Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021AE1138

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Insawru Ewropa reżiljenti għall-klima — L-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima” (COM(2021) 82 final)

EESC 2021/01138

ĠU C 374, 16.9.2021, p. 84–91 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 374/84


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Insawru Ewropa reżiljenti għall-klima — L-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima”

(COM(2021) 82 final)

(2021/C 374/14)

Relatur:

Dimitris DIMITRIADIS

Korelatur:

Kęstutis KUPŠYS

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 26.3.2021

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

23.6.2021

Adottata fil-plenarja

7.7.2021

Sessjoni plenarja Nru

562

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

229/3/12

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jappoġġja bil-qawwa l-adozzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima bħala pass kruċjali biex tintlaħaq il-mira tal-Patt Ekoloġiku Ewropew għan-newtralità klimatika u r-reżiljenza għat-tibdil fil-klima sal-2050. Madankollu, il-Kumitat xtaq jara l-oqsma ta’ azzjoni proposti mhux biss deskritti f’termini ġenerali, iżda wkoll li jiġu ċċarati b’eżempji konkreti. Jeħtieġ li n-nies jingħataw stampa aktar ċara ta’ kif jistgħu jkunu l-bidliet.

1.2.

Ir-riskju ta’ danni ekonomiċi u telf ta’ ħajja minħabba ż-żieda fil-frekwenza u l-intensità ta’ effetti tat-temp estremi relatati mal-klima se jkompli. Daqstant importanti huwa r-riskju li kemm l-impatti tat-tibdil fil-klima kif ukoll l-isforz ta’ adattament għat-tibdil fil-klima jistgħu jaggravaw l-inugwaljanzi eżistenti. L-adattament, b’ekwità fil-qalba tiegħu, huwa għalhekk essenzjali biex jiġu protetti l-ħajja, l-impjieg u l-għajxien taċ-ċittadini Ewropej, speċjalment ta’ dawk aktar vulnerabbli, u li tradizzjonalment jintlaqtu aktar mit-tibdil fil-klima.

Fil-qafas ta’ tranżizzjoni ġusta, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jaqdu rwol ewlieni. B’mod partikolari, l-involviment tal-imsieħba soċjali jrid jiġi żgurat sabiex jiġu implimentati b’suċċess l-adattamenti fid-dinja tax-xogħol u sabiex jinżammu kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti permezz tad-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv.

1.3.

L-implimentazzjoni tal-Istrateġija, kif ukoll il-Patt Ekoloġiku Ewropew, għandha tkun ibbażata fuq approċċ sistemiku, li jaspira li jindirizza simultanjament diversi objettivi u jippromovi strumenti ta’ politika u soluzzjonijiet teknoloġiċi li jistgħu jintużaw fis-setturi varji tal-ekonomija.

1.4.

B’mod partikolari, il-Kumitat jitlob “enfasi ugwali” fuq il-finanzjament tal-mitigazzjoni u l-adattament. Huwa kruċjali li l-politiki kollha dwar it-tibdil fil-klima fil-livelli kollha jikkombinaw l-istrateġiji ta’ mitigazzjoni u adattament.

1.5.

Il-KESE jħoss il-ħtieġa ta’ linji gwida, miri u għodod ta’ monitoraġġ, punti ta’ riferiment u indikaturi speċifiċi għall-adattament sabiex jgħinu biex tiġi pprovduta t-trasparenza fl-allokazzjoni tar-riżorsi, jiġu antiċipati u ġestiti l-impatti tat-tibdil fil-klima u jiġi vvalutat il-progress tal-adattament għat-tibdil fil-klima, filwaqt li tinbena l-kapaċità lokali, nazzjonali u reġjonali għall-użu ta’ dawn l-għodod kollha.

1.6.

Il-KESE jqis is-soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura, il-bijoekonomija u t-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari bħala approċċi essenzjali ta’ adattament għall-klima u, fl-istess ħin, bħala opportunità għall-UE biex tirkupra b’mod sostenibbli mil-lat ambjentali u soċjali.

1.7.

Il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni tfittex allinjament aħjar tal-politiki ta’ adattament għat-tibdil fil-klima mal-ġustizzja tal-klima fil-ħidma futura fir-rigward tal-politika dwar l-adattament. Il-Kumitat jirrikonoxxi li t-tibdil fil-klima jista’ jkollu impatti soċjali, ekonomiċi, tas-saħħa pubblika u impatti negattivi oħra differenti fuq il-komunitajiet u jirrakkomanda li jiġu indirizzati l-inugwaljanzi eżistenti direttament permezz ta’ strateġiji ta’ mitigazzjoni u adattament fit-tul, sabiex ħadd ma jitħalla jibqa’ lura.

1.8.

Sabiex tappoġġja lin-negozji fl-adattament tagħhom stess u fl-isforzi tagħhom biex jipprovdu lis-soċjetà soluzzjonijiet ta’ adattament, l-UE jeħtieġ li tkompli tippermetti u tinkoraġġixxi l-kundizzjonijiet għall-innovazzjoni, għall-investiment u għall-kummerċ li jsaħħu l-iżvilupp sostenibbli. L-adattament għat-tibdil fil-klima u l-ispejjeż marbuta miegħu għandhom ikunu wkoll parti integrali mill-istrateġija industrijali tal-UE.

1.9.

Il-KESE jemmen li l-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd huma fost l-aktar negozji affettwati direttament. Fl-istess ħin, madankollu, dawn jistgħu jikkontribwixxu għal soluzzjonijiet ta’ adattament, is-sekwestru tal-karbonju u s-sigurtà tal-ikel. Riċerka u innovazzjoni intensivi, kif ukoll premjijiet għall-ħolqien ippruvat ta’ bjar tal-karbonju, huma meħtieġa biex jappoġġjaw lil dawn is-setturi.

1.10.

It-telf ekonomiku medju annwali minn diżastri relatati mal-klima huwa ta’ mijiet ta’ biljuni ta’ dollari. Ir-rapport tan-NU dwar Human Cost of Disasters (Il-prezz uman tad-diżastri) jagħti stampa allarmanti: fl-aħħar għoxrin sena, ġew irreġistrati 7 348 avveniment ta’ diżastru, id-diżastri kkawżaw madwar 1,23 miljun mewta, u affettwaw lil total ta’ aktar minn 4 biljun persuna (ħafna minnhom f’aktar minn okkażjoni waħda). Barra minn hekk, id-diżastri ħolqu telf ekonomiku ta’ madwar USD 2,97 triljun madwar id-dinja. Hemm diversi sorsi ta’ finanzjament tal-UE disponibbli għall-finanzjament tal-adattament: il-baġit tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-QFP u n-NextGenerationEU. Il-KESE jitlob aktar ċarezza dwar l-għażliet differenti, kif ukoll proċeduri faċli għall-utent biex jiġi żgurat aċċess f’waqtu għall-finanzjament f’livell prattiku. Barra minn hekk, l-abolizzjoni tas-sussidji għall-fjuwils fossili u r-riformi fiskali ekoloġiċi jistgħu jirrilaxxaw riżorsi konsiderevoli mill-baġits pubbliċi, jindirizzaw inkonsistenzi sistemiċi, u jiġġeneraw dħul ġdid biex jiffinanzja l-adattament għat-tibdil fil-klima. Il-KESE jikkritika l-fatt li għad irid jiġi ppreżentat pjan direzzjonali speċifiku għat-tneħħija tas-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent.

1.11.

Il-KESE jitlob ukoll miżuri li jagħmlu t-twassil tal-investimenti fl-industrija tal-fjuwils fossili l-anqas strateġija favorevoli għall-istituzzjonijiet finanzjarji, u li joħolqu inċentiv għall-allokazzjoni ta’ flussi finanzjarji privati għal attivitajiet li jappoġġjaw il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih. Dan huwa importanti għall-investimenti kemm fl-UE kif ukoll barra minnha; sabiex l-Unjoni tkun istituzzjoni globali li tistabbilixxi l-istandards fil-qasam tal-finanzi sostenibbli, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi miri ambizzjużi u ssegwi l-prinċipji bbażati fuq ix-xjenza u n-newtralità teknoloġika, inkluż fit-Tassonomija tal-UE.

1.12.

L-Istrateġija tirrikonoxxi l-ħtieġa ta’ finanzjament internazzjonali addizzjonali għall-adattament għat-tibdil fil-klima, inkluż minn sorsi pubbliċi; madankollu, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiċċara kif se tneħħi eżattament l-ostakli relatati mal-aċċess għall-finanzjament għall-pajjiżi, għall-komunitajiet u għas-setturi l-aktar vulnerabbli fuq livell globali u kif se tinkludi proposti għall-integrazzjoni tal-ġeneri u l-indirizzar tal-inugwaljanzi fil-livell reġjonali u lokali.

1.13.

Jeħtieġ li tingħata kunsiderazzjoni speċjali mill-UE għall-kooperazzjoni internazzjonali fid-diversi forom tagħha, inklużi s-sħubijiet ta’ investiment, kummerċ u innovazzjoni, bil-għan li jissaħħu l-miżuri ta’ adattament fuq livell globali u speċjalment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

1.14.

B’mod ġenerali, il-Kumitat iqis l-Istrateġija bħala bażi għal inizjattiva legalment vinkolanti, li tobbliga lill-Istati Membri jiżviluppaw pjani u strateġiji nazzjonali ta’ adattament għat-tibdil fil-klima. Il-Liġi Ewropea dwar il-Klima se tkun strumentali biex jinkisbu politiki vinkolanti relatati mal-klima.

1.15.

Il-gvernijiet lokali u reġjonali, bħala l-awtoritajiet ta’ implimentazzjoni għall-biċċa l-kbira tal-inizjattivi ta’ adattament, għandhom jiġu appoġġjati b’riżorsi suffiċjenti biex tiġi żviluppata l-kapaċità f’dan il-qasam, inkluż fit-tfassil tal-politika ta’ adattament.

2.   Sfond

2.1.

Il-Kummissjoni Ewropea adottat l-istrateġija l-ġdida tagħha tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima fl-24 ta’ Frar 2021 (1). L-istrateġija l-ġdida tistabbilixxi kif l-Unjoni Ewropea tista’ tadatta għall-impatti tat-tibdil fil-klima u ssir reżiljenti għall-klima sal-2050.

2.2.

L-adozzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima bl-erba’ objettivi tagħha — biex l-adattament tal-Ewropa jsir aktar intelliġenti, aktar rapidu u aktar sistemiku, u biex tissaħħaħ l-azzjoni internazzjonali dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima — qed tintlaqa’ tajjeb mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew bħala pass kruċjali fil-proċess importanti tat-tfassil tal-politika.

2.3.

Fl-Istrateġija, li l-adattament isir aktar intelliġenti jfisser “it-titjib tal-għarfien u d-disponibbiltà tad-data, filwaqt li tiġi ġestita l-inċertezza inerenti li ġab miegħu t-tibdil fil-klima; l-iżgurar ta’ aktar data u ta’ data aħjar dwar ir-riskji u t-telf relatati mal-klima, u li Climate-ADAPT issir il-pjattaforma Ewropea awtorevoli għall-għarfien dwar l-adattament”. Li l-adattament isir aktar sistemiku tirreferi għall-“appoġġ għall-iżvilupp tal-politika fil-livelli kollha ta’ governanza, is-soċjetà u l-ekonomija u fis-setturi kollha billi jittejbu l-istrateġiji u l-pjani ta’ adattament; l-integrazzjoni tar-reżiljenza għall-klima fil-politika makrofiskali, u l-promozzjoni ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura għall-adattament”. Li jitħaffef l-adattament fl-oqsma kollha jinvolvi li “jitħaffef l-iżvilupp u l-introduzzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ adattament; jitnaqqas ir-riskju relatat mal-klima; jitnaqqas id-distakk fil-protezzjoni tal-klima, u tiġi żgurata d-disponibbiltà u s-sostenibbiltà tal-ilma ħelu”.

2.4.

It-telf ekonomiku medju annwali minn diżastri relatati mal-klima huwa ta’ mijiet ta’ biljuni ta’ dollari. Ir-rapporti juru (2) li jekk it-trajettorji attwali tal-emissjonijiet jippersistu, partijiet mill-Ewropa tan-Nofsinhar huma mistennija li jesperjenzaw avvenimenti estremi ta’ sħana darba kull sentejn u r-rendimenti tal-qamħirrum imsoqqi mix-xita huma mistennija li jonqsu b’50 %. Dawn l-impatti differenzjati jistgħu jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ aktar diverġenza — minflok konverġenza — fl-UE. Il-pandemija tal-COVID-19 uriet li huwa ta’ importanza kbira li tiġi mifhuma u integrata r-rabta bejn l-aġendi ambjentali u tas-saħħa pubblika fit-tfassil tal-politika, filwaqt li jitqies li l-ġlieda kontra t-theddid tal-bijodiversità tista’ tgħin biex jitnaqqas ir-riskju ta’ mard żoonotiku u pandemiji fil-futur, u jiġi rikonoxxut li l-miżuri għall-irkupru mill-pandemija u l-miżuri ta’ adattament għat-tibdil fil-klima għandhom l-istess objettiv ta’ reżiljenza għall-futur (3).

2.5.

L-Opinjoni tal-KESE dwar l-istrateġija għandha l-għan li tipprovdi perspettiva tas-soċjetà ċivili dwar l-objettiv tal-istrateġija u l-azzjonijiet li jsostnuha.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jenfasizza li l-implimentazzjoni konġunta tal-SDGs, il-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Liġi dwar il-Klima, il-Patt Klimatiku, u l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Pjani għall-Irkupru u r-Reżiljenza jeħtieġ li jiġu ffaċilitati kemm permezz tal-istrateġija ta’ mitigazzjoni tal-klima kif ukoll dik tal-adattament għall-klima. Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-istrateġija l-ġdida tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima, adottata fl-24 ta’ Frar 2021.

3.2.

Il-KESE jenfasizza li, minkejja miżuri intensivi għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, hemm ħtieġa urġenti u fit-tul ta’ adattament. Ir-riskju ta’ danni ekonomiċi u telf ta’ ħajja umana minħabba ż-żieda fil-frekwenza u l-intensità ta’ effetti estremi tat-temp relatati mal-klima se jkompli. Daqstant importanti huwa r-riskju li kemm l-impatti klimatiċi kif ukoll l-isforz ta’ adattament għat-tibdil fil-klima jistgħu jaggravaw l-inugwaljanzi eżistenti. L-adattament se jkun vitali għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem taċ-ċittadini Ewropej fir-rigward tas-sigurtà, ix-xogħol deċenti u l-għajxien reżiljenti.

3.3.

Il-KESE jikkondividi t-tħassib tal-Kummissjoni dwar ir-riskji għas-saħħa li jirriżultaw mit-tibdil fil-klima u l-ħtieġa konsegwenti li dawn jinftiehmu aħjar, permezz tal-Pjattaforma Ewropea għall-Adattament għat-Tibdil fil-Klima Climate-ADAPT. Madankollu, kif enfasizzat kemm l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa kif ukoll (4) l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (5), hemm evidenza tal-impatt mhux ugwali tat-tniġġis ambjentali u d-degradazzjoni fuq komunitajiet soċjalment imċaħħda u gruppi vulnerabbli. Għalhekk, il-kunċett ta’ inugwaljanza ambjentali għandu jiġi inkorporat fil-politiki tal-Unjoni fid-dawl tad-dimensjoni soċjali tat-tibdil fil-klima.

3.4.

Il-Kumitat jinnota li, jekk jittieħdu l-miżuri t-tajbin, l-adattament se joħloq impatt li minnu jirbaħ kulħadd f’termini ta’ evitar tat-telf minħabba t-tibdil fil-klima, il-ħolqien ta’ benefiċċju ekonomiku, iż-żieda fil-ġustizzja soċjali, u t-titjib tas-sikurezza ambjentali.

3.5.

L-implimentazzjoni tal-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima, kif ukoll l-EGD, għandhom ikunu parti minn approċċ sistemiku, li jaspira li jiġu indirizzati objettivi multipli u jiġu promossi strumenti ta’ politika u soluzzjonijiet teknoloġiċi li jistgħu jintużaw fis-setturi varji tal-ekonomija. Għalhekk jinħtieġu metodu ta’ analiżi sistemika komprensiva u l-għodod rilevanti għall-implimentazzjoni tiegħu biex jiġi żgurat li objettivi multipli jiġu indirizzati simultanjament.

3.6.

Il-KESE jqis li hemm bżonn ta’ linji gwida, miri u għodod ta’ monitoraġġ, punti ta’ riferiment u indikaturi speċifiċi għall-adattament sabiex jiġu antiċipati u ġestiti l-impatti tat-tibdil fil-klima u jiġi vvalutat il-progress tal-adattament għat-tibdil fil-klima.

3.7.

Il-Kumitat jinnota li s-soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura, il-bijoekonomija u t-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari huma approċċi essenzjali ta’ adattament għat-tibdil fil-klima u jirreferi għall-Opinjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-bijoekonomija (6) u t-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari (7). Barra minn hekk, il-prattiki ta’ ġestjoni sostenibbli tal-foresti, tal-ħamrija u tal-ilma jservu kemm għall-adattament kif ukoll għall-mitigazzjoni, kif ukoll jipprovdu l-bażi għal produzzjoni ta’ ikel u bijomassa reżiljenti għat-tibdil fil-klima, newtrali għall-klima u sostenibbli.

3.8.

Il-KESE jitlob “enfasi ugwali” fuq il-finanzjament tal-mitigazzjoni u l-adattament. Huwa kruċjali għall-politiki klimatiċi kollha fil-livelli kollha li jikkombinaw l-istrateġiji ta’ mitigazzjoni u adattament, u l-KESE jitlob li jittieħdu aktar passi biex jiġi żgurat li dan il-prinċipju jiġi rrispettat, minħabba li l-mitigazzjoni tissalvagwardja kontra l-approfondiment tal-kriżi klimatika għall-ġenerazzjonijiet futuri, filwaqt li l-adattament jissalvagwardja lil ġenerazzjonijiet attwali u futuri mill-avvenimenti tat-temp estremi kkawżati mit-tibdil fil-klima li diġà jeżisti. Il-metodoloġija tal-UE tat-trekkjar tal-azzjoni klimatika tal-baġit tal-UE għandha tiġi mmodifikata biex issir distinzjoni espliċita bejn in-nefqa tal-adattament u tal-mitigazzjoni.

3.9.

Pereżempju, l-Istati Membri tal-UE għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet inkarigati biex jeżaminaw mill-ġdid il-Pjani Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima li għandha ssir l-istess enfasi fuq l-istrateġiji ta’ adattament u mitigazzjoni, minħabba ż-żieda fl-ambizzjoni klimatika tal-UE u l-impatt tal-COVID-19. Il-bliet u l-muniċipalitajiet għandhom ikunu involuti u appoġġjati wkoll, possibbilment permezz tal-Patt tas-Sindki, biex jintegraw l-adattament fil-pjani ta’ mitigazzjoni tagħhom u joħolqu sinerġiji.

3.10.

Il-KESE huwa konvint mill-ħtieġa ta’ approċċ inklużiv għall-partijiet ikkonċernati fir-rigward tat-tfassil konġunt u l-iżvilupp konġunt tal-perkorsi ta’ adattament rilevanti. Dawn il-pjani għandhom jinħolqu fuq bażi konġunta u b’mod integrat mal-perkorsi ta’ mitigazzjoni rilevanti, peress li l-mitigazzjoni u l-adattament huma relatati ma’ xulxin u jaffettwaw lil xulxin. Il-bini tal-kapaċitajiet u s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku biex jiġu appoġġjati l-attivitajiet ta’ adattament għandhom jiġu previsti għall-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inklużi ż-żgħażagħ. Għaż-żgħażagħ, u speċjalment għat-tfal, se jkun kruċjali allinjament aħjar bejn is-sistema tal-edukazzjoni u l-ħtiġijiet ta’ impjieg tar-“raba’ rivoluzzjoni industrijali” li għaddejja bħalissa.

3.11.

Filwaqt li jitqiesu l-aspetti ekonomiċi u ambjentali, il-mitigazzjoni tal-impatti soċjali negattivi possibbli tal-politiki ta’ adattament hija essenzjali biex jiġi żgurat appoġġ wiesa’ għall-implimentazzjoni tal-istrateġija. Il-KESE jitlob li jitqiesu azzjonijiet addizzjonali speċifiċi għal gruppi vulnerabbli ta’ partijiet ikkonċernati, b’enfasi partikolari fuq il-ġeneru, l-età u l-gruppi ta’ minoranza.

3.12.

Il-KESE jinnota li l-innovazzjoni fl-adattament u l-implimentazzjoni tiegħu jirrikjedu finanzi paċenzjużi, għal perjodu twil u strateġiċi, u li hemm rwol imprenditorjali sinifikanti għall-Istat biex jiffaċilita din il-paċenzja. L-ispejjeż assoċjati mal-politiki ta’ dekarbonizzazzjoni tal-UE se jkollhom jiġu minimizzati u kondiviżi bejn setturi differenti biex jiġi żgurat li l-gruppi tal-popolazzjoni b’introjtu baxx u l-komunitajiet vulnerabbli ma jġorrux sehem inġust tal-piż finanzjarju. Rapport tan-Network ta’ Soluzzjonijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDSN) tan-NU dwar l-Ewropa (8) juri li għandhom jiġu stabbiliti kontromiżuri xierqa biex tiġi evitata kwalunkwe żieda fl-inugwaljanza u biex jiġi żgurat appoġġ usa’ għat-tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà.

3.13.

Hemm diversi fondi tal-UE disponibbli għall-finanzjament tal-adattament. Il-KESE jitlob aktar ċarezza dwar l-għażliet differenti, kif ukoll proċeduri faċli għall-utent biex jiġi żgurat aċċess f’waqtu għall-finanzjament f’livell prattiku għall-atturi.

3.14.

L-iżvilupp u l-użu ta’ għodod finanzjarji għall-politiki ta’ adattament (sussidji, swaps ta’ kreditu, bonds ta’ adattament, tnaqqis ta’ emissjonijiet mid-deforestazzjoni u d-degradazzjoni/REDD, eċċ.) għandhom jissaħħu aktar. Sabiex tiżdied l-ambizzjoni globali tal-Istrateġija, huwa essenzjali li jiġi diskuss u mħeġġeġ l-użu ta’ strumenti potenzjali ġodda bħal swaps ta’ dejn għall-klima biex jiġu żgurati flussi finanzjarji għall-pajjiżi li jeħtieġu azzjoni immedjata.

3.15.

Il-KESE jisħaq ukoll fuq l-importanza li jiġu integrati r-riskji u l-inċertezzi profondi (meta l-probabbiltajiet tal-avvenimenti ma jkunux magħrufa) relatati mad-diżastri naturali klimatiċi fil-mudelli u l-għodod użati għat-tfassil tal-politiki makrofiskali.

3.16.

L-Istrateġija għandha tiġi segwita minn pjan iddettaljat li jispjega l-pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni tiegħu fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali, inkluż kif għandhom jiġu appoġġjati setturi differenti tal-ekonomija u s-soċjetà biex jiġu mifhuma u indirizzati r-riskji klimatiċi, b’attenzjoni speċjali mogħtija lis-setturi u lill-komunitajiet l-aktar vulnerabbli.

3.17.

Il-koordinazzjoni tal-miżuri ta’ adattament mal-programmi għall-irkupru tal-COVID-19 hija essenzjali fl-istadji tal-pandemija u ta’ “wara l-pandemija”.

4.   Kummenti speċifiċi

Il-miżuri fil-livell tal-UE

4.1.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tfittex allinjament aħjar tal-politiki ta’ adattament għat-tibdil fil-klima mal-ġustizzja klimatika. Biex jiġu indirizzati l-isfidi tat-tibdil fil-klima ħadd ma għandu jitħalla jibqa’ lura u l-ħtiġijiet ta’ dawk l-aktar vulnerabbli, li ħafna drabi jkunu l-anqas ippreparati u, f’ħafna każijiet, l-anqas responsabbli għall-istat attwali tal-klima, iridu jiġu indirizzati l-ewwel.

4.2.

Fl-Ewropa, l-impatti tat-tibdil fil-klima se jolqtu lir-reġjuni ġeografiċi b’mod differenti. Għalhekk, ir-risponsi politiċi u l-isforzi ta’ adattament għat-tibdil fil-klima jeħtieġ li jqisu dawn id-differenzi u l-karatteristiċi speċifiċi ta’ diversi reġjuni.

4.3.

Huwa kruċjali li jiġu stabbiliti l-indiċijiet ta’ vulnerabbiltà lokali biex jiġu ggwidati l-istrateġiji ta’ adattament, li għandhom jiġu żviluppati fi tliet dimensjonijiet: vulnerabbiltà ġeografika jew reġjonali; vulnerabbiltà settorjali jew ekonomika; u vulnerabbiltà soċjali.

4.4.

L-istruttura eżistenti għall-proġetti ta’ adattament spiss tagħmel enfasi fuq l-impatti tat-tibdil fil-klima aktar milli fuq il-kawżi ewlenin tal-vulnerabbiltà. Għalhekk, il-KESE jitlob integrazzjoni u mainstreaming profondi tal-ippjanar tal-adattament għat-tibdil fil-klima fil-politiki, fl-istrateġiji u fil-miżuri rilevanti kollha tal-UE.

4.5.

Qabelxejn, huwa importanti li jsir investiment fit-tisħiħ tal-kapital uman, jiġifieri l-iffaċilitar tal-ħolqien ta’ innovazzjonijiet teknoloġiċi u soċjali u l-għoti ta’ għarfien u l-provvista ta’ għodod liċ-ċittadini Ewropej biex jippreparaw ruħhom b’mod adegwat għall-isfidi futuri marbuta mal-klima. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-edukazzjoni u lill-ħiliet ta’ persuni li huma sottorappreżentati u marġinalizzati.

4.6.

Huwa importanti wkoll li l-intrapriżi jiġu pprovduti għodod u appoġġ għall-valutazzjoni u l-ġestjoni tal-impatti tat-tibdil fil-klima. L-impatti fuq il-klima huma mmirati lejn l-industriji kollha, kemm direttament kif ukoll indirettament. L-adattament għat-tibdil fil-klima u l-ispejjeż marbuta miegħu għandhom għalhekk ikunu parti integrali mill-poltika industrijali tal-UE u għandhom jitqiesu wkoll fl-għajnuna mill-Istat.

4.7.

L-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd huma fost l-aktar negozji affettwati direttament. Fl-istess ħin, madankollu, dawn jistgħu jikkontribwixxu għal soluzzjonijiet ta’ adattament, is-sekwestru tal-karbonju u s-sigurtà tal-ikel. Riċerka u innovazzjoni intensivi, kif ukoll premjijiet għall-ħolqien ippruvat ta’ bjar tal-karbonju, huma meħtieġa biex jappoġġjaw lil dawn is-setturi. Barra minn hekk, il-KESE jirrikonoxxi l-ħtieġa urġenti li jiġu indirizzati l-bidliet xprunati mill-klima fl-oċeani permezz ta’ deċiżjonijiet flessibbli, adattivi u rapidi dwar il-ġestjoni tas-sajd bil-għan li tiġi żgurata s-sostenibbiltà fit-tul tal-produzzjoni tal-proteini tal-annimali b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-Ewropa.

4.8.

Id-diġitalizzazzjoni tipprovdi ħafna opportunitajiet għall-adattament għat-tibdil fil-klima, pereżempju fil-monitoraġġ, fl-immudellar, fil-produzzjoni u fil-komunikazzjoni, u għandha tintuża bis-sħiħ. Huma meħtieġa wkoll miżuri xierqa biex tiġi żgurata r-reżiljenza għat-tibdil fil-klima tal-infrastruttura kritika madwar l-UE kollha bħall-enerġija, it-trasport u n-networks u s-sistemi diġitali.

4.9.

Is-soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura se jgħinu lill-UE sabiex tadatta għar-realtà l-ġdida tal-klima u jimminimizzaw l-impatti potenzjalment devastanti tat-tibdil fil-klima. Dawn jipprovdu mezz għall-UE biex tirkupra b’mod sostenibbli mil-lat ambjentali u soċjali. Il-KESE jitlob li jkun hemm viġilanza biex jiġi żgurat li l-komunitajiet lokali jkunu verament involuti fl-użu u t-tfassil tagħhom.

4.10.

L-iżvestiment mill-fjuwils fossili u l-investiment fil-miżuri ta’ adattament għat-tibdil fil-klima għandhom jimxu id f’id. Għalhekk, il-Kumitat iqis it-Tassonomija tal-UE għal finanzjament sostenibbli bħala għodda importanti li tippermetti lill-UE ssir aktar ambizzjuża fir-rigward tal-adattament għat-tibdil fil-klima. Barra minn hekk, l-adattament tat-tassazzjoni ambjentali u t-trasferiment tat-taxxi mix-xogħol għall-użu tar-riżorsi naturali jistgħu jindirizzaw kemm inkonsistenzi sistemiċi u jiġġeneraw dħul ġdid għall-iffinanzjar tal-adattament, kif ukoll iħaffu l-iżvestiment minn attivitajiet li jagħmlu ħsara lill-ambjent.

4.11.

Il-KESE jieħu nota tal-ewwel sett ta’ kriterji tekniċi għad-determinazzjoni tal-attivitajiet li jagħtu kontribut sostanzjali għall-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima (9). Huwa jitlob għal kriterji tat-tassonomija bbażati fuq ix-xjenza u teknoloġikament newtrali li se jagħmlu t-twassil tal-investimenti fl-industrija tal-fjuwils fossili l-anqas strateġija favorevoli għall-istituzzjonijiet finanzjarji u joħolqu inċentiv għall-allokazzjoni ta’ flussi finanzjarji privati għal attivitajiet li jappoġġjaw il-miżuri ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih.

4.12.

B’mod ġenerali, il-Kumitat iqis l-Istrateġija bħala bażi għal inizjattiva legalment vinkolanti, li tobbliga lill-Istati Membri jiżviluppaw pjani u strateġiji nazzjonali ta’ adattament għat-tibdil fil-klima.

Miżuri fil-livell nazzjonali u subnazzjonali

4.13.

L-ewwel u qabel kollox, l-inerzja fil-livell nazzjonali għandha tingħeleb bl-għajnuna ta’ tmexxija u responsabbiltà politika b’saħħitha, u l-involviment attiv tas-soċjetà ċivili. Sabiex dan iseħħ, l-Istati Membri għandhom jingħataw inċentivi biex b’mod ġenerali jagħtu prijorità għolja lill-Patt Ekoloġiku Ewropew, u b’mod partikolari, lill-kwistjonijiet tal-adattament għat-tibdil fil-klima meta jistabbilixxu l-objettivi politiċi tagħhom fuq perjodu ta’ żmien twil — sal-2050 u lil hinn. Barra minn hekk, huma meħtieġa miri espliċiti marbuta mal-infiq għall-adattament u trasparenza biex jiġi evitat li l-adattament jiġi emarġinat. Il-metodoloġiji tat-trekkjar tal-azzjoni klimatika tal-baġit tal-Istati Membri għandhom jiġu mmodifikati biex issir distinzjoni espliċita bejn in-nefqa ta’ adattament u ta’ mitigazzjoni.

4.14.

Il-Kumitat jemmen li huwa kruċjali għal kull membru tas-soċjetà li jara u jħoss kif il-miżuri ta’ adattament jgħinuh itejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien partikolari tiegħu u jiffaċċja riskji futuri. Għalhekk, l-istrateġiji nazzjonali ta’ adattament iridu jinkludu ż-żamma ta’ appoġġ b’saħħtu għas-sigurtà soċjali bil-għan li tiġi ġestita t-tranżizzjoni imminenti.

4.15.

Enfasi qawwija fuq l-implimentazzjoni ta’ politiki moderni dwar l-innovazzjoni u l-intrapriżi orjentati lejn sistemi ta’ produzzjoni aktar ekoloġiċi u aktar reżiljenti, u politiki attivi tas-suq tax-xogħol iffukati fuq il-ħolqien tal-impjiegi, il-ħiliet ġodda, it-taħriġ mill-ġdid u t-taħriġ għall-ħaddiema, huma meħtieġa biex jittejjeb l-adattament xieraq fil-livell nazzjonali. L-approċċ għandu jinvolvi b’mod attiv lill-ħaddiema fit-tfassil konġunt ta’ programmi ta’ bini tal-kapaċità.

4.16.

Hemm bżonn ta’ investiment ġdid fis-servizzi pubbliċi u l-infrastruttura biex jiġu żgurati sistemi tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u dawk diġitali reżiljenti għall-klima. L-ippjanar xieraq tal-użu tal-art huwa kruċjali wkoll minħabba li dan iservi bħala l-pedament għat-tnaqqis tal-vulnerabbiltà tal-bini għall-estremitajiet tat-temp.

4.17.

Għandhom jittieħdu kunsiderazzjonijiet relatati mal-ekwità għat-tassazzjoni ambjentali u mekkaniżmi ekonomiċi oħra għall-ġestjoni tal-ambjent, li jappoġġjaw inċentivi għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, jipprovdu dħul biex jappoġġjaw l-isforzi ta’ adattament u jtaffu l-effetti regressivi ta’ dawn il-politiki fuq gruppi ta’ partijiet ikkonċernati affettwati b’mod sproporzjonat. L-istess jgħodd għas-sussidji għall-fjuwils fossili, li l-abolizzjoni tagħhom — li ġiet imwiegħda f’bosta okkażjonijiet — se tillibera riżorsi konsiderevoli mill-baġits pubbliċi, li min-naħa tagħhom jistgħu jintużaw għall-adattament għat-tibdil fil-klima. Il-KESE jikkritika l-fatt li għad trid tiġi ppreżentata skeda ta’ żmien għat-tneħħija tas-sussidji dannużi, minkejja li ilha tiġi diskussa għal aktar minn 30 sena.

Il-kooperazzjoni internazzjonali u rwol globali tal-UE aktar b’saħħtu

4.18.

Il-KESE japprova l-ħtieġa li “insaħħu l-azzjoni internazzjonali għar-reżiljenza għall-klima”, kif tgħid il-Kummissjoni, hekk kif naqblu mad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li “l-ambizzjoni tagħna għall-adattament għat-tibdil fil-klima trid taqbel mat-tmexxija globali tagħna fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima”.

4.19.

Il-KESE jisħaq li, barra mill-UE, il-pajjiżi l-anqas żviluppati u l-Istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw huma l-aktar milquta mill-impatti tat-tibdil fil-klima, kif ukoll huma aktar vulnerabbli għal xokkijiet ekonomiċi, inugwaljanzi u l-kriżi tas-saħħa tal-COVID-19.

4.20.

F’konformità mal-Istrateġija ta’ Sħubija UE-Afrika, il-KESE jirrakkomanda li jkun hemm ħidma mal-pajjiżi l-aktar mhedda fl-Afrika. Programmi, bħall-Patt tas-Sindki għall-Afrika sub-Saħarjana, li jippermettu lill-atturi lokali u nazzjonali jikkollaboraw dwar il-pjani ta’ mitigazzjoni u adattament għandhom ikomplu jiġu appoġġjati. Kif tinnota l-Kummissjoni, il-Bank Dinji, elenka li fl-Afrika Sub-Saħarjana biss, it-tibdil fil-klima jista’ jwassal biex sa 70 miljun persuna jemigraw sal-2050, b’implikazzjonijiet soċjali, ekonomiċi u ambjentali sinifikanti. Il-format tas-Sħubija tal-Lvant jipprovdi pjattaforma oħra għal azzjoni konġunta.

4.21.

L-Istrateġija tirrikonoxxi l-ħtieġa ta’ finanzjament internazzjonali addizzjonali għall-adattament għat-tibdil fil-klima, inkluż minn sorsi pubbliċi, u se jkollha l-għan li żżid il-finanzjament għall-adattament permezz tal-istrumenti tal-UE għal azzjoni esterna. Madankollu, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiċċara kif eżattament se tneħħi l-ostakli għall-aċċess għall-finanzjament mill-pajjiżi, mill-komunitajiet u mis-setturi l-aktar vulnerabbli madwar id-dinja u kif se tinkludi proposti għall-integrazzjoni tal-ġeneri u l-indirizzar tal-inugwaljanzi. F’dan ir-rigward, il-finanzjament ibbażat fuq l-għotjiet għall-adattament għandu jkun essenzjali hawn.

4.22.

Huwa importanti li jsiru disponibbli r-riżorsi meħtieġa għar-riċerka u biex ir-riżultati tar-riċerka jiġu implimentati. F’dan ir-rigward, għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-pajjiżi tan-“Nofsinhar Globali”, li qed iwettqu ħafna proġetti promettenti biex jiġġieldu l-effetti tat-tibdil fil-klima. Huwa importanti li jiġi żgurat l-appoġġ finanzjarju u loġistiku meħtieġ għal dawn il-proġetti.

4.23.

Sabiex il-finanzjament privat jaħdem għall-klima, għandha ssir enfasi partikolari fuq id-diżinċentivazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji privati mill-finanzjament ta’ attivitajiet li jagħmlu ħsara lil hinn mill-fruntieri tal-UE, u l-orjentazzjoni mill-ġdid ta’ dawk ir-riżorsi finanzjarji għal attivitajiet ta’ adattament. L-UE jeħtiġilha tipparteċipa b’mod attiv fil-kooperazzjoni internazzjonali biex tiżviluppa tassonomija komuni u ttejjeb ir-rwol tagħha bħala istituzzjoni emerġenti li tistabbilixxi l-istandards għall-ambizzjoni ta’ finanzi sostenibbli.

4.24.

Il-KESE jemmen li sabiex jiġi appoġġjat it-tisħiħ tar-reżiljenza b’rispons għall-kriżijiet globali, l-UE għandha tavvanza pożizzjonijiet b’saħħithom dwar il-finanzjament ta’ adattament matul in-negozjati. L-UE għandha tappoġġja l-kisba ta’ bilanċ ta’ 50 % fil-finanzjament tal-mitigazzjoni u l-adattament. Dan għandu jsir filwaqt li tinżamm ukoll enfasi fuq il-COP 26 ta’ din is-sena.

4.25.

Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Adattament fil-Pjan Direzzjonali l-ġdid tal-Bank Klimatiku tal-Grupp tal-BEI irid jagħti attenzjoni speċjali biex jitħeġġeġ l-investiment fl-adattament fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, mingħajr ma jkomplu jiżdiedu l-vulnerabbiltajiet tad-dejn.

4.26.

L-adattament għat-tibdil fil-klima huwa wkoll kwistjoni ta’ kummerċ u investiment dirett barrani. It-tibdil fil-klima jaffettwa pereżempju l-ktajjen tal-provvista globali, l-aċċess għall-materja prima barranija, u l-loġistika. Minkejja r-riskji, it-tibdil fil-klima jipprovdi opportunitajiet għall-intrapriżi tal-UE biex jipprovdu soluzzjonijiet ta’ adattament għas-swieq globali. L-immaniġġjar tar-riskji u l-isfruttar tal-opportunitajiet jeħtieġ li jitqiesu u jiġu ffaċilitati mill-politika kummerċjali tal-UE. Il-kummerċ għandu jkun ukoll parti minn sħubijiet ma’ pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jittejbu l-possibbiltajiet ta’ adattament tagħhom.

4.27.

Il-Kumitat jinnota li l-momentum politiku globali attwali huwa mingħajr preċedent. Ir-rwol ta’ tmexxija tal-Ewropa mhuwiex ikkontestat: il-Patt Ekoloġiku Ewropew kien l-ewwel impenn politiku mħabbar bil-livell it-tajjeb ta’ ambizzjoni u direzzjoni. Is-Summit tal-President Joe Biden dwar it-tibdil fil-klima (10) f’April 2021 kien suċċess notevoli, u jirrappreżenta punt ta’ bidla sinifikanti. L-akbar ekonomiji tad-dinja — l-Istati Uniti, iċ-Ċina, l-Unjoni Ewropea, il-Ġappun, ir-Renju Unit, l-Indja, il-Kanada, il-Korea, il-Brażil — fl-aħħar qed jallinjaw madwar l-għan tad-dekarbonizzazzjoni profonda. Il-KESE jirrikonoxxi li l-UE għandha tibni fuq dan il-momentum u ttejjeb l-isforzi globali biex tkompli l-ambizzjoni tal-mitigazzjoni u l-adattament tat-tibdil fil-klima allinjata ma’ Pariġi.

Ir-rwol tal-atturi tas-soċjetà ċivili

4.28.

L-implimentazzjoni b’suċċess tal-adattament hija impossibbli mingħajr l-appoġġ attiv tal-atturi tas-soċjetà ċivili.

4.29.

Għalhekk, il-perkorsi ta’ adattament għandhom jiġu żviluppati b’mod konġunt mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha: dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, l-impjegaturi u l-ħaddiema, l-NGOs, is-settur finanzjarju, ix-xjenzati u l-iżviluppaturi tat-teknoloġija. Is-soċjetà ċivili, fil-livell nazzjonali, reġjonali u, l-aktar importanti — minħabba n-natura lokali tal-politiki ta’ adattament — fil-livell lokali, għandha tkun involuta fl-istadji kollha tal-ippjanar u tal-implimentazzjoni.

4.30.

L-Istrateġija għandha tippromovi u tissorvelja wkoll l-involviment tal-imsieħba soċjali f’setturi differenti fil-livell Ewropew u fl-Istati Membri kollha, u tiżgura djalogu soċjali bipartitiku u tripartitiku b’saħħtu, kif ukoll tinkoraġġixxi n-negozjar kollettiv fejn ikun xieraq.

4.31.

Għandhom jiġu żviluppati, stabbiliti u użati għodod għall-involviment tal-partijiet ikkonċernati, inklużi dawk iffaċilitati mix-xjenza taċ-ċittadini.

4.32.

Il-KESE jinnota li hemm bżonn li jiġu allokati riżorsi finanzjarji sinifikanti bil-għan li dawn l-għodod isiru operattivi, u dan jitlob tfassil xjentifiku tal-għodod u investiment fil-bini tal-kapaċitajiet.

4.33.

L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom ukoll rwol importanti fis-sensibilizzazzjoni tas-soċjetà, inkluż dwar suġġetti relatati mad-drawwiet tal-konsum, l-użu tal-enerġija u t-trasport, u l-konservazzjoni tan-natura. Huma għandhom rwol importanti fil-mobilizzazzjoni tas-soċjetà, iwasslu messaġġi dwar il-protezzjoni tal-klima lin-nies u jipprovdu lill-pubbliku informazzjoni sabiex jappoġġjaw deċiżjonijiet dwar x’jista’ jsir fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u fl-adattament għalih.

4.34.

L-aktar importanti, l-atturi tas-soċjetà ċivili huma dawk li jimplimentaw il-miżuri ta’ adattament fil-prattika. Pereżempju, ħafna miżuri ta’ adattament diġà jitwettqu minn negozji li għandhom bżonn jantiċipaw il-bidliet, pereżempju fid-domanda għall-prodotti, il-kundizzjonijiet tal-investiment u l-produzzjoni, u l-eliġibbiltà tal-assigurazzjoni. L-intrapriżi jiżviluppaw u jipprovdu wkoll lis-soċjetà soluzzjonijiet ta’ adattament. Dan irid jiġi appoġġjat billi jiġu ffaċilitati u mħeġġa l-kundizzjonijiet għall-innovazzjoni, l-investiment u l-kummerċ.

4.35.

L-impjegaturi u l-ħaddiema jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jidentifikaw l-isfidi u r-riskji li l-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima joħolqu għall-postijiet tax-xogħol tagħhom, bħall-esponiment għal temperaturi għoljin, ir-radjazzjoni ultravjola naturali, u perikli oħra għas-saħħa u s-sikurezza kkawżati mit-tibdil fil-klima. Dawn għandhom ikunu involuti fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-politiki ta’ adattament fil-livelli kollha, b’enfasi speċjali fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol.

4.36.

Il-konsum ta’ materjali, prodotti u servizzi għandu impatt dirett fuq il-firxa tal-estrazzjoni tar-riżorsi naturali u l-livelli tal-emissjonijiet, b’implikazzjonijiet importanti għal limiti planetarji oħra. L-imġiba tal-konsumatur tista’ tinfluwenza l-emissjonijiet u l-użu tar-riżorsi kemm direttament kif ukoll indirettament, u b’hekk ukoll il-firxa tat-tibdil fil-klima.

4.37.

Madankollu, il-KESE jinnota li l-involviment attiv tal-konsumaturi mhuwiex soluzzjoni ta’ “bakketta maġika”, u lanqas ma huwa l-involviment ta’ kwalunkwe msieħeb wieħed. Il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih jirrikjedu sensibilizzazzjoni u impenn minn kulħadd fis-soċjetà, iffaċilitati mill-gvernijiet u minn oħrajn li jfasslu l-politika. L-azzjonijiet politiċi kuraġġużi u tranżizzjoni ekoloġika rapida se jkunu, qabelxejn, motivaturi ewlenin għall-iżvilupp sostenibbli u, b’mod partikolari, għas-suċċess tal-azzjoni ta’ mitigazzjoni u adattament għat-tibdil fil-klima.

Brussell, is-7 ta’ Lulju 2021.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=COM:2021:82:FIN

(2)  https://www.eea.europa.eu//publications/climate-change-impacts-and-vulnerability-2016

(3)  https://covid19commission.org/enhancing-global-cooperation

(4)  WHO Europe, 2019, Environmental Health inequalities resource package, l-Uffiċċju Reġjonali għall-Ewropa, Copenhagen.

(5)  Ir-rapport tal-EEA Nru 21/2019.

(6)  ĠU C 440, 6.12.2018, p. 45, ĠU C 240, 16.7.2019, p. 37, ĠU C 47, 11.2.2020, p. 58; ĠU C 110, 22.3.2019, p. 9.

(7)  ĠU C 264, 20.7.2016, p. 98; ĠU C 230, 14.7.2015, p. 99; ĠU C 14, 15.1.2020, p. 29; ĠU C 367, 10.10.2018, p. 97; ĠU C 345, 13.10.2017, p. 102.

(8)  https://www.unsdsn.org/the-future-europe-wants-a-green-and-digital-job-based-and-inclusive-recovery-from-covid-19-pandemic

(9)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/ALL/?uri=COM:2021:188:FIN

(10)  Il-President tal-Istati Uniti tal-Amerka, Joe Biden u r-rappreżentant għall-klima, John Kerry, laqqgħu flimkien lil mexxejja dinjija li jirrappreżentaw 82 % tal-emissjonijiet tal-karbonju fid-dinja, 73 % tal-popolazzjoni dinjija u 86 % tal-output ekonomiku dinji biex jimpenjaw ruħhom għal azzjoni klimatika qawwija. Sors: https://ourworldindata.org/co2-emissions


Top