This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52021XG0817(01)
Council Conclusions on the Protection of Vulnerable Adults across the European Union 2021/C 330 I/01
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Protezzjoni ta’ Adulti Vulnerabbli madwar l-Unjoni Ewropea 2021/C 330 I/01
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Protezzjoni ta’ Adulti Vulnerabbli madwar l-Unjoni Ewropea 2021/C 330 I/01
ST/9606/2021/INIT
ĠU C 330I, 17.8.2021, p. 1–6
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
17.8.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CI 330/1 |
KONKLUŻJONIJIET TAL-KUNSILL DWAR IL-PROTEZZJONI TA’ ADULTI VULNERABBLI MADWAR L-UNJONI EWROPEA
(2021/C 330 I/01)
Introduzzjoni
Dwar materji ta’ dritt ċivili
1. |
Il-Konvenzjoni ta’ The Hague tat-13 ta’ Jannar 2000 dwar il-Protezzjoni Internazzjonali tal-Adulti (“il-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-2000”) tipprevedi l-protezzjoni f’sitwazzjonijiet internazzjonali ta’ adulti li, minħabba diżabbiltà jew nuqqas fil-fakultajiet personali tagħhom, ma jkunux f’pożizzjoni li jipproteġu l-interessi tagħhom; |
2. |
Fl-24 ta’ Ottubru 2008, il-Kunsill approva konklużjonijiet fejn stieden:
|
3. |
Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Diċembru 2008, il-Parlament Ewropew talab lill-Kummissjoni biex hekk kif tkun inkisbet biżżejjed esperjenza tat-tħaddim tal-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-2000, tippreżenta proposta leġiżlattiva dwar it-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u t-titjib tar-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet dwar il-protezzjoni tal-adulti, mandati ta’ inkapaċità u prokuri dejjiema; |
4. |
Fl-2009 il-Programm ta’ Stokkolma enfasizza li l-ħtieġa għal proposti addizzjonali rigward adulti vulnerabbli għandha tiġi vvalutata fid-dawl tal-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-2000 mill-Istati Membri li huma parti għaliha, jew li ser isiru parti għaliha fil-futur, u ħeġġeġ lill-Istati Membri jissieħbu mal-Konvenzjoni mill-aktar fis possibbli; |
5. |
Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta’ Ġunju 2017 ħeġġet lill-Istati Membri biex jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-2000 u biex jippromwovu l-awtodeterminazzjoni tal-adulti billi jintroduċu fil-liġi nazzjonali tagħhom leġiżlazzjoni dwar mandati b’antiċipazzjoni tal-inkapaċità. Ħarġet ukoll rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar dan is-suġġett, filwaqt li nnotat li l-protezzjoni tal-adulti vulnerabbli, inkluż dawk b’diżabbiltà, tirrikjedi sett komprensiv ta’ azzjonijiet speċifiċi u mmirati. Din ir-Riżoluzzjoni appellat lill-Kummissjoni biex tadotta proposta għal Regolament immirat biex itejjeb il-kooperazzjoni fost l-Istati Membri u biex jiggarantixxi r-rikonoxximent awtomatiku u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet dwar il-protezzjoni ta’ adulti vulnerabbli, kif ukoll mandati b’antiċipazzjoni tal-inkapaċità; |
6. |
Il-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-2000 s’issa ġiet irratifikata minn għaxar Stati Membri u ffirmata minn sitta oħra; (1) |
7. |
Bħala strument tad-drittijiet tal-bniedem b’dimensjoni espliċita ta’ żvilupp soċjali, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà tat-13 ta’ Diċembru 2006 (“CRPD”), li għaliha kemm l-UE kif ukoll l-Istati Membri tagħha huma parti, tiddefinixxi l-kunċett ta’ persuni b’diżabbiltà b’mod wiesa’. Is-CRPD wasslet għal bidla paradigmatika fir-rigward tal-kapaċità ġuridika tal-persuni b’diżabbiltà billi affermat li l-persuni kollha b’diżabbiltà għandhom igawdu minn kapaċità ġuridika fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor. Titlob l-Istati Parti jieħdu miżuri xierqa biex jappoġġaw lill-persuni b’diżabbiltà fl-eżerċizzju tal-kapaċità ġuridika tagħhom. Għalkemm is-CRPD tiffoka fuq persuni b’diżabbiltà u ma tqisx id-diżabbiltà minn “perspettiva ta’ vulnerabbiltà”, iżda pjuttost bħala approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem, il-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-2000 għandha tiġi implimentata b’rispett sħiħ tas-CRPD. L-implimentazzjoni ta’ dawn iż-żewġ strumenti għandha l-istess objettiv li tippromwovi u tipproteġi d-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà; |
Dwar materji ta’ dritt penali
8. |
Il-programm ta’ Stokkolma poġġa wkoll enfasi qawwija fuq it-tisħiħ tad-drittijiet tal-individwi fi proċedimenti kriminali u, fil-punt 2.4 tiegħu, il-Kunsill Ewropew laqa’ l-adozzjoni mill-Kunsill tal-Pjan Direzzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali ta’ persuni suspettati u dawk akkużati, li stieden ukoll lill-Kummissjoni biex tressaq il-proposti previsti, inkluż salvagwardji speċjali għal persuni suspettati jew akkużati li huma vulnerabbli (miżura E); |
9. |
Sal-lum, ġew adottati sitt miżuri dwar id-drittijiet proċedurali fi proċedimenti kriminali f’konformità mal-pjan direzzjonali, jiġifieri d-Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2010/64/UE (dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali), 2012/13/UE (dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali) u 2013/48/UE (dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà), kif ukoll id-Direttivi (UE) 2016/343 (dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali), 2016/800 (dwar il-garanziji proċedurali għal tfal, jiġifieri persuni taħt it-18-il sena, li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali) u 2016/1919 (dwar għajnuna legali għal persuni ssuspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali u għal persuni rikjesti fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew); sa fejn il-ħtiġijiet partikolari ta’ persuni vulnerabbli suspettati jew dawk akkużati jkunu indirizzati f’dawn id-direttivi, dawn għandhom jitqiesu fl-implimentazzjoni tagħhom; |
10. |
Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Novembru 2013 dwar is-salvagwardji proċedurali għall-persuni vulnerabbli suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali appellat lill-Istati Membri biex isaħħu ċerti drittijiet proċedurali tal-persuni vulnerabbli kollha suspettati jew akkużati li ma jistgħux jifhmu u jipparteċipaw b’mod effettiv fi proċedimenti kriminali minħabba l-età, kundizzjoni mentali jew fiżika jew diżabbiltà. Din ir-Rakkomandazzjoni għalhekk tikkonċerna adulti vulnerabbli. Min-natura tagħha, madankollu, ma tipprevedix drittijiet jew obbligi ġuridikament eżegwibbli, u Stat Membru wieħed biss innotifika l-miżuri meħtieġa biex ir-Rakkomandazzjoni tidħol fis-seħħ; |
11. |
Il-punt 2.3.4 tal-Programm ta’ Stokkolma appella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħtu attenzjoni partikolari lill-vittmi tal-kriminalità. F’konformità ma’ dan, fl-10 ta’ Ġunju 2011 il-Kunsill adotta Riżoluzzjoni dwar Pjan Direzzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet u l-protezzjoni tal-vittmi, b’mod partikolari fi proċedimenti kriminali; |
12. |
Id-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill stabbiliet standards minimi dwar id-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, bil-għan li jiġi żgurat li l-vittmi tal-kriminalità jirċievu informazzjoni, appoġġ u protezzjoni xierqa u jkunu jistgħu jipparteċipaw fi proċedimenti kriminali. Hija tfittex li tippromwovi d-dritt għad-dinjità, għall-ħajja, għall-integrità fiżika u mentali, għal-libertà u għas-sigurtà, għar-rispett għall-ħajja privata u għall-ħajja tal-familja, id-dritt għall-proprjetà, il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni, il-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, id-drittijiet tat-tfal, tal-anzjani u tal-persuni b’diżabbiltà, u d-dritt ta’ proċess ġust. Din id-Direttiva ma taffettwax dispożizzjonijiet b’applikazzjoni usa’ li jinsabu f’atti oħra tal-Unjoni Ewropea li, b’mod aktar immirat, jindirizzaw il-bżonnijiet speċifiċi ta’ kategoriji ta’ vittmi partikolari, bħall-vittmi ta’ traffikar ta’ bnedmin u vittmi ta’ abbuż sesswali tat-tfal, ta’ sfruttament sesswali u ta’ pornografija tat-tfal; |
13. |
L-ewwel Strateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Vittmi (2020-2025) (2) tirrikonoxxi li għall-aktar vittmi vulnerabbli, bħall-vittmi b’diżabbiltà u anzjani, huwa partikolarment diffiċli biex jgħaddu minn proċedimenti kriminali u jifilħu għall-konsegwenzi tal-kriminalità; |
14. |
Ir-rapporti mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jivvalutaw l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi (3) u tad-Direttiva dwar l-Ordni Ewropea ta’ Protezzjoni (4) juru li huwa meħtieġ aktar progress sabiex jintlaħaq il-potenzjal sħiħ ta’ dawn l-istrumenti; |
Kunsiderazzjonijiet tal-Kunsill
Kunsiderazzjonijiet ġenerali
15. |
L-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà (2021-2030) tindirizza l-isfidi differenti li jħabbtu wiċċhom magħhom il-persuni b’diżabbiltà, inkluż il-persuni anzjani b’diżabbiltà, u għandha l-għan li tagħmel progress fl-implimentazzjoni tal-oqsma kollha tas-CRPD, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri. L-istrateġija tindika li l-Kummissjoni ser taħdem mal-Istati Membri biex timplimenta l-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-2000 f’konformità mas-CRPD; |
16. |
Il-kriżi tal-pandemija tal-COVID-19 taffettwa lis-soċjetà kollha, b’impatt partikolari fuq dawk l-adulti li diġà kienu vulnerabbli; |
17. |
It-tixjiħ tal-popolazzjoni huwa fenomenu li jaffettwa s-soċjetajiet tagħna, b’żieda kemm fl-għadd kif ukoll fil-proporzjon ta’ persuni anzjani madwar l-Ewropa; |
18. |
Skont ir-Rapport dwar it-Tixjiħ 2021 maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea fl-20 ta’ Novembru 2020, il-popolazzjoni totali tal-UE hija mistennija li tonqos fuq żmien twil, u l-istruttura tal-età ser tinbidel b’mod sinifikanti fid-deċennji li ġejjin. Il-popolazzjoni tal-UE hija pproġettata li tonqos minn 447 miljun persuna fl-2019 għal 424 miljun fl-2070 u, matul dan il-perijodu, il-popolazzjonijiet tal-Istati Membri ser jixjieħu b’mod drammatiku minħabba d-dinamika fil-fertilità, l-istennija tal-għomor u l-migrazzjoni. L-età medjana hija pproġettata li tiżdied b’ħames snin matul id-deċennji li ġejjin; |
19. |
Għadd sinifikanti ta’ adulti jiffaċċjaw limitazzjonijiet: il-Eurostat jistenna li parti minn kull ħamsa tal-popolazzjoni tal-UE jkollha xi forma ta’ diżabbiltà sal-2050. Ħafna minn dawn l-adulti huma jew ser isiru vulnerabbli u, minħabba d-diversi ostakli li għad hemm għall-persuni b’diżabbiltà mentali u/jew fiżika serja, mhumiex jew mhux ser ikunu f’pożizzjoni li jipproteġu l-interessi tagħhom mingħajr appoġġ adegwat; |
20. |
Din is-sitwazzjoni għandha impatt fuq il-kapaċità ġuridika tal-adulti vulnerabbli, li jiffaċċjaw sfidi u diffikultajiet fil-protezzjoni tad-drittijiet tagħhom, fid-difiża tal-interessi tagħhom u fl-aċċess għall-ġustizzja, kemm f’sitwazzjonijiet nazzjonali kif ukoll f’dawk transfruntiera. F’sitwazzjonijiet transfruntiera, pereżempju fil-każ ta’ ċittadini li jirrisjedu fi Stat li mhux dak tan-nazzjonalità tagħhom, dawn id-diffikultajiet eżistenti jistgħu jiġu aggravati minn ostakli addizzjonali fir-rigward tal-lingwa, ir-rappreżentanza jew l-aċċess għas-sistema ġudizzjarja u għas-servizzi pubbliċi inġenerali; |
21. |
Filwaqt li jfakkar fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2020 dwar “Aċċess għall-ġustizzja – Nisfruttaw l-Opportunitajiet tad-Diġitalizzazzjoni” li jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-adulti vulnerabbli fir-rigward tal-aċċess diġitali għall-ġustizzja, għandha tingħata attenzjoni partikolari biex jiġi appoġġat aktar it-titjib tal-ħiliet diġitali tagħhom u l-aċċess tagħhom għall-informazzjoni, sabiex jiġu protetti d-drittijiet tagħhom; |
22. |
Il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza għal persuni fl-UE huma pedamenti taċ-ċittadinanza tal-UE, u l-vulnerabbiltà ma għandha tkun ostaklu għall-eżerċizzju sħiħ ta’ ebda dritt; |
23. |
Fl-iskambju ta’ fehmiet matul il-laqgħa informali tagħhom tad-29 ta’ Jannar 2021, il-Ministri għall-Ġustizzja enfasizzaw l-importanza tal-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-2000 bħala mezz biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-adulti vulnerabbli. Il-Ministri enfasizzaw li l-ewwel pass għandu jkun li jiżdied l-għadd ta’ ratifiki mill-Istati Membri. Huma ddiskutew ukoll il-possibbiltà li jissaħħaħ il-qafas fl-UE biex tiġi ffaċilitata ċ-ċirkolazzjoni libera ta’ deċiżjonijiet dwar il-protezzjoni ta’ adulti vulnerabbli. Fil-qasam tad-dritt penali, il-Ministri ssottolinjaw il-ħtieġa għal implimentazzjoni aħjar tal-qafas legali eżistenti bil-ħsieb li jiġi żgurat l-eżerċizzju sħiħ tad-drittijiet minn adulti vulnerabbli u l-protezzjoni tagħhom meta jkunu vittmi tal-kriminalità; |
Dwar materji ta’ dritt ċivili
24. |
Illum ma hemm l-ebda regoli uniformi tad-dritt internazzjonali privat applikabbli fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili rigward il-protezzjoni ta’ adulti vulnerabbli f’sitwazzjonijiet transfruntiera madwar l-UE, u hemm disparità bejn il-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ miżuri ta’ protezzjoni. Id-diversità tar-regoli dwar dawn il-kwistjonijiet tista’ tfixkel l-eżerċizzju tad-dritt ta’ adulti vulnerabbli li jiċċaqalqu liberament u jirrisjedu fl-Istat Membru tal-għażla tagħhom. Tista’ wkoll ittellef il-possibbiltà għal dawn iċ-ċittadini li jiksbu protezzjoni adegwata rigward l-amministrazzjoni tal-proprjetà tagħhom f’kuntest transfruntier; |
25. |
Id-dritt għall-awtodeterminazzjoni huwa dritt fundamentali, u s-setgħat ta’ rappreżentanza li permezz tagħhom adult ikun għamel arranġamenti minn qabel għall-kura u/jew ir-rappreżentanza tiegħu jew tagħha għandhom jiġu rispettati fl-UE; |
26. |
Il-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-2000 tipprevedi l-protezzjoni f’sitwazzjonijiet internazzjonali ta’ adulti li, minħabba diżabbiltà jew nuqqas fil-fakultajiet personali tagħhom, ma jkunux f’pożizzjoni li jipproteġu l-interessi tagħhom. Din il-Konvenzjoni għandha l-għan li tipprevjeni kunflitti bejn is-sistemi legali tal-Partijiet Kontraenti fir-rigward tal-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ miżuri għall-protezzjoni tal-adulti, filwaqt li tiżgura wkoll li “setgħa ta’ rappreżentanza” jkollha forza legali f’Parti Kontraenti oħra, u tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni amministrattiva bejn il-Partijiet; |
27. |
L-adulti vulnerabbli jistgħu jiffaċċjaw diffikultajiet konsiderevoli f’kuntest transfruntier fl-UE, pereżempju meta deċiżjoni li taħtar rappreżentant maħruġa fi Stat Membru wieħed teħtieġ li tiġi rikonoxxuta fi Stat Membru ieħor, jew meta jkunu meħtieġa azzjonijiet rigward il-proprjetà immobbli jew il-kontijiet bankarji tagħhom li jinsabu barra mill-pajjiż, f’ħafna każijiet biex jiġi żgurat l-għajxien tagħhom stess; |
28. |
Fil-Konferenza ta’ Livell Għoli “Il-Protezzjoni ta’ Adulti Vulnerabbli madwar l-Ewropa: it-triq ’il quddiem”, li saret fit-30 ta’ Marzu 2021, xi membri tal-panel enfasizzaw li, waqt li huwa importanti li tinbena l-esperjenza u jiġu vvalutati r-riżultati tal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-2000, l-UE jenħtieġ tkun aktar ambizzjuża u tieħu passi ulterjuri biex tasal għall-approssimazzjoni tar-regoli tad-dritt internazzjonali privat biex tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tal-adulti vulnerabbli abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku; |
Dwar materji ta’ dritt penali
29. |
L-eżerċizzju dejjem aktar mifrux tad-drittijiet ta’ moviment liberu u ta’ residenza huwa rifless ukoll fl-għadd inevitabbilment dejjem jikber ta’ persuni involuti fi proċedimenti kriminali fi Stat Membru li mhuwiex dak tan-nazzjonalità tagħhom; |
30. |
Adulti vulnerabbli li huma persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali jistgħu jesperjenzaw għadd ta’ diffikultajiet li jistgħu jfixklu l-eżerċizzju sħiħ tad-drittijiet proċedurali tagħhom u jistgħu jdgħajfu d-dritt ta’ proċess ġust; |
31. |
L-UE u l-istituzzjonijiet tagħha għandhom iwieġbu għall-problemi u d-diffikultajiet taċ-ċittadini Ewropej fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom, speċjalment f’sitwazzjonijiet transfruntiera, u jridu jiżguraw aċċess sħiħ u effettiv għall-ġustizzja għaċ-ċittadini Ewropej kollha; |
32. |
Fil-Konferenza ta’ Livell Għoli “Il-Protezzjoni ta’ Adulti Vulnerabbli madwar l-Ewropa: it-triq ’il quddiem”, li saret fit-30 ta’ Marzu 2021, saret enfasi fuq il-ħtieġa li jkun hemm salvagwardji proċedurali fis-seħħ għall-persuni vulnerabbli, li neċessarjament jinkludu l-identifikazzjoni u l-għarfien tal-bżonnijiet speċifiċi tagħhom, li għandhom jitqiesu dejjem sakemm dawn il-persuni jkunu involuti fil-proċedimenti kriminali, u li jingħata appoġġ biex jiġi żgurat li l-persuni suspettati u dawk akkużati jifhmu kompletament in-natura tal-proċedimenti u l-konsegwenzi tagħhom, u li jipparteċipaw b’mod effettiv fi proċedimenti kriminali bħal dawn, kif ukoll li jitħarsu l-persuni li huma vulnerabbli bħala vittmi. |
Konklużjonijiet
33. |
Konxju minn dan ta’ hawn fuq, il-Kunsill iqis li għandha titwettaq ħidma ulterjuri sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-adulti vulnerabbli fl-UE kemm f’materji ta’ dritt ċivili kif ukoll dak penali. |
34. |
F’dan ir-rigward, jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, skont il-kompetenzi tagħhom u b’rispett għall-prinċipju ta’ sussidjarjetà, u filwaqt li jenfasizza l-ħtieġa li tiġi evitata d-duplikazzjoni tar-regoli, biex jadottaw il-miżuri li ġejjin: |
IL-KUNSILL JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI BIEX:
Dwar materji ta’ dritt ċivili u ta’ dritt penali
— |
jużaw, fejn possibbli, l-opportunitajiet ta’ finanzjament disponibbli mill-baġit tal-UE, bħall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, il-Programm dwar il-Ġustizzja u l-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri, sabiex attivament jiżviluppaw azzjonijiet marbuta mal-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet ta’ adulti vulnerabbli, inkluż fil-qasam tal-litteriżmu u l-ħiliet diġitali; |
Dwar materji ta’ dritt ċivili
— |
jippromwovu aktar sensibilizzazzjoni dwar il-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-2000 fost il-qrati, il-prattikanti u l-partijiet ikkonċernati kollha involuti fl-implimentazzjoni tagħha, b’mod partikolari permezz tal-kondiviżjoni tal-esperjenza u l-iżvilupp ta’ prattiki tajba, għal dawk l-Istati Membri li diġà huma parti għall-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-2000; |
— |
imexxu ’l quddiem il-proċeduri għar-ratifika tal-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-2000, bil-ħsieb li r-ratifika tiġi ffinalizzata malajr kemm jista’ jkun, b’mod partikolari minħabba l-Kummissjoni Speċjali li jmiss dwar din il-Konvenzjoni organizzata mill-Konferenza ta’ The Hague dwar id-Dritt Internazzjonali Privat, għal dawk l-Istati Membri li huma involuti f’tali proċeduri; |
— |
jibdew u/jew imexxu ’l quddiem il-konsultazzjonijiet domestiċi dwar l-adeżjoni possibbli mal-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-2000 malajr kemm jista’ jkun għall-Istati Membri l-oħra kollha; |
— |
jiżguraw li l-miżuri nazzjonali dwar il-protezzjoni tal-adulti vulnerabbli jkunu konformi mas-CRPD. |
Dwar materji ta’ dritt penali
— |
jiżguraw l-implimentazzjoni korretta u sħiħa tad-Direttiva 2010/64/UE, id-Direttiva 2012/13/UE, id-Direttiva 2013/48/UE, id-Direttiva (UE) 2016/343 u d-Direttiva (UE) 2016/1919, u jikkondividu l-aħjar prattiki, b’attenzjoni partikolari għall-adulti vulnerabbli; |
— |
jagħmlu ħilithom biex iqisu r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Novembru 2013 dwar is-salvagwardji proċedurali għall-persuni vulnerabbli suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali; |
— |
jiżguraw l-implimentazzjoni korretta u sħiħa tad-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI; |
— |
jikkondividu l-aħjar prattiki tagħhom dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2012/29/UE, b’attenzjoni partikolari għall-istabbiliment ta’ servizzi integrati u mmirati ta’ appoġġ speċjalizzat flimkien ma’ servizzi ġenerali ta’ appoġġ għall-vittmi, jew bħala parti mis-servizzi ġenerali, għall-aktar vittmi vulnerabbli, bħal servizzi aċċessibbli u inklużivi għall-persuni b’diżabbiltà, kif stabbilit fl-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Vittmi 2020-2025; |
— |
itejbu l-użu ta’ mekkaniżmi transfruntiera għall-protezzjoni tal-vittmi fl-UE, inkluż l-ordni Ewropea ta’ protezzjoni; (5) |
— |
jiżguraw li l-adulti vulnerabbli, kemm jekk huma persuni suspettati jew akkużati jew vittmi, jiġu identifikati fil-pront u li l-vulnerabbiltà tagħhom tiġi vvalutata kif xieraq sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw bis-sħiħ id-drittijiet tagħhom skont il-liġi tal-UE, f’konformità mas-CRPD. |
IL-KUNSILL JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI BIEX:
Dwar materji ta’ dritt ċivili
— |
tivvaluta azzjonijiet possibbli biex tinkoraġġixxi aktar Stati Membri biex jirratifikaw il-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-2000 malajr kemm jista’ jkun; |
— |
twettaq studju bir-reqqa bil-għan ta’ riflessjoni bil-għaqal u valutazzjoni ta’ kif l-Unjoni Ewropea tista’ ssaħħaħ ulterjorment il-protezzjoni tal-adulti vulnerabbli f’sitwazzjonijiet transfruntiera; |
— |
tqis il-ħtieġa possibbli għal qafas legali fl-Unjoni Ewropea biex tiġi ffaċilitata ċ-ċirkolazzjoni libera ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji u extraġudizzjarji dwar il-protezzjoni ta’ adulti vulnerabbli f’materji ċivili, li jistgħu jinkludu wkoll setgħat ta’ rappreżentanza, u tmexxi ’l quddiem direttivi dwar it-trattament mediku; |
— |
tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dwar ir-riżultati tal-istudju, flimkien ma’ proposti leġiżlattivi jekk ikun meħtieġ; |
Dwar materji ta’ dritt penali
— |
teżamina jekk hemmx bżonn li jissaħħu, b’mod komprensiv, is-salvagwardji proċedurali għall-adulti vulnerabbli li huma persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali, abbażi ta’ studju li jippermetti riflessjoni dwar kif l-Unjoni Ewropea għandha timxi ’l quddiem fil-protezzjoni ta’ adulti vulnerabbli f’konformità mas-CRPD; |
— |
tirrifletti bil-għaqal dwar il-ħtieġa li jiġu identifikati kriterji uniformi u komuni għall-identifikazzjoni ta’ adulti vulnerabbli fi proċedimenti kriminali, filwaqt li jitqies il-fatt li l-vulnerabbiltà tista’ tkun attribwibbli għal firxa wiesgħa ta’ ċirkostanzi u mhux neċessarjament ikollha kawża waħda komuni; |
— |
tqis il-bżonnijiet speċifiċi tal-adulti vulnerabbli meta tissorvelja u tiżgura l-implimentazzjoni korretta u sħiħa tad-Direttiva 2010/64/UE, id-Direttiva 2012/13/UE, id-Direttiva 2013/48/UE, id-Direttiva (UE) 2016/343 u d-Direttiva (UE) 2016/1919 msemmija hawn fuq, sa fejn il-ħtiġijiet partikolari ta’ persuni vulnerabbli suspettati jew akkużati jiġu indirizzati f’dawn id-direttivi; |
— |
tippromwovi l-protezzjoni mmirata u speċjalizzata tal-adulti vulnerabbli permezz ta’ opportunitajiet ta’ finanzjament tal-UE u kampanja ta’ sensibilizzazzjoni tal-UE dwar id-drittijiet tal-vittmi, kif enfasizzat fl-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Vittmi (2020-2025); tali appoġġ u protezzjoni għandhom iqisu l-intersezzjonalità tal-vittimizzazzjoni; |
— |
tqis il-bżonnijiet speċifiċi tal-adulti vulnerabbli meta tissorvelja u tiżgura l-implimentazzjoni korretta u sħiħa tad-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI; kif ukoll |
— |
tikkollabora mal-Istati Membri biex tidentifika prattiki tajba orizzontali f’dan ir-rigward. |
(1) It-tabella tal-istatus hija disponibbli fuq https://www.hcch.net/en/instruments/conventions/status-table/?cid=71
(2) COM(2020) 258 final, 24 ta’ Ġunju 2020
(3) Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2012/29/UE lill-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI, COM (2020) 188 final, 11 ta’ Mejju 2020.
(4) Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/99/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-ordni Ewropea ta’ protezzjoni, COM(2020)187 final, 11 ta’ Mejju 2020.
(5) Direttiva 2011/99/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-ordni Ewropea ta’ protezzjoni.