Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 52021XC0702(01)

    Notifika ta’ bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet tas-siliċju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina 2021/C 258/08

    C/2021/4722

    ĠU C 258, 2.7.2021, p. 8–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    2.7.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 258/8


    Notifika ta’ bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet tas-siliċju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

    (2021/C 258/08)

    Wara l-pubblikazzjoni ta’ Notifika ta’ skadenza imminenti (1) tal-miżuri anti-dumping fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet tas-siliċju li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-pajjiż ikkonċernat” jew “iċ-Ċina”), il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba għal rieżami skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (2) (“ir-Regolament bażiku”).

    1.   Talba għal rieżami

    It-talba tressqet fit-30 ta ’Marzu 2021 minn Euroalliages (“l-applikant”), assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-produtturi kollha li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ ċertu metall tas-siliċju.

    Verżjoni miftuħa tat-talba u l-analiżi tal-grad ta’ sostenn għat-talba mill-produtturi tal-Unjoni huma disponibbli fil-file għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. It-Taqsima 5.6 ta’ din in-Notifika tipprovdi informazzjoni dwar l-aċċess għall-file mill-partijiet interessati.

    2.   Prodott taħt rieżami

    Il-prodott soġġett għal dan ir-rieżami huwa s-siliċju (“il-prodott li qed jiġi rieżaminat”), li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 2804 69 00.

    3.   Miżuri eżistenti

    Il-miżuri attwalment fis-seħħ huma dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tas-siliċju li joriġinaw mir-RPĊ wara rieżami ta’ skadenza impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2016/1077 (3).

    4.   Raġunijiet għar-rieżami

    It-talba hija bbażata fuq ir-raġuni li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx twassal għall-kontinwazzjoni ta’ dumping u l-kontinwazzjoni ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni.

    4.1.    Allegazzjoni dwar il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni ta’ dumping

    Minħabba li l-importazzjonijiet mir-RPĊ għadhom qed jidħlu fl-UE fi kwantitajiet sostanzjali, l-applikant ipprovda evidenza dwar il-kontinwazzjoni tad-dumping.

    L-applikant sostna li mhuwiex xieraq li jintużaw prezzijiet u kostijiet domestiċi fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. minħabba l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fis-sens tal-punt (b) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.

    Biex jissostanzja l-allegazzjonijiet ta’ distorsjonijiet sinifikanti, l-applikant qagħad fuq id-“Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar Distorsjonijiet Sinifikanti fl-Ekonomija tar-RPĊ” ta’ Diċembru 2017 (ir-“rapport tal-Kummissjoni”), kif ukoll fuq studju, ikkummissjonat mill-applikant, intitolat “Analiżi tad-distorsjonijiet tas-suq ikkawżati mill-istat fl-industrija Ċiniża tal-ligi tal-ħadid u tas-siliċju” ta’ Settembru 2018 (ir-“Rapport tas-Siliċju”). Fir-rapport tal-Kummissjoni, l-applikant irrefera speċifikament għat-Taqsima 12.4.2 li tindika l-eżistenza ta’ intervent sostanzjali tal-gvern f’ħafna livelli tal-ekonomija. Ir-rapport jindika li fil-manifattura tas-siliċju jintużaw distorsjonijiet speċifiċi f’fatturi ewlenin tal-produzzjoni. L-applikant irrefera wkoll għall-kapitolu dwar id-distorsjonijiet ġenerali, l-aktar dwar l-elettriku (eż. l-elettriku u l-materja prima), li huwa element ewlieni ta’ kost fil-produzzjoni tas-siliċju. Ir-Rapport tas-Siliċju jagħti wkoll dettalji dwar l-intervent u l-interferenza tal-Istat fl-industrija tas-Siliċju fir-RPĊ, bħas-sussidji diretti, il-preferenzi fiskali, l-appoġġ fl-art, fil-kapital u fix-xogħol, kif ukoll ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni u l-promozzjonijiet tal-esportazzjoni.

    Ir-rapport tal-Kummissjoni huwa disponibbli fil-file li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ (4).

    B’hekk, fir-rigward tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, l-allegazzjoni ta’ kontinwazzjoni ta’ dumping hija bbażata fuq tqabbil ta’ valur normali maħdum fuq il-bażi tal-kostijiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ li jirriflettu prezzijiet jew punti ta’ riferiment mingħajr distorsjoni f’pajjiż rappreżentattiv xieraq, mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott taħt rieżami mir-RPĊ meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Il-marġni tad-dumping ikkalkulat fuq il-bażi ta’ dan it-tqabbil huwa sinifikanti għar-RPĊ

    Fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni tqis li hemm biżżejjed evidenza, skont l-Artikolu 5(9) tar-Regolament bażiku li turi li, minħabba li hemm distorsjonijiet sinifikanti li jaffettwaw il-prezzijiet u l-kostijiet, l-użu tal-prezzijiet domestiċi u l-kostijiet fir-RPĊ mhuwiex xieraq, u dan jirrikjedi li jingħata bidu għal investigazzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.

    4.2.    Allegazzjoni dwar il-probabbiltà li d-dannu jitkompla

    L-applikant allega l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni tad-dannu.

    L-applikant ipprovda biżżejjed evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni baqgħu sinifikanti f’termini assoluti u f’termini ta’ ishma mis-suq.

    L-evidenza li pprovdew l-applikanti turi li l-volum u l-prezzijiet tal-prodott importat li qed jiġi investigat kellhom, fost konsegwenzi oħrajn, impatt negattiv fuq il-kwantitajiet mibjugħa, fuq il-livell tal-prezzijiet debitati u fuq is-sehem mis-suq miżmum mill-industrija tal-Unjoni, li rriżultaw f’effetti negattivi sostanzjali fuq il-prestazzjoni ġenerali u l-qagħda finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni.

    L-applikant ipprovda ulterjorment biżżejjed evidenza li turi li jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, il-livell attwali ta’ importazzjoni tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni x’aktarx li jiżdied minħabba l-eżistenza ta’ kapaċità sostanzjali mhux użata tal-produtturi esportaturi fir-RPĊ, kif ukoll minħabba l-attraenza tas-suq tal-UE.

    Barra minn hekk, l-applikant allega li kwalunkwe żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet bi prezzijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mill-pajjiż ikkonċernat x’aktarx li twassal għal dannu ulterjuri għall-industrija tal-Unjoni, jekk dawn il-miżuri jitħallew jiskadu.

    5.   Proċedura

    Wara li ġie ddeterminat, b’segwitu għal konsultazzjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, li teżisti biżżejjed evidenza ta’ probabbiltà ta’ dumping u dannu biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta’ rieżami ta’ skadenza, il-Kummissjoni b’dan tagħti bidu għal rieżami skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

    Ir-rieżami ta’ skadenza se jiddetermina jekk huwiex probabbli li l-iskadenza tal-miżuri twassal għal kontinwazzjoni jew rikorrenza tad-dumping tal-prodott taħt rieżami li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat u għal kontinwazzjoni jew rikorrenza tad-dannu għall-industrija tal-Unjoni.

    Il-Kummissjoni tiġbed ukoll l-attenzjoni tal-partijiet li wara t-tifqigħa tal-COVID-19 ġiet ippubblikata Notifika (5) dwar il-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq l-investigazzjonijiet anti-dumping u antisussidji li jistgħu jkunu applikabbli għal dan il-proċediment.

    5.1.    Perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u perjodu taħt kunsiderazzjoni

    L-investigazzjoni ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping se tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2020 sat-30 ta’ Ġunju 2021 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza tad-dannu jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2018 sa tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami (“il-perjodu kkunsidrat”).

    5.2.    Kummenti dwar it-talba u l-bidu tal-investigazzjoni

    Il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom dwar l-inputs u l-kodiċijiet tas-Sistema Armonizzata (SA) ipprovduti fit-talba (6) fi żmien 15-il jum mid-data ta’ pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (7).

    Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jikkummentaw dwar it-talba (inklużi l-kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mad-dannu u mal-kawżalità) jew dwar kwalunkwe aspett li jirrigwarda l-bidu tal-investigazzjoni (inkluż il-livell ta’ sostenn għat-talba) iridu jagħmlu dan fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

    Kwalunkwe talba għal seduta ta’ smigħ fir-rigward tal-bidu tal-investigazzjoni trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

    5.3.    Proċedura għad-determinazzjoni ta’ probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping

    F’rieżami ta’ skadenza, il-Kummissjoni teżamina l-esportazzjonijiet li saru lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u, irrispettivament mill-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni, tqis jekk is-sitwazzjoni tal-kumpaniji li jipproduċu u li jbigħu l-prodott taħt rieżami fil-pajjiż ikkonċernat hijiex tali li l-esportazzjonijiet bi prezzijiet oġġett ta’ dumping lejn l-Unjoni x’aktarx li jitkomplew jew jirrikorru jekk il-miżuri jiskadu.

    Għaldaqstant, il-produtturi kollha (8) tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiż ikkonċernat, irrispettivament minn jekk esportawx il-prodott taħt rieżami lejn l-Unjoni tul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami jew le, huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

    5.3.1.   Investigazzjoni tal-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat

    Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ produtturi esportaturi fir-RPĊ li huma involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza, u sabiex tlesti l-investigazzjoni sal-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-produtturi li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

    Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu għan-nom tagħhom, inklużi dawk li ma jkunux ikkooperaw fl-investigazzjoni li tkun wasslet għall-miżuri soġġetti għal dan ir-rieżami, huma b’dan mitluba jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Din l-informazzjoni trid tingħata permezz ta’ TRON.tdi fl-indirizz li ġej: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi/form/R743_SAMPLING_FORM_FOR_EXPORTING_PRODUCER L-informazzjoni dwar l-aċċess għal TRON tinsab fit-Taqsimiet 5.6 u 5.9 ta’ hawn taħt.

    Il-Kummissjoni, sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hija meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ produtturi fil-pajjiż ikkonċernat, se tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet tar-RPĊ, u tista’ tikkuntattja lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi fil-pajjiż ikkonċernat.

    Jekk ikun meħtieġ kampjun, il-produtturi jintgħażlu fuq il-bażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ produzzjoni, bejgħ jew esportazzjonijiet li jista’ raġonevolment jiġi investigat fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi kollha magħrufa fil-pajjiż ikkonċernat, l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u l-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi fil-pajjiż ikkonċernat se jiġu nnotifikati mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat jekk ikun xieraq, dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

    Ladarba l-Kummissjoni tkun irċeviet l-informazzjoni meħtieġa biex tagħżel kampjun ta’ produtturi, hija tinforma lill-partijiet ikkonċernati bid-deċiżjoni tagħha dwar jekk dawn humiex inklużi fil-kampjun. Il-produtturi fil-kampjun ikollhom jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Il-Kummissjoni se żżid nota fil-file għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati li tirrifletti l-għażla tal-kampjun. Fl-istess ħin il-Kummissjoni se tagħmel il-kwestjonarju għall-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat disponibbli fil-file għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2535 Kwalunkwe kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien tlett (3) ijiem mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun.

    Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-kumpaniji li jkunu qablu mal-inklużjoni possibbli tagħhom fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu fil-kampjun se jitqiesu li jkunu kkooperaw (“il-produtturi li kkooperaw iżda mhumiex inklużi fil-kampjun”).

    5.3.2.   Proċedura addizzjonali fir-rigward tal-pajjiż ikkonċernat soġġett għal distorsjonijiet sinifikanti

    Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-Notifika, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna jesprimu l-opinjonijiet tagħhom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, tali informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

    Skont il-punt (e) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni, ftit wara l-bidu tal-investigazzjoni, permezz ta’ nota fil-file għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati, tinforma lill-partijiet fl-investigazzjoni dwar is-sorsi rilevanti li beħsiebha tuża għad-determinazzjoni tal-valur normali fil-pajjiż ikkonċernat skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Dan ikun ikopri s-sorsi kollha, inkluża l-għażla ta’ pajjiż terz rappreżentattiv xieraq fejn ikun xieraq. Il-partijiet fl-investigazzjoni għandhom jingħataw 10 ijiem mid-data li fiha dik in-nota tiżdied fil-file, sabiex iressqu l-kummenti.

    Skont l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, pajjiż terz rappreżentattiv possibbli għall-pajjiż ikkonċernat, f’dan il-każ, huwa l-Brażil. Bl-għan li finalment tagħżel pajjiż terz rappreżentattiv xieraq, il-Kummissjoni se teżamina jekk hemmx pajjiżi b’livell simili ta’ żvilupp ekonomiku bħall-pajjiż ikkonċernat, li fihom isiru l-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott taħt rieżami u li fihom hemm data rilevanti disponibbli minnufih. F’każ li jkun hemm aktar minn pajjiż wieħed bħal dan, se tingħata preferenza, meta jkun il-każ, lill-pajjiżi b’livell adegwat ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali.

    Fir-rigward tas-sorsi rilevanti, il-Kummissjoni tistieden lill-produtturi kollha fir-RPĊ biex jipprovdu informazzjoni dwar il-materji (primi u dawk ipproċessati) u l-enerġija użati fil-produzzjoni tal-prodott soġġett għal rieżami fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Din l-informazzjoni trid tingħata permezz ta’ TRON.tdi fl-indirizz li ġej: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi/form/R743_SAMPLING_FORM_FOR_EXPORTING_PRODUCER L-informazzjoni dwar l-aċċess għal TRON tinsab fit-Taqsimiet 5.6 u 5.9 ta’ hawn taħt.

    Barra minn hekk, kwalunkwe preżentazzjoni ta’ informazzjoni fattwali biex jiġu vvalutati l-kostijiet u l-prezzijiet skont il-punt (a) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku trid tiġi meħuda esklussivament minn sorsi pubblikament disponibbli.

    Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li għandha bżonn għall-investigazzjoni fir-rigward tal-allegati distorsjonijiet sinifikanti fis-sens tal-punt (b) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni se tagħmel disponibbli wkoll kwestjonarju lill-gvern tal-pajjiż ikkonċernat.

    5.3.3.   Investigazzjoni ta’ importaturi mhux relatati (9) (10)

    L-importaturi mhux relatati tal-prodott taħt rieżami mir-RPĊ lejn l-Unjoni, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni(jiet) li wasslet/wasslu għall-miżuri fis-seħħ, huma mistiedna jipparteċipaw f’din l-investigazzjoni.

    Fid-dawl tal-għadd potenzjalment kbir ta’ importaturi mhux relatati, li huma involuti f’dan ir-rieżami tal-iskadenza, u sabiex tlesti l-investigazzjoni fil-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-importaturi mhux relatati li se jiġu investigati, għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun. Il-kampjunar isir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

    Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ il-kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-importaturi mhux relatati kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu għan-nom tagħhom, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri soġġetti għal dan ir-rieżami, qegħdin b’dan jintalbu jippreżentaw lilhom infushom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu dan fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika billi jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom, kif mitlub fl-Anness ta’ din in-Notifika.

    Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja wkoll lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.

    Jekk ikun hemm bżonn ta’ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiż ikkonċernat fl-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Il-Kummissjoni se tgħarraf lill-importaturi mhux relatati magħrufa kollha u lill-assoċjazzjonijiet magħrufa ta’ importaturi kollha dwar il-kumpaniji li jkunu ntgħażlu bħala parti mill-kampjun.

    Il-Kummissjoni se żżid ukoll nota fil-file għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati li tirrifletti l-għażla tal-kampjun. Kwalunkwe kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien tlett (3) ijiem min-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun. Meta żżid in-nota fil-file li tirrifletti l-għażla tal-kampjun, il-Kummissjoni se tagħmel disponibbli kopja tal-kwestjonarju għall-importaturi mhux relatati fil-file għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2535

    Sabiex tikseb informazzjoni li tqis bħala meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tqiegħed kwestjonarji għad-dispożizzjoni tal-importaturi mhux relatati fil-kampjun. Dawn il-partijiet iridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    5.4.    Proċedura għad-determinazzjoni ta’ probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza tad-dannu

    Sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza tad-dannu lill-industrija tal-Unjoni, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott taħt rieżami huma mistiedna jipparteċipaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

    5.4.1.   Investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni

    Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hija meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi tal-Unjoni, il-Kummissjoni se tagħmel il-kwestjonarji disponibbli għall-produtturi magħrufa tal-Unjoni jew għall-produtturi rappreżentattivi tal-Unjoni, jiġifieri lil: Ferroatlantica S.L., Ferropem, RW Silicium GmbH u Euroalliages.

    Il-produtturi tal-Unjoni msemmija hawn fuq iridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data li fiha l-kwestjonarju se jkun disponibbli fil-file għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2535, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Il-produtturi tal-Unjoni u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi li mhumiex elenkati hawn fuq huma mistiedna jikkuntattjaw lill-Kummissjoni, preferibbilment bil-posta elettronika, minnufih u mhux iktar tard minn sebat ijiem wara l-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, sabiex jippreżentaw lilhom infushom u jitolbu kwestjonarju.

    5.5.    Proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni

    Jekk tiġi kkonfermata l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping u ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza tad-dannu, tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, dwar jekk iż-żamma tal-miżuri anti-dumping tmurx kontra l-interess tal-Unjoni.

    Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trejdjunjins u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur rappreżentattivi huma mistiedna jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar jekk iż-żamma tal-miżura tmurx kontra l-interess tal-Unjoni. Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur rappreżentattivi jridu juru li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt rieżami.

    Informazzjoni dwar il-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni tista’ tiġi pprovduta jew f’format ħieles jew inkella billi jiġi komplut kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni. Kopja tal-kwestjonarji, inkluż il-kwestjonarju għall-utenti tal-prodott taħt rieżami, se jkun disponibbli fil-file għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2535 sal-1 ta’ Ottubru 2021. L-informazzjoni dwar il-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni trid tiġi pprovduta fi żmien 37 jum mid-data li fiha l-kwestjonarju se jkun disponibbli fil-file għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2535 Fi kwalunkwe każ, l-informazzjoni ppreżentata skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku titqies biss jekk, meta tiġi ppreżentata, tkun sostnuta b’evidenza fattwali li tissostanzja l-validità tagħha.

    5.6.    Partijiet interessati

    Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, il-partijiet interessati, bħall-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trejdjunjins u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur rappreżentattivi, l-ewwel iridu juru li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt rieżami.

    Il-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi li rendew disponibbli informazzjoni b’konformità mal-proċeduri deskritti fit-Taqsimiet 5.2, 5.3 u 5.4 jiġu kkunsidrati bħala partijiet interessati jekk ikun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt rieżami.

    Partijiet oħra jkunu jistgħu jipparteċipaw biss fl-investigazzjoni bħala parti interessata mill-mument meta jippreżentaw lilhom infushom, u dment li jkun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt rieżami. Il-fatt li wieħed jiġi kkunsidrat bħala parti interessata huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

    L-aċċess għall-file disponibbli għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati jsir permezz ta’ Tron.tdi f’dan l-indirizz: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI Jekk jogħġbok segwi l-istruzzjonijiet fuq dik il-paġna sabiex ikollok aċċess (11).

    5.7.    Preżentazzjonijiet oħrajn bil-miktub

    Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-Notifika, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna jesprimu l-opinjonijiet tagħhom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, tali informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

    5.8.    Possibbiltà ta’ seduta ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

    Il-partijiet kollha interessati jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kwalunkwe talba għal seduta ta’ smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba kif ukoll sommarju ta’ dak li l-parti interessata tixtieq tiddiskuti matul is-seduta ta’ smigħ. Is-seduta ta’ smigħ tkun limitata għall-kwistjonijiet stabbiliti minn qabel mill-partijiet interessati bil-miktub.

    Fil-prinċipju, is-seduti ta’ smigħ ma jintużawx biex tiġi ppreżentata informazzjoni fattwali li tkun għadha mhijiex fil-file. Madankollu, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba u sabiex is-servizzi tal-Kummissjoni jkunu jistgħu jimxu ’l quddiem bl-investigazzjoni, il-partijiet interessati jistgħu jiġu mitluba jipprovdu informazzjoni fattwali ġdida wara seduta ta’ smigħ.

    5.9.    Struzzjonijiet għat-tfassil ta’ preżentazzjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji kompluti u l-korrispondenza

    L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni għall-fini ta’ investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw lill-Kummissjoni b’informazzjoni u/jew b’data li jkunu soġġetti għad-drittijiet tal-awtur ta’ parti terza, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet tal-awtur li jippermetti b’mod espliċitu li l-Kummissjoni (a) tuża l-informazzjoni u d-data għall-finijiet ta’ dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u (b) tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

    Il-preżentazzjonijiet kollha bil-miktub, fosthom l-informazzjoni mitluba f’din in-Notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali għandhom jiġu mmarkati bħala “Sensitive” (Sensittiv) (12). Il-partijiet li jippreżentaw informazzjoni matul din l-investigazzjoni huma mistiedna jagħtu raġunijiet għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali.

    Il-partijiet interessati li jipprovdu informazzjoni “Sensitive” huma mitluba jfasslu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li jiġu mmarkati “For inspection by interested parties” (Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati). Dawn is-sommarji jridu jkunu ddettaljati biżżejjed biex jippermettu li s-sustanza tal-informazzjoni ppreżentata b’mod kunfidenzjali tinftiehem b’mod raġonevoli. Jekk parti li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġunijiet ġusti għal talba ta’ trattament kunfidenzjali jew ma tfassalx sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u bil-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora tali informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta.

    Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu l-preżentazzjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ TRON.tdi (https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI) inklużi d-dokumenti ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni skennjati. Meta jużaw TRON.tdi jew il-posta elettronika, il-partijiet interessati jkunu qed jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għall-preżentazzjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES” (KORRISPONDENZA MAL-KUMMISSJONI EWROPEA F’KAŻIJIET TA’ DIFIŻA TAL-KUMMERĊ) ippubblikat fis-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2011/june/tradoc_148003.pdf Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefon u indirizz validu tal-posta elettronika u jenħtieġ li jiżguraw li l-indirizz tal-posta elettronika pprovdut ikun indirizz kummerċjali uffiċjali tal-posta elettronika li jiffunzjona u li jiġi vverifikat kuljum. Ladarba jiġu pprovduti d-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz ta’ TRON.tdi jew tal-posta elettronika biss, dment li ma jitolbux li jirċievu d-dokumenti kollha mingħand il-Kummissjoni b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew dment li n-natura tad-dokument li jrid jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta rreġistrata. Għal regoli u għal informazzjoni oħra dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet bi TRON.tdi u bil-posta elettronika, jenħtieġ li l-partijiet interessati jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

    L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

    European Commission

    Directorate-General for Trade

    Directorate G

    Uffiċċju: CHAR 04/039

    1049 Bruxelles/Brussel

    BELGIQUE/BELGIË

    TRON.tdi: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi

    Posta elettronika: TRADE-R743-SILICON-DUMPING@ec.europa.eu

    TRADE-R743-SILICON-INJURY@ec.europa.eu

    6.   Skeda tal-investigazzjoni

    L-investigazzjoni għandha normalment tiġi konkluża fi żmien 12-il xahar, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku.

    7.   Preżentazzjoni tal-informazzjoni

    Bħala regola, il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw biss l-informazzjoni fil-perjodi ta’ żmien speċifikati fit-Taqsima 5 ta’ din in-Notifika.

    Sabiex l-investigazzjoni titlesta fl-iskadenzi mandatorji, il-Kummissjoni mhix se taċċetta iktar preżentazzjonijiet mingħand il-partijiet interessati wara l-iskadenza għal kummenti dwar l-iżvelar finali jew, jekk ikun applikabbli, wara l-iskadenza għal kummenti dwar l-iżvelar finali addizzjonali.

    8.   Possibbiltà għal kummenti dwar il-preżentazzjonijiet ta’ partijiet oħra

    Sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tad-difiża, jenħtieġ li l-partijiet interessati jkollhom il-possibbiltà li jikkummentaw dwar l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet interessati oħra. Meta jagħmlu dan, il-partijiet interessati jistgħu biss jindirizzaw kwistjonijiet imqajma fil-preżentazzjonijiet ta’ partijiet interessati oħra u ma jistgħux iqajmu kwistjonijiet ġodda.

    Jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għall-iżvelar tas-sejbiet definittivi, jiġu ppreżentati fi żmien ħamest (5) ijiem mill-iskadenza għal kummenti dwar is-sejbiet definittivi, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Jekk ikun hemm żvelar finali addizzjonali, jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għal dan l-iżvelar ulterjuri jsiru fi żmien ġurnata (1) mill-iskadenza għall-kummenti dwar dan l-iżvelar ulterjuri, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Il-qafas ta’ żmien deskritt huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kummissjoni li titlob għal informazzjoni addizzjonali mingħand il-partijiet interessati f’każijiet debitament ġustifikati.

    9.   Estensjoni tal-limiti ta’ żmien speċifikati f’din in-Notifika

    L-estensjonijiet tal-limiti ta’ żmien previsti f’din in-Notifika jistgħu jingħataw fuq talba min-naħa tal-partijiet interessati li jkollhom raġuni valida.

    Jenħtieġ li kull estensjoni għal-limiti ta’ żmien previsti f’din in-Notifika jiġu rikjesti f’ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni u jingħataw biss jekk ikunu debitament ġustifikati. Fi kwalunkwe każ, kull estensjoni għall-iskadenza tat-tweġiba għall-kwestjonarji se tkun limitata għal tlett (3) ijiem, u bħala regola ma taqbiżx is-sebat (7) ijiem. Fir-rigward tal-limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni ta’ informazzjoni oħra speċifikata f’din in-Notifika, l-estensjonijiet ikunu limitati għal tlett (3) ijiem sakemm ma jintwerewx xi ċirkostanzi eċċezzjonali.

    10.   Nuqqas ta’ kooperazzjoni

    F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa jew ma tipprovdihiex fil-limiti ta’ żmien, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, jistgħu jiġu stabbiliti konklużjonijiet, sew jekk pożittivi kif ukoll jekk negattivi, abbażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

    Fejn jinstab li xi parti interessata tkun ipprovdiet informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

    Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u għalhekk is-sejbiet ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

    In-nuqqas ta’ tweġiba kompjuterizzata ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala nuqqas ta’ kooperazzjoni, dment li l-parti interessata turi li l-preżentazzjoni tat-tweġiba kif mitlub tkun tirriżulta f’piż żejjed mhux raġonevoli jew f’kost addizzjonali mhux raġonevoli. F’dan il-każ, jenħtieġ li l-parti interessata tikkuntattja immedjatament lill-Kummissjoni.

    11.   Uffiċjal tas-Seduta

    Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta għal proċedimenti tal-kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrieżamina t-talbiet għall-aċċess għall-file, it-tilwim fir-rigward tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien u kwalunkwe talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati u tal-partijiet terzi li jistgħu jfeġġu matul il-proċediment.

    L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduti ta’ smigħ u jagħmilha ta’ medjatur bejn il-parti(jiet) interessata/i u s-servizzi tal-Kummissjoni sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jiġu eżerċitati bis-sħiħ. Jenħtieġ li t-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta ssir bil-miktub u jenħtieġ li tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina r-raġunijiet għat-talbiet. Jenħtieġ li dawn is-seduti ta’ smigħ isiru biss jekk il-kwistjonijiet ma jkunux ġew solvuti mas-servizzi tal-Kummissjoni fi żmien debitu.

    Il-partijiet interessati huma mistiedna jsegwu l-iskedi ta’ żmien stabbiliti fit-taqsima 5.7 ta’ din in-Notifika anki fir-rigward tal-interventi, inklużi s-seduti ta’ smigħ, mill-Uffiċjal tas-Seduta. Kwalunkwe talba trid tiġi ppreżentata fi żmien raġonevoli u f’qasir żmien sabiex ma xxekkilx l-andament tajjeb tal-proċedimenti. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-partijiet interessati jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta minn kmieni kemm jista’ jkun wara li jseħħ l-avveniment li jiġġustifika tali intervent. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina wkoll ir-raġunijiet għal talbiet għal interventi, in-natura tal-kwistjonijiet imqajma u l-impatt ta’ dawn il-kwistjonijiet fuq id-drittijiet tad-difiża, filwaqt li debitament iqis l-interessi ta’ amministrazzjoni tajba u t-tlestija f’waqtha tal-investigazzjoni.

    Għal iktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/

    12.   Possibbiltà li jintalab rieżami skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku

    Billi dan ir-rieżami ta’ skadenza qed jinbeda b’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, is-sejbiet tiegħu mhux se jwasslu biex il-miżuri eżistenti jiġu emendati iżda biex dawk il-miżuri jitħassru jew jinżammu skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament bażiku.

    Jekk xi parti interessata tqis li jkun ġustifikat li jsir rieżami tal-miżuri, sabiex ikun possibbli li l-miżuri jiġu emendati, din il-parti tista’ titlob li jsir rieżami skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

    Il-partijiet li jixtiequ jitolbu għal rieżami ta’ dan it-tip, li jsir indipendentement mir-rieżami ta’ skadenza msemmi f’din in-Notifika, jistgħu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fl-indirizz mogħti hawn fuq.

    13.   Ipproċessar ta’ data personali

    Kwalunkwe data personali li tinġabar f’din l-investigazzjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13).

    Notifika dwar il-protezzjoni tad-data li tinforma lill-individwi kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni tinsab fis-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/policy/accessing-markets/trade-defence/


    (1)  ĠU C 331, 7.10.2020, p. 13

    (2)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

    (3)  IR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1077 tal-1 ta’ Lulju 2016 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ siliċju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) u ta’ rieżami interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 179, 5.7.2016, p.1).

    (4)  Id-dokumenti msemmija fir-rapport tal-pajjiż jistgħu jinkisbu wkoll wara talba motivata kif xieraq.

    (5)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A52020XC0316%2802%29

    (6)  Informazzjoni dwar il-kodiċijiet SA tingħata wkoll fis-sommarju eżekuttiv tat-talba għal rieżami, disponibbli fis-sit web tad-DĠ Kummerċ (http://trade.ec.europa.eu/tdi/?).

    (7)  Ir-referenzi kollha għall-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika se jkunu referenzi għall-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    (8)  Produttur huwa kwalunkwe kumpanija fil-pajjiż ikkonċernat li tipproduċi l-prodott taħt rieżami, inkluża kwalunkwe kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami.

    (9)  Għall-kampjunar jistgħu jintgħażlu biss importaturi li mhumiex relatati ma’ produtturi fil-pajjiż ikkonċernat. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi jridu jimlew l-Anness I tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. B’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu bħala relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu msieħba rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-azzjoni bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). Il-persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom kwalunkwe waħda mir-relazzjonijiet segwenti ma’ xulxin biss: (i) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk mill-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nannu jew nanna u neputi jew neputija, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur tar-rispett u wild tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. Skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hija rikonoxxuta taħt il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

    (10)  Id-data pprovduta minn importaturi mhux relatati tista’ tintuża wkoll b’rabta ma’ aspetti oħra ta’ din l-investigazzjoni, għajr biex jiġi stabbilit id-dumping.

    (11)  F’każ ta’ problemi tekniċi kkuntattja lit-Trade Service Desk permezz tal-posta elettronika lil trade-service-desk@ec.europa.eu jew ċempel +32 22979797.

    (12)  Dokument “Sensitive” huwa dokument li jitqies li jkun kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim dwar l-Anti-dumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

    (13)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


    ANNESS

    “Sensitive version (Verżjoni sensittiva)

    Version “For inspection by interested parties

    (Verżjoni għall-ispezzjoni minn partijiet interessati) (immarka l-kaxxa rilevanti)

    PROĊEDIMENT ANTI-DUMPING DWAR L-IMPORTAZZJONIJIET TAS-SILIĊJU LI JORIĠINAW MIR-REPUBBLIKA TAL-POPLU TAĊ-ĊINA

    INFORMAZZJONI GĦALL-GĦAŻLA TAL-KAMPJUN TA’ IMPORTATURI MHUX RELATATI

    Din il-formola hija mfassla biex tgħin lill-importaturi mhux relatati jwieġbu għat-talba għal informazzjoni rigward il-kampjunar li saret fil-punt 5.3.3 tan-Notifika ta’ bidu.

    Kemm il-verżjoni “Sensitive” kif ukoll il-verżjoni “For inspection by interested parties” jenħtieġ li jintbagħtu lura lill-Kummissjoni kif stipulat fin-Notifika ta’ bidu.

    1.   DETTALJI TA’ KUNTATT U IDENTITÀ

    Agħti d-dettalji li ġejjin dwar il-kumpanija tiegħek:

    Isem il-kumpanija

     

    Indirizz

     

    Persuna ta’ kuntatt

     

    Indirizz tal-posta elettronika

     

    Numru tat-telefon

     

    Sit web

     

    2.   FATTURAT U VOLUM TAL-BEJGĦ

    Niżżel il-fatturat totali tal-kumpanija f’euro (EUR), u l-fatturat u l-piż tal-importazzjonijiet fl-Unjoni u l-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mir-RPĊ, matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, tas-siliċju kif definit fin-Notifika ta’ Bidu u l-piż korrispondenti f’tunnellati.

     

    Tunnellati

    Valur f’euro (EUR)

    Fatturat totali tal-kumpanija tiegħek f’euro (EUR)

     

     

    Importazzjonijiet fl-Unjoni tal-prodott taħt rieżami

     

     

    Il-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara importazzjoni mir-RPĊ tal-prodott li qed jiġi rieżaminat.

     

     

    3.   ATTIVITAJIET TAL-KUMPANIJA TIEGĦEK U TAL-KUMPANIJI RELATATI (1)

    Agħti dettalji tal-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija u tal-kumpaniji relatati kollha (elenkahom u ddikjara r-relazzjoni tagħhom mal-kumpanija tiegħek) involuti fil-produzzjoni u / jew fil-bejgħ (f’esportazzjonijiet u / jew domestiku) tal-prodott taħt rieżami. Attivitajiet bħal dawn jistgħu jinkludu x-xiri tal-prodott taħt rieżami jew il-produzzjoni tiegħu skont arranġamenti ta’ sottokuntrattar, jew l-ipproċessar jew il-kummerċjalizzazzjoni tiegħu, iżda mhumiex limitati għal dawn biss.

    Isem u lokalità tal-kumpanija

    Attivitajiet

    Relazzjoni

     

     

     

     

     

     

     

     

     

    4.   INFORMAZZJONI OĦRA

    Agħti kull informazzjoni rilevanti oħra li l-kumpanija tqis li tkun utli biex tgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

    5.   ĊERTIFIKAZZJONI

    Meta tipprovdi l-informazzjoni ta’ hawn fuq, il-kumpanija tkun qed taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan ifisser li trid timla kwestjonarju u taċċetta li ssirilha żjara fil-post sabiex jiġu vverifikati t-tweġibiet tagħha. Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-possibbiltà li tiġi inkluża fil-kampjun, din titqies li ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Is-sejbiet tal-Kummissjoni għall-importaturi li ma jikkooperawx jissejsu fuq il-fatti disponibbli u r-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-kumpanija milli kieku tkun ikkooperat.

    Firma tal-uffiċjal awtorizzat:

    Isem u titlu tal-uffiċjal awtorizzat:

    Data:


    (1)  F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu msieħba rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-azzjoni bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). Il-persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom kwalunkwe waħda mir-relazzjonijiet segwenti ma’ xulxin biss: (i) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk mill-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nannu jew nanna u neputi jew neputija, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur tar-rispett u wild tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. Skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hija rikonoxxuta taħt il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).


    Fuq