Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022IP0037

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 2022 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sikurezza tal-ġugarelli (Direttiva dwar is-Sikurezza tal-Ġugarelli) (2021/2040(INI))

    ĠU C 342, 6.9.2022, p. 99–108 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
    ĠU C 342, 6.9.2022, p. 88–97 (GA)

    6.9.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 342/99


    P9_TA(2022)0037

    Implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Sikurezza tal-Ġugarelli

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 2022 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sikurezza tal-ġugarelli (Direttiva dwar is-Sikurezza tal-Ġugarelli) (2021/2040(INI))

    (2022/C 342/11)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 dwar is-sikurezza tal-ġugarelli (1) (Direttiva dwar is-Sikurezza tal-Ġugarelli),

    wara li kkunsidra l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Novembru 2020 tad-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sikurezza tal-ġugarelli (SWD(2020)0287),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament u tal-Kunsill tat-3 ta' Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (2) (DSĠP),

    wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 (3),

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti u li tħassar id-Deċiżjoni 93/465/KEE (4),

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5),

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti u li jemenda d-Direttiva 2004/42/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 765/2008 u (UE) Nru 305/2011 (6),

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar l-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà) u dwar iċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 526/2013 (l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà) (7),

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/690 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' April 2021 li jistabbilixxi programm għas-suq intern, għall-kompetittività tal-intrapriżi, inkluż l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, għall-qasam tal-pjanti, l-annimali, l-ikel u l-għalf, u għall-istatistika Ewropea (Programm tas-Suq Uniku) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 99/2013, (UE) Nru 1287/2013, (UE) Nru 254/2014 u (UE) Nru 652/2014 (8),

    wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (9),

    wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi (10),

    wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet (Regolament CLP), li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (11),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta' tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE (12),

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u tħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (13),

    wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE tal-25 ta' Lulju 1985 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar responsabbiltà għall-prodotti difettużi (14) (Direttiva dwar ir-Responsabbiltà għall-Prodotti),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta' ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (15) (Direttiva RoHS),

    wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi (16) (“ir-Regolament dwar il-Kożmetiċi”),

    wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1935/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 2004 dwar materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f'kuntatt mal-ikel u li jħassar id-Direttivi 80/590/KEE u 89/109/KEE (17) (ir-Regolament dwar il-Materjal li jiġi f'Kuntatt mal-Ikel),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Settembru 2006 dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi u li tħassar id-Direttiva 91/157/KEE (18) (Direttiva dwar il-Batteriji),

    wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u li jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (19) (ir-Regolament CLP),

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar il-pollutanti organiċi persistenti (20) (ir-Regolament POPs),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2020 dwar l-indirizzar tas-sigurtà tal-prodotti fis-suq uniku (21),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2020 lejn suq uniku aktar sostenibbli għall-impriżi u l-konsumaturi (22),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Frar 2020 dwar proċessi deċiżjonali awtomatizzati: niżguraw il-protezzjoni tal-konsumatur u l-moviment liberu tal-merkanzija u tas-servizzi (23),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2018 dwar il-pakkett dwar is-suq uniku (24),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2017 dwar l-istandards Ewropej għas-seklu 21 (25),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2017 dwar ħajja itwal għall-prodotti: benefiċċji għall-konsumaturi u l-kumpaniji (26),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Mejju 2016 dwar l-Istrateġija għas-Suq Uniku (27),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2020 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-Att dwar is-Servizzi Diġitali: Titjib tal-funzjonament tas-Suq Uniku (28),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2020 b'rakkomandazzjonijiet għall-Kummissjoni dwar qafas tal-aspetti etiċi tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati (29),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' April 2019 dwar qafas komprensiv tal-Unjoni Ewropea dwar l-interferenti endokrinali (30),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Lulju 2020 dwar l-Istrateġija għas-Sostenibbiltà fir-rigward tas-Sustanzi Kimiċi (31),

    wara li kkunsidra l-briefing tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS) ta' April 2021 bit-titolu “Id-Direttiva tal-UE dwar is-Sikurezza tal-Ġugarelli”,

    wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Suq Uniku Għas-Servizzi Diġitali (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (COM(2020)0825),

    wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-intelliġenza artifiċjali (l-Att dwar l-Intelliġenza artifiċjali) u li jemenda ċerti atti leġiżlattivi tal-Unjoni (COM(2021)0206),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Marzu 2020 dwar pjan ta' azzjoni fit-tul għal implimentazzjoni u infurzar aħjar tar-regoli tas-suq uniku (COM(2020)0094),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2020 bit-titolu “Strateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà – Lejn Ambjent Ħieles mit-Tossiċità” (COM(2020)0667),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' April 2021 bit-titolu “Fostering a European approach to Artificial Intelligence” (It-trawwim ta' approċċ Ewropew għall-Intelliġenza Artifiċjali) (COM(2021)0205),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Novembru 2020 bit-titolu “Aġenda tal-Konsumatur ġdida li ssaħħaħ ir-reżiljenza tal-konsumatur għall-irkupru sostenibbli” (COM(2020)0696),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Marzu 2021 dwar strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal (COM(2021)0142),

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2021 bit-titolu “Sustainable Chemicals Strategy of the Union: Time to Deliver” (Strateġija tal-Unjoni dwar Sustanzi Kimiċi Sostenibbli: Żmien ta' Azzjoni),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura għall-għoti ta' awtorizzazzjoni għat-tfassil ta' rapporti fuq inizjattiva proprja,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A9-0349/2021),

    A.

    billi d-Direttiva dwar is-Sikurezza tal-Ġugarelli (TSD) ġiet adottata fl-2009 biex tiżgura livell għoli ta' saħħa u sikurezza għat-tfal u ttejjeb il-funzjonament tas-suq intern għall-ġugarelli billi tneħħi l-ostakli għall-kummerċ tal-ġugarelli bejn l-Istati Membri;

    B.

    billi l-qafas strett tal-UE għas-sikurezza tal-ġugarelli huwa mfassal biex jiżgura li t-tfal igawdu mill-esperjenza ta' logħob l-aktar sikura possibbli u huwa meqjus b'mod wiesgħa bħala punt ta' referenza globali;

    C.

    billi l-logħob huwa rikonoxxut bħala dritt tat-tfal mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li l-Istati Membri kollha tal-UE huma firmatarji tagħha; billi l-logħob jikkontribwixxi għall-iżvilupp, is-saħħa u l-benesseri tat-tfal u huwa parti essenzjali mit-trobbija tagħhom; billi l-istudji juru li l-ġugarelli jistgħu jarrikkixxu l-logħob u jtawlu l-ħin tal-logħob tat-tfal;

    D.

    billi t-TSD hija Direttiva ta' armonizzazzjoni massima, li jfisser li l-Istati Membri mhumiex permessi jadottaw xi rekwiżiti differenti minn dawk previsti fiha; billi r-regoli u r-rekwiżiti għall-ġugarelli huma, f'ħafna każijiet, aktar stretti minn dawk għal prodotti oħra minħabba l-vulnerabbiltà tal-konsumaturi li għalihom huma mfassla;

    E.

    billi l-effettività tat-TSD tal-UE spiss tiġi mminata mill-azzjonijiet ta' kummerċjanti diżonesti u mill-bejgħ online ta' prodotti mhux konformi;

    F.

    billi, minkejja n-nuqqas ta' data komprensiva dwar l-impatt sħiħ tagħha, it-TSD għadha fil-biċċa l-kbira effettiva biex tiggarantixxi l-moviment liberu tal-ġugarelli fis-suq uniku u billi l-għadd ta' kumpaniji li joperaw fis-suq mill-applikazzjoni sħiħa tat-TSD żdied b'10 % mill-2013 sal-2017, filwaqt li l-fatturat tal-industrija tal-ġugarelli tal-UE żdied b'mod kostanti mid-dħul fis-seħħ tagħha; billi 99 % tal-kumpaniji fis-settur huma intrapriżi żgħar u medji (SMEs) u l-maġġoranza ta' dawn il-kumpaniji huma mikrointrapriżi;

    G.

    billi t-TSD tirrikjedi li l-ġugarelli li jsiru disponibbli fis-suq tal-UE jkunu sikuri u tiżgura livell għoli ta' protezzjoni tat-tfal kontra perikli kkawżati minn sustanzi kimiċi fil-ġugarelli; billi jista' jkun meħtieġ adattament rapidu ta' rekwiżiti u standards speċifiċi jekk l-iżviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi juru l-ħolqien ta' riskji u sfidi relatati mal-ġugarelli li ma kinux magħrufa qabel;

    H.

    billi fl-istrateġija dwar is-sustanzi kimiċi għas-sostenibbiltà, il-Kummissjoni saħqet fuq il-ħtieġa li jiġu introdotti jew rinfurzati dispożizzjonijiet biex jitqiesu l-effetti kombinati tas-sustanzi kimiċi, inkluż għall-ġugarelli, u biex testendi l-approċċ ġeneriku għall-ġestjoni tar-riskju biex tiżgura li l-prodotti għall-konsumatur, inklużi l-ġugarelli, ma jkunx fihom sustanzi kimiċi li jikkawżaw kanċers, mutazzjonijiet tal-ġeni, jaffettwaw is-sistema riproduttiva jew is-sistema endokrinali, jew ikunu persistenti u bijoakkumulattivi; billi l-istrateġija dwar is-sustanzi kimiċi għas-sostenibbiltà timpenja wkoll lill-Kummissjoni biex tivvaluta l-modalitajiet u ż-żmien għall-estensjoni tal-istess approċċ ġeneriku, fir-rigward tal-prodotti għall-konsumaturi, għal aktar sustanzi kimiċi ta' ħsara, inklużi dawk li jaffettwaw is-sistemi immunitarji, newroloġiċi jew respiratorji u s-sustanzi kimiċi tossiċi għal organu speċifiku;

    I.

    billi t-titjib fis-sostenibbiltà huwa importanti iżda s-sikurezza tal-ġugarelli għandha dejjem tieħu preċedenza; billi r-rekwiżiti għat-titjib tas-sostenibbiltà ma għandhomx jikkompromettu s-sikurezza;

    1.   

    Jilqa' r-rapport ta' evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-TSD, li għandu l-għan li jivvaluta l-funzjonament tagħha mid-dħul fis-seħħ tagħha;

    2.   

    Jirrikonoxxi l-valur miżjud tat-TSD fit-titjib tas-sikurezza tat-tfal u fl-iżgurar ta' livell ugwalment għoli ta' protezzjoni fis-suq uniku kollu, meta mqabbel mad-direttiva preċedenti, u r-rwol tagħha fl-għoti ta' ċertezza legali u kundizzjonijiet ekwivalenti għan-negozji; jesprimi dispjaċir għall-fatt li xi wħud mill-manifatturi mhux tal-UE qed ibigħu l-prodotti tagħhom fis-suq uniku, speċjalment permezz tas-swieq online, ma jikkonformawx mal-leġiżlazzjoni tal-UE u li ħafna ġugarelli mibjugħa fl-UE għadhom jippreżentaw theddid sinifikanti għat-tfal;

    3.   

    Jirrikonoxxi r-rwol ewlieni tal-istandards li jippermettu l-applikazzjoni effiċjenti u aġli tad-direttiva mill-manifatturi, kif ukoll ir-rwol tal-korpi nnotifikati fl-iżgurar tal-konformità meta l-istandards ma jkunux disponibbli jew ma jiġux applikati; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiżdied l-għadd ta" korpi nnotifikati f"xi reġjuni; jenfasizza li l-Istati Membri għandu jkollhom standards miftuħa, inklużivi, sostenibbli, trasparenti u ta' kwalità għolja; jissottolinja li l-istandards għandhom ikunu wkoll teknoloġikament newtrali u bbażati fuq il-prestazzjoni, filwaqt li jiżguraw kundizzjonijiet ugwali ta' kompetizzjoni fost l-operaturi ekonomiċi, b'mod partikolari l-SMEs;

    4.   

    Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu żviluppati standards ambizzjużi għall-ġugarelli adattivi, li jippermettu lit-tfal b'diżabilità jgawdu u jinteraġixxu ma' ġugarelli li nkella jaf ma jkunux jistgħu jużawhom;

    5.   

    Jinnota li xi awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq jiffaċċjaw problemi fl-infurzar tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 11 tat-TSD, li jobbliga lill-manifatturi jimmarkaw twissijiet fuq il-ġugarelli b'mod li jidher ċar, jinqara faċilment, jinftiehem u preċiż; jissottolinja li problemi bħal dawn huma kkawżati minn nuqqas ta' rekwiżiti speċifikati u standards relatati; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tintroduċi rekwiżiti speċifiċi dwar il-viżibbiltà u l-leġibbiltà tat-twissijiet fuq il-ġugarelli, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jinfurzaw dawn ir-rekwiżiti b'mod uniformi;

    6.   

    Jirrikonoxxi li l-implimentazzjoni tal-applikazzjoni xierqa tat-TSD u t-tħejjija għaliha kienu proċess diffiċli li jestendi fuq ħafna snin u li jirrikjedi investiment finanzjarju sinifikanti mill-manifatturi tal-ġugarelli Ewropej; jisħaq fuq l-importanza tal-istabbiltà legali għall-iżvilupp stabbli tan-negozji domestiċi, speċjalment l-intrapriżi tal-familja żgħar u ta' daqs medju;

    7.   

    Jinnota, madankollu, li għad hemm inkonsistenzi li jitolbu reviżjoni tat-TSD; jitlob, għalhekk lill-Kummissjoni, biex tkompli l-proċess ta' evalwazzjoni tagħha u twettaq valutazzjoni tal-impatt eżawrjenti sabiex tivverifika jekk u kif għandhom jiġu indirizzati; jisħaq li huma meħtieġa aktar sforzi, speċjalment mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, biex jiġi żgurat li jiġu applikati rekwiżiti stretti ta' sikurezza mill-operaturi ekonomiċi kollha li jqiegħdu ġugarelli fis-suq tal-UE; jissottolinja l-ħtieġa li jitqiesu l-isfidi, ir-riskji speċifiċi u l-impatt negattiv fuq il-kumpaniji li jipproduċu ġugarelli konformi, li jirriżultaw mill-bejgħ ta' ġugarelli mhux konformi, mhux sikuri u foloz, li fil-biċċa l-kbira ġejjin minn pajjiżi mhux tal-UE, u li jiġu indirizzati r-riskji li jirriżultaw mill-użu ta' teknoloġiji ġodda;

    Is-sustanzi kimiċi

    8.

    Jirrikonoxxi l-flessibbiltà u n-natura relattivament adattata għall-futur tat-TSD attwali, peress li fil-perjodu 2012-2019, id-direttiva ġiet emendata 14-il darba biex tadatta għall-evidenza xjentifika l-ġdida li tindika riskji li qabel ma kinux magħrufa għat-tfal, speċjalment fil-qasam tas-sustanzi kimiċi; jinsab imħasseb, madankollu, li għad hemm problemi li jistgħu jipperikolaw is-sikurezza tat-tfal u li jistgħu jiġu solvuti parzjalment biss permezz ta' atti ta' implimentazzjoni;

    9.

    Jenfasizza l-ħtieġa li l-ġugarelli li jitqiegħdu fis-suq tal-UE jikkonformaw mat-TSD, kif ukoll mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi, b'mod partikolari r-Regolament REACH u d-Direttiva RoHS, kif ukoll ir-Regolament dwar il-Kożmetiċi, ir-Regolament dwar il-Materjal li jiġi f'Kuntatt mal-Ikel, id-Direttiva dwar il-Batteriji, ir-Regolament CLP u r-Regolament dwar il-POPs, irrispettivament minn fejn huma manifatturati;

    10.

    Jisħaq li t-tixrid tar-rekwiżiti f'diversi biċċiet ta' leġiżlazzjoni, u l-provvediment ta' valuri ta' limitu differenti, jistgħu jkunu ta' piż, speċjalment għall-SMEs, u f'xi każijiet jistgħu jeħtieġu d-duplikazzjoni tal-kejl tas-sustanzi, bħal fil-każ tal-valuri ta' limitu tal-migrazzjoni u tal-kontenut; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tikkunsidra li tikkonsolida l-limiti applikabbli kollha għall-ġugarelli għal valuri uniformi, iġġustifikati b'valutazzjoni ulterjuri, f'biċċa leġiżlazzjoni waħda sabiex tissimplifika l-valutazzjoni tal-konformità u tagħmilha aktar faċli u inqas ta' piż biex tikkonforma mar-rekwiżiti; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tikkunsidra s-simplifikazzjoni tal-aċċess għall-informazzjoni, inkluż permezz ta' portal online, sabiex tiċċara x'inhu meħtieġ f'liema ċirkostanzi u tiffaċilita n-navigazzjoni ta' dawn il-biċċiet differenti ta' leġiżlazzjoni għas-sorveljanza tas-suq, għall-operaturi ekonomiċi u għall-konsumaturi;

    11.

    Jinsab imħasseb dwar il-fatt li d-deroga mill-projbizzjoni ta' sustanzi kimiċi li huma karċinoġeniċi, mutaġeniċi jew tossiċi għar-riproduzzjoni (CMRs) stabbilita fit-TSD tippermetti f'każijiet speċifiċi l-preżenza ta' dawk is-sustanzi kimiċi f'konċentrazzjonijiet li jidhru li huma għoljin wisq biex tiġi żgurata l-protezzjoni tat-tfal; jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt sabiex tanalizza jekk il-limiti ġeneriċi għas-CMRs derogati fit-TSD għandhomx jitnaqqsu, wara r-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-kumitat xjentifiku rilevanti, u tesplora jekk, f'konformità mal-istrateġija dwar is-sustanzi kimiċi għas-sostenibbiltà, il-possibbiltà ta' deroga mir-regoli dwar il-preżenza ta' CMRs li mhumiex aċċessibbli għat-tfal fil-ġugarelli għandha titħassar u jekk għandhomx isiru dispożizzjonijiet adegwati biex jiġi evitat l-esponiment tat-tfal għal sustanzi perikolużi, tossiċi, ta' ħsara, korrużivi u irritanti; jistieden lill-Kummissjoni tqis l-esponiment ikkombinat tat-tfal għas-sustanzi kimiċi kif ukoll l-effetti potenzjali ta' doża baxxa;

    12.

    Jissottolinja li valuri ta' limitu aktar baxxi fil-ġugarelli għal tfal taħt is-36 xahar jew maħsuba biex jitqiegħdu fil-ħalq għas-sustanzi kimiċi bħan-nitrożammini u s-sustanzi nitrosatabbli stabbiliti fil-livell nazzjonali meta mqabbla ma' dawk stabbiliti fit-TSD joħolqu inkonsistenzi, anke meta dawn ikunu ġġustifikati mill-Kummissjoni; jinnota, madankollu, li t-tfal kollha tal-UE għandhom igawdu l-istess livell għoli ta' protezzjoni; jirrikonoxxi li dan il-valur ta' limitu ma jistax jiġi emendat b'att ta' implimentazzjoni iżda jkun jirrikjedi proċedura leġiżlattiva; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tevalwa l-ħtieġa li l-valur ta' limitu jiġi adattat għall-aktar valur baxx fis-seħħ fil-livell nazzjonali f'reviżjoni tat-TSD, wara valutazzjoni tal-impatt eżawrjenti, u biex jiġi pprovdut mekkaniżmu flessibbli li jippermetti adattament rapidu tal-valuri ta' limitu għal sustanzi kimiċi perikolużi u tiġi evitata sitwazzjoni fejn jiġu stabbiliti valuri differenti fil-livell nazzjonali, u b'hekk jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti fis-suq intern għall-benefiċċju tal-konsumaturi u tal-operaturi ekonomiċi; jissottolinja l-ħtieġa li jinżamm l-iskrutinju fil-fond mill-Parlament tal-atti ta' implimentazzjoni li għandhom jiġu adottati b'dak il-għan;

    13.

    Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li testendi l-approċċ tar-riskju ġeneriku dwar is-CMRs għall-interferenti endokrinali, abbażi tad-definizzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u li tanalizza fil-valutazzjoni tal-impatt jekk tapplikax f'reviżjoni futura tat-TSD biex jiġi żgurat li l-interferenti endokrinali jiġu pprojbiti fil-ġugarelli malli jiġu identifikati, kif ukoll biex titqies l-introduzzjoni ta' leġiżlazzjoni orizzontali b'dak il-għan, kif mitlub kemm-il darba mill-Parlament u mill-Kunsill, filwaqt li tirrispetta wkoll il-prinċipju ta' “sustanza waħda, valutazzjoni waħda” li jinsab fl-istrateġija għas-sustanzi kimiċi għas-sostenibbiltà; jilqa' f'dan ir-rigward l-impenn li tiġi vvalutata l-estensjoni ta' dan l-approċċ għal sustanzi kimiċi li jaffettwaw is-sistemi immunitarji, newroloġiċi jew respiratorji u għal sustanzi kimiċi tossiċi għal organu speċifiku, sabiex jiġi garantit livell għoli ta' protezzjoni kontra dawn is-sustanzi kimiċi kif ukoll biex jiġi żgurat rispons regolatorju li jibqa' validu fil-futur għall-użu tagħhom fil-ġugarelli, b'mod konsistenti mal-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipprijoritizza l-użi kollha ta' dawn is-sustanzi kimiċi għar-restrizzjonijiet tar-REACH;

    14.

    Huwa mħasseb li d-dispożizzjonijiet aktar stretti għas-sustanzi kimiċi fil-ġugarelli maħsuba għat-tfal taħt is-36 xahar ma jqisux il-fatt li t-tfal akbar fl-età jibqgħu vulnerabbli għal sustanzi perikolużi; jinnota li din id-distinzjoni tista' twassal biex il-manifatturi jevitaw id-dispożizzjonijiet billi jindikaw li l-ġugarell huwa maħsub għal tfal 'il fuq minn 36 xahar anke meta jidher ċar li dan mhuwiex il-każ; jisħaq li diversi partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni u l-Istati Membri indikaw li din id-distinzjoni hija b'mod ċar mhux adegwata, peress li tista' toħloq lakuni u tista' tillimita l-effettività tat-TSD, u talbu l-eliminazzjoni tagħha; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tanalizza din il-kwistjoni fi ħdan il-valutazzjoni tal-impatt għar-reviżjoni tat-TSD u f"konformità sħiħa mal-aħħar evidenza xjentifika, tiddeċiedi jekk din id-distinzjoni teħtieġx li tiġi abolita u tistabbilixxi valuri ta' limitu speċifiċi għas-sustanzi kimiċi fil-ġugarelli; huwa tal-fehma li meta toħroġ evidenza xjentifika li turi li sustanza kimika titqies bħala perikoluża għat-tfal, l-użu tagħha għandu jkun ristrett fil-ġugarelli kif ukoll fil-prodotti kollha relatati mat-tfal;

    Is-sorveljanza tas-suq u teknoloġiji ġodda

    15.

    Jinnota li t-TSD fiha obbligu għall-awtorità kompetenti tal-Istati Membri biex twettaq sorveljanza tas-suq li tqis b'mod xieraq il-prinċipju ta' prekawzjoni, tittestja l-ġugarelli fis-suq u tivverifika d-dokumentazzjoni tal-manifatturi bil-għan li tirtira l-ġugarelli mhux sikuri u tieħu azzjoni kontra dawk responsabbli għat-tqegħid tagħhom fis-suq; jinsab imħasseb li l-effettività tas-sorveljanza tas-suq skont it-TSD hija limitata, filwaqt li tibqa' essenzjali għall-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tat-tfal f'riskju u timmina l-kundizzjonijiet ekwivalenti u l-kompetittività tal-operaturi ekonomiċi li jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni, għall-benefiċċju ta' kummerċjanti qarrieqa, li ma japplikawx ir-regoli tal-UE; jinnota li għad hemm xi diffikultajiet biex tinkiseb informazzjoni u dokumentazzjoni mingħand xi operaturi ekonomiċi;

    16.

    Jilqa' l-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2019/1020, li għandu l-għan li jtejjeb is-sorveljanza tas-suq billi jsaħħaħ u jarmonizza l-kontrolli mill-awtoritajiet nazzjonali biex jiġi żgurat li l-prodotti li jidħlu fis-suq uniku, inklużi l-ġugarelli, ikunu sikuri u jikkonformaw mar-regoli, u jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentawh malajr u jgħammru lill-awtoritajiet tad-dwana u tas-sorveljanza tas-suq b'riżorsi umani, finanzjarji u tekniċi adegwati biex iżidu l-għadd u l-effikaċja tal-kontrolli, sabiex ikun jista' jiġi żgurat l-infurzar effettiv tat-TSD u tiġi evitata l-proliferazzjoni ta' ġugarelli mhux sikuri u mhux konformi fl-UE;

    17.

    Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/1020 mill-Istati Membri u tipprovdi appoġġ attiv lill-Istati Membri fl-infurzar ta' strateġiji nazzjonali ta' sorveljanza tas-suq; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu parametri referenzjarji u tekniki għall-kontrolli abbażi ta' analiżi tar-riskju komuni fil-livell tal-UE sabiex jiġi żgurat infurzar konsistenti tal-liġi tal-UE, issaħħaħ il-kontrolli fuq il-prodotti li jidħlu fis-suq tal-UE u tevita diverġenzi u tikseb livell uniformi ta' tali kontrolli; jistieden lill-Kummissjoni tadotta atti ta' implimentazzjoni li jispeċifikaw il-proċeduri għad-deżinjazzjoni tal-faċilitajiet ta' ttestjar tal-UE f'konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2019/1020;

    18.

    jistieden lill-Kummissjoni tesplora kontinwament il-possibbiltajiet għall-użu ta' teknoloġiji ġodda bħat-tikkettar elettroniku, il-blockchain u l-intelliġenza artifiċjali bil-ħsieb li jiġu identifikati prodotti mhux sikuri, mitigazzjoni tar-riskju u titjib fil-konformità mat-TSD, kif ukoll tiffaċilita l-ħidma tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq billi jipprovdu informazzjoni aċċessibbli faċilment, aġġornata, strutturata u, jekk possibbli, diġitali dwar il-prodotti u t-traċċabilità tagħhom fil-katina tal-provvista;

    19.

    Itenni l-finanzjament u r-riżorsi umani limitati, li f'dawn l-aħħar snin naqqsu l-effettività u l-firxa ta' ħafna awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq; jilqa', f"dan ir-rigward, l-adozzjoni tal-programm tas-suq uniku u l-introduzzjoni ta' għan speċifiku u ta' riżorsi ddedikati għas-sorveljanza tas-suq, b'linja baġitarja speċifika, li se jikkontribwixxu biex jiġu appoġġjati l-azzjonijiet tal-Istati Membri fl-iżgurar li l-ġugarelli sikuri u konformi biss jidħlu fis-suq tal-UE;

    20.

    Jissottolinja li sorveljanza effettiva tas-suq hija essenzjali sabiex jiġu identifikati ġugarelli mhux sikuri u tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa tat-TSD; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-koordinazzjoni tal-attivitajiet tagħhom ta' sorveljanza tas-suq, inkluż permezz tal-iskambju tal-aħjar prattiki u d-diġitalizzazzjoni tas-sistemi tagħhom u jsaħħu l-kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u awtoritajiet oħra bħal dawk doganali, tat-telekomunikazzjoni u tal-protezzjoni tad-data; jistieden għalhekk lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u dawk doganali, jaqsmu l-esperjenzi b'mod attiv u jżidu l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejniethom, inkluż fil-livell transfruntier, sabiex it-trasferiment rapidu ta' informazzjoni dwar ġugarelli mhux sikuri jkun jista' jiġi ffaċilitat u l-importazzjonijiet ta' ġugarelli mhux sikuri jkunu jistgħu jitwaqqfu b'mod effettiv; jisħaq li ż-żamma ta' kontrolli kostanti u effettivi fl-UE kollha fuq ġugarelli li jidħlu fis-suq intern tibqa' essenzjali sabiex jiġi żgurat li dawn jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni torganizza u tiffinanzja azzjonijiet konġunti ta' sorveljanza tas-suq, inklużi attivitajiet ta' taħriġ, biex iżżid l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-ġugarelli, u tikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti ta' pajjiżi mhux tal-UE biex jiskambjaw informazzjoni dwar ġugarelli mhux sikuri; jistieden lill-Istati Membri, barra minn hekk, jistabbilixxu rati minimi ta' kampjunar jew kontrolli biex itejbu l-infurzar;

    21.

    Jenfasizza li sabiex il-ġugarelli mhux sikuri jiġu identifikati b'mod aktar effiċjenti, l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq għandhom jagħmlu xiri bil-moħbi fuq bażi regolari u mill-inqas darba fis-sena, inkluż fi swieq online, b'mod partikolari minħabba li l-ġugarelli huma l-prodotti li huma l-aktar notifikati ta' spiss fis-sistema tat-twissija rapida tal-UE għal prodotti perikolużi mhux tal-ikel (Safety Gate);

    22.

    Jinsab imħasseb dwar il-vulnerabbiltajiet u r-riskji ġodda maħluqa minn ġugarelli konnessi, f'termini ta' sikurezza, sigurtà, privatezza u saħħa mentali tat-tfal; jenfasizza l-importanza li tiġi ssalvagwardjata l-privatezza tat-tfal meta jużaw ġugarelli konnessi; jinsab imħasseb li xi wħud minn dawn il-ġugarelli li diġà tqiegħdu fis-suq tal-UE wrew sigurtà mhux adegwata, kif ukoll salvagwardji limitati jew l-ebda salvagwardja kontra t-theddid ċibernetiku; iħeġġeġ lill-produtturi ta' ġugarelli konnessi jintegraw mekkaniżmi ta' sikurezza u sigurtà fil-ġugarelli tagħhom skont id-disinn; jistieden lill-Kummissjoni tesplora għażliet differenti għal azzjoni fir-rigward tal-livell ta' riskju u l-prinċipju ta' proporzjonalità, bħall-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tat-TSD biex jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-privatezza u s-sigurtà tal-informazzjoni, l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni orizzontali dwar ir-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà għal prodotti konnessi u servizzi assoċjati, bħall-att Ewropew dwar ir-reżiljenza taċ-ċibersigurtà, jew it-tisħiħ tal-leġiżlazzjoni orizzontali rilevanti, bħad-Direttiva dwar it-tagħmir tar-radju, kif ukoll il-GDPR, filwaqt li tinvolvi lill-Parlament fl-għażliet tagħha;

    23.

    Jinsab imħasseb li l-konsumaturi ma jirreaġixxux tajjeb għas-sejħiet lura, u li ġugarelli mhux sikuri għadhom jintużaw mit-tfal anke jekk ikunu ġew irtirati; jitlob għalhekk lill-Kummissjoni tippubblika linji gwida dwar il-proċeduri ta' sejħa lura, inkluża lista ta' kontroll b'rekwiżiti konkreti u jitlob lis-swieq online jistabbilixxu mekkaniżmi effettivi biex jiżguraw li jkunu jistgħu jaslu għand l-utenti, ix-xerrejja u l-bejjiegħa tagħhom sabiex jinfurmawhom malajr kemm jista' jkun meta s-sejħiet lura jkunu meħtieġa u jżidu l-għadd ta' konsumaturi milħuqa mis-sejħiet lura;

    Il-kummerċ elettroniku

    24.

    Jirrikonoxxi r-rwol pożittiv tal-kummerċ elettroniku, inkluż ir-rwol tas-swieq online, li ppermettew l-iżvilupp ta' manifatturi tal-UE tal-ġugarelli; jisħaq, f'dan il-kuntest, fuq it-tkabbir fl-attivitajiet ta' dawn in-negozji kemm ġewwa kif ukoll barra l-UE; jenfasizza li l-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku jibbenefika lill-konsumaturi iżda jippreżenta wkoll sfidi għall-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq fl-iżgurar tal-konformità tal-prodotti mibjugħa online; jinnota li ħafna prodotti mixtrija online jonqsu milli jikkonformaw mar-rekwiżiti tas-sikurezza tal-UE u huwa mħasseb dwar l-għadd kbir ta' ġugarelli perikolużi mibjugħa online minn bejjiegħa diżonesti; iqis li huwa meħtieġ li jiġi eliminat il-bejgħ ta' ġugarelli mhux konformi u perikolużi online;

    25.

    Jilqa' l-gwida tal-Kummissjoni dwar l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2019/1020, li tiċċara l-kompiti tal-operaturi ekonomiċi, b'mod partikolari fir-rigward tal-prodotti mibjugħa online u mqiegħda fis-suq tal-UE minn pajjiżi mhux tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati prodotti mhux konformi mibjugħa direttament lill-konsumaturi minn pajjiżi mhux tal-UE permezz ta' swieq online; ifakkar li l-operaturi ekonomiċi jistgħu jqiegħdu biss prodotti sikuri fis-suq tal-UE; jenfasizza li l-konformità mar-regoli tal-UE mill-operaturi ekonomiċi kollha hija essenzjali biex tiġi żgurata s-sikurezza tat-tfal u jiġu pprovduti kundizzjonijiet ekwivalenti għall-kumpaniji; jistieden lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u dawk doganali jżidu l-kooperazzjoni tagħhom, inkluż l-iskambju ta' informazzjoni dwar sejbiet ta' nuqqas ta' konformità, u jwettqu azzjonijiet ta' infurzar robusti biex iwaqqfu lin-negozjanti qarrieqa milli jisfruttaw is-suq tal-UE;

    26.

    Jenfasizza l-valur miżjud tal-prinċipju “kun af il-klijent kummerċjali tiegħek” biex iżid il-konformità u t-traċċabbiltà tal-ġugarelli mibjugħa online; jirrimarka n-natura volontarja tal-wegħda dwar is-sikurezza tal-prodott u l-parteċipazzjoni limitata tal-operaturi tas-suq fiha; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-wegħda dwar is-sikurezza tal-prodott s'issa wriet effetti limitati;

    27.

    Jisħaq li s-swieq online jista' jkollhom rwol tremend fil-limitazzjoni taċ-ċirkolazzjoni ta' ġugarelli mhux sikuri; jemmen għalhekk li għandhom ikunu obbligati jieħdu aktar responsabbiltà biex jiżguraw is-sikurezza u l-konformità tal-ġugarelli mibjugħa fuq il-pjattaformi tagħhom, b'mod partikolari fl-identifikazzjoni u t-tneħħija ta' ġugarelli mhux konformi, anke billi jikkonsultaw is-sistema “Safety Gate”, u jikkooperaw b'mod effettiv mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq dwar it-tneħħija tal-ġugarelli mhux konformi u l-prevenzjoni tat-tfaċċar mill-ġdid ta' ġugarelli mhux sikuri; jinsisti bl-aktar mod qawwi, f'dan is-sens, li huwa fundamentali li jiġu żgurati infurzar effettiv u prevedibbli kif ukoll konsistenza sħiħa bejn it-TSD u strumenti differenti bħall-Att dwar is-Servizzi Diġitali, l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, ir-Regolament dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti u l-att leġiżlattiv futur li jirrevedi d-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà għall-Prodotti, sabiex jiġu garantiti l-ogħla standards dwar is-sikurezza u d-drittijiet fundamentali; jappella għal soluzzjonijiet li jippermettu n-notifika ta' ġugarelli mhux konformi minn organizzazzjonijiet tal-konsumatur u sinjalaturi fdati;

    28.

    Jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied il-kooperazzjoni ma' pajjiżi mhux tal-UE bil-għan li jiġi evitat id-dħul fis-suq tal-UE ta' ġugarelli mhux sikuri u mhux konformi, filwaqt li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti għan-negozji; jistieden lill-Kummissjoni tippubblika informazzjoni dwar l-attivitajiet ta' monitoraġġ tagħha;

    L-istrument legali u t-triq 'il quddiem

    29.

    Jistieden lill-Kummissjoni, peress li t-TSD taġixxi bħala regolament de facto, tikkunsidra jekk ir-reviżjoni tagħha tistax tkun l-opportunità li tiġi kkonvertita f'regolament sabiex jissaħħu l-effettività u l-effiċjenza tagħha u jiġu evitati inkonsistenzi fl-implimentazzjoni fost l-Istati Membri u l-frammentazzjoni tas-suq;

    30.

    Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-ħtieġa ta' ambitu usa' għal emendi fir-reviżjoni futura, appoġġjat minn valutazzjoni tal-impatt fil-fond biex tanalizza jekk u kif ir-rekwiżiti mekkaniċi u fiżiċi, is-CMRs, il-valuri ta' limitu għan-nitrożammini u s-sustanzi nitrosatabbli, kif ukoll dispożizzjonijiet dwar it-tikkettar għal fwejjaħ allerġeniċi u sustanzi kimiċi perikolużi, jistgħu jiddaħħlu fir-reviżjoni futura tat-TSD, sabiex ikunu jistgħu jsiru modifiki faċli u flessibbli;

    31.

    Jinsab imħasseb li xi produtturi jevitaw li jikkonformaw mat-TSD billi jiddikjaraw li l-prodotti tagħhom mhumiex ġugarelli, filwaqt li jintużaw b'mod ċar bħala tali; jenfasizza li d-dokumenti ta' gwida mill-Kummissjoni huma ta' għajnuna biex jiġi ċċarat jekk il-prodott huwiex ġugarell jew le u tiġi żgurata l-implimentazzjoni armonizzata tat-TSD għall-benefiċċju kemm tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq kif ukoll tal-operaturi ekonomiċi; jisħaq, madankollu, li għad hemm prodotti fiż-“żona griża” u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni ssolvi din il-problema fid-definizzjoni tal-ġugarelli fir-reviżjoni futura tat-TSD; jenfasizza l-ħtieġa ta' djalogu miftuħ u kostruttiv mal-partijiet ikkonċernati rilevanti għal dak il-għan;

    32.

    Jenfasizza r-rwol importanti tal-ġugarelli fl-iżvilupp u fil-formazzjoni tal-ħiliet tat-tfal, u l-appoġġ pedagoġiku li jagħtu għat-twettiq ta' kompiti ġodda u għat-titjib u għat-tagħlim tal-ħiliet minn età żgħira ħafna; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi d-direttiva dwar il-ġugarelli bil-għan li ttejjeb is-sikurezza tal-ġugarelli filwaqt li fl-istess ħin tnaqqas il-piż u l-ispejjeż amministrattivi u legali għall-manifatturi sabiex tiżgura perkors ċar lejn ġugarelli sikuri u bi prezz raġonevoli għat-tfal kollha fl-Unjoni Ewropea;

    33.

    Iqis li l-konsumaturi u l-atturi fil-ktajjen tal-valur jeħtieġu informazzjoni biex jippromwovu mġiba aktar sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tanalizza fil-valutazzjoni tal-impatt jekk id-durabbiltà u t-tiswija tal-ġugarelli jistgħux jaffettwaw is-sikurezza tagħhom u jekk tingħata prova ta' tali effett, biex imbagħad tanalizza jekk informazzjoni aħjar dwar id-durabbiltà u t-tiswija tal-ġugarelli tistax tiżdied fid-dispożizzjonijiet tat-tikkettar b'mod proporzjonat u mhux restrittiv; jemmen f'dan ir-rigward li jistgħu jintużaw soluzzjonijiet innovattivi u diġitali biex din l-informazzjoni ssir disponibbli għall-konsumaturi, filwaqt li jiġi żgurat li l-informazzjoni dwar is-sikurezza tkun tista' tiġi identifikata b'mod ċar, filwaqt li jiġu evitati piżijiet eċċessivi fuq il-kumpaniji u jiġu minimizzati l-materjali tal-imballaġġ;

    34.

    Iqis li t-twissijiet u l-informazzjoni dwar is-sikurezza huma importanti għall-konsumaturi; jinnota li rekwiżiti addizzjonali ta' tikkettar għandhom jinżammu f'livell minimu biex jiġi evitat li l-attenzjoni tiġi ddevjata minn dan; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-possibbiltà li tindika informazzjoni dwar il-konformità mhux maħsuba għall-konsumatur finali b'mod elettroniku;

    Id-data

    35.

    Jenfasizza li n-nuqqas ta' statistika konsistenti madwar l-UE dwar inċidenti relatati mal-ġugarelli jagħmilha diffiċli biex jiġi vvalutat b'mod kwantitattiv il-livell ta' protezzjoni mogħti mit-TSD u li tingħata informazzjoni dwar il-ħidma ta' standardizzazzjoni fuq il-ġugarelli; jemmen li koordinazzjoni u finanzjament insuffiċjenti fil-livell tal-UE huwa kawża ewlenija tan-nuqqas ta' data konsistenti u jistieden lill-Kummissjoni tindirizza dan f'reviżjoni futura tad-direttiva; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-possibbiltà li tistabbilixxi bażi tad-data pan-Ewropea dwar l-inċidenti u l-korrimenti b'taqsima speċjali għall-ġugarelli, li tkun pubblika, faċli għall-utent u aċċessibbli għall-konsultazzjoni mill-awtoritajiet pubbliċi, mill-konsumaturi u mill-manifatturi, u li tippermetti l-introduzzjoni u l-ġbir ta' informazzjoni dwar inċidenti u korrimenti li jseħħu minħabba ġugarelli perikolużi, inklużi dawk mibjugħa online; iqis, barra minn hekk, li għażla addizzjonali tkun billi jintużaw indikaturi u data bħal dawk miġbura mis-Sistema ta' Informazzjoni u Komunikazzjoni għas-Sorveljanza tas-Suq, is-“Safety Gate” u azzjonijiet konġunti biex tiġi vvalutata l-effiċjenza tat-TSD, u jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-possibbiltà li jiġu stabbiliti soluzzjonijiet diġitali li jistgħu jtejbu t-traċċabbiltà tul il-katina tal-provvista u jikkontribwixxu għal livell ogħla ta' sikurezza għall-ġugarelli;

    36.

    Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-ġbir ta' data tagħhom dwar it-TSD, li issa huwa irregolari, mhux rappreżentattiv u mhux komplut, u jiskambjaw informazzjoni dwar riskji u vulnerabbiltajiet fir-rigward tas-sikurezza tal-ġugarelli; jistieden lin-negozji jżidu l-kooperazzjoni mal-Istati Membri, jaqsmu aktar data dwar inċidenti relatati mal-ġugarelli, sabiex itejbu s-sikurezza tat-tfal u jtejbu l-fiduċja fil-ġugarelli mqiegħda fis-suq intern;

    37.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tuża l-opportunità pprovduta mir-reviżjoni tat-TSD ħalli tiżviluppa indikaturi biex tissorvelja l-implimentazzjoni korretta tagħha mill-Istati Membri u l-effettività ġenerali tagħha; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-ġbir tad-data li għandha tiġi pprovduta regolarment mill-Istati Membri, mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u mill-korpi nnotifikati; jirrakkomanda li l-Kummissjoni telabora rapport ġenerali fil-livell tal-UE bbażat fuq ir-rapporti nazzjonali, u tagħmilhom pubbliċi u aċċessibbli faċilment mill-partijiet interessati kollha;

    o

    o o

    38.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

    (1)  ĠU L 170, 30.6.2009, p. 1.

    (2)  ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4.

    (3)  ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30.

    (4)  ĠU L 218, 13.8.2008, p. 82.

    (5)  ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12.

    (6)  ĠU L 169, 25.6.2019, p. 1.

    (7)  ĠU L 151, 7.6.2019, p. 15.

    (8)  ĠU L 153, 3.5.2021, p. 1.

    (9)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

    (10)  ĠU L 342, 22.12.2009, p. 59.

    (11)  ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1.

    (12)  ĠU L 153, 22.5.2014, p. 62.

    (13)  ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.

    (14)  ĠU L 210, 7.8.1985, p. 29.

    (15)  ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88.

    (16)  ĠU L 342, 22.12.2009, p. 59.

    (17)  ĠU L 338, 13.11.2004, p. 4.

    (18)  ĠU L 266, 26.9.2006, p. 1.

    (19)  ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1.

    (20)  ĠU L 169, 25.6.2019, p. 45.

    (21)  ĠU C 425, 20.10.2021, p. 19.

    (22)  ĠU C 425, 20.10.2021, p. 10.

    (23)  ĠU C 294, 23.7.2021, p. 14.

    (24)  ĠU C 388, 13.11.2020, p. 39.

    (25)  ĠU C 334, 19.9.2018, p. 2.

    (26)  ĠU C 334, 19.9.2018, p. 60.

    (27)  ĠU C 76, 28.2.2018, p. 112.

    (28)  ĠU C 404, 6.10.2021, p. 2.

    (29)  ĠU C 404, 6.10.2021, p. 63.

    (30)  ĠU C 158, 30.4.2021, p. 18.

    (31)  ĠU C 371, 15.9.2021, p. 75.


    Top