Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021TN0295

    Kawża T-295/21: Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Mejju 2021 – eSlovensko vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 320, 9.8.2021, p. 39–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    9.8.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 320/39


    Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Mejju 2021 – eSlovensko vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-295/21)

    (2021/C 320/45)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: eSlovensko (Lučenec, Slovakkja) (rappreżentant: B. Fridrich, lawyer)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, konkretament, l-att ġuridiku individwali “Ordni ta’ rkupru u nota ta’ debitu” adottat mill-Kummissjoni Ewropea, DG Networks ta’ Komunikazzjoni, Kontenut u Teknoloġija, Ref. ARES(2021)1955613, tat-18 ta’ Marzu 2021;

    tibgħat lura l-każ quddiem il-Kummissjoni Ewropea sabiex din tiddeċiedi dwar l-implikazzjonijiet finanzjarji u l-eliġibbiltà tal-ispejjeż inkwistjoni skont il-ftehim ta’ sussidji “Slovak Safer Internet”, SI-2010-SIC-1231002;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-konvenuta u tal-ordni ta’ rkupru ARES(2021)1955613 minħabba ksur tal-forma proċedurali essenzjali, ksur tat-trattati jew ta’ kwalunkwe dispożizzjoni legali relatata mal-applikazzjoni tagħhom, użu ħażin ta’ poter, b’mod partikolari evalwazzjoni żbaljata fid-dritt tal-fatti (ksur tad-drittijiet tad-difiża, ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, ksur tal-prinċipji tal-Istat ta’ dritt, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ non-retroattività, evalwazzjoni ġuridika żbaljata tal-fatti u tal-konklużjonijiet tal-awditu 12-INFS-024 u tal-awditu segwenti 15-NR01044).

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq it-talba sabiex il-konvenuta tiġi kkundannata tħallas l-ispejjeż eliġibbli lir-rikorrenti inkwantu benefiċjajra oriġinali u parti kontraenti tal-ftehim ta’ sussidju SI-2010-SIC-123002 “Slovak Safer Internet” b’konformità mal-ftehim ta’ sussidju validu u fis-seħħ abbażi tal-fatt li l-konvenuta kellha l-kompetenza meħtieġa sabiex tittratta l-kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-proġett u ta’ trasferimenti finanzjarji marbuta mal-kuntratt validu u fis-seħħ bejn il-konvenuta u r-rikorrenti.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq it-talba sabiex il-konvenuta tiġi kkundannata tirrimborsa l-ispejjeż proċedurali. Fid-dawl tal-argumenti preċedenti u tan-natura arbitrarja tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti titlob ir-rimbors tal-ispejjeż relatati mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-ispejjeż sostnuti għall-assistenza ġuridika marbuta ma’ din it-talba.


    Top