This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52021XC0614(02)
Publication of an application for approval of an amendment, which is not minor, to a product specification pursuant to Article 50(2)(a) of Regulation (EU) No 1151/2012 of the European Parliament and of the Council on quality schemes for agricultural products and foodstuffs 2021/C 226/09
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda, li mhijiex minuri, għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel 2021/C 226/09
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda, li mhijiex minuri, għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel 2021/C 226/09
C/2021/4241
ĠU C 226, 14.6.2021, p. 12–19
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
14.6.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 226/12 |
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda, li mhijiex minuri, għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
(2021/C 226/09)
Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien tliet xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.
APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDI MHUX MINURI GĦALL-ISPEĊIFIKAZZJONI TA’ PRODOTT TA’ DENOMINAZZJONI TA’ ORIĠINI PROTETTA JEW TA’ INDIKAZZJONI ĠEOGRAFIKA PROTETTA
Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emendi skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012
“Σητεία Λασιθίου Κρήτης” (Sitia Lasithiou Kritis)
Nru tal-UE: PDO-GR-0052-AM01 – 18 ta’ Diċembru 2019
DOP ( X ) IĠP ( )
1. Grupp applikant u interess leġittimu
Grupp applikant: ENOSI SITIAS A.E.S.
Indirizz: Sitia Union of Agricultural Cooperatives Α.Ε.S. ΑΕ, Sitia, 72300 Lasithi, Kreta
E-mail: info@sitiaunion.gr
Il-grupp applikant huwa l-grupp li ppreżenta l-applikazzjoni oriġinali għar-reġistrazzjoni tal-isem. Kif jirriżulta b’mod ċar mill-istatut ta’ assoċjazzjoni tiegħu, huwa organizzazzjoni kooperattiva umbrella b’kooperattivi membri li huma involuti fil-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa bid-DOP “Σητεία Λασιθίου Κρήτης / Sitia Lasithiou Kritis”. Għaldaqstant, għandu interess leġittimu li jippreżenta din l-applikazzjoni għal emendi.
2. Stat membru jew pajjiż terz
Il-Greċja
3. Intestatura fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda/i
☐ |
Isem il-prodott |
☒ |
Deskrizzjoni tal-prodott |
☒ |
Żona ġeografika |
☒ |
Prova tal-oriġini |
☒ |
Metodu ta’ produzzjoni |
☒ |
Rabta |
☐ |
Tikkettar |
☐ |
Oħrajn (għandu jiġi speċifikat) |
4. Tip ta’ emenda/i
☐ |
Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. |
☒ |
Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li għaliha ma ġie ppubblikat l-ebda Dokument Uniku (jew ekwivalenti). |
5. Emendi
5.1. Deskrizzjoni tal-prodott
It-Taqsima 4.3 tal-Ispeċifikazzjoni l-qadima ġiet imtejba għall-konformità mar-rekwiżiti li attwalment huma stipulati fil-leġiżlazzjoni iżda ma ġietx emendata b’mod sostanzjali. L-unika bidla hija li l-aċidità tnaqqset minn 1 % skont il-piż tal-aċidu olejku għal 0,8 % skont il-piż tal-aċidu olejku. Il-karatteristiċi (fiżikokimiċi u organolettiċi) l-oħrajn ġew miżjuda, peress li ma kinux imsemmija fl-Ispeċifikazzjoni l-qadima. B’mod aktar speċifiku, id-deskrizzjoni issa tinkludi l-kulur, il-karatteristiċi organolettiċi (karatteristika ta’ frott, imrar u punġenza), il-valuri tal-koeffiċjent ta’ estinzjoni, il-valur delta-K u l-valur tal-perossidu. Ir-referenza għar-residwi tal-pestiċidi tneħħiet u tneħħiet ukoll ir-referenza għaż-żejt taż-żebbuġa Grieg b’mod ġenerali.
Il-punt 3.2 tad-Dokument Uniku ġie rriformulat skont dan.
Għalhekk, it-taqsima intitolata “Deskrizzjoni” fl-Ispeċifikazzjoni l-ġdida (Taqsima 2) hija fformulata kif ġej:
“2. |
DESKRIZZJONI |
Iż-żejt taż-żebbuġa extra verġni ‘Σητεία Λασιθίου Κρήτης / Sitia Lasithiou Kritis’ jinkiseb esklussivament minn żebbuġ tal-varjetà Koroneiki li huma mkabbra fiż-żona ġeografika ddefinita.
2.1. |
Karatteristiċi fiżiċi u organolettiċi |
Meta bbottiljat, iż-żejt taż-żebbuġa ‘Σητεία Λασιθίου Κρήτης / Sitia Lasithiou Kritis’ għandu l-karatteristiċi li ġejjin:
— |
Kulur aħdar jgħajjat, aħdar jagħti fl-isfar |
— |
Karatteristika ta’ frott medjana ≥ 3 |
— |
Medjan għall-imrar u l-punġenza ta’ mhux aktar minn 5 |
— |
Difett medjan = 0 |
2.2. |
Karatteristiċi kimiċi |
Meta bbottiljat, iż-żejt taż-żebbuġa ‘Σητεία Λασιθίου Κρήτης / Sitia Lasithiou Kritis’ għandu l-karatteristiċi kimiċi li ġejjin:
— |
Aċidità (% skont il-piż tal-aċidu olejku): ≤ 0,8 |
— |
Κ232 ≤ 2,30 |
— |
Κ268 ≤ 0,15 |
— |
Delta-K ≤ 0,005 |
— |
Valur tal-perossidu (MeqO2/Kg) ≤ 15” |
Raġuni:
Għalhekk, l-Ispeċifikazzjoni ġiet aġġornata biex tikkonforma mar-rekwiżiti li attwalment huma stipulati fil-leġiżlazzjoni u biex issir aktar speċifika, peress li żdiedu aktar karatteristiċi fiżikokimiċi, billi l-Ispeċifikazzjoni l-qadima semmiet biss l-aċidità. Dan jagħmilha aktar faċli biex tiġi ċċekkjata l-Ispeċifikazzjoni u tiġi ssalvagwardjata l-kwalità tal-prodott. L-aċidità tbaxxiet u l-limiti stabbiliti għall-karatteristiċi fiżikokimiċi li ġew miżjuda huma aktar stretti minn dawk stabbiliti fil-leġiżlazzjoni, biex jiġi żgurat żejt ta’ kwalità għolja.
5.2. Żona ġeografika
Iż-żona ġeografika (taqsima 3 tal-Ispeċifikazzjoni u punt 4 tad-Dokument Uniku) ġiet iddefinita mill-ġdid kif ġej:
|
“Iż-żejt taż-żebbuġa extra verġni ‘Σητεία Λασιθίου Κρήτης / Sitia Lasithiou Kritis’ huwa prodott fiż-żona ddefinita mill-konfini tal-unitajiet muniċipali ta’ Sitia, Analipsi, Itanos u Lefki, u l-komunitajiet ta’ Agios Stefanos, Stavrochori u Orino fl-unità muniċipali ta’ Makri Gialos”. |
Raġuni:
|
Iż-żona ġeografika ġiet iddefinita mill-ġdid abbażi tat-taqsimiet amministrattivi attwali tal-pajjiż, peress li kien hemm żewġ riformi amministrattivi fil-Greċja minn mindu l-isem ġie rreġistrat l-ewwel darba. Barra minn hekk, issa tinkludi żewġ komunitajiet li kienu tħallew barra bi żball mill-applikazzjoni oriġinali. Speċifikament, fis-sena li ntbagħat il-fajl oriġinali lill-Komunità Ewropea (1997), it-taqsimiet amministrattivi tal-Greċja ġew organizzati mill-ġdid mir-riforma ta’ Kapodistrias (Liġi 2539/1997). Meta l-isem “Sitia Lasithiou Kritis” ġie rreġistrat (1998) il-bidliet kienu diġà seħħew, u b’riżultat ta’ dan, il-komunitajiet ta’ Lithines u Orino, li kienu fil-provinċja preċedenti ta’ Sitia, tħallew barra bi żball peress li ma ġewx imsemmija b’mod speċifiku. It-taqsimiet amministrattivi tal-pajjiż inbidlu għal darb’oħra bir-riforma ta’ Kallikratis (Liġi 3852/2010). Id-definizzjoni taż-żona ġeografika mogħtija hawn fuq tkopri ż-żona ġeografika oriġinali li kienet tikkorrispondi għall-provinċja preċedenti ta’ Sitia (inklużi ż-żewġ komunitajiet li ma kinux issemmew b’mod espliċitu). |
5.3. Prova tal-oriġini
It-Taqsima 4 tal-Ispeċifikazzjoni tistipula r-rekwiżiti li għandhom jiġu sodisfatti fir-rigward tal-prova tal-oriġini.
Raġuni:
|
L-Ispeċifikazzjoni issa teħtieġ li jinżammu reġistri f’kull stadju tal-ipproċessar (iż-żebbuġ u ż-żejt taż-żebbuġa), filwaqt li fl-Ispeċifikazzjoni l-qadima ma kien hemm l-ebda referenza għal dan. Dan sar biex ikun hemm verifika aktar effiċjenti tal-oriġini tal-materja prima u biex jiġi żgurat li ż-żejt jiġi miż-żona ddefinita. |
5.4. Metodu ta’ produzzjoni
It-taqsima 3 intitolata “Deskrizzjoni tal-kultivazzjoni – varjetajiet”, b’mod partikolari fit-taqsimiet 3.1 sa 3.6, u t-taqsima 4 intitolata “Ħsad – ipproċessar taż-żebbuġ – ħażna”, b’mod partikolari fit-taqsimiet 4.1, 4.2 u 4.4, ġew emendati sabiex it-test il-ġdid isemmi biss dawk il-prattiki ta’ kultivazzjoni li huma segwiti u li huma essenzjali għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa “Σητεία Λασιθίου Κρήτης / Sitia Lasithiou Kritis”, filwaqt li r-referenzi għat-tkabbir taż-żebbuġ b’mod ġenerali tneħħew.
Għalhekk, b’mod speċifiku, it-taqsima dwar il-preparazzjoni tal-art (taqsima 3.1 tal-Ispeċifikazzjoni l-qadima) tqassret u issa tiddikjara biss kif tiġi ppreparata l-art u għaliex. It-taqsima dwar l-applikazzjoni tal-fertilizzant (taqsima 3.2 tal-Ispeċifikazzjoni l-qadima) tħassret peress li tiddeskrivi prattiki li jikkonċernaw it-tkabbir taż-żebbuġ b’mod ġenerali. Rigward it-tisqija (taqsima 3.3 tal-Ispeċifikazzjoni l-qadima), l-informazzjoni dwar is-sorsi tal-ilma għat-tisqija, il-volumi tal-ilma li ż-żebbuġ għandu bżonn u meta s-siġar jiġu misqija tħassret, iżda l-informazzjoni dwar it-tisqija meħtieġa għal madwar 6 xhur inżammet. Rigward iż-żbir (taqsima 3.4 tal-Ispeċifikazzjoni l-qadima), l-informazzjoni dwar il-prattiki ta’ kultivazzjoni fiż-żona nżammet iżda l-informazzjoni dwar iż-żbir taż-żebbuġ b’mod ġenerali tħassret. Il-paragrafu dwar il-ġlieda kontra l-pesti u l-mard (taqsima 3.5 tal-Ispeċifikazzjoni l-qadima) ma għadux isemmi l-użu ta’ insettiċidi tal-organofosfati fil-bexx tal-lixka għall-ġlieda kontra d-dubbien taż-żebbuġ, peress li llum jintużaw ukoll sustanzi effettivi oħrajn minn gruppi kimiċi oħra.
It-Taqsima 4.1 tal-Ispeċifikazzjoni l-qadima (Il-ħsad) tqassret b’mod konsiderevoli, sabiex tinkludi biss il-metodi li jintużaw illum u jkun fiha biss informazzjoni li tikkostitwixxi l-ispeċifikazzjonijiet, mhux informazzjoni ġenerali. L-Ispeċifikazzjoni l-qadima tgħid li ż-żebbuġ jinħasad bejn l-aħħar tal-ħarifa u l-bidu tax-xitwa, iżda dan il-punt ġie emendat biex jitqiesu l-iżviluppi attwali (it-tibdil fil-klima, ix-xejriet kummerċjali), peress li l-ħsad issa normalment jibda f’Novembru jew anki qabel, skont is-sena, u huwa dejjem iddeterminat mill-istadju tal-maturazzjoni tal-frotta. Il-metodi differenti tal-ħsad għadhom imniżżlin iżda l-informazzjoni aktar dettaljata tħassret, flimkien mad-deskrizzjoni tal-ħabbata taż-żebbuġ u kif jaħdmu. Id-deskrizzjoni ta’ kif jiġi ttrasportat iż-żebbuġ ittejbet b’mod konsiderevoli biex tirrifletti l-prattika attwali. B’mod speċifiku, minbarra l-ixkejjer tad-drapp imsemmija fl-Ispeċifikazzjoni l-qadima, l-użu ta’ kaxex tal-plastik issa huwa inkluż ukoll, biex jiġi żgurat li ż-żebbuġ ikollu biżżejjed arja u jiġi evitat it-tkabbir tal-fungu. Fl-istess ħin, l-użu ta’ xkejjer tal-plastik huwa pprojbit b’mod espliċitu, għalkemm dawn jintużaw f’żoni oħra, sabiex jiġi evitat li l-plastifikanti jidħlu fiż-żejt. Il-ħin mill-ħsad sat-tħin issa huwa ta’ mhux aktar minn 48 siegħa, filwaqt li fl-Ispeċifikazzjoni l-qadima seta’ jkun sa tlett ijiem (“mhux aktar minn 2-3 ijiem”).
Il-paragrafu dwar l-estrazzjoni taż-żejt bl-għasir tneħħa mid-deskrizzjoni ta’ kif huwa pproċessat iż-żebbuġ (taqsima 4.2 tal-Ispeċifikazzjoni l-qadima), peress li dan il-metodu ma għadux jintuża f’din iż-żona. L-istadji tal-ipproċessar huma msemmija iżda ma hija mogħtija l-ebda deskrizzjoni dettaljata, peress li dawn huma l-istess għall-imtieħen taż-żejt kollha u mhumiex speċifiċi għaż-żona. Ir-referenza għall-materjal użat fil-manifattura tal-partijiet mekkaniċi tal-mitħna tħassret ukoll, peress li dan huwa preskritt mil-leġiżlazzjoni u ma għandu x’jaqsam xejn mal-karatteristiċi tal-prodott.
It-taqsima 4.4 tal-Ispeċifikazzjoni l-qadima dwar il-ħażna u l-imballaġġ taż-żejt taż-żebbuġa ittejbet biż-żieda ta’ aktar informazzjoni dwar il-ħażna u issa tgħid li ż-żejt jiġi ttrasportat f’tankers xierqa, li jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ. Ir-rekwiżit li ż-żejt jinħażen f’tankijiet tal-azzar li ma jissaddadx inżamm. L-imballaġġ jista’ jkun ta’ kwalunkwe kapaċità sa 5 litri, dment li jissodisfa r-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fir-rigward tan-natura tal-materjal.
Għalhekk, it-taqsima korrispondenti fl-Ispeċifikazzjoni l-ġdida hija fformulata kif ġej:
“5.1. |
Metodu tal-kultivazzjoni Iż-żebbuġ jinħasad peremzz ta’ metodi klassiċi tal-ħsad taż-żebbuġ li huma adattati għall-ħamrija u l-kundizzjonijiet klimatiċi taż-żona. Il-preparazzjoni tal-art biex isir l-aħjar użu mill-umdità tal-ħamrija, l-arjazzjoni tal-ħamrija u l-qtugħ tal-ħaxix ħażin issir prinċipalment permezz ta’ mezzi mekkaniċi. Ħafna mill-imsaġar taż-żebbuġ huma msaqqija. It-tisqija hija meħtieġa minħabba l-kundizzjonijiet fiż-żona u tista’ tkun meħtieġa għal tul sa sitt xhur. Bħala regola, jintużaw sistemi li jiffrankaw l-ilma. Fiż-żona ta’ Sitia, is-siġar dejjem jinżabru, u dan normalment jinvolvi t-tneħħija ta’ parti mit-tkabbir fix-xitwa jew fir-rebbiegħa qabel is-sena fejn ikun mistenni ħsad kbir. Dan jikseb bilanċ bejn it-tkabbir u l-frott u jipprevjeni li jkollhom il-frott b’mod alternat. Il-problemi ewlenin tal-protezzjoni tal-pjanti fiż-żona għandhom x’jaqsmu mal-insetti. Il-mard fungali mhuwiex problema minħabba l-umdità relattiva baxxa. Sabiex jiġi miġġieled id-dubbien taż-żebbuġ, li huwa l-pest prinċipali, jintużaw sprejs tal-lixka tal-art jew mezzi ħfief oħrajn, meta jkun hemm bżonn. |
5.2. |
Il-ħsad Il-ħsad taż-żebbuġ fiż-żona normalment jibda f’Novembru jew anki qabel, skont is-sena, u huwa ddeterminat mill-istadju tal-maturazzjoni tal-frott. Skont il-letteratura, meta ż-żebbuġ jibda jibdel il-kulur minn aħdar jagħti fl-isfar għal vjola li jixbah il-linka, il-kontenut taż-żejt tiegħu ikun l-ogħla u ż-żejt ikun tal-aqwa kwalità. Iż-żebbuġ jinħasad bl-idejn, bit-tħabbit jew b’mezzi mekkaniċi, imma l-aktar bl-użu ta’ magni tat-tħabbit, bi xbieki b’disinn xieraq taħthom biex jaqbdu ż-żebbuġ. |
5.3. |
It-trasport u l-ipproċessar taż-żebbuġ Iż-żebbuġ li jinħasad jiġi ttrasportat mill-irqajja’ tal-art għall-imtieħen taż-żejt fiż-żona ddefinita l-aktar fi xkejjer minsuġa b’mod mhux issikkat magħmula minn materjal li huwa tajjeb għal mal-ikel, iżda wkoll f’kaxex tal-plastik, biex jiġi żgurat li jkun hemm biżżejjed arja tiċċirkola biex jiġi evitat it-tkabbir tal-fungu. L-użu ta’ xkejjer tal-plastik huwa pprojbit. Iż-żebbuġ jiġi mitħun fi żmien 48 siegħa mill-ħsad. Meta ż-żebbuġ jasal fil-mitħna, jitneħħielu l-weraq bl-infiħ tal-arja, jintiżen u mbagħad jinħasel b’ilma tajjeb għax-xorb. L-ewwel stadju tal-ipproċessar huwa tgħaffiġ fil-kraxer u dan huwa segwit mill-malassazzjoni tal-pejst taż-żebbuġ u s-separazzjoni tal-komponenti f’magna ċentrifuga. It-temperatura tal-pejst taż-żebbuġ tinżamm strettament taħt is-27οC, biex iż-żejt jiġi ‘estratt kiesaħ’ – fost affarijiet oħra, dawn huma l-aħjar kundizzjonijiet għall-malassazzjoni – biex jinkisbu l-karatteristiċi organolettiċi speċifiċi tal-prodott. |
5.4. |
Ħażna u trasport taż-żejt Iż-żejt taż-żebbuġa jinħażen f’tankijiet tal-azzar li ma jissaddadx. Waqt il-ħażna, materja solida u fluwidi tal-pjanti (fond) li jiffurmaw insedjament jitneħħew bid-dikantar jew bl-iffiltrar f’tank nadif jekk ikun meħtieġ. Il-mitħna taż-żejt iżżomm rekord tad-dati li fihom jibda u jispiċċa l-mili ta’ kull tank. Iż-żejt taż-żebbuġa jiġi ttrasportat mill-mitħna għall-impjant tal-imballaġġ f’tankers xierqa li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ. |
5.5. |
Ippakkjar ‘Σητεία Λασιθίου Κρήτης / Sitia Lasithiou Kritis’ jiġi imballat f’impjanti tal-imballaġġ li huma mniżżlin f’reġistri speċjali u li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-leġiżlazzjoni tal-UE u Griega, kif fis-seħħ, sabiex tiġi żgurata l-preservazzjoni ottimali taż-żejt taż-żebbuġa. Iż-żejt jiġi ppakkjat f’kontenituri magħmulin minn materjal xieraq b’kapaċità sa 5 litri”. Raġuni:
|
5.5. Rabta
It-taqsima 2 tal-Ispeċifikazzjoni l-qadima u punt 5 tad-Dokument Uniku (Ir-rabta) ġew emendati. B’mod speċifiku, l-elementi fl-applikazzjoni oriġinali li jikkonċernaw biss il-fatturi naturali intrinsiċi (il-ħamrija u l-klima) u l-fatturi umani nżammu, filwaqt li l-ewwel taqsima sħiħa tal-Ispeċifikazzjoni oriġinali li kien fiha informazzjoni ġenerali dwar l-użu tal-art, il-popolazzjoni, l-impjieg u l-problemi u l-prospetti tas-settur primarju tħassret. L-informazzjoni dwar il-ħamrija taż-żona (it-tipi ta’ ħamrija, il-kompożizzjoni u l-pH) għadha hemm u l-informazzjoni dwar il-klima ġiet aġġornata (temperaturi, xita, xemx). Barra minn hekk, it-taqsima ġiet estiża biex tinkludi elementi li jaffermaw ir-rabta bejn il-karatteristiċi tal-prodott u l-fatturi naturali intrinsiċi fiż-żona u l-fattur uman, u informazzjoni dwar il-premjijiet li rebaħ iż-żejt.
Raġuni:
1. |
It-taqsima 1 tal-Ispeċifikazzjoni oriġinali tħassret għaliex kien fiha informazzjoni ġenerali dwar il-provinċja ta’ Sitia, dwar l-użu tal-art mhux relatat mat-tkabbir taż-żebbuġ, il-popolazzjoni, l-impjieg, u l-problemi u l-prospetti tas-settur primarju. Din l-informazzjoni mhijiex rilevanti għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. L-informazzjoni dwar il-klima u l-ħamrija ġiet aġġornata. |
2. |
L-informazzjoni dwar it-temperatura u x-xita ġiet aġġornata b’data aktar riċenti. Din l-informazzjoni hija importanti għaliex hija relatata mal-metodu tal-kultivazzjoni (it-tħejjija tal-art biex isir użu aħjar mill-umdità fil-ħamrija, it-tisqija għal 6 xhur). Barra minn hekk, żdiedet aktar informazzjoni dwar ix-xemx (is-sigħat ta’ xemx), peress li s-sigħat twal ta’ xemx huma relatati mal-karattru tal-frott taż-żejt taż-żebbuġa. |
3. |
Fis-snin li għaddew minn mindu l-isem “Sitia Lasithiou Kritis” ġie rreġistrat, iż-żejt rebaħ ħafna premji u għotjiet f’kompetizzjonijiet nazzjonali u internazzjonali, u jinbiegħ fuq is-siti online ewlenin li jbigħu oġġetti u servizzi. Il-prodott rebaħ aktar minn 30 premju, inkluż tliet premji Mario Solinas, fejn ġie l-ewwel darbtejn. L-Ispeċifikazzjoni issa tinkludi tabella b’informazzjoni dwar xi wħud minn dawn il-premji. |
4. |
Żdiedet informazzjoni marbuta mal-fattur uman u l-għarfien espert tal-produtturi, kemm fid-Dokument Uniku kif ukoll fl-Ispeċifikazzjoni. It-test issa jsemmi ż-żbir li jsir biex jiġi evitat li s-siġar ikollhom il-frott b’mod alternat, il-mod li bih iż-żebbuġ jiġi ttrasportat u l-fatt li jinħasad fiż-żmien xieraq meta l-kulur ikun tajjeb, biex ikollu l-ogħla kontenut ta’ żejt possibbli u biex iż-żejt ikun rikk fil-kostitwenti aromatiċi li jsaħħu attribut l-karatteristika ta’ frott tiegħu, li rebbħitu ħafna premji. |
5. |
L-elementi li jsaħħu r-rabta kawżali bejn il-karatteristiċi speċifiċi tal-prodott u ż-żona ġeografika ddefinita huma kif ġej: Il-varjetà mkabbra hija kkunsidrata bħala waħda mill-aħjar varjetajiet għall-produzzjoni taż-żejt. Il-ħamrija tal-ġebla tal-ġir u s-sigħat twal ta’ xemx jgħinu biex tiżdied il-konċentrazzjoni tal-kostitwenti aromatiċi fil-frott. Il-pajsaġġ semimuntanjuż taż-żona għandu effett pożittiv fuq il-kwalità. Iż-żebbuġ jinqata’ meta jkun fl-aħjar stadju ta’ maturazzjoni, sabiex iż-żejt ikollu l-kontenut massimu ta’ kostitwenti aromatiċi. Il-malassazzjoni f’temperaturi taħt is-27 oC u l-ħażna taż-żejt f’tankijiet xierqa jgħinu biex jiġu ppreservatil-karatteristiċi organolettiċi eċċellenti tiegħu. Il-koeffiċjenti tal-estinzjoni Κ232 huwa baxx minħabba t-temperatura baxxa tal-malassazzjoni (sa 27oC) u l-ħin qasir li jgħaddi bejn il-qtugħ u t-tħin, li ma jaqbiżx it-48 siegħa. |
6. |
L-informazzjoni dwar il-folklor u l-istorja tneħħiet peress li mhijiex rilevanti u ma kinitx inkluża fl-Ispeċifikazzjoni oriġinali. Id-Dokument Uniku ġie emendat fejn meħtieġ sabiex jinkorpora l-bidliet u ż-żidiet li saru għall-Ispeċifikazzjoni. |
DOKUMENT UNIKU
“Σητεία Λασιθίου Κρήτης” (Sitia Lasithiou Kritis)
Nru tal-UE: PDO-GR-0052-AM01 – 18 ta’ Diċembru 2019
DOP ( X ) IĠP ( )
1. Isem/Ismijiet
“Σητεία Λασιθίου Κρήτης” (Sitia Lasithiou Kritis)
2. Stat Membru jew pajjiż terz
Il-Greċja
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel
3.1. Tip ta’ prodott
Klassi 1.5. Żjut u xaħmijiet (butir, marġerina, żejt, eċċ.)
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)
Iż-żejt taż-żebbuġa extra verġni “Σητεία Λασιθίου Κρήτης / Sitia Lasithiou Kritis” jinkiseb esklussivament minn żebbuġ tal-varjetà Koroneiki u meta jkun ibbottiljat irid ikollu l-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u organolettiċi li ġejjin:
— |
Kulur aħdar jgħajjat, aħdar jagħti fl-isfar |
— |
Karatteristika ta’ frott medjana ≥ 3 u medjan għall-imrar u l-punġenza ≤ 5. Difett medjan = 0 |
— |
Aċidità (% skont il-piż tal-aċidu olejku) ≤ 0,8, Κ232 ≤ 2,30, Κ268 ≤ 0,15, delta-Κ ≤ 0,005 u valur tal-perossidu (MeqO2/Kg) ≤ 15 |
3.3. Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)
Iż-żejt taż-żebbuġa extra verġni “Σητεία Λασιθίου Κρήτης / Sitia Lasithiou Kritis” jinkiseb biss permezz ta’ mezzi mekkaniċi minn żebbuġ tal-varjetà Koroneiki, li hija l-unika varjetà mkabbra fiż-żona.
3.4. Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita
Dawn il-passi speċifiċi tal-produzzjoni jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita: il-kultivazzjoni u l-ħsad taż-żebbuġ u l-passi kollha fil-produzzjoni u l-ipproċessar taż-żejt taż-żebbuġa.
3.5. Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.
—
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar
It-tikkettar tal-prodott għandu jnkludi kodiċi alfanumeriku li jikkonsisti fl-ewwel żewġ ittri tal-isem reġistrat (ΣΗ), in-numru tas-serje tal-kontenitur u l-aħħar żewġ ċifri tas-sena tal-produzzjoni. L-informazzjoni meħtieġa skont il-liġi nazzjonali u tal-UE attwali għandha tintwera wkoll fuq l-imballaġġ.
4. Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika
Iż-żejt taż-żebbuġa extra verġni “Σητεία Λασιθίου Κρήτης / Sitia Lasithiou Kritis” huwa prodott fiż-żona ddefinita mill-konfini tal-unitajiet muniċipali ta’ Sitia, Analipsi, Itanos u Lefki, u l-komunitajiet ta’ Agios Stefanos, Stavrochori u Orino fl-unità muniċipali ta’ Makri Gialos.
5. Rabta maż-żona ġeografika
Il-kwalità speċifika tal-prodott u l-karatteristiċi organolettiċi huma derivati mill-kombinazzjoni tal-varjetà mkabbra, il-ħamrija u l-kundizzjonijiet klimatiċi speċifiċi u l-fattur uman, bi tradizzjoni twila ta’ dedikazzjoni għat-tkabbir taż-żebbuġ.
Iż-żona ġeografika ddefinita għandha klima Mediterranja kkaratterizzata minn sigħat twal ta’ xemx, ammont baxx ta’ xita, li tagħmel biss għal ftit xhur fis-sena, u umdità relattiva baxxa. Karatteristika speċifika hija l-irjieħ mit-Tramuntana, mill-Majjistral u min-Nofsinhar li jonfħu matul is-sena kollha u li għandhom influwenza diretta fuq il-klima lokali.
Ma hemmx varjazzjonijiet kbar fit-temperatura. It-temperatura medja annwali hija ta’ 18-20οC, ix-xahar l-aktar kiesaħ huwa Jannar, b’temperatura medja ta’ 12,2οC, u dak l-aktar sħun huwa Lulju, b’25,9οC. Il-maġġoranza tax-xita tagħmel bejn Ottubru u Marzu u x-xita medja annwali hija 478,9 mm. L-umdità hija baxxa, speċjalment fis-sajf, b’valur annwali medju ta’ 66,4 %. Fir-rigward tax-xemx, minn April sa Settembru jkun hemm madwar 350 siegħa xemx fix-xahar, u l-ħin tax-xemx medju annwali huwa ta’ aktar minn 2 800 siegħa.
Iż-żona ġeografika ddefinita tinsab fil-Lvant ta’ Kreta u fil-biċċa l-kbira tagħha hija semimuntanjuża jew muntanjuża. B’mod predominanti l-ħamrija toriġina mill-ġebla tal-ġir u hija dderivata minn depożiti sedimentarji. It-tipi ta’ ħamrija prevalenti misjuba huma: 1. Art ħamra u ħamrija ġeblija, iffurmati mill-erożjoni ta’ blat kalkarju (ħamrija għerja bil-blat tal-ġebla tal-ġir). 2. Ħamrija ta’ kulur skur u ċar tal-karbonat tal-ħumus imħallta ma’ art ħamra (tafal u ħamrija bil-blat tal-ġebla tal-ġir). Dawn jinsabu fil-pjanuri. 3. Ħamrija tal-widien karstika lixxivjata, normalment aċiduża, li tinstab fuq il-plateau ta’ Chandras.
Ġeneralment, il-ħamrija li fiha jitkabbar iż-żebbuġ ikollha konsistenza medja (ramel tafli u trab tafli ramli), b’fond medju u b’pH minn newtrali sa kemxejn alkalin (7-7,5) minħabba l-kontenut tal-kalċju tagħhom.
L-ispeċifiċità taż-żejt taż-żebbuġa “Σητεία Λασιθίου Κρήτης / Sitia Lasithiou Kritis” tinsab:
— |
fil-fatt li dan jinkiseb biss minn żebbuġ tal-varjetà Koroneiki |
— |
fil-valuri tal-ossidazzjoni baxxi tiegħu li jirriżultaw f’valuri Κ268 ta’ inqas minn 0,15 |
— |
fil-karatteristiċi organolettiċi tiegħu: għandu karatteristika ta’ frott minima ta’ 3 u l-imrar u l-punġenza massima tiegħu huma inqas minn 5, jiġifieri valuri li mhumiex aktar minn 2 punti ogħla mill-medjan għall-karatteristika ta’ frott. Huwa dan li jagħti lill-“Σητεία Λασιθίου Κρήτης / Sitia Lasithiou Kritis” il-karattru bbilanċjat tiegħu. |
Il-kwalità speċifika tal-prodott u l-karatteristiċi organolettiċi huma derivati mill-kombinazzjoni tal-varjetà mkabbra, il-ħamrija u l-kundizzjonijiet klimatiċi speċifiċi u l-fattur uman, bi tradizzjoni twila ta’ dedikazzjoni għat-tkabbir taż-żebbuġ.
Il-varjetà ta’ żebbuġ imkabbra, Koroneiki, hija ideali għaż-żona ġeografika ddefinita peress li tħobb klimi xotti u sħan iżda hija sensittiva għall-kesħa.
Il-ħamrija u l-kundizzjonijiet klimatiċi taż-żona jaffettwaw b’mod sinifikanti l-karatteristika ta’ frott taż-żejt taż-żebbuġa. Huwa magħruf mil-letteratura li l-ħamrija tal-ġebla tal-ġir u s-sigħat twal ta’ xemx jgħinu jżidu l-konċentrazzjoni tal-kostitwenti aromatiċi fiż-żebbuġ, li jikkontribwixxu għall-karatteristika ta’ frott, li hija ogħla minn 3. Barra minn hekk, il-pajsaġġ semimuntanjuż taż-żona għandu effett pożittiv fuq il-kwalità, peress li ż-żejt prodott f’żoni bl-għoljiet huwa meqjus li huwa ta’ kwalità superjuri, u jżomm aħjar.
Il-fattur uman jinsab fl-esperjenza twila tal-produtturi taż-żejt taż-żebbuġa. Iż-żbir fiż-żona jinvolvi wkoll it-tneħħija ta’ ftit mit-tkabbir fix-xitwa jew fir-rebbiegħa qabel is-sena meta jkun mistenni ħsad kbir, biex jiġi evitat li s-siġar ikollhom il-frott b’mod alternat. Il-ħsad taż-żebbuġ meta jkun fl-istadju ta’ maturazzjoni eżatt, meta jkun qed jibdel il-kulur minn aħdar jagħti fl-isfar għal vjola li jixbah il-linka, biex ikollu l-ogħla kontenut possibbli ta’ żejt u biex iż-żejt ikun rikk fil-kostitwenti aromatiċi, jeħtieġ ukoll għarfien espert speċifiku. L-ipproċessar taż-żebbuġ f’temperaturi taħt is-27oC (estrazzjoni kiesħa), u l-ħażna taż-żejt taż-żebbuġa f’tankijiet xierqa, jippermettu li jinżammu l-karatteristiċi organolettiċi eċċellenti tal-frotta fiż-żejt. Il-koeffiċjent tal-estinzjoni Κ232 huwa baxx minħabba l-prattika tajba applikata meta jiġi pproċessat iż-żebbuġ (estrazzjoni kiesħa taż-żejt) u l-ħin qasir li jgħaddi bejn il-ħsad u t-tħin, li ma jaqbiżx it-48 siegħa. Iż-żebbuġ jiġi ttrasportat l-aktar fi xkejjer minsuġa b’mod mhux issikkat magħmula minn materjal li huwa tajjeb għal mal-ikel, iżda wkoll f’kaxex tal-plastik, biex jiġi żgurat li jkun hemm biżżejjed arja tiċċirkola biex jiġi evitat it-tkabbir tal-fungu, filwaqt li l-użu ta’ xkejjer tal-plastik huwa pprojbit.
Minħabba l-kwalità eċċezzjonali tiegħu, iż-żejt taż-żebbuġa “Σητεία Λασιθίου Κρήτης / Sitia Lasithiou Kritis” rebaħ diversi premji, kemm f’kompetizzjonijiet nazzjonali kif ukoll f’oħrajn internazzjonali, bl-akbar kisba tkun it-tliet premji fil-kompetizzjoni Mario Solinas organizzata mill-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott
(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)
http://www.minagric.gr/images/stories/docs/agrotis/POP-PGE/prodiagrafes_siteia_lasithiou160321.pdf