Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021AE1689

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali” (COM(2021)102 final)

    EESC 2021/01689

    ĠU C 374, 16.9.2021, p. 38–49 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    16.9.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 374/38


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali”

    (COM(2021)102 final)

    (2021/C 374/08)

    Relaturi:

    Cristian PIRVULESCU

    Carlos Manuel TRINDADE

    Konsultazzjoni

    Kummissjoni Ewropea, 26.3.2021

    Bażi legali

    Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

    Adottata fis-sezzjoni

    21.6.2021

    Adottata fil-plenarja

    8.7.2021

    Sessjoni plenarja Nru

    562

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    160/79/19

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-KESE jilqa’ l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (“il-Pjan”) u l-implimentazzjoni tiegħu fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, b’kont dovut tal-kompetenzi rispettivi, u jqis li huwa f’waqtu ħafna speċjalment peress li l-pandemija tal-COVID-19 fixklet kull aspett tal-ħajja tal-bniedem, aggravat il-kwistjonijiet soċjali li kienu jeżistu qabel, u poġġiet pressjoni enormi fuq l-istituzzjonijiet tal-Istat, il-komunitajiet, l-organizzazzjonijiet u n-negozji. Il-KESE jwissi li l-pandemija mhix se tintemm fi żmien qasir; għalhekk l-UE u l-Istati Membri għandhom jużaw u jiżviluppaw l-infrastruttura adatta biex jilqgħu l-isfidi tagħha, fil-qafas tal-Pjan fuq perjodu ta’ żmien medju u twil, u għandu jitqies il-fatt li djalogu ċivili u soċjali li jiffunzjona u l-involviment attiv tal-imsieħba soċjali, bħala parti importanti minn ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva, għandhom rwol kruċjali f’dan ir-rigward.

    1.2.

    Il-KESE jilqa’ l-kunsens politiku li ntlaħaq rigward il-Pjan matul is-Summit Soċjali f’Porto bl-Impenn ta’ Porto. Il-KESE jilqa’ wkoll id-Dikjarazzjoni ta’ Porto mill-Kunsill, kif iddikjarat fil-punt 4 tad-Dikjarazzjoni, li l-KESE japprova bis-sħiħ: “L-implimentazzjoni tiegħu ser issaħħaħ l-ispinta tal-Unjoni lejn tranżizzjoni diġitali, ekoloġika u ġusta u tikkontribwixxi għall-kisba ta’ konverġenza soċjali u ekonomika ’l fuq u l-indirizzar tal-isfidi demografiċi. Id-dimensjoni soċjali, id-djalogu soċjali u l-involviment attiv tas-sħab soċjali minn dejjem kienu fil-qalba ta’ ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna. L-impenn tagħna għall-għaqda u s-solidarjetà jfisser ukoll li niżguraw opportunitajiet indaqs għal kulħadd u li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura”.

    1.3.

    Il-KESE jappoġġja l-viżjoni u l-għanijiet stabbiliti fil-Pjan u jilqa’ l-kunċett li fuqu huwa bbażat il-Pjan, jiġifieri li l-adozzjoni ta’ miri soċjali rilevanti u konsenswali se tgħin biex l-isforzi politiċi jiffukaw fuq il-kisba tar-riżultati u jikkostitwixxu inċentiv importanti għar-riforma u l-investiment fl-Istati Membri. Il-KESE jissottolinja wkoll li l-Pjan ta’ Azzjoni għandu jkun ibbażat fuq il-konkretezza u riżultati tanġibbli, b’azzjonijiet li jistgħu jitkejlu u jkunu akkumpanjati minn oqfsa ta’ monitoraġġ miftiehma b’mod konġunt fost il-partijiet ikkonċernati rilevanti, oqfsa li jħaddnu l-kriterji soċjali, ambjentali u ekonomiċi (1).

    1.4.

    Il-KESE jirrikonoxxi d-diversità tal-mudelli soċjali u l-bażi komuni tagħhom madwar l-UE. Dawn jagħmlu parti mill-istorja komuni tagħna u jikkostitwixxu elementi importanti għal impenn komuni favur mudell soċjali Ewropew li huwa parti integrali mis-suq komuni u l-politiki kollha tal-UE. Il-pajjiżi b’mudelli soċjali inqas robusti għandhom jiġu appoġġjati bis-sħiħ, permezz ta’ inkoraġġiment għall-investiment, it-tagħlim u l-valutazzjoni komparattiva. Il-benesseri u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini għandhom jiġu żviluppati fuq mudell soċjali komuni u konsistenti, li jkun flessibbli biżżejjed biex jakkomoda tradizzjonijiet u esperjenzi nazzjonali differenti, f’konformità mal-valuri, il-prinċipji u l-għanijiet tat-Trattat, u mal-Pilastru u l-kunsens imġedded, u li jħares ’il quddiem, tiegħu.

    1.5.

    Il-KESE jemmen li l-garanzija ta’ standards soċjali minimi għal kull persuna li tgħix fl-UE hija ta’ importanza kbira għall-bini ta’ soċjetà ġusta u inklużiva. Fl-implimentazzjoni tal-pilastru soċjali, għandha tiġi mfittxija taħlita bbilanċjata ta’ leġiżlazzjoni u liġi mhux vinkolanti. Il-leġiżlazzjoni għandha tkun konformi bis-sħiħ mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali kif ukoll mal-prinċipji tar-regolamentazzjoni aħjar, u tkun soġġetta għal konsultazzjoni bir-reqqa mal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livell tal-UE u dak nazzjonali.

    1.6.

    Kif iddikjarat qabel mill-KESE, il-kompetittività u produttività ogħla abbażi tal-ħiliet u l-għarfien huma riċetta tajba biex tinżamm il-benesseri tas-soċjetajiet Ewropej. Jeħtieġ li nsaħħu l-kwalitajiet pożittivi tas-sistema Ewropea tal-ekonomija soċjali tas-suq tagħna filwaqt li neliminaw id-dgħufijiet tagħha, u b’hekk nadattawha biex tiffaċċja l-isfidi tal-ġejjieni (2).

    1.7.

    Il-KESE jqis li għandhom jiġu stabbiliti objettivi u miri speċifiċi għall-20 prinċipju kollha tal-Pilastru. Il-KESE jistieden lill-Istati Membri biex ikunu ambizzjużi meta b’mod volontarju jistabbilixxu l-miri tagħhom stess sabiex huma lkoll flimkien mal-imsieħba soċjali u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-miri Ewropej. Il-kwalità u r-riżultati tad-djalogu relatat mal-Pilastru u mal-Pjan għandhom jiġu mmonitorjati, appoġġjati u kkomunikati mill-Kummissjoni Ewropea. L-objettivi u l-miri għandhom jiġu inklużi fil-mekkaniżmu ta’ rappurtar ipprovdut mis-Semestru Ewropew u l-pjani nazzjonali ta’ riforma.

    1.8.

    Il-KESE jipproponi li sabiex ir-rieżami ta’ nofs it-terminu ppjanat isir aktar effettiv, jistgħu jiġu definiti objettivi u miri intermedji għal dan il-Pjan għall-2025 mill-Istati Membri fi djalogu kostruttiv mal-imsieħba soċjali, sabiex ikun jista’ jiġi vvalutat il-progress fl-ewwel nofs tal-implimentazzjoni tiegħu. Il-gwida fl-użu tal-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni eżistenti għandha tkun prijorità għall-Kummissjoni fir-rigward tal-Istati Membri.

    1.9.

    Il-KESE jissuġġerixxi li bħala mekkaniżmu Ewropew ta’ koordinazzjoni għall-applikazzjoni tal-Pjan għandu jintuża l-qafas tas-Semestru Ewropew. Dan il-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni jista’ jkun f’forma ta’ forum interistituzzjonali tal-UE dwar il-pilastru soċjali, li jiltaqa’ fuq bażi regolari biex jivvaluta l-progress u jagħti impetu ġdid lill-Pjan.

    1.10.

    Il-KESE jappoġġja l-intenzjoni li tiġi aġġornata, meta jkun meħtieġ, it-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali, u li jsir sforz ta’ allinjament mal-Aġenda 2030 tan-NU u mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli.

    1.11.

    Il-KESE jqis li s-Semestru Ewropew huwa l-qafas adatt għall-monitoraġġ tal-Pjan — għandha tingħata l-istess attenzjoni lill-objettivi soċjali u ambjentali flimkien mal-istabbiltà makroekonomika u l-produttività. Huwa jilqa’ l-affermazzjoni li saret fil-Pjan li l-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza jirrappreżentaw opportunità unika biex jiġu ppjanati u ffinanzjati investimenti u riformi li jappoġġjaw irkupru soċjali u ffokat fuq l-impjiegi, filwaqt li jiġu adottati t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet rilevanti speċifiċi għall-pajjiż skont is-Semestru Ewropew. Il-Pjan bir-raġun jistieden lill-Istati Membri jagħmlu l-aħjar użu mis-Semestru Ewropew u jaħtfu l-opportunità bla preċedent li toffri l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

    1.12.

    Il-KESE jinnota li l-Pjan ma stipulax b’mod ċar il-ħtieġa li jittawwal l-appoġġ ta’ emerġenza attwali sakemm jibqa’ jkun hemm bżonnu għall-ekonomija, u b’hekk mhux qed jagħraf biżżejjed il-ħtieġa li jiġu protetti l-impjiegi u l-kumpaniji matul il-kriżi. Il-KESE jinnota wkoll li filwaqt li l-istrument NextGenerationEU huwa għodda ta’ emerġenza bbażata fuq l-Artikolu 122 tat-TFUE u se jkompli jiġi ttrattat bħala miżura ta’ darba, huwa wkoll preċedent għal azzjoni kuraġġuża u kostruttiva.

    1.13.

    Il-KESE jinnota li l-Pjan jirrikonoxxi li reazzjonijiet ta’ politika b’saħħithom fil-livell nazzjonali u tal-UE għall-pandemija tal-COVID-19 irnexxielhom jillimitaw il-konsegwenzi soċjali tagħha u dawk marbutin mal-impjieg, u kienu ta’ appoġġ għall-kumpaniji u l-ħaddiema. Bl-istess mod, jinnota li l-pandemija kompliet tenfasizza l-inugwaljanzi eżistenti (b’mod partikolari fir-rigward ta’ ħaddiema b’livelli baxxi ta’ edukazzjoni, nisa, żgħażagħ, migranti u gruppi vulnerabbli oħra), u li l-qgħad u l-inugwaljanzi x’aktarx li se jiżdiedu aktar b’riżultat ta’ dan, jekk il-progress soċjali ma jkunx akkumpanjat minn tkabbir ekonomiku sostenibbli. Il-KESE jittama li l-Pjan jikkontribwixxi biex din it-tendenza titreġġa’ lura u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi ekonomiji sostenibbli u kompetittivi, ibbażati fuq impjiegi ta’ kwalità tajba u opportunitajiet indaqs għal kulħadd.

    1.14.

    Il-KESE jemmen li jistgħu jsiru sforzi akbar fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri fil-qasam tal-ġlieda kontra l-faqar, f’konformità mal-ewwel Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli taħt l-Aġenda 2030 tan-NU. B’mod partikolari, il-KESE jemmen li l-UE għandha tistabbilixxi l-objettiv li tnaqqas il-proporzjon ta’ tfal f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali minn 22,8 % fl-2019 għal 10 % fl-2030, b’impenji volontarji simili f’kull Stat Membru.

    1.15.

    Il-KESE jipproponi li l-Pjan għandu jinkludi miżuri li jwasslu biex jiġu indirizzati l-inugwaljanza fl-introjtu, minħabba l-prijorità definita sew tal-koeżjoni soċjali, bħala parti essenzjali tal-mudell soċjali Ewropew.

    1.16.

    Il-KESE jqis li l-Pjan għandu jippromovi mhux biss il-ħolqien ta’ impjiegi ġodda — objettiv ġustifikat — iżda wkoll il-kwalità tal-impjiegi, inkluża l-ġlieda kontra x-xogħol prekarju. Għandu jkun hemm kontrolli legali u amministrattivi adatti fil-livell nazzjonali biex jiġi żgurat li l-ħaddiema jkollhom kundizzjonijiet tax-xogħol sikuri, paga adatta u prevedibbli u vuċi organizzata fuq il-post tax-xogħol. Il-KESE huwa partikolarment imħasseb dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol għal ħafna ħaddiema staġonali, ċittadini tal-UE u mhux tal-UE li jaħdmu fl-agrikoltura, is-servizzi u l-kostruzzjoni, u jappella għall-implimentazzjoni effiċjenti tad-Direttiva (UE) 2019/1152 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) dwar kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli li għandha l-għan li ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol billi tippromovi impjieg aktar trasparenti u prevedibbli filwaqt li tiżgura l-adattabbiltà tas-suq tax-xogħol. Il-KESE jqis li r-rata ta’ faqar fost dawk li jaħdmu għandha titnaqqas b’mod sinifikanti. L-objettiv li jinqered il-faqar fost dawk li jaħdmu għandu jiġi segwit permezz tal-istabbiliment ta’ standards komuni Ewropej minimi fil-livell tal-UE.

    1.17.

    Il-KESE jilqa’ l-intenzjoni li fi żmien għaxar snin jitnaqqsu d-differenzi bejn l-irġiel u n-nisa fl-impjieg u fil-paga, u l-intenzjoni li tiżdied — għalkemm din iż-żieda għadha ma ġietx ikkwantifikata — il-provvista ta’ edukazzjoni u kura bikrija għat-tfal. Għal dan il-għan, il-KESE jappoġġja l-Garanzija Ewropea għat-Tfal. L-ugwaljanza bejn il-ġeneri għandha tiġi segwita fl-aspetti kollha tal-ħajja ekonomika u soċjali.

    1.18.

    Il-KESE jinnota li l-Pjan ma jinkludix proposta għal Direttiva dwar is-sigurtà tad-dħul minimu, li jqis li hija meħtieġa biex jiġu miġġielda l-aktar forom serji ta’ faqar.

    1.19.

    Il-KESE japprova l-inkoraġġiment tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jikkonkludu negozjati dwar ir-reviżjoni tar-regoli ta’ koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali sabiex tittejjeb il-mobbiltà tal-ħaddiema u tiġi pprovduta protezzjoni soċjali adatta fl-UE, mingħajr ma jinħolqu piżijiet eċċessivi għall-impjegati u l-kumpaniji.

    1.20.

    Il-KESE jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li jiġu promossi kemm il-kopertura tan-negozjar kollettiv kif ukoll is-sħubija u d-densità organizzattiva tal-imsieħba soċjali. Għalhekk jipproponi li jiġu kkunsidrati t-twaqqif u l-monitoraġġ ta’ indikaturi rilevanti fil-livell nazzjonali u tal-UE, u li l-objettivi hawnhekk għandhom jiġu appoġġjati minn fondi delimitati għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet u għal azzjonijiet konġunti biex jintlaħqu l-objettivi tal-Pjan, filwaqt li tinżamm l-awtonomija tal-imsieħba soċjali. Il-KESE jappoġġja s-suġġeriment tal-Pjan biex jiġu nnegozjati aktar ftehimiet fil-livell tal-UE biex jikkontribwixxu għat-trasformazzjoni b’suċċess tas-swieq tax-xogħol tal-Ewropa, kif ukoll is-sejħa tiegħu lill-Istati Membri biex iħeġġu u joħolqu l-kundizzjonijiet għal negozjar kollettiv u djalogu soċjali li jiffunzjonaw aħjar u li jkunu aktar effettivi, fil-livelli kollha.

    1.21.

    Il-KESE jaqbel mal-konklużjonijiet tal-konsultazzjoni li saret b’appoġġ għall-Pjan li jenfasizzaw l-importanza ta’ implimentazzjoni, applikazzjoni u infurzar aħjar tal-liġi eżistenti tax-xogħol u soċjali tal-UE. Il-Kummissjoni għandha timpenja ruħha b’mod aktar attiv mal-Istati Membri sabiex tiffaċilita t-traspożizzjoni f’waqtha u ta’ kwalità tal-istrumenti legali tal-UE u tippromovi l-konformità. Il-KESE jistenna li l-Kummissjoni tirrikorri għal proċeduri ta’ ksur jekk l-Istati Membri ma jissodisfawx l-obbligi tagħhom skont id-dritt tal-Unjoni.

    1.22.

    Il-KESE jisħaq fuq il-ħtieġa li l-finanzjament tal-politiki nazzjonali jiġi allinjat mal-objettivi u l-azzjonijiet tal-Pjan, u li jiġi żgurat li ma jkunx hemm ritorn għar-regoli tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir fil-forma oriġinali tagħhom, u li kwalunkwe verżjoni riveduta tagħhom tkun tiffaċilita bis-sħiħ l-implimentazzjoni tal-Pjan.

    1.23.

    Il-KESE jħeġġeġ enfasi akbar fuq il-kontribut potenzjali tal-akkwist pubbliku bħala strument għat-twettiq tal-objettivi tal-Pjan.

    2.   Kummenti ġenerali

    2.1.   It-tfassil tal-Pjan

    2.1.1.

    Sa mill-proklamazzjoni tal-Pilastru fl-2017, il-KESE sejjaħ għal pjan direzzjonali ċar għall-implimentazzjoni tiegħu (4) u għalhekk jilqa’ l-Pjan. Il-Kumitat jappoġġja s-sejħa biex il-partijiet ikkonċernati kollha jimpenjaw ruħhom fi sforz kollettiv biex jimplimentaw il-Pilastru fi ħdan l-oqsma ta’ kompetenza tagħhom. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, minbarra l-kontribut tal-istituzzjonijiet tal-UE, is-suċċess tal-Pjan se jiġi influwenzat ħafna mill-impenn tal-Istati Membri u tal-imsieħba soċjali tagħhom biex jimplimentaw il-prinċipji kollha tiegħu.

    2.1.2.

    Fis-Summit Soċjali ta’ Porto, li sar fis-7 u t-8 ta’ Mejju, ittieħed impenn biex il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jiġi implimentat fl-ogħla livell politiku permezz tal-Impenn Soċjali ta’ Porto. Dan l-Impenn laqa’ l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (“il-Pjan”) u talab lill-atturi rilevanti kollha biex jitgħallmu mill-pandemija u jingħaqdu flimkien.

    2.1.3.

    Il-KESE jirrikonoxxi l-fatt li l-Pjan jgħaqqad l-azzjoni leġiżlattiva u mhux leġiżlattiva mal-istabbiliment ta’ objettivi komuni li għandhom jintlaħqu permezz tal-azzjoni konġunta tal-partijiet ikkonċernati, speċjalment l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili, organizzati fil-livell lokali, nazzjonali u Ewropew. Il-KESE jistenna li l-leġiżlazzjoni indikata fl-iskeda taż-żmien tal-Pjan tikkonforma bis-sħiħ mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u tkun soġġetta għal valutazzjonijiet tal-impatt, u jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ konsultazzjonijiet estensivi mal-imsieħba soċjali u mas-soċjetà ċivili. Kwalunkwe deċiżjoni leġiżlattiva għandha tkun ibbażata fuq l-evidenza, u jeħtieġ li jitqiesu l-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati rilevanti.

    2.1.4.

    Il-KESE jappoġġja l-miri stabbiliti fil-Pjan u l-idea li dawn se jgħinu biex l-isforzi politiċi jiffukaw fuq il-kisba tar-riżultati u jikkostitwixxu inċentiv importanti għar-riforma u l-investiment fl-Istati Membri bil-għan li jinkisbu konverġenza ’l fuq u benesseri. Il-KESE jissottolinja wkoll li l-Pjan għandu jkun ibbażat fuq il-konkretezza u r-riżultati tanġibbli b’azzjonijiet li jistgħu jitkejlu u jkunu akkumpanjati minn oqfsa ta’ monitoraġġ, miftiehma b’mod konġunt fost il-partijiet ikkonċernati rilevanti, oqfsa li jħaddnu l-kriterji soċjali, ambjentali u ekonomiċi.

    2.1.5.

    Filwaqt li jappoġġja l-miri ewlenin tal-UE, il-KESE japprova s-sejħa tal-Kummissjoni biex l-Istati Membri jistabbilixxu l-miri nazzjonali tagħhom stess b’mod volontarju. Huwa jistieden lil dawn tal-aħħar biex ikunu ambizzjużi meta jistabbilixxu l-miri tagħhom sabiex l-Istati Membri kollha, flimkien mal-imsieħba soċjali u ċiviċi tagħhom, jikkontribwixxu għat-tilħiq tal-miri Ewropej, u jisħaq li mingħajr sforz koordinat kbir mhux se jkun possibbli li dawn jintlaħqu. L-istabbiliment tat-tliet prijoritajiet prinċipali tal-ħolqien tal-impjiegi, it-titjib tal-kwalifiki u l-inklużjoni soċjali se jipprovdi qafas komuni ta’ azzjoni inkluż fl-implimentazzjoni tal-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza.

    2.1.6.

    Il-KESE bi pjaċir jinnota li l-mira tal-impjieg hija kkomplementata minn impenji għall-promozzjoni tal-impjieg inklużiv u t-tnaqqis tad-differenzi fl-impjieg, b’mod partikolari billi jiġi lliberat il-potenzjal tas-suq tax-xogħol, titnaqqas bin-nofs id-differenza bejn il-ġeneri fl-impjieg, titnaqqas ir-rata ta’ żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs) u billi jiġi żgurat li gruppi oħra sottorappreżentati jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol sal-massimu tal-kapaċità tagħhom, u l-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkwantifika dawn l-impenji kollha f’kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-imsieħba soċjali.

    2.1.7.

    Il-KESE jilqa’ wkoll l-enfasi li l-Pjan jagħmel fuq l-edukazzjoni, il-ħiliet u t-tagħlim tul il-ħajja, inklużi t-titjib kontinwu tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid, bil-għan li tittejjeb l-impjegabbiltà, tingħata spinta lill-innovazzjoni, tiġi żgurata l-ekwità soċjali u jiġi eliminat id-distakk fil-ħiliet diġitali, u jirrimarka li, kif iddikjara l-Kumitat fil-passat, l-aċċess għal tagħlim kontinwu u tul il-ħajja jeħtieġ ikun dritt individwali għal kulħadd sabiex ikunu jistgħu jiġu indirizzati l-iżviluppi diġitali u tal-IA, jissawwar il-progress u jinżamm l-approċċ “human-in-command” (5).

    2.1.8.

    Il-KESE jipproponi li, sabiex ir-rieżami ta’ nofs it-terminu ppjanat isir aktar effettiv, l-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom fi djalogu kostruttiv mal-imsieħba soċjali u jikkunsidraw li jenħtieġ jiġu stabbiliti miri intermedji għall-2025, li jippermettu li jiġi vvalutat il-progress fl-ewwel nofs tal-implimentazzjoni tiegħu.

    2.2.   Dwar il-ħolqien tal-impjiegi u l-futur tax-xogħol

    2.2.1.

    Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Pjan jiddikjara li l-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-UE huma fost l-aħjar fid-dinja, filwaqt li jirrikonoxxi wkoll li forom ġodda ta’ ħidma jġibu magħhom sfidi kif ukoll opportunitajiet. L-imsieħba soċjali, fil-livell Ewropew kif ukoll dak nazzjonali, huma mistiedna jissieħbu fl-isforzi tagħhom għal ħidma biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-futur tax-xogħol, biex tinkiseb konverġenza ’l fuq u biex jiġi żgurat li l-ħaddiema jkunu protetti u sikuri irrispettivament mis-settur li jaħdmu fih u mill-pajjiż fejn jgħixu. L-imsieħba soċjali, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak nazzjonali, huma essenzjali għall-isforzi konġunti f’din id-direzzjoni. Il-Pjan jinnota tajjeb li l-preservazzjoni u l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità tajba ġodda huma prijorità għall-UE. Il-kriżi tal-COVID-19 uriet li l-funzjonament tas-soċjetajiet tagħna jiddependi minn ħaddiema essenzjali f’firxa ta’ setturi bħat-trasport, is-servizzi, is-saħħa u l-agrikoltura. Jeħtieġ li noħolqu l-impjiegi l-ġodda tal-futur billi nibnu fuq l-impjiegi essenzjali tal-lum.

    2.2.2.

    Il-KESE jaqbel mal-approċċ strateġiku tat-tranżizzjoni gradwali minn miżuri ta’ emerġenza għal azzjonijiet li jistgħu jikkontribwixxu għat-tilħiq tal-mira tal-impjieg stabbilita fil-Pjan.

    2.2.3.

    Il-KESE jaqbel mat-tħassib muri fil-Pjan dwar il-gruppi l-aktar milquta mill-pandemija, inklużi n-nisa, iż-żgħażagħ, il-ħaddiema b’livell baxx ta’ ħiliet u dawk b’pagi baxxi, il-ħaddiema temporanji, dawk li jaħdmu għal rashom u l-ħaddiema migranti.

    2.2.4.

    Il-KESE jemmen li l-allokazzjoni tal-fondi tal-UE għall-prijoritajiet għandha tiġi mmonitorjata, kemm f’termini tar-riżorsi disponibbli mill-Kummissjoni kif ukoll f’termini ta’ riżorsi allokati mill-Istati Membri u l-imsieħba soċjali.

    2.2.5.

    Il-KESE jaqbel mat-talba tal-Kummissjoni lill-Istati Membri biex jużaw il-fondi tal-UE disponibbli biex jippromovu appoġġ attiv u effettiv għall-impjieg.

    2.2.6.

    Il-KESE jappoġġja l-approċċ tal-Kummissjoni fir-rigward tal-effetti tat-tranżizzjoni diġitali tax-xogħol. Il-KESE jappoġġja l-Ftehim Qafas Awtonomu dwar id-Diġitalizzazzjoni, u huwa lest li jaħdem mal-imsieħba soċjali dwar kwalunkwe segwitu għalih.

    2.2.7.

    Il-KESE jieħu nota tar-rapport reċenti tal-OECD dwar il-Prospettiva tal-Impjieg fl-2020 bit-titolu “Worker security and the COVID-19 crisis” (Is-sigurtà tal-ħaddiema u l-kriżi tal-COVID-19) (6). Il-KESE jirrikonoxxi li l-benesseri tal-ħaddiema fuq il-postijiet tax-xogħol tikkontribwixxi b’mod pożittiv għall-prestazzjoni ġenerali tal-kumpaniji, l-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet li fejn jaħdmu. Minbarra il-promozzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, il-KESE jistenna li jittieħdu miżuri fil-livell adatt f’konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità biex jittejjeb il-funzjonament tas-swieq tax-xogħol sabiex dawn jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku, il-kompetizzjoni internazzjonali, u jrawmu kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti. L-iżviluppi fis-suq tax-xogħol għandhom jiġu appoġġjati, mhux imxekkla, sabiex ikun żgurat li l-ħaddiema jkunu protetti, sikuri u jikkontribwixxu għall-prestazzjoni ġenerali tal-kumpaniji, l-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet fejn jaħdmu.

    2.2.8.

    Il-KESE jistenna li jittieħdu miżuri fil-livell adatt li jippromovu konverġenza ’l fuq f’konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità biex jittejjeb il-funzjonament tas-swieq tax-xogħol sabiex dawn jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku u l-kompetizzjoni internazzjonali, u jrawmu kundizzjonijiet tax-xogħol u benesseri deċenti.

    2.2.9.

    Il-KESE jenfasizza li l-UE għandha tibqa’ leali għalkollox lejn il-prinċipju li ma jistax ikun hemm relazzjonijiet ta’ impjieg li ma għandhomx protezzjoni soċjali, tkun xi tkun in-natura tagħhom. Il-KESE jqis li l-forom kollha ta’ xogħol mhux iddikjarat mhumiex aċċettabbli, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jaġixxu fil-ġlieda kontrih.

    2.2.10.

    Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li d-diġitalizzazzjoni ma toħloqx prekarjetà u vulnerabbiltajiet u li jiżguraw li jisfruttaw l-opportunitajiet li toffri d-diġitalizzazzjoni.

    2.2.11.

    Il-KESE jixtieq jara rabta aktar b’saħħitha bejn l-għan ambizzjuż għall-ħiliet, l-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja u l-mezzi finanzjarji disponibbli biex dan jinkiseb. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li n-nefqa pubblika fuq l-edukazzjoni fl-UE naqset minn 5 % fl-2010 għal 4,7 % fl-2019, u jisħaq li l-miri u l-għanijiet tal-Pilastru Soċjali ma jistgħux jiġu segwiti mingħajr aktar investiment pubbliku fl-edukazzjoni. Huwa jenfasizza wkoll il-ħtieġa ta’ investiment pubbliku u privat biex jappoġġja t-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja, u jinkoraġġixxi lil min iħaddem biex iżid l-opportunitajiet għall-impjegati biex isegwu tagħlim u taħriġ imsejsa fuq ix-xogħol.

    2.2.12.

    Il-KESE jirrikonoxxi t-tħassib tal-Kummissjoni dwar it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u demografiċi u l-effetti tagħhom fuq l-impjieg u l-ħiliet. Madankollu, il-Pjan jista’ jibbenefika wkoll minn impenji u inizjattivi maqbulin speċifiċi f’dan ir-rigward, u għalhekk għandu jkun hemm aktar dettalji fil-Pjan u fid-dokumenti nazzjonali.

    2.2.13.

    Il-pandemija laqtet ħażin ħafna liż-żgħażagħ. L-istatistika turi li nofs iż-żgħażagħ kollha fl-UE huma impjegati fuq bażi temporanja. Peress li jindirizza r-riskji marbutin mal-impjieg temporanju involuntarju, il-Pjan għandu ċertu potenzjal evidenti biex tittejjeb il-kwalità tal-impjieg għaż-żgħażagħ — b’mod partikolari permezz tar-Reviżjoni tar-Rakkomandazzjoni dwar it-Traineeships, enfasi fuq il-kwalità tal-offerti taħt il-Garanzija għaż-Żgħażagħ, u għadd ta’ inizjattivi ppjanati dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol, pereżempju, għall-ħaddiema tal-pjattaformi diġitali.

    2.2.14.

    Filwaqt li l-Pjan fih dispożizzjonijiet ċari għat-tisħiħ tar-rwol tal-imsieħba soċjali (it-trade unions u l-impjegaturi) fl-inizjattivi, ftit li xejn jgħid dwar ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bħall-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, li għandhom rwol kruċjali biex jirrappreżentaw liċ-ċittadini tal-UE.

    2.3.   Dwar il-ħiliet u l-ugwaljanza

    2.3.1.

    Il-KESE jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li forza tax-xogħol b’ħiliet hija l-mutur ta’ ekonomija ekoloġika u diġitali prospera, li taħdem b’ideat u prodotti innovattivi u bi żviluppi teknoloġiċi. Kif jiddikjara l-Pjan, is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ jaqdu rwol ewlieni biex jistabbilixxu l-pedamenti għat-tagħlim tul il-ħajja u l-impjegabbiltà, u jistgħu jgħinu biex jingħelbu n-nuqqasijiet ta’ ħiliet, dment li jkunu mmirati lejn il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. L-edukazzjoni u l-ħiliet għandhom ikunu fil-qalba tal-azzjoni politika li tappoġġja l-ħolqien tal-impjiegi.

    2.3.2.

    Il-KESE jappoġġja l-ambizzjoni li tittejjeb l-edukazzjoni tul il-ħajja u jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-aċċess għal ħiliet diġitali bażiċi li, bħall-Kummissjoni, iqishom bħala prekundizzjoni għall-inklużjoni u l-parteċipazzjoni f’Ewropa ttrasformata bid-diġitalizzazzjoni.

    2.3.3.

    Il-KESE jinsab diżappuntat li m’hemm l-ebda objettiv dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi wieħed. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa ta’ approċċ għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-politiki u l-istrateġiji kollha tal-UE.

    2.3.4.

    Il-KESE bħalissa qed iħejji Opinjoni separata dwar id-Direttiva proposta li għandha l-għan li ssaħħaħ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali bejn l-irġiel u n-nisa, u se jressaq Opinjoni dwar it-test.

    2.4.   Dwar il-protezzjoni u l-inklużjoni soċjali

    2.4.1.

    Il-KESE jqis li għandhom jitressqu aktar proposti dwar il-protezzjoni soċjali u l-inklużjoni soċjali. Huwa tal-istess fehma ddikjarata fil-Pjan li fl-Ewropa jgħixu l-aktar soċjetajiet ekwi fid-dinja, u hemm l-ogħla standards fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u protezzjoni soċjali wiesgħa. Madankollu, il-livelli tal-faqar fl-UE għadhom għoljin b’mod inaċċettabbli u għadhom meħtieġa sforzi konsiderevoli biex jiġu żgurati kundizzjonijiet simili f’kull pajjiż.

    2.4.2.

    It-tfal jgħoddu 20 % ta’ dawk li jinsabu fir-riskju tal-faqar fl-UE, li r-Relatur Speċjali tan-NU dwar il-faqar estrem u d-drittijiet tal-bniedem iddeskriva bħala numru għoli b’mod eċċessiv għall-istandards ta’ pajjiżi żviluppati (7). Il-KESE jilqa’ l-proposti tal-Kummissjoni għal strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal u għal Rakkomandazzjoni għal garanzija għat-tfal, kif ukoll il-mira li sal-2030 jitneħħew ħames miljun tifel u tifla mill-faqar. Huwa jtenni l-appell tiegħu għal “Ftehim ta’ Kura għall-Ewropa”, li jiżgura l-provvista ta’ servizzi ta’ kwalità ogħla għal kulħadd matul iċ-ċiklu tal-ħajja” (8) u li l-Istati Membri jinvestu fid-disponibbiltà ta’ servizzi ta’ kura ta’ kwalità għolja, affordabbli, aċċessibbli u varjati. Huwa jemmen li meta jinqered il-faqar fost it-tfal dan ikollu effetti pożittivi ħafna biex jitnaqqas il-faqar fost iż-żgħażagħ u l-persuni qiegħda.

    2.4.3.

    Il-KESE jemmen li l-UE għandha tistabbilixxi standards soċjali minimi li jkunu konformi għalkollox mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u dan il-proċess għandu jkun soġġett għal konsultazzjoni bir-reqqa mal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livell tal-UE u dak nazzjonali.

    2.4.4.

    Il-KESE jinnota li minflok Proposta għal Direttiva, il-Pjan jinkludi rakkomandazzjoni (9), dwar is-sigurtà tad-dħul minimu, li jqis li hija meħtieġa biex jiġu miġġielda l-aktar forom serji ta’ faqar.

    2.4.5.

    Il-KESE jemmen li hemm bżonn jittieħdu passi sinifikanti biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistemi tas-sigurtà soċjali u l-koordinazzjoni tagħhom fil-livell tal-UE, jiġi żgurat l-aċċess universali għall-ħaddiema, u jiġu rispettati l-kompetenzi nazzjonali dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali.

    2.4.6.

    Il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni li r-riformi u l-investimenti fis-sistemi tas-saħħa huma meħtieġa sabiex jitjieb, fost oħrajn, l-aċċess għal kura tas-saħħa ta’ kwalità għal kulħadd, u jitnaqqsu l-inugwaljanzi soċjali, territorjali u ekonomiċi fis-saħħa. Madankollu, jekk il-Kummissjoni tappoġġja lill-Istati membri biss permezz ta’ informazzjoni bbażata fuq l-evidenza u kondiviżjoni tal-aħjar prattiki, dan mhux se jkun biżżejjed u għandu jsir ħafna aktar, filwaqt li tiġi rrispettata d-diviżjoni tal-kompetenzi: iridu jiġu fformulati objettivi u miri, jiġi appoġġjat l-investiment fl-infrastruttura, tiġi mħarrġa l-forza tax-xogħol fis-sistema tas-saħħa, jitfasslu standards komuni ta’ kwalità, u tiġi ffinanzjata r-riċerka dwar is-saħħa.

    2.4.7.

    Il-KESE jilqa’ l-pjan għal Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli biex jistudja l-futur tal-Istat soċjali. Bħala r-rappreżentant tas-soċjetà ċivili organizzata Ewropea u forum għad-djalogu soċjali u ċiviku, huwa l-korp ideali biex jirrifletti dwar l-isfidi tal-istat soċjali tal-Istati Membri. Il-Kumitat jirrakkomanda b’mod partikolari l-adozzjoni ta’ mudelli fiskali — filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi tal-ekonomija nazzjonali u jiġi promoss it-tkabbir sostenibbli — biex jippermettu li jinżammu benefiċċji soċjali raġonevoli u adegwati, jiġu appoġġjati s-servizzi pubbliċi u soċjali u biex il-piż tat-taxxa jitqassam b’mod ekwu, filwaqt li tiġi promossa l-inklużjoni attiva fis-suq tax-xogħol u t-tranżizzjonijiet diġitali u demografiċi.

    2.5.   Rigward l-implimentazzjoni tal-Pjan

    2.5.1.

    Il-KESE jaqbel mar-rieda li l-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern urew fl-Impenn Soċjali ta’ Porto biex ikomplu japprofondixxu l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, b’rispett għall-kompetenzi rispettivi u l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. Il-KESE jenfasizza wkoll il-komplementarjetà bejn id-dimensjoni soċjali, id-djalogu soċjali u l-involviment attiv tal-imsieħba soċjali u l-ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna.

    2.5.2.

    Il-KESE jisħaq fuq il-ħtieġa li l-finanzjament tal-politiki nazzjonali jiġi allinjat mal-objettivi u l-azzjonijiet tal-Pjan. Din hija raġuni oħra għaliex ma għandux jerġa’ jkun hemm ir-regoli tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Barra minn hekk, kwalunkwe regola riveduta għandha tiffaċilita bis-sħiħ l-implimentazzjoni tal-Pjan.

    2.5.3.

    Il-KESE jistenna li l-prattiki tal-akkwist pubbliku soċjalment responsabbli definiti u promossi mill-Kummissjoni Ewropea għandhom jiġu integrati fl-implimentazzjoni tal-Pjan. B’ammont li jlaħħaq aktar minn seba’ darbiet l-ekwivalenti tal-QFP u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza kkombinati (madwar EUR 2 triljun, jiġifieri 14 % tal-PDG fis-sena), dan joffri potenzjal enormi bħala suq li jagħti inċentivi biex l-impjegati jorganizzaw ruħhom, biex ikun hemm rappreżentanza u jsir negozjar kollettiv, u biex ikun hemm prattiki sostenibbli ta’ kwalità tajba fil-qasam ambjentali u tal-impjieg.

    2.5.4.

    Il-KESE jafferma mill-ġdid l-importanza tal-integrazzjoni bejn l-oqsma differenti ta’ politika għall-kisba tal-progress soċjali, li jsegwi mill-qrib tal-irkupru ekonomiku u l-prosperità. Għandhom jiġu stabbiliti sinerġiji bejn inizjattivi u strateġiji eżistenti u futuri li jagħmlu parti mill-prinċipji differenti tal-Pilastru Soċjali. L-objettivi tiegħu għandhom jiġu integrati u inklużi fil-qafas strateġiku Ewropew għall-irkupru wara l-2020.

    2.5.5.

    Il-KESE jistieden lill-Istati Membri jirrikonoxxu u jsaħħu d-djalogu soċjali u ċiviku, tripartitiku kif ukoll bipartitiku, kull wieħed bir-rwol speċifiku tiegħu fl-implimentazzjoni tal-Pjan.

    2.6.   Dwar ir-relazzjoni bejn il-Pilastru Soċjali u s-Semestru Ewropew

    2.6.1.

    Il-KESE jqis li s-Semestru Ewropew huwa l-qafas adatt għall-monitoraġġ tal-Pjan — għandha tingħata l-istess attenzjoni lill-objettivi soċjali u ambjentali flimkien mal-istabbiltà makroekonomika u l-produttività. Huwa jilqa’ l-affermazzjoni li saret fil-Pjan li l-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza jirrappreżentaw opportunità unika biex jiġu ppjanati u ffinanzjati investimenti u riformi li jappoġġjaw irkupru soċjali u ffokat fuq l-impjiegi, filwaqt li jiġu adottati t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet rilevanti speċifiċi għall-pajjiż skont is-Semestru Ewropew. Il-Pjan bir-raġun jistieden lill-Istati Membri jagħmlu l-aħjar użu mis-Semestru Ewropew u jaħtfu l-opportunità bla preċedent li toffri l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

    2.6.2.

    Il-KESE jirrakkomanda li, fi ħdan is-Semestru Ewropew, issir valutazzjoni regolari ta’ livell għoli tal-progress, inkluż fil-livell nazzjonali meta dan ikun rilevanti, permezz ta’ indikaturi mfassla b’kooperazzjoni mal-imsieħba soċjali, fil-kuntest tal-integrazzjoni tal-prinċipji tal-Pilastru u l-SDGs tan-NU.

    2.6.3.

    Il-KESE jemmen li l-Pjan għandu jkun għodda ta’ strutturar għall-politiki soċjali fl-UE. Dan għandu jkun parti ċentrali mill-governanza ekonomika u soċjali mġedda, immirata lejn l-irkupru u t-tkabbir ekonomiku sostenibbli u inklużiv, u mgħammar b’indikaturi u proċeduri ta’ monitoraġġ li jwasslu għal Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi fil-kwistjonijiet kollha relatati miegħu.

    3.   Kummenti speċifiċi

    3.1.

    Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li s-sistema statistika Ewropea tiġi adattata skont il-ħtiġijiet ta’ monitoraġġ tal-miri u l-indikaturi stabbiliti fil-bord tal-indikaturi soċjali.

    3.2.

    Il-KESE jaqbel mal-punt li sar fil-Pjan li l-integrazzjoni u l-aġġornament tas-sett ta’ indikaturi eżistenti għandhom jikkontribwixxu biex jiġi ntraċċat il-progress lejn il-prinċipji tal-Pilastru b’mod aktar komprensiv u jgħinu fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-azzjonijiet ta’ politika proposti fil-Pjan.

    3.3.

    Il-KESE jaqbel mal-ħtieġa li jiġi rivedut il-kunċett tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem mal-Istati Membri f’dan il-qasam, filwaqt li tikkunsidra kemm l-integrazzjoni tal-politiki dwar it-tixjiħ kif ukoll id-drittijiet rikonoxxuti u protetti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

    3.4.

    Il-KESE jinnota li l-għan tat-taħriġ vokazzjonali għandu linja ta’ referenza li ilha mill-2016, peress li s-sistema statistika Ewropea tipproduċi dan l-indikatur biss kull ħames snin. Il-kejl ta’ dan l-indikatur għandu jkun fuq bażi annwali sabiex il-progress ikun jista’ jiġi mmonitorjat sew.

    3.5.

    Il-KESE jtenni l-pożizzjoni tiegħu fir-rigward tax-xogħol fuq pjattaforma diġitali u jiddikjara li “l-UE u l-Istati Membri [għandhom] jimxu lejn l-uniformità tal-kunċetti sabiex jinkiseb xogħol ġust fl-ekonomija tal-pjattaformi” (10).

    3.6.

    Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex, fir-rigward tas-sigurtà soċjali, timplimenta l-prinċipju ddikjarat li t-tassazzjoni għandha tiġi trasferita mix-xogħol għal sorsi oħra aktar favorevoli għall-impjieg u f’konformità mal-objettivi klimatiċi u ambjentali, filwaqt li jiġi salvagwardjat id-dħul għal protezzjoni soċjali adegwata, meta wieħed iżomm f’moħħu li l-isfida essenzjali hija li tiġi żgurata kopertura adegwata għall-ħaddiema kollha f’suq tax-xogħol li qed jinbidel, b’rispett sħiħ għall-prinċipju, imsemmi f’punt 3.2.9 hawn fuq, li l-forom kollha ta’ impjieg għandu jkollhom protezzjoni soċjali.

    3.7.

    Il-KESE japprova l-inkoraġġiment tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jikkonkludu negozjati dwar ir-reviżjoni tar-regoli ta’ koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali sabiex tittejjeb il-mobbiltà tal-ħaddiema u tiġi pprovduta protezzjoni soċjali adatta fl-UE, mingħajr ma jinħolqu piżijiet eċċessivi għall-impjegati u l-kumpaniji.

    3.8.

    Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li r-riżultati tal-ħidma mħabbra minn grupp ta’ esperti dwar l-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ jiġu riflessi fl-adozzjoni ta’ miżuri li jsaħħu b’mod sinifikanti s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, b’mod partikolari biex jintlaħqu l-miri definiti fil-Pjan.

    3.9.

    Il-KESE jemmen li l-qasam tal-kura huwa waħda mill-isfidi ewlenin madwar l-UE. Il-KESE jappoġġja l-inklużjoni ta’ inizjattiva dwar il-kura fit-tul fil-Pjan sabiex tiżgura aċċess aħjar għal servizzi ta’ kwalità tajba għall-persuni fil-bżonn.

    3.10.

    Il-KESE, fir-rigward tar-rwol tal-UE bħala mexxejja globali responsabbli, jafferma mill-ġdid ir-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu li l-Kummissjoni Ewropea, l-OECD u l-ILO jaħdmu flimkien mal-imsieħba soċjali fil-livelli adatti kollha, kif ukoll mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili inġenerali, biex jiżviluppaw dispożizzjonijiet adatti dwar kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u l-protezzjoni meħtieġa (11), kif ukoll dwar il-promozzjoni ta’ politika kummerċjali progressiva, ġusta u sostenibbli (12).

    3.11.

    F’dan il-kuntest, il-KESE jittama li l-ħidma konġunta mill-Kummissjoni, l-OECD u l-ILO tista’ twassal għal Konvenzjoni possibbli tal-ILO dwar il-pjattaformi (13). Bl-istess mod, għandhom isiru sforzi fir-rigward tar-regolazzjoni tat-telexogħol. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għar-rakkomandazzjoni tiegħu li “għandu jitnieda proċess konġunt bejn il-Kummissjoni Ewropea, l-ILO u l-OECD (…) bħala tħejjija għall-abbozzar ta’ konvenzjoni tal-ILO dwar it-telexogħol. Il-KESE jqis ukoll li l-kundizzjonijiet deċenti ta’ telexogħol għandhom ikunu parti mill-Aġenda tax-Xogħol Deċenti tal-ILO u l-programmi nazzjonali korrispondenti” (14).

    3.12.

    Il-KESE jemmen ukoll li l-UE għandha tieħu aktar responsabbiltà biex tgħin lid-dinja tindirizza l-pandemija tal-COVID-19. Il-Pjan għandu jirrikonoxxi l-parteċipazzjoni tal-UE fil-COVAX, f’konformità mad-diskors tal-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen u d-dikjarazzjoni tagħha li l-Ewropa għandha taħdem “biex jiġi ggarantit li l-vaċċini siguri ma jkunux disponibbli biss għal dawk li jistgħu jħallsu għalihom — iżda għal kull min ikollu bżonnhom” (15).

    Brussell, it-8 ta’ Lulju 2021.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Christa SCHWENG


    (1)  Il-kontribut tal-KESE għas-Summit Soċjali ta’ Porto (ĠU C 286, 16.7.2021, p. 6).

    (2)  Il-kontribut tal-KESE għas-Summit Soċjali ta’ Porto (ĠU C 286, 16.7.2021, p. 6), punt 7.

    (3)  Id-Direttiva (UE) 2019/1152 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar kondizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 186, 11.7.2019, p. 105).

    (4)  ĠU C 81, 2.3.2018, p. 145, ĠU C 14, 15.1.2020, p. 1.

    (5)  ĠU C 14, 15.1.2020, p. 46, punt 1.4.

    (6)  Rapport tal-OECD dwar il-Prospettiva tal-Impjieg fl-2020 bit-titolu: “Worker security and the COVID-19 crisis” (Is-sigurtà tal-ħaddiema u l-kriżi tal-COVID-19)].

    (7)  Stqarrija mill-Professur Olivier De Schutter

    (8)  ĠU C 220, 9.6.2021, p. 13.

    (9)  Kif ġara tletin sena ilu — Council Recommendation 92/441/EEC of 24 June 1992 on common criteria for sufficient resources and benefits in social protection systems (OJ L 245, 26.8.1992, p. 46) [mhux disponibbli bil-Malti].

    (10)  ĠU C 429, 11.12.2020, p. 173 Konklużjoni 1.8.

    (11)  ĠU C 47, 11.2.2020, p. 38, punt 1.4.

    (12)  ĠU C 125, 21.4.2017, p. 10, punt 3.9.

    (13)  ĠU C 429, 11.12.2020, p. 173 Konklużjoni 1.14.

    (14)  ĠU C 220, 9.6.2021, p. 1. Konklużjoni 1.14.

    (15)  Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni, 16 ta’ Settembru 2020


    ANNESS

    Il-kontropinjoni li ġejja nċaħdet waqt id-diskussjoni iżda rċeviet tal-inqas kwart tal-voti mixħuta (Artikolu 43(2) tar-Regoli ta’ Proċedura):

    1.    Konklużjonijiet

    1.1.

    Il-KESE jqis li l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (“il-Pjan”) iservi ta’ gwida siewja għall-Istati Membri u l-Unjoni fl-isforzi tagħhom favur il-kompetittività, it-tkabbir, l-impjieg, ir-riformi strutturali, l-investimenti li jiġġeneraw id-dħul, u l-benesseri tal-persuni. Il-KESE jenfasizza wkoll li m’hemm l-ebda dimensjoni soċjali mingħajr bażi ekonomika soda. Il-kompetittività u produttività ogħla bbażati fuq il-ħiliet u l-għarfien huma prekundizzjonijiet għad-dimensjoni soċjali tal-Unjoni. L-iżviluppi fis-suq tax-xogħol għandhom jiġu appoġġjati, mhux regolati żżejjed jew imxekkla. Jekk l-Ewropa trid tlaħħaq mal-kompetizzjoni globali, id-diġitalizzazzjoni li qed tikber u l-mudelli ta’ negozju ġodda, jenħtieġu innovazzjoni u flessibbiltà f’termini ta’ impjieg, ħinijiet tax-xogħol u mobbiltà tal-forza tax-xogħol.

    1.2.

    Il-KESE jappoġġja l-oqsma ta’ prijorità tal-Pjan u jaqbel mal-fehma espressa fil-Pjan li fl-Ewropa hemm l-aktar soċjetajiet ugwali fid-dinja, l-ogħla standards ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol, u protezzjoni soċjali wiesgħa, b’acquis soċjali b’firxa wiesgħa li diġà huwa stabbilit.

    1.3.

    Il-KESE jfakkar li implimentazzjoni tal-Pjan tista’ possibbilment isseħħ fil-livell tal-Unjoni jew tal-Istati Membri, filwaqt li jitqiesu kif dovut il-kompetenzi rispettivi u l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. L-involviment attiv tal-imsieħba soċjali jaqdi rwol kruċjali f’dan ir-rigward.

    1.4.

    Il-KESE jfakkar fin-natura legalment mhux vinkolanti tal-pilastru soċjali u jenfasizza d-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-UE u l-Istati Membri, fejn il-politika soċjali hija prinċipalment responsabbiltà tal-Istati Membri. F’każ li l-UE tikkunsidra li tilleġiżla fil-qasam tal-politika soċjali, l-inizjattivi kollha għandhom ikunu bbażati fuq evidenza u prova li jissodisfaw l-għan tagħha. L-inizjattivi għandhom ikunu soġġetti wkoll għal verifika immirata rigward il-kompetittività, bħala miżura ta’ kontroll biex jiġu evitati proposti li jkunu ta’ xkiel għal kompetittività akbar, aktar impjiegi u tkabbir sostenibbli.

    2.    Kummenti ġenerali

    2.1.

    L-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jiddikjara li s-suq intern għandu jaħdem għall-iżvilupp sostenibbli tal-Ewropa mibni fuq tkabbir ekonomiku bilanċjat u stabbiltà tal-prezzijiet, ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna, intiża li twassal għal livell massimu ta’ impjieg u progress soċjali.

    2.2.

    L-Artikolu 153 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxi li l-UE tappoġġja u tikkomplementa biss l-attivitajiet tal-Istati Membri f’oqsma definiti tal-politika soċjali. Diġà hemm fis-seħħ acquis soċjali tal-UE li jkopri firxa wiesgħa.

    2.3.

    Fis-17 ta’ Novembru 2017, f’Gothenburg, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni pproklamaw l-20 prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li ma biddlux il-liġi primarja tal-UE. Il-KESE jinnota b’mod speċjali il-Preambolu tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali li jiddikjara li “Fil-livell tal-Unjoni, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali ma jimplikax l-estensjoni tal-poteri u l-kompiti tal-Unjoni kif mogħtija mit-Trattati. Għandu jkun implimentat fi ħdan il-limiti ta’ dawk il-poteri.”

    2.4.

    Fl-Aġenda Strateġika tiegħu tal-2019-2024, il-Kunsill Ewropew enfasizza li l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali għandu jiġi “implimentat fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri, bl-attenzjoni mistħoqqa għall-kompetenzi rispettivi”.

    3.    Implimentazzjoni

    3.1.

    Il-KESE jqis li l-Pjan jipprovdi gwida utli, inkluż fl-oqsma tal-impjieg, il-ħiliet, is-saħħa u l-protezzjoni soċjali, iżda jenfasizza d-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-UE u l-Istati Membri, fejn il-politika soċjali hija prinċipalment responsabbiltà tal-Istati Membri.

    3.2.

    Il-KESE jistenna li jittieħdu miżuri fil-livell adatt f’konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità biex jittejbu l-funzjonament tas-swieq tax-xogħol u l-mudelli soċjali sabiex dawn jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku, il-kompetittività, u d-dimensjoni soċjali.

    3.3.

    Dan jirrikjedi rispett għall-ambjenti soċjoekonomiċi differenti u d-diversità tas-sistemi nazzjonali, inkluż ir-rwol u l-awtonomija tal-imsieħba soċjali.

    3.4.

    Il-KESE jemmen li s-swieq tax-xogħol fl-Ewropa jenħtieġ ikomplu jiġu riformati, iżda b’modi differenti f’partijiet differenti tal-Unjoni, filwaqt li jibnu fuq il-mudelli differenti tas-suq tax-xogħol tagħhom. F’ċerti Stati Membri, dan jista’ jinvolvi azzjonijiet relatati mal-pagi minimi jew il-kisba ta’ kostijiet lavorattivi indiretti aktar baxxi. Fi Stati Membri oħrajn, tista’ tkun kwistjoni li jiġu introdotti forom aktar flessibbli ta’ impjieg jew li jiġu adattati s-sistemi tas-sigurtà soċjali sabiex jitħeġġeġ l-impjieg. Dan ifisser li għandha tingħata preferenza lil strumenti mhux vinkolanti.

    3.5.

    F’każ li l-UE tikkunsidra li tilleġiżla fil-qasam tal-politika soċjali, l-inizjattivi kollha għandhom ikunu bbażati fuq evidenza u prova li jissodisfaw l-għan tagħha. L-inizjattivi għandhom ikunu soġġetti wkoll għal verifika immirata tal-kompetittività, bħala miżura ta’ kontroll biex jiġu evitati proposti li jkunu ta’ xkiel għal kompetittività akbar, aktar impjiegi u tkabbir sostenibbli.

    4.    Bażi ekonomika, imsieħba soċjali, impjiegi u ħiliet

    4.1.

    Il-KESE jinnota li m’hemm l-ebda dimensjoni soċjali mingħajr bażi ekonomika soda. Il-kompetittività u produttività ogħla bbażati fuq il-ħiliet u l-għarfien huma prekundizzjonijiet għad-dimensjoni soċjali tal-Unjoni.

    4.2.

    Il-KESE jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li tiġi appoġġjata l-kopertura tan-negozjar kollettiv u li tiġi promossa s-sħubija tal-imsieħba soċjali. L-imsieħba soċjali jaqdu rwol importanti biex jinħolqu swieq tax-xogħol li jiffunzjonaw tajjeb.

    4.3.

    Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-punt 4 tad-Dikjarazzjoni ta’ Porto dwar ir-rwol tal-imsieħba soċjali: “Id-dimensjoni soċjali, id-djalogu soċjali u l-involviment attiv tal-imsieħba soċjali minn dejjem kienu fil-qalba ta’ ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna.”

    4.4.

    Il-KESE huwa tal-fehma li d-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv jiġu promossi l-aħjar jekk l-Istat jew l-UE ma jkunux involuti la fl-istabbiliment tal-kriterji għall-ftehimiet ta’ negozjar kollettiv u lanqas fl-infurzar tagħhom, u meta l-partijiet ikollhom responsabbiltà sħiħa għat-tnejn li huma.

    4.5.

    Il-Pjan huwa opportunità tajba biex jintwera li l-Istati Membri u l-imsieħba soċjali tiegħu jistgħu joffru rispons tajjeb għall-isfidi li s-swieq tax-xogħol qed jiffaċċjaw wara l-pandemija.

    4.6.

    Il-KESE jaqbel mal-fehma tal-Pjan li l-appoġġ għall-impjieg u għall-ħaddiema ma jistax jirnexxi mingħajr appoġġ għall-kumpaniji u l-intraprendituri. Jibqa’ minnu li industrija vibranti hija essenzjali għall-prosperità futura tal-Ewropa u hija sors ewlieni ta’ impjiegi ġodda. Il-ħolqien tal-impjiegi, madankollu, mhijiex kwistjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida jew obbligi oħrajn li jżidu l-piż fuq l-intrapriżi.

    4.7.

    Kif iddikjarat mill-KESE, il-kompetittività u produttività ogħla abbażi tal-ħiliet u l-għarfien jirrappreżentaw riċetta għaż-żamma tal-benesseri tas-soċjetajiet Ewropej.

    4.8.

    Il-KESE jilqa’ l-enfasi li l-Pjan jagħmel fuq l-edukazzjoni, il-ħiliet u t-tagħlim tul il-ħajja, inkluż it-titjib kontinwu tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid, bil-għan li tittejjeb l-impjegabbiltà, tingħata spinta lill-innovazzjoni, tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali u jiġi eliminat id-distakk fil-ħiliet diġitali.

    5.    Ir-rwol tas-Semestru Ewropew

    5.1.

    Il-KESE jemmen li l-monitoraġġ possibbli tal-Pjan u r-riformi nazzjonali rispettivi għandhom iseħħu fil-qafas tal-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni u tas-Semestru Ewropew. Is-Semestru Ewropew għandu jintuża bħala l-qafas ta’ referenza biex jiġu appoġġjati l-isforzi tal-Istati Membri u tal-imsieħba soċjali biex, permezz tar-riformi, itejbu l-prestazzjoni tal-politiki nazzjonali dwar l-impjieg u dawk soċjali.

    5.2.

    Il-KESE jenfasizza li t-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali proposta fil-Pjan għandha tikkontribwixxi għas-Semestru Ewropew sabiex tiggwida lill-Istati Membri fir-riformi tagħhom tas-suq tax-xogħol u tal-politika soċjali. Il-monitoraġġ tal-eżiti tas-suq tax-xogħol abbażi ta’ indikaturi għandu jikkontribwixxi għal skambji ta’ politika kkoordinati fil-livell tal-UE, li jwassal għat-tħejjija ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adatti fil-kuntest tal-proċess tas-Semestru Ewropew.

    5.3.

    Il-KESE jemmen li l-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni eżistenti tal-Istati Membri kif ukoll tal-Kummissjoni huma l-istrumenti adatti biex jiġi żgurat l-involviment tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha fil-livell nazzjonali fl-implimentazzjoni tal-Pilastru, inkluż fir-rigward tar-rieżami ta’ nofs it-terminu tiegħu. Il-gwida fl-użu tal-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni eżistenti għandha tkun prijorità għall-Kummissjoni fir-rigward tal-Istati Membri.

    5.4.

    Il-KESE jistieden lill-Istati Membri jagħmlu l-aħjar użu mis-Semestru Ewropew u jaħtfu l-opportunità bla preċedent li toffri l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex jiġu stabbiliti pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza li jkunu ambizzjużi. Il-KESE jinnota li l-istrument Next Generation EU huwa għodda ta’ emerġenza bbażata fuq l-Artikolu 122 tat-TFUE u se jkompli jiġi ttrattat bħala miżura ta’ darba.

    Riżultat tal-votazzjoni:

    Favur:

    93

    Kontra:

    149

    Astensjonijiet:

    14


    Top