EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022XC0621(02)

Pubblikazzjoni tad-Dokument Uniku emendat wara l-approvazzjoni ta’ emenda minuri f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 2022/C 238/10

C/2022/4174

ĠU C 238, 21.6.2022, p. 16–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 238/16


Pubblikazzjoni tad-Dokument Uniku emendat wara l-approvazzjoni ta’ emenda minuri f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

(2022/C 238/10)

Il-Kummissjoni Ewropea approvat din l-emenda minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 (1).

L-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ din l-emenda minuri tista’ tiġi kkonsultata fil-bażi tad-data eAmbrosia tal-Kummissjoni.

DOKUMENT UNIKU

“TURRÓN DE AGRAMUNT / TORRÓ D’AGRAMUNT”

Nru tal-UE: PGI-ES-0167-AM01 – 18.1.2022

DOP ( ) IĠP (X)

1.   Isem/ismijiet [tad-DOP jew tal-IĠP]

“Turrón de Agramunt / Torró d’Agramunt”

2.   Stat membru jew pajjiż terz

Spanja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott [elenkat fl-Anness XI]

Klassi 2.3. Ħobż, għaġina, kejkijiet, ħelu, gallettini u prodotti oħra tal-furnara

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

“Turrón de Agramunt / Torró d’Agramunt” huwa magħmul minn għasel, lewż jew ġellewż imqaxxar u inkaljat, zokkor u/jew ġulepp tal-glukożju, abjad tal-bajd, jew l-ekwivalenti mnixxef, u wejfer.

Skont it-tip kummerċjali ( suprema jew extra ), il-perċentwal minimu ta’ materja prima bażika għandu jkun kif ġej:

 

Suprema

Extra

Ġellewż jew

60,00

46,00

Lewż

60,00

46,00

Għasel

10,00

10,00

Abjad tal-bajd jew ekwivalenti mnixxef

1,00

1,00

Il-qubbajt suprema u extra koperti minn din l-indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP) iridu jkollhom il-karatteristiċi definiti fir-regolamenti tekniċi tas-saħħa rilevanti.

It-tabella ta’ hawn taħt turi l-kompożizzjoni kimika meħtieġa tal-kampjuni tat-“Turrón de Agramunt” (% tal-prodott lest):

 

Qubbajt tal-lewż

Qubbajt tal-ġellewż

 

Suprema

Extra

Suprema

Extra

Kontenut ta’ ndewwa (massimu)

5,0

6,0

5,0

6,0

Kontenut ta’ proteini (minimu)

11,0

9,0

7,0

5,5

Xaħmijiet (minimi)

32,5

26,0

30,0

24,5

Irmied (massimu)

2,2

2,2

2,0

2,0

It-“Turrón de Agramunt” għandu l-karatteristiċi organolettiċi li ġejjin:

kulur: kannella dehbi ċar;

konsistenza: irregolari, raffa u poruża. Soda iżda tinkiser mingħajr sforz. Tqarmeċ iżda ddub fil-ħalq;

ħlewwa: togħma qawwija ħafna;

forma: kejkijiet tondi u blokok jew biċċiet rettangolari.

Dawn il-karatteristiċi huma r-riżultat ta’ taħlita għaqlija ta’ ingredjenti minn naħa waħda u ta’ ħin ta’ tisjir preċiż min-naħa l-oħra.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

___

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Kemm il-produzzjoni (inkluż l-inkaljar tal-ġellewż u tal-lewż, it-tisjir tat-taħlita, l-iffurmar u t-tqattigħ ladarba t-taħlita tkun qagħdet) kif ukoll l-ippakkjar tal-qubbajt kopert mill-IĠP “Turrón de Agramunt / Torró d’Agramunt” iridu jsiru fiż-żona ġeografika deskritta fil-punt 4.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

Il-qubbajt jiġi ppreżentat fil-forma ta’ biċċiet (blokok rettangolari jew kejkijiet tondi) li jiżnu minn 15-il g sa 1 kg.

Il-prodott jiġi ppakkjat f’temperatura ambjentali ftit wara li jkun sar.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

L-isem tal-IĠP “Turrón de Agramunt / Torró d’Agramunt”, il-logo tal-IĠP stess u kull informazzjoni oħra ddeterminata b’mod ġenerali mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ, iridu jidhru fuq it-tikketti.

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Il-qubbajt tal-IĠP “Turrón de Agramunt / Torró d’Agramunt” jiġi prodott u ppakkjat fil-muniċipalità ta’ Agramunt fid-distrett Katalan ta’ Urgell fil-provinċja ta’ Lleida.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Ir-rabta bejn it-“Turrón de Agramunt” u ż-żona ġeografika tal-produzzjoni hija bbażata fuq ir-reputazzjoni tiegħu kif ukoll fuq l-għarfien espert lokali, li ġej minn tradizzjoni storika twila. Il-muniċipalità, li tagħti l-isem tagħha lill-IĠP u li hija stess tikkostitwixxi ż-żona ġeografika tal-produzzjoni, hija inseparabbli mill-qubbajt.

Storja

Bħal kull tradizzjoni tajba, hemm ħafna stejjer leġġendarji marbuta mal-oriġini tat-“Turrón de Agramunt”. L-attività tat-turronaires (il-manifatturi tal-qubbajt) ilha ddokumentata minn tmiem is-seklu 18, meta kienet diġà stabbilita bħala tradizzjoni u li jindika li bilfors hija aktar antika. Il-qerda tal-arkivji muniċipali matul il-Gwerer Napoleoniċi u l-fatt li l-attività kienet issir bħala waħda agrikola jagħmluha diffiċli biex jiġu stabbiliti dati aktar bikrija.

Il-manifatturi tal-qubbajt ta’ Agramunt tant saru popolari li mhux biss ħadu sehem fil-festivals popolari tradizzjonali iżda daħlu wkoll fid-dinja tal-letteratura bid-dramm ta’ Serafí Pitarra La Dida (“L-Imreddgħa”). Il-protagonista eroj ta’ din l-opra teatrika, li sseħħ fl-1700, hija Paula ta’ Agramunt, l-imreddgħa, u manifattriċi tas-sengħa tal-qubbajt.

Il-qubbajt kien jiġi mmanifatturat bl-idejn:

L-għasel kien jitferra’ f’taġen u mbagħad malli jibda jagħli, kien jitħawwad b’mod kostanti bi strument tal-injam imsejjaħ remo (“moqdief”) biex ma jinħaraqx.

Fil-passat, il-manifatturi tal-qubbajt kienu jinkaljaw il-ġellewż jumejn qabel ma jħalltuhom mal-għasel, minħabba li jekk dawn ma jkunux birdu biżżejjed, il-qubbajt seta’ jinkiser faċilment.

It-taħlita tiskura u, sabiex jiċċarawha, kienu jżidulha żewġ tużżani abjad tal-bajd, imħabbtin, sakemm tibbies. Meta l-manifattur tal-qubbajt l-aktar espert kien jiġġudika li t-taħlita kienet lesta, l-ewwel kienu jdaħħlu mgħarfa tal-injam fit-taħlita u mbagħad wara f’barmil ta’ ilma kiesaħ. Wara li t-taħlita tkun tħalliet ftit tibred, jinżdied ġellewż daqskemm jiżdied għasel u t-taħlita tkompli titħawwad sakemm issir omoġenja.

Imbagħad kienet titħalla tagħqad għal nofs siegħa qabel ma tinqata’ b’magna tal-qtugħ speċjali msejħa rajola (maduma). Wara li tkun inqatgħet f’biċċiet, kienet tintiżen u tiġi ffurmata biex tingħata l-forma tipika tal-qubbajt ċatt u tond jew tawwali, mgħaffeġ bejn żewġ folji ta’ pan de ángel (tip ta’ wejfer), li kienu jitwaħħlu miegħu bl-użu ta’ għodda tal-injam. Meta jkunu birdu u nixfu kompletament, il-blokok tal-qubbajt kienu jitqiegħdu f’kaxxa tal-injam miksija minn ġewwa biż-żingu jew f’kaxxa tal-landa sabiex jiġu ppreservati sal-bejgħ.

Il-produzzjoni tat-“Turrón de Agramunt” ftit li xejn inbidlet minn meta bdiet. Bħal fl-industriji kollha, il-progress tekniku u l-modernizzazzjoni biddlu l-metodi tal-ipproċessar, b’tali mod li xi wħud mill-operazzjonijiet li jsiru manwalment issa jitwettqu bil-magna, iżda l-materja prima tibqa’ essenzjalment l-istess u l-uniċi bidliet li saru, kienu biex l-ipproċessar isir aktar faċli.

Aspetti soċjali

Il-produzzjoni żdiedet bi ftit kull sena, minn 45 325 kg ta’ “Turrón de Agramunt” fl-1995 għal 71 980 kg fl-1999.

Minbarra li tipprovdi għadd kbir ta’ impjiegi, l-industrija tal-qubbajt ta’ Agramunt hija sors ta’ attività konsiderevoli fis-settur tas-servizzi, prinċipalment fit-trasport u t-turiżmu:

in-nuqqas ta’ kollegament ferrovjarju ma’ Agramunt ifisser li l-qubbajt kollu jrid jiġi ttrasportat bit-triq;

għadd kbir ta’ viżitaturi jiġu biex jaraw il-manifatturi artiġjanali jagħmlu l-qubbajt. Barra minn hekk, sa mill-1989, f’Ottubru ssir iċ-ċelebrazzjoni tal-Feria del Turrón de Agramunt (fiera tal-qubbajt ta’ Agramunt). Din tiġbed ħafna viżitaturi u saret waħda mill-akbar fieri fi Lleida.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

L-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott aġġornata hija aċċessibbli hawn http://agricultura.gencat.cat/web/.content/al_alimentacio/al02_qualitat_alimentaria/normativa-dop-igp/plecs-tramit/pliego-condiciones-igp-torro-agramunt-modificacion-menor-es.pdf filwaqt li l-applikazzjoni għal emenda qed tiġi pproċessata bħalissa u mbagħad, ladarba tiġi approvata, tiġi ppubblikata hawn http://agricultura.gencat.cat/ca/ambits/alimentacio/segells-qualitat-diferenciada/distintius-origen/dop-igp/normativa-dop-igp/plecs-condicions/.


(1)  ĠU L 179, 19.6.2014, p. 17.


Top