjenti fid-dinja u jostakola l-kapaċità tal-gvernijiet li jfornu aċċess għall-but ta' kulħadd;

    X.

    billi l-indirizzar tal-kanċer permezz ta' strateġija komprensiva, bħall-Pjan biex Jingħeleb il-Kanċer li ġie ppreżentat mill-Kummissjoni, jista' jintuża bħala mudell għal mard ieħor li ma jitteħidx, u billi l-pazjenti b'mard kroniku ieħor għandhom għalhekk jibbenefikaw ukoll mill-kisbiet u mill-prinċipji tal-Pjan, u pjanijiet simili għandhom jiġu żviluppati għal patoloġiji oħra b'rati ta' mortalità għoljin;

    Y.

    billi l-koordinament bejn il-pajjiżi Ewropej, politika komuni mmexxija fil-livell Ewropew u kondiviżjoni transfruntiera tal-għarfien huma assolutament essenzjali għall-progress fil-qasam tal-kanċer; billi r-responsabbiltà primarja għall-protezzjoni tas-saħħa u s-sistemi tal-kura tas-saħħa hija tal-Istati Membri;

    Z.

    billi huwa meħtieġ approċċ komprensiv, multidixxiplinari u kkoordinat biex jiġu indirizzati d-determinanti tas-saħħa relatati mal-imġiba, bijoloġiċi, ambjentali, relatati max-xogħol, soċjoekonomiċi u kummerċjali fil-livell reġjonali, nazzjonali u Ewropew sabiex jiġu appoġġjati azzjonijiet li jolqtu l-aspetti kollha tal-kanċer (il-prevenzjoni, id-detezzjoni, it-trattament, il-kura palljativa, il-kura ta' segwitu għas-superstiti u r-riintegrazzjoni) permezz tal-mobilizzazzjoni effettiva ta' għodod ewlenin bħal riżorsi u finanzjament, leġiżlazzjoni, riċerka u kondiviżjoni tal-għarfien li lkoll ikunu adegwati; billi l-approċċi ċċentrati fuq il-pazjent fil-konfront tat-trattament urew li jtejbu l-kwalità tal-ħajja u s-sopravivenza kumplessiva tal-pazjenti; billi t-teknoloġiji l-ġodda u l-intelliġenza artifiċjali għandhom potenzjal kbir għal titjib fil-qasam tar-riċerka dwar il-kanċer, tal-proċessi tat-trattament u tal-kura;

    AA.

    billi r-riċerka u l-innovazzjoni huma l-unika tama tagħna li xi darba l-kanċer jingħeleb definittivament; billi hemm bżonn finanzjamenti sostnuti u effikaċi biex jappoġġjaw il-proġetti ambizzjużi kif ukoll il-kundizzjonijiet ta' xogħol tajbin u stabbli għar-riċerkaturi li jaħdmu fil-qasam tal-kanċer; billi l-kumpaniji farmaċewtiċi, fosthom l-SMEs, huma partijiet ikkonċernati fundamentali għall-innovazzjoni fil-qasam tal-kanċer;

    AB.

    billi l-approċċi ‘Saħħa fil-Politiki kollha’ u ‘Saħħa Waħda’ għandhom jiġu promossi aktar, u l-isforzi għall-ġlieda kontra l-kanċer għandhom jiġu integrati fil-politiki kollha tal-UE;

    AC.

    billi l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jimmobilizzaw il-forzi tagħhom u jipprovdu inċentivi adegwati u baġits sostenibbli sabiex jintlaħaq l-objettiv ambizzjuż li jingħelbu l-piż tal-kanċer u l-fatalità tal-kanċer fl-Ewropa;

    AD.

    billi l-Pjan jista' għaldaqstant jirrappreżenta pass importanti lejn Unjoni Ewropea tas-Saħħa reali u turija pubblika liċ-ċittadini tas-suċċess li tista' tilħaq il-kooperazzjoni tal-UE fil-qasam tas-saħħa;

    1.   

    Jilqa' l-Pjan u jistieden lill-Kummissjoni tfittex sinerġiji ġodda bejn il-Pjan u l-Programm EU4Health, l-Istrateġija Farmaċewtika għall-Ewropa, l-Istrateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi u l-Istrateġija Industrijali Ewropea aġġornata; iqis li qafas komprensiv bħal dan dwar il-kanċer jikkontribwixxi għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni bikrija u l-kura tal-kanċer; jistieden lill-Kummissjoni taħdem favur l-iżvilupp ta' politika komuni dwar il-kanċer li tinkludi, fejn meħtieġ, proposti għal abbozz ta' leġiżlazzjoni;

    A.    Oqsma ta' azzjoni

    I.   Il-prevenzjoni tal-kanċer fil-politiki Ewropej kollha

    2.

    Jemmen bis-sħiħ li azzjonijiet preventivi komprensivi kontra l-kanċer, permezz ta' miżuri li jsostnu l-eliminazzjoni jew it-tnaqqis tad-danni ikkawżati mill-fatturi ta' riskju modifikabbli, għandhom jiġu implimentati fi ħdan il-politiki u fil-programmi ta' finanzjament Ewropej kollha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex fil-politiki rilevanti kollha jintegraw kampanji ta' sensibilizzazzjoni pubblika dwar il-prevenzjoni tal-kanċer; jistieden lill-Kummissjoni tintegra l-objettivi tal-Pjan fil-politiki settorjali rilevanti kollha; jemmen bis-sħiħ li l-azzjonijiet preventivi għandhom ikunu bbażati fuq l-evidenza; għaldaqstant, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-finanzjament għar-riċerka xjentifika dwar il-kawżi tal-kanċer u l-effiċjenza u l-implimentazzjoni ta' miżuri preventivi;

    3.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jfasslu u jimplimentaw miżuri ta' prevenzjoni effettivi fil-livell nazzjonali u tal-UE, li jkunu bbażati fuq l-għarfien espert xjentifiku indipendenti, l-aħjar prattiki flimkien mat-tagħlimiet meħuda u l-gwida klinika; f'dan ir-rigward jitlob, b'mod partikolari, għall-implimentazzjoni tal-Kodiċi Ewropew Kontra l-Kanċer (ECAC) biex jitnaqqsu r-riskji tal-kanċer abbażi tal-aktar evidenza xjentifika reċenti, u għal aġġornamenti regolari tal-ECAC permezz ta' ċiklu li jkun ibbażat fuq monitoraġġ u evalwazzjoni kontinwi;

    4.

    Jirrikonoxxi li aktar minn 40 % tal-kanċers kollha jistgħu jiġu evitati permezz ta' azzjonijiet ikkoordinati li jkollhom fil-mira id-determinanti tas-saħħa relatati mal-imġiba, bijoloġiċi, ambjentali, relatati max-xogħol, soċjoekonomiċi u kummerċjali; jitlob li tingħata aktar attenzjoni għaż-żamma ta' stil tal-ħajja tajjeb għas-saħħa sabiex jiġi evitat il-kanċer u titnaqqas ir-rikorrenza ta' ċerti kanċers;

    5.

    Jappoġġja l-għan tal-Missjoni ta' Orizzont Ewropa dwar il-Kanċer li tevita aktar minn 3 miljun mewta addizzjonali qabel iż-żmien matul il-perjodu 2021-2030, billi taċċelera l-progress fil-programmi ta' prevenzjoni u kontroll tal-kanċer, filwaqt li tfittex li toħloq opportunitajiet aktar ugwali għall-aċċess għal dawn il-programmi; jistieden lill-Kummissjoni talloka finanzjamenti adegwati lill-Missjoni dwar il-Kanċer ta' Orizzont Ewropa u lil programmi rilevanti oħra (bħal ‘Xjenza u Politika għal Futur San’ – HBM4EU) biex jintlaħaq dan l-objettiv;

    6.

    Jiddeplora l-inugwaljanzi u l-inikwitajiet sinifikanti fis-settur tas-saħħa fl-UE fir-rigward tal-prevenzjoni tal-kanċer; jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu identifikati, kif ukoll li tingħata attenzjoni speċjali, il-popolazzjonijiet vulnerabbli, emarġinati, esklużi soċjalment u l-persuni li jgħixu f'żoni remoti (bħal f'reġjuni rurali, iżolati jew ultraperiferiċi 'l bogħod miċ-ċentri mediċi), sabiex jiġi żgurat l-aċċess tagħhom għas-servizzi ta' prevenzjoni tal-kanċer; iqis, f'dan ir-rigward, li l-prevenzjoni tal-kanċer jeħtieġ ukoll li tiġi mmudellata fil-kuntest tal-ġustizzja soċjali li tinvolvi l-bżonn ta' bidliet sistemiċi permezz ta' politiki pubbliċi indirizzati għall-popolazzjoni kollha lil hinn mill-bidliet fl-imġiba individwali;

    7.

    Jirrikonoxxi li l-użu tat-tabakk huwa bil-bosta l-akbar kawża ta' kanċer li tista' tiġi evitata fl-UE, bħala l-kawża ta' 15-20 % tal-każijiet Ewropej ta' kanċer u l-fattur ta' riskju ewlieni għall-mewt bil-kanċer fl-Ewropa (27 % tal-fatalitajiet tal-kanċer jammontaw għal 700 000 mewta bil-kanċer kull sena fl-UE); ifakkar li jeżistu differenzi kbar madwar l-UE peress li l-proporzjon ta' dawk li jpejpu jvarja b'aktar minn ħames darbiet minn pajjiż għal ieħor;

    8.

    Jappoġġja bil-qawwa l-għan ta' ‘ġenerazzjoni ħielsa mit-tabakk’, kif stabbilit fil-Pjan, fejn l-għan huwa li inqas minn 5 % tal-popolazzjoni tkun tuża t-tabakk sal-2040, meta mqabbel ma' madwar 25 % tal-lum il-ġurnata; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi għanijiet intermedji li jiġu mmonitorjati fuq bażi kostanti u promossi, inkluż fil-livell nazzjonali, u jiġu rrapportati fir-Reġistru tal-Inugwaljanzi b'rabta mal-Kanċer biex l-isforzi jiġu orjentati bl-aħjar mod lejn il-ksib tal-objettiv ġenerali; jistieden lill-Kummissjoni tiffinanzja programmi li jippromwovu l-qtugħ tat-tipjip; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fl-iskambju tal-aħjar prattiki u tal-prattiki l-aktar effikaċi biex jonqos it-tipjip;

    9.

    Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tirrieżamina d-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk (33), id-Direttiva dwar it-Taxxa fuq il-Prodotti tat-Tabakk (34) u l-qafas legali dwar ix-xiri transfruntier tat-tabakk minn individwi privati u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu miżuri adegwati u tippreżenta proposti leġiżlattivi sabiex tintroduċi dan li ġej:

    (a)

    żieda u konverġenza 'l fuq fid-dazji tas-sisa minimi għall-prodotti kollha tat-tabakk u għall-prezz finali tas-suq tagħhom, li tista' ttejjeb il-prevenzjoni billi tnaqqas l-użu għall-ewwel darba u l-konsum tat-tabakk, b'mod partikolari fost dawk li attwalment ipejpu, u tevita li ż-żgħażagħ jibdew ipejpu;

    (b)

    rekwiżit għal imballaġġ sempliċi standardizzat u l-obbligu li jiġu inklużi twissijiet tas-saħħa fuq 80 % tal-parti ta' quddiem u ta' wara tal-imballaġġ tal-prodotti tat-tabakk, inkluż twissijiet permezz ta' stampi; kif ukoll

    (c)

    infurzar strett tal-projbizzjoni fuq aromi karatterizzati fil-prodotti kollha tat-tabakk biex jitnaqqas l-interess f'dawn il-prodotti għal dawk li jpejpu, dawk li ma jpejpux u għaż-żgħażagħ;

    10.

    Jitlob li jkun hemm evalwazzjoni u rieżami tal-metodi ta' kejl użati attwalment, tal-qatran, tan-nikotina u tal-monossidu tal-karbonju fit-tabakk u fil-prodotti relatati, abbażi ta' riċerka xjentifika indipendenti u reċenti;

    11.

    Jitlob li l-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ l-obbligi skont id-Direttiva(EU) 2019/904 dwar il-Plastik li Jintuża Darba Biss (35) fir-rigward tal-filtri fil-prodotti tat-tabakk li fihom il-plastik biex jiġi indirizzat it-tħassib ambjentali u tas-saħħa relatat ma' dawn il-filtri;

    12.

    Jitlob lill-Kummissjoni tagħmel segwitu għall-evalwazzjonijiet xjentifiċi tar-riskji għas-saħħa relatati mas-sigaretti elettroniċi, il-prodotti tat-tabakk imsaħħna u l-prodotti tat-tabakk ġodda, inkluża l-valutazzjoni tar-riskji tal-użu ta' dawn il-prodotti meta mqabbla mal-konsum ta' prodotti oħra tat-tabakk, u l-istabbiliment fil-livell Ewropew ta' lista ta' sustanzi li jinsabu f'dawn il-prodotti, u maħruġa minnhom; iqis li s-sigaretti elettroniċi jistgħu jippermettu lil xi persuni li jpejpu biex progressivament jieqfu jpejpu; iqis fl-istess waqt li s-sigaretti elettroniċi m'għandhomx ikunu attraenti għall-minorenni u għal dawk li ma jpejpux; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tevalwa, fil-qafas tad-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk, liema togħmiet fis-sigaretti elettroniċi huma partikolarment attraenti għall-minorenni u għal dawk li ma jpejpux, u tipproponi projbizzjoni fuq dawn, u, barra minn hekk, tipproponi projbizzjoni fuq it-togħmiet karatteristiċi kollha fi prodotti tat-tabakk imsaħħna u prodotti tat-tabakk ġodda;

    13.

    Jappella għall-implimentazzjoni malajr u kompleta tal-Konvenzjoni ta' Qafas dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk tad-WHO (FCTC) (36) u tal-Protokoll biex jiġi eliminat il-kummerċ illeċitu tal-prodotti tat-tabakk tad-WTO (37), filwaqt li tingħata attenzjoni speċifika lill-Artikolu 5.3 tal-FCTC u lil-linji gwida tiegħu dwar il-protezzjoni tal-politiki tas-saħħa pubblika mill-interessi personali tal-industrija tat-tabakk; iħeġġeġ lill-Kummissjoni timplimenta r-regoli speċifiċi ta' kondotta tal-uffiċjali u tal-aġenti l-oħra kollha tagħha huma u jinteraġixxu mal-industrija tat-tabakk, bi qbil mad-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew fil-każ 852/2014/LP (38);

    14.

    Jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li taġġorna r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar ambjenti ħielsa mid-dħaħen tat-tipjip (39) biex testendi l-kopertura tagħha għal prodotti emerġenti, bħas-sigaretti elettroniċi u prodotti tat-tabakk imsaħħna, u testendi l-ambjenti ħielsa mid-dħaħen tat-tipjip biex tinkludi l-ispazji fuq barra;

    15.

    Ifakkar li l-etanol u l-aċetaldeid mill-metaboliżmu tal-etanol fix-xorb alkoħoliku huma kklassifikati bħala karċinoġeniċi għall-bnedmin mill-IARC, u li fl-Ewropa madwar 10 % tal-każijiet kollha tal-kanċer fl-irġiel u 3 % tal-każijiet kollha tal-kanċer fin-nisa huma attribwibbli għall-konsum tal-alkoħol (40); jissottolinja li aktar ma jkun baxx l-ammont ta' alkoħol ikkunsmat, aktar ikun baxx ir-riskju li jiġi żviluppat kanċer; jissottolinja li l-konsum tal-alkoħol dannuż huwa fattur ta' riskju għal ħafna kanċers differenti, pereżempju tal-kavità orali, tal-farinġi, tal-larinġi, tal-esofagu, tal-fwied, dak kolorettali u dak tas-sider fin-nisa; ifakkar fl-istudju msemmi mid-WHO (41) li jirrikonoxxi li l-livell l-aktar sikur ta' konsum tal-alkoħol huwa ta' żero fejn tidħol il-prevenzjoni tal-kanċer u jisħaq fuq il-bżonn li dan jitqies meta jitfasslu u jiġu implimentati l-politiki dwar il-prevenzjoni tal-kanċer (42);

    16.

    Jilqa' l-mira tal-Kummissjoni li tikseb tnaqqis ta' mill-inqas 10 % fl-użu dannuż tal-alkoħol sal-2025; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu azzjonijiet biex inaqqsu u jipprevjenu l-ħsara relatata mal-alkoħol fil-qafas ta' strateġija riveduta tal-UE dwar l-alkoħol (43), inkluża strateġija Ewropea ta' konsum żero tal-alkoħol għall-minorenni, akkumpanjata, fejn xieraq, minn proposti leġiżlattivi, filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-leġislazzjonijiet nazzjonali attwali dwar il-limiti tal-età fuq il-konsum tal-alkoħol; jappoġġja l-għoti ta' informazzjoni aħjar lill-konsumaturi billi jittejjeb it-tikkettar tax-xorb tal-alkoħol biex jinkludi informazzjoni dwar konsum moderat u responsabbli u tiġi introdotta l-indikazzjoni obbligatorja tal-lista tal-ingredjenti u l-informazzjoni dwar in-nutrizzjoni, u, barra minn hekk, billi jiġi introdott tikkettar diġitali; jitlob lill-Kummissjoni tieħu azzjonijiet speċifiċi mmirati lejn ammont kbir u riskjuż ta' xorb (44); iqis li huwa importanti li l-minorenni jiġu protetti mill-komunikazzjoni kummerċjali dwar il-konsum tal-alkoħol, kif ukoll mit-tqegħid ta' prodotti u l-isponsorizzazzjoni ta' marki tal-alkoħol, inkluż fl-ambjent diġitali, billi r-reklamar ma jistax ikun immirat speċifikament lejn il-minorenni u ma jistax jinkoraġġixxi l-konsum tal-alkoħol; jappella għall-projbizzjoni tar-reklamar u l-isponsorizzazzjoni f'avvenimenti sportivi meta għal dawn l-avvenimenti jattendu prinċipalment għalihom il-minorenni u jappella għall-monitoraġġ mill-qrib tal-implimentazzjoni tad-Direttiva riveduta dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva (45); jistieden biex l-Att dwar is-Servizzi Diġitali propost issaħħaħ il-kapaċità tal-Istati Membri li jappoġġjaw u jinforzaw leġiżlazzjoni li tfittex li tipproteġi lill-minorenni u lil popolazzjonijiet vulnerabbli oħra minn komunikazzjoni kummerċjali għax-xorb alkoħoliku; jinkoraġġixxi l-allokazzjoni ta' fondi pubbliċi għal kampanji ta' sensibilizzazzjoni nazzjonali u Ewropej; jappoġġja r-rieżami ppjanat tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-tassazzjoni tal-alkoħol u dwar ix-xiri transfruntier tal-alkoħol minn individwi privati u rieżami tal-politiki dwar l-ipprezzar tal-alkoħol, inkluż li titqies żieda fit-taxxi fuq ix-xorb alkoħoliku;

    17.

    Jissottolinja li l-ikel għandu influwenza sinifikanti fuq is-saħħa tal-individwi, u li l-evidenza xjentifika turi li l-konsum ta' porzjonijiet tal-ikel b'daqs mhux xieraq għandu impatt negattiv fuq is-saħħa u jista' jżid ir-riskju tal-iżvilupp tal-kanċer; jappella għall-iżvilupp ta' kampanji komprensivi dwar in-nutrizzjoni, allinjati mal-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea mill-Għalqa sal-Platt”;

    18.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkunsidraw li l-konsultazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni jkunu disponibbli fil-kura tas-saħħa primarja;

    19.

    Jenfasizza r-rwol ta' dieta tajba għas-saħħa fil-prevenzjoni u l-limitazzjoni tal-inċidenza u r-rikorrenza tal-kanċer, u jisħaq li r-riskji individwali tal-kanċer jistgħu jitnaqqsu b'konsum akbar ta' pjanti u ikel ibbażat fuq il-pjanti li jiġi prodott b'mod sostenibbli, bħall-frott u l-ħxejjex friski, iċ-ċereali integrali u l-legumi; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li jiġi indirizzat il-konsum eċċessiv ta' laħam u prodotti ultraproċessati, u prodotti b'livell għoli ta' zokkor, melħ u xaħmijiet; jilqa', għaldaqstant, ir-reviżjoni li jmiss tal-iskema tal-UE dwar il-frott, il-ħaxix u l-ħalib fl-iskejjel u l-politika tal-UE dwar il-promozzjoni ta' prodotti agrikoli; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkoraġġixxu u jgħinu lill-konsumaturi jagħmlu għażliet infurmati, tajbin għas-saħħa u sostenibbli dwar il-prodotti tal-ikel permezz tal-adozzjoni ta' tikketta obbligatorja u armonizzata fuq quddiem tal-pakkett dwar in-nutrizzjoni li tiġi żviluppata abbażi ta' evidenza xjentifika robusta u indipendenti; jilqa' l-enfasi fuq nutrizzjoni tajba għas-saħħa fil-Garanzija tal-UE għat-Tfal (46) u jappella għal Pjan ta' Azzjoni tal-UE ġdid dwar l-Obeżità fit-Tfal; jappoġġja l-miżuri fiskali biex l-ikel frisk (bħall-frott u l-ħaxix, il-ħemes, il-legumi u ċ-ċereali integrali) ikollu prezz aktar għall-but ta' kulħadd u jkun aċċessibbli fil-livell nazzjonali, speċjalment għall-persuni li għandhom introjtu baxx; iħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw politiki tal-ipprezzar, bħad-differenzjazzjoni fit-taxxa fuq il-valur miżjud, u l-kontrolli tal-kummerċjalizzazzjoni biex jinfluwenzaw id-domanda u l-aċċess għall-ikel u x-xorb li ma tantx għandhom xaħmijiet saturati, xaħmijiet trans, melħ u zokkor, u l-aċċessibbiltà tal-prezzijiet tagħhom; jappoġġja lill-Istati Membri fir-reviżjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti biex jiġi ristrett ir-reklamar ta' xorb dolċifikat u prodotti tal-ikel ipproċessati b'kontenut għoli ta' xaħmijiet, melħ u zokkor, inkluż reklamar fuq il-midja soċjali, u jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta għal regolament komprensiv għall-UE kollha li jipprojbixxi tali reklamar lill-minorenni;

    20.

    Jirrikonoxxi li l-obeżità hija meqjusa bħala fattur ta' riskju għal ħafna tipi ta' kanċer, bħal kanċer kolorettali, tal-kliewi jew tas-sider, fost oħrajn; jistieden lill-Istati Membri jiġġieldu b'mod attiv kontra l-obeżità billi jagħmlu disponibbli għażliet dijetetiċi tajbin għas-saħħa u l-prattika tal-isport, mhux biss billi jedukaw u jħeġġu liċ-ċittadini jagħmlu l-aħjar għażliet, iżda anke billi jinkludu programmi integrali fil-kura tas-saħħa primarja li jgħinu lill-pazjenti li jbatu mill-obeżità jitilfu l-piż b'mod tajjeb għas-saħħa; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw ir-riċerka u l-innovazzjoni relatati mal-obeżità li jfittxi li jiddeskrivu l-influwenza ta' fatturi ġenetiċi, il-mikrobijota tal-bniedem jew l-istat fiżjoloġiku, fost oħrajn, fuq il-piż tal-ġisem u biex jesploraw l-interventi l-aktar effettivi;

    21.

    Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tindirizza l-preżenza ta' kontaminanti karċinoġeniċi fl-ikel; ifakkar lill-Kummissjoni fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-8 ta' Ottubru 2020 (47) li titlob li jiġu stabbiliti limiti legali stretti għall-preżenza ta' akrilammid fl-ikel biex il-konsumaturi jiġu protetti b'mod adegwat, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli bħat-trabi u t-tfal; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq b'mod rapidu proposti regolatorji;

    22.

    Jitlob lill-Kummissjoni tagħti widen għat-talbiet varji tal-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2019 għat-titjib tal-proċedura ta' awtorizzazzjoni tal-Unjoni għall-pestiċidi;

    23.

    Jistieden lill-Istati Membri, lill-gvernijiet reġjonali u lokali, lir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u lill-impjegaturi jippromwovu u jiffaċilitaw il-prattika ta' attivitajiet fiżiċi u sportivi matul il-ħajja, billi huma magħrufa li jillimitaw kemm l-inċidenza kif ukoll ir-rikorrenza tal-kanċer, kif ukoll inaqqsu l-problemi tas-saħħa mentali u jiffavorixxu l-inklużjoni soċjali; jenfasizza l-importanza li l-prattika tal-attività fiżika u l-isport issir aċċessibbli u inklużiva minn età żgħira, b'mod partikolari għal gruppi vulnerabbli, permezz tal-finanzjament ta' infrastrutturi, tagħmir u programmi pubbliċi; jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-aċċess għall-attività fiżika għal pazjenti rikoverati l-isptar, jekk klinikament rakkomandat;

    24.

    Jilqa' t-tnedija tal-kampanja “HealthLifestyle4all” tal-UE li tinvolvi l-promozzjoni tal-isport, tal-attività fiżika u tad-dieti tajbin għas-saħħa, flimkien ma' setturi ewlenin oħra; jirrakkomanda li l-iskejjel jinkludu l-edukazzjoni dwar is-saħħa fil-kurrikuli tagħhom biex jiżguraw li l-minorenni u l-adolexxenti jitgħallmu kif ikollhom stil ta' ħajja tajjeb għas-saħħa u jsiru konxji tal-ECAC, u jitlob li l-edukazzjoni dwar is-saħħa tkun tagħmel parti integrali mill-politiki edukattivi dwar l-assistenza soċjali;

    25.

    Jirrimarka li r-radjazzjoni mix-xemx fiha radjazzjoni ultravjola (UV) inviżibbli li tista' twassal għall-kanċer tal-ġilda; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tirrevedi d-Direttiva 2006/25/KE dwar l-espożizzjoni tal-ħaddiema għar-riskji li jirriżultaw mill-aġenti fiżiċi (radjazzjoni ottika artifiċjali) (48) u biex tinkludi r-radjazzjoni solari fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha; jappoġġja t-tisħiħ tal-protezzjoni mill-esponiment għar-radjazzjoni UV fil-livell tal-UE, speċjalment permezz tal-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali għall-ħaddiema fuq barra; jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tesplora miżuri dwar l-esponiment għar-radjazzjoni UV, inkluż minn apparat għal tixmix artifiċjali (sodod għat-tixmix) (49); jirrimarka l-importanza ta' kampanji informattivi biex in-nies isiru konxji dwar ir-riskji assoċjati mal-esponiment eċċessiv għax-xemx u biex jiġu mgħallma kif jagħrfu sinjali possibbli ta' twissija; jappella għal miżuri speċifiċi biex il-minorenni u l-adolexxenti jiġi inqas esposti għar-radjazzjoni UV; jappella biex ikun hemm leġiżlazzjoni aktar stretta dwar l-użu ta' sodod għat-tixmix għal skopijiet kożmetiċi u projbizzjoni li jużawhom il-minorenni; jappella lill-Istati Membri jinkludu r-rapportar dwar il-kanċer tal-ġilda tat-tip melanoma fir-reġistri nazzjonali tal-kanċer;

    26.

    Jirrikonoxxi li madwar 2 % tal-piż Ewropew tal-kanċer jista' jiġi attribwit għar-radjazzjoni jonizzanti u li l-esponiment fuq ġewwa għar-radon u l-prodotti tad-diżintegrazzjoni tiegħu huwa t-tieni kawża ewlenija tal-kanċer tal-pulmun fl-Ewropa; jistenna bil-ħerqa r-riżultati tal-Programm ta' Riċerka u Taħriġ tal-Euratom (50), li ser itejbu l-għarfien dwar l-esponiment għar-radon, u l-kontromiżuri proposti biex titnaqqas l-akkumulazzjoni tiegħu fl-abitazzjonijiet; ifakkar li r-radjazzjoni jonizzanti tista' tkun preżenti wkoll fid-djar privati; iħeġġeġ għaldaqstant lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimmappjaw l-oqsma kritiċi attwali u potenzjali sabiex jirreaġixxu b'mod effettiv għal din it-theddida; jistieden lill-Kummissjoni talloka fondi għall-ħolqien ta' tali mappa ta' tbassir u tippromwovi kampanji ta' informazzjoni għall-pubbliku għas-sensibilizzazzjoni dwar din il-kwistjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri jaġġornaw b'mod regolari l-pjanijiet nazzjonali tagħhom biex inaqqsu l-esponiment għar-radon, kif mitlub fid-Direttiva dwar l-Esponiment għal Sorsi Radjuattivi (51) u biex jaġġornaw il-linji gwida dwar il-mitigazzjoni tar-radon għal kostruzzjonijiet ġodda; jappella lill-Kummissjoni tivvaluta l-implimentazzjoni u l-effikaċja tal-miżuri attwali għall-protezzjoni tal-ħaddiema esposti għar-radjazzjoni jonizzanti bħall-ekwipaġġi tal-linji tal-ajru, il-ħaddiema tal-impjanti tal-enerġija nukleari, il-ħaddiema f'ambjenti industrijali rilevanti u r-riċerkaturi, l-professjonisti tas-saħħa u l-veterinarji li jaħdmu fis-setturi tar-radjoloġija, tar-radjoterapija jew tal-mediċina nukleari, u tirrieżamina dawn il-miżuri kif meħtieġ u xieraq;

    27.

    Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi riċerka xjentifika multidixxiplinari dwar l-eżistenza ta' rabtiet bejn il-kampi elettromanjetiċi (EMFs), inkluż il-5G, u l-kanċer sabiex tinġabar evidenza xjentifika dwar l-effetti fit-tul tal-EMFs, u tinforma lill-pubbliku fil-ħin dwar l-eżitu ta' dawn l-istudji; jitlob li tiġi promossa r-riċerka fl-iżvilupp ta' teknoloġija li tnaqqas l-esponiment għall-frekwenzi tar-radju;

    28.

    Iqis il-Patt Ekoloġiku Ewropew bħala fattur sinifikanti li jikkontribwixxi għall-prevenzjoni tal-kanċer fl-Ewropa, permezz tat-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja, tal-ikel, tal-ilma u tal-ħamrija u tal-esponiment kimiku; jappella għall-integrazzjoni ta' evalwazzjoni tal-impatt tal-politiki dwar l-inċidenza tal-kanċer fl-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt, fl-Istrateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà, l-Istrateġiji ta' Tniġġis Żero u fl-Ambjent Ħieles mis-Sustanzi Tossiċi; jilqa' r-reviżjoni li jmiss tal-istandards tal-UE dwar il-kwalità tal-arja u jappella lill-Kummissjoni tallinjahom mal-linji gwida tad-WHO kif imsemmi fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-25 ta' Marzu 2021 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent (52); jappella lill-Kummissjoni tiżgura li l-politika agrikola komuni tgħin lill-bdiewa jnaqqsu l-użu tal-pestiċidi; jinkoraġġixxi r-riċerka, l-użu u l-iżvilupp ta' mediċini li huma aktar sikuri għall-ambjent, u jinkoraġġixxi l-implimentazzjoni ta' mekkaniżmi effiċjenti għat-tneħħija tal-iskart li jevitaw li jniġġsu l-ambjent, skont l-objettivi tal-Istrateġija Farmaċewtika għall-Ewropa;

    29.

    Jisħaq fuq il-ħtieġa tal-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva riveduta dwar l-Ilma tax-Xorb (53) u l-implimentazzjoni u l-infurzar tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (54), li ser inaqqsu l-konċentrazzjonijiet fl-ilmijiet tal-wiċċ u tal-art ta' ċerti sustanzi niġġiesa li jistgħu jikkontribwixxu għall-inċidenza tal-kanċer;

    30.

    Jitlob b'mod partikolari t-tisħiħ tar-rekwiżiti tal-informazzjoni dwar il-karċinoġeniċità fl-ambitu tar-Regolament dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi (REACH) (55) sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati s-sustanzi karċinoġeniċi kollha mmanifatturati jew importati, irrispettivament mill-volum tagħhom, f'konformità mal-Istrateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà, u jappella wkoll għar-reġistrazzjoni, l-evalwazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni tas-sustanzi kimiċi, inkluż l-EDCs, fl-ambitu tar-Regolament REACH jitwettqu flimkien mal-valutazzjonijiet tal-IARC u tad-WHO; jilqa' l-impenn tal-Istrateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà għall-estensjoni tal-approċċ ġeneriku għall-ġestjoni tar-riskju biex ikun żgurat li l-prodotti tal-konsumatur ma jkunx fihom sustanzi kimiċi li jikkawżaw il-kanċer u l-mutazzjonijiet ta' ġeni u li jaffettwaw is-sistema riproduttiva jew endokrinali, jew li huma persistenti u bjoakkumulattivi u tossiċi; jistieden lill-Kummissjoni timplimenta b'mod rapidu l-miżuri ppjanati fl-Istrateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà biex jitnaqqas l-esponiment taċ-ċittadini għal sustanzi karċinoġeniċi u li jfixklu s-sistema endokrinali permezz tal-mogħdijiet kollha ta' esponiment; jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lis-segmenti tal-popolazzjoni li huma partikolarment vulnerabbli għas-sustanzi kimiċi perikolużi u tqis aħjar lil dawk il-popolazzjonijiet vulnerabbli fil-valutazzjonijiet tar-riskju tas-sustanzi kimiċi; jisħaq li informazzjoni lill-konsumaturi dwar mogħdijiet ta' esponiment fil-ħajja ta' kuljum tagħhom hija kruċjali biex tissaħħaħ il-prevenzjoni u jilqa' f'dan ir-rigward l-istabbiliment tal-bażi tad-data dwar Sustanzi ta' Tħassib fil-Prodotti; jappella lill-EEA tipproduċi rapport flimkien mal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi dwar is-sustanzi kimiċi fl-ambjent fl-Ewropa; jappella biex ir-rapport jivvaluta n-natura sistemika tas-sustanzi kimiċi karċinoġeniċi u tal-EDCs fis-sistemi tal-produzzjoni u l-konsum tal-Ewropa, l-użu tagħhom fi prodotti, l-okkorrenza tagħhom fl-ambjent tal-Ewropa u l-ħsara kkawżata lis-saħħa tal-bniedem, b'mod speċjali fir-rigward tal-kanċer;

    31.

    Iqis li l-eżami li jmiss tal-ECAC ser ikollu jqis l-aktar għarfien reċenti dwar il-karċinoġeni ambjentali; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi mingħajr dewmien reviżjoni tal-Artikolu 68(2) ta' REACH, ir-Regolament dwar il-Materjali li Jiġu f'Kuntatt mal-Ikel (56), ir-Regolament dwar il-Prodotti Kożmetiċi (57), id-Direttiva dwar is-Sikurezza tal-Ġugarelli (58) u leġiżlazzjoni rilevanti oħra dwar il-prodotti tal-konsumaturi biex ikun żgurat li prodotti tal-konsumaturi ma jkunx fihom sustanzi kimiċi li jikkawżaw il-kanċer skont l-Istrateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà; jappella, barra minn hekk, għar-reviżjoni regolari ta' din il-leġiżlazzjoni biex tqis l-iżvilupp ta' materjali, xejriet u prodotti ġodda; jissottolinja li interferenti endokrinali (EDs) huma preżenti fl-ikel, materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel, kożmetiċi, oġġetti għall-konsumatur, ġugarelli, kif ukoll l-ilma tax-xorb u li esponiment, anke f'dożi baxxi, jistgħu jinduċu effetti avversi fuq terminu qasir u twil, inkluż il-kanċer (59); jenfasizza li minħabba l-esponiment mifrux tal-popolazzjoni tal-UE għal ħafna EDs issuspettati u magħrufa u l-fatt li l-esponiment kombinat għal diversi EDs li jaġixxu fuq mogħdijiet simili jew differenti jista' jkollhom effetti kumulattivi, hemm il-ħtieġa li jiġi minimizzat l-esponiment għal EDs u li r-regolamentazzjoni tal-UE ssir aktar konsistenti fis-setturi; jinkoraġġixxi aktar riċerka sabiex tiġi determinata l-kapaċità ta' sustanzi kimiċi li jaġixxu bħala interferenti endokrinali;

    32.

    Jappoġġja bis-sħiħ l-impenn tal-Kummissjoni fl-ambitu tal-Istrateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà biex jiġi emendat ir-Regolament dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet (ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 (60)) biex jiġu introdotti klassijiet ġodda ta' periklu dwar, fost oħrajn, EDs, inklużi EDs ssuspettati, u biex jiġu aġġornati r-rekwiżiti ta' informazzjoni fil-leġiżlazzjoni rilevanti kollha biex tkun tista' ssir l-identifikazzjoni tagħhom;

    33.

    Jappella lill-Kummissjoni biex tintegra l-approċċ “disinn mingħajr tniġġis (benign by design)” fir-rekwiżiti regolatorji kollha relatati mal-produzzjoni tas-sustanzi kimiċi u farmaċewtiċi, sabiex tieħu approċċ verament ta' prekawzjoni għall-mitigazzjoni tar-riskji għas-saħħa, is-soċjetà u l-ambjent tagħna;

    34.

    Jilqa' l-pubblikazzjoni tal-qafas strateġiku l-ġdid tal-UE dwar is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali għall-perjodu 2021-2027, b'mod partikolari l-approċċ “Vision Zero” għal imwiet relatati mal-post tax-xogħol kif ukoll is-summit ta' analiżi tas-saħħa u s-sigurtà okkupazzjonali ppjanat fl-2023 sabiex jiġi evalwat il-progress lejn “Vision Zero”; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' involviment mill-qrib u regolari tas-sħab soċjali u tal-partijiet ikkonċernati f'din l-istrateġija; jiddispjaċih, madankollu, dwar l-għadd limitat ta' sustanzi indirizzati fl-istrateġija; jinkoraġġixxi l-analiżijiet u r-riċerka kostanti dwar sustanzi ġodda ssuspettati li huma karċinoġeniċi, mutaġenċi u/jew tossiċi għar-riproduzzjoni, l-istabbiliment ta' OELs għas-sustanzi kimiċi li għalihom għadhom ma jeżistux, u reviżjonijiet perjodiċi kull meta dan isir neċessarju fid-dawl ta' data xjentifika u żviluppi tekniċi aktar reċenti; jilqa' l-istħarriġ tal-ħaddiema mħejji mill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA) dwar l-esponiment għal fatturi ta' riskju għall-kanċer; jisħaq li programmi ta' bijomonitoraġġ uman aktar sistematiċi, f'konformità sħiħa mal-miżuri tal-protezzjoni tad-data, kemm f'ambjenti okkupazzjonali kif ukoll f'dawk mhux okkupazzjonali, jistgħu jkunu wieħed minn diversi sorsi rilevanti ta' informazzjoni dwar l-effetti ġenerali tal-esponiment kimiku u impatti fuq is-saħħa; jappella, għaldaqstant, lill-Kummissjoni biex iżżid l-ambizzjoni tagħha bħala kwistjoni urġenti permezz ta' aġġornamenti ambizzjużi u regolari tad-Direttiva 2004/37/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji relatati mal-esponiment għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol; biex isir dan, jappella lill-Kummissjoni, b'segwitu għal konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv dwar is-Saħħa u s-Sikurezza, tippreżenta pjan ta' azzjoni biex jinkisbu valuri OEL għal mill-inqas 25 sustanza, grupp ta' sustanzi jew sustanzi ġġenerati minn proċess, addizzjonali sal-2024; jisħaq fuq il-ħtieġa, f'dan ir-rigward, li l-Kummissjoni żżid il-kapaċità biex tirrieżamina l-OELs u li żżid oħrajn ġodda, inkluż permezz taż-żieda fl-għadd ta' persunal fl-unitajiet u l-awtoritajiet rilevanti; ifakkar, f'dan il-kuntest, li n-negozjati li għaddejjin dwar ir-raba' reviżjoni tad-Direttiva 2004/37/KE huma opportunità biex fl-Anness 1 jiġi inkluż ukoll xogħol li jinvolvi esponiment għal prodotti mediċinali perikolużi li jissodisfaw il-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġeniċi, mutaġeniċi u/jew tossiċi tal-kategorija ta' riproduzzjoni 1A jew 1B stipulati fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, sabiex jiġu żgurati l-aħjar miżuri ta' protezzjoni ġenerali u individwali għall-ħaddiema li jaħdmu b'dawn il-prodotti; itenni l-appell tiegħu biex ikun hemm sistema koerenti, trasparenti u bbażata fuq ir-riskju ġdida li għandha tiġi stabbilita ħalli jiġu stipulati limiti ta' esponiment u jitqies aħjar l-esponiment tal-ħaddiema għal kombinazzjoni ta' sustanzi; jilqa' l-impenn mill-Kummissjoni li żżid l-EDs bħala kategorija ta' sustanzi ta' tħassib serju ħafna taħt ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ir-Regolament REACH) u biex tikklassifikahom taħt ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008; jisħaq fuq li l-ħaddiema għandhom jiġu protetti wkoll mill-esponiment għall-EDs; jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li fl-2022 tippreżenta proposta legali biex tkompli tnaqqas l-esponiment tal-ħaddiema għall-asbestos, karċinoġenu li ġie pprovat (Grupp 1) skont l-IARC, li għadu responsabbli għal madwar nofs il-kanċers okkupazzjonali kollha fl-Ewropa; itenni f'dan ir-rigward it-talbiet tal-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2021 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mill-asbestos (61), b'mod partikolari t-talba tiegħu għal strateġija Ewropea għat-tneħħija tal-asbestos kollu u l-proposti tiegħu għal evalwazzjoni aħjar tar-riskji marbuta mal-esponiment okkupazzjonali għall-asbestos; jitlob lill-Istati Membri jiffaċilitaw ir-rikonoxximent u l-kumpens għal kanċers li hemm provi li huma relatati max-xogħol u jsaħħu l-monitoraġġ mill-ispettorati tax-xogħol għall-esponiment relatat max-xogħol;

    35.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jilħqu l-SDGs tan-NU mmirati lejn il-mard li jittieħed sabiex jippromwovu l-prevenzjoni ta' tipi ta' kanċer relatati ma' mard infettiv; jilqa' l-programmi ta' tilqim fil-ġlieda kontra t-trażmissjoni tal-HPV; jinsisti li fl-Istati Membri jiġi implimentat programm ta' tilqim kontra l-HPV li jkun newtrali għall-ġeneru u ffinanzjat pubblikament sabiex tiġi żgurata l-eliminazzjoni ta' kull kanċer relatat mal-HPV, u jitlob li 90 % tal-bniet jitlaqqmu kompletament, u li jiżdied b'mod sinifikanti t-tilqim tas-subien, b'tilqima kontra l-HPV qabel l-età ta' 15-il sena sal-2030; iħeġġeġ li l-progress lejn l-objettivi tal-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer dwar it-tilqim kontra l-HPV isir rapport dwaru fir-Reġistru tal-Inugwaljanzi b'rabta mal-Kanċer; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Diċembru 2018 dwar kooperazzjoni msaħħa kontra l-mard li jista' jiġi evitat bit-tilqim (62) sabiex jitnaqqsu l-inugwaljanzi fl-immunizzazzjoni fost gruppi vulnerabbli u tittejjeb l-immunizzazzjoni fit-tfal; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar tipi ta' kanċer li jistgħu jiġu evitati bit-tilqim; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-bżonn ta' azzjonijiet koordinati mmirati lejn viruses karċinoġeniċi, bħall-HPV u l-virus tal-epatite B (HBV), sabiex tiġi evitata t-trażmissjoni tagħhom; jappella għal armonizzazzjoni akbar f'dak li għandu x'jaqsam mat-tilqim kontra l-HPV u l-HBV fil-programmi nazzjonali tal-Istati Membri, filwaqt li jiġi żgurat l-għoti ta' informazzjoni dwar it-tilqim u l-promozzjoni ta' aċċess ugwali għall-gruppi ta' adulti vulnerabbli u f'riskju; iħeġġeġ monitoraġġ regolari tat-tilqim attwali kontra l-HPV u l-HBV fil-livell tal-UE permezz ta' sistema ta' traċċar simili għal dik żviluppata għall-COVID-19 miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC), li jinkoraġġixxi wkoll lill-Istati Membri jadottaw l-aħjar prattika u jżommu l-momentum; jistieden lill-Istati Membri jarmonizzaw id-data, iżidu l-interoperabbiltà u jkomplu jiżviluppaw is-sistemi nazzjonali tad-data dwar l-immunizzazzjoni; jissottolinja li l-ECDC għandu jkollu rwol ewlieni fil-monitoraġġ tal-progress magħmul mill-Istati Membri; jesprimi l-appoġġ tiegħu favur aktar riċerka għall-iżvilupp ta' vaċċini kontra viruses oħrajn bħall-virus tal-epatite C u l-human immunodeficiency virus (HIV); iqis li, sadanittant, għandu jsir użu massiċċ minn soluzzjonijiet terapewtiċi sabiex jintlaħaq l-objettiv tad-WHO li l-epatite C tinqered sal-2030 u jistieden lill-Kummissjoni tiffinanzja sforzi relatati mal-iskrinjar permezz ta' riżorsi finanzjarji mill-Fond għall-Irkupru u r-Reżiljenza sabiex jintlaħqu dawn il-miri; jitlob kooperazzjoni mal-Istati Membri u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali biex jiġi miġġieled l-impatt tal-miżinformazzjoni fuq it-tilqim u tiġi indirizzata l-eżitazzjoni għat-tilqim; jappella biex il-programm l-UE għas-Saħħa u flussi ta' finanzjament oħrajn tal-UE jintużaw għal dan il-għan, inkluż b'appoġġ għal sforzi biex titqajjem kuxjenza fost iċ-ċittadini, l-edukaturi u l-professjonisti fil-kura tas-saħħa kif ukoll b'appoġġ għar-riċerka komportamentali fl-ambitu tal-programm Orizzont Ewropa; jirrakkomanda applikazzjoni msaħħa tal-Kodiċi ta' Prattika tal-UE dwar id-Diżinformazzjoni, partikolarment fir-rigward ta' miżinformazzjoni dwar il-vaċċini;

    36.

    Jirrimarka li data reċenti tikkonferma li persuni li jbatu minn infjammazzjoni kronika, inkluż minn mard rewmatiku u muskoloskeletali (RMDs) għandhom riskju akbar li jiżviluppaw kanċer u tumuri malinni oħra; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu spinta lir-riċerka dwar ir-relazzjoni bejn l-infjammazzjoni kronika, il-kanċer u l-RMDs;

    37.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jinvestu fir-riċerka fil-kawżi tal-kanċer fl-adulti iżda anke dak fit-tfal u fl-adolexxenti;

    38.

    Jenfasizza l-importanza li jiġi allokat finanzjament xieraq għar-riċerka fix-xjenza u l-istudji umanistiċi soċjali sabiex jiġu evalwati l-inugwaljanzi fl-aċċess għall-istandards tal-kura u l-innovazzjoni fil-kanċer fit-tfulija madwar l-Ewropa, li jirrappreżentaw differenzi fir-rati ta' sopravivenza tal-pazjenti bil-kanċer pedjatriku ta' madwar 20 % fost l-Istati Membri, u li jiġu fformulati miżuri ta' mitigazzjoni sabiex jiġu ggarantiti drittijiet ekwi u aċċess għat-trattament għat-tfal u ż-żgħażagħ kollha bil-kanċer fl-Ewropa; jesprimi dispjaċir f'dan ir-rigward għad-disparitajiet f'termini ta' aċċess għal servizzi tal-kura tas-saħħa ta' kwalità għolja fost l-Istati Membri kif ukoll bejn reġjuni differenti fl-Istati Membri u jitlob lill-Kummissjoni tindirizza dawk id-disparitajiet permezz ta' miżuri leġiżlattivi xierqa sabiex tiżgura drittijiet indaqs fl-UE;

    39.

    Jirrakkomanda t-tħeġġiġ tat-treddigħ biex jitnaqqas ir-riskju ta' kanċer tas-sider fin-nisa billi l-ommijiet jiġu infurmati u edukati dwar il-benefiċċji tat-treddigħ;

    40.

    Jirrimarka li ntweriet predispożizzjoni ġenetika għall-kanċer relatata ma' mutazzjonijiet ta' ġeni speċifiċi; jenfasizza li jeżistu metodi biex jiġu identifikati dawn il-mutazzjonijiet, mat-twelid għad-detezzjoni ta' ċerti tipi ta' kanċer fit-tfal jew tul il-ħajja, speċjalment għall-kanċer tas-sider, tal-ovarji u kolorettali, u li d-detezzjoni ta' dawn il-mutazzjonijiet tista' tgħin fil-prevenzjoni jew fid-detezzjoni ta' kanċer fi stadju bikri u jiggwidaw għażliet ta' trattament; jirrakkomanda, għalhekk, li l-Istati Membri jappoġġjaw aċċess akbar għall-pazjenti fl-etajiet kollha għall-ittestjar ġenetiku flimkien ma' konsulenza medika u dijanjostika ta' sekwenzjar avvanzat billi jallokaw finanzjament u joħolqu perkorsi ċari għal rimborż rapidu u effiċjenti, u jqajmu kuxjenza dwar sa liema punt iċ-ċittadini jistgħu jaċċessaw tali servizzi fl-Unjoni; jirrakkomanda li tingħata spinta lill-investiment fl-infrastruttura u l-ħiliet relatati mal-pjattaformi ta' sekwenzjar ġenetiku u t-taħriġ ta' konsulenti ġenetiċi speċjalizzati f'unitajiet speċifiċi, kif diġà hemm f'xi ċentri; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja r-riċerka fil-ġenetika sabiex jinstabu ġenotipi bi probabbiltà akbar li jiżviluppaw ċerti tipi ta' kanċer, inkluż il-kanċer fit-tfal, bħala mard b'esponiment qasir għal aġenti esterni;

    41.

    Jenfasizza li tekniki bħall-epidemjoloġija molekulari jistgħu jipprovdu għarfien ġdid fl-interazzjonijiet ġenetiċi u ambjentali fil-kanċer meta mqabbla ma' epidemjoloġija regolari; jirrimarka li dan l-għarfien, flimkien ma' studji oħra fl-epiġenetika, jista' jintuża biex titjieb il-komprensjoni ta' fatturi ta' riskju li jikkontribwixxu għall-kawżi tal-kanċer u tiżdied id-detezzjoni bikrija;

    42.

    Jappoġġja bil-qawwa r-reviżjoni ppjanata tal-ECAC sabiex jiġu żviluppati, kondiviżi u implimentati l-aħjar prattiki fil-programmi għall-prevenzjoni tal-kanċer, b'enfasi fuq gruppi żvantaġġati, u t-tnedija ta' applikazzjoni Ewropea mobbli u faċli biex tintuża li tassisti lill-persuni u tkopri l-prevenzjoni tal-kanċer u l-edukazzjoni għall-kura, kif imħabbar fil-Pjan; jenfasizza li, minbarra li tkun disponibbli fuq applikazzjonijiet mobbli, l-informazzjoni aġġornata għandha tkun disponibbli f'formati mhux diġitali wkoll biex tiġi żgurata l-inklużività; jisħaq li l-ECAC għandu jiġi evalwat sistematikament u li x-xogħol fuq l-evalwazzjoni għandu jkompli jiġi kkoordinat mill-Kummissjoni;

    43.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jippromwovu l-litteriżmu fis-saħħa dwar ir-riskji u d-determinanti tal-kanċer kif ukoll il-litteriżmu diġitali relatat miegħu, jiżviluppaw għodod edukattivi għall-prevenzjoni u jappoġġjaw il-ħolqien ta' pjattaformi u applikazzjonijiet ta' apprendiment elettroniku; jitlob li tingħata attenzjoni partikolari lill-persuni żvantaġġati, vulnerabbli, esklużi soċjalment u emarġinati, u jenfasizza li kampanji speċifiċi ta' sensibilizzazzjoni għal gruppi bi ħtiġijiet partikolari ta' litteriżmu fis-saħħa huma essenzjali; jinnota l-importanza li jiżdied il-litteriżmu fis-saħħa dwar sustanzi karċinoġeniċi fuq il-post tax-xogħol u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li min iħaddem jipprovdi taħriġ xieraq; jissottolinja li l-fornituri tal-kura tas-saħħa primarja għandhom rwol importanti fil-promozzjoni tas-saħħa fost diversi gruppi tal-popolazzjoni, peress li jistgħu jadattaw l-azzjonijiet tagħhom fil-promozzjoni tas-saħħa għall-ħtiġijiet tal-pazjenti fid-dawl tal-ħiliet diġitali ta' dawn tal-aħħar, u anke fl-assenza ta' ħiliet; iqis li l-prevenzjoni tal-kanċer tikkostitwixxi l-ewwel pass lejn politika Ewropea ta' edukazzjoni dwar is-saħħa pubblika;

    44.

    Jappella għat-tisħiħ kontinwu taċ-Ċentru tal-Għarfien dwar il-Kanċer, li għandu jkun inkarigat bil-ħolqien ta' pjan direzzjonali Ewropew għat-tfassil u l-koordinazzjoni ta' kampanji ta' prevenzjoni fuq skala kbira, f'sinerġija ma' programmi nazzjonali, u kampanji ta' komunikazzjoni effettivi dwar il-promozzjoni tas-saħħa fi programmi edukattivi (imġiba li ma tagħmilx ħsara, nutrizzjoni tajba għas-saħħa, attività fiżika, rotot ta' trażmissjoni ta' viruses karċinoġeniċi u opportunitajiet ta' tilqim u trattament għal infezzjonijiet bħal dawn, eċċ.) b'enfasi speċjali fuq iż-żgħażagħ u l-gruppi żvantaġġati; jinnota l-importanza tal-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili nazzjonali u lokali fl-iżvilupp tal-messaġġ għal kampanji bħal dawn;

    45.

    Jissottolinja li l-konsum tat-tabakk u l-konsum dannuż tal-alkoħol, nutrizzjoni ħażina, indiċi tal-massa tal-ġisem għoli, stil ta' ħajja sedentarju u t-tniġġis tal-ambjent huma fatturi ta' riskju komuni għal mard kroniku ieħor; jemmen, għalhekk, li l-prevenzjoni tal-kanċer u l-miżuri għat-tnaqqis tar-riskju għandhom jiġu implimentati fil-kuntest ta' programm integrat għall-prevenzjoni tal-mard kroniku, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Grupp ta' Tmexxija dwar il-Promozzjoni tas-Saħħa, il-Prevenzjoni tal-Mard u l-Ġestjoni tal-Mard mhux Komunikabbli; jappella għal summit ta' rendikont u prevenzjoni li jiffoka fuq id-determinanti tal-kanċer prodotti kummerċjalment u mard kroniku ieħor, li jlaqqa' flimkien lill-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri, l-assoċjazzjonijiet tal-pazjenti u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili attivi fil-qasam tas-saħħa;

    46.

    Jappella biex l-implimentazzjoni ta' programmi ta' prevenzjoni tkun inklużiva, bl-involviment tar-reġjuni u l-muniċipalitajiet, iċ-ċittadini, is-soċjetà ċivili u l-assoċjazzjonijiet tal-pazjenti fil-proċess deċiżjonali kollu, speċjalment permezz tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa;

    II.   L-inklużività fl-iskrinjar u d-detezzjoni tal-kanċer

    47.

    Jiddeplora d-dewmien frekwenti u n-nuqqasijiet fid-dijanjożi f'waqtha ta' kanċers sintomatiċi minħabba nuqqas ta' informazzjoni jew aderenza mal-proċessi ta' skrinjar u detezzjoni tal-kanċer; jirrikonoxxi l-bżonn li tingħata attenzjoni partikolari lill-kontinwità tal-programmi ta' skrinjar u s-servizzi għad-detezzjoni bikrija u l-kura tal-kanċer waqt kriżi tas-saħħa (bħall-kriżi tal-COVID-19) jew f'sitwazzjonijiet fejn tonqos il-kapaċità tas-sistemi tal-kura tas-saħħa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jorganizzaw, bi sħab mal-partijiet ikkonċernati fil-qasam tal-kanċer, kampanji tas-saħħa pubblika li jindirizzaw kwalunkwe dewmien fl-iskrinjar, id-detezzjoni bikrija u l-kura li tista' tikkawża kriżi tas-saħħa; jisħaq fuq l-importanza ta' data veloċi u aġġornata dwar il-programmi ta' skrinjar tal-kanċer li jippermetti reazzjoni rapida u segwitu f'każ ta' tfixkil fil-kapaċitajiet ta' skrinjar regolari bl-għan li l-posponiment tal-iskrinjar jitnaqqas għal minimu assolut;

    48.

    Jiddeplora l-inugwaljanzi li jeżistu bejn Stat Membru u ieħor fl-aċċess għall-iskrinjar tal-kanċer, li jirriżultaw f'inqas possibbiltajiet ta' sopravivenza minħabba d-dijanjożi tardiva tal-kanċer, li jirrappreżenta diskriminazzjoni inaċċettabbli fil-konfront taċ-ċittadini tal-UE abbażi tal-pajjiż fejn jgħixu; jissottolinja li, skont l-Eurostat, il-kopertura tal-iskrinjar tal-kanċer tas-sider madwar l-UE tvarja tal-anqas b'għaxar darbiet; jirrimarka li l-pubblikazzjoni “Health at a Glance: Europe 2018” innutat li, għall-iskrinjar tal-kanċer ċervikali, id-differenza bejn l-Istati Membri fil-kopertura tal-popolazzjoni fil-mira tvarja minn 25 % sa 80 %; jinnota, pereżempju, li fl-aktar rapport reċenti tal-IARC dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-2003 dwar l-iskrinjar, 18-il Stat Membru biss irrappurtaw li għandhom programmi ta' skrinjar nazzjonali jew reġjonali bbażati fuq il-popolazzjoni għall-kanċer tas-sider, ċervikali u kolorettali; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja proġetti, pereżempju permezz tal-programm l-UE għas-Saħħa, il-Missjoni dwar il-Kanċer ta' Orizzont Ewropa jew programmi rilevanti oħra, li jesploraw l-ostakli li jillimitaw id-detezzjoni bikrija u d-dijanjożi bikrija tal-kanċer fl-Ewropa;

    49.

    Jistieden lill-Istati Membri jaħdmu flimkien, speċjalment f'reġjuni transkonfinali u żoni iżolati (inklużi żoni muntanjużi u żoni urbani mbiegħda miċ-ċentri tal-iskrinjar), biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi soċjali u ġeografiċi fl-iskrinjar tal-kanċer u s-servizzi ta' dijanjożi bikrija;

    50.

    Jappoġġja t-tnedija ta' skema ġdida għall-iskrinjar tal-kanċer appoġġjata mill-UE, kif imħabbar fil-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer, li tgħin lill-Istati Membri jiżguraw li, sal-2025, 90 % tal-popolazzjoni tal-UE li tikkwalifika għall-iskrinjar tal-kanċer tas-sider, ċervikali u kolorettali tiġi offruta skrinjar; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi tipi oħra ta' kanċer fl-iskema, abbażi tal-aħħar evidenza xjentifika, b'miri ċari għal kull tip ta' kanċer; jappoġġja r-riċerka dwar tipi oħra ta' kanċer li jistgħu jiġu identifikati b'mod effettiv permezz tal-iskrinjar; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa r-riżultati tal-iskema ta' skrinjar tal-kanċer f'termini ta' aċċess ugwali għall-popolazzjoni fil-mira kull sentejn, iżżomm kont tal-inugwaljanzi bejn l-Istati Membri u r-reġjuni, tipproponi miżuri ġodda xierqa u torbot il-programmi ta' skrinjar mal-aktar riżultati reċenti fir-riċerka dwar l-iskrinjar tal-kanċer u, jekk ikun hemm bżonn, tressaq miżuri għaż-żieda fl-iskrinjar u s-servizzi ta' prevenzjoni fl-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jimmonitorjaw u jirrappurtaw dwar il-progress fl-ilħuq tal-miri tal-iskrinjar fir-Reġistru tal-Inugwaljanzi b'rabta mal-Kanċer;

    51.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu l-iskrinjar għall-kanċer tas-sider, ċervikali u kolorettali bħala parti minn programmi nazzjonali u reġjonali organizzati bbażati fuq il-popolazzjoni, inkluż fir-reġjuni remoti u ultraperiferiċi, u jipprovdu riżorsi adegwati għal dan; itenni li, fl-istess ħin, fil-Pjan għandha ssir enfasi akbar fuq l-inizjattivi ta' skrinjar, dijanjożi u trattament għat-tipi ta' kanċer li ma jistgħux jiġu evitati; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu skrinjar immirat għal gruppi f'riskju kbir; jirrakkomanda bil-qawwa li l-Istati Membri jiżviluppaw politika komprensiva ta' skrinjar li tippermetti skrinjar f'waqtu meta jiġu identifikati tipi ta' kanċer b'karatteristiċi ereditarji; jirrakkomanda li l-Istati Membri joħolqu programmi ta' riċerka u żvilupp dwar metodi ta' dijanjożi bikrija effettivi, preċiżi, mhux invażivi u innovattivi, bħall-bijomarkaturi, għal tipi differenti ta' kanċer;

    52.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ il-linji gwida Ewropej għall-assigurazzjoni tal-kwalità fl-iskrinjar għall-kanċer tas-sider, ċervikali u kolorettali u s-servizzi ta' detezzjoni bikrija, biex tiġi minimizzata t-tempistika tad-dijanjożi għal dawn it-tipi ta' kanċer; jirrakkomanda li jiġu indirizzati l-inugwaljanzi fl-Istati Membri fir-rigward tal-iskrinjar, possibbilment billi l-kriterji għall-iskrinjar tal-kanċer, l-oqfsa legali u l-governanza kif ukoll l-istrutturi tal-assigurazzjoni tal-kwalità jsiru aktar rigorużi u bbażati fuq ix-xjenza; iqis li sabiex jiġu indirizzati d-disparitajiet fl-iskrinjar tal-kanċer, hemm bżonn protokolli ta' skrinjar standardizzati komuni fil-livell tal-UE, li jmorru lil hinn mil-linji gwida dwar l-aħjar prattika, eż. dwar algoritmi għall-organizzazzjoni ta' programmi ta' skrinjar u indikaturi għall-valutazzjoni tal-kwalità tagħhom;

    53.

    Jinkoraġġixxi t-titjib u l-armonizzazzjoni tal-ġbir tad-data dwar l-iskrinjar tal-kanċer biex ikun jista' jsir rapport Ewropew annwali; jinkoraġġixxi, barra minn hekk, il-monitoraġġ regolari tal-programmi ta' skrinjar attwali fil-livell tal-UE; jenfasizza l-bżonn ta' kollegament bejn is-settijiet tad-data dwar l-inċidenza tal-kanċer mill-programmi ta' skrinjar u l-kategoriji okkupazzjonali, li jista' jgħin biex jiġu identifikati miżuri preventivi xierqa; iqis li t-titjib tas-servizzi tas-saħħa pubblika (inklużi l-finanzjament, l-infrastruttura u aspetti li jinvolvu l-professjonisti tas-saħħa) huwa essenzjali biex jitjiebu l-prevenzjoni, l-iskrinjar u d-dijanjożi tal-kanċer; jenfasizza l-importanza tal-iskrinjar u l-ġbir ta' data dwar komorbiditajiet frekwenti tal-kanċer, sabiex dawn ikunu jistgħu jiġu antiċipati bl-aħjar mod; jissottolinja li l-avvanzi xjentifiċi fit-tbassir tar-riskju tal-kanċer għandhom jippermettu l-iżvilupp ta' programmi ta' skrinjar adatti għar-riskju;

    54.

    Jisħaq fuq il-bżonn ta' monitoraġġ mill-qrib tal-pazjenti tal-epatite B u C attwali u preċedenti biex jiġi evitat l-iżvilupp tal-kanċer;

    55.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra l-possibbiltà li tiffaċilita sistema tat-“tieni opinjoni” fi ħdan id-Direttiva dwar il-Kura tas-Saħħa Transkonfinali (63) għal każijiet ta' kanċer diffiċli jew atipiċi, u jirrakkomanda li l-Istati Membri jintroduċu d-dritt tal-pazjenti li jitolbu li speċjalisti minn Stat Membru jkunu jistgħu jfittxu l-parir ta' speċjalisti minn Stat Membru ieħor fil-qafas ta' sistema koerenti waħda;

    56.

    Jilqa' l-proċess mibdi mill-Grupp ta' Konsulenti Xjentifiċi Ewlenin tal-Kummissjoni u l-Mekkaniżmu ta' Konsulenza Xjentifika dwar l-aġġornament li jmiss tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2003 dwar l-iskrinjar tal-kanċer tas-sider, ċervikali u kolorettali, biex jitqiesu testijiet ġodda ta' skrinjar u l-aktar data reċenti dwar l-aħjar protokolli ta' skrinjar (immaġnijiet b'riżonanza manjetika u ttestjar tal-HPV, approċċi stratifikati skont ir-riskju u kalkulaturi tar-riskju); jenfasizza li l-informazzjoni dwar dawk il-programmi ta' skrinjar għandha tiġi trażmessa liċ-Ċentru tal-Għarfien dwar il-Kanċer taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (l-età tal-bidu u l-konkorrenza sussegwenti, l-impatt fuq is-sopravivenza, il-kosteffikaċja eċċ.) u li dawn għandhom jiġu evalwati regolarment mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa linji gwida tal-UE għat-trawwim ta' sforzi ta' riċerka sabiex tiġi vvalutata l-inklużjoni ta' programmi ġodda ta' skrinjar tal-kanċer ibbażati fuq ix-xjenza (inkluż il-kanċer tal-pulmun, tal-prostata, tal-istonku u tal-ovarji) u r-rwol tal-intelliġenza artifiċjali bħala parti mill-aġġornament tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill fl-2022, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-IARC, id-WHO, il-professjonisti fil-kura tas-saħħa u l-organizzazzjonijiet tal-pazjenti; jitlob li tiġi rikonoxxuta l-evidenza li turi l-effett pożittiv tal-iskrinjar immirat tal-kanċer tal-pulmun fuq il-mortalità; iħeġġeġ lill-Kunsill biex, abbażi tal-eżitu tal-valutazzjoni msemmija hawn fuq, jikkunsidra li jinkludi l-iskrinjar tal-kanċer tal-pulmun u tal-prostata fl-aġġornament tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill fl-2022; jitlob li, fid-dawl tal-opinjoni tal-Konsulenti Xjentifiċi Ewlenin tal-Kummissjoni u l-aġġornament tal-2022 tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-iskrinjar tal-kanċer, jiġu stabbiliti miri ċari u tanġibbli dwar kwalunkwe kanċer ġdid li jrid jiġi indirizzat;

    57.

    Jirrakkomanda t-tnedija ta' pjattaforma għaċ-ċentri nazzjonali tal-iskrinjar fil-livell tal-UE, abbażi tal-esperjenza ta' pjattaformi simili għall-iskambju u l-kooperazzjoni bħan-Network Ewropew għall-Valutazzjoni tat-Teknoloġija tas-Saħħa u l-Kapijiet tal-Aġenziji tal-Mediċini; jirrakkomanda li din il-pjattaforma tiġi fdata bil-kondiviżjoni tal-għarfien espert u l-implimentazzjoni tal-aħjar prattiki, id-diskussjoni dwar sfidi komuni, il-kollaborazzjoni, it-taħriġ u l-bini tal-kapaċitajiet għat-titjib tal-kwalità fil-programmi ta' skrinjar, taġixxi bħala hub ċentrali għal proġetti u inizjattivi dwar il-kanċer appoġġjati mill-UE, u tmantni fuq terminu twil in-network ta' fornituri tad-data għar-rapport ta' implimentazzjoni tal-IARC dwar l-iskrinjar tal-kanċer;

    58.

    Jisħaq fuq l-importanza ta' detezzjoni bikrija fost iċ-ċittadini tal-UE, kif ukoll li titqajjem aktar kuxjenza dwar l-iskrinjar tal-kanċer u tiżdied il-konkorrenza għalih, permezz ta' kampanja ta' sensibilizzazzjoni fl-Unjoni kollha bħala parti mill-Jiem Ewropej għall-Għarfien, studji dwar il-motivazzjoni u implimentazzjoni aħjar tal-kampanji ta' komunikazzjoni eżistenti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw, jiffinanzjaw u jimplimentaw aktar azzjonijiet immirati lejn is-sensibilizzazzjoni dwar l-iskrinjar tal-kanċer u l-promozzjoni tal-parteċipazzjoni fl-iskrinjar kemm fost il-popolazzjoni ġenerali kif ukoll għar-residenti eliġibbli permezz ta' notifiki diretti; iħeġġeġ lill-Istati Membri jaħdmu attivament fuq strateġiji edukattivi fiċ-ċentri tal-kura tas-saħħa primarja; jinkoraġġixxi r-riċerka dwar fatturi ta' aderenza komportamentali u ostakli li jimpedixxu d-detezzjoni u d-dijanjożi bikrija tal-kanċer sabiex tingħata spinta lill-parteċipazzjoni fi programmi ta' skrinjar, bl-appoġġ ta' finanzjament mill-UE bħal dak mogħti fl-ambitu tal-programm ta' riċerka Orizzont Ewropa;

    59.

    Jitlob kooperazzjoni aktar b'saħħitha ma' pajjiżi terzi u speċjalment mar-reġjun Ewropew b'mod ġenerali biex tiġi mħeġġa l-organizzazzjoni ta' kampanji ta' skrinjar u programmi ta' dijanjożi bikrija, b'mod partikolari għall-kanċer fin-nisa u speċjalment f'pajjiżi bi dħul baxx u medju u għall-komunitajiet minoritarji, filwaqt li jitqiesu wkoll l-ispeċifiċitajiet tal-kanċer fin-nisa f'dawk il-pajjiżi; jenfasizza li dan jista' jimmarka kontribut importanti min-naħa tal-UE biex jintlaħqu miri internazzjonali fil-qasam tal-kanċer, bħall-objettiv tad-WHO għall-eliminazzjoni tal-kanċer ċervikali bħala problema tas-saħħa pubblika;

    60.

    Jirrikonoxxi l-importanza tal-medjaturi tas-saħħa, in-navigaturi tal-pazjenti u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u jappella għall-inklużjoni tagħhom fil-proċessi deċiżjonali u fl-istrateġiji għall-allokazzjoni tar-riżorsi; jirrikonoxxi wkoll ir-rwol essenzjali li għandhom, b'mod speċjali fil-kampanji ta' prevenzjoni u tilqim billi jgħinu biex jitneħħew l-ostakli bejn l-awtoritajiet u s-soċjetà, inklużi l-gruppi vulnerabbli;

    61.

    Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni mad-WHO u jaħdmu favur l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet u l-linji gwida tal-politika tad-WHO;

    IIIa. L-ugwaljanza fl-aċċess għall-kura tal-kanċer: lejn kura tal-aqwa kwalità

    62.

    Jiddeplora l-fatt li l-pazjenti fl-UE għadhom jiffaċċjaw sfidi biex jiksbu aċċess għas-servizzi tal-kura tas-saħħa u jipparteċipaw fi provi kliniċi fi Stati Membri oħra u li minoranza biss ta' pazjenti, u mhux il-professjonisti kollha fil-kura tas-saħħa, huma konxji mid-dritt tagħhom li jfittxu kura tas-saħħa f'pajjiż ieħor fl-ambitu ta' żewġ oqfsa eżistenti: id-Direttiva dwar il-Kura tas-Saħħa Transkonfinali u r-Regolament dwar is-Sigurtà Soċjali (64); jitlob riforma tad-Direttiva dwar il-Kura tas-Saħħa Transkonfinali, b'tali mod li din tippermetti mobbiltà u aċċess għal tagħmir u kura speċjalizzati ħafna bit-tisħiħ tal-punti ta' kuntatt nazzjonali permezz ta' aktar riżorsi baġitarji kif ukoll l-iżvilupp ta' linji gwida tal-Kummissjoni li jistabbilixxu skadenzi aċċettabbli u armonizzati għal rieżami u approvazzjoni biex jitħaffef iż-żmien għat-trattament fl-UE skont ir-Regolament dwar is-Sigurtà Soċjali; jitlob żieda fl-għadd ta' kampanji ta' informazzjoni dwar id-drittijiet tal-pazjenti għall-kura tas-saħħa transkonfinali, inklużi dawk immirati lejn il-professjonisti tas-saħħa, kif ukoll l-iżvilupp ta' punt uniku ta' servizz għal informazzjoni dwar il-perkorsi ta' aċċess transkonfinali fl-UE; jenfasizza l-bżonn li jitnaqqsu l-ostakli loġistiċi u lingwistiċi li jħabbtu wiċċhom magħhom il-pazjenti fl-aċċess għall-kura tas-saħħa fi Stat Membru ieħor tal-UE; jisħaq fuq il-bżonn li l-pazjenti jingħataw informazzjoni ċara dwar ir-rekwiżiti ta' awtorizzazzjoni preliminari applikabbli għal ċerti Stati Membri; jissottolinja l-ħtieġa li jingħata appoġġ finanzjarju partikolari lill-ġenituri bi dħul baxx li jakkumpanjaw lil uliedhom barra minn pajjiżhom għat-trattament; jenfasizza l-bżonn li jiġi ffaċilitat il-proċess, permezz tar-reviżjoni olistika tal-oqfsa dwar il-kura tas-saħħa transkonfinali, filwaqt li jingħata piż indaqs lid-Direttiva dwar il-Kura tas-Saħħa Transkonfinali u r-Regolament dwar is-Sigurtà Soċjali, għall-pazjenti li, fid-dawl ta' ħtiġijiet mhux issodisfati u benefiċċji potenzjali, jivvjaġġaw barra mill-pajjiż għal provi kliniċi u jistgħu jiffaċċjaw problemi bħal nuqqas ta' ċarezza dwar protokolli ta' segwitu wara r-ritorn tagħhom u dwar il-kopertura tal-ispejjeż relatati mal-parteċipazzjoni tagħhom fil-provi kliniċi mill-aġenziji nazzjonali tal-assigurazzjoni; jenfasizza l-bżonn ta' kjarifika rigward l-aċċess għal provi kliniċi transkonfinali, billi din mhix ċara fid-Direttiva dwar il-Kura tas-Saħħa Transkonfinali; jissottolinja li l-ispejjeż kollha relatati ma' trattament għandhom jiġu ffinanzjati qabel jibda, biex tiġi evitata l-esklużjoni ta' pazjenti b'introjtu baxx; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra, fil-kuntest tar-reviżjoni li jmiss tal-oqfsa eżistenti, il-ħolqien ta' sett uniku ta' regoli ta' awtorizzazzjoni u rimborż għall-aċċess għall-kura tas-saħħa transkonfinali, inkluż id-dritt għat-tieni opinjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu flimkien biex jevalwaw regolarment l-istrateġija tal-Kummissjoni dwar is-servizzi elettroniċi tas-saħħa mill-2018 b'tali mod li jiġu żgurati rekords elettroniċi interkonnessi, interoperabbiltà aħjar, kif ukoll titjib fil-kwalità tad-data, il-privatezza u s-sigurtà għall-pazjenti bil-kanċer fil-livell reġjonali, nazzjonali u Ewropew u aderenza stretta mar-regoli dwar il-privatezza u s-sigurtà tad-data dwar is-saħħa tal-pazjenti; jinnota l-potenzjal tar-Reġistru tal-Inugwaljanzi b'rabta mal-Kanċer bħala mezz ta' rappurtar u kejl tat-titjib f'dawn l-oqsma;

    63.

    Jinnota l-importanza ta' kura mogħtija malajr u ta' riżultati f'waqthom f'dak li għandu x'jaqsam ma' eżamijiet mediċi rilevanti għall-pazjenti bil-kanċer, billi aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar tavvanza l-marda, u dan jhedded is-sopravivenza tal-pazjenti; jiddispjaċih li, f'ċerti Stati Membri, ir-riżorsi pubbliċi mhumiex adegwati biex jiggarantixxu detezzjoni u trattament f'waqthom, u dan iħalli lill-pazjenti li jiddependu minn assigurazzjoni soċjali pprovduta pubblikament b'inqas possibbiltajiet ta' sopravivenza, u b'hekk bl-ebda għażla oħra ħlief is-settur privat;

    64.

    Jitlob li jiġi kkunsidrat ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki mediċi fil-kura tal-kanċer madwar l-UE u skema ta' rikonoxximent komuni għall-pajjiżi terzi, kif mitlub fid-Direttiva 2005/36/KE (65), li jiżgura li tkun faċilitattiva għall-ispeċjalitajiet relatati mal-onkoloġija; jitlob l-iżvilupp ta' programmi ta' titjib tal-ħiliet biex dawk li jkunu jixtiequ jidħlu fil-qasam tal-onkoloġija jkunu jistgħu jagħmlu dan fi kwalunkwe punt fil-karriera tagħhom;

    65.

    Jappella għar-rikonoxximent sħiħ tal-onkoloġija medika u l-onkoloġija pedjatrika bħala dixxiplini speċjalistiċi, l-istabbiliment ta' standards ta' kwalità pan-Ewropej għall-amministrazzjoni u s-superviżjoni ta' trattamenti mediċi għall-kanċer, kemm għall-adulti kif ukoll għat-tfal, u l-faċilitazzjoni tal-aċċess tal-pazjenti għall-ispeċjalisti tal-kanċer sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn innovazzjonijiet u aċċess għal provi kliniċi bikrija dwar mediċini promettenti ġodda, teknoloġiji tas-saħħa u ċentri ta' referenza għal trattamenti kumplessi bħat-terapija taċ-ċelloli u tal-ġeni; jissottolinja l-bżonn li jiġi żgurat li l-aċċess għall-innovazzjoni fi provi kliniċi bikrin f'każ ta' rikaduta jew għal tumuri malinni diffiċli biex jiġu ttrattati jkun kopert mid-dispożizzjonijiet rilevanti;

    66.

    Jappella għat-tisħiħ tal-ħiliet fil-kirurġija fl-UE permezz tar-rikonoxximent tal-onkoloġija kirurġika bħala dixxiplina speċjalistika, l-istabbiliment ta' standards ta' kwalità pan-Ewropej għall-kirurġija tal-kanċer, il-faċilitazzjoni tal-aċċess tal-pazjenti għal ċentri ta' “volum għoli” għall-kirurġija tal-kanċer u l-aċċess għal proċeduri kirurġiċi innovattivi; jappella għar-rikonoxximent ta' kirurġija ta' kwalità għolja u jissottolinja l-importanza tagħha fil-kura ta' tipi ta' kanċer identifikati fi stadju bikri; jenfasizza l-bżonn li jiġi promoss l-iżvilupp ta' kurrikulu ewlieni fl-onkoloġija kirurġika u taħriġ individwali speċjalistiku fl-onkoloġija kirurġika, u jitlob programmi li jarmonizzaw l-edukazzjoni tal-onkoloġija kirurġika fl-UE; jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-iżvilupp ta' provi kliniċi fl-onkoloġija kirurġika bħala parti mit-trattament lokali-reġjonali u jippromwovi investiment akbar ta' fondi ta' riċerka u innovazzjoni tal-UE u nazzjonali fir-riċerka dwar l-onkoloġija kirurġika; jisħaq fuq l-importanza ta' trattamenti tal-onkoloġija kirurġika standardizzati biex tittejjeb il-kwalità tal-ħajja fit-tul għas-superstiti tal-kanċer;

    67.

    Jappoġġja t-titjib ta' terapija tar-radjazzjoni ta' kwalità għolja fl-UE, kif ukoll iż-żieda u l-ugwaljanza fl-aċċess għaliha, permezz tar-rikonoxximent tal-fiżika medika u t-terapija bir-radjazzjoni bħala dixxiplini dedikati, il-promozzjoni ta' standards komuni tal-edukazzjoni u t-taħriġ, żieda fil-finanzjament tal-UE għall-Istati Membri biex jespandu l-infrastruttura tat-terapija tar-radjazzjoni tagħhom, u investiment akbar f'fondi ta' riċerka u innovazzjoni tal-UE u nazzjonali fir-riċerka dwar it-terapija bir-radjazzjoni;

    68.

    Jitlob il-promozzjoni tal-onkoloġija ġerjatrika bħala fergħa li jistħoqqilha kunsiderazzjoni speċjali u li jeħtieġ li tiġi arrikkita permezz ta' riċerka xjentifika sabiex jiġu aċċertati l-aħjar metodi ta' trattament u dijanjożi għall-pazjenti anzjani; ifakkar li, fl-UE, aktar minn 60 % tal-każijiet ġodda ta' kanċer u aktar minn 70 % tal-imwiet mill-kanċer iseħħu f'persuni li għandhom 65 sena jew aktar; jinnota li, aktar ma l-popolazzjoni tal-UE tixjieħ, dan il-proporzjon huwa mistenni jiżdied u b'hekk jirrappreżenta sfida kruċjali għas-sistemi tal-kura tas-saħħa; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw din is-sitwazzjoni b'urġenza permezz ta' azzjonijiet konkreti; jitlob speċifikament lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni sabiex jiffaċilitaw il-provi kliniċi fl-anzjani, l-implimentazzjoni ta' mudelli multidixxiplinari u komprensivi ta' kura onkoġerjatrika f'mogħdijiet kliniċi ta' rutina, u l-ħolqien ta' ċentri ta' eċċellenza fl-onkoloġija ġerjatrika; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu opportunitajiet għat-taħriġ u t-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema fil-qasam tal-onkoloġija fil-prinċipji tal-ġerjatrija;

    69.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippjanaw azzjonijiet li jippromwovu, fil-kuntest tal-kura u t-trattament, attenzjoni akbar għall-protezzjoni tal-fertilità tal-pazjenti u b'mod partikolari fil-każ tal-kanċer fit-tfal u fl-adolexxenti;

    70.

    Jilqa' l-pjan ta' azzjoni l-ġdid fil-qafas tal-aġenda strateġika għall-applikazzjonijiet tar-radjazzjoni jonizzanti medika (66), li se jkun qed jgħin fis-sigurtà tal-kapaċitajiet ta' produzzjoni u l-provvista ta' isotopi radjuattivi permezz tas-sostituzzjoni tal-flotta attwali li qed tiqdiem u l-implimentazzjoni ta' teknoloġiji eżistenti, b'mod partikolari r-reatturi u l-aċċeleraturi tal-partiċelli, fl-ambitu ta' strumenti finanzjarji eżistenti, l-evitar ta' nuqqasijiet ta' isotopi radjuattivi billi jiġi ffaċilitat il-qsim tal-fruntieri u l-eżenzjonijiet għat-trasport, u t-titjib tal-kwalità u s-sikurezza tat-teknoloġija tar-radjazzjoni fil-mediċina, li bħalissa mhijiex disponibbli b'mod ugwali fl-Istati Membri kollha tal-UE, permezz tal-evalwazzjoni tal-isotopi radjuattivi permezz ta' valutazzjonijiet tat-teknoloġija tas-saħħa, l-armonizzazzjoni tal-aċċess għas-suq, l-affermazzjoni tal-mediċina nukleari bħala speċjalità medika kompletament indipendenti, il-promozzjoni ta' standards ta' taħriġ u l-investiment fir-riċerka dwar il-mediċina nukleari;

    71.

    Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi, u lill-Istati Membri jsaħħu, ir-rwol tal-prattikanti ġenerali, il-pedjatri, l-infermiera, il-professjonisti tal-kura primarja u l-ispeċjalisti, fid-dawl tar-rwol importanti li jiżvolġu fir-riferiment tal-pazjenti għal testijiet dijanjostiċi u speċjalisti fl-onkoloġija, kif ukoll ir-rwol tan-nutrizzjonisti jew id-djetologi, il-psikologi u l-ispeċjalisti tar-riabilitazzjoni matul it-trattament tal-kanċer u l-kura ta' segwitu, sabiex jiġi żgurat l-aċċess għat-trattament u l-kura t-tajba fil-mument it-tajjeb permezz ta' perkors ta' kura ottimali; jappella għall-iżvilupp ta' timijiet multidixxiplinari għall-ġestjoni tal-pazjenti bil-kanċer tul il-perkors tat-trattament tagħhom, u teħid ta' deċiżjonijiet multidixxiplinari fil-qafas ta' laqgħat ta' konċertazzjoni ddedikati (consilia) li jlaqqgħu flimkien diversi speċjalisti tal-kanċer u professjonisti tal-kura primarja; jissottolinja l-importanza li l-professjonisti tas-saħħa jingħataw taħriġ kostanti biex jinżammu aġġornati dwar għażliet ġodda ta' trattament tal-kanċer; jappella biex ir-rwol ta' koordinatur tat-trattament jinfirex aktar sabiex jiġi żgurat li t-trattament tal-pazjenti jkun koordinat kif xieraq u biex il-pazjenti jingħataw aċċess faċli għal informazzjoni aġġornata b'rabta mad-dijanjożi tal-kanċer u pariri dwar kif għandhom jużaw is-sistema tas-saħħa;

    72.

    Iqis li l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2005/36/KE għandu jiġi rivedut b'tali mod li jippermetti r-rikonoxximent reċiproku tal-edukazzjoni dwar l-infermerija tal-kanċer u l-edukazzjoni għal persunal mediku ieħor li jassisti fil-proċess tat-trattament;

    73.

    Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw, fil-programmi nazzjonali tagħhom għall-kontroll tal-kanċer (NCCPs), strateġiji li jinkorporaw u jimplimentaw miżuri preventivi kontra r-riskju ta' eżawriment fost il-professjonisti tal-kura tal-kanċer; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-EU-OSHA jagħtu attenzjoni lil dan it-tħassib, u jenfasizza li dawn għandhom jitqiesu bħala sħab importanti fl-implimentazzjoni tal-Pjan f'dan ir-rigward;

    74.

    Jinkoraġġixxi, fejn ikun fattibbli u sikur, l-użu ta' trattamenti ambulatorji sabiex tiġi ppreservata l-kwalità tal-ħajja tal-pazjenti bil-kanċer u l-familji tagħhom; jisħaq, b'mod partikolari, fuq il-promozzjoni ta' trattamenti ambulatorji għat-tfal dment li l-ispazji/ambjenti rilevanti u l-apparat mediku disponibbli jkunu mfassla b'tali mod li jaqdu l-ħtiġijiet tal-pazjenti pedjatriċi; jenfasizza r-rwol tal-ispiżjara, l-onkologi u l-infermiera fis-segwitu multidixxiplinari tal-pazjenti li jieħdu mediċini orali kontra l-kanċer; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw jew itejbu t-teknoloġiji tas-saħħa elettronika u s-servizzi tat-telemediċina u t-telekura biex jiżguraw il-kontinwità tal-kura tal-kanċer inpatient u outpatient kif ukoll il-kura fil-komunità; iħeġġeġ lill-Kummissjoni timmobilizza finanzjament għar-riċerka fl-ambitu ta' Orizzont Ewropa biex jiġi appoġġjat l-użu tat-telemediċina, u biex jiġi assistit il-ħolqien ta' linji gwida bbażati fuq l-evidenza; jitlob li jittieħdu azzjonijiet biex tiġi żgurata l-ugwaljanza fl-aċċess għas-servizzi tat-telemediċina fl-Istati Membri kollha u finanzjament mill-programmi l-UE għas-Saħħa u Ewropa Diġitali bħala appoġġ biex jiżdied il-litteriżmu diġitali għall-pazjenti u l-professjonisti fil-kura tas-saħħa;

    75.

    Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu servizzi ta' kura palljativa integrali u multidixxiplinari għall-pazjenti bil-kanċer sabiex jittaffewlhom l-uġigħ u l-iskumdità, tiġi promossa l-kura tal-konfort u tiġi żgurata l-preżenza ta' infermiera jew persuni li jieħdu ħsiebhom, filwaqt li tiġi ppreservata d-dinjità tagħhom u tingħata kunsiderazzjoni lill-ippjanar tal-kura minn qabel u l-awtonomija tal-pazjent; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja u tikkoordina skambji regolari ta' informazzjoni u l-implimentazzjoni tal-aħjar prattiki dwar il-kura palljativa u fl-isptarijiet fil-livell tal-UE; jitlob l-iżvilupp ta' kura palljativa speċifika għat-tfal, speċjalment fl-Istati Membri fejn kura ta' dan it-tip għadha mhix offruta b'mod estensiv; iħeġġeġ lill-Istati Membri jindirizzaw il-kura palljativa fl-NCCPs tagħhom, jimmassimizzaw l-għadd ta' unitajiet palljativi f'kull reġjun sabiex l-għadd tagħhom jiġi aġġustat kif xieraq skont il-ħtiġijiet tal-pazjenti, jitnaqqas il-ħin ta' stennija u jiżguraw finanzjament sostenibbli u biżżejjed persunal imħarreġ tajjeb; iqis li l-qafas regolatorju tal-UE għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali għandu jitwessa' biex jippermetti l-istandardizzazzjoni tal-edukazzjoni dwar il-kura palljativa u l-aħjar prattiki għall-professjonisti tas-saħħa; jenfasizza l-bżonn ta' networks ta' referenza għall-kura palljativa u l-integrazzjoni tagħhom mal-perkorsi tal-kura tal-kanċer fil-livelli kollha, inkluż fl-isptarijiet speċjalizzati, fil-kura primarja, fl-ospizji u fid-dar, kif ukoll il-bżonn ta' integrazzjoni bejn l-isptarijiet u t-territorji; jenfasizza li l-aċċess tal-pazjenti għall-kura ta' appoġġ u l-kura palljativa (inklużi s-servizzi psikoonkoloġiċi) fl-UE kollha għandu jitkejjel u jiġi rrappurtat permezz tar-Reġistru tal-Inugwaljanzi b'rabta mal-Kanċer; jitlob kooperazzjoni aktar profonda bejn is-sistemi tal-kura tas-saħħa u s-sistemi tal-assistenza soċjali fl-Istati Membri kollha;

    76.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw kriterji u skemi speċifiċi għall-assigurazzjoni tal-kwalità (inklużi standards ta' kura komuni, organizzazzjoni, infrastruttura u kompetenzi adegwati, prattika multidixxiplinari, edukazzjoni kontinwa għall-professjonisti, edukazzjoni tal-pazjenti u parteċipazzjoni fir-riċerka klinika), kif ukoll linji gwida kliniċi konġunti biex tiġi żgurata l-applikazzjoni ta' standards ta' akkreditazzjoni għall-isptarijiet pubbliċi u privati li jittrattaw il-pazjenti bil-kanċer, sabiex tiġi ggarantita l-ġestjoni effiċjenti, sikura u ugwali tal-kanċer fl-UE kollha; jinsisti li dawn il-kriterji jridu jaderixxu mal-ogħla standards disponibbli tax-xjenza bbażata fuq l-evidenza ppubblikati f'ġurnali xjentifiċi evalwati bejn il-pari; jinsisti li kemm l-istituzzjonijiet pubbliċi kif ukoll dawk privati li jissodisfaw il-kriterji tal-assigurazzjoni tal-kwalità għandhom jiġu inklużi fl-NCCPs bħala parti mill-Pjan bil-ħsieb li jingħata l-ogħla livell ta' trattament tal-kanċer lill-pazjenti kollha fl-UE; jistieden lill-Istati Membri joħolqu mapep tal-ħtiġijiet tas-saħħa fl-onkoloġija u jgħaqqduhom ma' mmappjar realistiku u inventarji tal-infrastruttura onkoloġika eżistenti tagħhom; huwa tal-fehma li dan l-eżerċizzju ta' mmappjar jippermetti lill-Istati Membri jippjanaw aħjar l-aċċess għall-infrastruttura medika eżistenti, jiddeterminaw oqsma ċari ta' azzjoni, jipprijoritizzaw l-allokazzjoni tar-riżorsi u jippjanaw il-kooperazzjoni transkonfinali bejn iċ-ċentri ta' referenza fl-onkoloġija;

    77.

    Jilqa' l-pjanijiet, kif imħabbar fil-Pjan, għat-twaqqif ta' network tal-UE li jgħaqqad ċentri komprensivi tal-kanċer rikonoxxuti (ċentri ta' referenza) f'kull Stat Membru biex jiġu ffaċilitati id-dijanjożi u trattamenti b'assigurazzjoni tal-kwalità, inkluż permezz ta' taħriġ, riċerka u promozzjoni fil-qasam tal-provi kliniċi fl-UE kollha; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jappoġġjaw l-istabbiliment ta' tali ċentri għal tipi ta' kanċer rari u oħrajn li jirrikjedu trattamenti kumplessi; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika ċentri eżistenti ta' dan it-tip fl-UE, tippromwovi t-twaqqif ta' ċentru komprensiv simili wieħed jew aktar f'kull Stat Membru u tappoġġja l-koordinazzjoni tan-network ta' dawn iċ-ċentri; jenfasizza li l-objettivi ta' dan in-network għandhom jinkludu t-tnaqqis fl-inugwaljanzi u t-tisħiħ tar-riċerka traslazzjonali, klinika u f'termini ta' riżultati; jenfasizza li l-promozzjoni u l-iżvilupp tar-riċerka traslazzjonali għandhom jitqiesu bħala objettiv bażiku importanti tan-Network tal-UE ta' Ċentri Komprensivi tal-Kanċer; jinnota li, fl-iżvilupp ta' dan in-network tal-UE, il-Kummissjoni għandha tqis il-bżonn li tinvesti f'tagħmir tal-ogħla livell, tobba mħarrġa tajjeb u speċjalisti oħra tal-kura tas-saħħa bi speċjalitajiet differenti, u jirrakkomanda li varjetà ta' speċjalitajiet fil-kanċer u dixxiplini mediċi żviluppati sew ikunu involuti mill-bidu nett fil-ħidma tan-Network tal-UE ta' Ċentri Nazzjonali Komprensivi tal-Kanċer previst biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni multidixxiplinari u b'hekk il-pazjenti jkollhom riżultati aħjar; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jgħinu fis-sostenibbiltà tal-kollaborazzjonijiet li diġà jeżistu bejn pajjiżi differenti, bħan-Networks Ewropej ta' Referenza u dawk relatati mal-kanċer pedjatriku; jistieden lill-Kummissjoni tgħin lill-Istati Membri billi talloka parti mill-baġit fil-fondi ta' koeżjoni u l-fondi reġjonali b'appoġġ għat-twaqqif ta' dawn iċ-ċentri sabiex tiġi żgurata kopertura sħiħa tal-popolazzjoni;

    78.

    Jitlob l-identifikazzjoni, it-tisħiħ jew il-ħolqien ta' NCCP f'kull Stat Membru, f'konformità mal-gwida tad-WHO dwar l-NCCPs, li jkun jikkonsisti fi struttura unika, possibbilment istitut nazzjonali tal-kanċer, inkarigat mill-implimentazzjoni u s-segwitu tal-NCCP rispettiv, b'objettivi u riżorsi adegwati; jitlob li l-kontenut tal-NCCPs ikun allinjat kemm jista' jkun mill-qrib mal-Pjan sabiex jiġi ffaċilitat is-suċċess fl-implimentazzjoni ta' dan tal-aħħar; jirrakkomanda li l-NCCPs jitfasslu skont il-Gwida Ewropea għall-Programmi Nazzjonali ta' Kontroll tal-Kanċer ta' Kwalità mnedija mis-Sħubija Ewropea għall-Azzjoni Kontra l-Kanċer (EPAAC) u jitlob li fl-NCCPs kollha jiġi inkluż komponent iddedikat għall-kanċer pedjatriku u għal tipi ta' kanċer rari biex ikun żgurat li jiġu allokati riżorsi xierqa u jiġu introdotti programmi ta' implimentazzjoni adegwati li jissodisfaw il-ħtiġijiet speċifiċi ta' dawn il-pazjenti; jilqa' t-twaqqif ta' network ta' dawn l-organizzazzjonijiet; jisħaq li l-NCCPs għandu jkun fihom dispożizzjonijiet dwar kapaċitajiet adegwati tal-persunal sabiex jiġi garantit għadd suffiċjenti ta' ħaddiema fl-onkoloġija f'kull Stat Membru, f'għadd proporzjonali mal-popolazzjoni ġenerali;

    IIIb. L-ugwaljanza fl-aċċess għall-kura u l-mediċini tal-kanċer fl-UE

    79.

    Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ is-suq tal-mediċini tal-UE sabiex titjieb l-ugwaljanza fl-aċċess għat-trattament, inklużi l-innovazzjonijiet u l-mediċina personalizzata, jitnaqqsu l-iskarsezzi fil-mediċini, tingħeleb il-problema tal-prezzijiet għoljin għal teknoloġiji u trattamenti innovattivi, jiġi mħeġġeġ l-użu ta' mediċini ġeneriċi u bijosimili u jitjiebu t-trattamenti tal-kanċer għall-adulti u t-tfal; jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jivvalutaw is-suq tal-mediċini tal-UE billi jiffukaw fuq l-akkwiżizzjonijiet ta' SMEs minn-naħa ta' kumpaniji farmaċewtiċi kbar li jimminaw il-kompetizzjoni ġusta; jinkoraġġixxi djalogu bejn id-diversi partijiet ikkonċernati dwar l-aċċess għall-mediċini u l-innovazzjonijiet abbażi ta' mudelli bħal ACCELERATE (67) fis-settur tal-kanċer pedjatriku bl-involviment tal-atturi rilevanti kollha inklużi s-settur akkademiku, l-industrija, il-professjonisti tas-saħħa u r-rappreżentanti tal-pazjenti;

    80.

    Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-kapaċità ta' riċerka u produzzjoni nazzjonali għall-mediċini u prodotti oħra tas-saħħa, inkluż bit-twaqqif ta' laboratorji nazzjonali tal-mediċini, bl-għan li jipprovdu aċċess ugwali għat-trattament, inaqqsu l-iskarsezzi fil-mediċini u d-dipendenza mill-industrija farmaċewtika, jiżguraw aċċess bla spejjeż għal trattamenti innovattivi u jtejbu t-trattamenti tal-kanċer għall-adulti u t-tfal; jistieden ukoll lill-Istati Membri jipprovdu aċċess bla ħlas għal trattamenti u mediċini użati minn pazjenti bil-kanċer permezz tas-servizzi tas-saħħa pubblika tagħhom u jikkunsidraw politiki mediċinali li jipprovdu aċċess mingħajr ħlas għall-mediċina lil dawk li għandhom aktar minn 65 sena, dawk li jbatu b'mard kroniku u familji f'diffikultà ekonomika;

    81.

    Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi d-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Novembru 2001 li tistabbilixxi kodiċi tal-Komunità li għandu x'jaqsam ma' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (68) u r-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 i jistabbilixxi proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u veterinarju u li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (69) (EMA) biex issaħħaħ il-qafas tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq, ittejjeb id-disponibbiltà tal-mediċini u żżid il-kompetizzjoni fil-mediċini ġeneriċi u bijosimili;

    82.

    Jinnota li l-pazjenti bil-kanċer spiss jiġu affettwati minn skarsezzi fil-mediċini u li tfixkil serju fil-provvista tat-trattamenti tal-kanċer ikun ta' detriment kbir għalihom, għall-persuni li jieħdu ħsiebhom u għall-familji tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu flimkien biex jimpedixxu u jimmaniġġjaw l-iskarsezzi fil-mediċini u l-prodotti mediċi kollha u b'mod partikolari l-mediċini kontra l-kanċer, inklużi l-iskarsezzi f'mediċini mhux għaljin iżda essenzjali kontra l-kanċer; jappoġġja l-iżvilupp ta' basket komuni ta' mediċini kontra l-kanċer li jistgħu jkunu soġġetti għal skarsezzi biex jiġi żgurat li l-pazjenti jkollhom aċċess kontinwu għal trattament xieraq, abbażi ta' ħtiġijiet definiti b'mod trasparenti u xieraq;

    83.

    Jitlob tisħiħ u diversifikazzjoni fil-katina tal-provvista, b'mod partikolari dik tal-mediċini kontra l-kanċer, fl-UE, monitoraġġ mill-qrib tat-tensjonijiet u l-iskarsezzi fil-provvista tal-mediċini, u l-ħolqien ta' riżerva strateġika ta' tali mediċini kritiċi, ingredjenti attivi u materja prima, partikolarment fejn l-ammont ta' fornituri jkun limitat; jitlob li l-leġiżlazzjoni farmaċewtika tal-UE tintroduċi obbligu legali fuq il-kumpaniji farmaċewtiċi biex jinfurmaw lill-EMA fir-rigward ta' stokkijiet ta' sikurezza adegwati ta' mediċini essenzjali kontra l-kanċer; jisħaq fuq l-importanza tar-rwol ta' prattiki tal-akkwist sostenibbli fil-prevenzjoni ta' skarsezzi fil-mediċini; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fil-kuntest tad-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku fl-UE (70), tiżviluppa linji gwida b'appoġġ għal prattiki ta' akkwist pubbliku fil-qasam farmaċewtiku għall-mediċini kontra l-kanċer, partikolarment fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-kriterji għall-aktar offerta ekonomikament vantaġġjuża, li għandha l-għan li tiżgura s-sostenibbiltà, il-kompetizzjoni u s-sigurtà tal-provvista fit-tul u tistimula l-investiment fil-manifattura;

    84.

    Jirrimarka li l-mediċini ġeneriċi u bijosimili jippermettu kura tal-kanċer effiċjenti u sikura, żieda fil-kompetizzjoni, l-innovazzjoni u ffrankar għas-sistemi tal-kura tas-saħħa, u b'hekk jgħinu biex jittejjeb l-aċċess għall-mediċini; jitlob li fil-Pjan u fl-NCCPs jiġi introdott objettiv strateġiku biex jiġi promoss b'mod attiv l-użu ta' mediċini li tkun skaditilhom il-privattiva, meta jkun adatt u ta' benefiċċju għall-pazjenti; jisħaq li d-dħul tagħhom fis-suq m'għandux jiġi mfixkel jew imdewwem u l-proċess ta' żvilupp tagħhom għandu jiġi promoss u ffinanzjat; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura b'urġenza kompetizzjoni b'saħħitha mal-iskadenza tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali billi tiżgura l-aċċessibbiltà ta' mediċini bijosimili mill-bidu nett u tneħħi l-ostakli kollha għall-aċċess għall-kompetizzjoni, pereżempju permezz ta' rabtiet bejn il-privattivi, tipprojbixxi l-prattiki ta' proprjetà intellettwali għal perjodu indeterminat li jdewmu bla bżonn l-aċċess għall-mediċini u tippermetti żvilupp globali uniku;

    85.

    Iqis li l-Istati Membri għandhom jikkonverġu fuq l-evalwazzjoni ta' teknoloġiji mediċi; jilqa', għalhekk, il-qbil milħuq mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fit-22 ta' Ġunju 2021 rigward ir-Regolament dwar il-Valutazzjoni tat-Teknoloġija tas-Saħħa b'appoġġ għal valutazzjoni armonizzata ta' dijanjożi u trattamenti innovattivi tal-kanċer, u aċċess aktar mgħaġġel għalihom, u jqis li, fost miżuri oħra, proċess deċiżjonali aktar effiċjenti jista' jiffaċilita dan kollu; jilqa' l-fatt li l-mediċini kontra l-kanċer huma fost l-ewwel gruppi ta' prodotti mediċinali li għandhom jiġu vvalutati b'mod konġunt skont ir-Regolament dwar il-Valutazzjoni tat-Teknoloġija tas-Saħħa; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu aktar miżuri li jkollhom l-għan li jħeġġu l-adozzjoni u l-użu tal-valutazzjonijiet kliniċi konġunti li għandhom jitwettqu skont ir-regolament; jenfasizza l-eżistenza ta' għodod li qed jintużaw mid-WHO biex il-mediċini kontra l-kanċer jiġu inkorporati fil-Lista Mudell ta' Mediċini Essenzjali tad-WHO;

    86.

    Ifakkar li l-pazjenti kollha għandhom id-dritt għal trattament ottimali, irrispettivament mill-mezzi finanzjarji, il-ġeneru, l-età jew in-nazzjonalità tagħhom; jinnota bi tħassib li jeżistu differenzi kbar fid-disponibbiltà ta' terapiji differenti tal-kanċer u fl-aċċess għalihom, u li waħda mir-raġunijiet ewlenin għal dan hija l-fatt li huma għaljin wisq; jinsisti, għaldaqstant, fuq il-bżonn li jiġi żgurat aċċess ugwali għal mediċini sikuri, effettivi u bi prezzijiet raġonevoli, b'mod partikolari l-mediċini kontra l-kanċer, fl-UE; jitlob lill-Istati Membri jikkunsidraw negozjar konġunt dwar il-prezzijiet mal-kumpaniji farmaċewtiċi, bi qbil mal-Inizjattiva Beneluxa dwar il-Politika Farmaċewtika u d-Dikjarazzjoni tal-Belt Valletta; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel l-ipprezzar ġust u aċċessibbli ta' trattamenti ġodda element ewlieni tal-Pjan u tal-Istrateġija Farmaċewtika għall-Ewropa, partikolarment billi torbot kondizzjonalitajiet mal-finanzjament pubbliku tal-UE (eż. fl-ambitu ta' Orizzont Ewropa u l-Inizjattiva għal Saħħa Innovattiva) u tiżgura li jitqies l-investiment pubbliku fir-riċerka u l-iżvilupp u li l-mediċini li jirriżultaw minn riċerka ffinanzjata pubblikament ikunu disponibbli bi prezzijiet ġusti u raġonevoli; jissottolinja li dan għandu jkun ukoll il-każ għal mediċini li jibbenefikaw minn protezzjoni regolatorja jew tas-suq speċifika bħal mediċini żviluppati biex jittrattaw tipi ta' kanċer rari jew pedjatriċi; jitlob aktar trasparenza fis-sistema farmaċewtika kollha, speċjalment fir-rigward tal-komponenti tal-ipprezzar, il-kriterji ta' rimborż u l-prezzijiet (netti) effettivi tal-mediċini fi Stati Membri differenti biex jiġu żgurati prezzijiet aktar ġusti u jiddaħħal l-obbligu ta' rendikont lejn il-pubbliku fis-settur farmaċewtiku;

    87.

    Jirrakkomanda bil-qawwa l-estensjoni ta' proċeduri ta' akkwist konġunt, speċjalment għal mediċini u trattament kontra tipi ta' kanċer (ultra) rari, pedjatriċi u ġodda, proċeduri djanjostiċi, testijiet djanjostiċi ta' akkumpanjament u vaċċini li jipprevjenu l-kanċer bħal dawk kontra l-HPV u l-epatite B, biex jiġu eliminati l-iskarsezzi u jittejbu l-aċċessibbiltà tal-prezzijiet u l-aċċess għat-trattamenti tal-kanċer fil-livell tal-UE; jinnota li l-proċeduri ta' akkwist konġunt għandhom iħaffu r-rispons u jkunu trasparenti; jenfasizza li l-akkwist pubbliku konġunt m'għandux ifixkel l-aċċess tal-pazjenti u l-innovazzjoni medika;

    88.

    Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja qafas regolatorju li jsaħħaħ l-inċentivi għat-trattament tat-tipi ta' kanċer rari fl-UE biex jiġu indirizzati b'mod effettiv in-nuqqasijiet eżistenti; jissottolinja li s-sistemi tal-privattivi madwar id-dinja kollha huma mfassla b'mod li għal perjodu speċifiku ta' żmien – jiġifieri għat-tul tal-privattiva – l-inventur biss ikun jista' jisfrutta kummerċjalment il-privattiva tiegħu, u li wara dan, il-produzzjoni tkun tista' ssir liberament minn kwalunkwe persuna; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa inċentivi ġodda mmirati biex jiġi żgurat aċċess ekwu għall-mediċini kontra l-kanċer anke fejn, altrimenti, l-iżvilupp ta' prodotti ma jkunx sostenibbli;

    89.

    Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta għar-reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 89/105/KEE dwar it-trasparenza ta' miżuri li jirregolaw il-prezzijiet ta' prodotti mediċinali (71) sabiex jiġu żgurati kontrolli effettivi u trasparenza sħiħa tal-proċeduri użati biex jiġu ddeterminati l-prezz u l-ammont tar-rimborż tal-mediċini, b'mod partikolari l-mediċini kontra l-kanċer, fl-Istati Membri; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti jitolbu lill-kumpaniji farmaċewtiċi jipprovdu informazzjoni dwar l-ispejjeż tar-riċerka u l-iżvilupp, inkluż il-finanzjament minn riżorsi pubbliċi, qabel l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq, kif ukoll dwar il-benefiċċji u s-sussidji tat-taxxa li jkunu rċevew; jitlob li fil-kalkolu tal-ispejjeż tal-mediċini jitqies l-użu ta' fondi pubbliċi; jistieden lill-EMA żżid l-għadd ta' awditi sabiex tivvaluta l-konformità tal-kumpaniji farmaċewtiċi mal-obbligi relatati mat-trasparenza;

    90.

    Jinnota li avvanzi kbar fil-bijoloġija żvelaw li l-kanċer huwa terminu ġeneriku għal aktar minn 200 marda, u li mediċina ta' preċiżjoni jew personalizzata tista' titqiegħed għad-dispożizzjoni bl-immirar tal-mediċini għal diversi mutazzjonijiet; iqis li l-mediċina ta' preċiżjoni jew personalizzata, li tikkonsisti f'għażla ta' trattament ibbażata fuq bijomarkaturi ta' tumuri individwali li jirriflettu l-ġenotipi jew il-fenotipi, hija mod promettenti ta' kif jista' jittejjeb it-trattament tal-kanċer; iħeġġeġ lill-Istati Membri, għalhekk, jiżviluppaw il-mediċina personalizzata fl-UE kollha permezz ta' kooperazzjoni bejniethom, jippromwovu l-implimentazzjoni ta' pjattaformi tal-ġenetika molekulari reġjonali u jiffaċilitaw aċċess ugwali u rapidu għal dijanjostika avvanzata u trattament personalizzat għall-pazjenti, b'rispett sħiħ għall-privatezza tad-data u l-iżgurar li l-pazjenti jkunu infurmati dwar l-użu tad-data dwar is-saħħa tagħhom u jagħtu l-permess għal dan għal finijiet ta' riċerka; jinnota li l-frammentazzjoni u l-klassifikazzjoni ta' tipi differenti ta' kanċer abbażi ta' ġenotipi speċifiċi m'għandhomx iwasslu biex dawn jiġu definiti bħala “mard rari artifiċjali” bl-iskop li jiżdied il-kumpens finanzjarju;

    91.

    Ifakkar li fil-kuntest tal-mediċina personalizzata, il-mediċina u t-terapiji bbażati fuq il-ġeneru jitqiesu bħala strateġiji ta' trattament effettivi anke għall-kura tal-kanċer, filwaqt li jitqiesu d-differenzi fil-livell bijoloġiku, ġenetiku u muskoloskeletali bejn l-irġiel u n-nisa; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-iżvilupp ta' trattament ibbażat fuq il-ġeneru għall-kanċer, f'konformità mal-indikazzjonijiet tal-prattikanti mediċi u t-tobba;

    92.

    Jilqa' l-proġett Ġenomika għas-Saħħa Pubblika u t-tfassil ta' pjan direzzjonali għall-prevenzjoni personalizzata fil-Pjan, biex jiġu identifikati l-lakuni fir-riċerka u l-innovazzjoni, u jappoġġja approċċ biex jiġu identifikati l-anomaliji bijoloġiċi magħrufa kollha li jwasslu għas-suxxettibbiltà għall-kanċer, inklużi tipi ta' kanċer ereditarji, li jammontaw għal bejn 5 % u 10 % tal-każijiet;

    93.

    Jitlob l-applikazzjoni sħiħa u rapida tar-Regolament (UE) Nru 536/2014 tas-16 ta' April 2014 dwar il-provi kliniċi fuq prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (72); iqis li l-applikazzjoni tar-regolament tiffaċilita t-tnedija ta' provi kliniċi kbar madwar l-Ewropa kollha mwettqa b'mod armonizzat, effiċjenti u kkoordinat fil-livell Ewropew sabiex tiġi ffaċilitata r-riċerka dwar il-mediċini kontra l-kanċer u tittejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-pazjenti bil-kanċer u l-familji tagħhom; iqis, barra minn hekk, li r-regolament għandu jiġi applikat b'mod konsistenti fl-Istati Membri kollha bil-għan li jiġu razzjonalizzati l-proċeduri għat-twettiq ta' riċerka klinika; jenfasizza l-importanza li jsir rieżami ġdid tal-opportunitajiet biex jitnaqqas il-piż amministrattiv assoċjat mal-provi kliniċi; jappella biex jinsiltu tagħlimiet fit-tul mill-pandemija tal-COVID-19 dwar forom ta' kooperazzjoni internazzjonali fil-proċessi u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni fil-futur;

    94.

    Jirrimarka li l-iskema PRIME varata mill-EMA tista' tkun strument effiċjenti ħafna biex jittejjeb l-appoġġ għall-iżvilupp ta' mediċini innovattivi fl-onkoloġija sabiex dawn ikunu jistgħu jaslu għand il-pazjent aktar malajr;

    95.

    Jitlob ambjent aktar sostenibbli, inkluż fir-rigward ta' appoġġ finanzjarju, għat-twettiq ta' riċerka u l-analiżi tar-riċerka eżistenti dwar l-għoti ta' skop mill-ġdid lill-mediċini għat-trattament tal-kanċer, speċjalment dik minn partijiet terzi mingħajr ebda intenzjoni kummerċjali u għall-ħolqien ta' proġett addizzjonali li jagħmel użu minn computing ta' prestazzjoni għolja għal ittestjar rapidu tal-molekuli eżistenti u kombinazzjonijiet ġodda ta' mediċini, qabelxejn għal bżonnijiet kbar mhux issodisfati, bħat-trattament għal tipi ta' kanċer bi pronjożi batuta, metastatiċi u rari;

    96.

    Jenfasizza l-importanza li tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-użu ta' mediċini mhux skont it-tikketta, inklużi mediċini mhux għaljin u mediċini użati għal tipi ta' kanċer rari; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza s-sitwazzjoni eżistenti dwar l-użu ta' mediċini mhux skont it-tikketta;

    97.

    Jirrikonoxxi li ħafna teknoloġiji tal-futur (bħat-terapiji taċ-ċelloli u tal-ġeni) jirrikjedu regolamenti kumplessi; iqis li l-Unjoni għandha tiffinanzja, tinċentiva u tiżgura proċess regolatorju li jinkoraġġixxi attivament ir-riċerka u l-innovazzjoni, jantiċipa l-bżonnijiet tar-riċerkaturi fis-settur akkademiku, fl-industrija u fil-klinika, jinfurmahom u jiggwidahom attivament dwar il-proċessi regolatorji, iħejji l-bażi għat-teknoloġiji futuri u jevalwahom pass pass u jrawwem id-dħul ta' trattamenti ġodda sikuri u effettivi fis-suq;

    98.

    Itenni l-importanza li tiġi ġġenerata u rrappurtata evidenza b'saħħitha dwar l-effikaċja u s-sikurezza tal-mediċini, kemm fil-provi kliniċi kif ukoll fl-istudji ta' segwitu wara d-dħul fis-suq; jappoġġja l-iżvilupp ta' provi kliniċi dwar l-użu ta' mediċini ġodda u bi prezzijiet raġonevoli kontra l-kanċer fl-adulti u fit-tfal; jappoġġja l-iżvilupp ta' provi kliniċi multiċentriċi fl-Ewropa kollha għall-iskoperta ta' forom aħjar ta' trattament u kura għall-pazjenti, inklużi t-tfal u l-pazjenti akbar fl-età; jissottolinja li l-awtoritajiet għandhom jiżguraw it-trasparenza, il-konformità mar-rekwiżiti tat-twettiq tal-istudji u l-komunikazzjoni rapida tad-data rilevanti lill-EMA u lill-pubbliku ġenerali;

    99.

    Jieħu nota tal-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni biex titwaqqaf Awtorità għat-Tħejjija u għar-Rispons f'Każ ta' Emerġenza tas-Saħħa (HERA); jinnota li, sal-2023 u kull sentejn wara, il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami fil-fond tal-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet tal-HERA, inklużi l-istruttura, il-governanza, il-finanzjament u r-riżorsi umani tagħha; jinnota li tali rieżami jrid jindirizza, partikolarment, kwalunkwe bżonn ta' modifika fl-istruttura tal-HERA, inkluż iżda mhux limitat għall-possibbiltà li din issir aġenzija awtonoma, jiġi rivedut il-mandat tagħha u jiġu mifhuma l-implikazzjonijiet finanzjarji ta' kwalunkwe modifika bħal din; jinnota li l-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar il-konklużjonijiet tar-rieżami lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u li dawn għandhom jiġu ppubblikati; jinnota li kull rieżami għandu jkun akkumpanjat, fejn xieraq, minn proposta leġiżlattiva biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet deskritti, filwaqt li jiġi rispettat bis-sħiħ ir-rwol tal-Parlament Ewropew bħala koleġiżlatur; iqis li, jekk il-HERA ssir aġenzija awtonoma, tkun tista' tantiċipa, tinċentiva, tiżviluppa flimkien u tiffaċilita aċċess rapidu, ugwali u sostenibbli għall-innovazzjonijiet tal-kanċer għall-pazjenti bil-kanċer, inklużi proċeduri tad-dijanjostika kif ukoll testijiet dijanjostiċi ta' akkumpanjament; iqis li, fit-tul, il-HERA tista' tikkollabora mill-qrib ma' entitajiet pubbliċi u privati fl-ippjanar, il-koordinazzjoni u l-bini ta' ekosistema ta' kapaċitajiet privati u pubbliċi li jkunu jistgħu jipprovdu oqfsa ta' emerġenza xierqa għall-aċċess tal-UE għal materja prima ewlenija f'każ ta' xokkijiet fil-provvista globali;

    100.

    Jisħaq fuq il-bżonn li tiġi promossa l-innovazzjoni ta' trattamenti tal-kanċer li jsalvaw il-ħajja; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, toħloq qafas ta' leġiżlazzjoni farmaċewtika għal mediċini u terapiji onkoloġiċi li jippromwovi innovazzjonijiet rivoluzzjonarji reali u mhux l-hekk imsejħa prodotti farmaċewtiċi “simili”, li huma biss sustanza oħra bl-istess użu mingħajr benefiċċji kbar, jew prodotti farmaċewtiċi għaljin ħafna li joffru biss titjib żgħir għall-pazjenti; jitlob li konsorzju kbir ta' awtoritajiet pubbliċi, kumpaniji privati u NGOs, inklużi assoċjazzjonijiet tal-pazjenti u s-superstiti u s-settur akkademiku, jaħdmu flimkien biex jiggarantixxu l-aċċessibbiltà tal-għażliet u tal-prezzijiet ta' trattament tal-kanċer li jirrikjedu teknoloġiji kumplessi, pereżempju, trattamenti kumplessi bħat-terapija taċ-ċelloli (ċelloli CAR T), it-terapija tal-ġeni, l-immunoterapija adottiva permezz tal-użu ta' estratti tal-ġenoma tat-tumur (RNA messaġġier) u n-nanoteknoloġiji; jenfasizza li, biex jiġi ffaċilitat użu usa' ta' terapiji innovattivi, l-UE u l-Istati Membri mhux biss jeħtiġilhom jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jiffinanzjaw it-terapiji disponibbli bħalissa iżda jappoġġjaw ukoll l-iżvilupp ta' metodi aktar kosteffiċjenti; jemmen li t-tnaqqis tal-ispejjeż tal-aktar terapiji innovattivi u effettivi se jżid id-disponibbiltà usa' tagħhom għall-benefiċċju tal-pazjenti fl-UE u lil hinn minnha; jitlob li jiġi żgurat aċċess ugwali għal terapiji innovattivi, kemm f'reġjuni urbani b'popolazzjoni densa kif ukoll f'żoni iżgħar, rurali jew remoti;

    IIIc. L-ugwaljanza fl-aċċess għal kura tal-kanċer multidixxiplinari u ta' kwalità: lejn rispons aħjar għall-impatt tal-kriżijiet tas-saħħa fuq il-pazjenti bil-kanċer

    101.

    Jissottolinja li l-kriżi tal-COVID-19 kellha, u għad għandha, impatt sinifikanti fuq is-sopravivenza u l-kwalità tal-ħajja tal-pazjenti bil-kanċer fl-istadji kollha tal-marda, minħabba dewmien fl-attivitajiet ta' prevenzjoni bħat-tilqim, posponimenti fl-iskemi ta' prevenzjoni, provi kliniċi, skrinings, riferimenti mediċi, dijanjożi, proċeduri u trattamenti kirurġiċi, nuqqasijiet fil-provvista ta' mediċina u provvisti mediċi oħra, nuqqas ta' ħaddiema speċjalizzati, komunikazzjoni mnaqqsa mal-professjonisti tas-saħħa u l-biża' ta' infezzjoni min-naħa tal-pazjenti; jenfasizza li l-evidenza tissuġġerixxi li t-tobba madwar l-Ewropa kollha raw 1,5 miljun pazjent inqas bil-kanċer fl-ewwel sena tal-pandemija u huwa stmat li saru 100 miljun anqas test ta' skrinjar għall-kanċer, u għaldaqstant, miljun ċittadin fl-UE bħalissa jistgħu ma jiġux iddijanjostikati bil-kanċer bħala konsegwenza tal-pandemija tal-COVID-19 (73);

    102.

    Iqis li l-pandemija tal-COVID-19 kienet test tal-istress reali għas-sistemi tas-saħħa tal-UE; jissottolinja li l-lezzjoni ewlenija meħuda għandha tkun il-ħtieġa li jsir investiment fis-settur tas-saħħa pubblika u li tinbena strateġija ta' emerġenza li tippermetti lill-Istati Membri jirreaġixxu b'mod koordinat kontra kwalunkwe kriżi tas-saħħa fil-futur; jisħaq li l-gruppi vulnerabbli, inklużi l-pazjenti bil-kanċer, huma partikolarment esposti matul kriżi tas-saħħa; jisħaq li miżuri speċifiċi skont din l-istrateġija ta' emerġenza għandhom ikunu mmirati lejn il-protezzjoni ta' gruppi vulnerabbli, inklużi l-pazjenti bil-kanċer, li ma jistgħux jistennew it-tmiem tal-kriżi; jisħaq fuq il-fatt li dawn il-miżuri speċifiċi għandhom jappoġġjaw l-iżvilupp, il-produzzjoni u l-ħżin ta' prodotti għall-protezzjoni ta' dawn il-gruppi vulnerabbli;

    103.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiġbru b'diliġenza d-data permezz ta' reġistri xierqa biex jimmonitorjaw l-effetti tat-tilqim kontra l-COVID-19 fil-popolazzjonijiet vulnerabbli, inklużi pazjenti bil-kanċer u r-rispons immunitarju sussegwenti tagħhom;

    104.

    Jinnota bi tħassib li l-pandemija tal-COVID-19 aggravat in-nuqqas ta' ħaddiema tas-saħħa li kien jeżisti minn qabel; jirrikonoxxi l-urġenza li jiġi żgurat għadd suffiċjenti ta' professjonisti tas-saħħa speċjalizzati fil-kura tal-kanċer; itenni li miżuri speċifiċi fl-ambitu tal-istrateġija ta' emerġenza għandu jkollhom l-għan li jindirizzaw in-nuqqas ta' ħaddiema permezz tar-reklutaġġ ta' professjonisti tas-saħħa, kemm fil-kura primarja kif ukoll f'dik speċjalizzata, u t-taħriġ mill-ġdid tagħhom jekk ikunu speċjalisti f'oqsma oħra; jissuġġerixxi li r-Reġistru tal-Inugwaljanzi b'rabta mal-Kanċer jista' jservi ta' għodda fil-kejl u r-rapportar dwar nuqqasijiet ta' ħaddiema li kienu jeżistu minn qabel; jissottolinja li huma meħtieġa approċċi ġodda għall-kura tas-saħħa ċċentrata fuq il-bniedem sabiex jiġi żgurat l-aċċess għad-dijanjostika, il-kura terapewtika u servizzi tas-saħħa pubblika ta' kwalità għal kulħadd; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' ħidma fuq taħlita ta' ħiliet sabiex jiġi ottimizzat ir-rispons għall-ħtiġijiet tal-persunal fis-settur tas-saħħa; jappoġġja l-iskambju ta' prattiki tajba bejn l-Istati Membri f'dan ir-rigward; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħolqu pjattaformi ta' taħriġ online għall-professjonisti tal-kura tas-saħħa bħall-persuni li jindukraw, u biex joħolqu programmi ta' kura terapewtika li jagħtu kwalifiki u jirrikonoxxu l-kompetenzi tagħhom;

    105.

    Jiddeplora l-fatt li l-pazjenti għadhom jiffaċċjaw ħafna diffikultajiet biex jaċċessaw servizzi tal-kura tas-saħħa pubblika ta' kwalità peress li ħafna dipartimenti tal-onkoloġija fl-isptarijiet pubbliċi qed ibatu minn nuqqas ta' ħaddiema u nuqqas ta' kapaċità; jitlob, għalhekk, li jinħolqu dipartimenti ta' radjoterapija ta' kwalità għolja u ċentri tal-onkoloġija moderni fl-isptarijiet pubbliċi, abbażi ta' linji gwida Ewropej u f'konformità mal-aktar evidenza xjentifika reċenti;

    106.

    Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet rilevanti jirrikonoxxu r-rwol kruċjali tal-persuni li jindukraw b'mod informali, biex jintegrawhom fit-tim tas-saħħa u tal-kura u jagħtuhom is-setgħa bil-possibbiltà li jagħmlu għażliet infurmati dwar il-miżuri ta' appoġġ disponibbli bl-appoġġ tal-professjonisti tal-kura tas-saħħa; jirrikonoxxi li l-pandemija aggravat ir-rwol kruċjali tal-persuni li jindukraw b'mod informali, li jipprovdu l-biċċa l-kbira tal-kura ta' kuljum għall-pazjenti bil-kanċer u li jiffaċċjaw nuqqas ċar ta' appoġġ prattiku u ta' politika, inkluż fir-rigward tad-drittijiet soċjali, taħriġ, għajnuna psikoloġika, informazzjoni, rikonoxximent; jindika l-perċentwal għoli ta' persuni li jindukraw b'mod informali fost il-popolazzjoni tal-UE u d-disparitajiet fir-rigward tal-mod kif jiġu appoġġjati u kif id-drittijiet tagħhom jiġu rikonoxxuti fost l-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tifformalizza l-kura informali, li għandu jiżgura r-rikonoxximent ta' ċertu standard minimu ta' drittijiet, speċjalment għal dawk li qed jipprovdu kura fit-tul;

    107.

    Jirrakkomanda l-iżvilupp ta' kanal ta' komunikazzjoni diġitali tas-saħħa biex jiġu mmonitorjati s-sintomi b'mod remot u jiġi żgurat trattament kontinwu tal-kanċer fil-kura barra l-isptar; jitlob li jiġi ggarantit aċċess permanenti għall-konsultazzjonijiet mediċi u għas-servizzi psikosoċjali, kif ukoll il-kuntatt bejn il-pazjent u l-professjonisti tas-saħħa u bejn il-professjonisti tas-saħħa t-tabib u bejn il-professjonist tas-saħħa preżenti fil-mument u l-familja tal-pazjent, permezz tal-użu tat-telemediċina u t-telekura, kif ukoll l-integrazzjoni tagħhom fis-sistemi tas-saħħa, f'ambjenti mingħajr theddid għas-saħħa fl-isptarijiet jew, fejn possibbli u sikur, fl-ispiżeriji; jitlob l-istimular tal-iżvilupp tat-terapewtika li tista' tappoġġja tranżizzjoni għall-kura fid-dar;

    108.

    Jappella għal komunikazzjoni mtejba bejn il-professjonisti tas-saħħa, il-pazjenti, is-superstiti, l-indukraturi, il-ġenituri u l-awtoritajiet pubbliċi dwar l-effettività u s-sikurezza tal-interventi tas-saħħa, b'mod partikolari l-iskrinjar, id-dijanjożi u t-trattament tal-kanċer, u aktar kampanji ta' sensibilizzazzjoni għall-prevenzjoni fi żminijiet ta' kriżijiet;

    109.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw pjanijiet Ewropej ta' prevenzjoni u ta' ġestjoni bħala parti minn strateġija koerenti u olistika ta' kontinġenza biex jevitaw u jindirizzaw in-nuqqas ta' mediċini, apparati, prodotti u persunal fi żminijiet ta' kriżijiet tas-saħħa; jissottolinja r-responsabbiltajiet tad-detenturi tal-awtorizzazzjoni tas-suq u tad-distributuri bl-ingrossa fir-rigward tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE;

    IV.   Appoġġ b'saħħtu lill-pazjenti bil-kanċer, lis-superstiti u lill-persuni li jindukraw

    110.

    Jisħaq li l-pazjenti bil-kanċer m'għandhomx isofru “piena doppja” fil-ħajja ta' kuljum tagħhom; jappella għall-adozzjoni ta' Direttiva kontra d-diskriminazzjoni, kif ukoll għall-implimentazzjoni ġusta u ugwali tad-direttivi dwar is-servizzi finanzjarji, bħad-Direttiva dwar il-Kreditu tal-Konsumatur (74), mingħajr ebda diskriminazzjoni kontra l-pazjenti bil-kanċer u s-superstiti minnu;

    111.

    Jinnota li hemm il-ħtieġa dejjem akbar li nagħmlu enfasi fuq il-kwalità tal-ħajja għal għadd dejjem akbar ta' pazjenti bil-kanċer kroniku li l-mard tagħhom ma jistax jitfejjaq iżda li jista' jiġi stabbilizzat għal numru ta' snin; jenfasizza l-importanza ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi tal-UE biex tittejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-pazjenti u s-superstiti, inkluż permezz ta' kura ta' appoġġ komprensiva integrata fil-kura tal-kanċer, li tibda mid-dijanjożi u li tkompli matul l-iżvilupp tal-marda (inkluż is-serħan mill-uġigħ, servizzi psikoloġiċi, attività fiżika adattata, terapiji komplementari xjentifiċi bbażati fuq l-evidenza, aċċess għall-edukazzjoni, appoġġ nutrizzjonali, assistenza soċjali li tinkludi l-kompiti kollha ta' kuljum bħal għajnuna fid-dar jew tħaris tat-tfal, aċċess għas-saħħa riproduttiva u r-restawr tal-integrità estetika) u l-aċċess għal-ċentri speċjalizzati ta' appoġġ; jitlob lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-konsegwenzi (diżabilitajiet fiżiċi jew mentali), kif ukoll id-diskriminazzjoni soċjali, inkluż fil-post tax-xogħol; jitlob lill-Kummissjoni tipproponi linji gwida għall-Istati Membri biex jindirizzaw l-importanza li jiġu stabbiliti sistemi ta' kopertura komprensivi li jiggarantixxu li dawn il-ħtiġijiet jiġu ssodisfati; jirrikonoxxi li l-kanċer huwa marda li ġġorr magħha piż finanzjarju, anke lil hinn mit-trattamenti tal-kanċer; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi pjattaforma għall-iskambju tal-aħjar prattiki fil-kura palljativa u tappoġġja r-riċerka fil-kura palljativa;

    112.

    Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra strateġija tal-UE għall-kura u l-indukrar, biex tiżgura kura fit-tul xierqa, aċċessibbli u ta' kwalità għolja;

    113.

    Jenfasizza l-fatt li mediċina integrattiva xjentifikament rikonoxxuta u approvata mill-awtoritajiet tas-saħħa pubblika jista' jkollha benefiċċji għall-pazjenti fir-rigward tal-effetti paralleli ta' mard differenti, bħall-kanċer, u t-trattament tagħhom; jisħaq fuq l-importanza li jiġi żviluppat approċċ olistiku, integrattiv u ċċentrat fuq il-pazjenti u li jiġi mħeġġeġ, fejn xieraq, l-użu komplementari ta' dawn it-terapiji taħt is-superviżjoni tal-professjonisti tal-kura tas-saħħa;

    114.

    Jissottolinja li r-riżultati tat-trattament tal-kanċer jistgħu jiġu mxekkla mill-malnutrizzjoni u għalhekk l-aqwa kura nutrizzjonali hija parti essenzjali mill-kura tal-kanċer; jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw rakkomandazzjonijiet għall-inkorporazzjoni tan-nutrizzjoni klinika fl-aspetti kollha tal-kura tal-kanċer, inklużi t-trattament, l-appoġġ u r-riċerka; iqis li, kull fejn ikun indikat, il-pazjenti bil-kanċer iridu jiġu pprovduti b'appoġġ nutrittiv kliniku minn speċjalista tad-dieta li għandu jiġi inkluż fit-tim multidixxiplinari; jilqa', għalhekk, it-taħriġ interspeċjalizzat ippjanat dwar l-appoġġ għan-nutrizzjoni u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw standards minimi għal taħriġ kontinwu dwar il-kura nutrizzjonali għall-forza tax-xogħol multidixxiplinari; jirrakkomanda li l-ġestjoni tan-nutrizzjoni tkun parti integrali u etika tar-riċerka kollha li tinvolvi l-pazjenti bil-kanċer; jirrakkomanda, barra minn hekk, li fil-Karta tad-Drittijiet tal-pazjenti bil-kanċer jiġi inkluż appoġġ nutrizzjonali xieraq;

    115.

    Iħeġġeġ bis-sħiħ lill-Istati Membri jiżguraw li l-pazjenti kollha bil-kanċer ikunu kompletament infurmati dwar il-possibbiltà ta' proċeduri ta' preservazzjoni tal-fertilità qabel jibda t-trattament attiv; jappella għall-iżvilupp ta' linji gwida fil-livell tal-UE għall-professjonisti tas-saħħa, li jiddefinixxu l-età li fiha l-pazjenti bil-kanċer għandhom jiġu infurmati dwar id-disponibbiltà tal-proċeduri tas-saħħa riproduttiva; iħeġġeġ, barra minn hekk, lill-Istati Membri jagħmlu dispożizzjoni biex il-pazjenti kollha bil-kanċer koperti mill-assigurazzjoni tas-saħħa nazzjonali obbligatorja jiġu rimborżati għal tali servizzi minn skemi nazzjonali tal-assigurazzjoni tas-saħħa;

    116.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jqisu l-eżawriment frekwenti tal-familji u tal-qraba tal-pazjenti bil-kanċer u jipprovdulhom assistenza psikoloġika u soċjoekonomika, speċjalment lil dawk l-aktar vulnerabbli, u b'perjodi ta' mistrieħ fuq il-post tax-xogħol, tul il-progress tal-marda, kif ukoll appoġġ f'każ ta' mewt; jinkoraġġixxi, barra minn hekk, li jiġu żviluppati skemi ta' appoġġ integrati, adegwati u aċċessibbli għall-pazjenti bil-kanċer u l-familji tagħhom, li jikkunsidraw is-servizzi tas-saħħa, tal-komunità u dawk soċjali;

    117.

    Ifakkar li l-għoti tas-setgħa lill-pazjenti u l-litteriżmu tas-saħħa huma kruċjali għall-istrateġija Ewropea dwar il-kanċer u li approċċ iffukat fuq l-pazjent u t-teħid ta' deċiżjonijiet parteċipattiv iridu jkunu fil-qalba tal-proċessi ta' trattament u ta' żvilupp tal-kura; jinkoraġġixxi l-promozzjoni ta' pazjenti infurmati tajjeb li huma involuti b'mod attiv fit-trattament tagħhom stess u jappella għall-edukazzjoni terapewtika ta' dawk li jagħtu l-kura u tal-pazjenti u l-għoti tas-setgħa tagħhom fil-programmi ta' kura; iqis li għandha tintuża metodoloġija mfassla b'mod speċifiku għat-taħriġ u l-għoti tas-setgħa lill-pazjenti pedjatriċi, b'kunsiderazzjoni tal-karatteristiċi u l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom; jitlob teħid ta' deċiżjonijiet parteċipattiv b'informazzjoni personalizzata u li tinftiehem ibbażata fuq l-evidenza li għandha tiġi pprovduta lill-pazjenti bħala parti integrali mill-NCCPs, appoġġjati mill-Pjan; jappella favur l-appoġġ ta' inizjattivi u azzjonijiet bħal dawn biex il-pazjenti bil-kanċer jingħataw is-setgħa permezz ta' finanzjament mill-UE, speċjalment mill-Programm l-UE għas-Saħħa;

    118.

    Jirrikonoxxi r-rwol ċentrali tal-assoċjazzjonijiet indipendenti tal-pazjenti u tal-persuni li jindukraw fir-rigward tal-promozzjoni u l-akkumpanjament tal-pazjenti, is-servizzi pprovduti lill-pazjenti bil-kanċer u lill-indukraturi, it-tixrid tal-litteriżmu fis-saħħa, u s-sensibilizzazzjoni u l-appoġġ kontinwu kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu l-parteċipazzjoni formali ta' dawn l-assoċjazzjonijiet, kif ukoll it-talbiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħhom meta jfasslu politiki u leġiżlazzjoni relatati mal-kanċer u jipprovdulhom appoġġ pubbliku fl-għamla kemm ta' għotjiet operazzjonali u kemm ta' għotjiet relatati mal-proġett, sabiex jiggarantixxu l-indipendenza tagħhom mill-finanzjament privat; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi kriterji ċari li abbażi tagħhom jista' jingħata l-appoġġ finanzjarju pubbliku; iqis li l-pazjenti pedjatriċi għandu jkollhom rwol, kemm fuq bażi individwali kif ukoll kollettiva, fit-titjib tal-proċeduri tal-kura tas-saħħa u tar-riċerka għall-pazjenti kollha billi jikkontribwixxu bl-esperjenzi speċifiċi tagħhom; huwa tal-fehma, għalhekk, li għandhom jiġu żviluppati u ffinanzjati b'mod xieraq l-għodod edukattivi u tat-tagħlim adegwati biex jiġi ppjanat u żgurat l-involviment tat-tfal;

    119.

    Jisħaq fuq l-importanza li jiġu garantiti għażliet xierqa ta' talba għal kumpens għall-ħaddiema f'każijiet ta' kanċer okkupazzjonali; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Settembru 2003 dwar il-mard okkupazzjonali u jiżguraw li jkun hemm għażliet xierqa ta' talba għal kumpens għall-ħaddiema f'każijiet ta' kanċer okkupazzjonali, li għandhom jiżguraw li kull ħaddiem ikollu ċ-ċans li jiġi kkumpensat wara li jkun ġie espost għal sustanzi ta' ħsara jew ikun ġie affettwat minn kanċer relatat max-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni toħloq lista minima ta' mard okkupazzjonali bi kriterji ta' rikonoxximent komparabbli madwar l-UE;

    120.

    Jistieden lill-Istati Membri jtejbu r-riintegrazzjoni ta' superstiti tal-kanċer f'attivitajiet soċjali u fis-suq tax-xogħol, filwaqt li jgħinuhom ukoll fit-tranżizzjoni għal rwoli professjonali ġodda f'każ ta' konsegwenzi li jipprevjenu li jkomplu fl-istess impjieg, u jiffaċilitaw ir-ritorn tas-superstiti tal-kanċer pedjatriku jirritornaw l-iskola jew lejn l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni ogħla; jinnota s-sottovalutazzjoni ġenerali tal-kura ta' segwitu meta mqabbla mal-prevenzjoni tal-kanċer daqstant importanti; ifakkar fir-rakkomandazzjonijiet u l-għodod żviluppati mill-Azzjoni Konġunta CHRODIS+ biex titrawwem iż-żamma tal-pazjenti fuq il-post tax-xogħol, il-kapaċità li jirritornaw għax-xogħol u l-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġja l-implimentazzjoni ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet u l-għodod fl-Istati Membri kollha; jirrakkomanda rakkomandazzjonijiet speċifiċi tal-UE għal miżuri rigward superstiti tal-kanċer biex tiġi evitata r-rikorrenza tal-kanċer primarju u l-iżvilupp ta' kanċers ġodda, kif ukoll miżuri għar-riabilitazzjoni tagħhom, inklużi dispożizzjonijiet speċifiċi għal kura ta' segwitu fit-tul għas-superstiti tal-kanċer fit-tfal hekk kif dawn jgħaddu għall-età adulta; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' kura medika u psikoloġika ta' segwitu għas-superstiti tal-kanċer;

    121.

    Iqis li l-EU-OSHA għandha tingħata l-mandat li jkollha rwol aktar b'saħħtu fil-promozzjoni ta' prattiki tajbin fl-Istati Membri fir-rigward tal-integrazzjoni tal-pazjenti bil-kanċer u ta' superstiti tal-kanċer fil-post tax-xogħol u l-protezzjoni tagħhom mid-diskriminazzjoni; jistenna bil-ħerqa l-istudju l-ġdid, imħabbar fil-Pjan, dwar ir-ritorn għax-xogħol ta' superstiti tal-kanċer, li se jidentifika l-politiki nazzjonali dwar l-impjiegi u l-protezzjoni soċjali u jidentifika l-ostakli u l-isfidi li jifdal;

    122.

    Jissottolinja r-rwol essenzjali tal-ispettorati tax-xogħol fl-iżgurar tal-konformità mal-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa u s-sikurezza u l-prevenzjoni tal-kanċer relatat max-xogħol; jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-ispettorati tax-xogħol u jiżguraw li jiġu ffinanzjati b'mod adegwat; jenfasizza li l-monitoraġġ u l-verifika huma ta' importanza partikolari għall-ħaddiema mobbli; jappella għall-implimentazzjoni l-aktar rapida possibbli tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA), u jitlob li din issir operattiva malajr kemm jista' jkun, u jistieden lill-ELA tipprovdi setgħa reali ta' spezzjoni tax-xogħol f'każijiet transkonfinali u timmonitorja l-konformità mal-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa u s-sikurezza; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvolvu lill-ELA f'sitwazzjonijiet transkonfinali biex jiġi żgurat infurzar xieraq tal-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa u s-sikurezza;

    123.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni lill-bidliet fis-suq tax-xogħol tal-UE, u tiżgura finanzjament suffiċjenti għal ġbir xieraq ta' data; jemmen li l-ġbir estensiv u bir-reqqa ta' informazzjoni u data huwa ta' importanza assoluta u prijorità kontinwa għall-Kummissjoni sabiex tirrispondi bl-inizjattivi leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi meħtieġa li jikkonċernaw il-prevenzjoni tal-kanċer relatat max-xogħol; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu stabbiliti reġistri nazzjonali komprensivi għall-Istati Membri kollha, li jippermettu l-ġbir ta' data madwar l-UE kollha dwar l-espożizzjoni għall-karċinoġeni u jisħaq li dawn ir-reġistri għandhom ikopru l-karċinoġeni rilevanti kollha; jappella għal kooperazzjoni mill-qrib bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri, l-EU-OSHA u l-partijiet ikkonċernati rilevanti, filwaqt li jiġu involuti wkoll b'mod qawwi s-sħab soċjali; jitlob li jsir użu mid-data miġbura biex jingħata segwitu bil-miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi meħtieġa għall-ġlieda kontra l-kanċers relatati max-xogħol;

    124.

    Jappoġġja l-introduzzjoni li jmiss ta' Kard Intelliġenti għas-Superstiti tal-Kanċer, kif imħabbar fil-Pjan, għas-superstiti Ewropej kollha tal-kanċer, speċjalment is-superstiti ta' kanċers tat-tfulija u tal-adolexxenza, li għalihom il-mudell tal-Passaport tas-Sopravivenza jeżisti bħala bażi, għall-ġbir fil-qosor tal-istorja klinika tagħhom, inkluża l-esperjenza proprja tal-pazjenti, u tiffaċilita u timmonitorja l-kura ta' segwitu; jisħaq fuq in-natura sensittiva tad-data dwar is-saħħa individwali u għaldaqstant dwar il-ħtieġa li l-Kard Intelliġenti tiġi protetta bis-sħiħ skont ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) (75);

    125.

    Iqis li l-assiguraturi u l-banek m'għandhomx iqisu l-istorja medika ta' persuni li ġew affettwati mill-kanċer; jitlob li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiżgura li s-superstiti tal-kanċer ma jiġux diskriminati meta mqabbla ma' konsumaturi oħra; jinnota l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tinvolvi ruħha man-negozji biex tiżviluppa kodiċi ta' kondotta biex tiżgura li l-iżviluppi fit-trattamenti tal-kanċer u l-effettività mtejba tagħhom jiġu riflessi fil-prattiki kummerċjali tal-fornituri tas-servizzi finanzjarji; jappoġġja, b'mod parallel, il-promozzjoni tal-avvanzi li saru fi Franza, fil-Belġju, fil-Lussemburgu u fin-Netherlands, fejn is-superstiti tal-kanċer igawdu d-“dritt li wieħed ikun minsi”; jitlob li sa mhux aktar tard mill-2025, l-Istati Membri kollha għandhom jiggarantixxu d-dritt li wieħed ikun minsi lill-pazjenti Ewropej kollha għaxar snin wara t-tmiem tat-trattament tagħhom, u sa ħames snin wara t-tmiem tat-trattament għall-pazjenti li d-dijanjożi tagħhom tkun saret qabel l-età ta' 18-il sena; jappella għall-introduzzjoni ta' standards komuni għad-dritt li wieħed ikun minsi skont id-dispożizzjonijiet rilevanti rigward il-politika dwar il-protezzjoni tal-konsumatur tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, sabiex jiġu rrimedjati l-prattiki nazzjonali frammentati fil-qasam tal-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja u jiġi żgurat aċċess ugwali għall-kreditu għas-superstiti tal-kanċer; jitlob li d-dritt li tkun minsi għas-superstiti tal-kanċer jiġi inkorporat fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE biex tiġi evitata d-diskriminazzjoni u jitjieb l-aċċess għas-superstiti tal-kanċer għas-servizzi finanzjarji;

    126.

    Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-Kodiċi Ewropew għall-Prattika tal-Kura tal-Kanċer li tnieda mill-Organizzazzjoni Ewropea għall-Kanċer, li huwa għodda ta' setgħa u informattiva biex jiġi żgurat li tingħata l-aħjar kura disponibbli lill-pazjenti Ewropej;

    127.

    Jara ħtieġa urġenti ta' karta Ewropea tad-drittijiet tal-pazjenti bil-kanċer; jitlob li din il-karta tqis il-perkors tal-kura tal-kanċer (jiġifieri l-aċċess għall-prevenzjoni, id-dijanjożi inizjali u matul it-trattament) f'kull stadju u li din tapplika b'mod ugwali għaċ-ċittadini kollha tal-UE, irrispettivament mill-pajjiż jew ir-reġjun li jgħixu fih;

    V.   Sfidi tal-kanċer fost it-tfal, l-adolexxenti u l-adulti żgħażagħ

    128.

    Jilqa' l-inizjattivi ta' attenzjoni għall-kanċer fit-tfulija mħabbra mill-Kummissjoni; jappella għal rekwiżiti ta' politika ċari rigward il-ħtiġijiet ta' riċerka dwar il-kanċer pedjatriku; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jirrimedjaw l-allokazzjoni mhux ugwali tal-investiment għall-kanċers pedjatriċi; iqis li għandu jkun iddedikat fluss ta' finanzjament tal-UE ċar u speċifiku għar-riċerka u t-trattament dwar il-kanċer pedjatriku u li l-allokazzjonijiet baġitarji għandhom jiġu allokati fil-programmi rilevanti kollha tal-UE; jenfasizza l-importanza li jiġu appoġġjati pjattaformi ta' riċerka akkademika internazzjonali fil-kanċers pedjatriċi, infurmati minn riċerka mwettqa minn atturi rilevanti oħra;

    129.

    Jinnota li l-ammont ta' xogħol burokratiku attwali tal-attivazzjoni tal-provi fl-Ewropa huwa għoli wisq għal ħafna mard rari inkluż il-kanċers fit-tfulija minħabba li l-provi mmexxija mill-investigaturi jbatu minn nuqqas ta' sponsorizzazzjoni kummerċjali u ħafna organizzazzjonijiet mhux kummerċjali għadhom mhumiex lesti li jwettqu r-rwol ta' sponsor fil-livell pan-Ewropew għal provi multinazzjonali fit-tfal; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-leġiżlazzjoni eżistenti f'dan ir-rigward u tiffaċilita l-provi multinazzjonali għat-tfal;

    130.

    Jitlob il-promozzjoni tad-donazzjoni tal-mudullun fl-Istati Membri sabiex il-ħajjiet ta' eluf ta' persuni dijanjostikati bil-lewkimja jkunu jistgħu jiġu salvati, numru li qed jiżdied b'mod kostanti u li jinkludi bosta tfal, peress li huwa l-aktar kanċer komuni fit-tfulija; jenfasizza li t-trapjant tal-mudullun huwa l-unika tama għal ħafna persuni affettwati mil-lewkimja u mard ieħor fid-demm, u li tlieta minn kull erba' pazjenti mhux se jkollhom membru tal-familja kompatibbli, għalhekk se jkollhom bżonn donatur;

    131.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffukaw fuq l-iżgurar ta' aċċess ugwali u ġeografikament ibbilanċjat għall-aħjar dijanjostika speċjalizzata u trattamenti multidixxiplinari għat-tfal bil-kanċer, u jtejbu l-eżiti tat-trattament tal-kanċer fl-Istati Membri kollha; iqis li l-ispeċjalizzazzjoni akkademika u l-figura professjonali tal-onkoloġista pedjatriku għandha tiġi rikonoxxuta fl-Istati Membri kollha; jemmen li kull pazjent li esperjenza l-kanċer bħala tifel jew tifla jew adolexxenti għandu jirċievi kura medika kontinwa u monitoraġġ anke wara li jilħaq l-età adulta, u għalhekk jitlob għal miżuri biex il-kooperazzjoni bejn professjonisti tas-saħħa pedjatriċi u tal-adulti ssir aktar flessibbli; iħeġġeġ l-iskambju ta' għarfien dwar il-kors tal-kanċers fost it-tfal u l-adolexxenti;

    132.

    Jisħaq fuq il-ħtieġa għal reġistri komprensivi tal-kanċer tat-tfal ibbażati fuq il-popolazzjoni abbażi ta' sistemi ta' klassifikazzjoni tal-kanċer tat-tfal maqbula internazzjonalment, biex tiġi żgurata data komparabbli ta' kwalità għolja madwar l-Ewropa; itenni l-ħtieġa li jiġu ppubblikati n-numru ta' każijiet ta' kanċer fit-tfal u fl-adolexxenti fl-Unjoni u f'kull Stat Membru tal-inqas fuq bażi annwali;

    133.

    Jitlob li l-adolexxenti u l-adulti żgħażagħ (AYAs) bil-kanċer jiġu rikonoxxuti fil-livell tal-UE bħala grupp partikolari bi ħtiġijiet mediċi u psikosoċjali speċifiċi, u għall-ħolqien ta' programmi skolastiċi ddedikati għalihom;

    134.

    Jissottolinja l-ħtieġa li jiġu indirizzati b'mod effettiv il-kwistjonijiet tas-saħħa mentali fit-tfal u l-AYA bil-kanċer u s-superstiti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw aċċess ugwali u disponibbiltà ta' miżuri ta' appoġġ psikosoċjali xierqa għal dan il-grupp ta' pazjenti;

    135.

    Jisħaq fuq il-ħtieġa li jissaħħaħ id-dritt għall-kura transkonfinali għal pazjenti tfal u AYAs bil-kanċer meta l-aħjar trattament ma jkunx disponibbli fil-pajjiż ta' residenza tagħhom, u li jiġi żgurat li l-aċċess għall-innovazzjoni permezz ta' provi kliniċi għal tumuri li rkadew jew malinni diffiċli biex jiġu ttrattati huwa kopert mil-leġiżlazzjoni rilevanti, billi tissaħħaħ is-sostenibbiltà tal-kollaborazzjonijiet transkonfinali eżistenti inklużi n-Networks ta' Referenza Ewropej (NREs), b'mod partikolari l-NRE dwar il-kanċer pedjatriku; jenfasizza l-ħtieġa għal kjarifika rigward l-aċċess għal provi kliniċi transkonfinali, li mhijiex speċifikata biċ-ċar fid-Direttiva dwar il-Kura tas-Saħħa Transkonfinali;

    136.

    Jinnota b'sodisfazzjon li kemm ir-regolamenti dwar il-prodotti mediċinali pedjatriċi (76) kif ukoll dawk orfni (77) rawmu l-iżvilupp u d-disponibbiltà ta' mediċini għal pazjenti b'mard rari u għat-tfal u ddiriġew mill-ġdid l-investimenti privati u pubbliċi lejn żoni li qabel kienu ttraskurati; jappella għal reviżjoni ambizzjuża tar-regolamenti dwar il-prodotti mediċinali pedjatriċi u orfni sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp ta' u l-aċċess għal mediċini tal-kanċer innovattivi, jiġu identifikati l-aktar mediċini importanti biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tat-tfal b'kanċers bi pronjożi batuta, jiġu appoġġjati r-riċerka akkademika l-involviment tal-SMEs, jitnaqqas id-dewmien sabiex it-tfal ikollhom aċċess aktar veloċi għal mediċini pedjatriċi u t-terapiji ġenetiċi u ċellulari, tiġi stimulata l-kompetizzjoni bl-adattar tal-qafas regolatorju u l-inkoraġġiment ta' investimenti f'mediċini pedjatriċi u orfni li tkun skaditilhom il-privattiva u jiġi indirizzat l-aċċess limitat għal ċerti mediċini essenzjali minħabba nuqqas ta' mediċini u l-prezz għoli tal-mediċini innovattivi; jirrakkomanda żieda ta' 20 % fil-mediċini pedjatriċi ġodda tal-kanċer disponibbli sal-2027, kif ukoll żieda fl-aċċessibilità ta' mediċina personalizzata; iqis, konsegwentement, li obbligu ċar li tiġi inkluża r-riċerka pedjatrika għandu jitqies bħala kundizzjoni għal applikazzjoni għall-finanzjament; jistieden lill-Kummissjoni, fejn xieraq fi djalogu mal-Istati Membri, biex taħdem fuq sistema li tiffavorixxi innovazzjoni reali u aċċessibbli għall-pazjenti tal-kanċer pedjatriku; jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-għoti ta' skop ġdid lill-mediċini li jfallu fl-adulti meta jkun hemm raġunament xjentifiku u prekliniku, u tipprovdi inċentivi aktar effettivi u mfassla apposta biex trawwem l-iżvilupp ta' mediċini għall-kanċer fit-tfal u l-iżvilupp tal-ewwel fost it-tfal ta' mediċini pedjatriċi ġodda kontra l-kanċer; jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-iżvilupp f'waqtu tal-mediċina pedjatrika u tnaqqas id-dewmien, bħal permezz ta' premjijiet proporzjonati bikrija allokati b'mod inkrementali u mhux esklussivament fi tmiem iċ-ċertifikat ta' protezzjoni supplimentari; jistieden lill-Kummissjoni tneħħi l-Artikolu 11(b) tar-Regolament Pedjatriku fir-rieżami li jmiss sabiex l-iżvilupp tal-mediċina tal-kanċer pedjatriku jkun xprunat mix-xjenza u mill-mekkaniżmu ta' azzjoni tal-mediċina;

    137.

    Jappella għall-ħolqien ta' grupp konsultattiv fil-livell tal-UE ta' partijiet ikkonċernati ddedikat għall-kanċers fit-tfulija u fl-AYAs, li jista' jappoġġja l-implimentazzjoni xprunata mill-għanijiet u koerenti ta' azzjonijiet rilevanti fil-Pjan, Orizzont Ewropa u l-Istrateġija Farmaċewtika u l-Programm l-UE għas-Saħħa;

    138.

    Jisħaq fuq l-importanza tal-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u jistieden lill-Istati Membri jittrasponu bis-sħiħ id-Direttiva (UE) 2019/1158 tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw (78), li tintroduċi liv għall-persuni li jindukraw u l-possibbiltà li jintalbu arranġamenti ta' ħinijiet tax-xogħol flessibbli ħalli l-ħaddiema jkollhom id-dritt għal liv tal-persuni li jindukraw ta' ħamest ijiem ta' xogħol fis-sena sabiex jipprovdu kura jew appoġġ personali lil qarib, jew lil persuna li tgħix fl-istess unità domestika bħall-ħaddiem, u li teħtieġ kura jew appoġġ sinifikanti għal raġuni medika serja, skont kif definit minn kull Stat Membru;

    139.

    Jilqa' l-ħolqien ta' Network tal-UE ta' Superstiti Żgħażagħ tal-Kanċer imħabbar mill-Kummissjoni;

    140.

    Jappoġġja r-rakkomandazzjoni tal-JARC għall-introduzzjoni ta' identifikatur uniku Ewropew tal-pazjent, il-Passaport tas-Sopravivenza u l-linji gwida dwar is-sorveljanza fit-tul u t-tranżizzjoni minn kura pedjatrika għal dik adulta, sabiex jiġi żgurat il-monitoraġġ tal-eżiti fit-tul fis-superstiti tal-kanċer fit-tfulija f'ambjent transkonfinali; jisħaq fuq il-ħtieġa li d-dritt li tkun minsi jkun adattat skont il-ħtiġijiet ta' din il-popolazzjoni;

    VI.   Sfidi ta' kanċers rari għall-adulti

    141.

    Jirrikonoxxi li l-kanċers rari għall-adulti huma sfida għas-saħħa pubblika; ifakkar li l-pazjenti affettwati minn kanċers rari għall-adulti jikkondividu l-isfidi marbuta mar-rarità u n-natura mhux komuni tal-marda tagħhom, inkluż dewmien twil fid-dijanjożi, u kultant dijanjożi ħażina, u diffikultà biex jaċċessaw kura u trattamenti f'waqthom u adegwati; jinnota li l-pazjenti spiss iħossuhom waħidhom u iżolati u jbatu minn kwalità ta' ħajja mnaqqsa ħafna, u li l-indukraturi tagħhom jintlaqtu wkoll b'mod sinifikanti u negattiv; jitlob li r-Reġistru tal-Inugwaljanzi b'Rabta mal-Kanċer jintegra l-informazzjoni dwar il-kanċers rari li jammontaw għal madwar 24 % tal-każijiet ġodda ta' kanċer li jseħħu fil-gruppi tal-età kollha;

    142.

    Jappoġġja l-introduzzjoni ta' inizjattiva ewlenija ddedikata dwar il-kanċers rari tal-adulti fi ħdan il-Pjan biex jiġu indirizzati l-isfidi speċifiċi li qed tiffaċċja din il-komunità tal-pazjenti u jsir l-aħjar użu minn dawn ir-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fl-Aġenda 2030 dwar il-Kanċer Rari biex titrawwem ir-riċerka u tittejjeb il-kura f'kull pass tal-vjaġġ tal-pazjenti b'kanċer rari; jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat li l-kanċers rari tal-adulti jiġu inklużi fl-inizjattivi kollha fl-erba' pilastri tal-Pjan;

    143.

    Jitlob finanzjament iddedikat għal proġetti ta' riċerka dwar il-kanċer rari tal-adulti taħt Orizzont Ewropa, inkluż taħt il-Missjoni dwar il-Kanċer (pereżempju taħt l-UNCAN.eu – l-Inizjattiva Ewropea biex Nifhmu l-Kanċer) biex jiġu żviluppati terapiji mmirati, u jiġi appoġġjat l-iżvilupp ta' bażijiet ta' data, reġistri u bijobanek rilevanti għall-kanċers rari tal-adulti;

    144.

    Jisħaq fuq il-fatt li d-diffikultà li l-kanċers rari tal-adulti jiġu dijanjostikati b'mod aktar f'waqtu; jirrakkomanda għalhekk aċċess aktar faċli u f'waqtu għall-ittestjar molekulari li jista' jgħin lill-pazjenti jirċievu dijanjożi preċiża u terapija mmirata, u anke jkollhom aċċess għall-provi kliniċi rilevanti fejn xieraq; jisħaq, barra minn hekk, li r-riċerka dwar il-bijomarkaturi hija kritika f'dak il-qasam;

    145.

    Jitlob li tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar rigward il-kanċers rari tal-adulti fost il-professjonisti tal-kura tas-saħħa primarja u sekondarja u li jiġu implimentati riferimenti adegwati lil ċentri esperti multidixxiplinari speċjalizzati kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak Ewropew;

    146.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu networks nazzjonali għal kanċers rari tal-adulti biex jottimizzaw ir-riferiment tal-pazjenti għal ċentri speċjalizzati fil-ħin u jiffaċilitaw l-interazzjonijiet mal-NREs biex jimmassimizzaw l-iskambju ta' għarfien multidixxiplinari u kura ta' kwalità għolja kif ukoll biex irawmu r-riċerka klinika;

    147.

    Jappella li jitjieb l-aċċess għal provi kliniċi u għal programmi ta' użu kompassjonali għal pazjenti adulti b'kanċer rari; jiddispjaċih li għadu diffiċli ħafna għall-pazjenti b'kanċer rari tal-adulti minn ħafna pajjiżi biex jaċċessaw programmi u provi ta' użu kompassjonali barra mill-pajjiż; jitlob implimentazzjoni aħjar tal-iskemi tal-UE biex pazjenti b'kanċer rari tal-adulti jkollhom aċċess għall-kura tas-saħħa barra mill-pajjiż, u jqis illi s-sistemi tal-kura tas-saħħa nazzjonali għandhom jiffaċilitaw l-aċċess għall-provi u l-programmi għall-użu kompassjonali għall-pazjenti b'kanċers rari tal-adulti li għandhom ftit għażliet ta' trattament;

    148.

    Jinkoraġġixxi approċċi regolatorji ġodda li jippermettu lill-pazjenti b'kanċer rari tal-adulti jkollhom aċċess għal terapiji ġodda u innovattivi taħt monitoraġġ sikur, filwaqt li jiġi ffaċilitat il-ġbir ta' data fid-dinja reali flimkien mad-data miġbura fi provi kliniċi;

    149.

    Jenfasizza l-ħtieġa li l-kanċer rari tal-adulti jiġi inkluż fil-“programm ta' taħriġ dwar il-kanċer interspeċjalizzat” li jinkludi wkoll taħriġ speċjalizzat tal-infermerija, flimkien man-NRE għall-kanċers rari tal-adulti; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu appoġġjati programmi edukattivi mmirati lejn pazjenti b'kanċer rari tal-adulti, persuni li jindukraw il-pazjenti u rappreżentanti tal-pazjenti flimkien man-NRE, biex jiżdied il-livell ta' litteriżmu dwar is-saħħa u fl-aħħar mill-aħħar il-pazjenti u l-familji tagħhom jiġu megħjuna jagħmlu għażliet infurmati dwar l-għażliet ta' kura u l-kura ta' segwitu;

    150.

    Jirrikonoxxi l-ispeċifiċitajiet tal-kanċers rari tal-adulti fi programmi ddedikati għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja tal-pazjenti bil-kanċer, tas-superstiti u ta' dawk li jindukrawhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw taħriġ speċifiku għall-professjonisti, minbarra l-fornituri tal-kura tas-saħħa (eż. ħaddiema soċjali, maniġers tal-każijiet eċċ.), li qegħdin jieħdu ħsieb pazjenti b'kanċer rari tal-adulti; Jisħaq fuq il-fatt li l-pazjenti b'kanċer rari tal-adulti jeħtieġ li jirċievu appoġġ psikoloġiku adegwat, riabilitazzjoni u monitoraġġ tal-effetti sekondarji fit-tul tat-trattamenti minn professjonisti li jifhmu l-marda rari tagħhom u l-ispeċifiċitajiet tagħha; jirrakkomanda li l-pazjenti kollha b'kanċer rari tal-adulti jingħataw ukoll pjan ta' kura tas-superstiti; iqis li dawk li jieħdu ħsieb pazjenti b'kanċer rari tal-adulti (spiss membri tal-familja) jeħtieġu wkoll aċċess għal appoġġ psikosoċjali speċifiku biex ikampaw mas-severità u l-kumplessità tal-marda, u l-piż sinifikanti tal-kura li jieħdu;

    151.

    Jistieden lill-Istati Membri jinkludu taqsima speċifika dwar il-ġestjoni tal-kanċers rari tal-adulti fl-NCCPs tagħhom (flimkien ma' taqsima ddedikata għall-kanċers fit-tfal) kif rakkomandat fl-Aġenda 2030 dwar il-Kanċer Rari; iqis li dawn l-ispeċifiċitajiet għandhom jiġu rikonoxxuti f'taqsimiet speċifiċi distinti fl-NCCPs kollha, inklużi b'sinerġiji rilevanti mal-pjanijiet nazzjonali dwar il-mard rari, biex titrawwem ir-riċerka kif ukoll jittejbu l-ġestjoni tal-kura u l-perkorsi ta' kura għal dawn il-pazjenti, mill-kura primarja sa ċentri tal-kura tas-saħħa multidixxiplinari speċjalizzati ħafna, li jappartjenu għal, jew f'kuntatt mill-qrib ma' NRE rilevanti; jinnota li, sal-lum, ħafna mill-NCCPs tal-Istati Membri ma jinkludux biżżejjed il-kanċers rari fl-adulti u fil-kanċers pedjatriċi;

    152.

    Iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti jinvolvu lill-organizzazzjonijiet tal-pazjenti tal-kanċer rari tal-adulti bħala sħab fl-NCCPs biex jagħtu widen għall-ħtiġijiet u l-aspettattivi tal-pazjenti tal-kanċer rari tal-adulti, kif ukoll jipparteċipaw b'mod attiv fl-implimentazzjoni ta' miżuri ddedikati għall-kanċers rari tal-adulti;

    B.    Għodod għall-azzjoni

    I.   Riċerka olistika u l-implikazzjonijiet tagħha

    153.

    Jisħaq li l-Pjan għandu jiġi implimentat f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Missjoni dwar il-Kanċer fl-ambitu ta' Orizzont Ewropa u l-għanijiet tiegħu li jippromwovi l-investiment tal-UE fir-riċerka, fil-produzzjoni pubblika u l-innovazzjoni dwar il-kanċer; jilqa' l-fatt li Orizzont Ewropa se jiffinanzja l-infrastrutturi tar-riċerka, il-cloud computing u l-azzjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-kanċer pedjatriku bħala suġġett għal sħubija Ewropea taħt il-programm strateġiku li jmiss ta' Orizzont Ewropa; jirrakkomanda li jingħata finanzjament xieraq lill-proġetti taħt Orizzont Ewropa li jkunu ddedikati għal mediċini ġodda kontra l-kanċer pedjatriku sabiex jimtela l-vojt eżistenti fil-mediċini pedjatriċi;

    154.

    Ifakkar li r-riċerka multidixxiplinari dwar il-kanċer, u li din tissarraf fil-prattika klinika ta' kuljum, huma fundamentali biex jiġi żgurat titjib kontinwu fil-prevenzjoni, fid-dijanjożi, fit-trattament u fil-kura ta' segwitu għall-kanċer għas-superstiti tal-kanċer; jilqa', għalhekk, it-tnedija ta' sħubijiet ta' Orizzont Ewropa biex l-għarfien xjentifiku jissarraf f'innovazzjonijiet li jilħqu lill-pazjenti; jitlob lill-Kummissjoni ssegwi mill-qrib l-attività ta' sħubijiet ta' Orizzont Ewropa u t-traduzzjoni tar-riċerka f'appoġġ b'valur miżjud għall-prattika medika attwali;

    155.

    Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar iż-Żona Ewropea tar-Riċerka ġdida għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li tistabbilixxi l-objettivi u l-azzjonijiet strateġiċi li għandhom jiġu implimentati f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri; jappoġġja l-mira ta' investiment ta' 3 % tal-PDG tal-UE fir-riċerka u l-iżvilupp li se jgħin fil-promozzjoni tal-eċċellenza fir-riċerka madwar l-UE u jippermetti li r-riżultati tar-riċerka jilħqu l-komunità xjentifika, is-soċjetà u l-ekonomija reali; jiddeplora l-inugwaljanzi sinifikanti fil-finanzjament tar-riċerka madwar l-UE; jistieden lill-Istati Membri jadottaw patt għar-riċerka u l-innovazzjoni fl-Ewropa li jinkludi l-impenn li l-infiq pubbliku fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni jiżdied għal 1,25 % tal-PDG, sal-2030, b'mod koordinat madwar l-UE;

    156.

    Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu u jiżguraw karrieri xjentifiċi attraenti għar-riċerkaturi fl-Ewropa, b'enfasi partikolari fuq in-nisa; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu forza tax-xogħol xjentifika u infrastruttura strutturati sew, u jiżguraw finanzjament kontinwu għaċ-ċentri ta' riċerka tagħhom; jilqa' l-fatt li l-Inizjattiva tas-Saħħa Innovattiva proposta se tgħin biex tinħoloq ekosistema ta' riċerka u innovazzjoni mifruxa mal-UE kollha, filwaqt li tippromwovi l-kooperazzjoni bejn l-industrija tas-saħħa, l-akkademja u partijiet interessati oħra biex l-għarfien xjentifiku jissarraf f'innovazzjonijiet li jindirizzaw il-prevenzjoni, id-dijanjożi, it-trattament u l-ġestjoni tal-mard, inkluż il-kanċer;

    157.

    Itenni s-sejħa tiegħu għal finanzjament sostenibbli u adegwat għal riċerka Ewropea kompetittiva dwar il-kanċer; Jisħaq fuq il-fatt li tali riċerka għandu jkollha l-għan li tindirizza oqsma ta' ħtieġa għolja mhux issodisfata u għandha titwettaq fil-partijiet kollha tal-kontinwità tal-kura tal-kanċer, inkluż għall-modalitajiet kollha tat-trattament; jistieden lill-Istati Membri jżidu b'mill-inqas 20 % il-mobilizzazzjoni tar-riċerka pubblika dwar l-innovazzjonijiet terapewtiċi, dijanjostiċi u tal-iskrining tal-kanċer, li tkopri l-popolazzjonijiet tal-pazjenti kollha kkonċernati; jitlob, barra minn hekk, biex Orizzont Ewropa u l-programmi nazzjonali ta' riċerka jappoġġjaw ir-riċerka dwar il-mediċini pedjatriċi u orfni permezz ta' fondi ta' premju; iqis li l-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-finanzjament pubbliku għandhom jiġu riveduti, filwaqt li tiġi żgurata t-trasparenza tal-kuntratti stipulati bejn l-entitajiet pubbliċi u privati kif ukoll il-kundizzjonalitajiet fir-rigward tal-aċċessibbiltà u l-affordabbiltà ta' innovazzjonijiet ġodda meta l-proġetti jkunu ta' suċċess;

    158.

    Jappoġġja r-rakkomandazzjoni mill-Bord tal-Missjoni Negħlbu l-Kanċer biex jiġi stabbilit programm ta' riċerka bil-kompitu li jidentifika strateġiji u metodi effettivi għall-prevenzjoni tal-kanċer fir-rigward tad-determinanti kummerċjali tas-saħħa u l-espożizzjoni għall-karċinoġeni okkupazzjonali (79); jappoġġja r-rakkomandazzjoni għall-ħolqien ta' Faċilità ta' Appoġġ għall-Politika biex tissaħħaħ il-kondiviżjoni tal-għarfien u tiġi appoġġjata l-implimentazzjoni ta' politiki ta' prevenzjoni relatati mal-kanċer fil-livell tal-UE, nazzjonali u lokali;

    159.

    Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jistabbilixxu programmi biex jipprovdu l-appoġġ meħtieġ għall-komunità Ewropea tal-mediċini interċettivi bbażati fuq iċ-ċelloli li għadha kif ġiet konsolidata u li se toħloq u tintegra teknoloġiji ċellulari u tal-intelliġenza artifiċjali rivoluzzjonarji biex jifhmu l-avvenimenti bikrija fir-rispons għall-kanċer u t-terapija u jużaw dan l-għarfien biex itejbu l-eżiti tal-pazjenti; jappoġġja l-ħolqien ta' pjattaforma għal mediċina interċettiva bbażata fuq iċ-ċelloli biex tikkoordina u tistabbilixxi sinerġiji bejn ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-attivitajiet multisettorjali; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' investiment f'approċċi ta' riċerka u innovazzjoni biex jinħolqu strateġiji innovattivi ta' detezzjoni bikrija bbażata fuq iċ-ċelloli u ta' trattament personalizzat għall-kanċer;

    160.

    Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' riċerka indipendenti u multidixxiplinari dwar il-kanċer “mil-laboratorju sas-sodda tal-pazjent”, jiġifieri mil-laboratorju għall-istudji applikati fil-pazjenti, u wkoll għar--rievalwazzjoni regolari tal-effikaċja tal-mediċini li diġà qegħdin fis-suq; jisħaq fuq il-ħtieġa li r-riżultati ta' din ir-riċerka jsiru pubbliċi b'mod trasparenti u sempliċi; jappella l-istabbiliment ta' miżuri biex jiġu limitati r-riskji tas-saħħa kkawżati mid-diżinformazzjoni u mill-miżinformazzjoni, speċjalment fuq il-midja soċjali, b'attenzjoni speċjali għall-miżuri ta' protezzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ; jitlob appoġġ għal inizjattivi ta' tixrid tax-xjenza;

    161.

    Jisħaq fuq l-importanza tal-investiment fl-iżvilupp ta' metodoloġiji ta' riċerka ġodda mhux ibbażati fuq l-annimali, bħal in silico u organojdi, bil-għan li jitqassru l-perjodi ta' osservazzjoni prekliniċi, tiżdied l-effiċjenza fir-riċerka u jitnaqqsu l-esperimenti bla bżonn u spiss inqas affidabbli fuq l-annimali; jissottolinja li l-metodi mhux ibbażati fuq l-annimali għall-ittestjar tal-karċinoġeniċità tas-sustanzi kimiċi ambjentali, bħall-istrateġiji tal-ittestjar iffukati fuq il-mekkaniżmi bijoloġiċi sottostanti li jwasslu għall-kanċer, għandhom jipprovdu aktar informazzjoni rilevanti mill-metodi bbażati fuq l-annimali li bħalissa qed jintużaw għall-valutazzjoni tas-sikurezza kimika, u b'hekk l-awtoritajiet ikunu jistgħu jieħdu miżuri aktar rapidi biex jillimitaw l-esponiment għal sustanzi kimiċi ta' ħsara li jistgħu jwasslu għall-kanċer;

    162.

    Jistieden lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ biex jinkoraġġixxu kooperazzjoni pubblika-privata, xprunata mill-ħtiġijiet tas-saħħa pubblika u jneħħu l-ostakli għall-kompetittività madwar l-UE;

    163.

    Iqis l-impatt potenzjali sinifikanti tal-użu tal-intelliġenza artifiċjali, tal-analiżi algoritmika tal-“big data” u tat-teknoloġiji moderni oħra fid-dijanjożi u fit-teħid ta' deċiżjonijiet għall-kanċers fis-snin li ġejjin; jissottolinja li l-kombinazzjoni tad-data tad-dinja reali, l-immudellar matematiku, l-intelliġenza artifiċjali u l-għodod diġitali se tgħin b'mod sinifikanti biex jiġu żviluppati trattamenti innovattivi b'mod aktar kosteffiċjenti, u potenzjalment jitnaqqas in-numru ta' pazjenti rikjesti għall-provi kliniċi u l-użu tal-annimali fir-riċerka; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-għarfien tal-bijoloġija tal-kanċer permezz tal-implimentazzjoni tal-infrastrutturi tal-ġenomika u tal-informatika; iħeġġeġ lis-sħab kollha inkarigati mill-implimentazzjoni biex dejjem ikunu konxji tal-prinċipji tal-privatezza u s-sigurtà tad-data, ta' fiduċja, trasparenza, ċentriċità tal-pazjenti u involviment tal-pazjenti;

    164.

    Jenfasizza l-importanza kruċjali tar-riċerka klinika u jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw il-konċiljazzjoni tal-kura tal-pazjenti ma' inizjattivi ta' riċerka u innovazzjoni, speċjalment f'ċentri iżgħar, filwaqt li jnaqqsu l-ammont ta' xogħol u l-proporzjon ta' pazjenti għal kull professjonist tas-saħħa;

    165.

    Jitlob li ssir riċerka dwar l-impatt pożittiv potenzjali tal-intelliġenza artifiċjali u t-teknoloġiji moderni fid-dijanjożi, il-monitoraġġ, it-teħid tad-deċiżjonijiet u l-kura tal-kanċer; jilqa' t-tnedija tal-proġett Ġenomika għas-Saħħa Pubblika li se jagħti aċċess sigur għal ammonti kbar ta' data ġenomika li għandha tintuża fil-mediċina P4 (preventiva, predittiva, personalizzata u parteċipattiva);

    166.

    Jappoġġja l-ħolqien ta' riżorsi u pjattaformi diġitali ġodda, bħall-Inizjattiva Ewropea dwar l-Immaġnijiet tal-Kanċer, u t-tisħiħ tas-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni dwar il-Kanċer, li se jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti jagħmlu użu tajjeb mill-intelliġenza artifiċjali applikata għall-big data fis-snin li ġejjin; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' aċċess ugwali u trasparenti għall-informazzjoni inkluża f'dawn il-pjattaformi;

    167.

    Jilqa' t-tnedija tal-inizjattiva emblematika “Dijanjostika u Trattament tal-Kanċer għal Kulħadd” fl-ambitu tal-Pjan, li għandu l-għan li jtejjeb l-aċċess għal dijanjożi u trattament innovattivi tal-kanċer u tippromwovi l-użu tat-teknoloġija “sekwenzjar tal-ġenerazzjoni li jmiss” għal profili ġenetiċi rapidi u effiċjenti taċ-ċelloli tat-tumur, filwaqt li tippermetti lir-riċerkaturi u t-tobba jkunu jistgħu jaqsmu l-profili tal-kanċer u japplikaw l-istess approċċi dijanjostiċi u terapewtiċi jew simili għal pazjenti bi profili tal-kanċer paragunabbli; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu kkunsidrati trattamenti personalizzati bbażati fuq provi kliniċi mfassla tajjeb b'valur terapewtiku miżjud ippruvat għall-pazjenti;

    168.

    Jilqa' s-Sħubija ppjanata għall-Mediċina Personalizzata, imħabbra fil-Pjan u li se tiġi ffinanzjata fl-ambitu ta' Orizzont Ewropa, li se tidentifika l-prijoritajiet għar-riċerka u l-edukazzjoni fil-mediċina personalizzata, tappoġġja proġetti ta' riċerka dwar il-prevenzjoni, id-dijanjożi u t-trattament tal-kanċer, u tagħmel rakkomandazzjonijiet għall-introduzzjoni ta' approċċi personalizzati tal-mediċina fil-prattika medika ta' kuljum; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi stabbilita terminoloġija definita tajjeb u globalment konsistenti għal “mediċini personalizzati” li tissimplifika l-investiment fir-riċerka u tkun ta' benefiċċju għal-litteriżmu tas-saħħa tal-pazjenti; jappoġġja l-istabbiliment ta' pjan direzzjonali għall-prevenzjoni personalizzata li jippermetti l-identifikazzjoni ta' lakuni fir-riċerka u l-innovazzjoni u għall-immappjar tal-anomaliji bijoloġiċi magħrufa kollha li jwasslu għas-suxxettibbiltà għall-kanċer, inklużi fatturi ereditarji u ambjentali u kwistjonijiet pedjatriċi; jitlob li dawn is-soluzzjonijiet isiru potenzjalment aċċessibbli permezz ta' sistemi pubbliċi tal-kura tas-saħħa;

    169.

    Jitlob li jissaħħu l-bini tal-kapaċità, l-infrastruttura, il-kollaborazzjoni u l-finanzjament tar-riċerka dwar provi kliniċi mingħajr skop ta' qligħ biex jittejbu l-istrateġiji ta' trattament, b'enfasi fuq il-popolazzjonijiet ta' pazjenti anzjani, kif ukoll fuq dawk vulnerabbli u sottorappreżentati, inklużi n-nisa u t-tfal; jitlob l-appoġġ tal-UE għas-sistema tas-saħħa u l-aġenda tal-ottimizzazzjoni tat-trattament;

    170.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu studji ddedikati għax-xjenzi umani u soċjali, b'mod partikolari dawk li jindirizzaw l-inugwaljanzi fis-saħħa fl-istadji differenti tal-mard tal-kanċer, kif ukoll riċerka dwar l-ottimizzazzjoni tat-trattament tal-kanċer, il-finanzjament tas-servizzi u l-fornituri tal-kura tas-saħħa, l-organizzazzjoni tat-twassil tas-servizzi tal-kura tas-saħħa u l-funzjonament tal-istituzzjonijiet ta' mmaniġġjar; jitlob li l-istudji jinkludu l-inugwaljanzi fil-kura tal-kanċer relatati ma' fatturi bħall-ġeneru, l-età u l-istatus soċjoekonomiku, b'attenzjoni partikolari għall-gruppi marġinalizzati u vulnerabbli fis-soċjetà;

    171.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw l-iżvilupp ta' provi kliniċi Ewropej b'diversi ċentri, b'mod partikolari fil-każ ta' kanċers b'inċidenza baxxa u/jew kanċers b'għażliet ta' trattament imnaqqsa, u jsaħħu l-kooperazzjoni multinazzjonali u t-twettiq ta' provi kliniċi transkonfinali, filwaqt li jibnu fuq strutturi eżistenti fejn xieraq, bħall-Kunsill Ewropew għar-Riċerka Klinika fis-settur tal-kanċer pedjatriku, u jinkoraġġixxu l-involviment ta' pajjiżi iżgħar; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li l-inizjattivi kollha tal-politika tal-UE dwar il-kanċer jiġu kkoordinati lejn għanijiet definiti u kondiviżi;

    172.

    Jappoġġja r-riċerka klinika biex jiġu evalwati l-fattibbiltà, l-effikaċja u l-kosteffettività tal-interventi mhux relatati mat-trattament, bħal studji dwar id-determinanti tas-saħħa (inklużi l-fatturi ambjentali) u l-kwalità tal-ħajja;

    173.

    Jemmen bis-sħiħ li pazjenti u l-assoċjazzjonijiet tal-pazjenti indipendenti, kif ukoll il-ġenituri u dawk li jindukraw, għandhom ikunu involuti fid-definizzjoni ta' prijoritajiet u punti ta' tmiem tar-riċerka għall-provi kliniċi, sabiex jiġi żgurat li l-provi jindirizzaw il-ħtiġijiet mhux issodisfati ta' pazjenti Ewropej, inkluż dwar il-kwalità tal-ħajja bħala l-punt ta' tmiem primarju; iqis li r-riżultati finali tal-provi għandhom jiġu kkomunikati lill-pazjenti parteċipanti u lill-pubbliku; jappella biex il-pazjenti pedjatriċi jiġu involuti fid-definizzjoni ta' ħtiġijiet mhux issodisfati, jipprovdu input fit-tfassil tal-protokoll għall-provi kliniċi, itejbu l-komunikazzjoni mal-popolazzjoni fil-mira u jsaħħu l-metodi għat-tixrid tas-sejbiet; jisħaq li l-punt sa fejn id-dispożizzjonijiet dwar it-trasparenza fi ħdan ir-Regolament dwar il-Provi Kliniċi qed jiġu ssodisfati, għandu jinżamm taħt sorveljanza, u għandu jsir rapport dwaru b'mod regolari;

    174.

    Jirrakkomanda skrutinju aktar robust tal-provi kliniċi, u aktar trasparenza fil-proċess tar-riċerka u l-iżvilupp tat-trattamenti tal-kanċer, inkluż it-twaqqif ta' portal li jippermetti lill-pazjenti jaċċessaw informazzjoni dwar il-provi kliniċi disponibbli fl-Ewropa; jappella għal trasparenza dwar l-aċċess u l-użu tad-data tal-provi kliniċi fil-livell tal-UE, inklużi dawk li ġew abbandunati; jissottolinja li dan għandu jinkludi wkoll informazzjoni mfassla apposta għat-tfal u l-pazjenti żgħar;

    175.

    Jirrakkomanda li r-riċerka tkun parametru tar-Reġistru tal-Inugwaljanzi tal-Kanċer sabiex jitkejlu u jiġu mmonitorjati l-inugwaljanzi fir-rigward tal-aċċess għal provi kliniċi kif ukoll biex jiġu mifhuma u indirizzati aħjar id-differenzi reġjonali u nazzjonali fl-attività tal-prova, u biex jiġi segwit titjib minn inizjattivi li għandhom jittieħdu permezz tal-Pjan, bħan-Netwerk tal-UE ta' Ċentri Komprensivi Kontra l-Kanċer;

    176.

    Jenfasizza li d-differenzi assoċjati mal-ġeneri fir-riċerka dwar il-kanċer għandhom jiġu kkunsidrati, kemm fl-istadju prekliniku kif ukoll f'dak kliniku, biex jiġu deskritti d-differenzi fil-fiżjopatoloġija tal-marda u l-komorbiditajiet relatati u fil-farmakokinetika/farmakodinamika tal-mediċina, fost l-oħrajn;

    177.

    Ifaħħar id-Dikjarazzjoni ta' Porto tal-2021 dwar ir-Riċerka dwar il-Kanċer li tenfasizza l-opportunitajiet għal approċċ komprensiv ta' riċerka traslazzjonali dwar il-kanċer bil-potenzjal li tinkiseb sopravivenza speċifika għall-kanċer ta' 10 snin għal 75 % tal-pazjenti dijanjostikati fl-2030 fl-Istati Membri b'sistemi tal-kura tas-saħħa żviluppati sew; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinvolvi ruħha b'mod attiv u jkollha rwol ewlieni fil-kisba ta' dan il-għan;

    178.

    Jilqa' l-fatt li l-Azzjonijiet Marie Sklodowska-Curie se jkomplu jedukaw u jħarrġu lir-riċerkaturi fil-prevenzjoni, it-tbassir, id-detezzjoni, id-dijanjożi u t-trattamenti tal-kanċer;

    II.   Għarfien kondiviż

    179.

    Iqis li l-kondiviżjoni tal-għarfien espert, tad-data, tal-programmi ta' taħriġ u tal-għodod ta' komunikazzjoni hija meħtieġa biex jittejjeb l-għarfien dwar il-kanċer kemm fost il-professjonisti tas-saħħa, ir-riċerkaturi kif ukoll fost il-pazjenti; jenfasizza li l-kollaborazzjoni u l-kondiviżjoni tal-għarfien transsettorjali u transkonfinali huma kruċjali biex tittejjeb aktar il-kwalità tal-kura tal-kanċer fl-UE; jinnota li l-kondiviżjoni tad-data hija essenzjali għall-applikazzjoni tal-intelliġenza artifiċjali u l-għodod ta' tagħlim awtomatiku għar-riċerka dment li jkun hemm sorveljanza umana, kif ukoll biex tippermetti t-trasformazzjoni diġitali tal-kura tas-saħħa, tindirizza d-disparitajiet fil-prevenzjoni, id-dijanjożi u t-trattament tal-kanċer madwar l-Ewropa u tottimizza l-użu tar-riżorsi tas-sistemi tal-kura tas-saħħa billi żżid l-effiċjenza u b'hekk tippermetti disponibbiltà usa' ta' data dwar il-kura onkoloġika, inkluż f'żoni inqas urbanizzati u aktar remoti; jenfasizza n-natura sensittiva tad-data dwar is-saħħa; jappella għall-konformità sħiħa mar-Regolament (UE) 2016/679 tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (80) biex jiġu evitati restrizzjonijiet bla bżonn dwar il-kura tas-saħħa transkonfinali; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' interpretazzjoni u implimentazzjoni armonizzata tal-GDPR, speċjalment mill-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data, inklużi l-Premessi 33 u 157, u l-interazzjoni tiegħu mar-Regolament dwar il-Provi Kliniċi ladarba applikabbli, inklużi l-Premessa 29 u l-Artikolu 28(2) ta' dak ir-regolament, fl-UE kollha biex tiġi ffaċilitata r-riċerka xjentifika; jitlob lill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jiżgura li l-linji gwida tiegħu rigward ir-riċerka dwar is-saħħa jiġu aġġornati bl-għan li titrawwem ir-riċerka, u jistieden lill-Kummissjoni tagħmel proposti konkreti sa tmiem l-2022;

    180.

    Jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta l-funzjonament tal-NREs, speċjalment ir-rwol tagħhom fil-ġbir u l-kondiviżjoni tal-għarfien espert u tal-aħjar prattiki, u b'hekk tissimplifika r-riferiment tal-pazjenti fil-ġestjoni ta' kanċers rari, li jaffettwaw madwar 5,1 miljun pazjent madwar l-Ewropa u jirrikjedu kooperazzjoni fuq skala kbira; jenfasizza l-importanza tal-NRE fir-rigward tal-għelbien tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa u l-iżgurar ta' trattament aktar sikur u ta' kwalità għolja bejn il-fruntieri tal-UE;

    181.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw finanzjament fit-tul xieraq u regolari għall-NRE, u li jintegrawhom fis-sistemi tas-saħħa nazzjonali; jappella biex il-finanzjament ikopri, inter alia, il-kumpens ta' konsultazzjonijiet virtwali, l-appoġġ għall-programmi ta' twinning u edukattivi, u r-rimborż tal-ivvjaġġar tal-pazjent b'konformità mad-Direttiva dwar il-Kura tas-Saħħa transkonfinali meta dan ikun meħtieġ, sabiex jitrawmu standards imtejba ta' kura u aċċess ugwali għall-aħjar interventi possibbli għall-pazjenti kollha li jeħtiġuhom madwar l-Ewropa; jitlob ukoll appoġġ għall-introduzzjoni, l-aġġornament u l-funzjonament bla xkiel tal-infrastruttura diġitali li tissimplifika u tiffaċilita l-aċċess għall-ERNs, kif ukoll għall-ħolqien ta' strateġija tal-UE għad-data dwar is-saħħa biex jittejbu r-reġistri attwali tal-mard rari fi spazju tad-data komuni u uniformi; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi garantit finanzjament għall-funzjonament kontinwu tal-NRE, l-UE għas-Saħħa, il-Programm Orizzont Ewropa, il-fondi strutturali, u permezz tal-Artikolu 195 tar-Regolament Finanzjarju; jappoġġja l-espansjoni tal-erba' NREs eżistenti (PaedCan dwar il-kanċers pedjatriċi, EURACAN dwar il-kanċer solidu rari għall-adulti, EuroBloodNet dwar mard ematoloġiku rari inkluż sindromi malinni ematoloġiċi rari u GENTURIS dwar is-sindromi tar-riskju tat-tumur ġenetiku) biex jiġu inklużi kanċers rari, kumplessi u li ma jistgħux jiġu kkurati ħażin u kanċers pedjatriċi, peress li dan jista' jiffaċilita l-aċċess ugwali għall-pazjenti, inklużi t-tfal u l-AYA, għall-aħjar kura disponibbli madwar l-Ewropa u jtejjeb il-funzjonalità tal-NREs u l-eżiti tas-saħħa fil-popolazzjonijiet ta' pazjenti b'mard rari;

    182.

    Jemmen li l-iżvilupp u l-ottimizzazzjoni ulterjuri tal-NRE jirrikjedu l-parteċipazzjoni tal-Istati Membri kollha fl-NRE eżistenti, b'kull Stat Membru jkollu mill-inqas membru “sħiħ” jew “affiljat” wieħed f'kull NRE u f'kull dominju subkliniku/network tematiku tal-NRE, il-faċilitazzjoni tal-vjaġġ individwali tal-pazjenti permezz tal-kollaborazzjoni effettiva tal-punti ta' kuntatt nazzjonali mal-NRE, l-evalwazzjoni tal-funzjonament tal-NRE billi tiġi kondiviża data dwar il-prestazzjoni u n-networking tagħhom fil-qasam tal-kanċers rari, l-varar ta' għodod tat-telemediċina effiċjenti li jippermettu l-kondiviżjoni tar-rekords tal-każijiet u tar-riżultati tal-immaġnijiet b'manjiera sikura biex jiġu diskussi każijiet kumplessi ta' kanċer rari, u l-allokazzjoni ta' finanzjament adegwat u fit-tul, kemm fil-livell tal-Unjoni (l-UE għas-Saħħa) kif ukoll f'dak nazzjonali;

    183.

    Jistieden lill-Istati Membri jagħtu kunsiderazzjoni xierqa lill-importanza tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi lokali, reġjonali u nazzjonali li jgħaqqdu lill-pazjenti bil-kanċer, lis-superstiti u lill-qraba tagħhom, f'termini tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċess tal-kondiviżjoni tal-għarfien, fil-ġlieda kontra l-kanċer, f'termini ta' appoġġ leġiżlattiv, u f'termini tal-għoti ta' finanzjament separat għal dawn l-organizzazzjonijiet, speċjalment dawk involuti fi programmi għall-ġlieda kontra l-kanċer;

    184.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jappoġġjaw approċċ iddedikat u mfassal apposta għall-kanċers rari fl-adulti u l-kanċers pedjatriċi, filwaqt li jqisu l-inizjattivi tal-UE, u jintegraw bis-sħiħ in-NRE fis-sistemi nazzjonali tal-kura tas-saħħa tagħhom; jitlob il-ħolqien ta' protokolli komuni u konsistenti li jirregolaw il-ġbir tad-data u għall-ħolqien ta' sett uniku ta' definizzjonijiet li jispjegaw id-data miġbura; jitlob li l-organizzazzjonijiet tal-pazjenti bil-kanċer rari jiġu assoċjati mal-NREs u maċ-ċentru ta' referenza Ewropew;

    185.

    Ifakkar li ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka ħa rwol attiv fl-appoġġ tal-attivitajiet u fl-isfruttar tad-data tar-reġistri tal-kanċer; Iqis li l-mandat, il-finanzjament u l-appoġġ politiku għaċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka biex ikompli u jaċċellera l-ħidma ta' koordinazzjoni tiegħu mar-reġistri tal-kanċer għandhom jissaħħu, b'mod partikolari f'termini tal-ġbir ta' riżultati tal-pazjenti, evidenza tad-dinja reali u l-identifikazzjoni ta' raggruppamenti tal-kanċer, u l-integrazzjoni tagħhom fir-reġistri eżistenti tal-kanċer;

    186.

    Jilqa' l-iżvilupp ta' infrastruttura Ewropea tar-riċerka ddedikata kompletament għar-riċerka pedjatrika, inkluż ukoll l-onkoloġija, li se tiffaċilita r-riċerka pedjatrika bażika, preklinika u transnazzjonali li tirfed id-disponibbiltà ta' provi kliniċi u tal-mediċini għat-tfal;

    187.

    Jilqa' t-tnedija ta' Ċentru ta' Għarfien dwar il-Kanċer fl-2021, sabiex jikkontribwixxi għall-iskambji u l-koordinazzjoni ta' inizjattivi xjentifiċi u tekniċi relatati mal-kanċer fil-livell tal-UE; iqis li l-ċ-ċentru tal-għarfien għandu jinvolvi lill-partijiet ikkonċernati kollha (rappreżentanti ta' kull NCCP, assoċjazzjonijiet tal-pazjenti u tal-persuni li jindukraw, soċjetajiet tal-għerf, aġenziji u korpi tal-UE rilevanti, rappreżentanti tal-operaturi ekonomiċi eċċ.); jemmen li dan iċ-ċentru ta' għarfien għandu jkun ibbażat fuq l-iskrinjar tad-data, ir-rapporti tal-NRE u r-reġistri tal-kanċer; iqis li l-missjoni tiegħu għandha tkun definita b'mod ċar u tinkludi:

    (a)

    il-koordinazzjoni tan-network tal-NCCPs kollha;

    (b)

    il-produzzjoni ta' pjan direzzjonali Ewropew biex jingħata bidu għal kampanji ta' prevenzjoni fuq skala kbira u programmi edukattivi dwar il-promozzjoni tas-saħħa;

    (c)

    il-koordinazzjoni tal-istabbiliment ta' kriterji komuni ta' kwalità biex jiggwidaw l-akkreditazzjoni nazzjonali ta' programmi ta' skrinjar, reġistri tal-kanċer u ċentri għall-kura tal-kanċer;

    (d)

    l-iżvilupp, abbażi tal-aħħar evidenza xjentifika, linji gwida dwar il-prattika klinika u skemi ta' assigurazzjoni tal-kwalità biex itejbu l-perkors kollu tal-kura għat-tipi kollha ta' kanċer, u b'mod partikolari għall-kanċers rari u pedjatriċi;

    (e)

    l-abbozzar ta' rapporti annwali u t-twaqqif ta' oqfsa għat-titjib tal-ġbir tad-data minn programmi ta' skrinjar, reġistri tal-kanċer u NRE fil-livell tal-UE;

    (f)

    il-preżentazzjoni ta' studji dwar l-impatt tal-prevenzjoni u d-dijanjożi, inklużi stimi li jikkonċernaw it-tnaqqis tal-ispejjeż ekonomiċi ġġenerati permezz ta' żieda fl-investiment fil-prevenzjoni u fid-dijanjożi;

    (g)

    il-koordinazzjoni tal-iskambju tal-aħjar prattiki u tar-riżultati bejn in-NRE u ċ-Ċentri Komprensivi tal-Kanċer;

    (h)

    il-ġenerazzjoni ta' mudell komprensiv ibbażat fuq il-Pjan u Orizzont Ewropa, u b'input mill-pazjenti u mill-indukraturi, sabiex jiġu identifikati l-prijoritajiet ta' riċerka u possibbilment ikun jista' jiġi żviluppat korp ta' riċerka koordinat u effiċjenti dwar il-kanċer fl-Ewropa;

    (i)

    l-iffaċilitar tal-kondiviżjoni ta' data anonimizzata, miġbura fi Cloud Ewropew tal-Kanċer, għal kliniċisti u riċerkaturi, kif ukoll għal entitajiet li jiżviluppaw servizzi tas-saħħa u soluzzjonijiet teknoloġiċi moderni għall-pazjenti bil-kanċer;

    (j)

    l-appoġġ ta' programmi komuni ta' taħriġ għall-professjonisti tas-saħħa, għall-pazjenti u għall-persuni li jindukraw;

    (k)

    it-twassil ta' informazzjoni aġġornata, iċċertifikata u trasparenti liċ-ċittadini u lill-professjonisti dwar il-kawżi tal-kanċer, it-trattamenti u l-leġiżlazzjoni tal-UE;

    (l)

    il-monitoraġġ tal-livell ta' implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti fl-NCCPs tal-Istati Membri, u d-disponibbiltà regolari tar-riżultati ta' dan il-monitoraġġ;

    (m)

    il-proposta ta' indikaturi li jistgħu jitkejlu u riproduċibbli għall-eżiti ewlenin deskritti fil-Pjan;

    188.

    Ifakkar li r-riċerkaturi jridu jaħdmu flimkien biex isibu l-aħjar trattament possibbli speċjalment għall-pazjenti li jbatu minn kanċer rari, iżda li qed jiffaċċjaw ostakli serji; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex, permezz tal-mekkaniżmu ta' konsulenza xjentifika tagħha jew permezz tal-ħatra ta' Mibgħut Speċjali dwar ir-riċerka transkonfinali dwar il-kanċer, tħares b'mod sistematiku lejn l-ostakli kollha fir-riċerka u l-kooperazzjoni transkonfinali dwar il-kanċer, inkluża r-regolamentazzjoni, sabiex tippromwovi r-riċerka transkonfinali dwar il-kanċer;

    189.

    Jirrakkomanda l-ħolqien ta' mill-inqas reġistru wieħed tal-kanċer f'kull reġjun tal-UE, inklużi r-reġjuni remoti u ultraperiferiċi; iqis li huwa kruċjali li jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tar-reġistri tal-kanċer; jappoġġja t-tisħiħ tal-kapaċità tar-reġistri nazzjonali tal-kanċer biex jiġbru riżultati standardizzati rrappurtati mill-pazjenti, biex jiġu identifikati aħjar l-istili ta' ħajja taċ-ċittadini tal-UE, inklużi l-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi, l-informazzjoni dwar ix-xogħol, il-fatturi ambjentali, u data oħra, u biex jiġu identifikati l-kawżi tal-inugwaljanzi fl-inċidenza, il-prevalenza u s-sopravivenza tal-kanċer; jenfasizza l-ħtieġa essenzjali li tinġabar data b'mod kollaborattiv fl-Istati Membri kollha; jitlob għall-komparabbiltà tas-sorsi tad-data u l-interoperabbiltà tar-reġistri reġjonali u nazzjonali tal-kanċer permezz tal-armonizzazzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni u l-kwalità tal-ġbir tad-data, u għal aċċess sigur għal tali data; jappella biex ir-reġistri nazzjonali tal-kanċer jingħataw mandat biex janalizzaw id-differenzi fil-morbożità u biex jagħmlu rakkomandazzjonijiet lill-kunsilli nazzjonali tal-kanċer u liċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka dwar il-ħtieġa għal interventi; jitlob l-użu ta' metodi moderni, epidemjoloġiċi u ġenetiċi molekulari biex tiġi analizzata l-prevalenza tal-kanċer u jiġu identifikati l-kawżi tiegħu; jitlob l-implimentazzjoni ta' reġistri speċifiċi tal-kanċer għal tumuri pedjatriċi malinni f'konformità mal-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Kanċer tat-Tfulija; jappella li jittejjeb l-aċċess għal provi kliniċi u għal użu kompassjonali għal pazjenti adulti b'kanċer rari;

    190.

    Jappoġġja bis-sħiħ il-ħolqien ta' Reġistru tal-Inugwaljanzi b'rabta mal-Kanċer fil-livell Ewropew, imħabbar fil-Pjan, sabiex jiġu identifikati x-xejriet, id-disparitajiet u l-inugwaljanzi bejn u fi ħdan l-Istati Membri; jemmen li dan ir-reġistru se jgħin biex jiġu identifikati l-isfidi u l-oqsma speċifiċi ta' azzjoni sabiex jiggwida l-investiment u l-intervent u biex tiġi faċilitata r-riċerka dwar l-inugwaljanzi fil-livell tal-UE, nazzjonali u reġjonali; jitlob li r-Reġistru jsir aċċessibbli għall-pubbliku; jisħaq fuq il-ħtieġa li r-Reġistru ikopri wkoll l-inugwaljanzi soċjali bħal dawk relatati mal-istatus soċjoekonomiku, okkupazzjonali u tal-ġeneru;

    191.

    Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-pubblikazzjoni tar-riżultati xjentifiċi b'aċċess miftuħ, biex tagħmilhom disponibbli faċilment għall-professjonisti u r-riċerkaturi tas-saħħa kollha;

    192.

    Jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippermetti lill-pazjenti bil-kanċer jaċċessaw b'mod sigur u jaqsmu r-rekords elettroniċi tas-saħħa bejn il-fruntieri; iqis li l-Kummissjoni tista' tistabbilixxi l-pedament għall-Ispazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa, flimkien ma' Digital Health Europe, billi tiġbor, tanalizza u tiskambja data medika anonimizzata (mir-reġistri tal-kanċer, mill-isptarijiet, mill-provi kliniċi akkademiċi u mill-koorti) u data bijoloġika (minn kampjuni tad-demm u tat-tumur) fi Cloud Ewropew tal-Kanċer; jissottolinja li interpretazzjoni armonizzata tal-GDPR fl-Istati Membri kollha hija l-pedament għal inizjattivi ġodda ta' kondiviżjoni tad-data bħall-Ispazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa; jinkoraġġixxi l-użu ta' data dwar is-saħħa għal skopijiet ta' riċerka (altruwiżmu fir-rigward tad-data); jilqa' l-ħolqien ippjanat ta' Ċentru Diġitali Ewropew virtwali għall-Pazjenti bil-Kanċer fl-ambitu tal-Missjoni dwar il-Kanċer ta' Orizzont Ewropa sabiex jiġi appoġġjat approċċ standardizzat għall-parteċipazzjoni ta' pazjenti li jixtiequ jkunu parti mid-depożitu u fl-iskambju tad-data standardizzata u definita b'mod uniformi dwar is-saħħa tagħhom; jirrakkomanda l-inklużjoni tal-pazjenti fi kwalunkwe azzjoni relatata mal-ħażna u l-użu ta' data dwar is-saħħa għal skopijiet ta' tfassil ta' politika u riċerka; jilqa' l-espansjoni ppjanata tas-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni dwar il-Kanċer qabel l-2022;

    193.

    Jappella għal standards imtejba fl-edukazzjoni u t-taħriġ tal-professjonisti tas-saħħa; jinkoraġġixxi programmi ta' taħriġ komuni u multidixxiplinari għall-professjonisti tas-saħħa f'kollaborazzjoni mill-qrib mas-soċjetajiet Ewropej tal-għerf; jilqa' t-tnedija ta' programm ta' taħriġ interspeċjalizzat dwar il-kanċer f'kull stadju tal-perkors tat-trattament u l-kura, inklużi d-dijanjożi, it-trattament, il-kumplikazzjonijiet u l-komorbiditajiet, is-sopravivenza u l-kura fi tmiem il-ħajja;

    III.   Il-Finanzjament tal-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer

    194.

    Jenfasizza li l-Pjan m'għandux jitqies biss bħala impenn politiku biex tiġi xprunata l-bidla iżda bħala sett ta' inizjattivi konkreti u ambizzjużi li se jappoġġjaw, jikkoordinaw u jikkomplementaw l-isforzi tal-Istati Membri biex inaqqsu t-tbatija fiżika u mentali kkawżata mill-kanċer; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tottimizza l-implimentazzjoni koerenti tal-inizjattivi deskritti fil-Pjan, bi gwida ċara għall-Istati Membri rigward azzjonijiet konkreti kontra l-aċċess mhux ugwali għad-dijanjożi u t-trattament tal-kanċer, kif ukoll finanzjament adegwat, speċjalment biex indirizzat l-aċċess mhux ugwali; jissottolinja, madankollu, il-kapaċità differenti li għandhom l-Istati Membri f'dak li huwa assorbiment tal-fondi ddedikati għall-programmi tal-kura tas-saħħa s'issa; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Istati Membri bi gwida u b'ħarsa ġenerali ċara tar-riżorsi ddedikati tal-UE, il-perkorsi definiti b'mod speċifiku li jorbtu l-azzjonijiet deskritti fil-Pjan mal-mekkaniżmi ta' finanzjament tal-UE identifikati fih, u s-sinerġiji u l-komplementarjetajiet possibbli bejn il-programm l-UE għas-Saħħa u oħrajn – bħall-Ewropa Diġitali, Orizzont Ewropa, NextGenerationEU/Faċilità ta' Rkupru u Reżiljenza, fondi strutturali u ta' koeżjoni – sabiex jissaħħaħ l-aċċess ekwu għal dijanjożi u kura ta' kwalità, jiġi żgurat investiment adegwat fil-prevenzjoni u l-innovazzjoni tal-kanċer u biex titjieb ir-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa; jenfasizza l-importanza tal-fondi ta' koeżjoni għall-kisba tal-ugwaljanza tal-aċċess għall-kura tas-saħħa b'mod partikolari f'partijiet inqas żviluppati tal-UE, inklużi r-reġjuni rurali, permezz ta' investiment fl-infrastruttura tas-saħħa u fil-forza tax-xogħol;

    195.

    Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li jiġu allokati fondi suffiċjenti għall-implimentazzjoni xierqa tal-Pjan u tal-NCCPs rispettivi tagħhom; iqis li mhux aktar minn 30 % tal-Pjan għandu jiġi allokat għall-implimentazzjoni tal-NCCPs;

    196.

    Jilqa' l-pjan ta' finanzjament ta' EUR 4 biljun u jinnota l-komplementarjetà tas-sorsi ta' finanzjament kif stabbilit fil-Pjan innifsu; jinnota li l-baġit propost għandu jitqies bħala l-ewwel pass lejn it-twettiq tal-azzjonijiet kollha skont il-Pjan; ifakkar li l-Pjan se jibbenefika minn sorsi differenti ta' finanzjament, bħall-programmi l-UE għas-Saħħa, Orizzont Ewropa u Ewropa Diġitali, il-fondi tal-politika ta' koeżjoni, u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza; jenfasizza l-ħtieġa li l-ġlieda kontra l-kanċer tiġi inkluża fis-sorsi kollha ta' finanzjament b'mod koerenti u trasparenti; jisħaq, b'mod partikolari, fuq l-importanza li jittejbu r-riċerka dwar il-kanċer u l-innovazzjoni u l-prevenzjoni u l-ħtieġa li jiġu ddedikati aktar fondi għalihom; jisħaq fuq il-ħtieġa għal reviżjoni regolari tal-allokazzjoni baġitarja proposta għall-Pjan, bil-ħsieb li potenzjalment jiżdied meta jkun possibbli; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-mobilizzazzjoni ta' dawn il-fondi mill-Istati Membri sabiex jikkonformaw mal-ħtiġijiet identifikati minn kull pajjiż, u li jkunu diretti lejn il-benefiċċju tal-interess pubbliku u s-servizzi tas-saħħa pubblika;

    o

    o o

    197.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

    (1)  ĠU C 362, 8.9.2021, p. 182.

    (2)  Dokument ta' ħidma tas-27 ta' Ottubru 2020.

    (3)  Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1).

    (4)  Rapport interim tal-Bord għall-Missjoni dwar il-Kanċer bit-titolu “Conquering cancer: Mission possible” (Negħlbu lill-kanċer: Missjoni possibbli).

    (5)  ĠU C 269 I, 7.7.2021, p. 3.

    (6)  ĠU L 327, 16.12.2003, p. 34.

    (7)  https://ec.europa.eu/health/sites/default/files/major_chronic_diseases/docs/2017_cancerscreening_2ndreportimplementation_en.pdf

    (8)  ĠU L 158, 30.4.2004, p. 50.

    (9)  ĠU L 131, 5.5.1998, p. 11.

    (10)  ĠU L 107, 26.3.2021, p. 1.

    (11)  ĠU L 158, 27.5.2014, p. 1.

    (12)  ĠU L 166, 11.5.2021, p. 1.

    (13)  https://www.eea.europa.eu/publications/healthy-environment-healthy-lives

    (14)  ĠU C 341, 24.8.2021, p. 76.

    (15)  https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2021/690012/EPRS_STU(2021)690012_EN.pdf

    (16)  https://cancer-code-europe.iarc.fr/index.php/mt/

    (17)  https://www.europeancancer.org/2-standard/66-european-code-of-cancer-practice

    (18)  https://apps.who.int/iris/bitstream/handle/10665/336595/WHO-EURO-2020-1435-41185-56004-eng.pdf?sequence=1&isAllowed=y

    (19)  ĠU C 270, 7.7.2021, p. 2.

    (20)  ĠU C 263, 25.7.2018, p. 4.

    (21)  ĠU C 371, 15.9.2021, p. 75.

    (22)  ĠU C 449, 23.12.2020, p. 71.

    (23)  ĠU C 411, 27.11.2020, p. 48.

    (24)  ĠU C 371, 15.9.2021, p. 102.

    (25)  ĠU C 385, 22.9.2021, p. 83.

    (26)  ĠU C 238, 6.7.2018, p. 128.

    (27)  https://www.europeancancer.org/resources/201:time-to-act.html

    https://www.europeancancer.org/timetoact/impact/data-intelligence

    (28)  https://www.endocrine.org/news-and-advocacy/news-room/2015/estimated-costs-of-endocrine-disrupting-chemical-exposure-exceed-150-billion-annually-in-eu

    (29)  EU-OSHA: https://osha.europa.eu/mt/themes/work-related-diseases/work-related-cancer

    (30)  EU-OSHA: https://osha.europa.eu/mt/publications/worker-survey-exposure-cancer-risk-factors/view

    (31)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Settembru 2003 dwar l-iskeda Ewropea tal-mard relatat max-xogħol (ĠU L 238, 25.9.2003, p. 28).

    (32)  https://www.who.int/publications/m/item/technical-report-on-pricing-of-cancer-medicines-and-its-impacts

    (33)  Id-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati (ĠU L 127, 29.4.2014, p. 1).

    (34)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/64/UE tal-21 ta' Ġunju 2011 dwar l-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk manifatturat (ĠU L 176, 5.7.2011, p. 24).

    (35)  Id-Direttiva (UE) 2019/904 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2019 dwar it-tnaqqis tal-impatt ta' ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent (ĠU L 155, 12.6.2019, p. 1).

    (36)  https://fctc.who.int/who-fctc/overview

    (37)  https://fctc.who.int/protocol/overview

    (38)  https://www.ombudsman.europa.eu/mt/decision/en/73774

    (39)  ĠU C 296, 5.12.2009, p. 4.

    (40)  Scoccianti C., Cecchini M., Anderson A.S. et al., 'European Code against Cancer 4th Edition: Alcohol drinking and cancer', Cancer Epidemiol. 2016 Dec; 45: p. 181-188. https://pubmed.ncbi.nlm.nih.gov/27816465/

    (41)  https://www.euro.who.int/en/health-topics/disease-prevention/alcohol-use/news/news/2018/09/there-is-no-safe-level-of-alcohol,-new-study-confirms

    (42)  https://www.thelancet.com/action/showPdf?pii=S0140-6736%2818%2931310-2

    (43)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Ottubru 2006 rigward l-Istrateġija tal-UE li tappoġġja lill-Istati Membri għat-tnaqqis ta' ħsara relatata mal-alkoħol (COM(2006)0625).

    (44)  https://www.thelancet.com/journals/lanonc/article/PIIS1470-2045(21)00279-5/fulltext

    (45)  Id-Direttiva (UE) 2018/1808 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Novembru 2018 li temenda d-Direttiva 2010/13/UE dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta' servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva) fid-dawl ta' realtajiet tas-suq li qed jinbidlu, ĠU L 303, 28.11.2018, p. 69.

    (46)  Il-Proposta tal-Kummissjoni tal-24 ta' Marzu 2021 għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Garanzija Ewropea għat-Tfal (COM(2021)0137).

    (47)  ĠU C 395, 29.9.2021, p. 32.

    (48)  ĠU L 114, 27.4.2006, p. 38.

    (49)  Id-Direttiva 2014/35/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għat-tqegħid fis-suq ta' tagħmir elettriku ddisinjat għall-użu fi ħdan ċerti limiti tal-vultaġġ (ĠU L 96, 29.3.2014, p. 357).

    (50)  Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) 2021/765 tal-10 ta' Mejju 2021 li jistabbilixxi l-Programm ta' Riċerka u Taħriġ tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għall-perjodu 2021-2025 li jikkomplementa Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u li jħassar ir-Regolament (Euratom) 2018/1563 (ĠU L 167 I, 12.5.2021, p. 81).

    (51)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2013/59/Euratom tal-5 ta' Diċembru 2013 li tistabbilixxi standards bażiċi ta' sikurezza għal protezzjoni kontra l-perikli li jirriżultaw minn esponiment għal radjazzjoni jonizzanti u li jħassar id-Direttive 89/618/Euratom, 90/641/Euratom, 96/29/Euratom, 97/43/Euratom u 2003/122/Euratom (ĠU L 13, 17.1.2014, p. 1).

    (52)  ĠU C 494, 8.12.2021, p. 64.

    (53)  Id-Direttiva (UE) 2020/2184 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2020 dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 435, 23.12.2020, p. 1).

    (54)  Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).

    (55)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, l-Evalwazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tas-Sustanzi Kimiċi (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).

    (56)  Ir-Regolament (KE) Nru 1935/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 2004 dwar materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f'kuntatt mal-ikel (ĠU L 338, 13.11.2004, p. 4).

    (57)  Ir-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi (ĠU L 342, 22.12.2009, p. 59).

    (58)  Id-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 dwar is-sikurezza tal-ġugarelli(ĠU L 170, 30.6.2009, p. 1).

    (59)  https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2019/608866/IPOL_STU(2019)608866_MT.pdf.

    (60)  ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1.

    (61)  Testi adottati, P9_TA(2021)0427.

    (62)  ĠU C 466, 28.12.2018, p. 1.

    (63)  Id-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali, ĠU L 88, 4.4.2011, p. 45.

    (64)  Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali (ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1).

    (65)  Id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22).

    (66)  Id-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bit-titlu “Strategic Agenda for Medical Ionising Radiation Applications” (SAMIRA), (SWD(2021)0014).

    (67)  https://www.accelerate-platform.org/

    (68)  ĠU L 311, 28.11.2001, p. 67.

    (69)  ĠU L 136, 30.4.2004, p. 1.

    (70)  Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).

    (71)  Id-Direttiva tal-Kunsill 89/105/KEE tal-21 ta' Diċembru 1988 dwar it-trasparenza ta' miżuri li jirregolaw il-prezzijiet ta' prodotti mediċinali għall-użu tal-persuna u li jkunu parti mill-pjan ta' sistemi nazzjonali ta' assigurazzjoni tas-saħħa (ĠU L 40, 11.2.1989, p. 8).

    (72)  ĠU L 158, 27.5.2014, p. 1.

    (73)  L-organizzazzjoni Ewropea Kontra l-Kanċer, “Cancer Will Not Wait for the Covid-19 Pandemic to End. It is Time to Act” (Il-Kanċer mhux se jistenna l-pandemija tal-COVID-19 tispiċċa. Wasal iż-żmien li naġixxu.), tal-11 ta' Mejju 2021, aċċessata fil-21 ta' Diċembru 2021.

    (74)  ĠU L 133, 22.5.2008, p. 66.

    (75)  ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.

    (76)  ĠU L 378, 27.12.2006, p. 1 (“Ir-Regolament Pedjatriku”).

    (77)  ĠU L 18, 22.1.2000, p. 1.

    (78)  ĠU L 188, 12.7.2019, p. 79.

    (79)  Bord ta' Missjoni għall-Kanċer, Conquering Cancer – Mission Possible, Kummissjoni Ewropea, 2020.

    (80)  ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.


    Top