Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022IP0032

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 2022 dwar strateġija Ewropea għall-enerġija rinnovabbli offshore (2021/2012(INI))

    ĠU C 342, 6.9.2022, p. 66–77 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
    ĠU C 342, 6.9.2022, p. 55–66 (GA)

    6.9.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 342/66


    P9_TA(2022)0032

    Strateġija Ewropea għall-enerġija rinnovabbli offshore

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 2022 dwar strateġija Ewropea għall-enerġija rinnovabbli offshore (2021/2012(INI))

    (2022/C 342/08)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 194 tiegħu,

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (1),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/89/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 li tistabbilixxi qafas għal ippjanar tal-ispazju marittimu (2),

    wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (3) (id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli),

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009 (4) (ir-Regolament TEN-E),

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010 (5), li bħalissa qiegħed jiġi rivedut,

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Frar 2018 dwar l-aċċelerazzjoni tal-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa (7),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019 bit-titolu "It-tibdil fil-klima – viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi (8),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (9),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Lulju 2020 dwar approċċ komprensiv Ewropew għall-ħżin tal-enerġija (10),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2020 dwar Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa (11),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Mejju 2021 dwar Strateġija Ewropea għall-Idroġenu (12),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Mejju 2021 dwar strateġija Ewropea għall-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija (13),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2021 dwar l-impatt tal-parks eoliċi fuq il-baħar u ta' sistemi oħra ta' enerġija rinnovabbli fuq is-settur tas-sajd (14),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Marzu 2020 bit-titolu “Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa” (COM(2020)0102),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2020 bit-titolu “Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030: Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna” (COM(2020)0380) u r-riżoluzzjoni relatata tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2021 bl-istess titolu (15),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Lulju 2020 bit-titolu “Strateġija għall-idroġenu għal Ewropa newtrali għall-klima” (COM(2020)0301),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Lulju 2020 bit-titolu “Nixprunaw Ekonomija Newtrali għall-Klima: Strateġija tal-UE dwar l-Integrazzjoni tas-Sistema tal-Enerġija” (COM(2020)0299),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Settembru 2020 bit-titolu “It-tisħiħ tal-ambizzjoni klimatika tal-Ewropa għall-2030 – Ninvestu f'futur newtrali għall-klima għall-benefiċċju tal-popli tagħna” (COM(2020)0562),

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2020 bit-titolu “Rapport tal-2020 dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija skont ir-Regolament (UE) 2018/1999 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika” (COM(2020)0950),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Novembru 2020 bit-titlu “Strateġija tal-UE biex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta għal futur newtrali għall-klima” (COM(2020)0741),

    wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-15 ta' Diċembru 2020 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jirrevoka r-Regolament (UE) Nru 347/2013 (COM(2020)0824),

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent Nru 3/2015 tal-1 ta' Ottubru 2015 bit-titolu “Marine protected areas in Europe's seas – an overview and perspectives for the future” (Żoni marini protetti fl-ibħra tal-Ewropa – ħarsa ġenerali u perspettivi għall-futur) u t-tgħarrif tagħha tas-6 ta' Ottubru 2020 bit-titolu “Management effectiveness in the EU's Natura 2000 network of protected areas” (L-effettività tal-ġestjoni tan-network Natura 2000 tal-UE ta' żoni protetti),

    wara li kkunsidra l-ftehim adottat fil-21 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (COP21) f'Pariġi fit-12 ta' Diċembru 2015 (il-Ftehim ta' Pariġi),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u tal-Kumitat għas-Sajd,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A9-0339/2021),

    A.

    billi l-UE rratifikat il-Ftehim ta' Pariġi, kif ukoll il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Liġi Ewropea dwar il-Klima li ġiet adottata dan l-aħħar, li jistabbilixxu mira tal-UE li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra b'mill-inqas 55 % sal-2030 u li tintlaħaq il-mira tan-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050, kif ukoll għanijiet komplementari, sabiex jiġu miġġielda l-effetti tat-tibdil fil-klima globali;

    B.

    billi t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, effiċjenti ħafna fl-użu tal-enerġija u bbażata ferm fuq sorsi rinnovabbli teħtieġ tranżizzjoni rapida u nadifa tal-enerġija li tiżgura s-sostenibbiltà, is-sigurtà tal-provvista u l-affordabbiltà tal-enerġija, kif ukoll l-infrastruttura tal-enerġija meħtieġa;

    C.

    billi t-tnaqqis drammatiku fil-prezzijiet tal-elettriku rinnovabbli offshore għamlu wieħed mis-sorsi tal-enerġija l-aktar ipprezzati b'mod kompetittiv, u l-medja ponderata globali tal-ispiża tal-enerġija eolika offshore naqset bi 48 % bejn l-2010 u l-2020, minn EUR 0,14 għal EUR 0,071 kWh, u konsegwentement element kritiku fit-tranżizzjoni ekoloġika, u dan iwitti t-triq għal ekonomija moderna, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u kompetittiva, u sar wieħed mill-aktar pilastri importanti tal-ambizzjonijiet klimatiċi tal-UE; billi l-enerġija rinnovabbli offshore (ORE) għandha l-kapaċità li tuża sorsi kbar ta' enerġija biex tipproteġi l-unitajiet domestiċi mill-faqar enerġetiku;

    D.

    billi l-istrateġija tal-UE dwar l-enerġija rinnovabbli offshore għandha tqis il-karatteristiċi ġeografiċi differenti tal-baċiri tal-baħar tal-UE, li jagħmluha diffiċli biex jiġi żviluppat approċċ “wieħed tajjeb għal kulħadd”;

    E.

    billi s-settur tal-produzzjoni tal-ORE tal-UE huwa mexxej teknoloġiku b'potenzjal sinifikanti li jagħti spinta lill-ekonomija tal-UE billi jappoġġja t-tkabbir tal-produzzjoni tal-enerġija nadifa fl-Ewropa u madwar id-dinja;

    F.

    billi l-ammont totali disponibbli għall-programmi ta' riċerka u żvilupp (R&Ż) tal-UE għall-enerġija eolika offshore matul l-aħħar 10 snin kien ta' EUR 496 miljun; billi l-investimenti pubbliċi fir-R&Ż fil-katina tal-valur tal-enerġija eolika diġà kellhom rwol kruċjali biex is-settur ikun jista' jiżviluppa; billi l-investiment meħtieġ biex jitwettaq l-varar fuq skala kbira tal-ORE sal-2050 huwa stmat li jammonta għal kważi EUR 800 biljun, madwar żewġ terzi għall-finanzjament tal-infrastruttura tal-grilja assoċjata u madwar terz għall-ġenerazzjoni tal-enerġija offshore; billi l-pjan ta' rkupru Next Generation EU jipprovdi opportunità unika biex jiġu mobilizzati ammonti sinifikanti ta' kapital pubbliku flimkien ma' investimenti privati;

    G.

    billi l-ħiliet u l-kwalifiki tal-forza tax-xogħol huma essenzjali għas-suċċess tal-istrateġija tal-enerġija rinnovabbli offshore;

    H.

    billi l-portijiet tal-UE għandhom rwol kruċjali fl-iżgurar li l-enerġija eolika offshore tkun kosteffettiva, u jaġixxu bħala gateway għall-iżvilupp lokali fil-komunitajiet kostali;

    I.

    billi l-Baħar tat-Tramuntana bħalissa huwa r-reġjun ewlieni fid-dinja għall-kapaċità użata fl-enerġija eolika offshore; billi baċiri tal-baħar Ewropej oħra bħalma huma l-Atlantiku, il-Mediterran, il-Baħar Baltiku u l-Baħar l-Iswed huma postijiet promettenti għall-espansjoni tal-varar u l-produzzjoni tal-enerġija eolika offshore fl-UE; billi l-Istati Membri tal-Punent tal-UE li jmissu mal-Atlantiku, għandhom potenzjal naturali għoli għall-enerġija eolika offshore kemm permezz ta' teknoloġija fissa mal-qiegħ kif ukoll galleġġanti; billi l-Istati Membri fin-Nofsinhar tal-UE li jmissu mal-Baħar Mediterran għandhom potenzjal għoli ta' enerġija eolika offshore, primarjament galleġġanti; billi l-Istati Membri tal-UE li jmissu mal-Baħar Baltiku għandhom potenzjal naturali għoli għall-enerġija eolika offshore permezz ta' teknoloġija fissa mal-qiegħ; billi l-Istati Membri fil-Lvant tal-UE li jmissu mal-Baħar l-Iswed għandhom potenzjal kbir ta' enerġija eolika offshore permezz ta' tagħmir imqabbad ma' qiegħ il-baħar kif ukoll galleġġanti;

    J.

    billi hija meħtieġa riċerka addizzjonali dwar l-impatt tal-infrastrutturi u t-teknoloġiji rinnovabbli offshore differenti fuq l-ekosistemi marini, il-bijodiversità marina u ż-żoni marini protetti;

    K.

    billi t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima għandha tkun akkumpanjata mir-restawr tan-natura, mingħajr ma jiġu kompromessi l-miri eżistenti dwar in-natura tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 u filwaqt li ħadd ma jitħalla jibqa' lura, kif stabbilit fil-Patt Ekoloġiku Ewropew; billi t-tranżizzjoni tal-enerġija għandha tkun ġusta u inklużiva;

    L.

    billi l-proġetti tal-ORE u l-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali tagħhom jeħtiġilhom isegwu l-approċċ tal-ġerarkija tal-mitigazzjoni; billi meta l-evitar ikun impossibbli jew diffiċli ħafna, għandhom jiġu adottati miżuri ta' tnaqqis, li għandhom jiġu implimentati b'mod effettiv matul il-fażijiet kollha, mill-għażla tas-sit sal-isfruttament u d-dekummissjonar. billi dawn il-miżuri ta' mitigazzjoni jinkludu dawk kontra l-istorbju taħt l-ilma stabbiliti fil-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali;

    M.

    billi l-fattibbiltà li jiġu stabbiliti proġett importanti ta' interess Ewropew komuni għal park eoliku galleġġanti fuq skala kbira u proġett ta' konnessjoni tal-elettrolizzaturi għandha tiġi vvalutata mill-Kummissjoni;

    N.

    billi teżisti l-possibbiltà li wieħed jibbenefika mill-kompatibbiltà bejn ir-rekwiżiti tal-ispazju tal-baħar biex tiġi żgurata l-konformità tal-ORE mal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030; billi l-parks eoliċi offshore jistgħu jkunu ta' benefiċċju għall-bijodiversità marina jekk jitfasslu u jinbnew b'mod sostenibbli; billi l-espansjoni kbira tal-produzzjoni tal-enerġija eolika offshore teħtieġ approċċ intelliġenti biex tiġi żgurata l-koeżistenza tagħha mal-attivitajiet li diġà jseħħu fiż-żoni affettwati, kif ukoll biex issir l-inqas ħsara possibbli lill-ambjent; billi t-tniġġis akustiku mill-kostruzzjoni u l-operat tal-parks eoliċi, u speċjalment mit-trasport marittimu, għandu impatt fuq l-ekosistema marina u għandu jiġi indirizzat fil-leġiżlazzjoni ambjentali; billi l-involviment tal-iżviluppaturi tal-enerġija rinnovabbli f'fażi bikrija tal-proċess, bla dubju se jikkontribwixxi għall-allokazzjoni b'suċċess tal-ispazju tal-baħar; billi l-allokazzjoni tal-ispazju għandha tkun ir-riżultat ta' ppjanar konġunt tal-ispazju marittimu u ġestjoni integrata tal-kosta li tmur lil hinn mill-fruntieri nazzjonali; billi rendimenti tal-elettriku mit-turbini eoliċi offshore jissuperaw dawk tat-turbini onshore u huwa aktar probabbli li jiġu aċċettati minn dawk li jgħixu fil-qrib;

    O.

    billi ma għandha tkun permessa l-ebda attività tal-bniedem, inkluża l-enerġija rinnovabbli, f'żoni strettament protetti tal-UE deżinjati bħala tali fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030;

    P.

    billi l-għan tal-istrateġija li jiġi pprovdut qafas fit-tul li jippromwovi koeżistenza soda bejn l-infrastrutturi offshore u użi oħra tal-ispazju tal-baħar, jikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-ambjent u jagħti lok għal komunitajiet tas-sajd prosperużi;

    Q.

    billi tranżizzjoni ġusta tal-ħaddiema mis-settur taż-żejt u tal-gass offshore lejn is-settur tal-ORE għandha tiġi appoġġjata billi jittejjeb ir-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom; billi r-rispett tal-ogħla standards soċjali u ambjentali huwa importanti;

    R.

    billi l-użu tal-ORE jiddependi mill-isforzi tas-settur pubbliku u dak privat; billi l-kumpaniji bi sjieda pubblika jista' jkollhom rwol flimkien mal-kumpaniji privati fis-settur tal-ORE; billi r-reviżjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u l-akkwist pubbliku għandha tipprovdi aktar flessibbiltà fl-implimentazzjoni tat-tranżizzjoni ekoloġika, inklużi l-proġetti tal-ORE;

    1.   

    Jemmen li l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima bl-użu tal-ORE hija vitali biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi u biex jinżamm l-impenn tal-UE li tinkiseb ekonomija newtrali għall-klima sa mhux aktar tard mill-2050, f'konformità mal-aħħar evidenza xjentifika, kif ikkonfermat fil-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-pjan ta' rkupru Next Generation EU; jisħaq li ekonomija newtrali għall-klima tirrikjedi li l-enerġija rinnovabbli tiġi implimentata fuq skala bla preċedent; jisħaq li ħafna Stati Membri għadhom lura fl-implimentazzjoni tal-enerġija u l-infrastruttura rinnovabbli meħtieġa; jisħaq ukoll li l-Istati Membri kollha għandhom jagħmlu sforzi konsiderevoli biex jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom ta' enerġija rinnovabbli; jenfasizza li l-UE mhux se tkun tista' żżomm l-impenji klimatiċi tagħha jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni ulterjuri biex jiġi aċċellerat l-varar tal-ORE;

    2.   

    Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel l-ORE u teknoloġiji tal-enerġija rilevanti oħra, komponenti ewlenin tas-sistema tal-enerġija tal-UE sal-2050;

    3.   

    Jenfasizza li l-iffrankar enerġetiku, l-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli huma fost il-fatturi ewlenin tal-kisba ta' ekonomija newtrali għall-klima; ifakkar fl-impenn tal-Unjoni favur il-prinċipju “l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel” u jissottolinja l-importanza tal-implimentazzjoni ta' dan il-prinċipju fil-leġiżlazzjoni u l-inizjattivi rilevanti kollha;

    4.   

    Jenfasizza li l-miri tal-produzzjoni tal-enerġija għall-ORE fil-baċiri tal-baħar kollha tal-UE, kif deskritt fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2020)0741, huma mill-inqas 60 GW sal-2030 u 340 GW sal-2050; ifakkar li skont il-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni li takkumpanja l-komunikazzjoni COM(2020)0562 (16), il-kapaċità installata ta' enerġija eolika offshore għandha tkun bejn 70 u 79 GW biex tiġi żgurata rotta kostkompetittiva għal tnaqqis ta' 55 % sal-2030; jistieden lill-Istati Membri u lis-settur pubbliku u dak privat jaqbżu l-mira ta' tnaqqis ta' 55 % sal-2030; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrevedi r-regoli dwar l-akkwist pubbliku u l-għajnuna mill-Istat biex tiġi żgurata tranżizzjoni kostkompetittiva appoġġjata minn suq li jiffunzjona tajjeb li jimbotta l-użu tal-enerġija eolika offshore; jinnota li hemm żoni b'potenzjal tal-ORE li fil-biċċa l-kbira għadu mhux sfruttat, bħall-Atlantiku, il-Mediterran, il-Baħar Baltiku jew il-Baħar l-Iswed; jisħaq li d-deċiżjoni li jinstab spazju għal din il-kapaċità addizzjonali tal-ORE sal-2030 hija tal-akbar importanza u għandha titqies bħala prijorità u tali spazju għandu jiġi identifikat fl-UE qabel l-2023/2024 biex il-kostruzzjoni tkun tista' ssir sal-2030; jirrimarka li l-kompetittività tal-enerġija eolika offshore u l-enerġija mill-oċeani bħala sors tal-enerġija se tkompli tiżdied u l-prezzijiet se jkomplu jonqsu aktar b'pass mal-iżvilupp u l-varar fuq bażi kontinwa; jirrimarka li l-ORE hija sors vijabbli ta' enerġija u li sistema tal-enerġija sostenibbli u affidabbli jeħtieġ li tikkombina l-ORE ma' teknoloġiji oħra tal-enerġija, opportunitajiet ta' ħżin u konsum flessibbli tal-enerġija;

    5.   

    Jemmen li l-ORE jeħtiġilha tkun sostenibbli tul il-katina tal-valur kollha u jkollha impatti negattivi limitati fuq l-ambjent u fuq il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; ifakkar fil-wegħda tal-Patt Ekoloġiku Ewropew li ħadd ma għandu jitħalla jibqa' lura; jissottolinja li l-benesseri tan-nies għandu jkun fil-qalba tat-tranżizzjoni ekoloġika;

    6.   

    Jinnota l-vantaġġ kompetittiv tal-kumpaniji u t-teknoloġiji tal-UE fis-settur tal-ORE; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-UE qed iżżomm it-tmexxija teknoloġika, filwaqt li żżomm it-talent u tipprovdi enerġija sostenibbli, sikura u bi prezz affordabbli filwaqt li tqis l-impatti potenzjali, inklużi dawk relatati mat-tibdil fil-klima u l-impatti fuq l-ambjent marin; jisħaq fuq l-importanza li jinżamm dan il-vantaġġ kompetittiv; jissottolinja l-potenzjal ta' tkabbir sinifikanti tas-settur u l-kontribut tiegħu għall-ekonomija tal-UE, inklużi l-esportazzjonijiet tat-teknoloġiji u tas-sistemi; jisħaq fuq l-importanza tal-appoġġ għall-investimenti fir-R&Ż u tal-progress abbażi tas-sistema industrijali innovattiva tat-teknoloġija tal-ORE permezz ta' kollaborazzjoni u sħubija transfruntiera fl-ambitu ta' Orizzont Ewropa sabiex jiġu ffaċilitati u appoġġjati ktajjen tal-valur Ewropej robusti, li huma kruċjali għat-tranżizzjoni doppja, filwaqt li jiġi żgurat l-użu rapidu tal-innovazzjonijiet żviluppati f'dan il-qasam; jenfasizza l-importanza ta' postijiet tax-xogħol industrijali ta' kwalità għolja biex tiġi ffaċilitata tranżizzjoni ġusta;

    7.   

    Jissottolinja l-ħtieġa li tinżamm katina ta' provvista nadifa, kompetittiva u sostenibbli għall-ORE fl-Unjoni Ewropea; jisħaq għalhekk fuq il-ħtieġa li l-fornituri japplikaw l-ogħla standards tal-kwalità, tas-saħħa, tas-sikurezza u ambjentali skont iċ-ċertifikazzjoni u l-istandards Ewropej determinati fi proċess ta' djalogu mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha; jisħaq ukoll fuq il-ħtieġa li jiġu minimizzati l-kostijiet tat-trasport fil-katina tal-provvista; jemmen li l-offerti pubbliċi għandhom iqisu dawn l-elementi;

    8.   

    Jenfasizza li l-varar tal-ORE huwa opportunità ideali għar-reġjuni ultraperiferiċi u l-gżejjer biex jiddekarbonizzaw it-taħlita tal-enerġija tagħhom u jnaqqsu b'mod drammatiku d-dipendenza tagħhom fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili; jitlob li tiġi intensifikata l-inizjattiva “Enerġija Nadifa għall-Gżejjer tal-UE”, b'enfasi qawwija fuq l-ORE; ifakkar li l-gżejjer huma partikolarment affettwati miż-żieda fil-livell tal-baħar;

    9.   

    Jistieden lill-Kummissjoni twettaq, mill-aktar fis possibbli, valutazzjoni tal-impatt biex tiċċara l-impatti ekonomiċi u soċjoekonomiċi tal-ORE, b'enfasi speċjali fuq l-impjiegi eżistenti u l-ħolqien tal-impjiegi bl-implimentazzjoni ta' bejn 300 u 450 GW ta' kapaċità sal-2050;

    10.   

    Jitlob lill-awtoritajiet kompetenti lokali jivvalutaw l-inizjattivi li jagħtu spinta lill-ekonomiji lokali, l-impjiegi sostenibbli lokali u l-attivitajiet ekonomiċi bl-użu tal-ORE; jitlob l-identifikazzjoni tas-sinerġiji bejn is-setturi li jistgħu jappoġġjaw bl-aħjar mod it-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u li jgħinu biex l-irkupru ekonomiku jibqa' validu fil-futur, flimkien mal-iżvilupp ta' sinerġiji mal-azzjonijiet li jagħtu lok għal ekonomija blu sostenibbli;

    Infrastruttura u grilji

    Investiment fl-infrastruttura

    11.

    Jisħaq fuq l-urġenza li tittejjeb u tiġi estiża l-infrastruttura eżistenti, mingħajr preġudizzju għall-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 u l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar in-natura, biex ikun jista' jiżdied l-użu ta' elettriku bbażat fuq l-enerġija rinnovabbli; jiddispjaċih li għadd ta' Stati Membri għadhom ma laħqux il-mira tagħhom ta' interkonnessjoni elettrika ta' 10 % sal-2020 u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw infrastruttura adegwata, bħal linji ta' trażmissjoni, biex jintegraw u jittrasportaw l-elettriku offshore mill-ORE; ifakkar fil-mira tal-UE għall-2030 ta' interkonnessjoni tal-elettriku ta' 15 % sal-2030, li hija stabbilita fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2018/1999; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta li tista' tħaffef l-varar tal-mira ta' interkonnessjoni; iqis li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom jiżviluppaw ftehimiet dwar l-infrastruttura tal-enerġija offshore ma' reġjuni ġeografiċi tal-viċinat;

    12.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw infrastruttura adegwata fl-UE biex jiġi żgurat l-varar kosteffettiv tal-ORE;

    13.

    Jirrimarka l-importanza li jiġi żgurat żvilupp sostenibbli u responsabbli tas-settur tal-ORE, filwaqt li jitqies ir-rwol importanti tat-trasport marittimu u l-portijiet marittimi; jisħaq li l-iżvilupp tal-ORE għandu jqis il-ħtieġa ta' kurituri u rotot ta' aċċess marittimi sikuri, u żoni ta' ankraġġ għat-trasport marittimu, kif ukoll l-iżvilupp futur potenzjali ta' rotot ta' aċċess marittimi għall-portijiet; jissottolinja l-importanza ta' portijiet marittimi moderni, sostenibbli u innovattivi għall-assemblaġġ, il-manifattura u l-manutenzjoni tat-tagħmir tal-ORE, u l-investiment konsiderevoli meħtieġ biex jittejbu l-infrastrutturi portwarji, inklużi t-terminals tat-trasport u l-bastimenti għall-provvediment ta' dawn is-servizzi; jinnota r-rwol tal-portijiet marittimi bħala punti ta' żbark onshore għall-enerġija rinnovabbli ġġenerata offshore u l-loġistika aassoċjata, u bħala hubs tal-enerġija rinnovabbli għall-konnessjonijiet tal-grilja elettrika offshore u l-interkonnetturi transfruntieri;

    14.

    Jissottolinja li l-aċċess għall-enerġija rinnovabbli offshore se jikkontribwixxi wkoll għall-ekoloġizzazzjoni tal-portijiet, anki f'termini tal-provvista tal-elettriku onshore għall-bastimenti meta jkunu rmiġġati u l-iżvilupp tagħhom bħala raggruppamenti industrijali ċirkolari; jisħaq li l-pjanijiet spazjali marittimi tal-Istati Membri għandhom ikunu kompatibbli max-xejriet futuri, inklużi l-flussi tat-traffiku ġodda, ir-rotot ġodda tat-tbaħħir u l-bastimenti ta' daqs akbar, u għandhom jiżguraw il-koeżistenza tal-infrastruttura tal-enerġija offshore mar-rotot tat-trasport marittimu, l-industrija tas-sajd, l-iskemi ta' separazzjoni tat-traffiku, iż-żoni ta' ankraġġ, l-attivitajiet u l-aċċess navali, u l-iżvilupp portwarju; jemmen bis-sħiħ li għandhom jiġu żgurati l-ogħla livelli ta' sikurezza għall-bastimenti li jgħaddu qrib l-infrastrutturi tal-ORE, inkluża kopertura suffiċjenti tas-servizzi tat-traffiku tal-bastimenti u l-provvista ta' bastimenti ta' appoġġ ta' emerġenza fiż-żona;

    15.

    Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal reviżjoni tar-Regolament TEN-E biex jinkiseb l-objettiv tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-leġiżlazzjoni ssir adatta għall-mira ta' 1,5 oC, u jilqa' wkoll l-attenzjoni li tiddedika għall-ħtiġijiet u l-prijoritajiet tas-settur tal-ORE; jisħaq li l-iżvilupp ta' assi eoliċi offshore ibridi u radjali sostenibbli u effiċjenti għall-ġenerazzjoni, l-interkonnessjoni u t-trażmissjoni jeħtieġ ippjanar u investiment pubbliku u privat li jħares 'il quddiem; jemmen bil-qawwa li l-oqfsa regolatorji għandhom jiffaċilitaw l-investimenti antiċipatorji; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu żgurati l-koordinazzjoni u l-allinjament bejn il-pjanijiet ta' żvilupp tal-grilja onshore u offshore, inkluż permezz tal-identifikazzjoni tal-punti ta' żbark għall-konnessjonijiet offshore u t-trażmissjoni tal-enerġija prodotta għall-grilji onshore; iħeġġeġ lill-Istati Membri jħaffu l-infrastruttura meħtieġa tal-grilja biex jiffaċilitaw it-tranżizzjoni ekoloġika, li għaliha l-elettrifikazzjoni hija kruċjali; jirrikonoxxi li l-investimenti kbar li saru, li sikwit jiġu implimentati simultanjament, se jirrikjedu ppjanar bir-reqqa u preċiż;

    16.

    Jissottolinja l-importanza li l-Istati Membri jiddefinixxu u jaqblu b'mod konġunt biex jikkooperaw dwar l-ammont ta' ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli offshore li għandu jiġi introdott f'kull baċir tal-baħar fl-2030, l-2040 u l-2050, f'termini tal-iżgurar tas-sigurtà tal-investiment u l-kisba tal-għanijiet tal-klima u l-enerġija;

    17.

    Jirrikonoxxi l-potenzjal għall-ORE fil-baċiri tal-baħar Ewropej kollha u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu javvanzaw it-teknoloġiji ewlenin li se jisfruttaw din l-enerġija;

    18.

    Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni fir-rigward tal-istrateġija biex tiffaċilita d-djalogu dwar is-sostenibbiltà ambjentali, ekonomika u soċjali tal-ORE u biex tippromwovi “komunità ta' prattika” fejn il-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi l-industrija, l-NGOs, is-sajjieda u x-xjenzati, ikunu jistgħu jiskambjaw il-fehmiet, jikkondividu l-esperjenzi u jaħdmu fuq proġetti konġunti fi stadju bikri;

    19.

    Jinnota l-vantaġġi potenzjali li jiġu kkombinati l-faċilitajiet ta' produzzjoni offshore u l-assi ta' trażmissjoni fil-proċess tal-offerti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri janalizzaw il-potenzjal u l-isfidi possibbli ta' dan l-approċċ ta' sejħiet għall-offerti b'kamp ta' applikazzjoni sħiħ u jivvalutaw l-applikabbiltà tiegħu għal strutturi differenti; jisħaq li din l-analiżi għandha tqis l-isfidi possibbli fir-rigward tal-iżgurar ta' inċentivi u ppjanar ottimali ta' grilji ta' trażmissjoni offshore u onshore;

    20.

    Ifakkar li l-produzzjoni tal-elettriku mill-ORE toħloq ukoll opportunità għall-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli kif deskritt fil-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni COM(2020)0741, COM(2020)0299 u COM(2020)0301;

    21.

    Jinnota l-komplementarjetà inerenti bejn teknoloġiji differenti tal-enerġija rinnovabbli, f'termini ta' infrastruttura kondiviża, sinerġiji tal-katina tal-provvista u produzzjoni aggregata tal-enerġija aktar affidabbli;

    22.

    Jissottolinja l-ħtieġa li jsir investiment fl-infrastruttura biex tiġi appoġġjata l-espansjoni tas-settur tal-ORE, b'mod partikolari investiment fil-portijiet biex jakkomodaw turbini u komponenti akbar, jipprovdu għal operazzjonijiet u manutenzjoni (inklużi faċilitajiet ta' taħriġ), kif ukoll jibnu ċentri ta' dekummissjonar u manifattura għat-tagħmir tal-enerġija mir-riħ offshore mqabbad ma' qiegħ il-baħar u galleġġanti; jenfasizza l-fatt li l-ORE se jkollha rilevanza kritika għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u li jridu jittieħdu miżuri meħtieġa sabiex l-infrastruttura tiġi protetta kontra l-attakki ċibernetiċi;

    Kollaborazzjoni mal-Istati Membri

    23.

    Jisħaq li l-kollaborazzjoni tal-Istati Membri hija vitali sabiex jiġi massimizzat l-użu effettiv tar-riżorsi tal-enerġija offshore, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet ta' kull żona; jenfasizza l-importanza tal-Kooperazzjoni tal-Enerġija fl-Ibħra tat-Tramuntana u l-ħtieġa li r-Renju Unit jerġa' jiġi inkluż; jinnota li l-qafas legali attwali għandu jittejjeb sabiex jiffaċilita tali kollaborazzjoni sal-punt li jkun suffiċjenti; jemmen bis-sħiħ li n-nuqqas ta' żieda fil-kollaborazzjoni bejn l-Istati Membri u pajjiżi mhux tal-UE interkonnessi se jimpedixxi l-introduzzjoni tal-enerġija offshore; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-azzjoni meħtieġa mingħajr ebda dewmien ulterjuri; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jikkoordinaw u jressqu minnufih pjanijiet għall-iżvilupp offshore;

    24.

    Jisħaq li l-kooperazzjoni reġjonali bejn l-Istati Membri u l-istati ġirien fil-livell tal-baċiri tal-baħar għandha titrawwem permezz ta' ppjanar konġunt, billi jitneħħew l-ostakoli regolatorji, u wkoll billi jinħolqu mapep reġjonali tal-użu spazjali marin li jkunu aċċessibbli għall-partijiet ikkonċernati kollha u li jkunu riveduti regolarment permezz ta' qafas ta' monitoraġġ komuni;

    25.

    Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tikkoordina mal-Istati Membri biex tappoġġja l-varar ta' mill-inqas 100 MW ta' enerġija mill-mewġ u mill-marea sal-2025 u ta' mill-inqas 1 GW sal-2030;

    26.

    Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jirrevoka r-Regolament (UE) Nru 347/20131 u tappoġġja l-ħolqien ta' punt uniku ta' kuntatt għal kull kuritur tal-grilja offshore ta' prijorità, li għandu jiffaċilita l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u l-proċess tal-permessi għal proġetti tal-ORE ta' interess komuni;

    Tisħin u tkessiħ distrettwali

    27.

    Jinnota li l-elettriku u t-tisħin u t-tkessiħ diretti prodotti bl-użu tal-ORE jistgħu jikkontribwixxu għall-ekoloġizzazzjoni ta' kwalunkwe użu finali tal-elettriku, bħall-pompi tas-sħana, u b'hekk iwasslu għat-tnaqqis u eventwalment għall-eliminazzjoni tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra; jenfasizza l-potenzjal li l-ORE tiġi inkorporata fit-tisħin distrettwali permezz ta' elettriku nadif u pompi tas-sħana;

    28.

    Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-aħjar prattiki minn swieq maturi ta' tisħin u tkessiħ distrettwali għall-benefiċċju tas-swieq emerġenti; jisħaq li l-Istati Membri kapaċi jibnu l-kapaċità li jaħżnu t-tisħin u t-tkessiħ u b'hekk jinkoraġġixxu l-użu ta' ORE fluttwanti kbar; jisħaq li n-nuqqas ta' data u n-nuqqas ta' konnessjoni mal-istrateġiji ta' rinnovazzjoni tal-bini fil-livell muniċipali qed iżommu lura l-integrazzjoni ulterjuri tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli fis-swieq tat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali;

    29.

    Jenfasizza r-rwol tal-awtoritajiet nazzjonali u lokali fl-ippjanar strateġiku għat-tisħin u t-tkessiħ u fl-għoti ta' appoġġ lill-operaturi tal-enerġija distrettwali billi jneħħu r-riskji tal-investimenti u jiffaċilitaw l-aċċess għal finanzjament dirett mis-settur pubbliku;

    Riċerka u żvilupp

    30.

    Jemmen bis-sħiħ li l-UE u l-Istati Membri għandhom jappoġġjaw ir-riċerka u l-iżvilupp b'rabta ma' interkonnetturi b'diversi użi (MPIs); jisħaq fuq il-ħtieġa li jinħoloq qafas fit-tul għall-MPIs li jkun jista' jintegra b'mod effiċjenti s-swieq offshore u onshore; jistieden lill-Kummissjoni tassisti lill-manifatturi ta' tagħmir differenti fl-iżvilupp ta' standard komuni li jkun jista' jiżgura l-kompatibbiltà u l-interoperabbiltà fost l-interkonnetturi; jenfasizza li teknoloġiji ġodda, bħall-MPIs, jeħtieġ li jiġu ddisinjati, ittestjati, murija u meħlusa mir-riskji sabiex jitħaffef id-dħul fis-suq; jitlob li jinħolqu kundizzjonijiet ta' qafas xierqa sabiex jiġi żgurat li dawn it-teknoloġiji jiġu żviluppati malajr;

    31.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lis-settur privat iżidu l-investiment rigward ir-riċerka u l-iżvilupp fid-disinn tal-ORE ċirkolari u li jinkludi n-natura, kif ukoll fit-teknoloġija għar-riċiklaġġ u ż-żarmar tal-istazzjonijiet tal-ORE;

    32.

    Jissottolinja li s-settur tal-ORE tal-UE qed jiddependi wkoll minn materja prima u komponenti importati għall-produzzjoni u li l-katina tal-provvista ta' dawn il-materjali għandha tiġi protetta; itenni l-ħtieġa li l-fornituri japplikaw l-ogħla standards ta' kwalità, saħħa, sikurezza u ambjent skont iċ-ċertifikazzjoni u l-istandards Ewropej;

    33.

    Jemmen bis-sħiħ li l-UE u l-Istati Membri għandhom jappoġġjaw ir-riċerka u l-iżvilupp b'rabta ma' stazzjonijiet tal-enerġija mir-riħ, mill-marea, mill-mewġ u mill-kurrenti offshore galleġġanti, li jistgħu jiġu adattati għall-kundizzjonijiet differenti ta' qiegħ il-baħar fl-Ewropa; jissottolinja wkoll, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jiġu appoġġjati l-iżvilupp, iż-żieda u l-kummerċjalizzazzjoni tad-dekarbonizzazzjoni tal-katina tal-valur kollha kemm hi tal-ORE, ta' teknoloġiji li jużaw sorsi tal-enerġija rinnovabbli bħall-enerġija mir-riħ offshore għad-dekarbonizzazzjoni ta' setturi oħra, u ta' akkoppjament tas-setturi, u tiġi appoġġjata r-riċerka fihom;

    34.

    Jenfasizza l-ħtieġa li l-ORE tiġi sfruttata fl-ilmijiet fondi; jenfasizza li t-teknoloġija galleġġanti tippermetti l-aċċess għal veloċitajiet ogħla u aktar kostanti tar-riħ li jistgħu jimminimizzaw ukoll l-impatt ambjentali tat-turbini u jnaqqsu l-pressjoni assoċjata mal-ippjanar kostali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu r-riċerka, l-iżvilupp, il-monitoraġġ u l-innovazzjoni relatati ma' teknoloġiji bħall-pjattaformi galleġġanti; jisħaq li din hija opportunità eċċellenti biex l-UE ssir mexxejja globali fit-teknoloġiji tal-ORE li se jkunu kruċjali għad-dekarbonizzazzjoni;

    35.

    Iqis li huwa essenzjali li jkun hemm segmenti ewlenin tal-ktajjen tal-valur tal-enerġija rinnovabbli fl-Ewropa sabiex jintlaħqu l-għanijiet klimatiċi tal-UE u jinġiebu benefiċċji ekonomiċi sinifikanti għar-residenti; jappella għal miżuri adegwati biex jappoġġjaw ir-rwol tal-kontenut lokali Ewropew fil-katina tal-provvista u l-leġiżlazzjoni tal-istrateġija tal-enerġija rinnovabbli;

    36.

    Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni u l-Bank Ewropew tal-Investiment huma impenjati li jaħdmu ma' istituzzjonijiet finanzjarji oħra biex jappoġġjaw investimenti strateġiċi u ta' riskju ogħla fl-enerġija offshore permezz ta' InvestEU, filwaqt li jiżguraw li l-UE tibqa' mexxej teknoloġiku;

    37.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, fil-kuntest tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, jagħmlu użu akbar mill-fondi tal-Unjoni biex jappoġġjaw l-iżvilupp tal-ORE fil-gżejjer u t-territorji ultraperiferiċi bil-għan li jnaqqsu b'mod effiċjenti d-dipendenza tagħhom mill-fjuwils fossili;

    38.

    Jenfasizza li l-espansjoni tal-ORE se tirrikjedi forza tax-xogħol speċjalizzata u kwalifikata kbira ferm u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-passi meħtieġa biex jantiċipaw nuqqas ta' ħaddiema tas-sengħa billi jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol attraenti, filwaqt li jqisu s-saħħa u s-sikurezza; jappoġġja l-ambizzjoni tal-Kummissjoni li tappoġġja lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u reġjonali fil-ħolqien u t-twettiq ta' programmi ta' edukazzjoni u taħriġ speċifiċi għall-ORE u l-ħtieġa li jiġi żviluppat grupp ta' ħiliet fil-qasam tal-ORE; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-qasam tal-ORE fl-aġenda Ewropea għall-ħiliet li jmiss tagħha sabiex tgħin lill-individwi, lill-intrapriżi multinazzjonali u lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju jiżviluppaw il-ħiliet meħtieġa għas-settur tal-ORE; jissottolinja l-importanza tal-impjieg tan-nisa fl-ambjent tekniku ħafna tas-settur offshore;

    39.

    Jemmen li, matul iċ-ċiklu sħiħ tal-proġett, huwa kruċjali li l-enerġija offshore rinnovabbli tiġi disinjata, żviluppata u varata b'mod ċirkolari u rinnovabbli; jisħaq b'mod speċjali li l-ammont sostanzjali ta' metalli u minerali meħtieġa biex jappoġġjaw it-tkabbir tat-teknoloġiji rinnovabbli jeħtieġ li jinkiseb b'mod responsabbli u ċirkolari;

    40.

    Jenfasizza l-opportunità sinifikanti li jiġi żviluppat idroġenu rinnovabbli offshore li jista' jikkontribwixxi għal żvilupp usa' tas-suq tal-idroġenu rinnovabbli; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta kif is-sorsi tal-ORE jistgħu jwittu t-triq għall-iżvilupp tal-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli;

    41.

    Jenfasizza l-importanza tal-investiment privat u pubbliku fis-settur tal-ORE għall-varar fuq skala kbira tat-teknoloġiji tal-ORE; itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tadatta l-programm Orizzont Ewropa għall-iżvilupp, iż-żieda u l-kummerċjalizzazzjoni ta' teknoloġiji u innovazzjonijiet rivoluzzjonarji fl-Unjoni sabiex jitnaqqas id-distakk bejn l-innovazzjoni u l-introduzzjoni fis-suq, billi jiġi pprovdut finanzjament ta' riskju għal proġetti ta' teknoloġija u ta' dimostrazzjoni fi stadju bikri u billi jiġu żviluppati ktajjen tal-valur bikrin bħala appoġġ għall-iżvilupp tal-infrastruttura tar-riċerka, anke bil-għan li jitnaqqsu d-distakki eżistenti bejn l-Istati Membri;

    42.

    Jenfasizza li l-ħiliet imtejba fis-settur tal-ORE u l-għarfien speċifiku għas-settur huma assi li jistgħu jiġu esportati lejn pajjiżi mhux tal-UE u b'hekk jistgħu jappoġġjaw l-esportazzjoni tas-servizzi min-naħa tal-UE u jikkontribwixxu għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima fil-livell globali;

    Permessi u pjanijiet tal-ispazju marittimu

    Is-simplifikazzjoni tal-ħruġ tal-permessi

    43.

    Jisħaq li biex jintlaħqu l-miri tal-2030 u tal-2050 jeħtieġ li jitħaffef il-varar tal-ORE; jenfasizza l-ħtieġa ta' ġestjoni aktar sostenibbli tal-ispazju marittimu u tal-kosti sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-ORE; jemmen bis-sħiħ li proċess ta' ppjanar tal-ispazju marittimu xieraq jeħtieġ li jkun akkumpanjat minn approċċ sod favur il-parteċipazzjoni pubblika sabiex jiġu kkunsidrati l-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati u tal-komunitajiet kostali kollha; jinnota li l-interess kbir fl-ORE se jattira għadd dejjem akbar ta' applikazzjonijiet għal permessi; jistieden lill-Istati Membri jissimplifikaw b'mod urġenti l-proċeduri rilevanti u jikkoordinaw l-isforzi tagħhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri jħaddnu l-punti uniċi ta' kuntatt;

    44.

    Jinnota l-proċess attwali li jieħu fit-tul għall-varar ta' proġetti tal-ORE u l-ħtieġa urġenti li jitħaffef il-pass sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-2030 u tal-2050; jinnota li s-simplifikazzjoni tal-proċeduri u tal-istandards tekniċi fil-livell tal-Istati Membri se tiffaċilita varar aktar mgħaġġel; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu proċess trasparenti u jqisu li jintroduċu limiti ta' żmien għall-ħruġ ta' permessi, inklużi l-istudji u l-valutazzjonijiet ambjentali meħtieġa kif ukoll il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati, u jintroduċu limiti ta' żmien għall-awtorizzazzjoni meta jkunu ġew ipprovduti dossiers kompluti għalkollox, bi skadenza għal deċiżjoni; jisħaq fuq l-importanza li jitqassru l-proċeduri fejn meħtieġ u li jittieħdu miżuri biex jiġi żgurat li l-iskadenzi jiġu rispettati;

    45.

    Jissottolinja l-importanza u l-potenzjal ta' siti liċenzjati għall-iżvilupp offshore approvati minn qabel kif ukoll it-tqegħid ta' linji ta' konnessjoni u trażmissjoni sabiex titneħħa l-inċertezza li tikkonċerna l-proġetti u jitnaqqsu l-ħinijiet tat-twassil;

    46.

    Iqis li huwa tal-ogħla importanza li jinbena kunsens pubbliku wiesa' dwar il-proġetti tal-ORE permezz tal-involviment tal-atturi lokali sabiex tiżdied l-aċċettazzjoni pubblika tal-enerġija mir-riħ offshore u tal-infrastrutturi kbar li teħtieġ; jappella għall-involviment trasparenti u sinifikattiv tal-komunitajiet kostali fil-proġetti, inklużi dawk li jinsabu fil-gżejjer u r-reġjuni l-aktar periferiċi, kif ukoll partijiet ikkonċernati oħra; jisħaq fuq l-importanza li tiżdied il-fiduċja tal-pubbliku in ġenerali fil-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli biex jinkisbu indipendenza enerġetika u provvista sigura tal-enerġija; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw one-stop shops b'informazzjoni simplifikata dwar il-possibbiltajiet ta' finanzjament għal proġetti ta' dimostrazzjoni għal teknoloġiji tal-ORE rivoluzzjonarji;

    L-allinjament tal-pjanijiet tal-ispazju marittimu u tal-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u l-klima

    47.

    Jinnota li l-ispazju totali meħtieġ biex jiġi żgurat li l-kapaċità tal-enerġija mir-riħ offshore għall-ibħra tat-Tramuntana tilħaq l-għanijiet tal-2050 huwa mistenni li jkun ta' 2,8 %; jemmen bis-sħiħ li l-involviment bikri tal-iżviluppaturi tal-ORE fil-proċess se jikkontribwixxi għall-allokazzjoni b'suċċess tal-ispazju tal-baħar; jisħaq li l-allokazzjoni tal-ispazju għandha tkun ir-riżultat ta' ppjanar konġunt tal-ispazju marittimu u ta' ġestjoni integrata tal-kosta li tmur lil hinn mill-fruntieri nazzjonali; jitlob li proċess trasparenti u pjanijiet tal-ispazju marittimu reġjonali jkunu aċċessibbli sabiex jiġi ffaċilitat approċċ bikri u inklużiv għall-partijiet ikkonċernati kollha;

    48.

    Jiġbed l-attenzjoni għar-rakkomandazzjonijiet tal-proġett iffinanzjat minn Orizzont 2020 dwar l-użu multiplu f'ibħra Ewropej li qed jesplora l-opportunitajiet għal użu multiplu f'ibħra Ewropej fil-ħames baċiri tal-baħar tal-UE; ifakkar fil-gwida tiegħu li l-iżvilupp sostenibbli tal-oċean ma jistax jibqa' jiddependi minn ġestjoni ta' settur wieħed, iżda jirrikjedi approċċ aktar olistiku u integrat, u li l-użu multiplu mhuwiex limitat għall-kondiviżjoni tal-“istess” spazju marittimu, iżda għandu jħaddan l-użu konġunt ta' infrastrutturi u ta' assi oħra u attivitajiet konġunti;

    49.

    Jissottolinja l-urġenza li jiġi żgurat spazju suffiċjenti għall-iżvilupp tal-ORE, u jqis li l-ħtiġijiet tal-użu multiplu għandhom jiġu ffaċilitati u inċentivati b'mod proattiv permezz ta' korpi regolatorji pubbliċi u programmi ta' appoġġ rispettivi, li jmorru ferm lil hinn minn sempliċi soluzzjonijiet ta' ppjanar tal-ispazju; jinnota li meta kienu qegħdin jiżviluppaw il-pjanijiet tal-ispazju marittimu, l-Istati Membri ntalbu jfittxu mhux biss l-aħjar data disponibbli u parteċipazzjoni pubblika wiesgħa, iżda wkoll opportunitajiet għall-kolokazzjoni tal-attivitajiet marittimi;

    50.

    Jinnota li skont ir-Regolament (UE) 2018/1999, l-Istati Membri kellhom l-obbligu jissottomettu l-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-enerġija u l-klima (NECPs) sal-31 ta' Diċembru 2019 u għandhom l-obbligu jissottomettu rapport ta' progress kull sentejn; jinnota li skont id-Direttiva 2014/89/UE, l-Istati Membri kellhom l-obbligu jfasslu pjanijiet tal-ispazju marittimu sal-31 ta' Marzu 2021; jiddeplora l-fatt li mhux l-Istati Membri kollha ppreżentaw il-pjanijiet tal-ispazju marittimu tagħhom u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu azzjoni; jinnota r-riskju ta' inkompatibbiltà tal-NECPs u tal-pjanijiet tal-ispazju marittimu fir-rigward tal-allokazzjoni spazjali; jisħaq li hemm bżonn ta' allinjament urġenti tad-Direttiva dwar l-Ippjanar tal-Ispazju Marittimu u tar-Regolament dwar l-NECP, kif ukoll ta' leġiżlazzjoni rilevanti oħra tal-UE; iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkoordinaw u jistabbilixxu minnufih pjanijiet għall-iżvilupp offshore għall-2030 u għal wara l-2030;

    51.

    Jilqa', f'dan ir-rigward, l-għan tal-istrateġija li tipprovdi qafas fit-tul li jippromwovi koeżistenza soda bejn installazzjonijiet offshore u użi oħra tal-ispazju tal-baħar u tikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-ambjent;

    52.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw approċċ sħiħ u olistiku favur iċ-ċiklu tal-ħajja meta jippjanaw u jvaraw il-kapaċità tal-ORE ta' 300 GW sa 450 GW sal-2050;

    53.

    Jistieden lill-Kummissjoni twettaq analiżi tal-impatti tad-dekummissjonar tal-installazzjonijiet offshore u tadotta, jekk ikun meħtieġ, strateġija tal-UE dwar id-dekummissjonar sostenibbli tal-installazzjonijiet offshore sabiex jiġu minimizzati l-impatti fuq l-ambjent, fuq is-sikurezza u fuq l-ekonomija; jenfasizza li strateġija bħal din għandha tinkludi ż-żarmar tal-infrastruttura eżistenti u tkopri attivitajiet futuri ta' dekummissjonar; jisħaq li qafas legali futur għall-UE kollha jkun meħtieġ biss jekk l-analiżi turi nuqqasijiet sinifikanti fl-istrumenti u l-qafas legali attwali fl-Istati Membri tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi qafas ta' monitoraġġ sempliċi li jkun jista' jiżgura rappurtar trasparenti u effiċjenti dwar il-progress tal-varar tal-ORE li juri jekk l-Istati Membri humiex fit-triq it-tajba biex jilħqu l-miri tal-2030 u tal-2050 inkwantu l-GW; jemmen li l-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament, f'konformità mar-rekwiżiti ta' rappurtar skont id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, dwar jekk il-varar tal-ORE huwiex fit-triq it-tajba;

    54.

    Jitlob li, sal-2025, il-pali tat-turbini eoliċi dekummissjonati jkunu pprojbiti milli jintremew fil-landfills tal-UE kollha kemm hi sabiex tiġi żgurata ċ-ċirkolarità, jiġu minimizzati l-impatti ambjentali negattivi fuq il-ħamrija u l-oċeani u jiżdied il-livell ta' protezzjoni tal-ħamrija;

    Id-disinn tas-suq

    55.

    Jisħaq li l-użu tal-ORE jiddependi mill-implimentazzjoni adegwata ta' regoli tas-suq imfassla tajjeb u qafas regolatorju stabbli minħabba t-tul ta' żmien ta' tali investimenti; jenfasizza li l-ispiża tal-enerġija mir-riħ offshore naqset b'mod drammatiku matul l-aħħar għoxrin sena, u, bħala riżultat, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-aħjar kundizzjonijiet ta' qafas possibbli għal żvilupp tal-enerġija mir-riħ offshore xprunat mis-suq; jisħaq li, mingħajr eliminazzjoni gradwali tal-fjuwils fossili u tas-sussidji tal-fjuwils fossili kemm jista' jkun malajr u żieda konsiderevoli fil-produzzjoni tal-enerġija mir-riħ offshore, ikun impossibbli li sal-aħħar tas-seklu jintlaħqu l-għanijiet tal-enerġija rinnovabbli u jiġi limitat it-tisħin globali għal inqas minn 1,5 oC;

    56.

    Jitlob li l-valutazzjoni tad-distribuzzjoni tal-kostijiet u tal-benefiċċji bejn il-ġenerazzjoni u t-trażmissjoni tal-ORE tkun sostenibbli u soċjoekonomikament vijabbli, filwaqt li tiżgura l-inċentivi t-tajba u qafas regolatorju stabbli għall-iżviluppaturi; jisħaq li l-inċertezza rigward id-distribuzzjoni tal-kostijiet u tal-benefiċċji qed tiskoraġġixxi lill-kumpaniji milli jvaraw proġetti tal-ORE; jistieden lill-Kummissjoni tħaffef il-pubblikazzjoni tal-gwida tal-UE dwar il-kondiviżjoni tal-kostijiet u l-benefiċċji ta' proġetti ibridi offshore;

    57.

    Jisħaq li l-istrumenti ta' finanzjament eżistenti tal-UE, bħall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, jistgħu jappoġġjaw il-mobilizzazzjoni tal-finanzjament meħtieġ għall-promozzjoni ta' soluzzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli transfruntiera u proġetti konġunti fl-UE; jinnota li l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa tista' tintuża biex tidentifika siti potenzjali ta' żvilupp offshore u tiffinanzja l-istudji meħtieġa u x-xogħlijiet ta' kostruzzjoni għal proġetti bejn żewġ Stati Membri tal-UE jew aktar;

    58.

    Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-Istati Membri, fejn rilevanti, jinkludu proġetti tal-ORE fil-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza tagħhom u fi programmi nazzjonali oħra ffinanzjati permezz ta' fondi tal-UE;

    59.

    Jappella għal reviżjoni tal-qafas regolatorju eżistenti li jirregola s-swieq tal-elettriku tal-UE sabiex jiġi ffaċilitat l-użu tal-ORE u jiġu eliminati ostakoli kummerċjali artifiċjali, prezzijiet fissi, sussidji u mekkaniżmi oħra ta' distorsjoni tas-suq li jipprevjenu l-integrazzjoni ulterjuri ta' suċċess tal-ORE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri janalizzaw bir-reqqa l-opzjoni li jinħolqu żoni tal-offerti offshore dedikati u żoni tal-offerti eżistenti u l-adegwatezza tagħhom għall-integrazzjoni tal-kapaċità dejjem akbar għall-ORE; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika l-mekkaniżmi regolatorji eżistenti li jippromwovu b'suċċess l-integrazzjoni tal-ORE f'suq tal-enerġija li jiffunzjona tajjeb, bħala parti minn mudell li jibqa' validu fil-futur inkluż il-faċilitazzjoni ta' proġetti ibridi u forom ġodda ta' kollaborazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni teżamina kundizzjonijiet ta' żvilupp aħjar fi proġetti ibridi sabiex tiżgura implimentazzjoni aħjar u aktar rapida ta' proġetti ibridi tal-ORE u termini aktar flessibbli biex tissaħħaħ l-innovazzjoni, inklużi kategoriji ġodda ta' assi, b'mod partikolari għal parks eoliċi offshore konnessi ma' interkonnetturi għal żewġ swieq jew aktar; jirrikonoxxi li t-tariffi għandhom jakkomodaw ir-riskji tal-innovaturi industrijali li jinvestu fil-varar ta' teknoloġija ġdida;

    60.

    Jissottolinja l-ħtieġa ta' disinn tas-suq li jkun kompletament kompatibbli mal-ORE, inkluża l-ħtieġa li tiġi żgurata konfigurazzjoni ottimali għaż-żona tal-offerti tal-ORE; jemmen li l-infrastruttura tal-ORE fil-livell tat-trażmissjoni għandha tkun regolata abbażi ta' regoli ta' separazzjoni b'separazzjoni definita b'mod ċar tar-rwoli u r-responsabbiltajiet f'termini ta' responsabbiltà tas-sistemi, aċċess għal partijiet terzi u tariffi u kundizzjonijiet trasparenti, u b'hekk tikkontribwixxi għas-suq uniku u għall-unjoni tal-enerġija;

    61.

    Jirrikonoxxi li t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa tirrikjedi li, meta jiġu sfruttati l-ORE u teknoloġiji tal-enerġija oħrajn, jitqiesu s-sostenibbiltà u l-impronta tal-karbonju fil-katina tal-valur sħiħa; jisħaq li l-proċessi tal-offerti offshore għandhom jinkludu kriterji ta' sostenibbiltà;

    62.

    Jirrikonoxxi li l-idroġenu rinnovabbli se jiżvolġi rwol ewlieni fit-triq tal-UE lejn in-newtralità tal-karbonju sal-2050; jisħaq li l-ORE, minħabba l-iskala kbira tal-proġetti u l-kapaċità għolja, se taqdi rwol essenzjali biex il-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli ssir b'pass aktar mgħaġġel; jemmen li l-appoġġ għar-riċerka u l-iżvilupp huwa meħtieġ sabiex l-industrija tiġi inċentivata tuża l-idroġenu rinnovabbli fis-suq permezz ta' proġetti kummerċjali kbar, u b'hekk tinħoloq domanda sostenibbli reali f'setturi diffiċli sabiex jitrażżnu;

    o

    o o

    63.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

    (1)  ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

    (2)  ĠU L 257, 28.8.2014, p. 135.

    (3)  ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82.

    (4)  ĠU L 115, 25.4.2013, p. 39.

    (5)  ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129.

    (6)  ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1.

    (7)  ĠU C 463, 21.12.2018, p. 10.

    (8)  ĠU C 23, 21.1.2021, p. 116.

    (9)  ĠU C 270, 7.7.2021, p. 2.

    (10)  ĠU C 371, 15.9.2021, p. 58.

    (11)  ĠU C 425, 20.10.2021, p. 43.

    (12)  ĠU C 15, 12.1.2022, p. 56.

    (13)  ĠU C 15, 12.1.2022, p. 45.

    (14)  Testi adottati, P9_TA(2021)0338.

    (15)  Testi adottati, P9_TA(2021)0277.

    (16)  SWD(2020)0176.


    Top