EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CN0019

Kawża C-19/21: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-rechtbank Den Haag zittingsplaats Haarlem (il-Pajjiżi l-Baxxi) fit-13 ta’ Jannar 2021 – I, S vs Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

ĠU C 128, 12.4.2021, p. 14–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 128/14


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-rechtbank Den Haag zittingsplaats Haarlem (il-Pajjiżi l-Baxxi) fit-13 ta’ Jannar 2021 – I, S vs Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

(Kawża C-19/21)

(2021/C 128/20)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Rechtbank Den Haag zittingsplaats Haarlem

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: I, S

Konvenut: Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin”) (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jeżiġi li l-Istat Membru mitlub, flimkien jew le mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), jagħti lill-applikant li jirrisjedi fl-Istat Membru rikjedenti u li jixtieq jiġi ttrasferit skont l-Artikolu 8 (jew skont l-Artikolu 9 jew 10) tar-Regolament Dublin, jew inkella lill-membru tal-familja tal-applikant li hemm riferiment għalih fl-Artikolu 8, 9 jew 10 tar-Regolament Dublin, rimedju ġudizzjarju effettiv quddiem qorti kontra ċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal teħid ta’ inkarigu?

2)

Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv u l-Artikolu 27 tar-Regolament Dublin ma jistax iservi bħala bażi għal rimedju effettiv, l-Artikolu 47 tal-Karta, moqri flimkien mad-dritt fundamentali għall-unità tal-familja u għall-interess tal-wild (kif stabbiliti fl-Artikoli 8 sa 10 u fil-premessa 19 tar-Regolament Dublin), għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi li l-Istat Membru mitlub jagħti lill-applikant li jirrisjedi fl-Istat Membru rikjedenti u li jixtieq jiġi ttrasferit skont l-Artikoli 8 sa 10 tar-Regolament Dublin, jew inkella lill-membru tal-familja tal-applikant li hemm riferiment għalih fl-Artikoli 8 sa 10 tar-Regolament Dublin, rimedju ġudizzjarju effettiv quddiem qorti kontra ċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal teħid ta’ inkarigu?

3)

Jekk l-ewwel domanda jew it-tieni domanda (it-tieni parti) jingħataw risposta fl-affermattiv, b’liema mod u minn liema Stat Membru d-deċiżjoni ta’ rifjut tal-Istat mitlub u d-dritt li jiġi ppreżentat rikors kontra din għandhom jiġu mgħarrfa lill-applikant jew lill-membru tal-familja tal-applikant?


(1)  ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50.


Top