Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021AE1530

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-Kumpass Diġitali tal-2030: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali” (COM(2021) 118 final)

EESC 2021/01530

ĠU C 374, 16.9.2021, p. 22–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 374/22


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-Kumpass Diġitali tal-2030: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali”

(COM(2021) 118 final)

(2021/C 374/05)

Relatur:

Gonçalo LOBO XAVIER

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 21.4.2021

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

15.6.2021

Adottata fil-plenarja

7.7.2021

Sessjoni plenarja Nru

562

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

207/0/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-pjan tal-Kummissjoni Ewropea għall-Kumpass Diġitali tal-2030 jasal f’mument kritiku għall-Unjoni u għad-dinja kollha. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva u l-għan li jintużaw it-teknoloġiji diġitali biex tittejjeb il-ħajja taċ-ċittadini, jinħolqu aktar impjiegi, jiġi ffaċilitat il-progress u tissaħħaħ il-kompetittività Ewropea. Il-pandemija enfasizzat l-importanza u l-possibbiltajiet ta’ żviluppi diġitali, enfasizzat il-ħtieġa ta’ aġġustamenti u biddlet il-mod kif nissoċjalizzaw u naħdmu. Jeħtieġ li l-UE tindirizza dawn l-isfidi b’mod adatt. Huwa essenzjali li jkun hemm strateġija, pjan b’għanijiet speċifiċi u mod kif jitkejjel il-progress biex l-intenzjonijiet jissarrfu f’riżultati.

1.2.

Il-KESE jemmen li l-innovazzjoni diġitali trid dejjem tissalvagwardja d-drittijiet fundamentali, tiżgura s-saħħa, is-sikurezza u l-privatezza ta’ kulħadd (protezzjoni tad-data personali). Huwa kruċjali li ċ-ċittadini jqisu li l-iżviluppi u t-tkabbir għandhom impatt pożittiv fuq il-kwalità ta’ ħajjithom. L-effetti ta’ teknoloġiji ġodda li jappoġġjaw il-ħajja tagħna ta’ kuljum jridu jkunu tajbin u distribwiti b’mod ġust sabiex verament ikunu ta’ benefiċċju għas-soċjetà u d-dritt għas-saħħa dejjem irid jieħu preċedenza u jkun rikonoxxut fil-lista tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadinanza diġitali.

1.3.

Il-KESE jappella għall-ħtieġa li terġa’ tinkiseb il-fiduċja tal-pubbliku u li tittejjeb iċ-ċibersigurtà u r-reżiljenza ċibernetika permezz tas-“sigurtà sa mit-tfassil” tul il-katina kollha tal-valur diġitali, biex in-nies jingħataw għażla u kontroll aħjar fuq id-data tagħhom (“Etika tad-Data”), u li tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-intermedjarji biex jiġġieldu l-kontenut illegali u ta’ ħsara.

1.4.

L-aċċessibbiltà online tas-servizzi pubbliċi Ewropej u nazzjonali ewlenin kollha hija objettiv ġustifikat. Madankollu, il-KESE jwissi li ħadd ma għandu jitħalla jibqa’ lura u li huwa essenzjali li jiġu appoġġjati dawk li ma jistgħux jibbenefikaw immedjatament mill-proċess ta’ diġitalizzazzjoni. Għad hemm grupp sinifikanti ta’ ċittadini li ma għandhomx l-għarfien u l-ħiliet u anke l-hardware u s-software meħtieġa biex jibbenefikaw minn dawn il-faċilitajiet. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja lil dawk li jinsabu fi proċess ta’ tranżizzjoni.

1.5.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għar-riskju enormi ta’ żvantaġġi fit-tagħlim li jistgħu jirriżultaw minn investiment żbilanċjat. Mit-tfal sal-anzjani, l-effetti tal-faqar diġitali jridu jittieħdu inkunsiderazzjoni u għalhekk huwa ta’ prijorità li tingħata attenzjoni mill-qrib lir-riskji reali. L-investiment fl-infrastruttura jrid isir fl-istess ħin mal-investiment fit-taħriġ sabiex jitnaqqsu d-distakki.

1.6.

Il-KESE jisħaq fuq il-ħtieġa li n-nies jingħataw għajnuna biex itejbu l-ħiliet tagħhom u biex jitħarrġu mill-ġdid billi jkun hemm opportunitajiet indaqs, tingħata spinta lis-sħubijiet pubbliċi-privati għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid (kemm għall-forza tax-xogħol attwali kif ukoll għall-istudenti adulti), u tiġi promossa attitudni ta’ tagħlim tul il-ħajja għal kulħadd.

1.7.

Il-KESE jqis il-ħtieġa li tiġi mmodernizzata l-edukazzjoni għal soċjetà diġitali. Huwa essenzjali li titmexxa ’l quddiem id-diġitalizzazzjoni tas-sistemi edukattivi billi jiġi aġġornat il-kontenut edukattiv għall-era diġitali u jinħolqu ekosistemi pubbliċi-privati biex jiġu implimentati metodoloġiji ġodda ta’ edukazzjoni li huma miftuħa u aċċessibbli biex jipprovdu l-istess opportunitajiet għal kulħadd.

1.8.

L-iżviluppi diġitali jinkludu riskji bħall-frodi, il-ksur tal-privatezza u nuqqas ta’ trasparenza, li jistgħu jikkompromettu l-għanijiet stipulati fid-dokument. Il-KESE jemmen li jridu jinħolqu l-kundizzjonijiet biex jiġu evitati riskji bħal dawn u biex jiġu rregolati r-responsabbiltajiet fil-livell tal-UE.

1.9.

Il-KESE jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu kkunsidrati strateġiji li jindirizzaw il-possibbiltà ta’ spostamenti tal-impjiegi li jirriżultaw minn spostament teknoloġiku. Kif intqal f’Opinjonijiet preċedenti, huwa rikonoxxut li l-intelliġenża artifiċjali (IA) u r-robotika se jieħdu post u jittrasformaw l-impjiegi, jeliminaw xi wħud minnhom u joħolqu oħrajn. Fi kwalunkwe każ, l-UE trid tiżgura li l-ħaddiema kollha kemm jekk ikunu impjegati, jaħdmu għal rashom jew dawk li taparsi jaħdmu għal rashom, ikollhom aċċess għall-protezzjoni soċjali, f’konformità mas-sett ta’ drittijiet soċjali tal-Ewropa. Id-djalogu soċjali dwar dawn il-kwistjonijiet irid jiġi promoss fil-livelli kollha u jeħtieġ li jiġi żgurat li l-obbligi u d-drittijiet ikunu adatti għall-ekonomija diġitali bbażata fuq il-pjattaformi attwali.

1.10.

Il-KESE jemmen li, sabiex it-tranżizzjoni diġitali tiġi ġestita b’mod inklużiv u soċjalment responsabbli u biex wieħed ikampa mat-telf tal-impjiegi, speċjalment fil-perjodu ta’ wara l-COVID, prijorità waħda trid tkun fond Ewropew, appoġġjat l-aktar billi jiġu ntaxxati l-akbar kumpaniji tat-teknoloġija, bil-għan li dan ikun ta’ benefiċċju għall-ħaddiema li jitilfu l-impjieg u n-negozju tagħhom minħabba d-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija, permezz ta’ taħriġ adatt, titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid.

1.11.

Il-KESE jitlob ukoll li jkun hemm politika kkoordinata li tindirizza b’mod effettiv il-punt tat-tluq tal-Ewropa u li taqbel kemm mal-bidliet teknoloġiċi kif ukoll dawk soċjali li rajna f’dawn l-aħħar snin u li bdew iseħħu aktar malajr minħabba l-pandemija: strateġija industrijali – li tinkludi l-politika tal-kompetizzjoni u r-regolamentazzjoni speċifika għas-settur, b’mod partikolari għal konnettività sikura, hija ta’ importanza kbira.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Il-KESE jappoġġja l-pjan tal-Kummissjoni Ewropea għall-Kumpass Diġitali 2030: it-triq Ewropea għad-Deċennju Diġitali, bħala parti minn pjan ta’ azzjoni usa’ biex tingħata spinta lill-ekonomija u l-irkupru soċjali tal-Ewropa.

2.2.

Il-kriżi tal-COVID-19 uriet livell għoli ta’ dipendenza esterna fir-rigward tat-teknoloġija u l-proċessi tad-data, kwistjoni litrid tiġindirizzata b’effiċjenza u ħeffa. L-assi tal-Ewropa f’dawn l-oqsma jridu jiġu sfruttati aħjar u ċ-ċittadini Ewropej iridu jiġu involuti aktar mill-qrib.

2.3.

Il-KESE jisħaq fuq il-kunċett li l-ebda ċittadin ma għandu jitħalla jibqa’ lura. L-illitteriżmu diġitali għadu għoli fl-Ewropa – 35 % skont il-Kummissjoni – u n-nuqqas ta’ aċċess għar-riżorsi diġitali jrid jiġi mmitigat. Madankollu, il-possibbiltà li wieħed jinteraġġixxi ma’ bnedmin fir-relazzjonijiet ekonomiċi u amministrattivi trid tiġi ggarantita. Huwa importanti wkoll li jiġi żgurat li l-benefiċċji tad-diġitalizzazzjoni ma jiġux sfruttati biss minn ftit nies. Id-Deċennju Diġitali jrid ikun għall-benefiċċju ta’ kulħadd.

2.4.

Il-kumpaniji Ewropej, speċjalment l-SMEs, iridu jiġu appoġġjati fl-isforzi tagħhom tad-diġitalizzazzjoni u jingħataw is-setgħa li jikkompetu fuq skala globali. Fejn l-UE għandha jew tiffinanzja riżorsi tal-informatika, bħall-kompjuters għall-aċċellerazzjoni kwantum, l-aċċess għalihom irid jitqassam b’mod ġust, abbażi ta’ kriterji oġġettivi.

2.5.

Madankollu, l-ambizzjonijiet u l-flus pubbliċi waħedhom mhux se jwasslu għall-eżiti li qed infittxu. Għandna bżonn ukoll politika kkoordinata li tindirizza b’mod effettiv il-punt tat-tluq tal-Ewropa u li taqbel kemm mal-bidliet teknoloġiċi u soċjali li rajna matul dawn l-aħħar ftit snin u li aċċelleraw b’riżultat tal-pandemija: strateġija industrijali – li tinkludi l-politika tal-kompetizzjoni u r-regolamentazzjoni speċifika għas-settur, b’mod partikolari għal konnettività sikura, hija ta’ importanza kbira.

2.6.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-viżjoni tal-iżvilupp ta’ ekosistema tal-edukazzjoni u l-innovazzjoni diġitali u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu mobilizzati l-istituzzjonijiet xjentifiċi u akkademiċi Ewropej tal-ogħla livell biex jintlaħaq dan l-għan.

2.7.

Hemm bżonn li tingħata spinta lill-kooperazzjoni pubblika u privata eżistenti u li jinħolqu aktar sinerġiji biex jiġi żgurat Ftehim Diġitali ġdid ibbażat fuq mudell ta’ governanza li jgħaqqad aspetti soċjali, ambjentali u ekonomiċi, biex tinkiseb tranżizzjoni diġitali sostenibbli, ġusta u inklużiva fit-tul.

2.8.

Il-KESE jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu kkunsidrati strateġiji li jindirizzaw il-possibbiltà ta’ spostamenti tal-impjiegi li jirriżultaw minn spostament teknoloġiku. Kif intqal f’Opinjonijiet preċedenti (1), huwa rikonoxxut li l-IA u r-robotika se jieħdu post u jittrasformaw l-impjiegi, jeliminaw xi wħud minnhom u joħolqu oħrajn. Fi kwalunkwe każ, l-UE trid tiżgura li l-ħaddiema kollha kemm jekk ikunu impjegati, jaħdmu għal rashom jew dawk li taparsi jaħdmu għal rashom, ikollhom aċċess għall-protezzjoni soċjali, f’konformità mas-sett ta’ drittijiet soċjali tal-Ewropa. Id-djalogu soċjali dwar dawn il-kwistjonijiet, fil-livelli kollha, irid jiġi promoss. Għandhom jiġu adottati u kkoordinati miżuri li jappoġġjaw lill-persuni spostati, possibbilment iffinanzjati minn taxxa tal-UE fuq il-kumpaniji li jibbenefikaw l-aktar fl-ekonomija diġitali.

2.9.

Ir-rwol tal-kapital ta’ riskju, tas-swieq tal-ishma u tal-investiment privat b’mod ġenerali ma jridx jiġi injorat. L-iżvilupp teknoloġiku fl-Ewropa se jkun immexxi minn kumpaniji privati u l-UE se tkun tista’ tikkompeti biss fuq skala globali jekk tibqa’ post li jilqa’ dawn l-investimenti. Dan kollu jrid isir b’kunsiderazzjoni xierqa għall-istandards soċjali.

2.10.

Il-miri ambizzjużi tal-konnettività għandhom jimxu id f’id ma’ impenn lejn qafas regolatorju aktar favorevoli li jappoġġja l-investiment privat fl-infrastruttura tan-network. Se jkun ta’ importanza vitali li l-istrateġija industrijali tal-UE u l-viżjoni għat-tmexxija Ewropea fil-konnettività diġitali jiġu allinjati mal-politika tal-kompetizzjoni u l-prattika regolatorja għas-settur tat-telekomunikazzjoni.

2.11.

Il-pjan direzzjonali għad-Deċennju Diġitali jistabbilixxi pjani għall-iżvilupp ta’ “infrastruttura u l-kapaċitajiet tal-cloud [tal-Ewropa] stess” biex jiġi evitat li d-data prodotta fl-Ewropa tiġi spostata barra minnha, li huwa fejn aktar minn 90 % tad-data Ewropea attwalment tispiċċa. L-Ewropa trid tkun għaqlija u tkompli bil-ġlieda tagħha biex issir aktar indipendenti u biex iżżomm id-data taċ-ċittadini tagħha, speċjalment id-data sensittiva, fil-fruntieri tagħha. F’dan ir-rigward, l-għan segwit fil-pjan għad-Deċennju Diġitali li jkun hemm 10 000 nodi tad-data-edge u tal-cloud siguri ħafna u newtrali għall-klima huwa pass fid-direzzjoni t-tajba. Il-proġett GAIA X irid jitħaffef u jsir operazzjonali malajr.

2.12.

Il-KESE jappoġġja l-idea li jiġi promoss settur Ewropew tat-teknoloġija biex titnaqqas id-dipendenza mill-ġganti tat-teknoloġija Amerikani u Ċiniżi u biex inlaħħqu foqsma bħall-introduzzjoni tal-5G, il-manifattura taċ-ċipep u t-trattament tad-data, iżda jwissi kontra l-approċċ ta’ ekonomija tad-data protezzjonista fl-Ewropa. Għandhom jiġu promossi s-sħubijiet u l-kooperazzjoni internazzjonali.

2.13.

Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, is-setturi kkonċernati għandhom jimpjegaw 20 miljun espert fil-qasam tat-teknoloġija sal-2030 – b’paragun mas-7,8 miljun impjegati llum il-ġurnata. Fl-2019, 18 % biss mis-7,8 miljun ħaddiem fil-qasam tal-ICT kienu nisa. Id-diversità fis-setturi diġitali hija essenzjali u se tgħin biex tifforma l-viżjoni tad-dinja u l-isfidi tagħha, jiġifieri biex jitnaqqsu r-riskji ta’ preġudizzju. Il-mira li tinkiseb kompożizzjoni aktar ibbilanċjata bejn il-ġeneri trid tiġi mmonitorjata mill-qrib u jrid jiġi mħeġġeġ l-aċċess tan-nisa għad-dixxiplini STEM. Id-djalogu soċjali għandu jiġi promoss fil-livelli kollha (kumpaniji, industrija u nazzjonali) peress li jista’ jikkontribwixxi għal dan il-għan. Fl-Istati Membri għandhom jiġu promossi kampanji b’saħħithom, li jibdew fl-iskejjel primarji, biex jinkoraġġixxu lill-bniet jagħżlu dixxiplini xjentifiċi u teknoloġiċi. Id-distakk diġitali huwa sfida kbira. F’ħafna żoni rurali, lanqas it-teknoloġija 3G għadha mhi disponibbli. L-Ewropa u l-Istati Membri għandhom jipprovdu inċentivi biex jinkoraġġixxu l-investiment fiż-żoni rurali ħalli jiżguraw li l-ebda ċittadin ma jitħalla jibqa’ lura.

2.14.

Dawn l-investimenti jistgħu jippromovu l-koeżjoni territorjali u l-iżvilupp reġjonali, u jistgħu jippermettu lin-nies, jekk jixtiequ, li jgħixu ħajja li tagħtihom aktar sodisfazzjon barra miċ-ċentri urbani l-kbar (l-“irħula intelliġenti” imsemmija fil-Komunikazzjoni). Ix-xogħol mill-bogħod irid jiġi żviluppat permezz tad-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv fil-livelli kollha, sabiex jiġu salvagwardjati s-saħħa u l-benesseri tal-ħaddiema.

2.15.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi inċentivi biex in-nies imorru jgħixu barra miż-żoni urbani l-kbar, filwaqt li jiġi promoss l-iżvilupp ekonomiku u soċjali taż-żoni rurali. Dan jista’ jsir biss jekk tiġi stabbilita l-infrastruttura adatta, b’mod speċifiku fit-telekomunikazzjoni u t-trasport.

2.16.

Hemm sfidi ambjentali kbar li jridu jiġu indirizzati fid-deċennju li ġej u l-azzjonijiet kollha meħuda f’dan il-kuntest għandhom iqisu wkoll l-aspett ambjentali. Barra minn hekk, il-Kumpass Diġitali għandu jintuża bħala għodda oħra biex jgħin biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u jitnaqqsu l-impatti ambjentali.

2.17.

Bl-istess mod, it-teknoloġiji diġitali jridu jkunu trasparenti, inklużivi, mhux diskriminatorji, ġusti u imparzjali. Dan huwa saħansitra aktar essenzjali hekk kif is-servizzi pubbliċi qed isiru dejjem aktar diġitali. Illum, skont il-Kummissjoni, 65 % taċ-ċittadini Ewropej għandhom ħiliet diġitali bażiċi. Il-mira hija li dan jiżdied għal 80 % sal-2030. Il-kwistjoni tal-inklużjoni u tal-appoġġ tal-20 % li jifdal tal-persuni (madwar 90 miljun ċittadin fl-UE) hija kruċjali biex jitnaqqsu l-faqar u l-esklużjoni. Dawn iċ-ċittadini huma normalment fost l-ifqar, l-akbar fl-età u jgħixu f’żoni rurali. Dawn jistgħu jsiru aktar vulnerabbli meta jiġu biex jagħmlu użu mis-servizzi pubbliċi u privati, li qed isiru dejjem aktar diġitalizzati. Il-KESE jisħaq li l-possibbiltà li wieħed jinteraġġixxi ma’ bnedmin fir-relazzjonijiet ekonomiċi u amministrattivi trid tiġi ggarantita.

2.18.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-għan li s-servizzi pubbliċi Ewropej ewlenin kollha jkunu disponibbli online u jeħtieġ ukoll li r-rekords mediċi taċ-ċittadini Ewropej jkunu kompletament diġitali, peress li huwa mistenni li 80 % taċ-ċittadini se jużaw identità diġitali. Madankollu, dan se jirrikjedi wkoll sforzi kkoordinati u rieda politika mill-Istati Membri kollha. Il-KESE jappella għall-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jinkiseb dan l-għan. Il-faċilitajiet diġitali bażiċi għas-servizzi pubbliċi għandhom, fil-prinċipju, ikunu bla ħlas. Fi kwalunkwe każ, id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi ma tridx twassal għal ostakli finanzjarji ogħla għall-utenti.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1.

Iż-żieda fid-diġitalizzazzjoni tal-ħajja tirrikjedi li tingħata attenzjoni partikolari liċ-ċibersigurtà u s-suxxettibbiltà għall-frodi u huwa essenzjali li ċ-ċittadini jiġu edukati f’dan ir-rigward. Ir-regolamentazzjoni tat-teknoloġija li tintlibes hija ta’ tħassib partikolari u għandha tingħata attenzjoni speċjali.

3.2.

Il-liġijiet Ewropej relatati mal-ekonomija diġitali qed jevolvu b’rata mgħaġġla. Iċ-ċittadini u l-kumpaniji jridu jkunu konxji tad-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom fil-qasam diġitali. Għandu jkun hemm sforz kontinwu biex jiġu kkonsolidati l-inizjattivi leġiżlattivi u biex il-liġi tkun aktar faċli biex tinftiehem u tiġi applikata għaċ-ċittadini u l-kumpaniji.

3.3.

Il-KESE jilqa’ l-monitoraġġ regolari tal-miri u tas-sistema ta’ governanza mressqa fil-Komunikazzjoni u l-proġetti multinazzjonali huma essenzjali biex tinkiseb il-viżjoni li tistabbilixxi.

3.4.

Il-KESE jissuġġerixxi li jitwettqu studji tal-każijiet ta’ ċerti setturi fl-Istati Membri u f’pajjiżi mhux tal-UE, sabiex jiġu adottati jew promossi l-aħjar prattiki fil-livell Ewropew. Għandhom jiġu promossi ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorji li jipprovdu spazju sikur għall-ittestjar ta’ mudelli u ideat ġodda ta’ negozju. Ekonomija diġitali ambizzjuża trid tistabbilixxi oqsma ta’ ttestjar aġli u permissivi.

4.   Popolazzjoni b’ħiliet diġitali u professjonisti diġitali b’livell għoli ta’ ħiliet

4.1.

Il-KESE jappoġġja l-objettiv li jkun hemm 20 miljun speċjalist tal-ICT impjegati, b’konverġenza bejn in-nisa u l-irġiel (2) (xenarju bażi tal-2019: 7,8 miljun). Dan ovvjament jirrikjedi investiment f’sistemi edukattivi xierqa li jistgħu jappoġġjaw dan l-objettiv.

4.2.

Id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi provduti mill-professjonijiet liberi li huma relatati mill-qrib mal-interessi pubbliċi bħas-saħħa, is-sikurezza, il-liġi u l-istandards tal-għajxien għandha impatt kbir fuq is-soċjetà u tirrikjedi approċċi professjonali u etiċi ġodda. (3) Is-suċċess tagħha jiddependi kemm minn professjonisti b’livell għoli ta’ ħiliet kif ukoll mill-ħiliet diġitali u l-fehim tal-utenti, il-pazjenti, il-klijenti u l-konsumaturi.

4.3.

Il-KESE jisħaq fuq il-ħtieġa dejjem tikber li n-nies itejbu l-ħiliet tagħhom u jitħarrġu mill-ġdid, filwaqt li tiġi promossa attitudni ta’ tagħlim tul il-ħajja għal kulħadd.

4.4.

Il-pandemija tat spinta lit-tagħlim mill-bogħod. Fl-istess ħin, ħareġ biċ-ċar li dan jinvolvi riskju għoli ta’ dewmien fit-tagħlim għal tfal minn klassijiet soċjali aktar baxxi. Fit-twettiq tal-pjan ta’ azzjoni tal-Miri Diġitali għall-2030, il-faqar diġitali jrid jingħata attenzjoni speċifika.

5.   Ir-Rwol Globali tal-UE fid-Deċennju Diġitali u kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-SMEs

5.1.

Fir-rigward tal-SMEs, naturalment huwa essenzjali li jiġu appoġġjati l-isforzi tad-diġitalizzazzjoni tagħhom permezz ta’ approċċi differenti iżda huwa importanti wkoll li jiġi enfasizzat ir-rwol tal-SMEs bħala xprunaturi tal-innovazzjoni fit-teknoloġiji diġitali.

5.2.

L-iżvilupp tas-software huwa sottosettur li qed jikber b’rata mgħaġġla fil-proċess diġitali. L-appoġġ għall-SMEs innovattivi jistħoqqlu attenzjoni speċifika. Il-KESE japprova l-mekkaniżmi finanzjarji li jistgħu jiżguraw appoġġ adatt lill-SMEs biex tiġi ggarantita tranżizzjoni mingħajr xkiel. Fl-istess ħin, trid tiġi żgurata l-kontinwità, li jfisser li jiġu pprovduti aġġornamenti għal verżjonijiet aktar ġodda sabiex l-utenti ma jkollhomx għalfejn jinvestu b’mod kostanti fi programmi ġodda.

5.3.

Il-kumpaniji kollha, kemm jekk huma SMEs, negozji ġodda jew negozji li qed jespandu, jeħtieġu l-kapital. L-għanijiet stabbiliti fid-dokument jenfasizzaw l-urġenza li tinkiseb Unjoni tas-Swieq Kapitali, li tqis is-soluzzjonijiet tas-suq u tnaqqas id-dipendenza mill-finanzjament bankarju u l-appoġġ bil-quddiem, u li tiffavorixxi t-trasferiment tat-tfaddil bejn Stati Membri differenti li jfittxu l-aħjar redditu; jeħtieġ ukoll li tiġi eliminata l-predispożizzjoni favur id-dejn. Il-kumpaniji innovattivi jeħtieġu ekwità u skema tat-taxxa li ma tippenalizzax wisq lill-intraprendituri b’rati marġinali tat-taxxa fuq il-gwadanji kapitali tagħhom.

6.   Riskji u salvagwardji

6.1.

Il-ħtieġa ta’ sikurezza, prevedibbiltà, u saħħa fiżika kif ukoll mentali trid tkun ukoll prijorità f’din l-aġenda. Huwa importanti li ċ-ċittadini jiġu sensibilizzati aktar dwar is-sigurtà, kif ukoll dwar it-teknoloġija bħala mezz biex tittejjeb il-kwalità tal-ħajja u tal-impjiegi. Skont dan il-prinċipju, il-KESE jemmen li l-Kummissjoni Ewropea għandha tieħu l-opportunità offruta mill-eżerċizzju annwali ta’ monitoraġġ ippjanat biex tara kif jaħsbuha ċ-ċittadini Ewropej dwar il-konformità mad-drittijiet u l-valuri tagħhom biex jiġi żgurat li d-dritt għas-saħħa jiġi salvagwardjat b’mod adatt.

6.2.

Fuq nota simili, il-KESE jirrakkomanda li l-UE tfassal strateġija ta’ monitoraġġ speċifika li tkopri t-tniġġis elettromanjetiku kollu ġġenerat mid-diversi teknoloġiji attwalment disponibbli biex takkumpanja din ir-rivoluzzjoni industrijali ġdida. Dan jagħmilha possibbli li jiġu traċċati l-effetti elettromanjetiċi fl-Ewropa kollha sabiex tiġi żviluppata letteratura speċifika dwar is-suġġett sabiex tiġi żgurata l-qagħda tas-saħħa tan-nies ladarba tkun fis-seħħ is-sistema Ewropea ta’ rekords elettroniċi tas-saħħa u tkun tista’ ssir kontroreferenza tad-data. Kull Stat Membru għandu jimmonitorja din il-kwistjoni u s-sejbiet għandhom jiddaħħlu f’bażi tad-data unika Ewropea. Għandha tiġi żviluppata politika Ewropea biex ittejjeb il-fiduċja tan-nies f’dan il-qasam.

6.3.

It-teknoloġiji diġitali għandhom ikunu għas-servizz taċ-ċittadini Ewropej, li qatt ma għandhom jiġu ttrattati bħala oġġetti jew sempliċiment sorsi tad-data. Għandhom jitqiesu l-linji gwida etiċi u tekniċi eżistenti, bħal-Linji Gwida dwar l-Etika għal Intelliġenza Artifiċjali Affidabbli mill-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar l-Intelliġenza Artifiċjali.

6.4.

Il-KESE jirrakkomanda li, fid-dawl tar-riskji ppreżentati mill-ipproċessar tad-data, iridu jittieħdu miżuri biex jiġi żgurat li ma tinżamm l-ebda data aktar milli fil-fatt ikun meħtieġ minn negozju, u li d-data ma tinżammx għal aktar milli jkun meħtieġ. Fl-istess ħin, l-innovazzjoni xprunata mid-data hija fattur ewlienigħall-kompetittività fl-ambjent diġitali u l-awtoritajiet għandhom jagħmlu pressjoni għal qafas regolatorju għall-kondiviżjoni tad-data transsettorjali sabiex jippermetti l-kondiviżjoni tad-data ffukata fuq l-utent. Il-qafas applikabbli jrid jippromovi l-aċċess għad-data u jiffoka fuq l-interoperabbiltà.

6.5.

20 % tal-fondi tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza huma allokati għall-konnettività diġitali u 37 % għat-tranżizzjoni ekoloġika. Dan jirrikjedi viżjoni ambizzjuża u koerenti għall-industrija Ewropea tat-telekomunikazzjoni u impenn għal qafas regolatorju aktar favorevoli li jappoġġja l-investiment privat fl-infrastruttura tan-network, kif ukoll l-iżvilupp ta’ servizzi sovrani integrati tat-telekomunikazzjoni bit-teknoloġiji tal-cloud, tal-edge, tad-data u tal-IA.

6.6.

Il-KESE jqis li t-tranżizzjoni diġitali trid tiġi allinjata mat-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar ekoloġika u tqis l-impatt ambjentali. L-użu tar-riżorsi (inklużi r-riżorsi skarsi) u l-konsum tal-enerġija tagħhom iridu jkunu raġonevoli. It-trasparenza dwar il-marka tal-karbonju tas-servizzi tal-cloud għandha tkun meħtieġa fil-livell Ewropew biex kwalunkwe organizzazzjoni tkun tista’ tikkalkula l-marka diġitali tal-karbonju tagħha u tiżviluppa pjani biex tnaqqasha.

6.7.

Il-KESE jisħaq fuq il-ħtieġa li nlaħħqu mal-evoluzzjoni mgħaġġla tat-teknoloġija u l-mudelli tan-negozju, filwaqt li jsir sforz biex jiġu eliminati kwalunkwe lakuni regolatorji, speċjalment dawk li jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-konsumaturi u ċ-ċittadini l-aktar vulnerabbli.

Brussell, is-7 ta’ Lulju 2021.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  ĠU C 440, 6.12.2018, p. 1.

(2)  Indikatur tad-DESI “2b1”. Bħalissa s-sehem tan-nisa fost l-ispeċjalisti impjegati fl-ICT huwa biss ta’ 18 %.

(3)  ĠU C 286, 16.7.2021, p. 8.


Top