Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D0810(01)

    Il-Kummissjoni Amministrattiva Għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali Deċiżjoni Nru H13 tat-30 ta’ Marzu 2022 dwar il-kompożizzjoni u l-metodi ta’ ħidma tal-Bord tal-Verifika tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali (Test b’relevanza għaż-ŻEE u għal-Ftehim UE/Żvizzera) 2022/C 305/03

    PUB/2022/952

    ĠU C 305, 10.8.2022, p. 4–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    10.8.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 305/4


    IL-KUMMISSJONI AMMINISTRATTIVA GĦALL-KOORDINAZZJONI TAS-SISTEMI TAS-SIGURTÀ SOĊJALI DEĊIŻJONI NRU H13

    tat-30 ta’ Marzu 2022

    dwar il-kompożizzjoni u l-metodi ta’ ħidma tal-Bord tal-Verifika tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE u għal-Ftehim UE/Żvizzera)

    (2022/C 305/03)

    IL-KUMMISSJONI AMMINISTRATTIVA GĦALL-KOORDINAZZJONI TAS-SISTEMI TAS-SIGURTÀ SOĊJALI,

    Wara li kkunsidrat l-Artikolu 72 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (1), li skontu l-Kummissjoni Amministrattiva għandha tistabbilixxi l-fatturi li jeħtieġ jitqiesu għat-tfassil tal-kontijiet relatati mal-kostijiet li għandhom jiġġarrbu mill-istituzzjonijiet tal-Istati Membri skont dan ir-Regolament u biex jiġu adottati l-kontijiet annwali bejn dawk l-istituzzjonijiet, abbażi tar-rapport tal-Bord tal-Verifika msemmi fl-Artikolu 74,

    Wara li kkunsidrat l-Artikolu 74 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, li skontu l-Kummissjoni Amministrattiva għandha tiddetermina l-kompożizzjoni u l-metodi ta’ ħidma tal-Bord tal-Verifika, li għandu jipprovdi rapporti u opinjoni motivata għal deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu mill-Kummissjoni Amministrattiva skont l-Artikolu 72(g),

    IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    1.   Il-Bord tal-Verifika previst fl-Artikolu 74 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali huwa marbut mal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Kordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali.

    2.   Meta jwettaq il-funzjonijiet tiegħu kif stabbilit fl-Artikolu 74(a) sa (f) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, il-Bord tal-Verifika għandu jopera skont l-awtorità tal-Kummissjoni Amministrattiva, li minnha għandu jirċievi d-direttivi. Fi ħdan dan il-qafas, il-Bord tal-Verifika għandu jippreżenta programm ta’ xogħol fit-tul lill-Kummissjoni Amministrattiva għall-approvazzjoni.

    Artikolu 2

    1.   Il-Bord tal-Verifika għandu, bħala prinċipju, jasal għad-deċiżjonijiet tiegħu abbażi tal-evidenza dokumentata. Dan jista’ jitlob mill-awtoritajiet kompetenti kwalunkwe informazzjoni jew jistaqsi l-mistoqsijiet kollha meqjusa meħtieġa għall-investigazzjoni tal-kwistjonijiet ippreżentati biex jeżaminahom. Meta meħtieġ, soġġett għal approvazzjoni minn qabel tal-President tal-Kummissjoni Amministrattiva, il-Bord tal-Verifika jista’ jiddelega membru tas-Segretarjat jew ċerti membri tal-Bord tal-Verifika biex iwettqu, fuq il-post, kull investigazzjoni meħtieġa għat-twettiq ta’ ħidmietu. Il-President tal-Kummissjoni Amministrattiva għandu jinnotifika lir-rappreżentant tal-Kummissjoni Amministrattiva tal-Istat Membru kkonċernat li qed issir din l-investigazzjoni.

    2.   Il-Bord tal-Verifika għandu jiffaċilita l-għeluq finali tal-kontijiet f’każijiet fejn il-ftehim ma jkunx jista’ jintlaħaq fil-perjodu stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (2). It-talba motivata għall-opinjoni tal-Bord tal-Verifika dwar tilwima skont l-Artikolu 67(7) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 għandha tiġi riferita lill-Bord tal-Verifika minn waħda mill-partijiet mhux anqas minn 25 jum tax-xogħol qabel il-bidu tal-laqgħa.

    3.   Il-Bord tal-Verifika jista’ jwaqqaf Panel ta’ Konċiljazzjoni biex jassisti ħidmietu meta jkun qed jittratta t-talba motivata għall-opinjoni tal-Bord tal-Verifika, ippreżentata minn waħda mill-partijiet, f’konformità mal-punt 2 ta’ dan l-Artikolu.

    Id-dettalji tal-kompożizzjoni, it-terminu, il-kompiti, il-metodi ta’ ħidma kif ukoll is-sistema tal-Presidenza tal-Panel ta’ Konċiljazzjoni għandhom ikunu inklużi f’mandat li dwaru tkun ittieħdet deċiżjoni mill-Bord tal-Verifika.

    Artikolu 3

    1.   Il-Bord tal-Verifika għandu jkun magħmul minn żewġ rappreżentanti minn kull wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea maħtura mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dawk l-Istati.

    Kull membru tal-Bord tal-Verifika li ma jkunx jista’ jattendi, jista’ jiġi sostitwit minn deputat maħtur għal dan l-għan mill-awtoritajiet kompetenti.

    2.   Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea jew is-sostitut tiegħu fuq il-Kummissjoni Amministrattiva għandu jaġixxi f’kapaċità konsultattiva fi ħdan il-Bord tal-Verifika.

    3.   Il-Bord tal-Verifika għandu jkun megħjun minn espert indipendenti jew minn tim ta’ esperti b’taħriġ professjonali u b’esperjenza fi kwistjonijiet li jikkonċernaw il-funzjonijiet tal-Bord tal-Verifika, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompiti tiegħu skont l-Artikoli 64, 65 u 69 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009.

    Artikolu 4

    1.   Il-kariga tal-President tal-Bord tal-Verifika għandha tkun f’idejn membru mill-Istat Membru li r-rappreżentant tiegħu fuq il-Kummissjoni Amministrattiva jkollu l-kariga tal-President ta’ dik il-Kummissjoni.

    2.   Il-President tal-Bord ta’ Verifika, flimkien mas-Segretarjat, jista’ jieħu l-passi kollha meħtieġa biex isolvi mingħajr dewmien il-problemi kollha li jaqgħu fil-kompetenza tal-Bord tal-Verifika.

    3.   Bħala regola, il-President tal-Bord tal-Verifika għandu jippresiedi l-laqgħat tal-partijiet ta’ ħidma stabbiliti biex jeżaminaw problemi li huma fil-kompetenza tal-Bord tal-Verifika; madankollu, jekk ma jkunx/tkunx f’qagħda li jagħmel/tagħmel dan jew jekk qed jiġu eżaminati ċerti problemi speċifiċi, il-President jista’ jkun irrappreżentat minn persuna oħra maħtura minnu/minnha.

    Artikolu 5

    1.   Id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b’maġġoranza sempliċi, kull Stat Membru b’vot wieħed biss.

    Id-deċiżjonijiet u l-opinjonijiet dwar tilwima skont l-Artikolu 67(7) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Bord tal-Verifika jridu jindikaw jekk intlaħqux b’mod unanimu jew b’maġġoranza. Fejn xieraq, iridu jippreżentaw il-konklużjonijiet jew ir-riżervi tal-minoranza.

    Ir-rappreżentanti tal-pajjiżi involuti fit-tilwima ma għandhomx jieħdu sehem fl-approvazzjoni tal-opinjoni tal-Bord tal-Verifika dwar tilwima skont l-Artikolu 67(7) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009. Kull darba li opinjoni dwar tilwima skont l-Artikolu 67(7) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 ma tintlaħaqx b’mod unanimu, il-Bord tal-Verifika għandu jippreżentaha lill-Kummissjoni Amministrattiva flimkien ma’ rapport li b’mod partikolari jkun fih dikjarazzjoni tal-fehmiet opposti u r-raġunijiet għalihom. Għandu wkoll jaħtar relatur responsabbli li jipprovdi lill-Kummissjoni Amministrattiva bl-informazzjoni kollha li din tal-aħħar tqis xierqa sabiex tkun tista’ ssib soluzzjoni għat-tilwima inkwistjoni. Ir-relatur ma għandux jintgħażel mir-rappreżentanti tal-pajjiżi involuti fit-tilwima.

    2.   Il-Bord tal-Verifika jista’ jiddeċiedi li jadotta deċiżjonijiet u opinjonijiet dwar tilwima skont l-Artikolu 67(7) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 bl-użu ta’ proċedura bil-miktub jekk it-tali proċedura tkun ġiet miftiehma f’laqgħa preċedenti tal-Bord tal-Verifika.

    Għal dan l-għan il-President għandu jikkomunika t-test li għandu jiġi adottat lill-membri tal-Bord tal-Verifika. Il-Membri għandhom jingħataw limitu ta’ żmien stabbilit ta’ mill-inqas għaxart ijiem tax-xogħol li fihom il-Membri għandu jkollhom il-possibbiltà jiddikjaraw li jirrifjutaw it-test propost jew li jastjenu mill-votazzjoni. Jekk ma tingħata l-ebda tweġiba fil-limitu ta’ żmien stabbilit, din għandha titqies bħala vot fl-affermattiv.

    Il-President jista’ wkoll jiddeċiedi li jniedi proċedura bil-miktub f’każ li ma jkun intlaħaq ebda ftehim minn qabel f’laqgħa tal-Bord tal-Verifika. F’każ bħal dan, ftehimiet bil-miktub biss dwar it-test propost għandhom jgħoddu bħala voti fl-affermattiv u għandu jingħata l-limitu ta’ żmien stabbilit ta’ mill-inqas 15-il jum tax-xogħol.

    Meta jiskadi l-limitu ta’ żmien stabbilit, il-President għandu jinforma lill-membri bir-riżultat tal-votazzjoni. Deċiżjoni li tkun irċeviet l-għadd meħtieġ ta’ voti fl-affermattiv, għandha titqies li tkun ġiet adottata fl-aħħar jum stabbilit tal-perjodu li matulu l-membri jkunu ntalbu jwieġbu.

    3.   Jekk matul il-proċedura bil-miktub, membru tal-Bord tal-Verifika jipproponi li t-test għandu jiġi emendat, il-President għandu jagħżel li jew:

    (a)

    jerġa’ jibda mill-ġdid il-proċedura bil-miktub billi jikkomunika l-emenda proposta lill-membri f’konformità mal-proċedura fil-paragrafu 2; jew

    (b)

    iħassar il-proċedura bil-miktub sabiex il-kwistjoni terġa’ tiġi diskussa fil-laqgħa li jmiss,

    skont liema proċedura l-President iqis xierqa għall-kwistjoni kkonċernata.

    4.   Jekk qabel ma jiskadi l-limitu ta’ żmien stabbilit għat-tweġibiet, membru tal-Bord tal-Verifika jitlob li t-test propost għandu jiġi eżaminat f’laqgħa tal-Bord tal-Verifika, il-proċedura bil-miktub għandha titħassar.

    Il-kwistjoni mbagħad għandha tiġi eżaminata fil-laqgħa tal-Bord tal-Verifika li jkun imiss.

    Artikolu 6

    Il-Bord tal-Verifika jista’ jwaqqaf gruppi ad-hoc komposti minn għadd limitat ta’ persuni biex iħejju u jressqu proposti fuq kwistjonijiet speċifiċi għall-adozzjoni tal-Bord tal-Verifika.

    Għal kull grupp ad-hoc, il-Bord tal-Verifika għandu jiddeċiedi min għandu jkun ir-relatur, il-kompiti li għandhom jitwettqu, u l-limitu ta’ żmien li fih il-grupp ikun irid iressaq ir-riżultati ta’ ħidmietu lill-Bord tal-Verifika. Dawn għandhom ikunu stabbiliti fil-mandat bil-miktub kif deċiż mill-Bord tal-Verifika.

    Artikolu 7

    1.   Is-Segretarjat tal-Kummissjoni Amministrattiva għandu jħejji u jorganizza l-laqgħat tal-Bord tal-Verifika u jniżżel il-minuti tagħhom. Għandu jwettaq ix-xogħol meħtieġ għall-funzjonament tal-Bord tal-Verifika. L-aġenda, id-data u t-tul tal-laqgħat tal-Bord tal-Verifika għandhom jiġu miftiehma mal-President.

    2.   L-aġenda għandha tintbagħat mis-Segretarjat tal-Kummissjoni Amministrattiva lill-membri tal-Bord tal-Verifika u lill-membri tal-Kummissjoni Amministrattiva mhux aktar tard minn 15-il jum qabel il-bidu ta’ kull laqgħa. Id-dokumenti relatati mal-punti fuq l-aġenda jenħtieġ li jkunu disponibbli mill-inqas għaxart ijiem tax-xogħol qabel il-bidu tal-laqgħa. Dan ma japplikax għal dokumenti li jipprovdu informazzjoni ġenerali li ma hemmx bżonn li tiġi approvata.

    3.   Noti dwar il-laqgħa li jkun imiss tal-Bord tal-Verifika jenħtieġ li jintbagħtu lis-Segretarjat tal-Kummissjoni Amministrattiva mill-inqas 20 jum tax-xogħol qabel il-bidu tal-laqgħa. Dan ma japplikax għal dokumenti li jipprovdu informazzjoni ġenerali li ma hemmx bżonn li tiġi approvata.

    Noti li jkun fihom l-input għad-Dikjarazzjoni tal-kontijiet annwali stipulata fl-Artikolu 69(1) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 għandhom isegwu l-format u jkunu jinkludu d-dettalji speċifikati mill-espert indipendenti jew mit-tim ta’ esperti msemmija fl-Artikolu 3(3) ta’ din id-Deċiżjoni. Kull delegazzjoni għandha tibgħat din in-nota lis-Segretarjat sal-31 ta’ Lulju tas-sena ta’ wara dik is-sena kkonċernata.

    Artikolu 8

    Sakemm meħtieġ, ir-regoli tal-Kummissjoni Amministrattiva għandhom japplikaw għall-Bord tal-Verifika.

    Artikolu 9

    1.   Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandha tapplika mid-data tal-pubblikazzjoni.

    2.   Din id-Deċiżjoni tissostitwixxi d-Deċiżjoni Nru H4 tat-22 ta’ Diċembru 2009 (3).

    Il-President tal-Kummissjoni Amministrattiva

    Claire JEAN


    (1)  ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1.

    (2)  ĠU L 284, 30.10.2009, p. 1.

    (3)  Id-Deċiżjoni Nru H4 tat-22 ta’ Diċembru 2009 dwar il-kompożizzjoni u l-metodi ta’ ħidma tal-Bord ta’ Verifika tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali (ĠU C 107, 27.4.2010, p. 3).


    Top