Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021XG0430(03)

    Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Aġenda Ġdida tal-Konsumatur 2021/C 154/05

    ST/6364/2021/INIT

    ĠU C 154, 30.4.2021, p. 6–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    30.4.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 154/6


    Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Aġenda Ġdida tal-Konsumatur

    (2021/C 154/05)

    FILWAQT LI JFAKKAR fil-qafas leġiżlattiv robust tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, li ilu fi żvilupp kostanti għal kważi ħamsin sena u li ta kontribut qawwi għall-integrazzjoni tas-suq uniku;

    FILWAQT LI JFAKKAR fir-riżoluzzjoni tal-Kunsill adottata fil-11 ta’ Ottubru 2012 (1) bi tweġiba għall-aġenda preċedenti l-“Aġenda Ewropea għall-Konsumatur: Spinta lill-fiduċja u lit-tkabbir” (2);

    FILWAQT LI JFAKKAR fil-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar:

    “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew” (3);

    “Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa” (4);

    “Pjan ta’ Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari ’Għal Ewropa aktar nadifa u kompetittiva’” (5);

    “L-identifikazzjoni u l-indirizzar tal-ostakli għas-Suq Uniku” (6);

    “Pjan ta’ azzjoni fit-tul għal implimentazzjoni u infurzar aħjar tar-regoli tas-suq uniku” (7);

    “Miżuri addizzjonali ta’ rispons għall-COVID-19” (8);

    FILWAQT LI JFAKKAR fil-konklużjonijiet tal-Kunsill adottati fis-17 ta’ Diċembru 2020 dwar “Nagħmlu l-Irkupru Ċirkolari u Ekoloġiku” (9);

    FILWAQT LI JFAKKAR fl-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli;

    FILWAQT LI JENFASIZZA li l-għanijiet tal-Pjan Ekoloġiku Ewropew għat-trasformazzjoni tal-UE f’soċjetà ġusta u għanja, b’ekonomija newtrali għall-klima, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, nadifa u ċirkolari jeħtieġu miżuri li jsaħħu l-pożizzjoni tal-konsumaturi u jappoġġawhom biex jaqdu rwol attiv fit-tranżizzjoni ekoloġika;

    FILWAQT LI JFAKKAR li l-pandemija tal-COVID-19, minbarra l-effetti tagħha mingħajr preċedent bħala kriżi tas-saħħa, ħalliet impatt sinifikanti fuq ħafna oqsma tal-ħajja tal-konsumaturi Ewropej;

    FILWAQT LI JFAKKAR fl-azzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jiżguraw li l-konsumaturi Ewropej jibqgħu jibbenefikaw mis-suq uniku u jkollhom id-drittijiet tagħhom infurzati kif xieraq sabiex jinkoraġġuhom jappoġġaw u jixprunaw l-irkupru ekonomiku;

    FILWAQT LI JFAKKAR fiż-żieda qawwija ta’ skemi b’ingann, tekniki ta’ kummerċjalizzazzjoni qarrieqa u frodi fil-bejgħ online, speċjalment matul il-pandemija tal-COVID-19, u fil-kooperazzjoni effikaċi u mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-infurzar u tal-ġustizzja nazzjonali rilevanti fil-ġlieda kontra prattiki diżonesti ta’ kummerċ;

    FILWAQT LI JFAKKAR fl-inizjattivi meħuda mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri biex jiżguraw li d-drittijiet tal-konsumaturi jkunu protetti wkoll fis-settur tal-ivvjaġġar fost it-tfixkil mifrux minħabba l-pandemija tal-COVID-19 (10);

    FILWAQT LI JENFASIZZA l-ħtieġa ta’ approċċ orizzontali għall-politika tal-protezzjoni tal-konsumatur, integrata ma’ politiki oħra tal-UE, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati rigward il-protezzjoni tal-konsumatur (11);

    FILWAQT LI JENFASIZZA li l-konsum privat jirrappreżenta aktar minn nofs tal-PDG tal-UE;

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    1.

    JILQA’ l-adozzjoni fit-13 ta’ Novembru 2020 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Aġenda tal-Konsumatur Ġdida: li ssaħħaħ ir-reżiljenza tal-konsumatur għall-irkupru sostenibbli” (“Aġenda Ġdida tal-Konsumatur”), li tirrappreżenta viżjoni għall-politika tal-UE għall-konsumatur mill-2020 sal-2025;

    2.

    JAPPOĠĠA l-oqsma ta’ prijorità u l-punti ta’ azzjoni ewlenija mmirati lejn id-definizzjoni u l-istabbiliment ta’ miżuri għal livell għoli u effettiv ta’ protezzjoni tal-konsumatur u tat-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-konsumaturi tal-UE fit-tranżizzjoni ekoloġika u f’dik diġitali;

    3.

    JISSOTTOLINJA t-tagħlimiet meħuda mill-pandemija tal-COVID-19 u l-importanza li jinżamm livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi anke fi żminijiet ta’ kriżi; JENFASIZZA l-importanza li l-effikaċja tal-mekkaniżmi eżistenti tiġi eżaminata u li dawk it-tagħlimiet jissarrfu f’politiki tal-konsumatur li jkunu ambizzjużi u komprensivi, fit-tul u fuq livell nazzjonali u tal-UE, sabiex jitħarsu l-interessi tal-konsumaturi fi kriżijiet fil-futur u tissaħħaħ ir-reżiljenza tagħhom;

    4.

    JAQBEL mal-għan li jiġi vvalutat l-impatt fit-tul tal-COVID-19 fuq ix-xejriet tal-konsum u tal-mobilità tal-persuni fl-UE bħala bażi għal inizjattivi ta’ politika futuri, sabiex jiżdiedu r-reżiljenza u l-istat ta’ tħejjija tal-UE għal theddid simili fil-futur; JILQA’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tuża l-prospettiva biex tantiċipa u tilqa’ aħjar għall-impatt ta’ kriżijiet futuri fuq il-konsumaturi;

    5.

    JAPPROVA l-approċċ olistiku għall-politika tal-konsumatur riflessa fl-Aġenda Ġdida tal-Konsumatur, u jisħaq fuq il-ħtieġa tal-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, li kienu essenzjali biex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-konsumaturi fil-prattika; JISĦAQ fuq il-ħtieġa li l-interessi tal-konsumaturi jiġu integrati fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-politiki settorjali; JAGĦRAF l-importanza ta’ approċċ imsejjes fuq l-imġiba meta jiġu stabbiliti l-azzjonijiet ta’ politika;

    6.

    JIRRIKONOXXI l-benefiċċji li jkun hemm politiki nazzjonali komprensivi tal-konsumatur li jaħdmu f’sinerġija mal-Aġenda Ġdida tal-Konsumatur, waqt li jżommu l-awtonomija tad-deċiżjonijiet nazzjonali, biex jikkontribwixxu għal suq uniku li jiffunzjona tajjeb; JISTIEDEN lill-Kummissjoni tappoġġa dawn is-sinerġiji;

    7.

    JENFASIZZA l-viżjoni politika li ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-konsumaturi u tinvolvihom fl-ekonomija ta’ wara l-pandemija billi tagħmilhom atturi ewlenin f’irkupru sostenibbli, biex b’hekk issaħħaħ il-kompetittività tal-ekonomija tal-UE u tas-suq uniku; JISSOTTOLINJA l-kontribut tal-politika tal-konsumatur għall-irkupru, li ssaħħaħ ir-rabta intrinsika bejn il-fiduċja tal-konsumaturi mat-tkabbir ekonomiku;

    8.

    IĦEĠĠEĠ lill-Istati Membri jappoġġaw lill-konsumaturi biex isiru atturi rilevanti fit-tranżizzjoni ekoloġika, filwaqt li jippromwovu l-produzzjoni u l-konsum sostenibbli, inkluż permezz tal-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi, li jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-kompetittività tal-UE u t-tmexxija globali, u billi l-konsumaturi jingħataw edukazzjoni u informazzjoni; JENFASIZZA li l-prodotti sostenibbli għandhom ikunu disponibbli, affordabbli u aċċessibbli għall-konsumaturi kollha;

    9.

    JISSOTTOLINJA l-ħtieġa li l-pożizzjoni tal-konsumaturi tissaħħaħ permezz ta’ informazzjoni mmirata, ċara, armonizzata u affidabbli dwar l-impatt ambjentali, pereżempju l-impronta tal-karbonju, u dwar il-karatteristiċi ċirkolari tal-prodotti, inkluż l-ikel, u tas-servizzi, billi tingħata preferenza lil informazzjoni f’disinn faċli għall-konsumaturi, waqt li tiġi evitata informazzjoni eċċessiva u piżijiet mhux raġonevoli fuq in-negozji; JILQA’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi miżuri biex tippromwovi l-konsum sostenibbli billi ttejjeb id-dritt tal-konsumaturi għal informazzjoni preċiża u effettiva, u biex tipproteġihom aħjar minn ċerti prattiki bħal asserzjonijiet ambjentali bla bażi jew fażulli;

    10.

    JENFASIZZA l-ħtieġa li l-impronta ekoloġika tal-konsumaturi tonqos billi jiġu promossi prodotti b’ħajja u b’durabbiltà itwal, manutenzjoni tajba, possibbiltà ta’ tiswija u riċiklaġġ, waqt li tiġi evitata l-obsolexxenza prematura, inkluż fir-rigward tas-software; JILQA’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tindirizza dawn il-kwistjonijiet fil-proposti leġiżlattivi rilevanti li ġejjin;

    11.

    JIRRIKONOXXI r-rwol tal-konsumaturi f’mudelli ġodda ta’ negozju li jistgħu jottimizzaw l-effiċjenza u s-sostenibbiltà tal-oġġetti u s-servizzi bħall-kondiviżjoni, il-kiri jew il-manifattura mill-ġdid tal-oġġetti, jew billi jingħataw bħala servizz jew oġġetti diġà użati, f’konformità mal-għanijiet ta’ ekonomija ċirkolari; JILQA’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ssaħħaħ id-“dritt għat-tiswija” sabiex il-prodotti jkunu jistgħu jissewwew b’mod aktar sistematiku u faċli, anke wara li tagħlaq il-garanzija, bi ħlas u fi żmien li jkunu t-tnejn li huma raġonevoli għall-konsumaturi;

    12.

    JENFASIZZA l-ħtieġa li jiġi żgurat ambjent diġitali affidabbli, sikur u ġust għall-konsumaturi permezz ta’ politiki adegwati, leġiżlazzjoni valida għall-futur, u kapaċitajiet u għodod ta’ infurzar, li jqisu l-isfidi li ġġib magħha l-era diġitali, jippermettu lill-innovazzjoni twassal għal oġġetti u servizzi aktar ekoloġiċi u sikuri, u jiżguraw livell ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-konsumatur online u offline;

    13.

    JAPPOĠĠA l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tirrieżamina d-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti (12) bil-ħsieb li jinħolqu kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għas-sigurtà ta’ prodotti online u offline billi jitjiebu s-sistemi ta’ sejħa lura ta’ prodotti mis-suq, tal-infurzar u tar-rintraċċabbiltà, sabiex jiġi żgurat li l-prodotti kollha introdotti fis-suq uniku jkunu sikuri;

    14.

    JENFASIZZA l-importanza li jiġi stabbilit qafas ċar tar-responsabbiltà u tal-obbligi għall-pjattaformi online, inkluż l-adozzjoni ta’ miżuri xierqa biex jiġu indirizzati b’mod effiċjenti prattiki kummerċjali frodulenti, inġusti u qarrieqa u l-bejgħ fuq pjattaformi online ta’ oġġetti u servizzi perikolużi u mhux konformi; f’dan ir-rigward, JILQA’ u JINKORAĠĠIXXI djalogu regolari bejn il-Kummissjoni u dawk il-pjattaformi;

    15.

    JISĦAQ fuq il-ħtieġa tal-konsistenza u ta’ interazzjoni ċara bejn id-dritt tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u d-dritt tal-UE dwar is-swieq diġitali, partikolarment b’kont meħud tal-Att propost dwar is-Servizzi Diġitali (13) u l-Att dwar is-Swieq Diġitali (14), sabiex jiġi stabbilit livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur fir-rigward tad-drittijiet tal-konsumatur, l-aċċess għall-oġġetti u servizzi, inkluż ambjent diġitali transfruntier, trasparenti, responsabbli u sikur, u biex tiġi ċċarata u msaħħa r-responsabbiltà merfugħa mill-intermedjarji online, speċjalment il-pjattaformi online;

    16.

    JINKORAĠĠIXXI r-rieżami tal-linji gwida dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali (15) u d-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur (16) bil-ħsieb li l-applikazzjoni tagħhom tiġi ċċarata għal prattiki kummerċjali ġodda, partikolarment fl-ekonomija diġitali u l-media soċjali; JILQA’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tuża sett ta’ għodod elettroniċi innovattivi, li għandhom jappoġġaw il-korpi rilevanti, bħall-awtoritajiet nazzjonali u l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, biex jiġu identifikati prattiki kummerċjali online illegali;

    17.

    JAPPOĠĠA BIL-QAWWA l-approċċ tal-Kummissjoni li tindirizza ħtiġijiet speċifiċi tal-konsumaturi, b’kont meħud tal-vulnerabbiltajiet tal-konsumaturi, biex jiġi żgurat li ħadd ma jitħalla lura; JISSOTTOLINJA l-ħtieġa tal-promozzjoni ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni inklużivi u servizzi ta’ pariri lokali biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumaturi online u offline; JENFASIZZA l-importanza li jiġu appoġġati s-servizzi ta’ pariri dwar id-dejn u l-konsulenza finanzjarja preventiva kif ukoll li jiġu kkunsidrati mekkaniżmi ta’ salvataġġ;

    18.

    JISSOTTOLINJA li t-trasformazzjoni dinamika u rapida tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur, li qed tagħmel kanali u prodotti diġitali ġodda disponibbli għall-konsumaturi, teħtieġ approċċi leġiżlattivi u msejsa fuq l-imġiba biex jiġu protetti l-interessi tal-konsumaturi; JISĦAQ fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumaturi vulnerabbli li jeħtieġu l-kreditu biex jixtru oġġetti u servizzi essenzjali, bħas-servizzi tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-utilitajiet;

    19.

    JAPPOĠĠA l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tirrevedi d-Direttiva dwar il-Kreditu għall-Konsumatur (17) u d-Direttiva dwar it-Tqegħid fis-Suq b’Distanza ta’ Servizzi Finanzjarji ta’ Konsumaturi (18), b’mod partikolari bil-għan li tissaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumaturi billi jiġu implimentati miżuri speċifiċi li jipprevjenu l-miżinformazzjoni lill-konsumaturi, id-dejn eċċessiv u l-esklużjoni soċjali, pereżempju billi jiġu ċċarati r-rekwiżiti dwar l-affidabbiltà kreditizja; IĦEĠĠEĠ lill-Kummissjoni teżamina kif tista’ tipproteġi lill-konsumaturi milli jispiċċaw f’dejn eċċessiv meta jinvolvu ruħhom f’ċerti tipi ta’ self; JENFASIZZA l-ħtieġa li l-konsumaturi jirċievu informazzjoni prekuntrattwali ċara, meħtieġa u xierqa biex jagħmlu għażliet infurmati, waqt li tkun evitata informazzjoni eċċessiva;

    20.

    JENFASIZZA li flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali, is-soċjetà ċivili, b’mod partikolari l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u r-rappreżentanti tan-negozji, taqdi rwol sinifikanti fit-tfassil tal-politika dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, bil-mira tkun relazzjoni ta’ benefiċċju reċiproku b’mod partikolari fir-rigward tat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, u li tiġi żgurata parteċipazzjoni usa’ fil-formulazzjoni u l-implimentazzjoni tal-protezzjoni tal-konsumatur fil-livell tal-UE u dak nazzjonali; JISĦAQ fuq il-ħtieġa li jintuża l-potenzjal sħiħ tal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi sabiex jiġu protetti aħjar l-interessi kollettivi tal-konsumaturi u jiġu miġġielda r-riskji mifruxa tad-detriment għall-konsumatur;

    21.

    JENFASIZZA l-importanza ta’ reġim effikaċi ta’ kooperazzjoni fl-infurzar u ta’ mekkaniżmi xierqa ta’ rimedju li jippermetti lill-konsumaturi jagħmlu tranżazzjonijiet fis-suq uniku, inkluż dawk transfruntiera, mingħajr ostakli u b’fiduċja;

    22.

    JAPPELLA għal involviment attiv tan-Network ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur (19), għal mekkaniżmi alternattivi effiċjenti għas-soluzzjoni ta’ tilwim, fosthom il-pjattaforma għas-soluzzjoni online għat-tilwim, u biex ikompli l-appoġġ għan-Network taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi;

    23.

    JAPPELLA għal infurzar sod u effikaċi tar-regoli tal-UE tal-protezzjoni tal-konsumaturi, biex il-fiduċja tal-konsumaturi tiġi żgurata billi jiġu indirizzati diversi prattiki diskriminatorji li jxekklu l-għażla u l-aċċess tal-konsumaturi għall-oġġetti u s-servizzi;

    24.

    JAPPELLA għall-implimentazzjoni tajba tar-regoli reċenti tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi, bħad-Direttiva dwar il-Bejgħ ta’ Oġġetti (20), id-Direttiva dwar Kuntratti Diġitali (21), id-Direttiva dwar Infurzar Aħjar u l-Immodernizzar (22) u d-Direttiva dwar Azzjonijiet Rappreżentattivi (23), li ser jikkontribwixxu għall-funzjonament tajjeb tas-suq uniku;

    25.

    JAPPELLA għall-iżvilupp ta’ kooperazzjoni effikaċi ma’ pajjiżi terzi bil-ħsieb li jiġi żgurat it-tqegħid sikur tal-prodotti fis-suq uniku u li l-konsumaturi jiksbu aċċess għal prodotti sikuri mibjugħa online u offline;

    26.

    JAPPELLA lill-Kummissjoni biex tressaq proposti speċifiċi dwar l-intelliġenza artifiċjali li jimxu fuq approċċ proporzjonat ibbażat fuq ir-riskji, u tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, immirata lejn it-trasparenza, ir-responsabbiltà, l-intelliġibbiltà u l-verifikabbiltà kif ukoll is-sikurezza; JITLOB mekkaniżmi li jiżguraw l-infurzar effiċjenti mill-awtoritajiet kompetenti, kif ukoll miżuri xierqa dwar l-użu sigur, affidabbli u etiku ta’ sistemi ta’ algoritmi, b’kont meħud tal-istrateġiji nazzjonali; JAPPOĠĠA lill-Kummissjoni, f’dan il-kuntest partikolari, li tiffoka fuq id-drittijiet fundamentali, bħan-nondiskriminazzjoni;

    27.

    JAPPELLA għall-kooperazzjoni wiesgħa u effiċjenti bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-partijiet kollha kkonċernati mill-politika tal-konsumatur, inkluż is-soċjetà ċivili, u bejn l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi nazzjonali u Ewropej u l-Kummissjoni; JIKKONFERMA r-rwol kruċjali tal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u l-kompiti essenzjali tagħhom ta’ konsulenza, appoġġ u promozzjoni tal-ħtiġijiet speċifiċi tal-konsumaturi u fid-difiża tal-interessi tagħhom, inkluż permezz tal-proċess ta’ standardizzazzjoni, sabiex ikun hemm ekonomija soċjali tas-suq aktar bilanċjata;

    28.

    JAPPOĠĠA l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi sistema ġdida ta’ governanza għat-tmexxija tal-implimentazzjoni tal-Aġenda Ġdida tal-Konsumatur billi tinvolvi l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati rilevanti l-oħra kollha f’ċiklu annwali; JILQA’ l-ħolqien ta’ grupp konsultattiv ġdid dwar il-politika tal-konsumatur li jlaqqa’ s-soċjetà ċivili, inkluż l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, l-industrija u l-akkademja; JISTENNA B’INTERESS it-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Kundizzjonijiet tal-Konsumatur il-ġdida għall-2021, li ser tiżgura governanza aħjar għall-Aġenda Ġdida tal-Konsumatur;

    29.

    JIRRIKONOXXI l-ħtieġa li jiġu allokati r-riżorsi meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Aġenda Ġdida tal-Konsumatur u l-politiki nazzjonali tal-konsumatur, preċiżament permezz tal-Programm għas-suq uniku, partikolarment l-għan għall-konsumaturi tiegħu;

    30.

    JISTIEDEN lill-partijiet kollha jikkooperaw b’mod effiċjenti biex jiżguraw l-implimentazzjoni rapida u l-monitoraġġ effettiv tal-Aġenda Ġdida tal-Konsumatur u, fejn xieraq, jirriflettu regolarment dwar kif jaġġustawha għal ċirkostanzi u ħtiġijiet ġodda.


    (1)  Dokument 14464/12.

    (2)  Dokument 10420/12 + ADD 1.

    (3)  Dokument 15051/19 + ADD 1.

    (4)  Dokument 6237/20.

    (5)  Dokument 6766/20 + ADD 1.

    (6)  Dokument 6779/20.

    (7)  Dokument 6778/20.

    (8)  Dokument 12636/20.

    (9)  Dokument 13852/20.

    (10)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/648 tat-13 ta’ Mejju 2020 dwar vouchers offruti lill-passiġġieri u lill-vjaġġaturi bħala alternattiva għar-rimborż ta’ pakketti tal-ivvjaġġar u servizzi tat-trasport ikkanċellati fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 151, 14.5.2020, p. 10).

    (11)  B’mod partikolari, it-Titolu XV tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (Protezzjoni tal-Konsumatur).

    (12)  Direttiva 2001/95.

    (13)  Dokument 14124/20 + ADD 1 - 3 + REV 1.

    (14)  Dokument 14172/20 + ADD 1 - 4.

    (15)  Direttiva 2005/29.

    (16)  Direttiva 2011/83.

    (17)  Direttiva 2008/48.

    (18)  Direttiva 2002/65.

    (19)  Stabbilit bir-Regolament (UE) 2017/2394.

    (20)  Direttiva 2019/771.

    (21)  Direttiva 2019/770.

    (22)  Direttiva 2019/2161.

    (23)  Direttiva 2020/1828.


    Top