Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021TN0438

    Kawża T-438/21: Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Lulju 2021 – TL vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 357, 6.9.2021, p. 32–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.9.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 357/32


    Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Lulju 2021 – TL vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-438/21)

    (2021/C 357/49)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrent: TL (rappreżentanti: L. Levi u N. Flandin, avukati)

    Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni tal-konvenuta tad-29 ta’ Ottubru 2020 li l-kuntratt ta’ xogħol tar-rikorrenti ma jiġġeddidx (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid”);

    flimkien ma’ dan u sa fejn ikun neċessarju, tannulla d-deċiżjoni tal-konvenuta tal-5 ta’ Mejju 2021 li tiċħad l-ilment ippreżentat mir-rikorrenti kontra d-deċiżjoni tad-29 ta’ Ottubru 2020 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kkontestata”);

    tannulla l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti tal-konvenuta tat-2 ta’ Ottubru 2020, sa fejn huwa joffri pożizzjoni b’kompiti identiċi għal dawk li r-rikorrenti kienet diġà twettaq.

    tordna l-ħlas ta’ kumpens li jammonta għal 90 % tas-salarju gross tar-rikorrenti, inklużi l-kuntribuzzjonijiet għall-pensjoni, għat-telf ta’ possibbiltà serja li l-kuntratt ta’ impjieg eżistenti jiġġedded u tordna l-ħlas ta’ kumpens għad-dannu morali mġarrab mir-rikorrenti; u

    tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha r-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-konvenuta inkwantu r-raġunijiet mogħtija fid-“Deċiżjoni kkontestata” u d-“Deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid” tal-kuntratt ta’ impjieg tar-rikorrenti ma humiex fondati. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-fajls li hija ħadmet prinċipalment fuqhom ma sarux inqas importanti u li l-bżonnijiet ta’ persunal fi ħdan id-diviżjoni ma naqsux, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-konvenuta.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dmir ta’ diliġenza min-naħa tal-konvenuta minħabba li ma kien hemm ebda bilanċ bejn l-interess tas-servizz u l-interess tal-membru tal-persunal. Hija ssostni wkoll li l-konvenuta ma ħaditx inkunsideazzjoni elementi oħra li kienu jinsabu fil-fajl tar-rikorrenti (i.e., fastidju).


    Top