Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022IP0025

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Frar 2022 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li ġġedded l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qoton ġenetikament modifikat GHB614 (BCS-GHØØ2-5) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (D076839/01 – 2021/3006(RSP))

    ĠU C 342, 6.9.2022, p. 29–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
    ĠU C 342, 6.9.2022, p. 23–23 (GA)

    6.9.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 342/29


    P9_TA(2022)0025

    Qoton ġenetikament modifikat GHB614 (BCS-GHØØ2-5)

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Frar 2022 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li ġġedded l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qoton ġenetikament modifikat GHB614 (BCS-GHØØ2-5) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (D076839/01 – 2021/3006(RSP))

    (2022/C 342/04)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li ġġedded l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qoton ġenetikament modifikat GHB614 (BCS-GHØØ2-5) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (D076839/01,

    wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (1), u partikolarment l-Artikolu 11(3) u l-Artikolu 23(3) tiegħu,

    wara li kkunsidra l-votazzjoni tal-Kumitat Permanenti dwar dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, imsemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 fit-8 ta' Diċembru 2021, li fiha ma ngħatat l-ebda opinjoni, u l-votazzjoni tal-Kumitat tal-Appell fil-31 ta’ Jannar 2022, li fiha reġgħet ma ngħatat l-ebda opinjoni.

    wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (2),

    wara li kkunsidra l-opinjoni adottata mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fit-28 ta' Mejju 2021, u ppubblikata fis-7 ta' Lulju 2021 (3),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu li joġġezzjonaw għall-awtorizzazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati (“OĠM”) (4),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 112(2), (3) u tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

    A.

    billi d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/354/UE (5) awtorizzat it-tqegħid fis-suq ta' ikel u għalf li jkun fihom, li jkunu jikkonsistu minn, jew li jkunu prodotti minn qoton ġenetikament modifikat GHB614 (“qoton ĠM”); billi l-kamp ta' applikazzjoni ta' din l-awtorizzazzjoni kopra wkoll it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għajr ikel u għalf li jkun fihom jew li jkunu jikkonsistu mill-qoton ĠM, għall-istess użu bħal kwalunkwe qoton ieħor, bl-eċċezzjoni tal-kultivazzjoni;

    B.

    billi fit-22 ta' April 2020, BASF SE, ibbażata fil-Ġermanja, f'isem BASF Agricultural Solutions Seeds US LLC, ibbażata fl-Istati Uniti (“l-applikant”) ressqet applikazzjoni lill-Kummissjoni, skont l-Artikoli 11 u 23 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, għat-tiġdid ta' dik l-awtorizzazzjoni;

    C.

    billi, fit-28 ta' Mejju 2021, l-EFSA adottat opinjoni favorevoli fir-rigward tat-tiġdid tal-qoton ĠM, li ġiet ippubblikata fis-7 ta' Lulju 2021; billi, fil-5 ta' Marzu 2009, l-EFSA adottat opinjoni favorevoli fir-rigward tal-awtorizzazzjoni inizjali tal-qoton ĠM li ġiet ippubblikata fl-10 ta' Marzu 2009 (6);

    D.

    billi l-qoton ĠM jesprimi 5-enopiruvil-xikimat-fosfat-sintażi (2mEPSPS) modifikat ta' oriġini mill-qamħirrum li huwa insensittiv għal erbiċidi bi spettru wiesa' u postemerġenti applikati fuq il-weraq li fihom l-ingredjent attiv glifosat (7); billi, fi kliem ieħor, il-qoton ĠM huwa tolleranti għall-glifosat, l-''erbiċida kumplimentari'';

    E.

    billi filwaqt li l-konsum mill-bniedem taż-żejt taż-żerriegħa tal-qoton jista' jkun relattivament limitat fl-Ewropa, jista' jinstab f’varjetà wiesgħa ta' prodotti tal-ikel, inklużi taħlitiet imħawra, majoneż, prodotti fini tal-forn, ċikkulati li jiddellku u ċips; billi l-qoton huwa mitmugħ lill-annimali prinċipalment fil-forma ta’ kejk/ikel taż-żerriegħa tal-qoton jew bħala żerriegħa tal-qoton b'kontenut sħiħ ta' xaħam (8); billi l-qoton jiġi kkunsmat ukoll fil-forma ta' dqiq tal-qoton mill-bnedmin;

    Nuqqas ta' valutazzjoni tal-erbiċidi kumplimentari

    F.

    billi r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 503/2013 (9) jirrikjedi valutazzjoni ta' jekk il-prattiki agrikoli mistennija jinfluwenzawx l-eżitu tal-punti aħħarija studjati; billi, skont dak ir-Regolament ta' Implimentazzjoni, dan huwa speċjalment rilevanti għall-pjanti reżistenti għall-erbiċidi;

    G.

    billi għadd ta' studji juru li l-għelejjel ĠM tolleranti għall-erbiċidi jirriżultaw f'użu ikbar ta' erbiċidi kumplimentari, fil-biċċa l-kbira minħabba l-ħolqien ta' ħaxix ħażin tolleranti għall-erbiċidi (10); billi, bħala konsegwenza, għandu jkun mistenni li l-qoton ĠM se jkun espost kemm għal dożi ogħla kif ukoll ripetuti ta' glifosat, u li għalhekk kwantità ogħla ta' residwi tista' tkun preżenti fil-ħsad;

    H.

    billi f'Novembru 2015, l-EFSA kkonkludiet li l-glifosat x'aktarx ma kienx karċinoġeniku u f'Marzu 2017, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi kkonkludiet li ma kienet iġġustifikata l-ebda klassifikazzjoni; billi, għall-kuntrarju, fl-2015, l-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer, l-aġenzija speċjalizzata tal-kanċer tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, ikklassifikat il-glifosat bħala karċinoġenu probabbli għall-bnedmin; billi għadd ta' studji xjentifiċi reċenti evalwati bejn il-pari jikkonfermaw il-potenzjal karċinoġeniku tal-glifosat (11);

    I.

    billi, skont l-EFSA, id-data tossikoloġika li tippermetti li ssir valutazzjoni tar-riskju għall-konsumaturi għal diversi prodotti ta' dekompożizzjoni tal-glifosat rilevanti għall-għelejjel ĠM tolleranti għall-glifosat hija nieqsa (12);

    J.

    billi l-valutazzjoni tar-residwi tal-erbiċidi u l-prodotti tad-diżintegrazzjoni tagħhom li jinsabu fuq pjanti ĠM titqies barra mill-mandat tal-Bord tal-EFSA dwar l-Organiżmi Ġenetikament Modifikati (''il-Bord tal-EFSA dwar l-OĠM'') u għalhekk ma ssirx bħala parti mill-proċess ta' awtorizzazzjoni għall-OĠM; billi dan huwa problematiku peress li l-mod kif l-erbiċidi kumplimentari jinqasmu skont il-pjanta ĠM ikkonċernata, u l-kompożizzjoni u b'hekk, it-tossiċità tal-prodotti tad-diżintegrazzjoni (''metaboliti''), jistgħu jiġu affettwati mill-modifika ġenetika nnifisha (13);

    Kummenti mill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri

    K.

    billi l-Istati Membri ressqu ħafna kummenti kritiċi lill-EFSA matul il-perjodu ta' konsultazzjoni ta' tliet xhur (14); billi dawk il-kummenti kritiċi jinkludu li fin-nuqqas ta' kwalunkwe sistema ta' sorveljanza reali li tagħmilha possibbli li jiġi ttraċċat b'mod speċifiku l-konsum tal-OĠM jew il-prodotti sekondarji tagħhom mill-bnedmin jew mill-annimali, ma huwiex possibbli li jinsiltu xi tagħlimiet pertinenti dwar is-sikurezza tal-konsum tal-OĠM mill-perjodu ta' għaxar snin, li r-rapporti ta' monitoraġġ (2011 sa 2019) għandhom ħafna nuqqasijiet u, la huma konformi mad-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) u l-linji gwida korrispondenti u lanqas mal-gwida tal-EFSA tal-2011 dwar il-monitoraġġ ambjentali ta' wara t-tqegħid fis-suq ta' pjanti modifikati ġenetikament, li l-analiżi ppreżentata tal-letteratura (ippreżentata mill-applikant) kienet subottimali u b'hekk mhux kompluta u li l-bexx tal-qoton ĠM b'konċentrazzjonijiet ogħla ta' glifosat, li l-istudji juru li huma tossiċi għall-bnedmin u għall-annimali, x'aktarx li jirriżulta f'iktar residwi ta' erbiċidi u metaboliti fuq l-għelejjel u konsegwentement, fil-katina alimentari u tal-għalf;

    Il-ħarsien tal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni

    L.

    billi r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 jiddikjara li l-ikel jew l-għalf ġenetikament modifikat ma għandux ikollu effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent, u jirrikjedi li l-Kummissjoni tqis kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti tal-liġi tal-Unjoni u fatturi leġittimi oħra rilevanti għall-kwistjoni li tkun qed tiġi kkunsidrata fl-abbozzar tad-deċiżjoni tagħha; billi tali fatturi leġittimi jenħtieġ li jinkludu l-obbligi tal-Unjoni skont l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (''SDGs'') tan-Nazzjonijiet Uniti (NU), il-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima u l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika (''KDB tan-NU'');

    M.

    billi rapport tal-2017 tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-dritt għall-ikel sab li, b'mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, il-pestiċidi perikolużi għandhom impatti katastrofiċi fuq is-saħħa (16); billi l-Mira 3.9 tal-SDG tan-NU għandha l-għan li sal-2030 tnaqqas b'mod sostanzjali l-għadd ta' mwiet u mard minn sustanzi kimiċi perikolużi u t-tniġġis u l-kontaminazzjoni tal-arja, tal-ilma u tal-ħamrija (17); billi l-awtorizzazzjoni tal-importazzjoni tal-qoton ĠM iżżid id-domanda għal din l-għalla li tiġi ttrattata bil-glifosat, u b'hekk jiżdied l-esponiment tal-ħaddiema u tal-ambjent f'pajjiżi terzi; billi r-riskju ta' żieda fl-esponiment tal-ħaddiema u dak ambjentali huwa ta' tħassib partikolari fir-rigward tal-għelejjel ĠM tolleranti għall-erbiċidi, minħabba l-volumi ogħla ta' erbiċidi użati;

    N.

    billi, skont studju evalwat bejn il-pari ppubblikat fl-2020, Roundup, wieħed mill-erbiċidi bbażati fuq il-glifosat li jintuża l-iktar fid-dinja, jista' jikkawża telf tal-bijodiversità, u b'hekk l-ekosistemi jsiru iktar vulnerabbli għat-tniġġis u għat-tibdil fil-klima (18);

    Proċess deċiżjonali mhux demokratiku

    O.

    billi l-votazzjoni fit-8 ta' Diċembru 2021 tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, imsemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, ma tat l-ebda opinjoni, li jfisser li l-awtorizzazzjoni ma kinitx appoġġjata minn maġġoranza kwalifikata tal-Istati Membri; billi, lanqas il-votazzjoni tal-31 ta' Jannar 2022 tal-Kumitat tal-Appell ma tat opinjoni;

    P.

    billi l-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-fatt li d-deċiżjonijiet dwar l-awtorizzazzjoni tal-OĠM għadhom jiġu adottati mill-Kummissjoni mingħajr ma tkun favur maġġoranza kwalifikata tal-Istati Membri, li huwa verament l-eċċezzjoni għall-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti b'mod ġenerali iżda sar in-norma għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-awtorizzazzjonijiet ta' ikel u għalf ĠM, huwa problematiku;

    Q.

    billi, fit-tmien leġiżlatura tiegħu, il-Parlament Ewropew adotta total ta' 36 riżoluzzjoni li joġġezzjonaw għat-tqegħid fis-suq ta' OĠM għall-ikel u l-għalf (33 riżoluzzjoni) u għall-kultivazzjoni tal-OĠM fl-Unjoni (tliet riżoluzzjonijiet); billi, fid-disa' leġiżlatura tiegħu, il-Parlament Ewropew diġà adotta 21 oġġezzjoni għat-tqegħid fis-suq tal-OĠM; billi ma kienx hemm maġġoranza kwalifikata tal-Istati Membri favur l-awtorizzazzjoni ta' kwalunkwe waħda minn dawk l-OĠM; billi r-raġunijiet għaliex l-Istati Membri ma jappoġġjawx l-awtorizzazzjonijiet jinkludu nuqqas ta' rispett għall-prinċipju ta' prekawzjoni fil-proċess ta’ awtorizzazzjoni u tħassib xjentifiku relatat mal-valutazzjoni tar-riskju;

    R.

    billi minkejja r-rikonoxximent tagħha stess tan-nuqqasijiet demokratiċi, tan-nuqqas ta' appoġġ mill-Istati Membri u tal-oġġezzjonijiet tal-Parlament, il-Kummissjoni qiegħda tkompli tawtorizza l-OĠM;

    S.

    billi ma hija meħtieġa l-ebda bidla fil-liġi biex il-Kummissjoni tkun tista' ma tawtorizzax OĠM meta ma jkunx hemm maġġoranza kwalifikata ta' Stati Membri favur fil-Kumitat ta' Appell (19);

    1.

    Iqis li dan l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jisboq is-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fir-Regolament (KE) Nru 1829/2003;

    2.

    Iqis li dan l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni ma huwiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri ma huwiex kompatibbli mal-għan tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 li, f'konformità mal-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20), huwa li jipprovdi l-bażi biex, fir-rigward tal-ikel u l-għalf ĠM, jiżgura livell għoli ta' protezzjoni għall-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, u l-interessi tal-ambjent u tal-konsumaturi, filwaqt li jiżgura l-funzjonament effikaċi tas-suq intern;

    3.

    Jitlob lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha;

    4.

    Itenni l-appelli tiegħu lill-Kummissjoni biex ma tawtorizzax għelejjel ĠM tolleranti għall-erbiċidi sakemm ir-riskji għas-saħħa assoċjati mar-residwi jkunu ġew investigati b'mod komprensiv fuq bażi ta' każ b'każ, li jirrikjedi valutazzjoni sħiħa tar-residwi mill-bexx ta' dawn l-għelejjel ĠM b'erbiċidi kumplimentari, valutazzjoni tal-prodotti ta' dekompożizzjoni tal-erbiċidi u kwalunkwe effett kombinatorju, inkluż mal-pjanta ĠM innifisha;

    5.

    Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni finalment irrikonoxxiet, f'ittra tal-11 ta’ Settembru 2020 lill-Membri, il-ħtieġa li titqies is-sostenibilità fir-rigward tad-deċiżjonijiet ta' awtorizzazzjoni dwar l-OĠM (21); madankollu, jesprimi d-diżappunt kbir tiegħu, li, minn dak iż-żmien il-Kummissjoni kompliet tawtorizza l-OĠM għall-importazzjoni fl-Unjoni, minkejja l-oġġezzjonijiet li għaddejjin bħalissa mill-Parlament u mill-maġġoranza tal-Istati Membri li jivvutaw kontra;

    6.

    Jistieden lill-EFSA titlob data dwar l-impatt tal-konsum tal-ikel u l-għalf derivati minn pjanti ĠM fuq il-mikrobijoma intestinali;

    7.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għal darb'oħra, tqis l-obbligi tal-Unjoni skont ftehimiet internazzjonali, bħall-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima, il-KBD tan-NU u l-SDGs tan-NU; itenni t-talba tiegħu biex l-abbozzi ta' atti ta' implimentazzjoni jkunu akkumpanjati minn memorandum ta' spjegazzjoni li jispjega kif dawn jirrispettaw il-prinċipju ta' “la tagħmilx ħsara” (22);

    8.

    Jenfasizza li l-emendi adottati mill-Parlament Ewropew fis-17 ta' Diċembru 2020 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011 (23), li ġew adottati fil-Parlament bħala bażi għan-negozjati mal-Kunsill, jiddikjaraw li l-Kummissjoni ma għandhiex tawtorizza l-OĠM meta ma jkunx hemm maġġoranza kwalifikata tal-Istati Membri favur; jinsisti li l-Kummissjoni tirrispetta din il-pożizzjoni u jistieden lill-Kunsill jipproċedi bil-ħidma tiegħu u jadotta approċċ ġenerali dwar dan il-fajl bħala kwistjoni ta' urġenza;

    9.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

    (1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 32, p. 432.

    (2)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

    (3)  Opinjoni Xjentifika tal-Bord tal-EFSA dwar il-qoton ġenetikament modifikat GHB614 għal awtorizzazzjoni ta' tiġdid skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 (applikazzjoni EFSA-GMO-RX-018), il-Ġurnal tal-EFSA 2021; 19(7):6671, https://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/6671

    (4)  Fit-tmien leġiżlatura tiegħu, il-Parlament adotta 36 riżoluzzjoni li joġġezzjonaw għall-awtorizzazzjoni tal-OĠM. Barra minn hekk, fid-disa' leġiżlatura tiegħu, il-Parlament adotta r-riżoluzzjonijiet li ġejjin:

    Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ottubru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn qamħirrum ġenetikament modifikat MZHG0JG (SYN-ØØØJG-2), skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2019)0028).

    Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ottubru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn fażola tas-sojja ġenetikament modifikata A2704-12 (ACS-GMØØ5-3) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2019)0029).

    Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ottubru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn qamħirrum ġenetikament modifikat MON 89034 × 1507 × MON 88017 × 59122 × DAS-40278-9, u qamħirrum ġenetikament modifikat li jikkombina żewġ, tlieta jew erba' mill-eventi uniċi MON 89034, 1507, MON 88017, 59122 u DAS-40278-9 skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2019)0030).

    Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Novembru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn qoton ġenetikament modifikat LLCotton25 (ACS-GHØØ1-3) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2019)0054).

    Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Novembru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 89788 (MON-89788-1), li jikkonsistu minn tali fażola tas-sojja jew li huma prodotti minnha skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2019)0055).

    Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Novembru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom qamħirrum ġenetikament modifikat MON 89034 × 1507 × NK603 × DAS-40278-9 u s-subkombinazzjonijiet MON 89034 × NK603 × DAS-40278-9, 1507 × NK603 × DAS-40278-9 u NK603 × DAS-40278-9, li jikkonsistu minn tali qamħirrum jew li huma prodotti minnu, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2019)0056).

    Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Novembru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × MIR162 × MIR604 × 1507 × 5307 × GA21, li jikkonsistu minn tali qamħirrum jew li huma prodotti minnu u qamħirrum modifikat li jikkombina tnejn, tlieta, erbgħa jew ħamsa mill-eventi uniċi Bt11, MIR162, MIR604, 1507, 5307 u GA21 skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2019)0057).

    Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Mejju 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 87708 × MON 89788 × A5547-127, li jikkonsistu minnha jew li huma prodotti minnha, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2020)0069).

    Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Novembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 87427 × MON 89034 × MIR162 × NK603, u qamħirrum ġenetikament modifikat li jikkombina tnejn jew tlieta mill-eventi uniċi MON 87427, MON 89034, MIR162 u NK603, u li tħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1111, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2020)0291).

    Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Novembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn fażola tas-sojja ġenetikament modifikata SYHT0H2 (SYN-ØØØH2-5), skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2020)0292).

    Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Novembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 87427 × MON 87460 × MON 89034 x MIR162 x NK603, ikunu jikkonsistu minnu jew li jkunu magħmulin minnu, u l-qamħirrum ġenetikament modifikat li jgħaqqad tnejn, tlieta jew erbgħa mill-avvenimenti MON 87427, MON 87460, MON 89034, MIR162 u NK603, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2020)0293).

    Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 87751 × MON 87701 × MON 87708 × MON 89788, li jikkonsistu minnha jew li huma prodotti minnha, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2020)0365).

    Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 87427 × MON 89034 × MIR162 × MON 87411 u l-qamħirrum ġenetikament modifikat li jikkombina tnejn jew tlieta mill-eventi uniċi MON 87427, MON 89034, MIR162 u MON 87411, li jikkonsistu minnhom jew li huma prodotti minnhom, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2020)0366).

    Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn qamħirrum ġenetikament modifikat MIR604 (SYN-IR6Ø4-5) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2020)0367).

    Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li ġġedded l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 88017 (MON-88Ø17-3), li jikkonsistu minnu jew li huma prodotti minnu, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2020)0368).

    Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li ġġedded l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 89034 (MON-89Ø34-3), li jikkonsistu minnu jew li huma prodotti minnu skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2020)0369).

    Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2021 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qoton ġenetikament modifikat GHB614 × T304-40 × GHB119 skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2021)0080).

    Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2021 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat MZIR098 (SYN-ØØØ98-3), li jikkonsistu minnu jew li jkunu prodotti minnu, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2021)0081).

    Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2021 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata DAS-81419-2 (DAS–44406–6), li jikkonsistu minnha jew li huma prodotti minnha, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2021)0334).

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2021 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu jew li jkunu prodotti minn qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 × MIR162 × MON810 × NK603, u qamħirrum ġenetikament modifikat li jikkombina tnejn jew tlieta mill-eventi uniċi 1507, MIR162, MON810 u NK603, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2021)0335)

    Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2021 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt 11 (SYN-BTØ11-1), li jikkonsistu minnu jew li huma prodotti minnu, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2021)0336).

    (5)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/354/UE tas-17 ta' Ġunju 2011 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, li jkunu jikkonsistu minn, jew li jkunu prodotti minn qoton GHB614 (BCS-GHØØ2-5) modifikat ġenetikament skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 90).

    (6)  Opinjoni tal-Bord Xjentifiku dwar Organiżmi Ġenetikament Modifikati dwar applikazzjoni (Referenza EFSA-GMO-NL-2008-51) għat-tqegħid fis-suq tal-qoton GHB614 ġenetikament modifikat u tolleranti għall-glifosat, għall-użu fl-ikel u l-għalf, u l-importazzjoni u l-ipproċessar skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 minn Bayer CropScience, il-Ġurnal tal-EFSA 2009; 7(3):985, https://efsa.onlinelibrary.wiley.com/doi/epdf/10.2903/j.efsa.2006.429.

    (7)  Opinjoni tal-2009 tal-EFSA, p. 7.

    (8)  Opinjoni Xjentifika tal-Bord tal-EFSA dwar Organiżmi Ġenetikament Modifikati dwar il-valutazzjoni tal-qoton ġenetikament modifikat GHB614× T304-40 × GHB119 għall-użu fl-ikel u l-għalf, l-importazzjoni u l-ipproċessar skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 (applikazzjoni EFSA-GMO-NL-2014-122), Il-Ġurnal tal-EFSA 2018; 16(7):5349, https://efsa.onlinelibrary.wiley.com/doi/full/10.2903/j.efsa.2018.5349, p. 22.

    (9)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 503/2013 tat-3 ta' April 2013 dwar applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ta' ikel u għalf ġenetikament modifikat skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemendaw ir-Regolamenti (KE) Nru 641/2004 u (KE) Nru 1981/2006 ( ĠU L 157, 8.6.2013, p. 1).

    (10)  Ara pereżempju, Bonny, S., “Genetically Modified Herbicide-Tolerant Crops, Weeds, and Herbicides: Overview and Impact”, Environmental Management, Jannar 2016; 57(1), pp. 31-48, https://www.ncbi.nlm.nih.gov/pubmed/26296738 u Benbrook, C.M., “Impacts of genetically engineered crops on pesticide use in the U.S. – the first sixteen years”, Environmental Sciences Europe, 28 ta' Settembru 2012, Vol. 24(1), https://enveurope.springeropen.com/articles/10.1186/2190-4715-24-24

    (11)  Ara, pereżempju: https://www.sciencedirect.com/science/article/pii/S1383574218300887

    https://academic.oup.com/ije/advance-article/doi/10.1093/ije/dyz017/5382278,

    https://journals.plos.org/plosone/article?id=10.1371/journal.pone.0219610, u

    https://www.ncbi.nlm.nih.gov/pmc/articles/PMC6612199/

    (12)  Il-konklużjoni tal-EFSA dwar l-evalwazzjoni bejn il-pari tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi tas-sustanza attiva tal-glifosat, il-ġurnal tal-EFSA 2015; 13(11):4302, p. 3, https://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/4302

    (13)  Dan huwa tabilħaqq il-każ għall-glifosat, kif iddikjarat fl-opinjoni motivata tal-EFSA “Reviżjoni tal-livelli massimi ta' residwi eżistenti għall-glifosat skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 396/2005”, il-Ġurnal tal-EFSA 2018; 16(5):5263, p. 12, https://www.efsa.europa.eu/fr/efsajournal/pub/5263

    (14)  Kummenti mill-Istati Membri, aċċessibbli permezz tar-reġistru tal-mistoqsijiet tal-EFSA (Referenza: EFSA-Q-2014-00721): https://www.efsa.europa.eu/en/register-of-questions

    (15)  Id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE – Id-Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol, 6, p. 77).

    (16)  https://www.ohchr.org/EN/Issues/Food/Pages/Pesticides.aspx

    (17)  https://www.un.org/sustainabledevelopment/health/

    (18)  https://www.mcgill.ca/newsroom/channels/news/widely-used-weed-killer-harming-biodiversity-320906

    (19)  Il-Kummissjoni “tista'”, u mhux “għandha”, tkompli bl-awtorizzazzjoni jekk ma jkun hemm l-ebda maġġoranza kwalifikata ta' Stati Membri favur fil-Kumitat tal-Appell, skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 (l-Artikolu 6(3)).

    (20)  Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà ta' l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463).

    (21)  https://tillymetz.lu/wp-content/uploads/2020/09/Co-signed-letter-MEP-Metz.pdf

    (22)  Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (ĠU C 270, 7.7.2021, p. 2), paragrafu 102.

    (23)  Testi adottati, P9_TA(2020)0364.


    Top